Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0630

Kawża T-630/14: Rikors ippreżentat fl- 20 ta’ Awwissu 2014 – Primo Valore vs Il-Kummissjoni

ĠU C 361, 13.10.2014, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/27


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2014 – Primo Valore vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-630/14)

2014/C 361/41

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Primo Valore (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: M. Moretto, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tikkonstata li billi naqset milli tressaq għall-vot tal-kumitat regolatorju, skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 5a (1) sa (4) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, proġett ta’ miżuri intiż li jeżamina mill-ġdid il-punt 2 tal-Anness V tar-Regolament Nru 999/2001 (1) u li jipprovdi kull materjal riskjuż speċifikat li ġej minn Stat Membru għandu jiġi mneħħi u distrutt anki jekk l-imsemmi Stat Membru ġie rrikonoxxut bħala pajjiż li għandu riskju negliġibbli ta’ Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE), il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolamenti Nru 999/2001 u 178/2002 (2) u ma osservatx il-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-obbligu ta’ azzjoni li huwa impost fuq il-Kummissjoni, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 999/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (3) tiegħu, u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament 5(2) tar-Regolament Nru 178/2002 kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament u l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 999/2001.

F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina mill-ġdid id-deroga provviżorja stabbilita fil-punt 2 tal-Anness V tar-Regolament Nru 999/2001 u li tissottometti lill-kumitat regolatorju, skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 5a tad-Deiżjoni 1999/468/KE, proġett ta’ miżuri ta’ emendi tal-imsemmi Anness V. Dan bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-istandards sanitarji internazzjonali adottati mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku (UIE), li ma jipprevedux l-istabbiliment ta’ lista ta’ materjali riskjużi speċifikati għall-pajjiżi li, bħall-Italja, huma rrikonoxxuti bħala pajjiż li għandu riskju negliġibbli, jiġifieri bħal pajjiżi li għandhom livell ta’ riskju iktar baxx fil-klassifikazzjoni internazzjonali adottata mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-obbligu ta’ azzjoni li huwa impost fuq il-Kummissjoni skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002 kif ukoll tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 999/2001.

F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li skont l-imsemmi prinċipju u d-dsipożizzjonijiet iċċitati ikar ’il fuq, peress li l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku irrikonoxxa f’Mejju tal-2008, f’Mejju 2011, f’Mejju 2012 u f’Mejju 2013 li ċerti Stati Membri, fosthom l-Italja, setgħu jiġu kklassifikati bħala pajjiżi li għandhom riskju negliġibbli ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB), il-Kummissjoni għandha obbligu li tadatta l-leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ informazzjoni ġdida u li teżamina mill-ġdid id-deroga skont il-punt 2 tal-Anness V tar-regolament bil-għan li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija deroga tipprevedi, minn naħa, trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, jiġifieri bejn il-produtturi ta’ Stati Membri rrikonoxxuti bħala pajjiżi li għandhom riskju negliġibbli ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina u dik tal-produtturi ta’ Stati Membri li ma kisbux tali rikonoxximent.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ azzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002 kif ukoll l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 999/2001.

F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li skont l-imsemmi prinċipju u d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, wara li l-UIE rrikonoxxa li ċerti Stati Membri għandhom riskju negliġibbli ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina, hija l-Kummissjoni li għandha tadatta l-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni ġdida u teżamina mill-ġdid id-deroga provviżorja skont l-punt 2 tal-Anness V tar-regolament bil-għan li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-għażla tal-Kummissjoni li ma teżaminax mill-ġdid id-deroga msemmija fil-punt 2 tal-Anness V ma hijiex xierqa għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa li hija tinvoka.


(1)  Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289).

(2)  Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).


Top