Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0072

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2016.
    PJSC Rosneft Oil Company vs Her Majesty's Treasury et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Divisional Court).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Validità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim ta’ sħubija UE-Russja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli – Aċċess għas-suq tal-kapital – Għajnuna finanzjarja – Ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts) – Settur taż-żejt – Talba għal interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ‘shale’ u ta’ ‘ilmijiet aktar fondi minn 150 metru’ – Inammissibbiltà.
    Kawża C-72/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:381

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑72/15

    Rosneft Oil Company OJSC

    vs

    Her Majesty’s Treasury,

    Secretary of State for Business, Innovation and Skills,

    The Financial Conduct Authority

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Validità ta’ ċerti artikoli tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar‑Regolament (UE) Nru 833/2014 — Miżuri restrittivi fir-rigward tal‑azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u l‑interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina ( 2 ) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni 2014/512”) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal‑azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”).

    2.

    Din it-talba hija ta’ importanza kbira għaliex ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha li tistħarreġ il‑validità u tinterpreta, permezz ta’ domanda preliminari, atti adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem “PESK”), minkejja li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jidhru jeskludu din il‑possibbiltà.

    3.

    Din il-kawża tagħti għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tidentifika l-atti li, skont il-punt 252 tal-opinjoni 2/13 tagħha (EU:C:2014:2454) “fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni […] ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – It-Trattat UE

    4.

    L-Artikolu 19(1) taħt it-Titolu III intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l‑Istituzzjonijiet”, tat-Trattat UE, jiddisponi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l‑Unjoni.”

    5.

    Fit-Titolu V tat-Trattat UE, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1) taħt il-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”, jipprevedi:

    “L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta’ l‑ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.”

    6.

    Il-Kapitolu 2, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”, li jinsab ukoll taħt l-istess titolu tal-imsemmi trattat, jiddisponi:

    Taqsima 1

    Dispożizzjonijiet Komuni

    Artikolu 23

    L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond dan il-kapitolu, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li twettaq l‑objettivi u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1.

    Artikolu 24

       Il-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l‑kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni, li tista’ twassal għal difiża komuni.

    Il-[PESK] hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. Hija għandha tkun definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L‑adozzjoni ta’ atti leġislattivi għandha tkun eskluża. Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha titwettaq mir-Rappreżentant Għoli ta’ l‑Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Istati Membri, skond it-Trattati. Ir-rwoli speċifiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni [Ewropea] f’dan il-qasam huma definiti mit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief għall‑kompetenza tagħha li tissorvelja l-konformità ma’ l-Artikolu 40 ta’ dan it-Trattat u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 tat-Trattat [FUE].

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam.

    L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex jtejbu u jiżviluppaw is-solidarjetà politika reċiproka tagħhom. Għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi ta’ l-Unjoni jew li x’aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b’koeżjoni fir‑relazzjonijiet internazzjonali.

    […]

    Artikolu 29

    Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika. L‑Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet ta’ l-Unjoni.

    […]

    Artikolu 40

    L-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tat-Trattat [FUE].

    Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f’dawk l-Artikoli m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal‑kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu.

    […]”

    B – It-Trattat FUE

    7.

    It-Titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”, tal-ħames parti tat-Trattat FUE, intitolata “L‑azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”, jiddisponi:

    Artikolu 205

    L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond din il-parti, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tikseb l-għanijiet u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil‑Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat [UE].”

    8.

    It-Titolu IV, intitolat “Il-miżuri restrittivi”, ta’ din l-istess parti tat-Trattat FUE, jiddisponi:

    Artikolu 215

    1.   Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE], tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew.

    2.   Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

    3.   L-atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d‑dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.”

    9.

    L-Artikolu 275, taħt it-Taqsima 5, intitolata “Il-Qorti tal‑Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”, tal-Kapitolu 1, intitolat “L‑istituzzjonijiet”, tat-Titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Istituzzjonijiet”, tas-sitt parti tat-Trattat FUE, intitolat “Dispożizzjonijiet Istituzzjonali u Finanzjarji”, jiddisponi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-[PESK], u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.

    Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r‑rispett ta’ l-Artikolu 40 tat-Trattat [UE] u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 ta’ dan it-Trattat dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE].”

    C – Il-ftehim ta ’ sħubija u kooperazzjoni

    10.

    Il-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, iffirmat fl-24 ta’ Ġunju 1994 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il‑“ftehim ta’ sħubija”) fit-Titolu III, intitolat “Kummerċ f’merkanzija”, jiddisponi dan li ġej:

    Artikolu 10

    1.   Il-Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l-iżjed favorit deskritt fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu I tal-GATT.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal:

    a)

    il-vantaġġi konċessi lil pajjiżi li jmissu magħhom sabiex jiffaċilitaw it-traffiku fuq il-fruntieri;

    b)

    il-vantaġġi konċessi bil-għan li joħolqu unjoni tad-dwana jew żona ta’ kummerċ ħieles jew minħabba l-ħolqien ta’ din l-unjoni jew żona; it-termini ‘unjoni tad-dwana’ u ‘żona ta’ kummerċ ħieles’ għandu jkollhom l-istess tifsira bħal dawk deskritti fil‑paragrafu 8 ta’ l-Artikolu XXIV tal-GATT jew maħluqa permezz tal-proċedura indikata fil-paragrafu 10 ta’ l-istess Artikolu tal-GATT;

    c)

    il-vantaġġi konċessi lil pajjiżi partikolari b’mod konformi mal‑GATT u b’arranġamenti oħra internazzjonali favur il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

    […]

    Artikolu 12

    1.   Il-Partijiet jaqblu illi l-prinċipju ta’ transitu ħieles huwa kondizzjoni essenzjali sabiex jinkisbu l-għanijiet immedjati ta’ dan il‑Ftehim.

    B’konnesjoni ma’ dan, kull Parti għandha tipprovdi t-transitu ħieles ġewwa t-territorju tagħha tal-merkanzija li toriġina fit-territorju tad‑dwana jew destinati għat-territorju tad-dwana tal-Parti l-oħra.

    2.   Ir-regoli deskritti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ l-Artikolu V tal‑GATT għandhom jiġu applikati bejn il-Partijiet.

    […]

    Artikolu 19

    Il-Ftehim ma għandux jipprekludi l-projbizzjonijiet jew ir‑restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet jew merkanzija fit-transitu ġustifikati għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-biedem, ta’ l-annimali jew tal-pjanti; il-protezzjoni tar‑riżorsi naturali; il-protezzjoni tat-teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali jew ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mad‑deheb u l‑fidda. Dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ma għandhomx, madankollu, jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija dwar il-kummerċ bejn il‑Partijiet.”

    11.

    Fil-Kapitolu III, intitolat “Il‑provvista tas-servizzi li jaqsmu l-fruntiera” li jinsab taħt it-Titolu IV, intitolat “Id-dispożizzjonijiet dwar il‑kummerċ u l-investimenti”, ta’ dan il-ftehim, l-Artikolu 36 jiddisponi:

    “Għas-setturi elenkati fl-Anness 5 ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil kull pajjiż terz rigward il-kondizzjonijietr li jaffettwaw il‑provvista tas-servizzi li jaqsmu l-fruntiera, mill-kumpanniji Komunitarji jew dawk Russi ġewwa t-territorju tar-Russja jew tal‑Komunità rispettivament, skond il-leġiżlazzjoni u r-Regolamenti li japplikaw f’kull Parti.”

    12.

    Fit-Titolu V, intitolat “Il-ħlasijiet u l-kapital”, tal-imsemmi ftehim, l-Artikolu 52 jiddisponi:

    “[…]

    2.   Għandu jiġi żgurat il-moviment liberu tal-kapital bejn ir-residenti tal‑Komunità u dawk tar-Russja fil-għamla ta’ investiment dirett magħmul f’kumpanniji stabbilita b’mod konformi mal-liġijiet tal-pajjiż tal-lqugħ u l-investimeti magħmula b’mod konformi mal-Kapitolu II tat-Titolu IV, u t-trasferiment barra mill-pajjiż ta’ dawn l-investimenti, inkluż kull kumpens li joħroġ minn miżuri bħalma huma l‑esproprjazzjoni, in-nazzjonalizzazzjoni jew miżuri b’effett ekwivalenti, u ta’ kull profitt li joħroġ minn dawn.

    […]

    5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 6 u 7, wara perjodu transitorju taż-żmien ta’ ħames snin mill-bidu fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet ma għandhom idaħħlu l-ebda restrizzjoni dwar il-moviment tal-kapital u l-ħlasijiet kurrenti konnessi miegħu bejn residenti tal-Komunità u residenti tar-Russja u ma għandhomx jagħmlu l-arranġamenti eżistenti iktar restrittivi. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet matul dan il-perjodu transitorju taż-żmien imsemmi fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 9 ta’ dan l-Artikolu.

    […]

    9.   Il-Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l‑iżjed favorit rigward il-libertà tal-ħlasijiet kurrenti u l-moviment tal‑kapital u rigward il-metodu tal-ħlas.”

    13.

    L-Artikolu 99, taħt it-Titolu XI, intitolat “Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”, ta’ dan l-istess ftehim, jiddisponi:

    “Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tieħu kull miżura:

    1)

    li hija tikkunsidra meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tagħha ta’ sigurtà;

    […]

    d)

    fil-każ ta’ storbji serji interni li jaffettwaw iż-żamma tal-liġi u tal-bon ordni, fi żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu theddida ta’ gwerra jew sabiex twettaq l-obbligi tagħha li tkun aċċettat bil-għan taż-żamma tal‑paċi u tas-sigurtà internazzjonali;

    […]”

    D – Id-Deċiżjoni 2014/512

    14.

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Deċiżjoni 2014/512 huma s‑suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari:

    Artikolu 1

    […]

    2.   Il-bejgħ jew ix-xiri b’mod dirett jew indirett, il-provvista b’mod dirett jew indirett ta’ servizzi ta’ investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta’ bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta’ Settembru 2014 minn:

    […]

    b)

    entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati pubblikament jew b’sjieda pubblika ta’ aktar minn 50 % li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu u li tal-inqas 50 % tad‑dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014, kif elenkat fl-Anness III [jiġifieri, Rosneft, Transneft u Gazprom Neft];

    c)

    kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l‑Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta' entità msemmija [fil-punt] […] (b); jew

    d)

    kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem, jew taħt id-direzzjoni, ta’ entità fil-kategorija msemmija fil-punt (c) jew elenkata fl-Anness […] III [jiġifieri, Rosneft, Transneft u Gazprom Neft].

    3.   Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2, wara t-12 ta’ Settembru 2014 ħlief self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal-importazzjoni jew l‑esportazzjoni mhux projbita ta’ prodotti u ta’ servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u r-Russja jew għal self li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfa kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li d-drittijiet proprjetarji tagħhom jappartjenu għal aktar minn 50 % lil entità msemmija fl-Anness I [jiġifieri, Sberbank, VTB Bank, Gazprombank, Vnesheconombank u Rosselkhozbank].

    […]

    Artikolu 4

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta’ ċertu tagħmir adatt għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal‑Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta:

    a)

    l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    b)

    l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill‑kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

    c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

    2.   L-għoti ta’:

    a)

    għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1;

    b)

    finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta’ assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati;

    għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir jew għall-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il‑forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernati jew il‑provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għal waħda mill‑kategoriji ta’ esplorazzjoni u produzzjoni msemmija fil‑paragrafu 1.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall‑eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

    5.   Tista’ tingħata awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

    Artikolu 4a

    1.   Il-forniment dirett jew indirett ta’ servizzi assoċjati meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir‑Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal‑Istati Membri, għandu jkun ipprojbit:

    a)

    l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    b)

    l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

    c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti jew ftehimiet qafas konklużi qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall‑eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

    3.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu neċessarji għall-prevenzjoni jew il‑mitigazzjoni urġenti ta’ xi avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

    […]

    Artikolu 7

    1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta’ dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    a)

    entitajiet imsemmijin fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1) u fil‑punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), jew elenkati fl-Anness […] III […];

    b)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

    c)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil‑punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l‑obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l‑pretensjoni tintlaqa’ għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l‑infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta’ prestazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni.

    […]”

    E – Ir-Regolament Nru 833/2014

    15.

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament Nru 833/2014 huma msemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari:

    Artikolu 3

    1.   Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f’kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall‑użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

    2.   Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u għandha tkun f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni tkun valida fl-Unjoni kollha.

    3.   L-Anness II jinkludi ċerti oġġetti adattati għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

    a)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    b)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

    c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    4.   L-esportaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl‑informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' oġġetti inklużi fl‑Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u l‑produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fejn il‑bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is‑saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l‑esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

    6.   Bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni li huma jkunu diġà taw.

    7.   Meta awtorità kompetenti tiċħad li tagħti awtorizzazzjoni, jew tannulla, tissospendi, tillimita sostanzjalment jew tirrevoka awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5 jew 6, l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan u jikkondividi l-informazzjoni relevanti magħhom, filwaqt li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ din l‑informazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97.

    8.   Qabel ma Stat Membri jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5 għal tranżazzjoni li hija essenzjalment identika għal tranżazzjoni li hija s-soġġett ta’ ċaħda li tkun għadha valida maħruġa minn Stat Membru ieħor jew minn Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 6 u 7, l-ewwel jikkonsulta lill-Istat jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ‑ċaħda. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti l-awtorizzazzjoni, huwa jinforma lill‑Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’dan, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha biex jispjega d-deċiżjoni.

    Artikolu 3a

    1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas‑servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

    a)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

    b)

    esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

    c)

    proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

    Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, servizzi assoċjati tfisser:

    i)

    it-tħaffir;

    ii)

    ittestjar ta’ bjar;

    iii)

    servizzi ta’ logging u tlestija;

    iv)

    forniment ta’ bastimenti speċjalizzati li jżommu f’wiċċ l-ilma.

    2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim qafas konkluż qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

    3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is‑servizzi inkwistjoni jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il‑mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

    Il-fornitur tas-servizz għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara kwalunkwe attività li tkun saret taħt dan il-paragrafu, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni.

    Artikolu 4

    […]

    3.   Il-forniment ta’ dawn li ġejjin għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

    a)

    assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il‑manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l‑Blata Kontinentali tagħha, jekk tali assistenza tikkonċerna oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor;

    b)

    il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is‑self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il‑prodotti, jew għal kull forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew, jekk tali assistenza tirrigwarda oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor.

    F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza msemmija fl‑Artikolu 3(5), il-provvista tas-servizzi msemmija f’dan il-paragrafu tista’ tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sakemm l‑esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-provvista tas-servizzi.

    4.   Fejn l-awtorizzazzjonijiet huma mitluba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 3, u b’mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 5

    […]

    2.   Għandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta’, jew li b’xi mod ieħor isir negozjar f’titoli trasferibbli u strumenti fis-suq tal-flus b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t‑12 ta’ Settembru 2014 minn:

    […]

    b)

    persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, taħt kontroll pubbliku jew li aktar minn 50 % tagħhom jaqa’ taħt sjieda pubblika u li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu, u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, kif elenkati fl-Anness VI [jiġifieri, Rosneft, Transneft, Gazprom Neft];

    c)

    persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikun, direttament jew indirettament, taħt is-sjieda ta' entità elenkata fil-punt (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu; jew

    d)

    persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id‑direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.

    3.   Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t‑12 ta’ Settembru 2014.

    Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

    a)

    self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ prodotti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kwalunkwe Stat terz li jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta' esportazzjoni jew importazzjoni; jew

    b)

    selfiet li jkollhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfaw kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta’ xi entità msemmija fl-Anness III [jiġifieri, Sberbank, VTB Bank, Gazprombank, Vnesheconombank u Rosselkhozbank].

    […]

    Artikolu 8

    1.   L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.

    […]

    Artikolu 11

    1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    a)

    entitajiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5(2), jew elenkati fl-[Anness] VI [jiġifieri, Rosneft, Transneft, Gazprom Neft];

    b)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp Russu ieħor;

    c)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil‑punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex tingħata prova li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa’ għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir‑Regolament.”

    III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16.

    Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal‑Istati Membri tal-Unjoni kkundannaw bil-qawwa l-“ksur mill‑Federazzjoni Russa, mingħajr ma kien hemm provokazzjoni, tas‑sovranità u l‑integrità territorjali tal-Ukrajna” ( 5 ). Huma talbu lill‑Federazzjoni Russa sabiex tirtira minnufih il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta’ stazzjonament permanenti tagħhom, skont il-ftehim applikabbli. Huma ddeċidew ukoll li jissospendu t-taħdidiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar il-viżi kif ukoll dwar il-ftehim ġdid komprensiv li kellu jissostitwixxi l-ftehim ta’ sħubija. Madankollu, huma enfasizzaw li fl‑opinjoni tagħhom, kellha tinstab soluzzjoni għall‑kriżi fil-kuntest ta’ negozjati bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa.

    17.

    Il-Kapijiet tal-Istat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni żiedu li jekk dawn in-negozjati ma jkollhomx riżultati f’terminu speċifiku limitat għandhom jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli mill-azzjonijiet li kienu jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l‑indipendenza tal-Ukraina.

    18.

    Sabiex jimplementa din id-dikjarazzjoni, il-Kunsill adotta r‑Regolament (UE) Nru 269/2014, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina ( 6 ), regolament li impona l-miżuri msemmija ċċitati iktar ’il fuq, fuq ċerti persuni, elenkati fl-Anness I tiegħu.

    19.

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, peress li l-Federazzjoni Russa ma rrispondietx għat-talbiet tal-Unjoni u fid-dawl tat-tkomplija tal‑attentati fuq l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, il‑Kunsill adotta numru ta’ miżuri ġodda restrittivi sostanzjali, jiġifieri d-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014, li, fost impriżi oħra Russi, isemmu lil Rosneft Oil Company OJSC (iktar ’il quddiem “Rosneft”), li l-attivitajiet tagħha jinkludu l-esplorazzjoni, il‑produzzjoni, l-irfinar ta’ idrokarburi kif ukoll il-bejgħ taż‑żejt u tal‑gass fir-Russja u fl-esteru.

    20.

    Rosneft twettaq l-attivitajiet tagħha ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni fir-reġjuni Russi li għandhom ħafna idrokarburi u fuq il‑Blata Kontinentali Russa. L-attivitajiet ta’ esplorazzjoni tagħha jinkludu operazzjonijiet f’ilmijiet iktar fondi minn 150 metru u f’formazzjonijiet ta’ “shale”.

    21.

    Il-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ Rosneft (69.5 %) hija miżmuma minn Rosneftegaz OJSC, kumpannija b’responsabbiltà limitata miżmuma kompletament mill-Federazzjoni Russa. Minorità tal‑azzjonijiet tagħha (19.75 %) hija miżmuma minn BP Russian Investments Ltd., sussidjarja tal-kumpannija taż-żejt Brittanika BP plc. Il-kumplament tal-10.75 % tal-kapital azzjonarju maħruġ huwa kkwotat fil-Borża.

    22.

    Her Majesty’s Treasury (it-teżor tal-maestà tagħha) u s‑Secretary of State for Business, Innovation and Skills (ministeru tal‑impriżi, innovazzjoni u kompetenzi) huma l-awtoritajiet responsabbli, fir-Renju Unit, mill-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi miżuri restrittivi bħala risposta għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fl‑Ukraina.

    23.

    Il-Financial Conduct Authority (awtorità ta’ kondotta finanzjarja, iktar ’il quddiem l-“FCA”), hija wkoll suġġetta għad‑Deċiżjoni 2014/512 u għar-Regolament Nru 833/2014 u għandha teżamina l-effetti tagħhom fuq l-obbligi u l-għanijiet legali tagħha. Konsegwentement, jekk jidher li jistgħu jinħarġu titoli pprojbiti u li dan jirriskja li jippreġudika l-integrità tas-swieq irregolata mill-FCA jew il‑protezzjoni tal-konsumatur, l-FCA hija obbligata teżamina x’azzjonijiet hija għandha tieħu, jekk ikun il-każ, sabiex tantiċipa jew tevita dan ir-riskju.

    24.

    Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ottubru 2014, Rosneft ippreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014 abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 7 ).

    25.

    Permezz tar-rikors tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju ppreżentat quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit] fl‑20 ta’ Novembru 2014, Rosneft tikkontesta l‑legalità tad‑Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014 kif ukoll ta’ ċerti miżuri adottati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex jimplementaw ċerti aspetti tar-Regolament Nru 833/2014, u b’mod partikolari sanzjonijiet kriminali previsti f’każ ta’ ksur ta’ dan ir‑regolament ( 8 ), ċerti interpretazzjonijiet tal-FCA dwar il-kunċett ta’ “assistenza finanzjarja” u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar‑Regolament mill-FCA għal ċertu titoli trasferibbli ( 9 ).

    26.

    Permezz tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 2015 ( 10 ), il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit], ikkunsidrat li sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, hija kellha tiddetermina jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar‑Regolament Nru 833/2014 kinux invalidi, u dan ma setgħetx tagħmlu mingħajr ma tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont is‑sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452).

    27.

    Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, anki jekk dawn id‑dispożizzjonijiet kienu validi, ma kienx ċert li qrati oħrajn tal-Istati Membri kienu ser jaslu għall-istess konklużjonijiet fir-rigward tal‑interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hija rrilevat li fuq ċerti punti essenzjali kien hemm interpretazzjonijiet differenti ferm bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti.

    28.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England &Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 19(1), (24) u (40) TUE, tal‑Artikolu 47 [tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-validità tal‑Artikolu 1(2)(b) sa (d), u (3), tal-Artikoli 4, 4a u 7 u tal-Anness III tad-[Deċiżjoni 2014/512]?

    2)

    a)

    hija invalida waħda jew iktar mis-segwenti dispożizzjonijiet (iktar ’il quddiem il-‘miżuri kkonċernati’) tar-regolament u, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, hija invalida wkoll id‑deċiżjoni?:

    i)

    l-Artikoli 4 u 4a tad-[Deċiżjoni 2014/512];

    ii)

    l-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4) u l-Anness II tar-Regolament [Nru 833/2014];

    (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala, id‑‘dispożizzjonijiet marbuta mas-settur taż-żejt’);

    iii)

    l-Artikolu [1(2)(b)] sa (d) u (3) u l-Anness III tad-[Deċiżjoni 2014/512];

    iv)

    l-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3) u l-Anness VI tar‑Regolament [Nru 833/2014];

    (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala, id‑‘dispożizzjonijiet marbuta mat-titoli trasferibbli u mas‑self’);

    v)

    l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [2014/512]; u

    vi)

    l-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 833/2014].

    2)

    b)

    F’każ li l-miżuri kkonċernati jkunu validi, tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ sanzjonijiet penali, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 833/2014], qabel ma jkun ġie speċifikat b’mod suffiċjenti l‑kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur ikkonċernat mill-Qorti tal‑Ġustizzja?

    3)

    F’każ li l-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ikkonċernati, imsemmija fid-domanda 2(a) ikunu invalidi:

    a)

    It-terminu ‘għajnuna finazjarja’ li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament [Nru 833/2014] jinkludi l-ipproċessar ta’ pagament minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor?

    b)

    L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprojbixxi l-ħruġ ta’ [GDR] maħruġa fit-12 ta’ Settemebru 2014 u wara din id-data skont ftehim ta’ depożitu mal-entitajiet elenkati fl‑Anness VI, jew kull tranżazzjoni li tikkonċerna lil dawn tal-aħħar, meta dawn ikunu rappreżentattivi ta’ azzjonijiet ta’ waħda minn dawn l-entitajiet li nħarġu qabel it‑12 ta’ Settembru 2014?

    c)

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jeżisti nuqqas ta’ preċiżjoni li tista’ tiġi solvuta b’mod adegwat minn elementi ġodda ta’ gwida pprovduti minnha, kif għandhom jiġu interpretati l-kliem ‘shale’ u ‘ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru’ li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni u fl-Artikoli 3 u 3a tar-regolament? B’mod partikolari, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa neċessarju u adegwat, hija tista’ tagħti interpretazzjoni ġeoloġika tal-kelma ‘shale’ li għandha tintuża sabiex timplementa r-regolament, u tispeċifika jekk il-miżura ta’ ‘ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru’ għandhiex tittieħed mill‑punt tat-tħaffir jew minn xi punt ieħor?”

    29.

    Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Marzu 2015, il-President tal-Qorti Ġenerali ssospenda r-rikors għal annullament fil-kawża NK Rosneft et vs Il‑Kunsill (T‑715/14) sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’din il-kawża, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    30.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2015. Rosneft, l-FCA, il-Gvern tar-Renju Unit, dak Ċek, Ġermaniż, Estonjan u Franċiż kif ukoll il‑Kunsill u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    31.

    Fit-23 ta’ Frar 2016, inżammet seduta li fiha Rosneft, l-FCA, il‑Gvern tar‑Renju Unit, dak Ċek, Ġermaniż, Estonjan, Franċiż u Pollakk kif ukoll il‑Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l‑osservazzjonijiet orali tagħhom.

    V – Analiżi

    A – Fuq l-ewwel domanda

    32.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal‑Artikoli 4, 4a u 7 kif ukoll tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, fid-dawl tal-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, tal-Artikolu 275 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    1. Fuq l-ammissibbiltà

    33.

    Il-Gvern Estonjan u l-Kunsill jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, għaliex ma hijiex meħtieġa risposta għaliha sabiex il‑qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

    34.

    Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija evidentement prerekwiżit għall-analiżi tad-domandi l-oħra mressqa mill-qorti tar‑rinviju (li ħadd ma jikkontesta li huma rilevanti). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita din id-domanda hija, “ta’ ordni pubbliku [u] tista’ tiġi eżaminata f’kull mument tal-proċedura, anki ex officio, mill‑Qorti tal-Ġustizzja” ( 11 ).

    35.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi l‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikun magħruf jekk hijiex marbuta jew le bil-monopolju tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal‑istħarriġ tal-validità ta’ atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni ( 12 ).

    2. Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti PESK

    a) Ir-regola ġenerali: stħarriġ ġudizzjarju (Artikoli 19 TUE, 263 TFUE, 277 TFUE u 267 TFUE)

    36.

    Fil-punt 23 tas-sentenza ċelebri tagħha Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l-Unjoni] hija [unjoni] bbażata fuq l-istat ta’ dritt billi la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jevitaw verifika dwar jekk il-miżuri adottati minnhom humiex konformi mal-karta bażika kostituzzjonali, it-Trattat [FUE]”. Hija b’hekk ippermettiet li rikors għal annullament jiġi indirizzat kontra atti tal-Parlament Ewropew, anki jekk dan tal-aħħar ma kienx espliċitament iċċitat bħala istituzzjoni li l-atti tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità permezz tal-ewwel paragrafu ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 173 KEE (li sar 263 TFUE) ( 13 ).

    37.

    L-Artikolu 19 TUE jagħti lill-qrati tal-Unjoni l-missjoni li “[jaraw] li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat‑Trattati” u jpoġġi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

    38.

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, “it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal‑Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal‑Unjoni” ( 14 ).

    b) “Carve out”: l-immunità ġudizzjarja ta’ ċerti atti adottati fil‑qafas tal-PESK [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE]

    39.

    Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tidher li hija eskluża permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

    40.

    Qabel jiġu eżaminati dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li minkejja l-fatt li fis-sentenzi tagħha Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472), Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776), Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), kif ukoll Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li teżamina kwistjonijiet marbuta mal-kompetenza tagħha fil-qasam tal-PESK, hija ddeċidiet, fil-punt 251 tal-opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454) li “[hija] għadha ma kellhiex l-opportunità li tippreċiża l-portata tal-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha li jirriżultaw, fil-qasam tal-PESK [mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet fil-punt 252 tal-opinjoni tagħha li “huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ċerti atti adottati fil-kuntest tal-PESK ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja”, mingħajr madankollu ma speċifikat liema huma dawn l‑atti ( 15 ).

    41.

    Barra minn hekk, jekk l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni hija r-regola (Artikoli 19 TUE, 263 TFUE, 277 TFUE u 267 TFUE), it‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE li jintroduċu klawżola ta’ “carve-out” għall‑kompetenza tal-qrati tal-Unjoni, jew fi kliem ieħor “deroga għar‑regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill‑Qorti tal-Ġustizzja […] għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett” ( 16 ).

    42.

    Barra minn hekk għandha tiġi rrilevata diverġenza fit‑terminoloġija bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

    43.

    Skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE “l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet” ( 17 ) filwaqt li l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE jipprevedi li “[l]-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-[PESK], u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom” ( 18 ).

    44.

    L-użu tat-termini “dispożizzjonijiet relatati mal-[PESK]” fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jista’ jagħti impressjoni żbaljata li l-qrati tal-Unjoni ma għandhom l-ebda kompetenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni tat-Trattat FUE li minkejja li ma taqax fil‑PESK, tista’ tkun relatata magħha.

    45.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma adottat din l-interpretazzjoni, kemxejn wiesgħa, tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għall‑kuntrarju, hija ddeċidiet li att ibbażat fuq l-Artikolu 37 TUE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet PESK tat-Trattat UE u l‑Artikolu 218(5) u (6) TFUE, huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju, peress li l‑Artikolu 218 TFUE, dispożizzjoni manifestament relatata mal-PESK, “għandha portata ġenerali u għalhekk hija intiża li tapplika, bħala prinċipju, għall-ftehim internazzjonali kollha nnegozjati u konklużi mill-Unjoni fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tagħha, inkluża fil‑PESK” ( 19 ).

    46.

    Kif l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE ma teskludix il-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ħlief “fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” ( 20 ), jidhirli li, kif issostni l-Kummissjoni fil-punt 40 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-riferiment b’hekk qiegħed isir għat-titolu tal-Kapitolu 2 tat‑Titolu V tat-Trattat UE, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni” u li minnu huwa parti l-imsemmi artikolu.

    47.

    Il-klawżola ta’ “carve-out” tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE għalhekk tirreferi biss għall-Artikoli 23 TUE sa 46 TUE u l-atti tal‑Unjoni adottati abbażi tagħhom ( 21 ).

    48.

    Għalhekk ma jaqgħux taħt l-imsemmija klawżola ta’ “carve-out” ir-regolamenti adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215 TFUE. Il‑partijiet fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti kollha f’din il-kawża jaqblu li r-regolamenti adottati mill-Kunsill abbażi tal‑Artikolu 215 TFUE, bħal f’dan il-każ ir-Regolament Nru 833/2014, jaqgħu fil-kompetenza ġenerali tal-qrati tal-Unjoni li jistħarrġu l-legalità tagħhom, skont l-Artikolu 19 TUE, filwaqt li d-diskussjoni tiġi limitata għall-grad ta’ dan l-istħarriġ u l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu jingħata l-Kunsill. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus ( 22 ), li l-bażi legali tiegħu kien ukoll dak li qabel kien l-Artikolu 301 KE, li sar l‑Artikolu 215 TFUE ( 23 ).

    49.

    Barra minn hekk, sabiex att PESK ikun jista’ jibbenefika mill‑immunità ġudizzjarja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, għandu mhux biss ikollu l-bażi legali tiegħu fl-Artikoli 23 TUE sa 46 TUE iżda l-mertu tiegħu għandu jaqa’ wkoll fl-eżerċizzju tal-PESK.

    50.

    B’hekk, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra miżuri meħuda mill-missjoni li saret abbażi tal-Azzjoni Konġunta tal‑Kunsill 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-Missjoni tal‑Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO ( 24 ), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/752/PESK, tal-24 ta’ Novembru 2011, li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad‑Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 48 u 49 tas-sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753) li “[…] il-miżuri kontenzjużi, li l-annullament tagħhom intalab minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal‑Unjoni, kienu jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li wassal għal spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni. Minn dan [i]rriżulta li l‑kuntratt inkwistjoni [kien] jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Finanzjarju” u li “[f]id-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma jistax jitqies li l‑portata tal-limitazzjoni derogatorja fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 275 TFUE hija daqshekk estiża li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju fil-qasam tal‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi”.

    c) “Claw-back”: l-istħarriġ ġudizzjarju limitat għall-atti PESK [l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE]

    i) Portata

    51.

    Huwa biss jekk att PESK jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 47 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għandu jiġi eżaminat ukoll jekk madankollu, abbażi tal-klawżola ta’ “claw-back” introdotta bl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, dan ma jaqax fil-kompetenza ġenerali li l-Artikolu 19(1) TUE jagħti lill‑qrati tal-Unjoni.

    52.

    Nirrileva li l-limitazzjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK permezz tal-klawżola ta’ “carve-out” hija mmotivata bil-fatt li l-atti PESK huma, bħala regola, intenzjonati biss sabiex jirrediġu deċiżjonijiet ta’ natura purament politika marbuta mal‑eżerċizzju tal-PESK, li stħarriġ ġudizzjarju fil-konfront tagħhom huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mas-separazzjoni tal-poteri ( 26 ).

    53.

    Madankollu, il-klawżola ta’ “claw-back” tipprekludi lil att PESK minn din l-immunità ġudizzjarja meta jaqbeż il-limiti tal-PESK, li huwa l-każ tad-deċiżjonijiet PESK li minkejja li huma adottati abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, jikkoinċidu mal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni permezz tat-Trattat FUE kif ukoll mad-deċiżjonijiet PESK li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

    54.

    Fil-fatt, sa mill-1998, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 14 sa 18 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑170/96, EU:C:1998:219) li hija kienet kompetenti abbażi tal-Artikolu M tat‑Trattat UE (li sar l-Artikolu 40 TUE) “sabiex tiżgura li l-atti li l‑Kunsill jallega li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 tal‑Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l‑Unjoni Ewroepa ma jikkoinċidux mal-kompetenzi li d‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat KE jagħtu lill-Komunità” ( 27 ).

    55.

    Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-istħarriġ ta’ legalità tal-miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinsabu f’atti preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona “pożizzjoni komuni li għandha, mill-kontenut tagħha, portata li tmur lil hinn minn dik assenjata mit-Trattat UE għal dan it-tip ta’ att għandha tkun suġġetta għall‑istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja” ( 28 ) għaliex “[i]l-possibbiltà li ssir domanda preliminari […] għandha għaldaqstant tkun miftuħa għad‑dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-Kunsill, ikunu xi jkunu n-natura jew il-forma, intiżi li jipproduċu effetti ta’ dritt fir-rigward ta’ terzi” ( 29 ).

    56.

    Il-klawżola ta’ “claw-back” previsti fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE ma bidlitx sostanzjalment is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona.

    57.

    Nikkonstata li, bħal fil-każ tal-klawżola ta’ “carve-out”, hemm differenza fit-terminoloġija bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti, iżda din id-darba, huwa l-Artikolu 275 li juża termini iktar ristretti mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE.

    58.

    L-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tipprevedi, fil-fatt, li l-qrati tal-Unjoni huma kompetenti “li [jissorvelja[w i]l-konformità ma’ l-Artikolu 40 [TUE] u sabiex [j]ikkontrolla[w i]l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 [TFUE]” ( 30 ).

    59.

    Għall-kuntrarju, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprevedi li l-qrati tal-Unjoni huma kompetenti “sabiex [j]immonitorja[w i]r-rispett ta’ l-Artikolu 40 [TUE] u sabiex [j]iddeċied[u] dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V [TUE]”.

    60.

    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza tal‑Artikolu 40 TUE, iż-żewġ dispożizzjonijiet huma identiċi. Kull att PESK li jaqa’ fil-klawżola ta’ “carve-out” jista’ jiġi mistħarreġ mill‑qrati tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal‑Artikolu 40 TUE. Dan l-aspett tal-klawżola ta’ “claw-back” ikopri għalhekk, fost l‑oħrajn, l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 215(1) u (2) TFUE, li fih fl-istess ħin miżuri li jipprevedu l-interruzzjoni u t‑tnaqqis, sħiħ jew parzjali, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar u miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

    61.

    Madankollu, teżisti differenza sinjifikattiva bejn ir-redazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni inkwantu t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE jillimita l-istħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi għar‑rikorsi għal annullament ippreżentati minn dawn il-persuni skont ir‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE terġa’ tistabbilixxi l‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ, b’mod ġenerali, il-legalità ta’ “ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l‑Artikolu 275 [TFUE]”, jiġifieri “deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat‑Titolu V [TUE]”.

    62.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li “l-istħarriġ tal-legalità”, li għalih tirreferi l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, ma jinkludix biss ir-rikorsi għall-annullament ippreżentati abbażi tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE iżda wkoll u b’mod partikolari l-mekkaniżmu ta’ talba għal deċiżjoni preliminari previst fl‑Artikolu 267 TFUE.

    63.

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza antika u stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, “ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni tal‑validità jikkostitwixxi, bl-istess mod bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet [tal‑Unjoni]” ( 31 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 15 tas‑sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452), “il-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu [267 TFUE] għandhom l-għan li jiżguraw applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali peress li diverġenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri dwar il-validità tal-atti tal-Unjoni jistgħu jikkompromettu l-unità stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jippreġudikaw ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali” ( 32 ).

    64.

    Barra minn hekk, kif, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 33 ), il-klawżola ta’ “carve-out” introdotta permezz tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 għandha, bħala eċċezzjoni, tiġi interpretata b’mod ristrettiv u li l-portata ta’ klawżola ta’ “claw‑back” ma tistax tkun iktar wiesgħa minn dik ta’ klawżola ta’ “carve-out” ( 34 ), il-klawżola ta’ “claw-back” tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE li tirreferi għar-regola ta’ bażi għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ billi tittieħed inkunsiderazzjoni t‑terminoloġija iktar estensiva tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE.

    65.

    B’hekk nikkunsidra li l-klawżola ta’ “claw-back” tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE tippermetti lill-qrati tal-Unjoni li jistħarrġu l‑osservanza tal-Artikolu 40 TUE mill-atti kollha PESK (jew, permezz ta’ rikors għal annullament, jew, b’talba għal deċiżjoni preliminari) ( 35 ) kif ukoll li jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjonijiet PESK li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tat‑Titolu V tal-Kapitolu 2 TUE (jew, b’rikors għal annullament, jew, b’talba għal deċiżjoni preliminari) ( 36 ).

    66.

    Il-pożizzjoni kuntrarja, espressa mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha dwar l-opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2475) u sostnuta fil-kuntest ta’ din il-kawża mill-Gvern tar‑Renju Unit, dak Ċek, Ġermaniż, Estonjan, Franċiż u Pollakk kif ukoll mill-Kunsill li “[t]‑Trattati ma jipprevedu preċiżament ebda kompetenza għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK” ( 37 ), hija, fl‑opinjoni tiegħi, diffiċilment konċiljabbli mal‑Artikolu 23 TUE li jipprevedi li “[l]-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, […] għandha tkun gwidata mill‑prinċipji, […] previsti fil-Kapitolu 1 […]”, fosthom l-Istat tad-dritt u l-universalità u l‑indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ( 38 ), li jinkludu mingħajr dubju d-dritt ta’ aċċess għal qorti u protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    ii) Il-klawżola ta’ “claw-back” u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tat-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-Trattat UE u li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi

    67.

    Nikkonstata li jekk il-klawżola ta’ “carve-out” introdotta permezz tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE tkopri l-atti kollha PESK, il-klawżola “claw-back” introdotta permezz tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE tirreferi biss għall-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u għall-istħarriġ ta’ legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat‑Titolu V TUE.

    68.

    Fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE, huwa ċar li l‑klawżola ta’ “claw-back” tkopri kull att PESK diġà kopert bil‑klawżola ta’ “carve-out”.

    69.

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ta’ legalità, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 jirreferu għal deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, li fl-opinjoni tiegħi ma jinkludux ir‑regolamenti, bħal f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 833/2014, adottat mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE.

    70.

    Dan isaħħaħ l-argument tiegħi, espress fil-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-klawżola ta’ “carve-out” tkopri biss l-atti PESK li l-bażi legali tagħhom tinsab fost l-Artikoli 23 TUE sa 46 TUE u konsegwentement, ma tinkludix l-atti adottati mill-Kunsill abbażi tal‑Artikolu 215 TFUE.

    71.

    Li kieku kien mod ieħor, ikun hemm is-sitwazzjoni paradossali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti tistħarreġ id-deċiżjonijiet PESK li jipprovdu miżuri kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, iżda mhux ir‑regolamenti adottati abbażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

    72.

    Barra minn hekk, kuntrarjament għall-każ ta’ miżuri restrittivi li jipprovdu l-interruzzjoni jew it‑tnaqqis, sħiħ jew parzjali, tar‑relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar ( 39 ), l-adozzjoni ta’ regolament abbażi tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 215 TFUE ma hijiex mandatorja fir-rigward tal-miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt skont din id‑dispożizzjoni, “[m]eta deċiżjoni [PESK] tipprevedi hekk, il-Kunsill għandu jadotta [tali miżuri] meħtieġa” ( 40 ). Huwa għalhekk possibbli li jiġu adottati miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ deċiżjoni PESK biss. Huwa preċiżament għal dan it-tip ta’ deċiżjoni li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t‑tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprovdu l-klawżola ta’ “claw‑back”.

    iii) X’jiġri mis-setgħa ta’ interpretazzjoni?

    73.

    Kif il-klawżola ta’ “claw-back” introdotta permezz tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u t‑tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE tillimita l-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja għal stħarriġ ta’ legalità ta’ deċiżjonijiet PESK li jipprovdu miżuri kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, is-setgħa ta’ interpretazzjoni li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li hija eskluża mill-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja għal dawn l-atti.

    74.

    F’kuntest ġuridiku komparabbli, fejn l-Artikolu 41 tat-Trattat KEFA jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja “tiddeċiedi, fuq talba għal deċiżjoni preliminari, dwar il-validità tal-deliberazzjonijiet tal-Awtorità Għolja u tal-Kunsill” ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l‑evalwazzjoni tal‑validità ta’ att neċessarjament timplika l‑interpretazzjoni preċedenti tiegħu” ( 42 ). Abbażi ta’ dan hija ddeċidiet li “[j]kun […] kuntrarju għall‑għan u għall-koerenza tat-Trattati li, meta jkun hemm involuti regoli li joħorġu mit-Trattati KEE u KEEA, is-sens u l-portata tagħhom jiġu stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jipprovdu, f’termini identiċi, l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE [li sar l‑Artikolu 267 TFUE] u l‑Artikolu 150 tat-Trattat KEEA [issa abrogat], li jippermetti li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom, filwaqt li, meta r-regoli inkwistjoni huma relatati mat-Trattat KEFA, din il‑kompetenza tibqa’ esklużivament tad-diversi qrati nazzjonali, li l‑interpretazzjoni tagħhom tista’ tkun diverġenti, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex setgħa tiżgura interpretazzjoni uniformi ta’ dawn ir‑regoli” ( 43 ).

    75.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li jekk il-qrati tal-Unjoni jistgħu jagħmlu l-massimu, jiġifieri jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjoni li tipprovdi miżuri kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, huma ċertament jistgħu jagħmlu l-minimu, li jikkonsisti fl-interpretazzjoni tat-termini ta’ dawn id-deċiżjonijiet, b’mod partikolari sabiex jevitaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla jew tiddikjara invalidu att dwar il-PESK li hija tista’ żżomm billi tagħti interpretazzjoni oħra.

    76.

    Dan iktar u iktar meta, kif tindika l-qorti tar-rinviju fil-punti 30 sa 34 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, diġà jeżistu diverġenzi ta’ opinjonijiet dwar ċerti punti essenzjali bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ assistenza finanzjarja li jinsab fl‑Artikoli 4(2)(b) tad-Deċiżjoni 2014/512 u 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014, kif jirrilevaw l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern tar-Renju Unit, dak Ġermaniż, Estonjan u Franċiż.

    3. Id-Deċiżjoni 2014/512 fir-rigward tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE

    77.

    Mal-ewwel daqqa t’għajn, id-Deċiżjoni 2014/512 tibbenefika mill-immunità ġudizzjarja prevista mill-klawżola ta’ “carve-out” introdotta bl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u bl‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE, għaliex tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stipulati fil-punti 47 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    78.

    Fil-fatt, il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2014/512 hija l‑Artikolu 29 TUE li jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat‑Trattat UE intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni” u l‑mertu tagħha taqa’ manifestament taħt il-PESK, peress li, b’din id‑deċiżjoni, il-Kunsill introduċa miżuri restrittivi “fid-dawl tal‑azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl‑Ukraina” ( 44 ).

    79.

    Skont il-klawżola ta’ “claw-back” introdotta bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u bit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar il‑kompatibbiltà tad-Deċiżjoni 2014/512 mal-Artikolu 40 TUE, peress li, fil-punti 21 u 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Rosneft tikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni 2014/512 fir-rigward ta’ din id‑dispożizzjoni.

    80.

    Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti wkoll sabiex tistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni 2014/512 fir-rigward ta’ kull illegalità oħra minbarra l-ksur tal-Artikolu 40 TUE, għandu jiġi vverifikat jekk din id-deċiżjoni tikkostitwixxix “deċiżjoni […] li [t]ipprovd[i] miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V [TUE]” skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

    81.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit, dak Franċiż u Estonjan, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw li d‑Deċiżjoni 2014/512 tinkludi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, peress li, fl-opinjoni tagħhom, il-miżuri inklużi fiha japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali.

    82.

    Fil-fatt, l-Artikoli 4 u 4a ( 45 ) tad-Deċiżjoni 2014/512 ma jidentifikawx lil Rosneft, kif jagħmlu, għall-kuntrarju, l-Artikoli 1(2)(b) sa (d) u (3) ( 46 ), u 7 ( 47 ) li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi tliet kumpanniji Russi, fosthom Rosneft (ara l-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni).

    83.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita ferm, il-miżuri restrittivi “li fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti b’portata ġenerali sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet” ( 48 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti […] aċċess għall-qorti tal-Unjoni” ( 49 ).

    84.

    F’dan is-sens, ir-rikors għal annullament li kien is-suġġett tas‑sentenza Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il‑Kunsill (T‑509/10, EU:T:2012:201) ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ kompetenza fir-rigward tal-Artikolu 275 TFUE inkwantu kien jirreferi għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK ( 50 ), li ma kinitx tidentifika speċifikament lir-rikorrenti ( 51 ). Fil-punt 99 tas‑sentenza tagħha Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776), il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat ir-rifjut għall-istess raġunijiet.

    85.

    Peress li r-redazzjoni tal-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512 hija qrib ħafna ta’ dik tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 ( 52 ), jiena naqbel mal‑Kummissjoni li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma fihomx miżuri restrittivi kontra Rosneft. Konsegwentement, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tagħhom (u tinterpretahom), peress li l-klawżola ta’ “claw-back” tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE ma hijiex applikabbli.

    86.

    Madankollu, ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, dak Ċek, Franċiż, Estonjan u Pollakk kif ukoll tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni li l-Artikoli 1(2)(b) sa (d) u (3), u 7 tad‑Deċiżjoni 2014/512 li, permezz tal-Anness III, jidentifikaw espliċitament lil Rosneft, ma jipprovdux miżuri restrittivi kontra din tal‑aħħar, għaliex il-miżuri li jinsabu fihom japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali, peress li l-Anness III li jsemmi l-isem ta’ Rosneft huwa ta’ natura purament dikjaratorja.

    87.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistrieħ fuq il-punti 39 tas‑sentenza Sina Bank vs Il‑Kunsill (T‑67/12, EU:T:2014:348) u 32 tas-sentenza Hemmati vs Il‑Kunsill (T‑68/12, EU:T:2014:349) fejn il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 20(1)(b) tad‑Deċiżjoni 2010/413, li “[d]-‘deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi’, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 275 TFUE, hija l-att li bih l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti nżamm, wara eżami mill-ġdid, fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2011”, u mhux fil-fatt li l-isem tar-rikorrenti kien jinsab fl-Anness II anki fil‑verżjoni oriġinali tad-Deċiżjoni 2010/413. Għal din ir-raġuni, il‑Qorti Ġenerali kienet irrifjutat il-kompetenza tagħha, billi ddeċidiet li l-Artikolu 20(1)(b) tad‑Deċiżjoni 2010/413 ma jintroduċix miżuri restrittivi kontra persuni iżda miżuri ta’ portata ġenerali.

    88.

    Barra minn hekk, fil-punti 42 tas‑sentenza Sina Bank vs Il‑Kunsill (T‑67/12, EU:T:2014:348) u 35 tas-sentenza Hemmati vs Il‑Kunsill (T‑68/12, EU:T:2014:349), il-Qorti Ġenerali interpretat il-kriterju li tkun ikkonċernat “individwalment” permezz tal-Artikolu 16(2) tar‑regolament adottat mill-Kunsill abbażi tad-Deċiżjoni 2010/413 ( 53 ) u li kien jinkludi bħala miżuri ta’ portata ġenerali l-istess miżuri bħall‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi”. Fuq dawn l-argumenti, hija ddikjarat bħala inammissibbli rikors għal annullament tal-imsemmi Artikolu 16(2) imressaq mir-rikorrenti.

    89.

    Fl-opinjoni tiegħi, din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mill-punt 99 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776) ( 54 ). Fil-fatt, kif iddeċidiet formazzjoni oħra tal-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (T‑578/12, EU:T:2014:678), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128), “ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 jagħti lil kull persuna fiżika jew ġuridika locus standi kontra l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn meta l-kundizzjonijiet iddefiniti minn din id‑dispożizzjoni jiġu ssodisfatti, li huwa l-każ f’dan il-każ [għaliex l‑imsemmija atti tal-Unjoni jinkluduha fil-listi ta’ miżuri inkwistjoni]”.

    90.

    Barra minn hekk, skont dan l-istess punt tas-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (T‑578/12, EU:T:2014:678), l‑argument tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Sina Bank vs Il-Kunsill (T‑67/12, EU:T:2014:348) u Hemmati vs Il-Kunsill (T‑68/12, EU:T:2014:349), li fir-realtà jidentifika l-kunċett ta’ miżura restrittiva kontra persuni bil-kriterju li jkunu individwalment ikkonċernat bil‑miżura inkwistjoni, “jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u huwa għalhekk kuntrarju għas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tat-Trattat FUE, kif ukoll għad-dritt ta’ rimedju effettiv stabbilit permezz tal‑Artikolu 47 tal-[Karta]”.

    91.

    Minkejja dan, b’mod superfluwu, interpretazzjoni daqstant ristretta jkollha bħala effett li tagħmel il-klawżola ta’ “claw-back” ħafna drabi mhux reali, jekk kuntrarjament għal dak li jien nipproponi hawn fuq, id-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjonijiet PESK li, bħall‑Artikoli 1(2)(b) sa (d), u (3), u 7 tad-Deċiżjoni 2014/512, jidentifikaw espliċitament persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jikkostitwixxux “miżuri restrittivi kontra persuni” fis-sens tal-klawżola ta’ “claw-back” bil-konsegwenza li din il-klawżola ma tinkludix il-possibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari għall-validità.

    92.

    Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda li, konformement mal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2014/512 fir‑rigward tal-Artikolu 40 TUE kif ukoll sabiex tinterpreta u tistħarreġ il-legalità tal-Artikoli 1(2)(b) sa (d), u (3), u 7 ta’ din id-deċiżjoni u l‑Anness III tagħha.

    93.

    Madankollu nixtieq nippreċiża li, minkejja l-fatt li l-miżuri restrittivi introdotti permezz tal-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ “carve-out” u mhux f’dak tal-klawżola ta’ “claw-back”, ma hemmx nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja, peress li r-Regolament Nru 833/2014, kif spjegajt fil-punti 47, 49, 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet jaqa’ b’mod sħiħ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jirrepeti kważi kelma b’kelma l-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 3, 3a u 4(3) u (4) tiegħu. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tannulla dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jagħmel id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Deċiżjoni 2014/512 kompatibbli mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan, kif aċċetta l-Kunsill waqt is-seduta, skont l‑Artikolu 266 TFUE.

    B – Dwar il-punt (a) tat-tieni domanda

    94.

    Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikoli 1(2) (b) sa (d), u 3, 4, 4a u 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll tal‑Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), 5(2)(b) sa (d), u (3), u 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014.

    95.

    Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel 1, jien ser neżamina l‑osservanza tal-Artikolu 40 TUE mid-Deċiżjoni 2014/512 u mir‑Regolament Nru 833/2014 kif ukoll il-validità tal-Artikoli 1(2)(b) sa (d), u 3, u 7 kif ukoll tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, bħall-validità tal‑Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), 5(2)(b) sa (d), u 3, u 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014.

    1. Dwar l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE mid-Deċiżjoni 2014/512 u mir-Regolament Nru 833/2014

    96.

    Skont Rosneft, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni PESK li, prinċipalment, għandha natura leġiżlattiva, il-Kunsill mar lil hinn mis‑setgħat tiegħu. Skont l-Artikolu 29 TUE, ir-rwol tal-Kunsill jikkonsisti f’li jiddefinixxi “l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Min-naħa l-oħra, l‑adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi fil-kuntest tal-PESK tkun eskluża skont l‑Artikolu 31(1) TUE. Għaldaqstant, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet iddettaljati ħafna tad-Deċiżjoni 2014/512, essenzjalment riprodotti b’mod identiku fir-Regolament Nru 833/2014, il-Kunsill kiser il‑klawżola ta’ nuqqas ta’ interess prevista fl-Artikolu 40 TUE u daħal fuq is-setgħa ta’ proposta konġunta tal-Kummissjoni u tar‑Rappreżentant Għoli prevista mill-Artikolu 215 TFUE.

    97.

    Fl-opinjoni tiegħi, id-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014 ma jikkostitwixxux atti leġiżlattivi.

    98.

    Anki jekk “att leġiżlattiv” ġeneralment jirreferi għal miżuri ta’ portata ġenerali li japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt, huwa biss fl-Artikolu 289(3) TFUE li tinstab id-definizzjoni mogħtija lil dawn it-termini użati fl-Artikolu 24 TUE. Barra minn hekk, dan l-artikolu jiddefinixxi din il-kategorija bħala “[l-]atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva”, jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista mill-Artikolu 289(1) TFUE jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista mill-Artikolu 289(2) TFUE.

    99.

    Billi jipprojbixxu b’hekk l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi, it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u l‑Artikolu 31(1) TUE għandhom bħala effett li jeskludu r-rwol iktar wiesa’ li l-Artikolu 289(1) u (2) TFUE jagħti lill-Parlament u lill‑Kummissjoni ( 55 ).

    100.

    Barra minn hekk, il-proċedura prevista mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE użata għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 u dik prevista mill-Artikolu 215 TFUE użata għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 833/2014 hija differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 280 TFUE sabiex jiġi kkwalifikat att leġiżlattiv.

    101.

    Peress li Rosneft ma tallegax li d-Deċiżjoni 2014/512 u r‑Regolament Nru 833/2014 kellhom ikunu adottati fuq bażi oħra legali u mhux l-Artikoli 29 TUE u 215 TFUE rispettivament, l-argumenti ta’ Rosneft ma għandhomx jintlaqgħu.

    2. Dwar il-validità tal-Artikoli 1(2)(b) sa (d) u 3, u 7 kif ukoll l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 u tal-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), 5(2)(b) sa (d) u 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014

    a) Dwar il-portata tal-istħarriġ

    102.

    Fil-punti 64, 108 u 115 tal-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il‑legalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament Nru 833/2014 sa fejn il-motivi ta’ nullità invokati minn Rosneft huma essenzjalment intiżi sabiex jikkontestaw id‑deċiżjonijiet ta’ prinċipju li jaqgħu kompletament fil-qasam tal-PESK li l-Kunsill kien adotta bid‑Deċiżjoni 2014/512 tiegħu.

    103.

    Jien ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni għaliex fl-opinjoni tiegħi l‑adozzjoni ta’ regolament abbażi tal-Artikolu 215 TFUE anki jekk dan jirriproduċi kelma b’kelma jew jissupplimenta jew jispeċifika l-miżuri previsti minn deċiżjoni dwar il-PESK, bħal ma hu l-każ fil-każ tad‑Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014, timplika t-telf tal-immunità ġudizzjarja li minnha dawn il-miżuri setgħu jibbenefikaw abbażi tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ( 56 ).

    104.

    Is-soluzzjoni kuntrarja għandha bħala effett li tagħti interpretazzjoni wiesgħa lill-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’dan il-qasam, minkejja li din l-esklużjoni hija l‑eċċezzjoni u mhux ir-regola.

    105.

    Minkejja dan, jien nikkunsidra li, f’dan il-qasam li jaqa’ fis-settur tad-diplomazija u tal-politika barranija u ta’ sigurtà, il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa ( 57 ).

    b) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegat ksur tal-ftehim ta’ sħubija

    106.

    Skont Rosneft, l-Artikoli 1(2) (b) sa (d) kif ukoll l-Anness III tad‑Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 3(1), (3) u (5), 3a(1), 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014 jiksru l‑Artikoli 10(1) (klawżola tat-trattament tan-nazzjon l-iżjed favorit fir‑rigward tal-kummerċ tal-merkanzija), 12 (libertà ta’ spedizzjoni ta’ merkanzija), 36 (klawżola ta’ trattament mhux inqas favorevoli li jaffettwa l-provvista tas-servizzi li jaqsmu l-fruntiera) u 52(2), (5) u (9) (moviment liberu ta’ kapital) tal-ftehim tas-sħubija.

    107.

    Il-Gvern tar-Renju Unit, dak tal-Estonja u ta’ Franza kif ukoll il‑Kunsill u l-Kummissjoni jirrilevaw li l-miżuri inkwistjoni huma ġġustifikati għaliex huma “neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta[s-]sigurtà [tal-partijiet] f’każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni gravi internazzjonali b’theddida li jingħata bidu għal kunflitt armat”, skont l-Artikolu 99(1)(d) tal-ftehim ta’ sħubija, u li fi kwalunkwe każ id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim invokati minn Rosneft ma għandhomx effett dirett.

    108.

    Kif l-Artikolu 99 tal-ftehim ta’ sħubija jassumi minn qabel l-eżistenza ta’ miżura kuntrarja għad-dispożizzjonijiet materjali tal-imsemmi ftehim, l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l‑Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 3(1), (3) u (5), 3a(1), 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014 jiksrux l-Artikoli 10(1), 12, 36 u 52(2), (5) u (9) tal‑imsemmi ftehim.

    i) Dwar l-effett dirett tal-Artikoli 10(1) 12, 36 u 52(2), (5) u (9) tal‑ftehim tas-sħubija

    109.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim konkluż mill-Unjoni u wieħed jew diversi Stati terzi, jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni, att meħud minn waħda mill‑istituzzjonijiet tagħha, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE, li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jifformaw parti integrali, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni, u li, fil-qafas ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal‑Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim ( 58 ).

    110.

    Barra minn hekk, fil-punt 37 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[d]-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu, l-Unjoni hija parti, ma jistgħux jiġu invokati insostenn […] ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att, iżda biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura tal-ftehim ikkonċernat ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mil-lat tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi […]. Għaldaqstant, huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li dawn id‑dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Unjoni biex iservu bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ att tal‑Unjoni” ( 59 ).

    111.

    Kif l-Artikoli 10(1) u 12 tal-ftehim tas-sħubija, jirreferu għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-GATT, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerc, li jipprovdi li “minħabba n-natura u l‑istruttura tagħhom, dawn il-ftehimiet fil-prinċipju ma humiex fost ir‑regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni” ( 60 ).

    112.

    Issa, il-ftehim tas-sħubija ma huwiex ftehim li jikkonċerna biss il-kummerċ tal-merkanzija, li għalih tista’ tiġi applikata din il‑ġurisprudenza ( 61 ).

    113.

    Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim tas-sħubija fil-punt 27 tas-sentenza Simutenkov (C‑265/03, EU:C:2005:213), dan il-ftehim “għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija bejn il-partijiet, intiża sabiex tippromwovi, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-viċin bejn dawn il-partijiet, kummerċ u relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bejn dawn ta’ l-aħħar, libertajiet politiċi u ekonomiċi, kif ukoll it-twettiq ta’ integrazzjoni progressiva bejn il-Federazzjoni Russa u żona iktar vasta/wiesgħa ta’ kooperazzjoni fl-Ewropa”.

    114.

    Barra minn hekk, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja żiedet li “[l]-fatt li l-imsemmi Ftehim jillimita ruħu għall‑ħolqien ta’ sħubija bejn il-partijiet, mingħajr ma jipprevedi assoċazzjoni jew adeżjoni futura tal-Federazzjoni Russa [mal‑Unjoni], mhuwiex ta’ natura li jimpedixxi l-effett dirett ta’ xi wħud mid‑dispożizzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, meta ftehim jistabbilixxi kooperazzjoni bejn il‑partijiet, ċerti dispożizzjonijiet inklużi fih jistgħu, [meta fid-dawl tat‑termini tagħhom kif ukoll tal-għan u n-natura tal-ftehim, jinkludu obbligazzjonijiet ċari u preċiżi li ma humiex suġġetti, fit-twettiq u fl‑effetti tagħhom, għall-intervent ta’ xi att ieħor], jirregolaw direttament is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwi”.

    115.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk irrikonoxxiet, fil-punt 22 tal-imsemmija sentenza, l-effett dirett tal-Artikolu 23(1) ta’ dan il‑ftehim relatat mal-kundizzjonijiet tal-impjieg.

    116.

    Kuntrarjament għal dak li jargumentaw il-Gvern tar-Renju Unit u dak Franċiż kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, jien ma narax kif il‑kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-ftehim tas-sħubija inkwistjoni f’din il-kawża ma jissodisfawx il-kriterji ta’ effett dirett kif imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza Simuntenkov (C‑265/03, EU:C:2005:213) u riprodotti fil-punt 37 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494).

    117.

    Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) tal-ftehim tas-sħubija jipprovdi li “l‑Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l‑iżjed favorit deskritt fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu I tal-GATT” ( 62 ). It‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) jipprovdi li “kull Parti għandha tipprovdi t-transitu ħieles ġewwa t-territorju tagħha tal-merkanzija li toriġina fit-territorju tad-dwana jew destinati għat-territorju tad-dwana tal-Parti l-oħra”. L-Artikolu 36 jipprovdi li “l-Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil kull pajjiż terz rigward il-kondizzjonijietr li jaffettwaw il-provvista tas-servizzi li jaqsmu l-fruntiera”. Finalment, skont l-Artikolu 52, il‑partijiet tal-ftehim tas-sħubija jiggarantixxu “[l]-moviment liberu tal‑kapital bejn ir-residenti [tal-Unjoni] u dawk tar-Russja fil-għamla ta’ investiment dirett” (paragrafu 2), jastjenu milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda wara perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin mid‑dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim (paragrafu 5) u “jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l-iżjed favorit rigward il-libertà tal‑ħlasijiet kurrenti u l-moviment tal-kapital u rigward il-metodu tal-ħlas” (paragrafu 9).

    118.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex differenti fir-rigward tal-inkundizzjonalità ta’ dak tal‑Artikolu 23(1) tal-imsemmi ftehim, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandu effett dirett ( 63 ). Jikkostitwixxi għalhekk iktar minn “ftehim sabiex ikun hemm qbil (‘an agreement to agree’)” ( 64 ).

    ii) Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għad-drittijiet mogħtija mill‑Artikoli 10(1), 12, 36 u 52(2), (5), u (9) tal-ftehim tas-sħubija

    119.

    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri introdotti mill‑Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 3(1), (3) u (5), 3a(1), 5(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l‑Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014 jinkludux restrizzjonijiet għall-Artikoli 10(1), 12, 36 u 52(2), (5) u (9) tal-ftehim tas-sħubija.

    – Artikoli 10(1) u (12) tal-ftehim ta’ sħubija (kummerċ ta’ merkanzija)

    120.

    F’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 10(1) tal-ftehim tas-sħubija mill-Artikoli 3(1), (3) u (5), u 3a(1) tar-Regolament Nru 833/2014, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10(1) tal-ftehim tas‑sħubija kellu biss l-effett li jestendi l-applikazzjoni tal-Artikolu I:1 tal-GATT għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l‑Federazzjoni Russa, fi żmien meta din tal-aħħar ma kinitx tifforma parti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    121.

    Madankollu l-Artikolu I:1 tal-GATT jillimita l-portata tiegħu għad-“dazju doganali u […] impożizzjonijiet ta’ kull tip fuq l‑importazzjoni jew l-esportazzjoni jew li jikkonċernaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, kif ukoll dawk imposti fuq it‑trasferimenti internazzjonali ta’ ħlas ta’ importazzjonijiet jew ta’ esportazzjonijiet, il‑metodu ta’ ħlas ta’ dawn id-dazji jew taxxi, ir-regoli kollha u l‑formalitajiet marbuta mal-importazzjonijiet jew mal-esportazzjonijiet kif ukoll il-kwistjonijiet kollha li huma suġġetti għall-paragrafi 2 u 4 tal‑Artikolu III”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    122.

    Hekk kif l-Artikolu 3(1), (3), u (5) tar-Regolament Nru 833/2014 ma jikkonċerna bl-ebda mod id-dazji doganali applikabbli għall‑esportazzjoni ta’ merkanzija msemmija minn dawn id‑dispożizzjonijiet iżda jissuġġetta l-esportazzjoni tagħhom lejn il‑Federazzjoni Russa għal awtorizzazzjoni minn qabel u jispeċifika l‑kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw din l‑awtorizzazzjoni, huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-ftehim tas-sħubija.

    123.

    A fortiori, l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 833/2014, li jipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi relatati neċessarji għal ċerti kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni fir-Russja lanqas jaqa’ taħt l-Artikolu 10(1) tal-ftehim tas-sħubija.

    124.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-ftehim tas-sħubija jobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha li jiggarantixxu libertà ta’ spedizzjoni ( 65 ) fit-territorju tal-Unjoni tal-merkanzija li toriġina fit‑territorju tad-dwana jew destinati għat-territorju doganali tal‑Federazzjoni Russa.

    125.

    L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma għalhekk obbligati li fit‑territorju tagħhom jiżguraw passaġġ liberu ta’ merkanzija ddestinata jew ġejja mill-Federazzjoni Russa.

    126.

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jissuġġetta l‑bejgħ, il-forniment, it-trasferiment u l-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni u kemm jekk le, għal awtorizzazzjoni minn qabel, jekk tali oġġetti huma intiżi għall‑użu fil-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir‑regolament jipprojbixxi l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni meta l‑bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni inkwistjoni jikkonċernaw oġġetti għal waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu.

    127.

    Fl-opinjoni tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom l‑ebda effett fuq il-libertà ta’ tranżitu żgurat bit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 12(1) tal-ftehim tas-sħubija.

    128.

    Anki jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jirreferi, fost l-oħrajn, għat-trasferiment tal-oġġetti elenkati fl-Anness II “kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le”, xorta jibqa’ l-fatt li l‑paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu jirreferu biss għall-esportazzjoni.

    129.

    F’dan is-sens, “[g]ħall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni […] l‑awtorizzazzjoni tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur” ( 66 ). Bl-istess mod, “[l-]esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għall‑awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni” ( 67 ).

    130.

    Għalhekk jidhirli li huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 833/2014 ma jirrigwardawx l-ispedizzjoni tal‑oġġetti tal-Anness II iżda l-każ ta’ bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni li jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri.

    131.

    F’dan is-sens, il-libertà ta’ tranżitu tal-oġġetti inkwistjoni li joriġinaw minn pajjiżi terzi u ddestinati għall-Federazzjoni Russa ma hija affettwata bl-ebda mod.

    132.

    Madankollu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall-Artikolu 10(1) u għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-ftehim tas-sħubija, din ir-restrizzjoni hija, kif targumenta l-Kummissjoni, iġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-ftehim.

    – Artikolu 36 tal-ftehim tas-sħubija (provvista ta’ servizzi li jaqsmu l-fruntiera)

    133.

    Skont l-Artikolu 36 tal-ftehim tas-sħubija, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma obbligati li jagħtu trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil pajjiż terz, f’dak li jikkonċerna l‑kundizzjonijiet li jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi li jaqsmu l‑fruntiera, minn kumpanniji tal-Unjoni fit-territorju tal-Federazzjoni Russa, skont il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti li japplikaw f’din tal-aħħar.

    134.

    Skont l-Anness 5 ta’ dan il-ftehim, is-servizzi msemmija mill‑Artikolu 36 jinkludu s-servizzi ta’ inġinerija (CPC 8672) ( 68 ) u s‑servizzi ta’ prova u ta’ analiżi tekniċi (CPC 8676) ( 69 ).

    135.

    Issa, kuntrarjament għal dak li tallega Rosneft, l-ebda wieħed mis-servizzi msemmija taħt in-numri CPC 8672 u CPC 8676 ma jikkonċerna servizzi ta’ tħaffir, ittestjar ta’ bjar, servizzi ta’ llogjar u tlestija jew ta’ forniment ta’ bastimenti speċjalizzati li jżommu f’wiċċ l‑ilma msemmija fl-Artikolu 3a(1) tar‑Regolament Nru 833/2014 ( 70 ).

    – Artikolu 52(2), (5) u (9) tal-ftehim tas-sħubija (moviment liberu tal-kapital)

    136.

    It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jiżgura l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa “fil-għamla ta’ investiment dirett magħmul f’kumpanniji stabbilita b’mod konformi mal-liġijiet tal-pajjiż tal-lqugħ”.

    137.

    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 9 tal-istess artikolu, l-Unjoni għandha tagħti lill-Federazzjoni Russa “[t]-trattament ta’ nazzjon l-iżjed favorit rigward […] [i]l-moviment tal-kapital […]”

    138.

    Skont id-Dikjarazzjoni konġunta relatata mal-Artikolu 52 (Definizzjonijiet), it-terminu “investiment dirett” huwa ddefinit bħala:

    “[…] investiment bil-għan li jistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi dejjiema ma’ intrapriża bħalma huma investimenti li jagħtu l‑possibbilità li jeżerċitaw influwenza effettiva fuq it-tmexxija tagħhom, fil-pajjiż interessat, minn persuni mhux residenti fih jew minn residenti barra minn pajjiżhom, permezz ta’:

    […]

    2)

    il-parteċipazzjoni f’intrapriża ġdida jew eżistenti;

    3)

    self għal ħames snin jew iktar.”

    139.

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet joħroġ b’mod ċar ħafna li x-xiri, il-bejgħ jew il-provvista, diretta jew indiretta, ta’ servizzi ta’ investiment jew ta’ assistenza fil-ħruġ, ta’ kambjali, azzjonijiet jew strumenti finanzjarji simili ( 71 ), ma jistgħux jikkostitwixxu investiment dirett ħlief jekk iwasslu għal parteċipazzjoni f’impriża bil-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet ekonomiċi sostenibbli.

    140.

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-konklużjoni jew il-parteċipazzjoni fi ftehim, bil-għan li Rosneft tingħata, wara t‑12 ta’ Settembru 2014, self jew krediti ġodda li l-iskadenza tagħhom huwa ta’ iktar minn 30 jum ( 72 ) ma tistax tikkostitwixxi investiment dirett ħlief jekk ikun self jew kreditu għal iktar minn ħames snin jew iktar mogħti bil-għan li jkunu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi sostenibbli.

    141.

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l-Anness III tad‑Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 5(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014 li ma jikkostitwixxux restrizzjoni għall‑moviment liberu tal-kapital protett bl-Artikolu 52(2), (5) u (9) tal‑ftehim tas-sħubija, ħlief jekk jipprojbixxu l-investiment dirett imsemmi fil‑punti 139 u 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    iii) Dwar il-ġustifikazzjoni

    142.

    Kuntrarjament għall-kummerċ ta’ merkanzija li għalih l‑Artikolu 19 tal-ftehim tas-sħubija jipprovdi l-possibbiltà li r‑restrizzjonijiet jiġu ġġustifikati f’termini kważi identiċi għal dawk tal‑Artikolu 36 TFUE, l-imsemmi ftehim ma jipprovdi l-ebda possibbiltà li tiġi ġġustifikata restrizzjoni għall-moviment liberu tal‑kapital.

    143.

    Għall-istess raġunijiet bħal dawk li tajt fil-punti 123 sa 125 tal‑konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:52) ( 73 ), nikkunsidra li huwa possibbli li restrizzjonijiet għall‑moviment liberu tal-kapital protett bl-Artikoli 52 tal-ftehim tas‑sħubija jiġu ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

    144.

    Anki jekk il-Kunsill ma jippreżentax raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, nikkunsidra li huwa possibbli li mill-argumenti tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 99 tal-ftehim tas-sħubija jiġi dedott li, fl-opinjoni tiegħu, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata b’raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

    145.

    Fil-fatt, hekk kif il-miżuri restrittivi introdotti bl‑Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014 kienu ġew adottati “b’reazzjoni għall-azzjonijiet tal‑[Federazzjoni Russa] li qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl‑Ukraina” ( 74 )“bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s‑sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi” ( 75 ), jidhirli li jistgħu jkunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni u ta’ sigurtà pubblika.

    146.

    Mill-premessi tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra l‑Federazzjoni Russa kienet l-ewwel tħabbret pubblikament mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha u li dawn ma kinux ġew adottati u estiżi b’mod gradwali biss minħabba n-nuqqas ta’ reazzjoni tal-Federazzjoni Russa.

    147.

    Kif il-miżuri restrittivi għandhom bħala għan “li jikber il-kost tal‑azzjonijiet ta[l-Federazzjoni ta]r-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s‑sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall‑kriżi” ( 76 ) u peress li Rosneft hija l-kumpannija taż-żejt li għandha l-ikbar riżervi ta’ żejt u l-ikbar produzzjoni fost il‑kumpanniji taż-żejt li l-azzjonijiet tagħhom huma kkwotati fil-Borża tar-Russja (iktar minn 40 % taż-żejt prodott fil-Federazzjoni Russa ( 77 )) u li l-Istat Russu għandu 69.5 % tal-kapital azzjonarju tagħha, jiena nikkunsidra li r-restrizzjonijiet imposti bl-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l‑Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014 huma neċessarji sabiex jagħmlu pressjoni li tista’ tilħaq l-għan tal-imsemmija deċiżjoni u tal‑imsemmi regolament, li “jikber il-kost tal-azzjonijiet ta[l-Federazzjoni ta]r-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal‑Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi” ( 78 ). Konsegwentement, il-miżuri restrittivi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    iv) Dwar l-Artikolu 99 tal-ftehim tas-sħubija

    148.

    F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li teżisti restrizzjoni mhux iġġustifikata fl-Artikoli 10(1), 12, 36 u 52(2), (5) u (9) tal-ftehim tas-sħubija, jien nikkunsidra, bħall-Gvern tar-Renju Unit, dak Estonjan u Franċiż kif ukoll bħall-Kunsill u l-Kummissjoni, li hija tista’ tiġi ġġustifikata bl-Artikolu 99(1)(d) tal-imsemmi ftehim li jippermetti lill‑Unjoni li tieħu “[l-miżuri] li hija tikkunsidra meħtieġa għall‑protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tagħha ta’ sigurtà […] fi żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu theddida ta’ gwerra” ( 79 ).

    149.

    Jekk, kif jien indikajt fil-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il‑Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma tal‑politika barranija u ta’ sigurtà, dan jgħodd ukoll meta l-Kunsill jikkonstata l-eżistenza ta’ tensjoni serja internazzjonali li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra.

    150.

    Minn naħa, għandu jitfakkar li sabiex jiġu adottati l‑miżuri restrittivi inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq “il-ksur mhux provokat tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa” ( 80 ), “[i]t‑twaqqigħ tat-Titjira MH 17 tal‑Malaysian Airlines f’Donetsk” ( 81 ) u “l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol” ( 82 ).

    151.

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-Federazzjoni Russa għandha setgħa ta’ veto fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Huwa għalhekk inutli li tipprova ssib konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida għall-paċi fir-riżoluzzjonijiet ta’ dan il-Kunsill ( 83 ) jew fl-abbozzi ta’ riżoluzzjoni mhux adottati minn dan il-Kunsill, minħabba l-eżerċizzju (effettiv jew possibbli) mill-Federazzjoni Russa tad-dritt tal-veto tagħha ( 84 ).

    152.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu tal-gravità tas‑sitwazzjoni ta’ tensjoni internazzjonali li kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014.

    c) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE)

    153.

    Skont Rosneft, l-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), u l-Anness II tar‑Regolament Nru 833/2014 jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni li l‑Artikolu 296 TFUE jimponi fuq il-Kunsill peress li dan ir-regolament ma jispjegax la kif u lanqas għalfejn il-fatt li ġiet identifikata l-industrija taż-żejt Russa jew bil-mod li bih ġiet identifikata bil-mod magħżul minn dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal‑miżuri kkonċernati kif spjegat fil-premessi 2 ( 85 ) u 4 ( 86 ) tal-imsemmi regolament.

    154.

    Rosneft tallega wkoll ksur tal-Artikolu 296 TFUE f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l-Anness III tad‑Deċiżjoni 2014/512 bħall‑Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l‑Anness VI tar-Regolament, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk huma jidentifikawha b’mod espliċitu, ma jippermettulhiex li tevalwa r-raġuni li għaliha l-fatt biss li l-Istat Russu huwa l-ikbar azzjonist huwa ta’ natura li jilħaq l-għan tal-miżuri kkonċernati kif spjegati fil-premessi 2 ( 87 ) u 5 ( 88 ) tar-Regolament Nru 833/2014.

    155.

    Jien naħseb, li f’dan il-każ, ma hemm l-ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    156.

    Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 3 tas-sentenza tagħha Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718), “il‑motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir‑rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat”.

    157.

    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħall-iffriżar ta’ fondi li kien is-suġġett tal‑kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 54 ta’ din is‑sentenza, li “att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha”.

    158.

    Peress li hija l-ikbar kumpannija taż-żejt Russa li 69.5 % minnha jappartjeni lill-Istat Russu ( 89 ), bit-total attiv tagħha kkalkolat bħala iktar minn 1000 biljun rublu Russu u li minnhom mill-inqas 50 % tad‑dħul huwa kkalkolat li ġej mill-bejgħ jew mit-trasport ta’ petrol mhux ipproċessat jew ta’ prodotti taż-żejt ( 90 ), Rosneft tista’ tevalwa d‑daqs tas-settur taż-żejt f’termini ta’ dħul għall‑baġit tal-Federazzjoni Russa ( 91 ) u r-raġuni li għaliha l-fatt li hija identifikata mill-miżuri restrittivi previsti mill-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) kif ukoll l-Anness III tad‑Deċiżjoni 2014/512 bħal fl-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l‑Anness VI tar-Regolament, jista’ jkollu bħala effett “li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s‑sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi” ( 92 ).

    159.

    Dan japplika wkoll għall-miżuri previsti fl-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), kif ukoll l-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 li ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi kontra Rosneft ( 93 ) iżda jidentifikaw b’mod ġenerali lill‑industrija Russa taż-żejt.

    d) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt tal-aċċess għall-fajl

    160.

    Skont Rosneft, ir-rifjut tal-Kunsill li jagħtiha aċċess privileġġat għall-informazzjoni u għall-provi li jirrigwardaw kwistjonijiet fundamentali bħar-raġuni li għaliha Rosneft issemmiet fid‑Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014, jew għaliex ċerti setturi tal-industrija taż-żejt kienu identifikati kuntrarjament għal oħrajn, jikser id-drittijiet tad-difiża tagħha, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

    161.

    Mid-dokumenti annessi mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Rosneft u tal-Kunsill jirriżulta li Rosneft kienet ipprovat tikseb, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 94 ), aċċess privileġġat (“privileged access”) għal dokumenti tal-Kunsill bil-għan li tużahom fil‑qafas tar-rikors għal annullament pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża NK Rosneft et vs Il-Kunsill (T‑715/14).

    162.

    Il-qari ta’ dawn id-dokumenti jippermetti li jiġi konkluż li Rosneft użat il-metodi ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti stabbiliti minn dan ir-regolament bħal “document discovery”, proċedura ta’ talba għal dokumenti magħrufa fis-sistemi ġuridiċi tal-“common law” u ta’ arbitraġġ internazzjonali ( 95 ).

    163.

    Anki jekk, fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament Nru 1049/2001 mhux adattat li jagħti, kif suppost, aċċess privileġġat għad-dokumenti neċessarji fil-kuntest ta’ kawża ( 96 ), mid-dokumenti annessi mal‑osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Rosneft u tal-Kunsill jirriżulta li dan tal-aħħar ma rrifjutax dawn it-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti iżda li hu trattahom abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

    164.

    Issa, kif b’dan il-motiv Rosneft tallega li l-Kunsill irrifjutalha, skorrettament, l-aċċess għall-maġġoranza tad-dokumenti li tagħhom hija kienet talbet il-produzzjoni, jien nikkunsidra li dan il-motiv huwa inammissibbli, skont il-ġurisprudenza li toħroġ mill-kawża li wasslet għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorg (C‑188/92, EU:C:1994:90) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-[…]eżiġenzi ta’ ċertezza legali jwasslu sabiex jeskludu l-possibbiltà, għall-benefiċċjarju ta’ għajnuna […] li seta’ jattakka din id-deċiżjoni u li jkun ħalla jgħaddi it-terminu mandatorju previst f’dan ir-rigward mis-[sitt paragrafu] tal‑Artikolu [263] tat-Trattat [FUE], li jikkontesta l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali meta jkun hemm rikors ippreżentat kontra l‑miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill‑awtoritajiet nazzjonali” ( 97 ).

    165.

    F’dan ir-rigward, jien nirrileva li mill-ittri tal-Kunsill mibgħuta lil Rosneft jirriżulta li l-Kunsill kien diġà avżaha, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, bil-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament kontra r-rifjut parzjali tat-talba tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti skont l-Artikolu 263 TFUE.

    166.

    Bħad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li taw lil Rosneft aċċess parzjali għad-dokumenti li hija kienet talbet u li kienu jikkonċernawha direttament u individwalment, ir-rikors tagħha kien ikun, mingħajr l‑ebda dubju, ammissibbli ( 98 ).

    167.

    Fi kwalunkwe każ, il-qari tat-talbiet għal aċċess privileġġat għad-dokumenti mibgħuta lill-Kunsill minn Rosneft jindika li:

    ħafna drabi, dawn it-talbiet ma kienx fihom deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed ta’ kategorija speċifika u ristretta ta’ dokumenti li tista’, b’mod raġonevoli u fl-opinjoni ta’ Rosneft, teżisti;

    dawn it-talbiet ma kinux akkumpanjati la bi spjegazzjoni tar‑rilevanza tagħhom għall-kawża u lanqas tal-importanza tagħhom għad-deċiżjoni tagħha; u li

    dawn it-talbiet ma kinux akkumpanjati la minn dikjarazzjoni li dawn ma kinux diġà jinsabu fil-pussess tagħha, fil-kustodja jew taħt il-kontroll tagħha, u lanqas minn spjegazzjoni tar-raġunijiet li għalihom kien preżunt li dawn kienu fil-pussess jew fil-kontroll tal-Kunsill.

    168.

    Minkejja dan kollu, il-Kunsill ipproduċa lista ta’ dokumenti li hu kkunsidra bħala inklużi fit-talbiet ta’ Rosneft u rrifjutalha parzjalment l-aċċess għal serje ta’ dokumenti filwaqt li taha r-raġunijiet għal dan ir‑rifjut.

    169.

    Barra minn hekk, peress li l-Gvern tar-Renju Unit huwa parti fil‑kawża prinċipali, xejn ma jipprekludi lil Rosneft milli titolbu, skont ir‑regoli relatati mal-produzzjoni tad-dokumenti fid-dritt Ingliż, li jipproduċi dokumenti fil-pussess tiegħu, fil-kustodja jew fil-kontroll tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Kunsill. Il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li r-regoli tad-dritt Ingliż applikabbli għal produzzjoni tad-dokumenti josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 99 ).

    170.

    F’dan il-kuntest, jien ma nikkunsidrax li l-Kunsill ittratta t-talba għall-aċċess privileġġat ta’ Rosneft b’mod li jikkomprometti d-drittijiet tad-difiża tagħha, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ aċċess għall‑fajl.

    e) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegat ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

    171.

    Skont Rosneft, billi identifika s-settur taż-żejt bil-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-Kunsill ma osservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu, jekk l-għan iddikjarat ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien, kif iddikjarat fil-premessa 2 tar‑Regolament Nru 833/2014, li jippromwovi soluzzjoni paċifika tal‑kriżi tal-Ukraina, dan il-għan ma jispjegax u iktar u iktar ma jiġġustifikax id-differenza ta’ trattament mogħti lill-impriżi li, bħalha, jagħmlu parti mis-settur taż-żejt Russu u l-impriżi li jeżerċitaw attivitajiet f’setturi oħra.

    172.

    Skont ġurisprudenza stabbilita “[l]-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” ( 100 ).

    173.

    Fl-opinjoni tiegħi, Rosneft ma tistax tallega b’mod validu li hija vittma ta’ diskriminazzjoni.

    174.

    L-ewwel nett, is-settur taż-żejt Russu ma huwiex l-uniku settur tal-ekonomija Russa identifikat mill-miżuri restrittivi inkwistjoni. Id‑Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014 għandhom dispożizzjonijiet li jinkludu wkoll is-setturi tal-armamenti, tal-enerġija nukleari, dak ajruspazjali kif ukoll is-settur bankarju ( 101 ).

    175.

    Barra minn hekk, Rosneft ma pproduċietx provi li juru li jeżistu kumpanniji oħra taż-żejt Russi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl‑Artikoli 1(2)(b) sa (d) tad-Deċiżjoni 2014/512 u 5(2)(a) sa (d) tar‑Regolament Nru 833/2014, li, fuq din il-bażi, kellhom ikunu identifikati mill-miżuri restrittivi u li ma kinux identifikati jew ma humiex identifikati.

    176.

    Kif tosserva l-Kummissjoni, jekk tiġi segwita l-loġika applikata minn Rosneft, kull darba li l-Kunsill ried jimponi miżuri restrittivi kontra pajjiż terz, ma jkunx hemm għażla oħra ħlief li jiġu interrotti kompletament ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ dan il-pajjiż, li kien ikun, barra minn hekk, kuntrarju għall-kliem tal‑Artikolu 215(1) TFUE li jirreferi għal “deċiżjoni [tal-Kunsill] li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] [li] tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji” ( 102 ).

    177.

    Dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

    f) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter

    178.

    Rosneft tallega li billi indika, fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, li l-għan tal-miżuri restrittivi huwa “li jikber il-kost tal‑azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s‑sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi” ( 103 ), il-Kunsill għamel użu ħażin ta poter, peress li l-intenzjoni reali tiegħu kienet li jillimita l-kapaċità tal‑kumpanniji Russi li jkomplu bit-tkabbir tagħhom u li jikkawża dannu għal perijodu twil fis-settur tal-enerġija Russa.

    179.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[użu ħażin ta’ poter] jeżisti meta istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha bl-għan esklużiv jew almenu determinati, li tilħaq għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata xi proċedura speċjali prevista mit‑Trattat sabiex tipprevjeni ċ-ċirkustanzi tal-każ” ( 104 ).

    180.

    F’dan ir-rigward, Rosneft tibbaża ruħha fuq dokument tax‑xogħol tal-Kummissjoni ( 105 ) li jipprovdi li l-miżuri restrittivi kontra l-kumpanniji taż-żejt Russi “għandhom bħala għan li jipprekludu lil ċerti kumpanniji statali strateġiċi Russi minn sorsi finanzjarji internazzjonali u Ewropej, billi jimponu b’hekk spiża finanzjarja indiretta fuq l-Istat u jillimitaw il-kapaċità tagħhom ta’ tkabbir fil‑futur” ( 106 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    181.

    Issa, dan id-dokument bl-ebda mod ma jsostni l-allegazzjoni li “l‑unika intenzjoni tal-Kunsill kienet li jillimita l-kapaċità tal‑kumpanniji Russi li jkomplu bit-tkabbir tagħhom” ( 107 ). Kuntrarjament, l-għan iddikjarat tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kien “li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina” ( 108 ), li jikkorrispondi mal-għan imsemmi f’dan id-dokument tax-xogħol tal‑Kummissjoni.

    182.

    Fi kwalunkwe każ, dokument wieħed, deskritt bħala “tax-xogħol” u li joriġina minn istituzzjoni oħra barra minn dik li adottat l-att inkwistjoni, mhux biżżejjed biex isostni l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

    183.

    Dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

    g) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegata kontradizzjoni bejn id-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014

    184.

    Rosneft issostni li teżisti kontradizzjoni bejn il-kliem tal‑Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 u dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014. Billi l-ewwel dispożizzjoni ma tagħti l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-projbizzjoni li jkunu rrifjutati l-awtorizzazzjonijiet tal‑kuntratti konklużi qabel l-ewwel ta’ Awwissu 2014, it-tieni tippermettilhom li jawtorizzaw, u għalhekk li jirrifjutaw, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn tali kuntratti.

    185.

    Infakkar li r-Regolament Nru 833/2014 huwa att tal-Unjoni adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE li jippermetti lill-Kunsill li jadotta l-“miżuri neċessarji”, fil-każ ta’ miżuri ristrettivi, “[m]eta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE], tipprevedi” l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz jew it-teħid ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

    186.

    Dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “minħabba l-adozzjoni ta’ [deċiżjoni PESK], [l-Unjoni] hija obbligata tieħu, fil‑kuntest tat-Trattat KE, il-miżuri li dan l-att jimponi” ( 109 ). Konsegwentement, kif josserva l-Gvern Franċiż, meta jadotta regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215 TFUE, il-Kunsill huwa marbut bit-termini tad-deċiżjoni PESK li tiġi qablu.

    187.

    Jien ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kunsill li r-regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huwa indipendenti mid-deċiżjoni PESK adottata abbażi tal-Kapitolu 2, tat-Titolu V, tat-Trattat UE u jista’ anki jikkontradixxih.

    188.

    Waqt is-seduta, il-Kunsill ibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq il‑punt 70 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li “[f]ir‑rigward tal‑ħtieġa li l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 tiġi inkluża fost il‑bażijiet legali […] huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-ħtieġa hija kontradetta mit‑test stess tal‑Artikolu 301 KE, li jipprevedi l‑possibbiltà li jiġu adottati miżuri Komunitarji meta pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottati skont id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat UE, fil‑verżjoni tiegħu preċedenti għat‑Trattat ta’ Lisbona, dwar il-PESK jipprevedu azzjoni mill‑Komunità. Dan it-test jindika li l-pożizzjoni komuni jew l-azzjoni konġunta għandhom ikunu eżistenti sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri Komunitarji iżda ma jindikax li dawn il‑miżuri għandhom ikunu bbażati fuq din il-pożizzjoni komuni jew fuq din l‑azzjoni konġunta” ( 110 ).

    189.

    Issa, preċiżament kif tindika l-Qorti tal-Ġustizzja fit-test enfasizzat fis-sentenza tagħha, il-kliem tal-Artikolu 215 TFUE mhux l‑istess bħal dak tal-Artikolu 301 KE li jirreferi għall-każ meta “jkun hemm, f’posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il‑provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il‑politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar”.

    190.

    Għall-kuntrarju, f’dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi li jakkumpanjaw l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar‑relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/512 ( 111 ), l-Artikolu 215(1) TFUE jimponi lill-Kunsill li jadotta regolament li jimplementa l-miżuri neċessarji ( 112 ).

    191.

    Konsegwentement, kif id-Deċiżjoni 2014/512 kienet introduċiet il-miżuri restrittivi sabiex jiġu implementati l-interruzzjoni u t-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz, din id-deċiżjoni kellha tidher, flimkien mal-Artikolu 215 TFUE, fil-bażi legali tar-Regolament Nru 833/2014, li huwa barra minn hekk il-każ ( 113 ).

    192.

    Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 ma jistgħux jikkontradixxu d-Deċiżjoni 2014/512 mingħajr ma jiksru l-prinċipju ta’ legalità li dan ir-regolament, bħal kull att tal-Unjoni, għandu josserva.

    193.

    F’dan il-każ, iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom kliem differenti. L-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprovdi li l‑projbizzjoni li tingħata awtorizzazzjoni ta’ bejgħ, ta’ forniment, ta’ trasferiment jew ta’ esportazzjoni ta’ tagħmir jew inkella ta’ forniment ta’ ċerti servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu “għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014” ( 114 ) filwaqt li l-Artikolu 3(5) tar‑Regolament Nru 833/2014 jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu madankollu, jagħtu” ( 115 ) tali awtorizzazzjoni meta l-bejgħ, il‑forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jikkonċernaw obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Awwissu 2014.

    194.

    Fi kliem ieħor, id-Deċiżjoni 2014/512 ma taffettwax il-kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 filwaqt li r-Regolament Nru 833/2014 jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jawtorizzaw bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni sabiex jiġi implementat obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Awwissu 2014.

    195.

    Fl-opinjoni tiegħi, hemm kontradizzjoni irrikonċiljabbli bejn iż‑żewġ testi u għar-raġunijiet li tajt fil-punti 185 sa 192 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jien nikkunsidra li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014 huwa invalidu.

    h) Dwar il-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l-allegat ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali ta’ Rosneft

    196.

    Rosneft issostni li l-Artikoli 1(2)(b) sa (d) u (3), u 7 kif ukoll l‑Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 bħall-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), 5(2)(b) sa (d), u 3, 11(1), kif ukoll l-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014 huma invalidi, għaliex huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għan iddikjarat tagħhom u jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 16 (libertà ta’ intrapriża) u 17(1) (dritt għall-proprjetà) tal‑Karta.

    197.

    Billi tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (EU:T:2009:401) u Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (EU:C:2013:776), Rosneft tikkunsidra li l‑miżuri adottati mill-Kunsill la huma neċessarji u lanqas adattati, peress li ma jeżisti l-ebda rapport raġonevoli bejn il-motivi użati u l-għan imsemmi mill-imsemmija miżuri.

    198.

    Rosneft issostni li l-Artikoli 7(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 u 11(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jawtorizzaw, fir-rigward tagħha, konfiska tal-assi u ndħil fid-drittijiet kuntrattwali akkwistati, jiġifieri d‑drittijiet ta’ proprjetà tagħha protetti mill-Artikolu 17(1) tal-Karta. Dawn id-dispożizzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju billi tipprovdi, essenzjalment, li l-partijiet kontraenti mhux Russi jistgħu jiġu lliberati minn kull obbligu previst mill-kuntratti, konklużi minn entitajiet imsemmija fl-imsemmi regolament, anki jekk dan ikun obbligu li jforni firxa wiesgħa ta’ tagħmir li minnu parti żgħira biss tkun tirrigwarda t‑teknoloġija msemmija fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

    199.

    Jien ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti.

    200.

    Bħall-Gvern tar-Renju Unit, dak Estonjan u Franċiż kif ukoll il‑Kunsill u l-Kummissjoni, jien nikkunsidra li l-indħil deskritt minn Rosneft huwa biss il-konsegwenza inevitabbli tad-deċiżjoni tal-Kunsill minn naħa, li tnaqqas ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Federazzjoni Russa u min-naħa l-oħra, li timponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Rosneft.

    201.

    Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 113 tas-sentenza Bank Melli vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735), “[i]d‑drittijiet fundamentali inkwistjoni fil‑kawża ineżami ma humiex prerogattivi assoluti u […] l‑eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati mill‑għanijiet ta’ interess ġenerali li [l-Unjoni] tkun qiegħda ssegwi” ( 116 ).

    202.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 22 u 23 tas‑sentenza Bosphorus (C‑84/95, EU:C:1996:312) iddeċidiet li “[…] kull miżura ta’ sanzjoni tinkludi, minnha nnifisha, effetti li jaffettwaw id-drittijiet ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, li jikkawżaw għalhekk danni lill-partijiet li ma għandhom l-ebda responsabbilità fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall‑adozzjoni tas-sanzjonijiet” u li “[h]emm lok li mbagħad jiġi rrilevat li l-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-regolament ikkontestat hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki jekk kunsiderevoli, għal ċerti operaturi” ( 117 ).

    203.

    F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom l-għan speċifiku li jillimitaw il-provvista ta’ tagħmir u ta’ finanzjament tas‑settur taż-żejt Russu biex b’hekk jidħlu f’kamp speċifikament limitat, li ma għandux bħala effett li jaffettwa mingħajr distinzjoni l‑operaturi ekonomiċi Russi kollha mingħajr kunsiderazzjoni tal‑importanza strateġika li huma għandhom għall-ekonomija Russa.

    204.

    Għalhekk, kif isemmi l-Gvern Franċiż, fid-dawl tal-kuntest li fih id-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati u l-għan tagħhom sabiex tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa billi ġew identifikati setturi strateġiċi tal-ekonomija Russa, fosthom is-settur taż‑żejt, il-Kunsill seta’ jadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni mingħajr ma jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa adattat u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    205.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-punt (a) tat-tieni domanda kif ġej:

    a)

    l-eżami ta’ din id-domanda ma rrileva l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli

    1(2) (b) sa (d), u (3),

    7, u

    l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512,

    kif ukoll l-Artikoli

    3(1) sa (4), l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 5, u (6) sa (8)

    3a,

    4(3) u (4),

    5(2) (b) sa (d), u (3),

    11, u

    l-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014.

    b)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014 huwa invalidu.

    C – Dwar il-punt (b) tat-tieni domanda

    206.

    Bill-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, f’każ li l-miżuri restrittivi kkontestati minn Rosneft huma validi, ikunx kuntrarju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) li Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali, abbażi tal-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 833/2014, qabel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑ksur ikkonċernat ma jkun ġie ppreċiżat b’mod suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    1. Dwar l-ammissibbiltà

    207.

    Skont il-Kunsill, din id-domanda hija inammissibbli għaliex hija la tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ atti tal-Unjoni iżda l-validità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa).

    208.

    Il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill isostnu wkoll li d‑domanda hija ipotetika, għaliex ma tirrigwardax każ konkret ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni tar‑Renju Unit inkwistjoni, fatt li jkun assolutament impossibbli fir‑rigward ta’ Rosneft, peress li s-sanzjonijiet kriminali minħabba l‑ksur tad‑dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014 isemmu biss persuni stabbiliti fir-Renju Unit.

    209.

    Jien ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti. Fl-opinjoni tiegħi, mit‑talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta ċar li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ validità tal‑leġiżlazzjoni tar-Renju Unit adottata skont l-Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 833/2014 ( 118 ) fir-rigward ta’ prinċipji tad-dritt nazzjonali. Hija essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali ( 119 ) u tal-preċiżjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam kriminali (Artikolu 49 tal-Karta) għandhomx ikunu interpretati b’mod li jeskludi l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, meta t-termini li jiddeskrivu l-ksur ma kinux ippreċiżati b’mod suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    210.

    Jien lanqas nikkunsidra li l-punt (b) tat-tieni domanda hija ipotetika. Minn naħa, anki jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 833/2014 ma jsemmix il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ħlief mit-territorju tal-Istati Membri ( 120 ), jidhirli li s-sanzjonijiet maħluqa bid‑digriet dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet (sanzjonijiet relatati mar-Russja, il-Krimea u Sevastopol) tal-2014 ma jsemmux biss persuni stabbiliti fir-Renju Unit jew fl-Unjoni ( 121 ). Fil-fatt, waqt is-seduta, Rosneft sostniet li f’każ ta’ ksur ta’ miżuri ristrettivi, ir-responsabbiltà kriminali tagħha tista’ tkun bħala kompliċi, xi ħaġa li l-Gvern tar-Renju Unit ma kkontestax.

    211.

    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li Rosneft ma tistax tkun is-suġġett ta’ dawn is-sanzjonijiet ma jagħmilx id-domanda ipotetika, peress li mit‑talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta bl-ebda mod li Rosneft ma għandhiex id-dritt li tikkontesta l-miżuri adottati mill-Gvern tar‑Renju Unit skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 833/2014.

    212.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li Rosneft ma kinitx is-suġġett ta’ sanzjoni kriminali ma għandu l-ebda effett. Fil-fatt, kif il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 64 tas-sentenza Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163), “[jekk parti] neċessarjament tiġi esposta għal proċeduri amministrativi jew kriminali kontriha, u għal penalitajiet eventwali li setgħu jirriżultaw, bħala l-uniku mezz legali sabiex tikkontesta l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni [tal-Unjoni], dan ma jkunx biżżejjed sabiex jiggarantixxi din il‑protezzjoni ġudizzjara effettiva”.

    213.

    Għalhekk għandha tingħata risposta għal din id-domanda.

    2. Dwar il-mertu

    214.

    Skont Rosneft, il-kliem li jiddeskrivu l-ksur, u b’mod partikolari t-termini “ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru” ( 122 ), “shale” ( 123 ), “assistenza finanzjarja” ( 124 ) u “titoli trasferibbli […] wara t-12 ta’ Settembru 2014” ( 125 ), ma jilħqux il-livell ta’ preċiżjoni u ta’ ċertezza applikabbli għal sanzjonijiet kriminali. Konsegwentement, hija tikkunsidra li jkun kuntrarju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) li Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali abbażi tal-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 833/2014, mingħajr jew qabel li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma tkun tat interpretazzjoni uniformi lil dawn it-termini.

    215.

    Bħall-qorti tar-rinviju, jien nikkunsidra li t-termini inkwistjoni għandhom mingħajr dubju portata wiesgħa iżda niddubita jekk finalment, l-ambigwitajiet inerenti f’dawn it-termini humiex suffiċjenti sabiex joħolqu nuqqas ta’ ċertezza legali.

    216.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 217 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408), “il-prinċipju tal-legalità tar-reati u l-penalitajiet (nullum crimen, nulla poena sine lege), […] ma tistax tiġi interpretata li ma tippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli ta’ responsabbiltà kriminali”.

    217.

    Filwaqt li kompliet bir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test in kwistjoni, il-qasam li hija tkopri kif ukoll in‑numru u l-kwalità tad-destinatarji tagħha. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna in kwistjoni jkollha tirrikorri għal parir ta’ kjarifika biex tevalwa, sa grad raġonevoli skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tas-sengħa tagħhom. F’dan ir‑rigward huma mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm” ( 126 ).

    218.

    Minn din is-sentenza jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ interpretazzjonijiet differenti possibbli ta’ dispożizzjoni kriminali ma tagħmilhiex awtomatikament kuntrarja għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa). Fil-fatt, jeżistu ħafna dispożizzjonijiet kriminali li t-termini tagħhom ma għandhomx, mill-bidu nett, interpretazzjoni waħda.

    219.

    Kif indikaw it-Teżor tal-Maestà tagħha u l-Ministeru tal-Impriżi, Innovazjoni u Kompetenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, fil-każ fejn jeżistu dubji veri dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil wieħed mit-termini inkwistjoni, “ikun dejjem possibbli għall-impriża affettwata li titlob spjegazzjonijiet mill-awtoritajiet li jirrestrinġu u li b’hekk tipprevjeni ukoll kull riskju ta’ proċeduri ta’ ksur bħala regola involontarji tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni” ( 127 ).

    220.

    Jien nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 19 TUE, jimplementaw rimedji neċessarji sabiex jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jikkontestaw l-interpretazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri skont id‑Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014.

    221.

    Dawn il-qrati jistgħu għalhekk jissottomettu talbiet għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, kull darba li huma jikkunsidraw li t-termini tar-Regolament Nru 833/2014 u tad‑Deċiżjoni 2014/512 (sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti), ma humiex ċari biżżejjed, kif għamlet barra minn hekk il‑qorti tar-rinviju bit-tielet domanda tagħha, li tikkonċerna preċiżament l-interpretazzjoni tat-termini msemmija fil-punt (b) tat-tieni domanda.

    222.

    Jien nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall‑punt (b) tat-tieni domanda li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u l‑preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) ma jeskludux li Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali, abbażi tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 833/2014, qabel ma l-portata tat‑termini użati minn dan ir-regolament sabiex jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur ikkonċernat tkun ġiet spjegata biżżejjed mill‑Qorti tal‑Ġustizzja.

    D – Dwar il-punt (a) tat-tielet domanda

    223.

    Bil-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja jekk it-terminu “assistenza finanzjarja” użat fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 jinkludix l-ipproċessar ta’ pagamenti minn bank jew organu finanzjarju.

    224.

    Skont Rosneft, it-termini “[l]-finanzjament jew assistenza finanzjarja” għandhom jinqraw flimkien u jinftiehmu bħala li jfissru l-forniment ta’ finanzjament u ta’ servizzi relatati, li ma jinkludix il-ħlas ta’ pagamenti, argument li l-Ministeru tal-Impriżi, Innovazzjoni u Kompetenzi jopponi, peress li jikkunsidra li l‑ipproċessar ta’ pagamenti jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont l‑Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014.

    225.

    Kif tindika l-qorti tar-rinviju, din id-domanda hija ta’ importanza partikolari għaliex mill-provi li ġew prodotti quddiemha jirriżulta li dawn it-termini huma suġġetti għal interpretazzjonijiet differenti mill‑awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    226.

    Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirriżulta li l-Gvern Estonjan kif ukoll il‑Kummissjoni ( 128 ) jaqblu dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini magħmula mill-Gvern tar-Renju Unit, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż isostni l-interpretazzjoni proposta minn Rosneft. Skont dan, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-ipproċessar ta’ pagamenti huwa inkluż fil‑kunċett “assistenza finanzjarja”, bil-kundizzjoni li tali pagamenti jinvolvu t-trasferiment mill-istabbiliment finanzjarju ta’ riżorsa ġdida għad-destinatarji tagħhom.

    227.

    Barra minn hekk, jien nirrileva li t-termini inkwistjoni huma użati minn diversi regolamenti li jimponu miżuri restrittivi. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha konsegwenzi li jmorru lil hinn mil-limiti ta’ din il-kawża ( 129 ).

    228.

    Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għad-domanda ma tistax tkun kategorikament negattiva jew affermattiva.

    229.

    Jien nirrileva qabel xejn li, skont il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel “il‑finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mat-teknoloġija msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is-self u l‑assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ assistenza teknika relatata”.

    230.

    Dan il-kliem jimplika, kif josserva l-Gvern tar-Renju Unit, li l‑assistenza finanzjarja hija alternattiva għal finanzjament u mhux sinonimu jew kunċett inkorporat ma’ dak tal-finanzjament. Konsegwentement, il-kunċett ta’ assistenza finanzjarja għandu neċessarjament jinkludi attivitajiet li jmorru lil hinn minn dawk inklużi fil-kunċett ta’ finanzjament.

    231.

    Il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni joffri barra minn hekk xi eżempji ta’ dak li għandu jinftiehem b’“finanzjament jew assistenza finanzjarja”, jiġifieri “l-għotjiet, is-self u l‑assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni”. Madankollu, qabel din il-lista hemm it-terminu “inklużi”, li jindika li jista’ jkun hemm tranżazzjonijiet oħra, u dan mingħajr ma jissemma espressament l-ipproċessar ta’ pagamenti.

    232.

    F’dan ir-rigward, jien nirrileva li fin-nota ta’ gwida tas-16 ta’ Diċembru 2014 relatata mal-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 ( 130 ), il-Kummissjoni spjegat li “[s]‑servizzi ta’ pagament u l-ħruġ ta’ ittri ta’ garanzija/ta’ kreditu jikkostitwixxu assistenza finanzjarja u huma pprojbiti meta huma marbuta ma’ tranżazzjoni kummerċjali pprojbita skont l-Artikolu 2” ( 131 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    233.

    Il-Kummissjoni spjegat ukoll li “[l]-banek li jaġixxu għan-nom ta’ klijent jew għall-benefiċċju tiegħu għandhom obbligu ta’ superviżjoni fir-rigward ta’ pagamenti li jsiru mill-klijenti tagħhom u għandhom jopponu għal kwalunkwe pagament li jsir bi ksur tar-regolament. Fir‑rigward tal-banek li jaġixxu bħala korrispondent bankarju, dawn għandhom jipprekludu kwalunkwe pagament jekk ikun hemm informazzjoni li tindika li hemm ksur tar-regolament” ( 132 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    234.

    Għalhekk l-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni huwa li jipprojbixxi kull assistenza ta’ natura finanzjarja għal tranżazzjoni pprojbita mill-Artikoli 4(4) u 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014, jiġifieri l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal‑oġġetti elenkati fl-Anness II jekk hemm raġunijiet raġonevoli li juru li dan il-bejgħ, dan il-forniment, dan it-trasferiment jew din l‑esportazzjoni tikkonċerna oġġetti li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni ta’ żejt imsemmija fl‑Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament.

    235.

    Kif spjegajt fil-punti 126 sa 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it‑tranżazzjonijiet imsemmija u pprojbiti bl-Artikolu 3(5) tar‑Regolament Nru 833/2014 huma dawk li jsiru mit-territorju tal-Istati Membri.

    236.

    Jekk ir-Regolament Nru 833/2014 ma jipprekludix it‑tranżitu fit-territorju tal-Unjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness II li jitilqu minn pajjiż terz b’destinazzjoni għal Federazzjoni Russa, jirriżulta li l-ipproċessar ta’ pagamenti għal dawn it-tranżazzjonijiet ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “assistenza finanzjarja” skont l-Artikolu 4(3)(b) tar‑Regolament Nru 833/2014.

    237.

    F’dan ir-rigward, nirreferi għall-premessa 5 ta’ dan ir-regolament li, minkejja li jikkonċerna restrizzjonijiet għal aċċess għas-suq tal‑kapital lil ċerti stabbilimenti finanzjarji imposti bl-Artikolu 5, tispjega li “[s]ervizzi finanzjarji oħrajn bħal […] servizzi ta’ ħlas […] mhumiex koperti minn dan ir-Regolament”.

    238.

    Min-naħa l-oħra, l-ipproċessar ta’ pagamenti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti elenkati fl‑Anness II, mit-territorju tal-Unjoni, huma suġġetti għall-obbligu ta’ talba għal awtorizzazzjoni, bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-pagament inkwistjoni u t‑tranżazzjoni relatata jikkonċernawx it-tliet eżempji msemmija fl‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 833/2014. Huwa biss jekk il‑prodotti inkwistjoni huma intiżi għal użu fir-Russja konformi mat-tliet eżempji, li l‑awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni.

    239.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-punt (a) tat-tielet domanda li t-terminu “assistenza finanzjarja” li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014 jinkludi l-ipproċessar minn bank jew organu finanzjarju ta’ pagament li t‑tranżazzjoni relatata miegħu hija msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament.

    E – Dwar il-punt (b) tat-tielet domanda

    240.

    Bil-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxix il-ħruġ, b’effett mit-12 ta’ Settembru 2014, tal-GDR ( 133 ) skont ftehim ta’ depożitu ma’ waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI, jew kull tranżazzjoni oħra li tikkonċerna lil dawn tal‑aħħar, meta dawn ikunu rappreżentattivi ta’ azzjonijiet ta’ waħda minn dawn l-entitajiet li nħarġu qabel din id-data.

    241.

    Rosneft issostni li l-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ GDR b’effett mit‑12 ta’ Settembru 2014 ma tinkludix il-GDR li l-azzjonijiet relatati magħhom inħarġu qabel it-12 ta’ Settembru 2014. L-FCA topponi din l‑interpretazzjoni peress li tikkunsidra li l-projbizzjoni tapplika b’effett minn din id-data irrispettivament mid-data tal-ħruġ tal-azzjonijiet relatati, pożizzjoni li taqbel magħha wkoll il-qorti tar-rinviju.

    242.

    Fl-opinjoni tiegħi, mill-kliem ta’ din id‑dispożizzjoni inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar ħafna li l-ħruġ ta’ GDR huwa pprojbit b’effett mit‑12 ta’ Settembru 2014 irrispettivament mid-data tal-ħruġ tal‑azzjonijiet relatati.

    243.

    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014, “[g]ħandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta’ […] titoli trasferibbli b’maturità itwal minn 30 jum, maħruġa wara t-12 ta’ Settembru 2014”.

    244.

    It-terminu “titoli trasferribbli” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(f)(i) bħala “ishma f’kumpaniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f’kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti depożitarji rigward l-ishma” ( 134 ).

    245.

    Billi ma hemm xejn fil-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jispeċifika terminu li jikkonċerna l-azzjonijiet relatati, huwa ċar li l‑projbizzjoni ta’ ħruġ ta’ GDR tapplika irrispettivament mid-data tal‑ħruġ tal-azzjonijiet relatati ( 135 ).

    246.

    Dan jidhirli, barra minn hekk, normali peress li, kif tosserva l‑FCA, il-GDR huma mezzi ta’ investiment marbuta b’mod ċert mal‑azzjonijiet ta’ kumpannija iżda kkwotati fil-Borża u nnegozjati b’mod separat mill-azzjonijiet li huma jirrappreżentaw. F’dan is-sens, il-GDR jippermettu lill-kumpanniji tal-pajjiżi terzi li jkollhom aċċess għas‑swieq tal-kapital tal-Unjoni u li jittrasferixxu l-kapital mingħajr ma neċessarjament jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkwotaw l-azzjonijiet tagħhom fil-Boroż ta’ dawn is-swieq.

    247.

    Huwa importanti li jiġi nnotat ukoll li, skont l-FCA, il-GDR verament maħruġa fuq l-azzjonijiet ta’ Rosneft jirrappreżentaw biss 7.5 % tal-kapital totali tagħha f’azzjonijiet, filwaqt li l-limitu tal‑ammont diġà awtorizzat mill-FCA sabiex tiġi kkwotata u għan‑negozjar jippermetti l-bdil f’GDR sa madwar 90 % tal-kapital tagħha.

    248.

    Dan jimplika li kieku kellu jiġi aċċettat l-argument ta’ Rosneft, il-miżura restrittiva introdotta mid-dispożizzjoni inkwistjoni ma jkollhiex kontenut, peress li l-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ Rosneft inħarġu qabel it-12 ta’ Settembru 2014 u li Rosneft setgħet liberament tkompli tibdilhom f’GDR.

    249.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-punt (b) tat-tielet domanda li l-Artikolu 5(2) tar‑Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi l-ħruġ ta’ GDR fuq azzjonijiet ta’ entitajiet elenkati fl-Anness VI b’effett mit-12 ta’ Settembru 2014 irrispettivament mid-data tal-ħruġ ta’ dawn l‑azzjonijiet.

    F – Dwar il-punt (c) tat-tielet domanda

    250.

    Bil-punt (c) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar id-definizzjoni li għandha tingħata lit‑terminu “shale” li jinsab fl-Artikoli 3(3) u 3a(1)(c) tar-Regolament Nru 833/2014, kif ukoll dwar jekk it-termini “ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru” li jinsabu fl-Artikoli 3(3), 3a(1)(a) ta’ dan ir‑regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kejl ta’ 150 metru għandux jittieħed mill-punt tat-tħaffir jew minn xi punt ieħor.

    1. Dwar il-kunċett ta’ “ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru”

    251.

    Kif diġà semmejt fil-punt 214 ta’ dawn il-konklużjonijiet u fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 122, jeżistu żoni vasti ta’ ilmijiet fejn il-fond tal-ilma jvarja b’mod kunsiderevoli, b’tali mod li f’ċerti postijiet l‑ilmijiet huma b’fond ta’ iktar minn 150 metru, filwaqt li bnadi oħra, l‑ilmijiet huma b’fond ta’ inqas minn 150 metru. Skont Rosneft, ir‑Regolament Nru 833/2014 ma jidentifikax il-punt li minnu jibda jitkejjel il-150 metru u lanqas jispeċifika jekk huwiex ipprojbit li jsir tħaffir vertikali f’punt fejn il-fond tal-ilmijiet huwa inqas minn 150 metru u mbagħad li jsir tħaffir ’il barra lejn punt li jinstab fil-blat li jinstab fl-ilmijiet fejn il-fond huwa ta’ iktar minn 150 metru.

    252.

    Nirrileva li teżisti konverġenza ta’ opinjoni bejn Rosneft, il‑Gvernijiet tar-Renju Unit, dak Franċiż u l-Kummissjoni ( 136 ) dwar l‑interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn it-termini, inkwantu huma kollha tal-opinjoni li l-kejl tal-fond għandu jibda fil-punt tat-tħaffir taż‑żejt.

    253.

    Jien naqbel ukoll ma’ din l-interpretazzjoni li jidhirli li hija loġika.

    254.

    Bħall-Kummissjoni, jien nikkunsidra li l-kejl ta’ 150 metru għandu jittieħed b’mod vertikali, li jeskludi li impriża tista’ tħaffer b’mod djagonali f’punt fejn il-fond tal-ilmijiet huwa ta’ jew inqas minn 150 metru lejn kamp taż-żejt li jinstab taħt ilmijiet ta’ fond ta’ iktar minn 150 metru.

    255.

    Huwa eskluż ukoll tħaffir vertikali f’punt fejn il-fond tal-ilmijiet huwa ta’ inqas minn 150 metru segwit bi tħaffir ’il barra lejn kamp taż‑żejt li jinstab taħt l-ilmijiet li l-fond tiegħu huwa ta’ iktar minn 150 metru.

    256.

    Li kieku kien permess il-kuntrarju, sakemm it-teknoloġija u l‑vijabbiltà finanzjarja jippermettuh, il-miżura restrittiva kienet tista’ tkun evitata.

    257.

    Barra minn hekk, Rosneft, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni (il‑Gvern tar-Renju Unit ma ħax pożizzjoni f’dan ir-rigward) huma tal‑opinjoni li l-kriterju ta’ 150 metru għandu jiġi applikat għaż-żona tat-tħaffir stess u mhux għall-parametru tal-kamp taż-żejt li huwa s‑suġġett tat-tħaffir.

    258.

    Dan jimplika li t-tħaffir ta’ kamp taż-żejt li jinstab parzjalment taħt ilmijiet ta’ fond ta’ iktar minn 150 metru u parzjalment taħt ilmijiet ta’ fond ta’ inqas minn 150 metru ma kienx inkluż fl-Artikoli 3(3) u 3a(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, sakemm isir f’punt fejn il-fond tal-ilmijiet huwa ta’ jew inqas minn 150 metru.

    259.

    Jiena naqbel ma’ din l-interpretazzjoni.

    2. Dwar il-kunċett ta’ “shale”

    260.

    L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “shale” tidher iktar ikkumplikata.

    261.

    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħmel eżami tal-provi xjentifiċi u ġeoloġiċi, filwaqt li l-Gvern Franċiż jikkunsidra li dan il-kunċett jikkorrispondi għal kunċett ġeoloġiku preċiż li ma jeħtieġx interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    262.

    Min-naħa l-oħra, Rosneft u l-Kummissjoni joffru l‑interpretazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-kunċett ta’ “shale” li huma dijametrikament opposti.

    263.

    Abbażi ta’ xhieda tal-espert ġeoloġiku tagħha, Rosneft tipproponi li żżomm bħala definizzjoni ta’ “shale” id-depożiti li jinkludu keroġenu, kompost prinċipalment minn tafal (li l-proporzjon tal-minerali taflija tiegħu huwa iktar minn 35 %) li ma jkunx fihom żejt likwidu.

    264.

    Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkopru proġetti li jistgħu jipproduċu ż-żejt, indipendentement mill-fatt li r-riżorsi li jinsabu fil-formazzjoni ta’ “shale” huma ta’ keroġenu jew ta’ żejt mhux irfinat, mill-mument li fih il-fratturazzjoni idrawlika hija applikata.

    265.

    Din id-diverġenza fl-interpretazzjoni tipprova li kuntrarjament għall-argument tal-Gvern Franċiż il-kunċett ġeoloġiku ta’ “shale” jagħti lok għal diskussjoni. Barra minn hekk, jien naqbel mal-Gvern tar-Renju Unit li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti definizzjonijiet xjentifiċi ta’ termini ġeoloġiċi, bħax-“shale”, b’mod partikolari fil-każ fejn l-awtur tal-att inkwistjoni, f’dan il-każ il-Kunsill, ma tax definizzjoni lil dan it-terminu.

    266.

    Għalhekk mingħajr ma rrid nagħti definizzjoni ta’ espert ġeoloġiku lill-kunċett ta’ “shale”, nirrileva li, kif tosserva l‑Kummissjoni, it-terminu inkwistjoni jinsab fis-sentenza “[l]-proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika”.

    267.

    Għandi dubji jekk din il-frażi tippermettix lill-esperti fil-qasam kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimplementawha. Fil-fatt, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, “tal-inqas fil‑maġġoranza l-kbira tal-każijiet, esperti fil-qasam ikkonċernat jifhmu l-limitazzjonijiet ta’ dawn id-definizzjonijiet u […] il-problemi identifikati minn [Rosneft] jidhru għalhekk iktar ipotetiċi milli reali, jew tal-inqas jaqgħu fil-marġni tad-definizzjonijiet” ( 137 ).

    268.

    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, kif il-miżuri restrittivi huma intiżi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fir-Russja, id‑definizzjoni li għandha tingħata lit-terminu “shale” għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-formazzjoni tax-“shale” li teżisti f’dan il‑pajjiż.

    269.

    Konsegwentement, jien ma naħsibx li t-terminu “shale” jista’ jingħata definizzjoni xjentifika mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas, min‑naħa l-oħra, li din id-definizzjoni hija indispensabbli għall‑implementazzjoni tal-artikoli inkwistjoni tar-Regolament Nru 833/2014.

    270.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi l-punt (c) tat-tielet domanda li l-kejl tal-“ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru” għandu jittieħed b’mod vertikali mill-punt tat‑tħaffir.

    VI – Konklużjoni

    271.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit] bil-mod segwenti:

    1)

    Konformement mal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal‑Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il‑validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina fir‑rigward tal-Artikolu 40 TUE kif ukoll sabiex tistħarreġ il-legalità tal‑Artikoli 1(2)(b) sa (d), u (3), u 7 ta’ din id-deċiżjoni.

    2)

    a)

    L-eżami ta’ din id-domanda ma rrileva l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli

    1(2)(b) sa (d) u (3),

    7, u

    l-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512,

    kif ukoll tal-Artikoli

    3(1) sa (4), l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 5, u (6) sa (8),

    3a,

    4(3) u (4),

    5(2)(b) sa (d) u (3),

    11, u

    tal-Annessi II u VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014 huwa invalidu.

    b)

    Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u l‑preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) ma jeskludux li Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, qabel ma t-termini użati minn dan ir‑regolament li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal‑ksur ikkonċernat ikunu ġew spjegati biżżejjed mill-Qorti tal‑Ġustizzja.

    3)

    a)

    It-terminu “assistenza finanzjarja” li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, jinkludi l‑ipproċessar minn bank jew organu finanzjarju ta’ pagament li t‑tranżazzjoni relatata miegħu hija msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament.

    b)

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, jipprojbixxi l-ħruġ ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli fuq azzjonijiet ta’ entitajiet elenkati fl-Anness VI b’effett mit-12 ta’ Settembru 2014 irrispettivament mid-data tal-ħruġ ta’ dawn l‑azzjonijiet.

    c)

    Il-kejl tal-“ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru” fis-sens tal‑Artikoli 3(3) u 3a(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014, għandu jittieħed b’mod vertikali mill-punt tat‑tħaffir.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU L 229, p. 13. Din id-deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi. Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-emendi li saru sax-xahar ta’ Diċembru 2014, f’dawn il‑konklużjonijiet ser nirreferi għall-verżjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 fis-seħħ fix-xahar ta’ Diċembru 2014, li fiha emendi li saru bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK, tat-8 ta’ Settembru 2014 (ĠU L 271, p. 54) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU L 349, p. 58).

    ( 3 ) ĠU L 229, p. 1. Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-emendi li saru sax-xahar ta’ Diċembru 2014, f’dawn il‑konklużjonijiet ser nirreferi għall-verżjoni tar-Regolament Nru 833/2014 fis‑seħħ fix-xahar ta’ Diċembru 2014, li fiha emendi li saru bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014, tat-8 ta’ Settembru 2014 (ĠU L 271, p. 3) u r-Regolament tal‑Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU L 349, p. 20).

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 356. Dan il-ftehim ġie approvat għan-nom tal-Komunitajiet permezz tad-Deċiżjoni 97/800/KEFA, KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ottubru 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 356).

    ( 5 ) Dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern dwar l-Ukraina, Brussell, 6 ta’ Marzu 2014.

    ( 6 ) ĠU L 78, p. 6.

    ( 7 ) Din hija l-kawża pendenti NK Rosneft et vs Il‑Kunsill (T‑715/14).

    ( 8 ) Ara r-Regolamenti dwar l-Ukraina (sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea) (Nru 3) tal-2014 [The Ukraine (European Union Financial Sanctions) (No. 3) Regulations 2014, SI 2014/2054], sussegwentement emendati bir-Regolamenti dwar l-Urkrajna (sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea) (Nru 3) (Reviżjoni) tal-2014 [The Ukraine (European Union Financial Sanctions) (No. 3) (Amendment) Regulations 2014, SI 2014/2445], u d-Digriet dwar l-istħarriġ tal-esportazzjonijiet (sanzjonijiet dwar ir-Russja, Krimea u Sevastopol) tal-2014 [The Export Control (Russia, Crimea and Sevastopol Sanctions) Order 2014, SI 2014/2357], sussegwentement emendat bid-Digriet dwar l-istħarriġ tal-esportazzjonijiet (sanzjonijiet dwar ir-Russja, Krimea u Sevastopol) (Reviżjoni) tal-2014 [The Export Control (Russia, Crimea and Sevastopol Sanctions) (Amendment) Order 2014, SI 2014/2932].

    ( 9 ) Dawn huma titoli trasferibbli li jkunu għadhom kemm inħarġu taħt il-forma ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (“Global Depository Receipts”, iktar ’il quddiem il-“GDR”) li jirrigwardaw azzjonijiet ta’ Rosneft u li huma inklużi fil-lista ta’ kwotazzjoni uffiċjali u skambji tal-Borża ta’ Londra.

    ( 10 ) Ara R (OJSC Rosneft Oil Company) v Her Majesty’s Treasury and ors [2015] EWHC 248 (Admin).

    ( 11 ) Sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 22) u Il‑Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 20).

    ( 12 ) Ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott dwar l‑opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2475, punt 100).

    ( 13 ) Din il-leġitimazzjoni passiva tal-Parlament fir-rigward ta’ rikors għal annullament ġiet kompluta permezz tal-leġitimazzjoni attiva tagħha, deċiża fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li jekk it-test tat-Trattat KEE ma kienx jinkludi l-Parlament mad‑diversi istituzzjonijiet li setgħu jippreżentaw rikors għal annullament, din setgħet tkun “lakuna proċedurali li ma tistax tipprevalixxi kontra l-interess fundamentali relatat maż-żamma u mar-rispett tal-bilanċ istituzzjonali ddefinit mit‑Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej” (punt 26).

    ( 14 ) Sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23); Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40); Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 57); T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45); kif ukoll id-digriet Pesquerias Riveirenses et vs Il‑Kunsill (C‑164/14 P, EU:C:2015:111, punt 40).

    ( 15 ) Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx l-argument ristrett ħafna tal-Avukat Ġenerali Kokott, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ atti dwar il-PESK, fatt li jippermetti lill-qrati tal‑Istati Membri, filwaqt li għandhom l-obbligu li japplikaw id-dritt tal-Unjoni, li jevalwaw huma stess il-legalità ta’ dan it-tip ta’ atti u li ma japplikawhomx fil-każ li jiddeċiedu li huma illegali (ara l-punti 82 sa 103 tal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott dwar l-opinjoni 2/13, EU:C:2014:2475).

    ( 16 ) Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42).

    ( 17 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 18 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 19 ) Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 72).

    ( 20 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 21 ) Ara s-sentenzi Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 99), li tirreferi għall-punti 36 sa 38 tas-sentenza Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il‑Kunsill (T‑509/10, EU:T:2012:201); Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 73), u National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (T‑578/12, EU:T:2014:678, punt 35), ikkonfermata bis-sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128).

    ( 22 ) ĠU L 352M, p. 432.

    ( 23 ) Ara s-sentenza Peftiev (C‑314/13, EU:C:2014:1645).

    ( 24 ) ĠU L 42, p. 92.

    ( 25 ) ĠU L 310, p. 10.

    ( 26 ) Fid-dritt ta’ diversi Stati Membri, il-kwistjonijiet marbuta mal-eżerċizzju tal‑politika estera mmexxija mill-gvern ma humiex suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju skont l-argument imsejjaħ ta’ atti tal-Gvern [ara, b’mod partikolari, Conseil d’État (kunsill tal-Istat, Franza), 19 ta’ Frar 1875, Prince Napoléon, Ġabra Lebon, p. 155] jew id-duttrina ta’ “justiciability” [ara, b’mod partikolari, R (Abbasi and anor) v Secretary of State for Foreign & Commonwealth Affairs and anor (2002) EWCA Civ 1598, paragrafi 99 u 106 (Court of Appeal [England & Wales] [Civil Division] [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit])].

    ( 27 ) Punt 16. Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑176/03, EU:C:2005:542, punt 39); Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑440/05, EU:C:2007:625, punt 53); u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑91/05, EU:C:2008:288, punt 33).

    ( 28 ) Ara s-sentenzi Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 54) u Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 54).

    ( 29 ) Ara s-sentenzi Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 53) u Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 53).

    ( 30 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 31 ) Sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 16). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23); Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40); Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:742, punt 22); Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 80); Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 54); A (EU:C:2014:2195, punt 41); kif ukoll Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 62).

    ( 32 ) Is-sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452) hija bbażata fuq il-fatt li “l‑Artikolu [263] jagħti l-kompetenza esklużiva lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni” (sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 17). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenzi Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 53); Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 54); Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 53); A (EU:C:2014:2195, punt 41); kif ukoll Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 62). Dan il-prinċipju għandu japplika għal kull att tal-Unjoni li jaqa’ jew fil-klawżola ġenerali ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l‑punti 36 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jew fil-klawżola ta’ “claw-back”. Jekk, min-naħa l-oħra, proċedura tirrigwarda att dwar il-PESK li jaqa’ fil-klawżola ta’ “carve-out” iżda mhux fil-klawżola ta’ “claw-back”, l-istħarriġ tal-legalità tiegħu ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda tal-qrati tal-Istati Membri, li għandhom l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-partijiet f’kawża, skont l-Artikolu 19 TUE. Fil-fatt, kif jipprevedu l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikoli 24(1) TUE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE hija għalhekk “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea [li] m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni” u mhux il-qrati tal-Istati Membri.

    ( 33 ) Ara s-sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70) u Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42).

    ( 34 ) Fil-fatt, ma huwiex possibbli li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jerġa’ jistabbilixxi l-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni għal kwistjonijiet li qabel xejn ma kinux esklużi mill-kompetenza tagħhom permezz tal-ewwel paragrafu ta’ dan l‑artikolu.

    ( 35 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Maselis, I. u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, punt 6.05.

    ( 36 ) Inżid li din il-kawża tirrigwarda biss il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal‑atti PESK, peress li r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi u għal danni li jirrigwardaw att PESK huma koperti bil-klawżola ta’ “carve-out” tal-aħħar sentenza tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE u mhux bil-klawżola ta’ “claw-back” tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE.

    ( 37 ) Punt 100 tal-opinjoni. Fil-punt 101, hija żiedet li “[m]ill-perspettiva tal‑integrazzjoni politika, bla dubju ma huwiex ideali li, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-PESK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda kompetenza għal deċiżjoni preliminari u ma għandhiex ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward tal‑validità tal-atti legali tal-istituzzjonijiet fis-sens tas-sentenza Foto-Frost (EU:C:1987:452) minħabba li din iċ-ċaħda ta’ kompetenza ma tippermettix li tiġi ggarantita interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK”.

    ( 38 ) Ara l-Artikolu 21(1) TUE.

    ( 39 ) L-Artikolu 215(1) TFUE jimplika li l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar permezz ta’ deċiżjoni PESK tiġi segwita bl-adozzjoni ta’ att tal-Kunsill meħuda abbażi tal‑istess Artikolu 215 TFUE, imsejjaħ ukoll intervent ta’ dik li kienet, qabel it-Trattat ta’ Lisbona, “il-kolonna Komunitarja”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tuża l-indikattiv: “il-Kunsill […] jadotta l-miżuri meħtieġa”.

    ( 40 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 41 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 42 ) Sentenza Busseni (C‑221/88, EU:C:1990:84, punt 14).

    ( 43 ) Sentenza Busseni (C‑221/88, EU:C:1990:84, punt 16).

    ( 44 ) Kif jindika t-titolu tal-imsemmija deċiżjoni.

    ( 45 ) L-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512 jirrigwardaw is-settur taż-żejt Russu inkwantu jipprevedu sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il‑forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, ta’ ċertu tagħmir intiż essenzjalment għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt fil-Federazzjoni Russa, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ forniment dirett jew indirett minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri ta’ servizzi relatati mal-esplorazzjoni u mal-produzzjoni taż-żejt fil-Federazzjoni Russa.

    ( 46 ) L-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprevedi projbizzjoni ġenerali, applikabbli għall-istabbilimenti finanzjarji kollha tal-Unjoni, li jagħtu sensiela ta’ servizzi relatati mas-suq tal-kapital lil entitajiet stabbiliti fir-Russja u elenkati fl-Anness III, fejn tidher b’mod partikolari Rosneft.

    ( 47 ) L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprevedi klawżola ta’ nuqqas ta’ kumpens għal operaturi ekonomiċi, li fil-paragrafu 1(a) isemmi, fost oħrajn, l-entitajiet elenkati fl-Anness III, fejn tidher b’mod partikolari Rosneft.

    ( 48 ) Sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244) kif ukoll Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 99) li tirreferi għall‑punti 36 sa 38 tas-sentenza Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il‑Kunsill (T‑509/10, EU:T:2012:201).

    ( 49 ) Sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 57).

    ( 50 ) ĠU L 195, p. 39.

    ( 51 ) “[I]l-miżuri ta’ projbizzjoni adottati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 huma miżuri ta’ natura ġenerali, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, u mhux b’riferiment għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati. B’konsegwenza, kif isostnu l-Kunsill u l‑Kummissjoni, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 ma huwiex deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont l‑Artikolu 275(2) TFUE” (punt 37).

    (

    52

    )

    “1.

    Il-bejgħ, il-forniment, jew it-trasferiment ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali għas‑setturi prinċipali li ġejjin tal-industrija taż-żejt u l-gass naturali fl-Iran, jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f’dawk is-setturi barra l‑Iran, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl‑użu ta’ bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le:

    a)

    raffinar;

    b)

    gass naturali likwifikat;

    c)

    esplorazzjoni;

    d)

    produzzjoni.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’din id-dispożizzjoni.

    2.

    Il-forniment ta’ dan li ġej lill-intrapriżi fl-Iran li huma involuti fis-setturi prinċipali tal‑industrija Iranjana taż-żejt u l-gass kif hemm imsemmi fil-paragrafu 1 jew intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f'dawk is-setturi barra l-Iran għandu jkun ipprojbit:

    a)

    assistenza teknika jew taħriġ jew servizzi oħra relatati ma’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1;

    b)

    finanzjament jew assistenza finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1 jew għall-provvediment ta' assistenza teknika jew taħriġ relatati.

    3.

    Il-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l‑effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprojbita.”

    ( 53 ) Dan huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).

    ( 54 ) Ara wkoll, il-punti 36 sa 38 tas-sentenza Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il‑Kunsill (T‑509/10, EU:T:2012:201) fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma kinitx miżura restrittiva kontra persuna peress li ma kienet telenka l-ebda entità identifikata.

    ( 55 ) Barra minn hekk huwa impossibbli li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal‑Artikoli 24(1) u l-Artikolu 31(1) TUE jiġu interpretati bħala li jagħmlu mandatorja l-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, ta’ miżuri restrittivi li jipprovdu l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, sħiħ jew parzjali, tar‑relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, li huma fihom infushom miżuri ta’ portata ġenerali applikabbli għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt għaliex interpretazzjoni tali tkun espliċitament kuntrarja għall-kliem tal‑Artikolu 215(1) TFUE, li jipprovdi li “[l]-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall‑affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni [u] jinforma b’dan lill-Parlament”, li la hija proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas proċedura leġiżlattiva speċjali.

    ( 56 ) Dan jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-Artikolu 215 TFUE bħala “li ġie stabbilit pont bejn l-azzjonijiet ta[l-Unjoni] li jinvolvu miżuri ekonomiċi […] u l-għanijiet tat‑Trattat UE” (sentenza Il‑Parlament vs Il‑KunsillC‑130/10, EU:C:2012:472, punt 59). L-atti dwar il-PESK li jaqsmu dan il-“pont” isiru miżuri suġġetti għall‑osservanza tat-Trattat FUE.

    ( 57 ) Ara s-sentenzi Sison vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 33) u Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120).

    ( 58 ) Ara s-sentenzi Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6) dwar il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Ġreċja, iffirmat f’Ateni fid-9 ta’ Lulju 1961, konkluż f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 63/106/KEE, tal-25 ta’ Settembru 1961 (ĠU L 26, p. 293); Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 7) dwar il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963, konkluż f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10); Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punti 26 u 27); Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 27); kif ukoll Établissements Rimbaud (C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 19) dwar il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) u approvat bid-Deċiżjoni 94/1/KEFA, KE tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat ta’ Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146). Ara wkoll, il-punti 32 sa 35 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:52).

    ( 59 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54) u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 60 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 38). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47); Van Parys (C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 39); kif ukoll LVP (C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 44).

    ( 61 ) Fil-fatt, fil-punt 39 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ir-raġunament wara l-pożizzjoni tagħha li l-Ftehim WTO ma jagħmilx parti mir-regoli li fir-rigward tagħhom il-legalità tal‑atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu mistħarrġa (“li jekk jiġi ammess li l-kompitu li tiġi żgurata l-konformità tad-dritt tal-Unjoni mar-regoli tad-WTO huwa tal-qrati tal-Unjoni, dan iċaħħad lill-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal‑Unjoni mill-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu korpi simili tal-imsieħba kummerċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li wħud mill-partijiet kontraenti, inklużi l-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni mil-lat kummerċjali, ikkonkludew, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-Ftehim WTO, li dawn ma humiex fost ir-regoli applikabbli mill-qrati tagħhom meta jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom tad-dritt nazzjonali. Tali nuqqas ta’ reċiproċità, jekk jiġi ammess, ikollu r-riskju li jwassal għal żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO”).

    ( 62 ) L-Artikolu I:1 tal-GATT jiddefinixxi t-trattament ġenerali tan-nazzjon l-iżjed favorit kif ġej: “[i]l-vantaġġi, benefiċċji, privileġġi jew immunitajiet kollha mogħtija minn parti kontraenti lil prodott li joriġina minn jew li huwa destinat lejn kull pajjiż ieħor għandhom, immedjatament u mingħajr kundizzjoni, jiġu estiżi għall-prodotti kollha simili li joriġinaw minn jew li huma destinati lejn it-territorju tal-partijiet kontraenti l-oħra kollha. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-dazju doganali u l‑impożizzjonijiet ta’ kull tip fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew li jikkonċernaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, kif ukoll dawk imposti fuq it‑trasferimenti internazzjonali ta’ ħlas ta’ importazzjonijiet jew ta’ esportazzjonijiet, il-metodu ta’ ħlas ta’ dawn id-dazji jew taxxi, ir-regoli kollha u l‑formalitajiet marbuta mal-importazzjonijiet jew mal-esportazzjonijiet kif ukoll il‑kwistjonijiet kollha li huma suġġetti għall-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu III.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 63 ) Ara l-punti 20 sa 29 tas-sentenza Simutenkov (C‑265/03, EU:C:2005:213).

    ( 64 ) Ara l-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:52).

    ( 65 ) It-terminu spedizzjoni jfisser il-passaġġ mit-territorju ta’ Stat, bit-trażbord jew mingħajru, ħżin, qsim tat-tagħbija jew tibdil fil-mod tat-trasport, huwa biss biċċa minn vjaġġ sħiħ li jibda u jintemm lil hinn mill-fruntieri ta’ dan l-Istat li fit‑territorju tiegħu jkun seħħ. Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Artikolu V:1 tal-GATT.

    ( 66 ) Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 833/2014. Enfasi miżjuda minni.

    ( 67 ) Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 833/2014. Enfasi miżjuda minni.

    ( 68 ) Disponibbli fuq is-sit internet tal-United Nations Statistics Division (http://unstats.un.org/unsd/cr/registry/regcs.asp?Cl=9&Lg=1&Co=8672). In-numru CPC (“central product classification”) huwa riferiment għas-sistema internazzjonali ta’ klassifikazzjonijiet ta’ prodotti taħt l-awspiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).

    ( 69 ) Disponibbli fuq is-sit internet tal-United Nations Statistics Division (http://unstats.un.org/unsd/cr/registry/regcs.asp?Cl=9&Lg=1&Co=8676).

    ( 70 ) L-uniċi servizzi msemmija fis-CPC 86761 li jistgħu jkunu rilevanti huma “[s]‑servizzi ta’ ttestjar u ta’ analiżi ta’ propjetajiet kimiċi u bijoloġiċi ta’ materjali bħall-[…] karburanti”. Madankollu, is-servizzi ta’ tħaffir, ittestjar ta’ bjar, servizzi ta’ llogjar u tlestija jew ta’ forniment ta’ bastimenti speċjalizzati li jżommu f’wiċċ l-ilma ma jagħmlux parti minnhom.

    ( 71 ) Ara l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) tad-Deċiżjoni 2014/512 u l-Artikolu 5(2)(b) sa (d) tar‑Regolament Nru 833/2014.

    ( 72 ) Ara l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 73 ) Dan il-każ kien jikkonċerna wkoll restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital li jmur kontra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il‑Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika tat‑Tuneżija, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Lulju 1995 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar bid‑Deċiżjoni 98/238/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Jannar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 28, p. 187) u l‑Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l‑waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis‑17 ta’ Ġunju 2002 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE, fl-14 ta’ Frar 2006 (ĠU L 294M, p. 168).

    ( 74 ) Premessa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512.

    ( 75 ) Premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 76 ) Premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 77 ) Ara s-sit internet ta’ Rosneft (http://www.rosneft.com/about/).

    ( 78 ) Premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 79 ) Il-verżjoni Franċiża, ibbażata fuq il-verżjoni Rumena, tirreferi għall-“cas de guerre ou de grave tension internationale menaçant de déboucher sur un conflit armé” [każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni gravi internazzjonali li thedded bidu takunflitt armat] filwaqt li l-verżjoni Ingliża, sostnuta mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha kif ukoll mill-verżjoni Russa, tirreferi għal “time of war or serious international tension constituting threat of war” [żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni gravi internazzjonali li tikkostitwixxi theddiha ta’ gwerra]. Enfasi miżjuda minni.

    ( 80 ) Premessa 1 tad-Deċiżjoni 2014/512. Fis-seduta, il-Kunsill irrefera għall-ftehim ta’ sħubija li l-Unjoni kienet iffirmat mal-Ukraina fl-2014 kif ukoll għall-fatt li l‑Ukraina kienet tagħmel parti mill-Politika Ewropea tal-viċinat. Il-Kunsill enfasizza li t-tensjoni internazzjonali li thedded bidu ta’ kunflitt armat ma kellhiex neċessarjament tmiss biss it‑territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, kien stabbilit b’mod ċar li kien hemm kunflitt armat fit-territorju ta’ Stat ġar tal-Unjoni.

    ( 81 ) Premessa 5 tad-Deċiżjoni 2014/512.

    ( 82 ) Premessa 1 tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 83 ) Ara r-Riżoluzzjoni 2166(2014) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (http://www.securitycouncilreport.org/atf/cf/%7B65BFCF9B-6D27-4E9C-8CD3-CF6E4FF96FF9%7D/s_res_2166.pdf).

    ( 84 ) Dawn huma l-abbozzi ta’ Riżoluzzjoni S/2014/189 u S/2015/562 disponibbli fuq is‑sit internet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (http://www.securitycouncilreport.org/un-documents/ukraine/).

    ( 85 ) “Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil‑għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi”.

    ( 86 ) “Huwa wkoll xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, il-forniment, it‑trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ ċerti teknoloġiji għall-industrija taż-żejt fir-Russja fil-forma ta’ rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”.

    ( 87 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 85.

    ( 88 )

    ( 89 ) Ara l-punt 147 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jiena nżid li skont l-kontijiet annwali għas-sena 2013, Rosneft ħallset lill-impjegati tagħha dividendi ta’ 85 biljun rublu Russu u ħallset fir-Russja iktar minn 1 biljun rublu Russu bħala taxxi minbarra t-taxxa fuq id-dħul (ara s-sit internet ta’ Rosneft: http://www.rosneft.com/attach/0/02/90/Rosneft_FS_2013_ENG_SIGNED_FINAL.pdf).

    ( 90 ) Ara l-Artikolu 5(2)(b) u l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 91 ) Skont il-President Vladimir V. Putin, id-dħul fil-baġit tal-Federazzjoni Russa mill‑industrija taż-żejt fl-2013 kien ta’ bejn wieħed u ieħor 191 sa 194 biljun dollaru Amerikan (ara http://rbth.com/news/2014/04/17/russia_had_revenues_of_191-194_bln_from_oil_28_bln_from_gas_in_2013_-_pu_35970.html).

    ( 92 ) Premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014. Enfasi miżjuda minni.

    ( 93 ) Ara l-punti 82 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 94 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

    ( 95 ) Jekk, bħala regola ġenerali, fis-sistemi ta’ Kodiċi Ċivili, kull parti għandha l-oneru li tippreżenta l-provi tagħha stess, is-sistemi tal-“common law” jippermettu lill‑partijiet li jagħmlu lil xulxin, taħt l-istħarriġ tal-qorti, talbiet għall‑produzzjoni ta’ dokumenti (“request for document production”).

    ( 96 ) Pereżempju, l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar iwassal għal ksur ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali (dak li jikkorrispondi mal-kunċett ta’ “Crown privilege” jew “public-interest immunity”). Min-naħa l-oħra, proċedura ta’ “document discovery” tista’ twassal sabiex qorti tordna l-produzzjoni ta’ dokument li jaqa’ f’din il‑kategorija taħt piena ta’ kunfidenzjalità, jekk jirriżulta li dan id-dokument huwa neċessarju sabiex il-parti li titlob il-produzzjoni tiegħu tkun tista’ tipproteġi d‑drittijiet tagħha.

    ( 97 ) Punt 17. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 2930) u National Farmers’ Union (C‑241/01, EU:C:2002:604, punt 26).

    ( 98 ) Ara s-sentenzi Accrington Beef et (C‑241/95, EU:C:1996:496, punt 15); Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 40); kif ukoll Bavaria u Bavaria Italja (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 40).

    ( 99 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 24, 3031).

    ( 100 ) Sentenza National Farmers’ Union et (C‑354/95, EU:C:1997:379, punt 61). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi SCAC (C‑56/94, EU:C:1995:209, punt 27) u Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 31).

    ( 101 ) Dawn huma l-Artikoli 1(1) u (2)(a) u 3a tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll l-Artikoli 2a, 5(1)(a) u (2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 102 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 103 ) Ara wkoll, il-premessi 4 u 5 ta’ dan ir-regolament kif ukoll il-premessa 8 tad‑Deċiżjoni 2014/512.

    ( 104 ) Sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 99). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 50 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (T‑390/08, EU:T:2009:401), ikkonfermat mill-punt 74 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735).

    ( 105 ) Dokument tax-xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-moviment ta’ kapital u l-libertà tal-pagamenti (5 ta’ Marzu 2015) 6902/15 – SWD(2015) 58 finali disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill fuq l-indirizz li ġej: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6902-2015-INIT/en/pdf.

    ( 106 ) Ibidem, paġna 36 (“[t]hese measures aim to cut strategic state-owned Russian companies off from EU and international financing sources, thus imposing an indirect financial cost to the state and limiting their ability to grow in the future”). Traduzzjoni magħmula minni.

    ( 107 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 108 ) Premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 109 ) Punt 296 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461).

    ( 110 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 111 ) Ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 112 ) Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    (

    113

    )

    “[…] [w]ara li kkunsidra t-Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    [w]ara d-deċiżjoni [2014/512] […]”

    […]”

    ( 114 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 115 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 116 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bosphorus (C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 21 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 117 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 114).

    ( 118 ) Hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet li timponi sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014.

    ( 119 ) Rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni għal żmien twil (ara s-sentenza Racke, 98/78, EU:C:1979:14, punt 20).

    ( 120 ) Ara l-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 121 ) Ara l-Artikolu 1(2)(a) li jgħid li “[a]n offence may be committed under this Order […] in the United Kingdom by any person”, u l-Artikolu 4(2) li “[a] person commits an offence and may be arrested if that person […] is concerned in an activity […] for which EU authorisation is required”.

    ( 122 ) Artikoli 3(3)(a) u 3a(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014. Skont Rosneft, hemm żoni vasti fejn il-fond tal-ilma jvarja b’mod kunsiderevoli, b’tali mod li f’ċerti postijiet l-ilmijiet huma b’fond ta’ iktar minn 150 metru, filwaqt li bnadi oħra, huma b’fond ta’ inqas minn 150 metru. F’dan il‑kuntest, skont Rosneft, ir-Regolament Nru 833/2014 lanqas ma jidentifika, kif tirrileva Rosneft, il-punt li minnu jibda jitkejjel il-150 metru jew jekk huwiex ipprojbit li jsir tħaffir vertikali f’punt fejn il-fond tal‑ilmijiet huwa inqas minn 150 metru u mbagħad li jsir tħaffir ’il barra lejn punt li jinstab fil-blat li jinstab fl-ilmijiet fejn il-fond huwa ta’ iktar minn 150 metru.

    ( 123 ) Artikoli 3(3)(c) u 3a(1)(c) tar-Regolament Nru 833/2014. Skont Rosneft, ma jeżisti l-ebda konsensus, la fil-qasam ġeoloġiku u lanqas f’xi qasam ieħor, dwar id‑definizzjoni tax-shale u r-Regolament Nru 833/2014 ma jagħti l-ebda definizzjoni.

    ( 124 ) Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014. Skont Rosneft, ma hemm l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ assistenza finanzjarja la fi ħdan in-NU u lanqas fi ħdan l‑Unjoni u r-Regolament Nru 833/2014 ma jagħti l-ebda definizzjoni.

    ( 125 ) Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014. Skont Rosneft, huwa impossibbli li jkun magħruf jekk din id-dispożizzjoni tipprojbixxix il-ħruġ wara t-12 ta’ Settembru 2014 ta’ GDR li jirrappreżentaw azzjonijiet maħruġa qabel din id-data. Għal definizzjoni kompleta ta’ GDR, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 133 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

    ( 126 ) Sentenza Dansk Rorindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 219).

    ( 127 ) R (OJSC Rosneft Oil Company) vs Her Majesty’s Treasury and ors [2015] EWHC 248 (Admin), punt 53. Kuntrarjament għall-eżempju teoretiku kkritikat fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335), din il-possibbiltà tidher, f’dan il-każ, effettiva.

    ( 128 ) Il-Kunsill ma ppreżentax osservazzjonijiet li jikkonċernaw ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda.

    ( 129 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 2(b) u 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward taż‑Żimbabwe (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 50), kif sussegwentement emendat, u l-Artikoli 2(b) u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 747/2014, tal-10 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 131/2004 u (KE) Nru 1184/2005 (ĠU L 203, p. 1).

    ( 130 ) C(2014) 9950 finali.

    ( 131 ) C(2014) 9950, p. 2.

    ( 132 ) C(2014) 9950, p. 3.

    ( 133 ) Il-GDR huma ċertifikati li jirrappreżentaw iż-żamma ta’ ċertu numru ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija. Minħabba l-fatt li dawn iċ-ċertifkati huma trasferibbli, huma jikkostitwixxu titoli trasferibbli awtonomi li jistgħu jiġu kkwotati jew innegozjati fuq is-suq tal-kapital indipendentement minn azzjonijiet relatati, li jistgħu jkunu kkwotati b’mod separat f’suq barrani. Il-GDR jinħarġu minn depożitarji (sikwit banek ta’ investiment) abbażi ta’ ftehim ta’ depożitu konkluż bejn dawn id‑depożitarji u min joħroġ l-azzjonijiet relatati.

    ( 134 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 135 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, in-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Diċembru 2014, relatata mal-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 [C(2014) 9950 finali, p. 7].

    ( 136 ) Il-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti ma ppreżentawx l‑osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

    ( 137 ) R (OJSC Rosneft Oil Company) vs Her Majesty’s Treasury and ors [2015] EWHC 248 (Admin), punt 53.

    Top