EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0147

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-21 ta’ April 2016.
Città Metropolitana di Bari, li qabel kienet Provincia di Bari vs Edilizia Mastrodonato Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-ambjent — Immaniġġar ta’ skart — Direttiva 2006/21/KE — Artikolu 10(2) — Radam ta’ spazji vojta ta’ tħaffir bi skart minbarra l-iskart ta’ estrazzjoni — Rimi f’landfill jew irkupru tal-imsemmi skart.
Kawża C-147/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:292

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-21 ta’ April 2016 ( 1 )

Affaire C‑147/15

Provincia di Bari

contre

Edilizia Mastrodonato srl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]

“Direttiva 2006/21/KE — Skart mill-industrija tal-estrazzjoni — Direttiva 1999/31/KE — Landfills — Radam bi skart ta’ barriera li tintużax — Irkupru tal-iskart”

I – Introduzzjoni

1.

Ir-Reġjun Taljan ta’ Puglia kontinwament iressaq kwistjonijiet ambjentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: Kif għandhom jiġu evalwati, fid-dawl tad-Direttiva “Habitats” ( 2 ), ċerti deċiżjonijiet ( 3 ) ta’ muniċipalità? Din id-direttiva tipprojbixxi l-bini ta’ turbini tar-riħ f’żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar? ( 4 ) U f’dan ir-reġjun kien hemm landfill illegali jew le? ( 5 ) Dawn huma biss ftit eżempji ta’ proċeduri ambjentali li oriġinaw minn dan ir-reġjun.

2.

Jista’ jkun li dawn il-każijiet taw kontribut sabiex tissaħħaħ il-konoxxenza tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-problema, b’mod li jsegwu kritikament il-pjanijiet għar-radam bl-iskart ta’ barriera li ma għadhiex tintuża. Huma għandhom fehma differenti mill-operatur ta’ dan il-proġett dwar jekk japplikawx ir-regoli rigorużi tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-landfills”) ( 6 ) jew id-dritt tal-iskart ġenerali biss.

3.

Il-kawża hija bbażata fuq il-fatt li d-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni ( 7 ) tirreferi għad-Direttiva dwar il-landfills għar-radam bl-iskart ta’ spazji vojta tal-iskavar. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk dan huwiex riferiment għal bażi legali jew għal konsegwenza legali, jiġifieri jekk għandhomx ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills jew jekk il-konsegwenzi legali tagħha humiex applikabbli għar-radam mingħajr l-ebda eżami ieħor. Din il-kwistjoni hija influwenzata minn numru ta’ differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tar-riferiment.

4.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiffoka b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-radam ta’ barriera bl-iskart huwiex operazzjoni tal-irkupru tal-iskart jew operazzjoni ta’ rimi tal-iskart u taħt liema kundizzjonijiet.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni jirregola s-suġġett tagħha:

“Din id-Direttiva tipprevedi miżuri, proċeduri u gwida għall-prevenzjoni u t-tnaqqis sa fejn hu possibli ta’ kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna, il-flora u l-pajsaġġ, u kwalunkwe riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw, ikkawżati b’riżultat ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni.”

6.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni jinsab fl-Artikolu 2:

“(1)   Bla ħsara għal paragrafi 2 u 3, din id-Direttiva tkopri l-immaniġġar ta’ skart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u l-qtugħ tal-barrieri, minn issa ’l quddiem ‘skart ta’ estrazzjoni’.

[…]

(4)   Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, l-iskart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’ għandux ikun soġġett għad-Direttiva [dwar il-landfills].”

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni jirregola r-radam ta’ spazji vojta tal-iskavar u f’dan il-kuntest jirreferi għad-Direttiva dwar il-landfills:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-operatur ikun qed jitfa’ l-iskart ta’ l-estrazzjoni lura fl-ispazji imħaffra għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni u kostruzzjoni, kemm jekk saru permezz ta’ estrazzjoni minn fuq wiċċ l-art kif ukoll minn taħt l-art, dan għandu jieħu miżuri xierqa sabiex […]

(2)   Id-Direttiva [dwar il-landfills] għandha tibqa’ tapplika għall-iskart barra minn skart ta’ estrazzjoni użat għall-mili ta’ spazji imħaffra kif xieraq.”

8.

Il-premessa 20 tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni tispjega din id-dispożizzjoni kif ġej:

“Skart li jitpoġġa lura fl-spazji vojta ta’ l-iskavar jew għar-riabilitazzjoni tiegħu jew għall-finijiet ta’ bini relatat mal-proċess ta’ estrazzjoni ta’ minerali, bħall-bini jew iż-żamma fi spazji vojta ta’ mezzi ta’ aċċess għal makkinarju, rampi għat-trasport ta’ oġġetti, paratijiet, barrikati jew berms ta’ sigurtà, jeħtieġ ukoll li jkun soġġett għal ċerti rekwiżiti sabiex jiġi protett l-ilma tal-wiċċ u ta’ l-art, tiġi assigurata l-istabbilità ta’ tali skart, u jiġi żgurat il-monitoraġġ xieraq meta jieqfu tali attivitajiet. Għaldaqstant, tali skart m’għandux ikun soġġett għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li jirrelataw b’mod esklussiv ma’ ‘faċilitajiet ta’ l-iskart’, ħlief għar-rekwiżiti msemmija fid-dispożizzjoni speċifika dwar spazji vojta ta’ l-iskavar.”

B – Id-Direttiva dwar il-landfills

9.

Il-premessa 15 tad-Direttiva dwar il-landfills tindirizza l-użu tal-iskart għall-mili.

“Billi l-irkupru, bi qbil mad-Direttiva 75/442/KEE, ta’ skart qiegħed [inerti] jew mhux perikoluż li huwa xieraq, permezz l-użu tagħhom fix-xogħol ta’ żvilupp mill-ġdid/restorazjoni u l-mili, jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni jistgħu ma jikkostitwux attività ta’ rimi f’ terraferma [landfill].”

10.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-landfills jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “terraferma [landfill]” u “trattament”:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

e)

‘skart inerti’ ifisser skart li ma jkunx soġġett għal xi trasformazzjoni sinifikanti fisika, kimika jew bijoloġika. Skart inerti ma jdubx, ma jinħaraqx jew inkella ma jirreaġixxix fiżikament jew kimikament, ma jkunx bijodegradabbli jew jaffetwa ħażin materjal ieħor li jiġi f’kuntatt miegħu b’mod li x’aktarx joħloq tniġġiż lill-ambjent jew jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem. L-estrazzjoni bl-ilma totali u kontenut ta’ tniġġiż ta’ l-iskart u l-ekotossiċiá ta’ l-estrazzjoni bl-ilma trid tkun insinifikanti, u partikolarment ma ġġibx fil-periklu l-kwalitá ta’ l-ilma tal-wiċċ u/jew l-ilma tal-qiegħ;

[…]

g)

‘terraferma [landfill]’ tfisser sit ta’ rifjut ta’ skart għal depożitu ta’ l-iskart fuq jew fl-art (per eżempju taħt l-art), inkluż

siti ta’ rifjut intern (pereżempju terraferma fejn dak li jipproduċi l-iskart ikun qed jarmi l-iskart tiegħu fil-post tal-produzzjoni), u

sit permanenti (pereżempju ta’ aktar minn sena) li jintuża għal ħażna temporanja ta’ skart,

iżda jeskludi:

faċilitajiet fejn iħottu l-iskart sabiex tkun tista’ ssir il-preparazzjoni għalih għal aktar trasport għal irkupru, trattament jew rimi f’post ieħor, u

ħażna ta’ skart qabel l-irkupru jew trattament għal perjodu ta’ inqas minn tlett snin bħala regola ġenerali, jew

ħażna ta’ skart qabel ir-rimi għal perjodu ta’ inqas minn sena;

h)

‘trattament’ ifisser il-proċess fiżiku, termali, kimiku jew bijoloġiku, inkluża l-għażla, li tbiddel il-karatteristiċi ta’ l-iskart sabiex jitnaqqas il-volum ta’ natura perikoluża, jitħaffef il-maniġġar tiegħu jew jitkabbar l-irkuprar;

[…]”

11.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills huwa rregolat fl-Artikolu 3:

“(1)   L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal kull terraferma [landfill] kif imsemmi fl-Artikolu 2(g).

(2)   mingħajr preġudizzju għall-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, dan li ġej irid jiġi eskluż mill-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

l-użu ta’ skart qiegħed [inerti] li huwa adattat, fix-xogħol ta’ żvilupp mill-ġdid/restorazzjoni tal-mili, jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni, fit-terraferma,

[…]”

12.

Skont l-Artikolu 6(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskart ittrattat biss jintrema’ fil-landfill:

“skart li ġie soġġett għat-trattament biss ikun mitfugħ fit-terraferma [landfill]. Din id-dispożizzjoni tistgħa ma tapplikax għal […]”

C – Id-Direttiva dwar l-iskart

13.

Il-bażi tad-dritt tal-iskart tal-Unjoni huwa stabbilit fid-Direttiva dwar l-iskart ( 8 ). Din issostitwixxiet il-verżjoni kkonsolidata ( 9 ) tad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti ( 10 ), li fuqha hija bbażata l-biċċa l-kbira tal-ġurisprudenza eżistenti, b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010 (Artikolu 41).

14.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart jiddefinixxi diversi kunċetti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

15.

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

[…]

19.

‘rimi’ tfisser kull operazzjoni li mhijiex irkupru anki meta l-operazzjoni għandha bħala konsegwenza sekondarja r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija. L-Anness I fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rimi;

[…]”

D – Id-Deċiżjoni 2011/753/UE

15.

Id-Deċiżjoni 2011/753/UE ( 11 ) għandha bħala għan il-kontribuzzjoni tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar l-iskart, li skontha l-Istati Membri għandhom, sal-2020, jilħqu ċerti kwoti minimi fil-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għal irkupru ieħor ta’ materjali (inkluż ir-radam, fejn l-iskart jintuża bħala sostitut għal materjali oħra). Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ radam:

“B’żieda mad-definizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar l-iskart], id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

[…]

6.

‘mili bir-radam’ ifisser operazzjoni ta’ rkupru li fiha jintuża skart adattat minflok materjali li mhumiex skart għall-fini ta’ riklamazzjoni f’żoni skavati jew għall-fini ta’ xogħlijiet ta’ inġinerija fil-pajsaġġ.”

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

16.

Fis-16 ta’ Marzu 2010, il-kumpannija b’responsabbiltà limitata Edilizia Mastrodonato s.r.l. [iktar ’il quddiem “Edilizia Mastrodonato”] ressqet applikazzjoni għall-“estensjoni” ta’ barriera, li b’mod partikolari kienet tinkludi pjan għar-riabilitazzjoni ambjentali tas-siti kkonċernati mill-attività tat-tħaffir inkwistjoni.

17.

Dan l-imsemmi pjan kien jipprevedi b’mod partikolari li l-iskavar tas-siti li kienu għadhom ma tħaffrux kellu jsir flimkien mar-riabilitazzjoni ambjentali tas-siti li diġà kienu tħaffru. Ir-riabilitazzjoni kellha ssir fuq perijodu ta’ għoxrin sena, permezz tal-użu gradwali ta’ ċertu skart għajr skart ta’ estrazzjoni b’volum totali ta’ 1200000 metri kubi. Kellu jintuża skart mhux perikoluż fis-sens tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Frar 1998. Il-perijodu tar-riabilitazzjoni ambjentali kellu jikkoinċidi mal-perijodu ta’ validità tal-approvazzjoni mitluba għat-tħaffir ta’ żoni oħra tal-art.

18.

Wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) informaha li rapport tekniku ta’ Mastrodonato Edilizia kien jipprevedi l-użu ta’ diversi tipi ta’ skart. Dan l-iskart kien jinkludi, fost oħrajn, gagazza mill-manifattura tal-azzar, skart ta’ briks, ġibs u konkrit, ġibs mill-industrija tal-kimika kif ukoll ħafna skart ieħor abbażi tal-ġebel jew tal-ġir.

19.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ambjentali kompetenti tad‑19 ta’ Jannar 2011, ġiet ipprorogata l-opinjoni pożittiva dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li kienet ingħatat minn din l-awtorità lil Edilizia Mastrodonato fis-sena 2007.

20.

Fil-21 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet tal-minjieri approvaw l-estensjoni tal-barriera bil-kundizzjoni espressa li “r-riabilitazzjoni ambjentali tas-siti ta’ tħaffir inkwistjoni” titwettaq “skont il-kundizzjonijiet previsti fil-pjan”.

21.

Sussegwentement, Edilizia Mastrodonato tat bidu għal proċedura ssemplifikata sabiex tibda bir-riabilitazzjoni ambjentali. Madankollu, awtorità tal-provinċja ta’ Bari ordnat it-tħassir ta’ din il-proċedura permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2012, liema ordni ġiet ikkontestata fl-ewwel istanza.

22.

Minn dakinhar lil hawn, it-tilwima bejn il-partijiet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-radam għandux jitqies bħala landfill tal-iskart fis-sens tad-Direttiva dwar il-landfills u konsegwentement, jekk għandux jiġi suġġett għal kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni korrispondenti.

23.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) għamel id-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ mili ta’ miżbla [radam ta’ landfill] – fil-każ ta’ użu ta’ skart li ma huwiex ġej minn estrazzjoni – għandha dejjem tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tad-Direttiva dwar il-landfills, anki fil-każ li ma hemmx operazzjonijiet ta’ rimi ta’ skart, iżda ta’ rkupru?”

24.

Minbarra Edilizia Mastrodonato, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea wkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-provinċja ta’ Bari, l-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2016.

IV – Analiżi legali

25.

Għalkemm il-kunsill tal-istat Taljan iressaq domanda dwar ir-radam ta’ landfill, mill-kuntest tal-kawża prinċipali jirriżulta li fir-realtà d-domanda effettivament tikkonċerna r-radam ta’ barriera. Id-domanda tiegħu hija intiża sabiex jiġi kkjarifikat jekk dan ir-radam jaqax taħt id-Direttiva dwar l-landfills, peress li f’dan il-każ ma hijiex applikabbli l-proċedura ssemplifikata mibdija minn Edilizia Mastrodonato.

26.

Sabiex dan jiġi kkjarifikat, għandha tingħata risposta għal tliet punti, jiġifieri:

l-ewwel nett, jekk id-Direttiva dwar il-landfills tapplikax dejjem għar-radam ta’ barriera bi skart skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni,

it-tieni nett, jekk id-Direttiva dwar l-landfills hijiex applikabbli biss għal proċeduri tar-rimi ta’ skart jew ukoll għal proċeduri tal-irkupru ta’ skart, u

it-tielet nett, jekk ir-radam ta’ barriera bi skart għandux jitqies bħala r-rimi jew l-irkupru tiegħu skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.

A – Fuq l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni

27.

Id-domanda dwar jekk ir-radam ta’ barriera bi skart li ma huwiex ġej minn estrazzjoni skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni jaqax dejjem taħt id-Direttiva dwar il-landfills tidher sorprendenti b’referenza għall-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 10(2), iżda hija evidenti b’referenza għall-verżjoni Taljana ta’ din id-dispożizzjoni.

28.

Skont il-verżjoni Ġermaniża, id-Direttiva dwar il-landfills tapplika skont il-każ (gegebenenfalls) ukoll għal skart li ma huwiex ġej minn estrazzjoni li jintuża għar-radam ta’ spazji vojta tal-iskavar . L-użu tal-kelma “gegebenenfalls” jeskludi s-sitwazzjoni fejn id-Direttiva dwar il-landfills tapplika dejjem. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha jridu jkunu ssodisfatti. Il-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni hija fformulata b’mod simili u tipprovdi li d-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] hija applikabbli biss, skont il-każ (“as appropriate”) ( 12 ).

29.

Għall-kuntrarju, kemm il-verżjoni Taljana kif ukoll pereżempju l-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni ma jinkludux kwalifiki paragunabbli ( 13 ). Dan jista’ jinftiehem fis-sens li d-Direttiva dwar il-landfills dejjem tapplika għal skart li ma joriġinax mill-estrazzjoni li jintuża għar-radam ta’ spazji vojta tal-iskavar.

30.

Għaldaqstant, peress li hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi li din għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 14 ). Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-oriġini ta’ dispożizzjoni, sa fejn din tindika r-rieda vera tal-awtur tagħha ( 15 ).

31.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni jinkludu indikazzjoni li tikkontradixxi l-applikazzjoni awtomatika tad-Direttiva dwar il-landfills. Dan għaliex il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jipprovdu li d-Direttiva dwar il-landfills “tibqa’” applikabbli. Dan jindika li applikabbiltà preċedenti ta’ din id-Direttiva hija neċessarja, u dan jimplika li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti f’punt preċedenti.

32.

Huwa minnu li l-proposta tal-Kummissjoni ( 16 ) diġà kienet tinkludi r-regoli tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni għar-radam ta’ spazji vojta tal-iskavar, iżda ma kinitx tinkludi riferiment għall-Artikolu 10(2) għad-Direttiva dwar il-landfills. Dan ġie propost mill-Parlament ( 17 ) u adottat mill-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni ( 18 ). Il-kwalifika “gegebenenfalls” kienet għadha ma hijiex inkluża fil-proposta għal emenda tal-Parlament, iżda kienet tinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi tal-Pożizzjoni Komuni, u l-imsemmija kwalifika ġiet riprodotta wkoll fil-verżjoni finali.

33.

Għaldaqstant, l-oriġini tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni ma tikkostitwixxi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi dedott li r-riferiment għad-Direttiva dwar il-landfills għandu jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Huwa iktar adatt li din titqies bħala kjarifika li r-regoli tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni dwar ir-radam tal-ispazji vojta tal-iskavar ma jeskludux l-applikazzjoni kontinwa tad-Direttiva dwar il-landfills għall-iskart li ma joriġinax mill-estrazzjoni.

34.

Dan jikkorrispondi wkoll mas-sistema regolatorja u mal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni. Skont l-Artikoli 1 u 2 tagħha, din tirregola l-immaniġġar tal-iskart mill-industrija ta’ estrazzjoni, li fid-Direttiva huwa ddefinit bħala skart ta’ estrazzjoni. L-Artikolu 20(2) għall-kuntrarju jikkonċerna biss l-iskart li ma joriġinax mill-estrazzjoni. Għaldaqstant, ikun kontradittorju jekk id-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija ta’ estrazzjoni testendi, f’ċertu sens inċidentalment, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra dwar l-iskart.

35.

Għaldaqstant, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li r-radam ta’ barriera bi skart li ma joriġinax mill-estrazzjoni jaqa’ biss taħt id-dispożizzjonijiet dwar l-iskart inklużi fid-Direttiva dwar il-landfills, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tal-aħħar.

B – Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills

36.

It-tieni punt tal-kunsill tal-istat Taljan jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills, b’mod partikolari jekk din tapplikax biss għar-rimi tal-iskart jew jekk tkoprix ukoll ċerti operazzjonijiet ta’ rkupru.

37.

Id-distinzjoni bejn ir-rimi u l-irkupru tal-iskart hija ta’ importanza ċentrali fid-dritt tal-Unjoni dwar l-iskart. Fil-ġerarkija tal-iskart tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, ir-rimi jinsab fl-aħħar post, u b’hekk huwa l-agħar għażla, filwaqt li l-irkupru jinsab qabel tal-aħħar. Għaldaqstant, fil-prinċipju, dan għandu jingħata preferenza fuq ir-rimi. Dan peress li l-irkupru, skont il-punt 15 tal-Artikolu 3, jitqies li huwa użu utli tal-iskart, peress li jissostitwixxi materjali oħra li nkella kienu jintużaw għal funzjoni partikolari ( 19 ).

38.

Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva dwar il-landfills tapplika għal-landfills kollha. Fl-Artikolu 2(g), dawn huma ddefiniti bħala siti ta’ rifjut ta’ skart għad-depożitu ta’ skart fuq jew taħt l-art.

39.

Għaldaqstant, l-irkupru ta’ skart permezz ta’ depożitu ta’ skart fuq jew taħt l-art ma huwiex kopert mid-Direttiva dwar il-landfills u l-partijiet qablu dwar dan il-punt.

40.

Madankollu, id-Direttiva dwar il-landfills tinkludi wkoll ċerti siltiet ambigwi li jqajmu dubju dwar jekk din tapplikax esklużivament għar-rimi tal-iskart, bħal pereżempju l-premessa 15, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 6(a).

41.

Il-premessa 15 tad-Direttiva dwar il-landfills tipprovdi li l-irkupru ta’ skart inerti ( 20 ) jew ta’ skart mhux perikoluż adatt għall-użu fl-iżvilupp mill-ġdid/fir-restorazzjoni u fir-radam jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni mhux neċessarjament jikkostitwixxi rimi. Skont din il-premessa, l-interpretazzjoni letterali ta’ dan it-tip ta’ rkupru tista, mill-inqas fil-verżjonijiet lingwistiċi bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Olandiż jew bil-Franċiż, possibbilment timplika li dan huwa wkoll rimi. Għall-kuntrarju, il-verżjoni Taljana ta’ din il-premessa teskludi kategorikament l-imsemmi użu tal-iskart mir-rimi (“non può costituire un’attività riguardante le discariche”).

42.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-landfills jirriproduċi dan il-kunċett u jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-użu ta’ skart inerti adatt għall-iżvilupp mill-ġdid/għar-restorazzjoni u għar-radam jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni, f’landfills. Tali eċċezzjoni hija neċessarja biss jekk dan l-użu tal-iskart ikun, fin-nuqqas ta’ tali eċċezzjoni, jaqa’ taħt id-Direttiva dwar il-landfills.

43.

L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva dwar il-landfills ukoll għandu jissemma’ f’dan il-kuntest. Skont l-ewwel sentenza tiegħu, għandu jintrema biss skart li ġie pproċessat. L-ipproċessar ta’ skart skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(h) jinvolvi diversi operazzjonijiet li, inter alia, huma intiżi sabiex “ikabbru” l-irkupru. Dan ukoll jindika li r-rimi jista’ jkun irkupru.

44.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprovdi l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills għall-irkupru tal-iskart. Barra minn hekk, ma hija evidenti ebda regola f’dan is-sens. Konsegwentement, għandu jiġi preżunt li dawn huma biss dispożizzjonijiet ifformulati b’mod ambigwu dovuti għall-fatt li kien biss wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet sa liema punt id-depożitu tal-iskart jista’ jikkostitwixxi rkupru ( 21 ).

45.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-ambjent ma jkunx protett b’mod suffiċjenti li kieku r-radam ta’ barriera kellu jitqies bħala rkupru. Huwa veru li f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet stretti u metikolużi tad-Direttiva dwar il-landfills ma jkunux applikabbli, iżda fil-prinċipju, ir-rekwiżiti ġenerali tad-dritt tal-iskart, speċjalment l-obbligu taħt l-Artikoli 1 u 13 tad-Direttiva dwar l-iskart li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, ser ikomplu japplikaw għall-irkupru tal-iskart. Il-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu ma huwiex irregolat fid-dettall, iżda l-Istati Membri huma marbuta fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, għalkemm għad għandhom id-diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ tali miżuri ( 22 ).

46.

Dawn il-miżuri jinkludu b’mod partikolari miżuri sabiex jiġi evitat id-depożitu ta’ skart mhux adatt, pereżempju kontroll tal-iskart użat, kif previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-landfills. Madankollu, kif targumenta l-Awstrija, barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu, meta jieħdu miżuri protettivi b’rabta mal-irkupru tal-iskart permezz tad-depożitu tiegħu, jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-landfills.

47.

Huwa biss wara li l-iskart adatt jiġi rkuprat kompletament permezz ta’ depożitu jew operazzjoni oħra, u għalhekk jikseb l-istess proprjetajiet u karatteristiċi bħal materja prima użata għar-radam, li dan min-naħa l-oħra jkun jista’ jiġi eliminat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart ( 23 ).

48.

Għaldaqstant, fil-qosor, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tad-domanda għandha tkun li d-Direttiva dwar il-landfills ma hijiex applikabbli għall-irkupru, iżda biss għar-rimi ta’ skart permezz tad-depożitu tiegħu fuq jew taħt l-art.

C – Id-differenza bejn ir-rimi tal-iskart u l-irkupru tal-iskart għar-radam bl-iskart ta ’ barrieri

49.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk għar-radam bl-iskart ta’ barrieri japplikawx id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva dwar il-landfills jew ir-regoli ġenerali tad-Direttiva dwar l-iskart biss, għandu jiġi kkjarfikat jekk dan l-użu għandux jitqies bħala rimi jew irkupru tal-iskart u taħt liema kundizzjonijiet.

50.

Din id-domanda għandha tingħata risposta fuq il-bażi tad-Direttiva dwar l-iskart applikabbli attwalment, peress li sa issa ma tqiegħed ebda skart fil-barriera. Konsegwentement, l-iskart kollu inkwistjoni għandu jiġi pproċessat skont id-dispożizzjonijiet applikabbli attwalment. Il-fatt li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għar-radam tal-barriera nbdiet meta kienet għadha valida d-Direttiva dwar l-iskart preċedenti kkonsolidata ma jistax ibiddel din il-konklużjoni.

51.

Id-definizzjoni ta’ rimi fil-punt 19 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart tkopri kull operazzjoni li ma hijiex irkupru, anki jekk l-operazzjoni jkollha l-konsegwenza sekondarja li jiġu rkuprati sustanzi jew enerġija.

52.

Għall-kuntrarju, il-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-iskart jiddefinixxi bħala “irkupru” kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li kieku kienu jintużaw sabiex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew l-iskart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija inġenerali. Din id-definizzjoni, speċjalment fil-verżjoni Ingliża, tikkorrispondi b’mod kunsiderevoli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-Direttiva dwar l-iskart preċedenti ( 24 ).

53.

Għaldaqstant, l-irkupru huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-ewwel nett l-użu tal-iskart għal skop utli u t-tieni nett is-sostituzzjoni ta’ materjali li kieku kienu jintużaw għal funzjoni partikolari.

54.

Huwa minnu li l-ewwel kundizzjoni hija fundamentali, peress li huwa biss użu għall-finijiet utli li jista’ jitqies bħala rkupru. L-użu tal-iskart għar-radam ta’ barriera fil-prinċipju jidher li huwa utli. Madankollu, mid-definizzjoni ta’ rimi. Li tipprovdi li r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija ma teskludix rimi ( 25 ) jirriżulta li użu utli tal-iskart ma huwiex kriterju suffiċjenti fih innifsu.

55.

Għall-irkupru huwa pjuttost deċiżiv li l-iskart jissostitwixxi materjali li kieku kienu jintużaw għal funzjoni partikolari ( 26 ).

56.

Ir-Renju Unit ġustament jenfasizza din il-karatteristika. Minħabba spejjeż għolja, dan l-Istat Membru jiddubita li l-barrieri tipikament ikunu suġġetti għar-radam jekk ma jkunx hemm disponibbli skart għal dan l-għan. Il-fatt li r-radam possibbilment huwa kundizzjoni tal-approvazzjoni tal-barriera ma jbiddel xejn, peress li l-approvazzjoni bħala regola tirrifletti l-pjanijiet tal-operatur u normalment tkun tista’ tinbidel jekk jirriżulta li r-radam jikkawża spejjeż sproporzjonati.

57.

Dan l-approċċ jidher sorprendenti prima facie, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-prinċipju diġà rrikonoxxiet ir-radam bħala rkupru. Madankollu, dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw ir-radam ta’mini li mingħajr radam fuq perijodu twil ta’ żmien kien ikollhom ir-riskju li jisfrondaw ( 27 ). Riskji paragunabbli huma inqas probabbli fil-każ ta’ barrieri mhux użati. Fejn ikun hemm tali riskji, ma huwiex neċessarju radam sħiħ sabiex jiġu indirizzati tali riskji. Kuntrarjament għall-argument tal-Polonja, jidher li lanqas ma huwa neċessarju li f’kull każ li barriera timtela bir-radam sabiex l-art tkun tista’ terġa’ tintuża għal skopijiet oħra.

58.

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat l-argument tar-Renju Unit li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw bir-reqqa jekk ir-radam ta’ barriera bl-iskart fir-realtà jippermettix li jiġu ssostitwiti materjali oħra. Indikazzjoni importanti f’dan il-kuntest tkun jekk l-operatur tal-barriera ikunx marbut iħallas għall-iskart użat jew jekk jitħallasx sabiex jużah. Fil-każ tal-aħħar, jidher li huwa probabbli ħafna li l-barriera ma timtelax mingħajr l-iskart, u għaldaqstant ikun każ ta’ rimi tal-iskart ( 28 ).

59.

Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża ASA, l-Avukat Ġenerali Jacobs diġà indika li s-sostituzzjoni ta’ materjali oħra tinkludi kriterju li huwa enfasizzat b’mod partikolari mill-Kummissjoni, jiġifieri r-rilevanza tal-iskart għall-operazzjoni inkwistjoni ( 29 ). Skart li ma huwiex adatt ma jistax jissostitwixxi materjali oħra adatti.

60.

Sa fejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ radam fil-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/753/UE teżiġi r-rilevanza tal-iskart, din konsegwentement ma tillimitax il-kunċett ta’ rkupru, iżda tikkjarifika biss fattur ta’ dan il-kunċett li kien diġà inkluż b’mod impliċitu. Ir-riferiment għall-konvenjenza tal-iskart fil-premessa 15 u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-landfills għandu jingħata sinjifikat simili.

61.

Kif spjegaw ġustament il-Provincia ta’ Bari u l-Kummissjoni, l-informazzjoni ppreżentata mill-kunsill tal-istat dwar l-iskart previst għar-radam tqajjem dubji dwar jekk it-tipi tal-iskart kollha previsti fir-realtà humiex adatti għar-radam. Mill-premessa 15 tad-Direttiva dwar il-landfills għandu jiġi dedott li fil-prinċipju huwa biss skart inerti jew skart adatt mhux perikoluż biss. Ma huwiex ċar jekk it-tipi ta’ skart kollha previsti jaqgħux f’waħda minn dawn il-kategorija. Din il-kwistjoni trid tiġi ċċarata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali.

62.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet parti tad-domanda għandha tkun li r-radam ta’ barriera bi skart għajr dak li joriġina mill-estrazzjoni jikkostitwixxi rkupru ta’ skart jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li l-iskart iservi għal użu utli billi effettivament jissostitwixxi materjali oħra, li jippresupponi b’mod partikolari l-konvenjenza tal-iskart li jissostitwixxi dawn il-materjali.

V – Konklużjoni

63.

Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari kif ġej:

1)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li r-radam ta’ barriera bi skart li ma joriġinax mill-estrazzjoni jaqa’ biss taħt id-dispożizzjonijiet dwar l-iskart inklużi fid-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

2)

Id-Direttiva 1999/31 ma hijiex applikabbli għall-irkupru, iżda biss għar-rimi tal-iskart permezz tad-depożitu tiegħu fuq jew taħt wiċċ l-art.

3)

Ir-radam ta’ barriera bi skart għajr dak li joriġina mill-estrazzjoni jikkostitwixxi rkupru tal-iskart, jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li l-iskart iservi skop utli billi effettivament jissostitwixxi materjali oħra, li jippresupponi b’mod partikolari l-konvenjenza tal-iskart li jissostitwixxi dawn il-materjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2 , p. 102).

( 3 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, EU:C:2007:578).

( 4 ) Sentenza Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502).

( 5 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2162, punti 113 sa 134).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’ terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/97/UE, tal-5 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Direttiva 1999/31/KE fir-rigward ta’ kriterji speċifiċi għall-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart (ĠU L 328, p. 49).

( 7 ) Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 102, p. 15) fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, b’rabta mal-proċedura regolatorja bi skrutinju (ĠU L 188, p. 14).

( 8 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

( 9 ) Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).

( 10 ) Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3).

( 11 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Novembru 2011, li tistabbilixxi regoli u metodi ta’ kalkolu biex tkun ivverifikata l-konformità mal-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, p. 11).

( 12 ) Anki l-verżjoni Daniża, Pollakka u Portugiża jidhru li jsegwu din is-sekwenza.

( 13 ) Din it-tendenza jidher li hija segwita wkoll mill-verżjoni Spanjola, Olandiża, Rumena u Svediża.

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 17) u LégerC‑528/13 (EU:C:2015:288, punt 35).

( 15 ) Sentenza Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 54 b’riferimenti ulterjuri).

( 16 ) KUMM (2003) 319 finali.

( 17 ) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-31 ta’ Marzu 2004 fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva 2004/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni.

( 18 ) Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 23/2005 adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ April 2005 bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar l-immaniġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE, ĠU C 172E, p. 1. Ara d-dokument tal-Kunsill 8933/04, tat-28 ta’ April 2004.

( 19 ) Ara wkoll is-sentenza ASA (C‑6/00, EU:C:2002:121, punt 69).

( 20 ) Ara d-definizzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar il-landfills, il-punt 10 iktar ’il fuq.

( 21 ) Sentenza ASA (C‑6/00, EU:C:2002:121, punti 58 sa 71).

( 22 ) Sentenza EU-Wood-Trading (C‑277/02, EU:C:2004:810, punt 45).

( 23 ) Sentenza Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punti 5657).

( 24 ) Sentenza ASA (C‑6/00, EU:C:2002:121, punt 69).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑458/00, EU:C:2003:94, punt 43).

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża ASA (C‑6/00, EU:C:2001:610, punti 8687) u fil-kawża Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:24, punt 37) kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑458/00, EU:C:2003:94, punt 44).

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża ASA (C‑6/00, EU:C:2001:610, punti 8587) u s-sentenza AvestaPolarit Chrome (C‑114/01, EU:C:2003:448, punti 36 sa 38).

( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża ASA (C‑6/00, EU:C:2001:610, punt 88).

( 29 ) EU:C:2001:610, punt 87.

Top