This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0002
Opinion of Advocate General Mengozzi delivered on 16 March 2016.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2016.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2016.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:168
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PAOLO MENGOZZI
ippreżentati fis-16 ta ’ Marzu 2016 ( 1 )
Kawża C‑2/15
DHL Express (Austria) GmbH
vs
Post-Control-Kommission
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu provduti servizzi — Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-fornituri kollha tas-servizzi postali sabiex jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali”
1. |
Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz ( 2 ), kif emendata l-aħħar ( 3 ) bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 ( 4 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”), tawtorizza lill-Istati Membri jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi postali kollha sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mis-settur postali? Dan huwa l-qofol ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 2008/6
2. |
Il-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6 tafferma li “l-fornituri ta’ servizz postali jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali f’każ fejn ikun hemm dispożizzjoni għal fond ta’ kumpens. Sabiex jiġu ddeterminati liema impriżi jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għal fond ta’ kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi fornuti minn tali impriżi, mill-perspettiva ta’ l-utent, jistgħux jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, minħabba l-fatt li juru interskambju f’livell suffiċjenti mas-servizz universali, b’kont meħud tal-karatteristiċi tas-servizzi, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu intenzjonat u l-prezz. Dawn is-servizzi m’għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, bħall-kunsinna ta’ kuljum jew il-kopertura nazzjonali kompleta”. |
3. |
Il-premessa 28 tad-Direttiva 2008/6 tfakkar li “[g]ħall-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, meta jiġi determinat il-kontribut, rikjest minn dawn l-impriżi, li għandu jsir għall-ispejjeż tal-forniment ta’ servizz universali fi Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u non-diskriminatorji, bħas-sehem ta’ dawn l-impriżi fl-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali f’dan l-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk il-fornituri li huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, jintroduċu kontabilità separata xierqa biex il-funzjonament tal-fond ikun żgurat”. |
4. |
Il-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6 tafferma li “r-rwol ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali probabbli jibqa’ kruċjali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn it-transizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha teħtieġ titlesta. Skond il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji [tagħhom sabiex] b’hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta’ indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stabbilita fl-[Artikolu 345 TFUE]. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom”. |
B – Id-Direttiva 97/67
5. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67 jaqra kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
[…]
[…]” |
6. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 jaqra kif ġej: “1. Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali. 2. Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi żgurat il-forniment tas-servizz universali. L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista’:
L-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż u fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali. […] 3. Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, non-diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, jkunu pubbliċi minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut jew l-irtirar totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.” |
C – Id-dritt Awstrijak
1. Il-PMG
7. |
L-Artikolu 24(1) tal-Bundesgesetz über die Regulierung des Postmarktes [il-liġi federali li tirregola s-suq postali ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“PMG”)] jipprovdi li “[k]ull persuna għandha dritt li toffri u li tipprovdi servizzi postali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi federali”. |
8. |
L-Artikolu 25(1) tal-PMG jipprovdi li “[l]-fornituri tas-servizzi postali huma obbligati jiddikjaraw lill-awtorità regolatorja s-servizz postali propost, kif ukoll il-modifiki tal-operat tiegħu u t-tmiem tal-istess qabel il-bidu, il-modifika jew it-tmiem tal-operat. […]” |
9. |
L-Artikolu 26(1) tal-PMG jipprovdi li “[t]-tqassim b’mod professjonali ta’ korrispondenza sa 50g f’isem terzi persuni għandu jkun suġġett għal konċessjoni”. |
10. |
L-Artikolu 37(2) tal-PMG jipprovdi li “[l]-awtorità regolatorja fis-sens ta’ din il-liġi u fis-sens tad-Direttiva [97/67] hija, f’dak li jikkonċerna l-kompiti msemmija fl-Artikolu 40, il‑Post‑Control‑Kommission u, f’dak li jikkonċerna l-kompiti kollha l-oħra, ir-Rundfunk und Telekom Regulierungs‑GmbH (RTR-GmbH)”. |
2. Il-KOG
11. |
L-Artikolu 34(3) tal-Bundesgesetz über die Einrichtung einer Kommunikationsbehörde Austria (“KommAustria”) und eines Bundeskommunikationssenates [il-liġi federali dwar it-twaqqif ta’ awtorità “Austria” responsabbli mill-komunikazzjonijiet (“KommAustria”) u ta’ kunsill federali tal-komunikazzjonijiet] ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“KOG”) jipprovdi li “[l]-kontribuzzjonijiet finanzjarji jiġu stabbiliti u miġbura abbażi tar-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ kull persuna taxxabbli u d-dħul mill-bejgħ totali speċifiku fis-settur, fejn il-kalkolu jkun ibbażat fuq it-totalità tad-dħul mill-bejgħ, li jsir ġewwa l-pajjiż, mill-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet”. |
12. |
L-Artikolu 34a tal-KOG jaqra kif ġej: |
“(1) Il-finanzjament tal-ispejjeż li tinkorri l-RTR-GmbH fit-twettiq tal-kompiti […] dwar is-settur tal-‘posta’ għandu jkun żgurat, min-naħa, bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji, u min-naħa l-oħra, b’riżorsi baġitarji federali. Is-sussidju li jaqa’ taħt il-baġit federali, fl-ammont annwali ta’ EUR 200000, għandu jitħallas lill-RTR-GmbH f’żewġ partijiet ugwali […] L-ammont totali tal-ispejjeż l-oħra tal-RTR-GmbH kopert mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji jista’ jilħaq l-ammont massimu ta’ EUR 550000 fis-sena.
(2) Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji joriġinaw mis-‘settur tal-posta’. Is-‘settur tal-posta’ jinkludi l-fornituri tas-servizzi postali li huma marbutin bl-obbligu ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 [tal-PMG] jew li huma benefiċjarji ta’ konċessjoni taħt l-Artikolu 26 ta’ din l-istess liġi.
(3) L-Artikolu 34(3) sa (15) japplika b’analoġija, fejn il-kliem ‘Telekom-Control-Kommission’ jinbidlu bil-kliem ‘Post‑Control‑Kommission’.”
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13. |
DHL Express (Austria) GmbH (iktar ’il quddiem “DHL Express”), il-fergħa Awstrijaka tal-grupp Deutsche Post DHL, hija impriża attiva fis-settur tal-kunsinna u tal-posta espress u, għal dan il-għan, tieħu ħsieb b’mod partikolari l-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ pakketti ta’ piż sa 31.5 kg, kif ukoll ta’ ittri u dokumenti — dawn is-servizzi huma marbutin ma’ diversi servizzi b’valur miżjud (li jirrigwardaw, pereżempju, l-osservanza ggarantita ta’ ċertu żmien għat-tqassim, l-ippakkjar u għar-rintraċċar tal-kunsinni). |
14. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2012, il-Post‑Control‑Kommission (il-kummissjoni għall-kontroll tas-servizzi postali, iktar ’il quddiem il-“PCK”) talbet lil DHL Express, għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2011, kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-RTR-GmbH. Fid-deċiżjoni tagħha, il-PCK sostniet li DHL Express kienet marbuta b’obbligu li tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet tal-awtorità regolatorja tas-settur postali. Fil-fatt, apparti finanzjament parzjali ta’ oriġini pubblika, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tipprovdi wkoll obbligu ta’ kontribuzzjoni fuq il-fornituri kollha tas-servizzi postali, kemm jekk ikunu responsabbli mis-servizz universali u kemm jekk le. Il-PCK ikkalkolat għaldaqstant, abbażi tad-dħul mill-bejgħ annwali provviżorju ta’ DHL Express għas-sena 2011, il-parti ta’ din tal-aħħar mid-dħul mill-bejgħ totali tas-settur postali, u mbagħad iffissat il-parti mill-finanzjament tal-RTR-GmbH li kellha titħallas minn DHL Express. |
15. |
DHL Express appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva). Hija ssostni li hija ma tipprovdi ebda servizz li jifforma parti mis-servizz universali, fis-sens tad-Direttiva 97/67, u li l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jillimita l-fakultà, tal-Istati Membri, li jobbligaw lill-fornituri fis-settur postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mis-settur imsemmi għal dawk il‑fornituri biss li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, mingħajr distinzjoni, fuq il-fornituri kollha tas-servizzi postali sabiex jikkontribwixxu għall-imsemmi finanzjament tmur, għaldaqstant, kontra l-imsemmija direttiva. |
16. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, ikkonfrontata b’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2015, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari bbenefika mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Awstrijak, Belġjan, Spanjol, Franċiż u Norveġiż kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. |
IV – Analiżi ġuridika
A – Dwar l-ewwel domanda preliminari
18. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tistabbilixxi jekk id-Direttiva 97/67 tipprekludix lill-Istati Membri milli jobbligaw lill-fornituri kollha tas-settur postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli mis-settur imsemmi. |
1. It-teżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali
19. |
DHL Express, sostnuta fl-argument tagħha mill-Gvern Franċiż, issostni li kemm il-kliem kif ukoll is-sistematika tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 allegatament jitolbu li r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jimponu tali kontribuzzjoni biss fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. |
20. |
Mill-aspett litterali, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 jorganizza l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi postali u l-aċċess għan-netwerk inġenerali. Il-paragrafu 2 tiegħu huwa speċifikament u esklużivament iddedikat għas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jista’ jkun suġġett għall-osservanza ta’ obbligi elenkati fid-diversi inċiżi. Issa, il-kelma “awtorizzazzjonijiet” hija terminu li jirreferi għas-sistema li tapplika biss għall-impriżi responsabbli mis-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Barra minn hekk, mill-aspett sistematiku, għandu jsir paragun bejn l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli mis-settur postali, imsemmi fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 u l-obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-fond ta’ kumpens previst fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan l-aħħar obbligu huwa ppreċiżat fil-premessi 27 u 28 tad-Direttiva 2008/6, li minnhom jirriżulta li huma kkontemplati biss l-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Dan huwa wkoll l-approċċ allegatament adottat mill-Kummissjoni stess. Għaldaqstant, peress li t-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jikkonċerna biss lill-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-istess konklużjoni għandha ssir għall-elementi l-oħra li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u għaldaqstant, inkluż l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli mis-settur postali. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, min-naħa tiegħu, allegatament jikkonferma li t-tieni subparagrafu tal-imsemmi artikolu huwa effettivament iddedikat għall-obbligi li jistgħu jikkonċernaw lill-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, kemm jekk dawn ikunu nnominati ( 7 ) u kemm jekk le. |
2. Analiżi
21. |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta interpretazzjoni litterali ma tirriżultax li tikkjarifika wisq is-sens li għandu jingħata lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tinsab f’direttiva, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi interpretata l-imsemmija dispożizzjoni, il-kuntest tagħha, l-istruttura ġenerali u l-finalità tad-direttiva li d-dispożizzjoni tagħmel parti minnha ( 8 ). |
22. |
Jien naqbel mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 huwa dispożizzjoni li tbati minn kwalità editorjali fqira u li l-interpretazzjoni tagħha, jekk wieħed iżomm mal-kliem użat fiha, twassal għal konfużjoni. Għaldaqstant hija verament operazzjoni ta’ rikostruzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tagħmel, u dan peress li t-test tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 ma huwiex — bogħod minn hekk — miktub b’mod li jiffaċilita l-komprensjoni immedjata tiegħu. |
23. |
Din l-operazzjoni tirriżulta iktar neċessarja għaliex, illum-il ġurnata, u skont ma jindikaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, 18-il Stat Membru jobbligaw lill-fornituri kollha tas-servizz postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali ( 9 ). |
24. |
Sabiex tintwera l-portata reali tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, jiena l-ewwel ser nagħmel eżami tal-imsemmija dispożizzjoni permezz ta’ analiżi tal-kliem tagħha, imbagħad tas-sistematika tagħha, li jiena ser nipprova niċċara billi nirritorna fil-qosor għall-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, fit-tieni lok, ser ikolli nfakkar liema huma l-kompiti tal-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mis-settur postali u nesponi għaliex jiena nibqa’ konvint li l-analoġija li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppruvat tagħmel bejn il-modalitajiet ta’ finanzjament tal-imsemmija awtorità u dawk tal-fond ta’ kumpens ma hijiex ammissibbli. |
a) Interpretazzjonijiet litterali, sistematika u storika
25. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 jinsab fil-kapitolu tal-imsemmija direttiva ddedikat għall-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi postali u l-aċċess għan-netwerk. L-imsemmi artikolu huwa maqsum fi tliet paragrafi. |
26. |
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li, għal dawk li huma servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu “awtorizzazzjonijiet ġenerali”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, għal dawk li huma servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu “proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali”. It-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu jipprovdi li l-għoti ta’ “awtorizzazzjonijiet” jista’ jkun suġġett għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet, li huma elenkati fil-ħames inċiżi differenti ta’ dan is-subparagrafu. |
27. |
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, peress li l-lista tad-diversi kundizzjonijiet li għalihom l-għoti ta’ “awtorizzazzjonijiet” jista’ jkun suġġett tinsab fl-Artikolu 9(2) u peress li dan il-paragrafu, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, jagħmel riferiment għas-“servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali”, minn dan wieħed jista’ jiddeduċi li l-“obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali” msemmi fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, jista’ jkun impost biss fuq fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. |
28. |
Madankollu, huwa interessanti li wieħed josserva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jirreferi għall-kunċett ta’ “awtorizzazzjonijiet” mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Dan is-subparagrafu jista’ għaldaqstant ma jinqarax waħdu, imma, għall-kuntrarju, fid-dawl tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67, liema punt jiddefinixxi l-kelma “awtorizzazzjonijiet”. Issa, il-qari ta’ dan l-artikolu jurina li dan hu terminu ġeneriku, li jikkontempla “kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermetti lill-impriżi biex jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jistabbilixxu u/jew iħaddmu n-netwerks tagħhom għall-forniment ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ‘liċenzja individwali’” ( 10 ). Il-premessa 22 jew l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 97/67 huma eżempji oħra ta’ użu, mil-leġiżlatur, tal-kelma “awtorizzazzjoni” ( 11 ) fit-tifsira ġenerika tagħha. |
29. |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni litterali proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jidhirli li hija wisq restrittiva. |
30. |
Wieħed lanqas ma jista’ jislet argument, sabiex isostni t-teżi ta’ DHL Express, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 li skontu “[l]-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż [tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva] ul fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali”. Għaldaqstant, u fid-dawl tas-sistematika tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 fl-intier tiegħu, limitazzjoni tal-inċiżi l-oħra tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva ma tkunx tagħmel sens. |
31. |
Lura għad-diversi inċiżi kkonċernati. |
32. |
L-għan tal-ewwel inċiż huwa rregolat mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 li għadni kif iċċitajt. L-obbligi ta’ servizz universali jistgħu, evidentement, jiġu imposti biss fuq il-fornituri tas-servizz universali nnominati, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
33. |
It-tieni inċiż jipprovdi l-possibbiltà li l-“awtorizzazzjonijiet” jiġu assuġġettati għal rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u t-twettiq tas-servizzi korrispondenti. Xejn ma jipprekludi li tali kundizzjonijiet ikunu meħtieġa mill-fornituri kollha tas-servizzi postali. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali — għas-servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali — jekk huma jidhrilhom neċessarju “sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali”. Dawn ir-rekwiżiti, iddefiniti fil-punt 19 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67, ikopru r-“raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kondizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali” ( 12 ), fosthom il-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, pereżempju. Issa, nista’ naċċetta effettivament li jekk il-fornituri ta’ servizzi postali — anki jekk mhux universali — jiġu obbligati, fl-awtorizzazzjoni ġenerali li tikkonċerna s-settur, sabiex josservaw ċerti standards, f’termini ta’ kwalità, ta’ disponibbiltà jew ta’ twettiq tal-imsemmija servizzi, dan jista’ jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni u għall-kontinwazzjoni ta’ rekwiżiti essenzjali. |
34. |
It-tielet inċiż jikkonċerna l-possibbiltà li l-“awtorizzazzjonijiet” ikunu suġġetti għall-osservanza tal-obbligu li jingħata kontribut finanzjarju għall-fond ta’ kumpens li l-implementazzjoni tiegħu hija prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 97/67. Ftit iktar tard fl-analiżi tiegħi ser nirritorna fuq dan l-obbligu, iżda diġà inklinat li nikkunsidra li, minħabba r-rabta stabbilita b’mod espliċitu ( 13 ) mil‑leġiżlatur bejn dan l-obbligu u biss il-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, dan l-inċiż għandu jiġi interpretat bħala li ma jikkonċernax, fil-prinċipju, lill-fornituri kollha ta’ servizzi postali. |
35. |
Ir-raba’ inċiż huwa dawk li fuqu sar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Id-Direttiva 97/67 ma fiha ebda dispożizzjoni espressa li tippermetti li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat biss għall-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. |
36. |
Il-ħames inċiż jikkontempla l-possibbiltà li l-għoti ta’ “awtorizzazzjonijiet” jiġi assuġġettat għall-obbligu li jkunu osservati l-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mid-dritt nazzjonali. Diffiċli nemmen li tali possibbiltà hija, min-naħa tagħha wkoll, strettament limitata għall-impriżi biss li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Hawnhekk ukoll, l-interpretazzjoni stretta proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri ma għandhomx dritt jeżiġu mill-impriżi li l-attività tagħhom hija rregolata minn awtorizzazzjonijiet ġenerali — dawk mogħtija għall-provvista ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali — sabiex huma josservaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-istess bħat-tieni inċiż, il-ħames inċiż għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 9(1) u mal-punt 19 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67. Issa, dan tal-aħħar isemmi espressament, bħala rekwiżit essenzjali, ir-“rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”. |
37. |
Il-qari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 b’mod li ma jillimitax neċessarjament, għall-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali biss — sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja — il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza tal-obbligi li huma hemmhekk elenkati, ma huwiex kontradett mill-analiżi storika tal-imsemmija dispożizzjoni. |
38. |
Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet ċerta informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea xtaq, fuq inizjattiva tal-Irlanda, jintroduċi r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67. L-istess bħall-Kummissjoni, għandi t-tendenza li nikkunsidra li, b’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea xtaq jagħti għażla għal finanzjament supplimentari lill-Istati Membri u li n-natura fakultattiva tal-imsemmija għażla ttendi favur interpretazzjoni pjuttost wiesgħa tad-dispożizzjonijiet relatati magħha. Nirrileva wkoll li, fid-direttiva oriġinali, jiġifieri d-Direttiva 97/67 fil-verżjoni inizjali tagħha, il-leġiżlatur kien ikkunsidra diġà l-kelma “awtorizzazzjoni” fit-tifsira ġenerika tagħha, u l-emendi introdotti mid-Direttiva 2008/6 ma affettwawx id-definizzjoni inizjali tal-kelma “awtorizzazzjoni” ( 14 ). |
39. |
Barra minn dawn l-elementi li jirrigwardaw il-kliem, is-sistema u l-oriġini tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67, l-analiżi tal-kompiti fdati f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali li jirregolaw is-settur postali turi li r-rwol tagħhom ġie maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li ma huwiex limitat biss għas-servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali. |
b) Il-kompiti fdati f’idejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali
40. |
Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri li jagħmlu użu mill-fakultà li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali. L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw “awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar għas-settur postali” ( 15 ). L-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva jippreċiża wkoll il-kompiti tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija awtoritajiet għandu “jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali” ( 16 ). Għaldaqstant, dan il-kompitu flimkien mas-servizz universali ma huwiex esklużiv peress li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/67 jkompli billi jgħid li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali “[j]istgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali”. Dawn l-awtoritajiet għandhom ukoll rwol importanti fir-rigward ta’ ġbir ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ verifika jew ta’ statistika ( 17 ). Issa, f’dan il-każ ukoll, l-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi postali li jibagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma huwiex limitat biss għall-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali ( 18 ), u dan kif diġà ntqal fl-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttiva 2008/6 ( 19 ). |
41. |
Barra minn hekk, peress li r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huwa li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li joħorġu mid-direttiva, huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/67, li jiddefinixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, jipprovdi b’mod partikolari, fl-ewwel inċiż tiegħu, li din id-direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw il-provvista tas-servizzi postali, mifhuma b’mod ġenerali. |
42. |
Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva 2008/6, li emendat b’mod sostanzjali d-Direttiva 97/67, timmarka bidla ta’ paradigma fl-approċċ komunitarju għas-settur postali. Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2008/6, il-leġiżlatur tal-Unjoni jrid “[j]istabbilixxi l-‘aħħar pass’ lejn il-Ftuħ Komplet tas-Suq (FMO) billi [j]neħħi l-bqija tad-drittijiet esklussivi jew speċjali kollha fis-seħħ għal fornitur(i) ta’ servizz universali u l-ostakoli l-oħra kollha għall-forniment tas-servizzi postali” ( 20 ). Dan huwa t-tmiem ta’ approċċ monopolistiku sabiex progressivament jagħmel spazju għall-kompetizzjoni ħielsa ( 21 ). |
43. |
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jakkumpanjaw dan it-tibdil fil-paradigma. Fil-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6, ir-rwol ta’ dawn l-awtoritajiet huwa kklassifikat bħala “kruċjali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn it-transizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha teħtieġ titlesta. […] L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom” ( 22 ). Dawn il-motivi jistgħu għaldaqstant joħolqu l-ħtieġa tal-parteċipazzjoni tal-fornituri kollha ta’ servizzi postali fil-finanzjament tal-attivitajiet tal-imsemmija awtoritajiet. |
44. |
Ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, kif maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għaldaqstant imur lil hinn mis-sempliċi servizz universali. Skont id-Direttiva 97/67, l-imsemmija awtoritajiet huma responsabbli li jieħdu ħsieb l-interess pubbliku fis-settur postali, billi jivverifikaw b’mod partikolari li l-atturi tas-suq li qiegħed fil-proċess li jinfetaħ iġibu ruħhom b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. |
45. |
Barra minn hekk, għandu jiġi rikonoxxut ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla d-debita marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kompiti u l-għoti ta’ kompetenzi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Għaldaqstant, fir-rapport tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali, il-Kummissjoni enfasizzat li “l-mandat, ir-riżorsi u s-setgħat tal-[Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali] ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u hemm dubbji ġustifikati jekk l-[Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali] kollha humiex armati sew biex jaqdu (b’effiċjenza) il-kompiti tagħhom” ( 23 ). |
46. |
Peress li r-rwol u l-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kienu intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-atturi kollha tas-settur postali, ikun illoġiku, u saħansitra diskriminatorju bla bżonn, kif isostnu l-Gvern Norveġiż u l-Kummissjoni, li r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-impriżi li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali li jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-imsemmija awtoritajiet. |
47. |
Fl-aħħar nett, hemm bżonn li jitfakkar li, għalkemm, ċertament, kif tfakkar DHL Express, skont il-ġurisprudenza Corbeau ( 24 ), is-servizzi tal-posta espress u tal-kunsinna jikkostitwixxu servizzi partikolari li għandhom karatteristiċi li jiddistingwixxuhom fundamentalment mis-servizzi postali universali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat li dawn is-servizzi ta’ posta espress u ta’ kunsinna jaqgħu taħt is-settur postali? F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tista’ tintalab mill-fornituri kollha ta’ servizzi postali għandha għaldaqstant tkun tista’ tiġi imposta wkoll fuq l-impriżi tal-posta espress u tal-kunsinna. |
48. |
Il-premessi suesposti dwar ir-rwol u l-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwassluni, fl-aħħar lok, sabiex niddubita r-rilevanza tal-argumenti mressqa minn DHL Express u l-Gvern Franċiż fir-rigward tal-analoġija li għandha ssir bejn il-mod ta’ finanzjament tal-imsemmija awtoritajiet u l-mod ta’ finanzjament tal-fond ta’ kumpens. |
c) L-analoġija impossibbli mal-mod ta’ finanzjament tal-fond ta’ kumpens
49. |
Dejjem taħt din il-perspettiva ta’ tibdil fil-paradigma, id-Direttiva 2008/6 riedet it-tmiem, b’mod progressiv, tad-drittijiet esklużivi jew speċjali li minnhom setgħu jibbenefikaw il-fornituri nnominati tas-servizz universali ( 25 ) sabiex tagħti preferenza lill-kristallizzazzjoni tal-obbligu ta’ solidarjetà li jieħu l-forma ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni jew ta’ tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali ( 26 ). |
50. |
Meta jkun hemm mekkaniżmu ta’ tqassim tal-ispiża li jiġi introdott mill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar għandu l-fakultà li “jistabbilixx[i] fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti […] L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali […]” ( 27 ). Il-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6 daħlet sabiex ippreċiżat, madankollu, li, “[s]abiex jiġu ddeterminati liema impriżi jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għal fond ta’ kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi fornuti minn tali impriżi, mill-perspettiva ta’ l-utent, jistgħux jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, minħabba l-fatt li juru interskambju f’livell suffiċjenti mas-servizz universali, b’kont meħud tal-karatteristiċi tas-servizzi, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu intenzjonat u l-prezz. Dawn is-servizzi m’għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali […]”. |
51. |
B’dan il-mod, u b’kuntrast għal dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-attività tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ġiet stabbilita rabta espliċita bejn il-fond ta’ kumpens u l-impriżi fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Dan isib spjegazzjoni fil-fatt li l-għanijiet imfittxija permezz tal-implementazzjoni ta’ fond ta’ kumpens huma differenti sostanzjalment minn dawk imfittxija permezz tal-implementazzjoni u tat-tisħiħ tar-rwol u tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. |
52. |
Fil-fatt, kif jindika ismu stess, il-fond ta’ kumpens għandu bħala għan li jikkumpensa l-iżbilanċ ekonomiku li jista’ jinħoloq, jiġifieri li “jikkumpensa lill-fornitur ta’ servizz universali għall-provvista ta’ servizzi li jirrappreżentaw piż finanzjarju mhux ġust” ( 28 ). F’kull sens ta’ loġika, l-obbligu ta’ kumpens għandu għaldaqstant ikun limitat biss għall-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu, jew jistgħu jaqgħu, taħt is-servizz universali ( 29 ) peress li, b’kuntrast ma’ dak li urejt iktar ’il fuq dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-benefiċċji tal-fond ta’ kumpens huma limitati għas-servizz universali. |
53. |
Għaldaqstant, l-obbligu li tingħata kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-fond ta’ kumpens ma huwiex paragunabbli ma’ dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u dak li hu minnu għal wieħed ma huwiex neċessarjament hekk għall-ieħor. B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma hemmx għaldaqstant analoġija possibbli bejniethom. |
d) Kumment finali
54. |
Mill-analiżi tiegħi jirriżulta li ma hemm xejn li jipprekludi, fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67, li xi Stat Membru jobbliga lill-fornituri kollha ta’ servizzi postali, indipendentement mill-fatt dwar jekk huma jipprovdux servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali jew le, sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-awtorità regolatorja responsabbli mis-servizz postali. |
55. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx kompletament konvinta bl-argument preċedenti, nixtieq nagħmel kumment tal-aħħar. |
56. |
Anki jekk wieħed jinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, fl-intier tiegħu, fis-sens li jikkonċerna biss is-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, dan ma jfissirx, a contrario, li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw lill-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali għal obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. |
57. |
Ħalli nispjega ruħi. |
58. |
Is-sitwazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali tibqa’ rregolata mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67. Fid-dawl ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ trattament ta’ ilmenti li hija tikkontempla ( 30 ), id-Direttiva 97/67 ma armonizzatx b’mod komplut il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali lil dawn il-fornituri. Peress li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 ma jgħid xejn fuq hekk, jaqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu li jobbligaw lill-fornituri kollha ta’ servizzi postali jipparteċipaw fil-finanzjament tal-attivitajiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Ikun, fuq kollox, diffiċli li tagħtihom tort, meħud kont tal-kliem tal-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6 ( 31 ). |
e) Konklużjoni tal-analiżi
59. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta mill-analiżi tiegħi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mis-settur postali indipendentement mill-fatt dwar jekk huma jipprovdux jew le servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. |
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
60. |
Peress li l-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ biss li din tal-aħħar tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula u, meħud kont tar-risposta li jiena nipproponi li tingħata għal din l-ewwel domanda, ma hemmx għalfejn li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq din it-tieni domanda. |
V – Konklużjoni
61. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) kif ġej: |
Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi postali sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mis-settur postali indipendentement mill-fatt dwar jekk huma jipprovdux jew le servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.
( 3 ) Qabel id-Direttiva 2008/6, id-Direttiva 97/67 kienet ukoll emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316) kif ukoll bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447)
( 4 ) ĠU L 52, p. 3.
( 5 ) BGBl. I Nru 123/2009, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I Nru 111/2010.
( 6 ) BGBl. I Nru 32/2001, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I Nru 50/2010.
( 7 ) Fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/67.
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) U dan indipendentement mill-forma ta’ dik il-kontribuzzjoni. Il-Gvern Spanjol espona, għal dak li jikkonċernah, il-mekkaniżmu tar-Renju ta’ Spanja stess. Il-kontribuzzjoni mitluba tieħu għaldaqstant il-forma ta’ taxxa jew ta’ dejn li jinġabar fil-mument tar-reġistrazzjoni jew tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-impriżi tas-servizzi postali.
( 10 ) Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67 ikompli bid-definizzjoni taż-żewġ kategoriji partikolari ta’ “awtorizzazzjonijiet” li huma l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali (ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 11 ) Skont din il-premessa, “l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirregolaw bi proċeduri ta’ awtorizzazzjoni approprjati, fuq it-territorju tagħhom, il-provvista ta’ servizzi postali li m’humiex riżervati għall-fornituri ta’ servizz universali […]”.
( 12 ) Korsiv miżjud minni. Ir-riferiment għall-provvista ta’ servizzi postali inġenerali hija importanti.
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6. Dwar l-assenza ta’ rilevanza tal-analoġija bejn il-mod ta’ finanzjament tal-fond u l-mod ta’ finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali, ara l-punti 49 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) Ara l-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67 fil-verżjoni inizjali tagħha.
( 15 ) Korsiv miżjud minni.
( 16 ) Korsiv miżjud minni.
( 17 ) Ara l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67.
( 18 ) Aqra, pereżempju, l-Artikolu 22a(2) tad-Direttiva 97/67.
( 19 ) Fil-punt III(2)(viii) tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet [l-espożizzjoni tal-motivi] tal-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 19/2007 adottata mill-Kunsill fit-8 ta’ Novembru 2007 (ĠU C 307E, p. 22), il-Kunsill fakkar li “[l]-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huwma ffukati fuq il-monitoraġġ tas-swieq postali, inkluż bil-forniment ta’ informazzjoni adatta mill-atturi kollha tas-suq” (korsiv miżjud minni).
( 20 ) Ara l-punt II tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni Nru 19/2007.
( 21 ) Dan it-tibdil fil-paradigma jintwera b’mod partikolari fil-premessa 23 tad-Direttiva 2008/6, li skontha, “[i]d-Direttiva 97/67/KE stabbiliet preferenza biex il-forniment ta’ servizz universali ssir permezz tan-nomina ta’ fornituri ta’ servizz universali. […] Kompetizzjoni u għażla akbar jfissru li l-Istati Membri għandhom jingħataw aktar flessibbiltà fil-possibbiltà li jiddeterminaw il-mekkaniżmu l-aktar effiċjenti u xieraq biex jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji dwar l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u l-inqas tfixkil għas-suq, li huma meħtieġa biex jiżguraw il-forniment liberu tas-servizzi postali fis-suq intern. L-Istati Membri jistgħu japplikaw waħda jew kombinazzjoni ta’ l-għażliet li ġejjin: il-forniment ta’ servizz universali mill-forzi tas-suq, in-nomina ta’ impriża waħda jew bosta impriżi biex jipprovdu elementi differenti tas-servizz universali jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju u l-akkwist pubbliku tas-servizzi [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi]. […]”
( 22 ) Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali [KUMM(2008) 884 finali] ikkonferma li l-funzjoni effettiva tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali “hija kruċjali biex jinkiseb suq intern għas-servizzi postali” (ara p. 6 tal-imsemmi rapport).
( 23 ) KUMM(2008) 884 finali.
( 24 ) C‑320/91, EU:C:1993:198.
( 25 ) Ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67.
( 26 ) Ara l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/67.
( 27 ) Artikolu 7(4) tad-Direttiva 97/67.
( 28 ) Premessa 23 tad-Direttiva 97/67. It-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jipprevedi l-fakultà li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ikun suġġett għall-obbligu ta’ parteċipazzjoni fil-fond ta’ kumpens “jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jimplika spiża netta u jirrappreżenta piż inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali, innominat […]”.
( 29 ) Jiġifieri għall-fornituri tas-“servizzi mhux riżervati li jaqgħu taħt is-servizz universali”, sabiex nirriproduċi l-vokabularju tad-Direttiva 97/67 fil-verżjoni inizjali tagħha (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva).
( 30 ) Ara s-sentenza DHL International (C‑148/10, EU:C:2011:654, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara l-punti 4 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.