Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0567

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2016.
    Group OOD vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva GROUP Company TOURISM & TRAVEL – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti mhux irreġistrati GROUP Company TOURISM & TRAVEL – Raġuni relattiva għal rifjut – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Provi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali – Regola 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
    Kawża T-567/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:371

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    29 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva GROUP Company TOURISM & TRAVEL — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti mhux irreġistrati GROUP Company TOURISM & TRAVEL — Raġuni relattiva għal rifjut — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Provi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali — Regola 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009”

    Fil-Kawża T‑567/14,

    Group OOD, stabbilita f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentata minn D. Dragiev u A. Andreev, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, P. Ivanov u D. Botis, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija,

    Kosta Iliev, residenti f’Sofija, irrappreżentat minn S. Ganeva, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-2 ta’ Ġunju 2014 (Każ R 1587/2013‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Group u K. Iliev,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

    Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2014,

    wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Novembru 2014,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2014,

    wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2015,

    wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fit-13 ta’ Frar 2012, l-intervenjent, Kosta, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

    Image

    3

    Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 35, 39 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    4

    L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 72/2012, tas-16 ta’ April 2012.

    5

    Fit-13 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti, Group OOD, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-intier tagħha.

    6

    Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat trade mark figurattiva mhux irreġistrata, użata fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, il-Polonja u fis-Slovakkja għal servizzi fil-klassi 39, kif riprodott hawn taħt:

    Image

    7

    Fl-att ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti indikat li użat it-trade mark mhux irreġistrata mill-2003 għal servizzi ta’ trasport b’kowċ fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija u fis-Slovakkja. Hija qalet li kienet topera, b’liċenzja tal-gvern, linja regolari ta’ kowċis bejn Sofija (il-Bulgarija) u Praga (ir-Repubblika Ċeka) u pproduċiet diversi dokumenti insostenn tal-oppożizzjoni tagħha.

    8

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti u kkundannatha għall-ispejjeż. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma kinitx speċifikat u anqas ma pproduċiet prova li tikkonċerna d-dritt nazzjonali applikabbli li fuqha kienet qed tibbaża ruħha u li biha l-użu tat-trade mark seta’ ġie pprojbit fl-Istati Membri kkonċernati.

    9

    Fis-16 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2014 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li r-rikorrenti, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma kinitx ipproduċiet provi li jindikaw id-dritt nazzjonali applikabbli. Huwa fakkar li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tispjega u li turi li, fl-Istati Membri invokati fl-att tagħha ta’ oppożizzjoni, kien hemm protezzjoni ta’ trade marks mhux irreġistrati u dritt ibbażat fuq dawn tal-aħħar li jannulla trade mark posterjuri jew li tipprojbixxi l-użu tagħha. Ir-rikorrenti kellha wkoll l-obbligu li tinforma lill-EUIPO bid-dispożizzjonijiet legali applikabbli sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jevalwa l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti minn kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    11

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-trade mark Bulgara mhux irreġistrata invokata, il-Bord tal-Appell qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, dwar regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 291) ma kinux ġew issodisfatti sa fejn id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma kien fihom ebda riferiment għad-dritt nazzjonali Bulgaru. Fir-rigward tar-riferimenti għat-tliet dispożizzjonijiet ġuridiċi fl-ispjegazzjoni tal-aggravji, il-Bord tal-Appell qies li dawn kienu tardivi, peress li l-aċċenn rikjest bħala bażijiet ġuridiċi għandu jingħata fit-termini previsti matul il-proċimenti ta’ oppożizzjoni. Id-determinazzjoni tal-bażijiet tal-ilmenti ma tistax tiġi posposta sal-istadju tal-appell.

    12

    Fir-rigward, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(6) tal-liġi Bulgara Zakon za markite i gueografskite oznachenija (liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi), li għaliha r-rikorrenti rreferiet għaliha fl-aggravji tas-16 ta’ Awwissu 2013, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-r-rikorrenti kienet biss iċċitat it-test tal-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi, mingħajr pprovdiet l-verżjoni oriġinali Bulgara jew ipproduċiiet il-prova li l-imsemmi test kien ġej minn sors uffiċjali u affidabbli. Barra minn hekk, huwa fakkar li, kif jirriżulta mit-tabella intitolata “Drittijiet nazzjonali li jikkostitwixxu ‘drittijiet preċedenti' skont l-Artikolu 8(4) tar-[Regolment Nru 207/2009]” mehmuża mad-direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, it-trade marks mhux irreġistrati kienu protetti fil-Bulgarija biss bil-kundizzjoni li jkunu magħrufa sew u, f’dan il-każ, ir-rikorrenti qatt ma kienet invokat ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

    13

    Fi kwalunkwe każ, skont il-Bord tal-Appell, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli f’dan il-każ, sa fejn is-sempliċi ċitazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet nazzjonali bl-ebda indikazzjoni tas-sors tagħhom b’mod preċiż u mingħajr il-produzzjoni tat-test uffiċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma setgħetx tikkostitwixxi fatti u provi fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    It-talbiet tal-partijiet

    14

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

    15

    L-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

    16

    Fil-punt 29 tar-rikors, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti Ġenerali talba għal eżami ex officio tal-provi li hija ppruduċiet, inklużi l-provi “kumplimentari” mehmuża mar-rikors.

    17

    L-EUIPO iqis li l-provi dwar id-drittijiet nazzjonali Bulgaru, Ċek, Ungeriż u Slovakk (Anness A 12 tar-rikors) huma provi ġodda, li ma għandhom l-ebda rabta mal-provi diġà prodotti, u ma għandomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

    18

    Dwar id-Deċiżjoni Nru 3170 tat-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) tat-12 ta’ Mejju 2014 (Anness A 13 tar-rikors), il-EUIPO sostna li, wara li ġew introdotti wara t-teħid ta’ din id-deċiżjoni, din id-deċiżjoni ma għandhiex relazzjoni mas-suġġett tal-kawża u għalhekk ma hijiex rilevanti.

    19

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex dik li teżamina mill-ġdid il-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha [sentenzi tal-19 ta’ Novembru 2008, Rautaruukk vs UASI (RAUTARUUKKI), T‑269/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:512, punt 20, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (Metromeet), T‑407/08, EU:T:2010:256, punt 16].

    20

    Ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jkunu preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għalih, bħal f’dan il-każ, jirreferi d-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 26 iktar ‘il quddiem), minn provi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza jew id-duttrina legali nazzjonali, peress li l-Bord tal-Appell ma huwiex qed jiġi kkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatti li jinsabu f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda talli invoka deċiżjonijiet jew id-duttrina legali insostenn ta’ motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni ħażina mill-Bord tal-Appell ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Rotfront vs UASI – Rakhat (Маска), T‑96/13, EU:T:2015:813, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Jibqa’ l-fatt li d-dokumenti li jkun fihom id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali prodotti fl-Anness A 12 tar-rikors ma humiex elementi bbażati fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jispiraw llil-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, iżda huma provi ntiżi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali applikabbli skont ir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASII – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa fi fkixkun), T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 24].

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli d-dokumenti ppreżentati fl-Anness A 12 tar-rikors, imsemmija fil-punt 17 iktar ‘il fuq, li ma ġewx prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk għandu jiġi speċifikat li l-istħarriġ ta’ legalità isir fir-rigward tal-provi biss li ġew ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva u li jinsabu fil-fajl tal-EUIPO [sentenza tal-15 ta’ Lulju 2014, Łaszkiewicz vs UASI – Capital Safety Group EMEA (PROTEKT), T‑576/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:667, punt 25]

    22

    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tinsab fir-replika. Fil-fatt, ir-replika fiha informazzjoni dwar il-liġi Bulgara applikabbli li ma ġietx ippreżentata matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO.

    23

    Dwar l-Anness A 13 tar-rikors, li jinkludi d-Deċiżjoni Nru 3170 tat-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija) tat-12 ta’ Mejju 2014, hemm lok li jiġi ddikjarat ammissibbli. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wara l-introduzzjoni, mir-rikorrent, tal-aħħar nota tal-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, u, minħabba l-perijodu qasir bejn l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti ma setgħetx kienet taf bl-imsemmija deċiżjoni quddiem l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq il-mertu

    24

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 76(2) tal-istess regolament u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tal-istess regolament.

    25

    Sa fejn l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi tagħha jikkoinċidu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li dawn jiġu eżaminati flimkien.

    26

    Skont l-Artikolu 8(4)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, il-proprjetarju ta’ sinjal barra trade mark jista’ jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk dan tissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-qasam tal-kummerċ; għandu jkollu sinjifikat li ma huwiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-fakultà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti [sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, BR IP Holder vs UASI – Greyleg Investments (HOKEY POKEY), T‑62/14, EU:T:2016:23, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għaldaqstant, meta trade mark ma tissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħra użati fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ [sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, Danjaq vs UASI – Mission Productions (Dr. No), T‑435/05, Ġabra, EU:T:2009:226, punt 35].

    27

    L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, peress li din tal-aħħar ma għandhiex tkun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament [sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 33].

    28

    Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni [...] tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 rrikonoxxa lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 34). Konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-oneru tal-prova li din l-aħħar kundizzjoni hijiex issodisfatta huwa fuq l-opponent quddiem l-EUIPO (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU: C:2011:189, punt 89).

    29

    Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru invokat u li din tippermetti l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 190).

    Fuq l-obbligu li tiġi prodotta l-prova tad-dritt nazzjonali applikabbli

    30

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jikkonstata d-dispożizzjonijiet applikabbli, taħt l-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    31

    L-EUIPO iqis li l-Bord tal-Appell, ġustament, enfasizza l-ksur tal-obbligu previst fir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, li, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dritt preċedenti skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, l-opponent għandu jipproduċi l-prova tal-akkwist ta’ dan id-dritt, tal-permanenza tiegħu u tal-estensjoni tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt. Il-ksur ta’ dan l-obbligu għandu l-effett li jiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

    32

    Skont ir-Regola 19 tar‑Regolament Nru 2868/95:

    “1.

    L-[EUIPO] għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġasottomessi skond Regola 15(3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni […].

    2.

    Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tipproduċi prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni […]. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

    […]”

    d)

    jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq dritt preċedenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 (4) tar-Regolament [207/2009], evidenza tal-akkwist, eżistenza kontinwa u skop tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt;

    […]”

    3.

    L-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew akkompanjati bi traduzzjoni. It-traduzzjoni għandha tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.

    4.

    L-[EUIPO] ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradotti bil-lingwa tal-proċedimenti, fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-[EUIPO].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    33

    B’hekk ir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95 tqiegħed fuq min jopponi l-oneru li jippreżenta lill-EUIPO mhux biss il-provi li juru li huwa jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex ikun jista’ jiżgura l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark tal-Unjoni bis-saħħa ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll il-provi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Маска, T‑96/13, EU:T:2015:813, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    34

    Minn dan isegwi li hija preċiżament ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ opponenti, li għandha tipproduċi lill-EUIPO l-provi li jistabbilixxu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, fl-assenza ta’ kwalunkwe allegazzjoni jew xi prova f’dan is-sens ippreżentata mill-partijiet, il-EUIPO ma għandu l-ebda obbligu li jiġbor ex officio l-provi dwar id-dritt nazzjonali applikabbli, kuntrarjament għal li r-rikorrenti ssostni.

    35

    Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat sinjal figurattiv użat bħala trade mark mhux irreġistrata fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja, u, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, ipproduċiet diversi provi dwar l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata. Mandankollu hija ma pproduċiet ebda prova dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    36

    Huwa għalhekk li l-oppożizzjoni ġiet miċħuda mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li fakkar l-obbligu tal-opponenti sabiex tipproduċi lill-EUIPO l-provi li jistabbilixxu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermettilha li topponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

    37

    Fir-rigward tad-drittijiet preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ibbażati fuq trade marks mhux irreġistrati Ċeki, Ungeriżi, Pollakki u Slovakki, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma semmiet, matul il-proċedura amministrattiva, ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri. Għalhekk huwa ġustament li l-Bord tal-Appell qies, fil-punti 28 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata li, essenzjalment, ir-rikorrenti ma kinitx stabbiliet il-kontenut tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri, u, għaldaqstant, ċaħdet l-oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmija drittijiet.

    38

    Fir-rigward, madankollu, id-dritt preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ibbażata fuq it-trade mark mhux irreġistrata Bulgara, għandu jiġi rrielvat li, fl-ispjegazzjoni tagħha dwar l-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell tas-16 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti rreferiet għal tliet dispożizzjonijiet tal-liġi Bulgara, fosthom l-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif emendata, li skontha oppożizzjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq trade mark mhux irreġistrata użata fil-kummerċ fil-Bulgarija.

    39

    Qabel ma jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti ssodisfatx l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95, dwar l-istabbiliment tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni Bulgara, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-Bord tal-Appell jistax iqis dawn il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha.

    Fuq il-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi relatati mad-dritt nazzjonali prodotti għall-ewwel darba quddiemha

    40

    Kif ġie rrilevat fil-punt 38 iktar 'il fuq, huwa fl-ispjegazzjoni tal-aggravji li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, irreferiet għal tliet dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru, inkluż l-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    41

    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li bl-ebda mod ma huwa pprojbit li l-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, invokat quddiemu. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-possibbiltà, għall-Bord tal-Appell, li jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi ppreżentati tardivament.

    42

    L-EUIPO isostni li l-Bord tal-Appell ma setax jaċċetta provi prodotti tardivament ħlief jekk “ċirkustanzi konkomitanti” jistgħu jiġġustikifaw d-dewmien tar-rikorrenti għalll-produzzjoni ta’ dawn il-provi. Issa, f’dan l-każ, ma kienx hemm ċirkustanzi li jistgħu jimpedixxu li r-rikorrenti milli tipproduċi l-provi neċessarji dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Bl-istess mod, il-kwistjoni tad-dritt għall-EUIPO li jiddeċiedi jekk għandux jieħu inkunsiderazzjoni provi ppreżentati barra t-termini tqum biss fil-każ ta’ provi supplimentari li jservu biss sabiex jissaħħu jew jiġu ċċarati l-provi prodotti fit-termini.

    43

    L-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-EUIPO jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux prodotti fi żmien utli.

    44

    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm mhux previst mod ieħor, il-preżentazzjoni tal-fatti u l-provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li huma suġġetta għalihom skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u li ma huwa bl-ebda mod ipprojbit li l-EUIPO tieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi b’hekk invokati jew prodotti tardivament, jiġifieri barra mit-termini preksritti mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, fejn ikun applikabbli, għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11P, EU:C:2013:484, punt 30; ara wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun, T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti, fil-fatt, lill-EUIPO setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, IASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 43, u tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASU, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punt 23).

    46

    Ċertament, it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jiddisponi li “jekk sa l-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19(1) il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tiffajlja oppożizzjoni, l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.”

    47

    Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, meta l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi prodotti fit-termini stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni tal-Oppożizzjoni, sakemm huwa ma jikkunsidrax li fatti u provi addizzjonali jew supplimentari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 120/3 (ara, f’dan is-ens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASII, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 31).

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI ta’ fatti jew ta’ provi prodotti tardivament meta jkun mitlub jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ partikolarment jiġi ġġustifikat meta dan jikkunsidra li, minn naħa, il-provi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali għal dak li jikkonċerna l-eżitu tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedimenti li fihom jiġu prodotti tardivament u ċ-ċirkustanzi relatati ma’ dan ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan il-każ, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li r-riferimenti għat-tliet dispożizzjonijiet legali Bulgari, fl-ispjegazzjoni tal-aggravji, kienu tardivi, peress li l-aċċenn rikjest mill-bażijiet legali irid jingħata fit-termini previsti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Skont il-Bord tal-Appell, id-determinazzjoni tal-bażijiet tal-ilmenti ma tistax tiġi posposta sal-istadju tal-appell quddiemha.

    50

    Issa, it-terminu previst mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95 sabiex tiġi ppreżentata l-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 19(2)(d) tal-istess regolament jiskadi fit-13 ta’ Diċembru 2012.

    51

    Dwar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien inapplikabbli fi kwalunkwe każ, peress li ma kien hemm ebda “fatti u provi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    52

    F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, qabel kollox, l-argument tal-EUIPO li skontu l-Bord tal-Appell ma jistax jaċċetta l-provi prodotti tardivament dwar l-eżistenza u l-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti, ħlief jekk “ċirkustanzi konkomitanti” jistgħu jiġġustifikaw id-dewmien, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-3 ta Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU: C:2013:638, punt 39), effettivament qieset li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kellu jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ diskrezzjoni b’mod restrittiv u ma setax jammetti l-produzzjoni tardiva ta’ provi ħlief jekk iċ-ċirkustanzi li jiċċirkondawha kienu setgħu jiġġustifikaw id-dewmien tar-rikorrenti fl-amministrazzjoni tal-prova li kellu jagħmel. Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat bħala kriterju ta’ applikazzjoni restrittiva tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell il-fatt li r-rikorrenti kellha tkun taf id-dokumenti speċifiċi li hija kellha tipproduċi sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha peress li kienu elenkati, b’mod strett u komprensiv, fil-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95.

    53

    Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għar-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95, ir-Regola 19(2)(d) tal-istess regolament ma telenkax, b’mod preċiż u eżawrjenti, id-dokumenti li għandhom jiġu prodotti insostenn tal-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni ssemmi biss l-obbligu li tiġi prodotta l-prova ta’ akkwist, tal-permanenza u tal-estensjoni tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr iktar speċifikazzjoni.

    54

    Bl-istess mod, kif jirriżulta mll-fajl, l-anness għall-ittra tal-1 ta’ Awwissu 2012 tal-EUIPO, li jindika b’mod partikolari li t-terminu għall-prova tal-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti skada fit-13 ta’ Diċembru 2012, għandu jiġi speċifikat li, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, kien hemm lok b’mod partikolari li tiġi prodotta l-prova tad-dritt nazzjonali.

    55

    B’hekk, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi fattwali invokati fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 39), ir-rikorrenti, f’dan il-każ, ma kellhiex tkun taf id-dokumenti speċifiċi li hija kellha tipproduċi sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha.

    56

    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-kundizzjonijiet identifikati fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638), ma japplikawx f’dan il-każ u li s-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell dwar il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti u provi ppreżentati tardivament sanċit fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhiex tiġi eżerċitata restrittivament.

    57

    Fir-rigward, sussegwentement, tal-argument tal-EUIPO li skontu l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti barra t-termini tqum biss fil-każ ta’ provi supplimentari li jsaħħu jew jiċċaraw il-provi prodotti fit-termini, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, ir-riferimenti għat-tliet dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Bulgara, ipprovduti mir-rikorrenti fl-ispjegazzjoni tagħha tal-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell, ma humiex provi għalkollox ġodda u għandhom jitqiesu bħala parti mill-provi intiżi li jipproduċu l-prova tal-akkwist, tal-permanenza u tal-estensjoni tal-protezzjoni tat-trade mark Bulgara mhux irreġistrata. Kif ġie kkonstatat fil-punt 35 iktar 'il fuq, ċerti provi li juru l-eżistenza, il-validità u l-estensjoni tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata ġew prodotti matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (ara l-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95 ma telenkax, b’mod preċiż u eżawrjenti, il-provi dwar l-eżistenza, il-validità u l-estensjoni tal-protezzjoni ta’ dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 li opponent, li jinvoka tali dritt, għandu jipproduċi lill-EUIPO. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tista’ titqies bħala waħda mill-provi tal-akkwist, tal-permanenza u tal-protezzjoni ta’ dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    59

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, fi kwalunkwe każ, ma għamilx użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu, u dan anki b’mod restrittiv. Huwa indika biss li r-riferimenti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali Bulgari kienu tardivi u li d-determinazzjoni tal-bażi tal-ilmenti ma setgħetx tiġi posposta sal-istadju tal-appell.

    60

    Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, espressa fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata u sostnuta mill-EUIPO quddiem il-Qorti Ġenerali, li skontha ċ-ċitazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Bulgara mir-rikorrenti mingħajr ebda indikazzjoni tas-sors tagħhom b’mod preċiż, mingħajr ċitazzjoni tat-test uffiċjali u mingħajr produzzjoni ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ dawn ir-regoli ma tistax titqies li tikkostitwixxi fatt u prova fis-sens tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li jitqies li din il-pożizzjoni, barra minn hekk mhux sostnuta, hija manifestament żbaljata. Fil-fatt, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti lill-EUIPO li ma tiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fi żmien utli. Issa, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet Bulgari huwa mingħajr kontestazzjoni kopert minn din id-dispożizzjoni li r-rikorrenti invokat quddiem il-Bord tal-Appell. Jekk wieħed jassumi li dan ir-riferiment ma jkunx suffiċjenti sabiex jissodisfa l-obbligi tar-rikorrenti dwar l-istabbiliment tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

    61

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma kienx seta’ validament jasal, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konklużjoni li biha r-refimenti għad-tliet dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kienu tardivi mingħajr ma seta’ jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ diskrezzjoni. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali li huwa madankollu kien investit biha u ġġustifika r-rifjut tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan ir-riferimenti għad-dritt Bulgaru, prodotti quddiemu. Meta għamel hekk, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

    Fuq id-domanda dwar jekk ir-rikorrenti ssodisfatx l-obbligu li tipproduċi l-provi tad-dritt nazzjonali skont ir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95.

    62

    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx motivi li jippermettu li jiġi stabbilit għaliex l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jiġi applikat kontra t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha minkejja l-fatt li hija ppruduċiet provi tal-użu ta’ sinjal identiku u li hija invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    63

    Skontha, il-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li d-dispożizzjoni nazzjonali li hija invokat, jiġifieri l-Artikolu 12(6), tal-liġi dwar it-trade marks u indikazzjonijiet ġeografiċi, tapplika għat-trade marks magħrufa sew u kienet marbuta mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    64

    Il-Bord tal-Appell, meta eżamina ex officio l-liġi nazzjonali, ġibed konklużjonijiet żbaljati rigward il-kontenut ta’ din tal-aħħar, u b’hekk kiser l-obbligu ta’ konstatazzjoni ex officio u ta’ applikazzjoni stretta tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, sanċit fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    65

    L-EUIPO iqis li l-Bord tal-Appell, ġustament, enfasizza l-ksur tal-obbligu prevista fir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, li, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dritt preċedenti skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, l-opponent għandu jipproduċi l-prova tal-akkwist ta’ dan id-dritt, tal-permanenza tiegħu u tal-estensjoni tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt. Il-ksur ta’ dan l-obbligu għandu l-effett li jiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

    66

    Bħall-Bord tal-Appell, il-EUIPO jikkritika lir-rikorrenti li semmiet regoli ġuridiċi mingħajr ma speċifikat is-sors eżatt lanqas ma ċċitat it-test uffiċjali bil-Bulgaru u ma pproduċietx estratt mid-Darzhaven vestnik (il-ġurnal uffiċjali Bulgaru), minn ġabriet uffiċjali tal-liġijiet, minn kummentarji jew minn ġurisprudenza nazzjonali.

    67

    Kif ġie rrilevat diġà fil-punt 38 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti, fl-ispjegazzjoni tal-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, iċċitat l-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif emendata. Din iċ-ċitazzjoni fiha wkoll ir-riferiment ta’ pubblikazzjoni fil-Darzhaven Vestnik kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri t-3 ta’ Ottubru 2011. Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata użata fil-kummerċ fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, l-ebda trade mark li d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija sussegwenti għall-użu fil-kummerċ tat-trade mark mhux irreġistrata ma tista’ tiġi rreġistrata.

    68

    Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt 67 iktar 'il fuq, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti kienet iċċitat biss it-test tal-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, mingħajr ma pprovdiet il-verżjoni Bulgara oriġinali, jew ipproduċiet il-prova li l-imsemmi test ġej minn sors uffiċjali u affidabbli, u li din id-dispożizzjoni kellha tiġi implementata reċentament. Meta rreferiet għat-tabella annessa mad-direttivi tal-EUIPO (ara l-punt 12 iktar ‘il fuq), il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade marks mhux irreġistrati kienu protetti fil-Bulgarija biss bil-kundizzjoni li jkunu magħrufa sew u li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti qatt ma kienet invokat ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

    69

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstat li la l-Regolamenti Nru 207/2009 u 2868/95 u lanqas il-ġurisprudenza ma jidentifikaw il-mod kif il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu jiġi ppruvat. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma jistax jirrikjedi li r-rikorrenti tipproduċi estratt mid-Darzhaven vestnik jew it-test Bulgaru uffiċjali, b’mod partikolari meta l-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO hija l-Ingliż.

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-provi tad-dritt nazzjonali rikjesti min-naħa tar-rikorrenti għandhom jippermettu lill-EUIPO li jidentifika b’mod korrett u mingħajr ekwivoku d-dritt applikabbli. Din l-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tippermetti lill-EUIPO sabiex jifhem u japplika l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni u l-estensjoni tagħha, u tippermetti lil min jitlobha li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża. Issa, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, it-test tal-leġiżlazzjoni li ġej minn sors uffiċjali ma huwiex indispensabbli.

    71

    It-tieni nett, għandu jiġi rrielvat li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, identifika d-dispożizzjoni imsemmija mir-rikorrenti bħala li kienet l-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni tal-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti iċċitatat l-Artikolu 12(6) tal-liġi u speċifikat li din hija possibbiltà oħra sabiex topponi l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark kif previst fl-Artikolu 12(1) tal-imsemmija liġi.

    72

    It-tielet nett, huwa wkoll b’mod żbaljat li, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 12(6) tal-Liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi f’komunikazzjoni supplimentari tal-25 ta’ Marzu 2014.

    73

    Kif kien diġà rrilevat fil-punt 38 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti invokat din id-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq fl-ispjegazzjoni tal-aggravji quddiem il-Bord tal-Appell tas-16 ta’ Awwissu 2013.

    74

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fajl u b’mod partikolari mill-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-komunikazzjoni supplimetnari għandha bħala data s-16 ta’ April u mhux il-25 ta’ Marzu 2014.

    75

    Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi prodotti quddiemu mir-rikorrenti, ma setax jilħaq l-konklużjoni li t-trade marks mhux irreġistrati kienu protetti fil-Bulgarija biss bil-kundizzjoni li jkunu magħrufa sew biss b’riferiment biss għat-tabella ta’ drittijiet nazzjonali annessa mat-direttivi tal-EUIPO. Fil-fatt, it-test tal-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif prodotta mir-rikorrenti, ma ssemmix ir-reputazzjoni ta’ trade mark mhux irreġistrata bħala kundizzjoni rikjesta sabiex il-proprjetarju ta’ tali trade mark jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida. Din l-aħħar kwistjoni, barra minn hekk, ma kinitx analizzata mill-Bord tal-Appell.

    76

    Bl-istess mod, anki jekk l-EUIPO fil-kitbiet tiegħu jsostni li t-tabella annessa mad-direttivi tiegħu ma hijiex “sors ġuridiku” u mhux neċessarjament aġġornata, il-Bord tal-Appell irrefera għaliha fl-istess tabella sabiex jiddikjara li t-trade marks mhux irreġistrati kienu protetti fil-Bulgarija biss bil-kundizzjoni li uma magħrufa sew. Huwa għamel din il-konstatazzjoni minkejja l-fatt li, kif ikkostata huwa stess fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dispożizzjoni invokata mir-rikorrenti ġiet implementata reċentement.

    77

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istanzi kompetenti tal-EUIPO, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dawn għandhom jevalwaw l-awtorità u l-portata tal-provi ppreżentati mill-opponent sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tad-dispożizzjoni legali nazzjonali invokata minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    78

    Peress li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ twassal sabiex jitqies li hemm raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jidher neċessarju li l-EUIPO jista’, qabel ma jilqa’ l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark, jivverifika r-rilevanza tal-provi prodotti mill-opponent dwar l-amministrazzjoni tal-prova, li għandu jipproduċi, tal-kontenut ta’ dan id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 41).

    79

    B’hekk, fiċ-ċirkustanzi fejn l-EUIPO jista’ jintalab jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih igawdi minn protezzjoni dritt preċedenti li fuqu tkun ibbażata l-oppożizzjoni, huwa għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li jidhrulu utli għal dan il-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni ta’ invalidità inkwistjoni u, b’mod partikolari, tar-realtà tal-fatti mressqa jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 5). Dan l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali huwa impost, jekk ikun il-każ, fuq l-EUIPO, fil-każ li huwa jkollu diġà indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ provi prodotti matul il-proċedimenti u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom [sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET), EU:T:2013:145, punt 41].

    80

    Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell mhux biss naqas li jivverifika r-rilevanza tal-provi dwar id-dritt nazzjonali prodotti mir-rikorrenti, iżda wkoll eskludiehom meta rrefera għal sors ta’ informazzjoni li ntwera li huwa mhux eżatt f’dan il-każ.

    81

    Jekk il-Bord tal-Appell kellu dubji dwar ir-riproduzzjoni fidila, l-applikabbiltà jew l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi ċċitati mir-rikorrenti, huwa kellu jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ verifika.

    82

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-EUIPO messu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 iktar 'il fuq, għamel użu mill-mezzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tas-setgħa ta’ verifika tiegħu sabiex jinforma ruħu dwar id-dritt nazzjonali applikabbli u jwettaq riċerka iktar fid-dettall dwar il-kontenut u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokat, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, jew ex officio, jew billi jitlob lir-rikorrenti tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha dwar id-dritt nazzjonali Bulgaru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Маска, T‑96/13, EU:T:2015:813, punt 35).

    83

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell ma setax jeskludi r-riferiment għall-Artikolu 12(6) tal-liġi dwar it-trade marks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi magħmula mir-rikorrenti fl-ispjegazzjoni tal-aggravji tagħha għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata u mingħajr ma eżerċita s-setgħa ta’ verifika tiegħu.

    84

    Għalhekk hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

    Fuq l-ispejjeż

    85

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    86

    F’dan il-każ, peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati li jbatu, l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

     

    Għal dawn il-motivi,

    Il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-2 ta’ Ġunju 2012 (Każ R 1587/2013‑4) hija annullata.

     

    2)

    L-EUIPO u Kosta Iliev għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn Group OOD.

     

    Prek

    Labucka

    Kreuschitz

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 2016

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top