This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014TJ0205
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 23 September 2015.#I. Schroeder KG (GmbH & Co.) v Council of the European Union and European Commission.#Non-contractual liability — Dumping — Imports of certain prepared or preserved citrus fruits originating in China — Regulation (EC) No 1355/2008 declared by the Court of Justice to be invalid — Loss allegedly suffered by the applicant following the adoption of the regulation — Action for compensation — Exhaustion of domestic remedies — Admissibility — Sufficiently serious infringement of a rule of law conferring rights on individuals — Article 2(7)(a) of Regulation (EC) No 384/96 (now Article 2(7)(a) of Regulation (EC) No 1225/2009) — Duty of care — Causal link.#Case T-205/14.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Settembru 2015.
I. Schroeder KG (GmbH & Co.) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dumping – Importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1355/2008 ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja – Dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tar-regolament – Rikors għad-danni – Eżawriment tar-rimedji nazzjonali – Ammissibbiltà – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li sar Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009] – Dmir ta’ diliġenza – Rabta kawżali.
Kawża T-205/14.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Settembru 2015.
I. Schroeder KG (GmbH & Co.) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dumping – Importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1355/2008 ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja – Dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tar-regolament – Rikors għad-danni – Eżawriment tar-rimedji nazzjonali – Ammissibbiltà – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li sar Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009] – Dmir ta’ diliġenza – Rabta kawżali.
Kawża T-205/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:673
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
23 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dumping — Importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 1355/2008 ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tar-regolament — Rikors għad-danni — Eżawriment tar-rimedji nazzjonali — Ammissibbiltà — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li sar Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009] — Dmir ta’ diliġenza — Rabta kawżali”
Fil-Kawża T‑205/14,
I. Schroeder KG (GmbH & Co.), stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn K. Landry, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn D. Geradin u N. Tuominen, sussegwentement minn N. Tuominen, avukati,
u
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,
konvenuti,
li għandha bħala suġġett rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-danni allegatament imġarrba minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35), iddikjarat invalidu bis-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, Ġabra, EU:C:2012:158),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,
Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 |
L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22)] jipprovdi: “Fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ ekonomija mhux tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur kostrutt f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz, jew il-prezz minn pajjiż terz bħal dan għall-pajjiżi oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawk mhux possibbli, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz infatti mħallas jew li għandu jitħallas fil-Komunità għal prodott ta’ l-istess tip, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini raġjonevoli ta’ profitt. Ekonomija tas-suq xierqa ta’ pajjiż terz għandha tiġi magħżula b’mod raġunat u jingħata kont kif dovut għal kwalunkwe informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli fil-ħin tas-selezzjoni. Għandu wkoll jingħata kont tal-limiti taż-żmien; fejn xieraq, pajjiż terz ta’ ekonomija tas-suq li huwa s-soġġett għall-istess investigazzjoni għandu jiġi wżat. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu infurmati ftit wara l-bidu ta’ l-ekonomija tas-suq tal-pajjiż terz magħżula u għandhom jingħataw 10 jiem biex jikkummentaw.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Fl-20 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat l-avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping li tirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 246, p. 15). |
3 |
Fit-2 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti, I. Schroeder KG (GmbH & Co.), talbet lill-Kummissjoni biex tkun parti mill-kampjun ta’ importaturi indipendenti msemmija fl-avviż ta’ ftuħ. |
4 |
Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 642/2008, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 178, p. 19). |
5 |
Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1355/2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35). |
6 |
Ir-rikorrenti ħallset id-dazju antidumping stabbilit minn dan ir-regolament għall-importazzjonijiet tagħha tal-prodott ikkonċernat u tikkonferma li ħallsitu wkoll għall-importazzjonijiet li saru permezz ta’ erba’ importaturi oħrajn (iktar ’il quddiem l-“erba’ kumpanniji l-oħrajn”). |
7 |
B’sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, Ġabra, EU:C:2012:158, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament Nru 1355/2008 invalidu, għar-raġuni li l-Kummissjoni u l-Kunsill kienu kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009], billi ddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni Ewropea għal prodott simili, mingħajr ma wrew id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxu dan il-valur mill-prezzijiet imħallsa għal dan l-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. |
8 |
Wara s-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158), ir-rikorrenti u l-erba’ kumpanniji l-oħrajn talbu r-rimbors tad-dazji mħallsa taħt ir-Regolament Nru 1355/2008. L-uffiċċji prinċipali doganali Ġermaniżi rrimborsaw id-dazji miġbura indebitament. |
9 |
Ir-rikorrenti u l-erba’ kumpanniji l-oħrajn talbu wkoll, minn naħa, lill-uffiċċji doganali ta’ Hamburg-Stadt, ta’ Duisbourg u ta’ Krefeld (il-Ġermanja) il-ħlas ta’ interessi bir-rata ta’ 0.5 % fix-xahar fuq id-dazji antidumping imħallsa, għall-perijodu mid-data tal-ħlas ta’ dawn id-dazji sar-rimbors tagħhom. Dawn it-talbiet, iddatati s-6 u s-7 ta’ Novembru 2012, ġew miċħuda b’deċiżjonijiet tal-uffiċċji doganali kkonċernati fit-8 u t-23 ta’ Novembru, it-18 ta’ Diċembru 2012 u t-3 ta’ April 2013. Ir-rikorrenti u l-erba’ kumpanniji l-oħrajn għamlu xi lmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda. Ir-rikorrenti speċifikat, matul is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, li dawn il-proċeduri kollha kienu ġew sospiżi sakemm tingħata d-deċiżjoni mill-Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) fil-kawża bejn Hüpeden & Co (GmbH & Co.) KG u l-awtoritajiet doganali. |
10 |
Ir-rikorrenti talbet, min-naħa l-oħra, lill-Kunsill u l-Kummissjoni, b’ittri tal-10 ta’ Diċembru 2013, kumpens għad-dannu ta’ EUR 345644 li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ interessi fir-rigward tas-self li hija kellha tissottoskrivi minħabba r-Regolament Nru 1355/2008. Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’ittra tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2014 u b’ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2014. |
11 |
Wara s-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158), il-Kummissjoni, barra minn hekk, iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura antidumping, b’dan il-ftuħ mill-ġdid ikun jirrigwarda biss l-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tal-imsemmija sentenza. Wara din il-proċedura, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 158/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 49, p. 29), mit-23 ta’ Frar 2013. Saru żewġ domandi preliminari dwar il-validità ta’ dan ir-regolament lill-Qorti tal-Ġustizzja (Kawżi magħquda C‑283/14, CM Eurologistik u C‑284/14, GLS). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
12 |
B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
13 |
Il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni ta’ din il-proċedura, minn naħa, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jkunu taw deċiżjoni finali dwar il-kawżi msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq, kif ukoll, min-naħa l-oħra u sussidjarjament, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari dwar il-validità tar-Regolament Nru 158/2013 magħmula fil-Kawżi magħquda C‑283/14 u C‑284/14 imsemmija iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ma qajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ dawn it-talbiet għal sospensjoni. |
14 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
15 |
Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, bħalma ġie rrilevat fil-proċess verbal tas-seduta, sabiex tikkonstata, permezz ta’ sentenza interlokutorja, li r-rikors tagħha kien ammissibbli u li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu wettqu żball li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, imbagħad li tissospendi din il-proċedura sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-proċedura quddiem il-Finanzgericht Hamburg imsemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq. |
16 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
17 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti ma eżawrietx ir-rimedji nazzjonali li jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat. |
18 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għad-danni taħt l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sistema kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi stabbilita mit-trattat. Minn dan jirriżulta li, meta persuna tqis li tkun ġarrbet ħsara bl-applikazzjoni legali ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li hija tikkunsidra bħala illegali u li l-avveniment li ta lok għall-allegat dannu huwa għalhekk attribwibbli esklużivament lill-Unjoni, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors għad-danni tista’ madankollu tkun suġġetta, f’ċerti każi, għall-kundizzjoni li jkunu ġew eżawriti r-rimedji nazzjonali. Huwa meħtieġ ukoll li dawn ir-rimedji nazzjonali jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati u li dawn ikunu jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, Ġabra, EU:C:1989:221, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Novembru 2004, Cantina sociale di Dolianova et vs Il‑Kummissjoni, T‑166/98, Ġabra, EU:T:2004:337, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Anki fl-ipoteżi li r-rekwiżit ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali jista’ jkun applikabbli f’dan il-każ, ikkaratterizzat minn azzjonijiet nazzjonali intiżi li jiksbu l-ħlas ta’ interessi fuq id-dazji antidumping mħallsa lura u b’din il-kawża għad-danni quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun intiża li tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ interessi bankarji fuq is-self ikkuntrattat minħabba t-telf ta’ likwidità minħabba l-ħlas ta’ dan id-dazju, u indipendentement mis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Holcim (Ir‑Rumanija) vs Il‑Kummissjoni (T‑317/12, Ġabra, taħt appell, EU:T:2014:782, punti 73 sa 77), li llimitat il-każijiet ta’ inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, li n-nuqqas ta’ eżawriment ta’ rimedji nazzjonali mir-rikorrenti ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors tagħha. |
20 |
Fil-fatt, l-azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji ppreżentati jew li jistgħu jiġu ppreżentati quddiem l-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-każ ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq u, b’hekk, ma kellhomx għalfejn jiġu eżawriti għall-finijiet tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. |
21 |
Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-analiżi neċessarjament prospettiva tal-effettività ta’ rimedji nazzjonali, peress li l-inammissibbiltà inkwistjoni hija, min-natura tagħha, kontra rikorrent li ma jkunx eżawrixxa r-rimedji nazzjonali, il-qorti tal-Unjoni ċaħdet tali inammissibbiltà meta r-riżultat tar-rimedji nazzjonali kien “fortuwitu ħafna” (sentenza tat-30 ta’ Mejju 1984, Eximo Molkereierzeugnisse Handelsgesellschaft vs Il‑Kummissjoni, 62,83, Ġabra, EU:C:1984:197, punt 15; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, Ġabra, EU:C:1986:85, punt 28) jew li dawn ir-rimedji nazzjonali kienu “diffiċli ħafna” sabiex jiġu enforzati (sentenza Cantina sociale di Dolianova et vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2004:337, punt 117). Minn dan jirriżulta li l-oneru tal-prova impost fuq ir-rikorrenti, li topponi n-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali, ma jistax jeżiġi iżjed mill-għoti ta’ indizji ta’ natura li jqajmu dubji serji fir-rigward tan-natura effettiva tal-protezzjoni żgurata mir-rimedji nazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il-Kummissjoni, T‑59/92, Ġabra, EU:T:1993:91, punt 35, u tad-9 ta’ Marzu 2005, L vs Il‑Kummissjoni, T‑254/02, ĠabraSP, EU:T:2005:88, punt 148). |
22 |
Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet tali indizji. |
23 |
Ir-rikorrenti b’hekk ippreżentat b’mod iddettaljat id-dispożizzjonijiet applikabbli u enfasizzat il-fatt, barra minn hekk ikkonfermat mill-Kunsill fir-risposta tiegħu, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux ir-rimbors tal-interessi mitluba f’dan il-każ. |
24 |
Fil-fatt, l-Artikolu 241 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1993, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), applikabbli fid-data tal-fatti f’dan il-każ, bħalma kkonfermaw il-Kunsill u l-Kummissjoni matul is-seduta, jipprovdi: “Ħlas lura mill-awtoritajiet kompetenti ta’ ammonti ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jew ta’ imgħax ta’ kreditu jew imgħax fuq arretrati miġbura fuq il-ħlas ta’ dawk id-dazji m’għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ imgħax minn dawk l-awtoritajiet. Iżda, l-imgħax għandu jitħallas:
[...]” |
25 |
Issa, f’dan il-każ, ma jirriżulta minn ebda att fil-proċess u ebda parti ma ssostni barra minn hekk li d-deċiżjoni li tordna r-rimbors ma ġietx eżegwita fit-terminu previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni nazzjonali applikabbli fis-sens tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jiġifieri l-Artikolu 236 tal-Abgabenordnung (Kodiċi Fiskali Ġermaniż) jipprevedi l-ħlas ta’ interessi biss meta r-rimbors tad-dazji inkwistjoni jkun ġie ordnat b’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. |
26 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkomunikat, f’anness għar-rikors u għal ittra mibgħuta bi tweġiba għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li kollha rrifjutaw li jagħtu l-interessi mitluba, abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, kif ukoll ittra tal-President tar-Raba’ Awla tal-Finanzgericht Hamburg tal-5 ta’ Frar 2015 li prima facie tikkonferma dan ir-rifjut fil-kawża msemmija bħala l-“każ pilota” fil-kawżi nazzjonali dwar il-ħlas tal-interessi relatati mad-dazji antidumping imħallsa lura (ara punt 9 iktar ’il fuq). |
27 |
Dawn id-deċiżjonijiet b’mod partikolari kollha ċaħdu l-applikabbiltà f’dan il-każ tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, Ġabra, EU:C:2012:591, punti 65 sa 67; ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C‑565/11, Ġabra, EU:C:2013:250, punti 21 u 22). Skont din is-sentenza, il-partijiet f’kawża li għandhom dritt għar-rimbors ta’ somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor stabbiliti permezz ta’ regolament invalidu għandhom ukoll id-dritt għall-ħlas tal-interessi marbuta miegħu (sentenza Zuckerfabrik Jülich et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2013:250, punt 67), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f’dan il-qasam il-prinċipju tal-obbligu għall-Istati Membri li jagħtu lura bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Zuckerfabrik Jülich et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2012:591, punt 66). |
28 |
B’hekk, anki jekk, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, ma jistax jiġi totalment eskluż li, abbażi tas-sentenza Zuckerfabrik Jülich et, punt 27 iktar ’il fuq (EU:C:2012:591), l-użu ta’ rimedji nazzjonali jwassal għall-ħlas tal-interessi mitluba, l-informazzjoni miġjuba mir-rikorrenti f’dan il-każ hija biżżejjed sabiex tqajjem dubji serji dwar tali riżultat. |
29 |
Minn dan kollu jirriżulta li r-rikorrenti stabbiliet suffiċjentement l-ineffettività tar-rimedji nazzjonali, mingħajr ma jkun hemm lok li wieħed jistenna r-riżultat tal-proċeduri nazzjonali mibdija. |
30 |
Konsegwentement, inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali għandha tiġi miċħuda, bl-istess mod bħat-talba għal sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża, sakemm jingħalqu l-proċeduri nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, ippreżentata mill-Kummissjoni. |
Fuq il-fondatezza tar-rikors
31 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri n-natura żbaljata tal-aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l- aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, Ġabra, EU:C:2012:216, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2013, Gap granen & producten vs Il‑Kummissjoni, T‑437/10, EU:T:2013:248, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq in-natura żbaljata tal-aġir tal-istituzzjonijiet
32 |
Ir-rikorrenti ssostni li mis-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158), jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Kunsill kisru d-dmir ta’ premura tagħhom kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, huma ddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsin jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma wrew bl-ebda mod id-diliġenza meħtieġa sabiex jiddeterminaw dan il-valur abbażi ta’ prezzijiet imħallsin għal dan l-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. |
33 |
Fis-sentenza tagħha GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni u l-Kunsill, sa fejn kienu ddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet li fil-fatt tħallsu jew huma pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma wrew bl-ebda mod id-diliġenza meħtieġa sabiex jiddeterminaw dak il-valur abbażi tal-prezzijiet imħallsin għal dak l-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, huma kienu kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. |
34 |
Minn din is-sentenza jirriżulta, l-ewwel nett, li l-invalidità tar-Regolament Nru 1355/2008 u, b’hekk, l-aġir allegatament żbaljat f’dan il-każ huma imputabbli kemm lill-Kummissjoni, li mexxiet il-proċedura antidumping u adottat ir-regolament antidumping provviżorju, kif ukoll lill-Kunsill, li adotta r-regolament antidumping finali li kkonferma r-regolament provviżorju. |
35 |
Minn dan jirriżulta, it-tieni nett, li ż-żewġ istituzzjonijiet huma kkritikati li kisru d-dmir ta’ diliġenza tagħhom, li jikkorrispondi essenzjalment mad-dmir ta’ premura u mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li r-rikorrenti qiegħda tallega li kisru, fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali. |
36 |
Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni li tkun ħarġet l-att. B’hekk, meta l-istituzzjonijiet ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur ta’ dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tal-ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuqha. Min-naħa l-oħra, meta hija jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 42 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għandha, għalhekk, tiġi ddeterminata preliminarjament il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellhom l-istituzzjonijiet fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. |
– Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet
38 |
Sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat preliminarjament l-aġir speċifikament ikkritikat ta’ dawn l-istituzzjonijiet fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, f’dan il-każ, l-illegalità li ġġustifikat id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament Nru 1355/2008. Tali miżura hija spjegata bil-fatt li l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni tista’ tinvolvi atti differenti li għalihom l-istituzzjoni responsabbli biex timplementahom ma jkollhiex neċessarjament l-istess marġni ta’ diskrezzjoni. Huwa b’mod partikolari l-każ ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu l-metodu ta’ kalkolu ta’ valur, bħall-valur normali fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping (ara, għal miżura analoga, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-prezz għall-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali, is-sentenza Gap granen & producten vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2013:248, punti 30 sa 41). |
39 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-illegalità li l-istituzzjonijiet huma kkritikati biha ma tikkostitwixxix fil-fatt li għażlu li jużaw il-metodu ta’ kalkolu sussidjarju bbażat fuq il-prezzijiet imħallsa fl-Unjoni minflok dak ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, għażla li għaliha huma ma kellhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq, EU:C:2012:158, punt 26, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża GLS, C‑338/10, Ġabra, EU:C:2011:636, punt 97). |
40 |
Kuntrarjament għal dak li barra minn hekk sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, il-Kummissjoni lanqas ma hi kkritikata li totalment naqset milli tevalwa d-data miġjuba minn Eurostat għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat lill-Kummissjoni, bħalma jirriżulta mis-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158, punti 34 sa 36; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża GLS, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2011:636, punti 107 sa 119), li ma evalwatx bid-diliġenza kollha meħtieġa d-data ta’ Eurostat, jiġifieri li ma użatx din l-informazzjoni statistika biżżejjed u li ma għamlitx ir-riċerka tagħha f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq abbażi tal-imsemmija data. |
41 |
Issa, il-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, kemm f’dak li jirrigwarda l-analiżi tad-data ta’ Eurostat, kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tagħha abbażi ta’ din l-analiżi. |
42 |
Xhieda, minn naħa, tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-informazzjoni ta’ Eurostat, hija l-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li d-data miġbura, sabiex jiġi ddeterminat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, hija neċessarjament data ekonomika li tagħti lok għal evalwazzjonijiet kumplessi, bħad-determinazzjoni tal-eżistenza u tal-importanza tal-produzzjoni fl-imsemmi pajjiż tal-prodott ikkonċernat jew ta’ prodott simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra, EU:C:1991:402, punti 11 sa 17, tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C‑26/96, Ġabra, EU:C:1997:291, punt 10, u tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il‑Kunsill, T‑164/94, Ġabra, EU:T:1995:173, punt 66). |
43 |
Xhieda, min-naħa l-oħra, tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet fit-tkomplija tal-investigazzjonijiet wara li ssir l-ewwel analiżi, huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tiddetermina pajjiż terz b’ekonomija tas-suq abbażi ta’ “informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli” [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku], billi jħallulha fl-istess waqt marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tad-disponibbiltà tad-data, għaliex il-metodi ta’ investigazzjoni previsti huma fakultattivi għaliha u li huma barra minn hekk iktar diffiċli li jiġu implementati f’dan il-każ meta jikkonċernaw informazzjoni dwar pajjiżi terzi (Artikolu 6(4) tar-Regolament bażiku), u marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-affidabbiltà tad-data miġbura, bil-verifika tal-eżattezza tagħha ssir biss “sakemm ikun possibbli” (Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku). |
44 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati bl-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 32 tas-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża GLS, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2011:636, punti 101 u 102), li l-Kummissjoni għandha teżamina ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha peress li r-rwol tagħha f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru, li l-kompetenza tiegħu hija limitata biss biex jiddeċiedi differenza fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi miġjuba mill-partijiet għall-investigazzjoni. Fil-fatt, b’din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat is-sorsi tal-“informazzjoni [...] magħmula disponibbli” li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-analiżi tagħha fuqha, mhux limitata għall-provi miġjuba mill-partijiet, u ma kinitx l-intenzjoni tagħha li tirrestrinġi l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-disponibbiltà ta’ data minn dawn is-sorsi, u dan iktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, fl-istess punt tas-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158), għas-setgħat investigattivi previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament bażiku. |
45 |
Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni għandha f’dan il-każ setgħa diskrezzjonali, ir-rikorrenti jeħtiġilha tistabbilixxi ksur manifest u gravi ta’ din is-setgħa sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. |
– Fuq il-ksur manifest u gravi mill-istituzzjonijiet tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom
46 |
Għandu jiġi speċifikat, preliminarjament, li n-nuqqas ta’ diliġenza huwa wieħed mir-rekwiżiti miżmuma mill-ġurisprudenza sabiex l-irregularità jew l-iżball imwettaq minn istituzzjoni jkun ikkunsidrat li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Gap granen & producten vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2013:248, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, id-dmir ta’ diliġenza jservi sabiex “jikkaratterizza” il-ksur ta’ prinċipju ieħor jew ta’ regola oħra tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, id-dmir ta’ diliġenza jikkostitwixxi l-prinċipju li l-ksur tiegħu huwa allegat u ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
47 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali ta’ istituzzjoni, id-dmir ta’ diliġenza għandu jkun ġie totalment miksur, b’sempliċi evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dmir ma tkunx biżżejjed (ara, fir-rigward tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ premura, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra, EU:T:1995:169, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-aġir tal-Kummissjoni jaqax taħt ksur totali tal-obbligi li jirriżultaw mid-dmir ta’ diliġenza jew biss minn evalwazzjoni ħażina tal-portata tal-imsemmija obbligi. |
49 |
Bħalma jirriżulta mill-punt 40 iktar ’il fuq, fis-sentenza tagħha GLS, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2012:158), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament Nru 1355/2008 invalidu għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet injorat id-dmir ta’ diliġenza tagħha meta ma komplietx l-investigazzjonijiet tagħha abbażi tad-data ta’ Eurostat dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej minn pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq. |
50 |
Issa, b’dan, l-istituzzjonijiet ma kisrux totalment l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dmir ta’ diliġenza. |
51 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ma naqsitx, fl-assenza ta’ proposta mill-partijiet ikkonċernati ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, li tipproċedi għal miżuri ta’ investigazzjoni sabiex tirriċerka tali pajjiżi, aġir li kieku kien jikkostitwixxi ksur manifest u gravi tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi Nölle vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:1995:169, punt 88, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punti 88 u 91). |
52 |
Bħalma jirriżulta mill-premessa 40 tar-Regolament Nru 642/2008, u bħalma hija speċifikat matul is-seduta, il-Kummissjoni mexxiet investigazzjoni ex officio matul il-proċedura antidumping. Speċifikament, meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-proċedura kienet infetħet wara ilment ta’ assoċjazzjoni Spanjola, hija talbet lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex iwettqu l-kontrolli u l-verifiki meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Grazzi għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni skopriet l-eżistenza ta’ żewġ produtturi Tajlandiżi tal-prodott ikkonċernat, u bagħtitilhom xi kwestjonarji. |
53 |
Bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali Bot, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, billi aġixxiet b’dan il-mod, hija ma kinitx diliġenti fir-rigward taż-żewġ impriżi inkwistjoni. Il-kundizzjonijiet li fihom hija interrogathom u t-terminu li fih dawn tal-aħħar kienu ġew mistiedna jimlew il-formularju kienu tali li ħallewhom jirrispondu għalih, b’tali mod li n-nuqqas tagħhom huwa totalment tort tagħhom, u dan speċjalment peress li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda metodu ta’ pressjoni fir-rigward ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li bih hija tista’ ġġegħilhom jikkoperaw (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża GLS, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2011:636, punti 115 u 116). |
54 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kien imissha, wara n-nuqqas ta’ tweġiba taż-żewġ impriżi Tajlandiżi, kompliet l-investigazzjonijiet tagħha, u dan speċjalment peress li l-Kummissjoni kellha ż-żmien meħtieġ biex tagħmel dan, bil-falliment tal-inizjattivi tagħha fir-rigward tal-imsemmija impriżi jseħħ f’Diċembru 2007 u bir-regolament provviżorju jkun adottat f’Lulju 2008. Billi ma komplietx l-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma għamlitx sforz serju u suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GLS, punt 7 iktar ’il fuq, EU:C:2012:158, punt 34, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża GLS, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2011:636, punti 117 u 119; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Nölle vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:1995:169, punt 88). |
55 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dmir ta’ diliġenza tagħha, iżda hija ma kisritx totalment l-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dmir. |
56 |
Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonijiet f’dan il-każ ma jistgħu jiġu kkritikati għal ebda att jew aġir li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. |
57 |
Ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax għalhekk tiġi stabbilita, peress li huwa biżżejjed li waħda mit-tliet kundizzjonijiet sabiex din ir-responsabbiltà tiġi stabbilita ma tkunx issodisfatta sabiex it-talba għad-danni tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħrajn humiex issodisfatti (sentenza tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra, EU:T:2002:34, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYNEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra, EU:C:1994:329, punt 81). |
58 |
Għandu madankollu jiġi eżaminat, sussidjarjament, jekk teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta u ċerta bejn l-aġir żbaljat allegat u d-dannu allegatament imġarrab. |
Fuq ir-rabta kawżali bejn it-tort u d-dannu
59 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu invokat għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, ladarba ma hemm ebda obbligu li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi dannużi kollha, anki jekk fit-tul, ta’ sitwazzjoni illegali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra, EU:C:1979:223, punt 21; ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Issa, tali rabta kawżali ma ġietx stabbilita mir-rikorrenti f’dan il-każ. |
61 |
Fil-fatt, il-provi miġjuba mir-rikorrenti ma jurux li l-interessi li allegatament jikkostitwixxu d-dannu tagħha jikkorrispondu ma’ self ikkuntrattat minħabba t-telf ta’ likwidità minħabba l-ħlas tad-dazji antidumping kontenzjużi. |
62 |
L-unika prova miġjuba, li tikkostitwixxi l-Anness A4 tar-rikors intitolat “Sommarju ta’ spejjeż ta’ interessi addizzjonali mġarrba”, jippreżenta fil-forma ta’ tabelli xi ammonti ta’ interessi pagabbli għal kull perijodu (kolonna intitolata “Gesamtzinsen”, jiġifieri “Total tal-interessi”), billi jispeċifikaw ir-rati ta’ interessi (kolonna “Zinssatz”) kif ukoll l-ammonti li jikkorrispondu magħhom (kolonna “Betrag”). Madankollu, minbarra l-fatt li dan l-anness ma jispeċifikax in-natura ta’ dawn l-ammonti, jekk huwiex riferenza bil-kliem “Notifika ta’ Taxxa” (“Steuerbescheid”) segwit b’numru, għandu jiġi rrilevat li dan sar mir-rikorrenti għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, bħalma hija kkonfermat matul is-seduta. Għalhekk hija ma tistax tippretendi li tistabbilixxi bħala tali, fl-assenza ta’ prova minn sors estern jew minn kull dokument uffiċjali ieħor ta’ natura li jikkorraborahom, ir-rabta allegata bejn l-interessi, is-self u d-drittijiet antidumping imposti indebitament mir-Regolament Nru 1355/2008 (ara, fir-rigward tas-saħħa probatorja dgħajfa ta’ dokument magħmul mir-rikorrent, id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2014, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni, T‑261/12, EU:T:2014:755, punt 38). |
63 |
Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissoponi li l-Annessi C2 u C3 tar-replika jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli minkejja li ġew ippreżentati tard mingħajr ġustifikazzjoni għal din il-preżentata tardiva, ma jistax jingħad li huma juru r-rabta kawżali invokata. |
64 |
Ċertament, l-Anness C2 jipprova, bid-data li jinkludi (estratti ta’ kontijiet bankarji, avviż ta’ taxxa u ta’ rimbors magħmula mill-awtoritajiet doganali, dikjarazzjoni doganali u talbiet għal rimbors ippreżentati mir-rikorrenti u l-erba’ kumpanniji l-oħrajn) il-ħlas u r-rimbors tad-dazji antidumping kif ukoll l-ammonti kkonċernati. L-Anness C3, li jinkludi d-dikjarazzjonijiet tal-bank tar-rikorrenti li jfakkru l-kundizzjonijiet prinċipali tal-kuntratti ta’ kreditu tagħha (ammonti mislufa, rata ta’ interessi, ammonti tal-interessi, żmien) juri, barra minn hekk, il-ħlas ta’ interessi. Jista’ jiġi rrilevat, barra minn hekk, skont analiżi li madankollu saret diffiċli b’mod partikolari minħabba l-preżentazzjoni xejn ċara tan-numru ta’ dokumenti fl-Anness C2, li ċerti ammonti jew ċerti addizzjonijiet ta’ ammonti msemmija fl-Anness C2 jikkorrispondu ma’ ċerti somom imsemmija fl-Anness A4 skont is-somom mislufa u li r-rata ta’ interessi li tidher fl-Anness C3 tikkorrispondi ma’ dawk iċċitati fl-Anness A4. |
65 |
Madankollu, il-qari kkombinat tat-tliet annessi inkwistjoni ma jippermettix li jiġi stabbilit, fih innifsu, li r-rikorrenti kkuntrattat self minħabba d-drittijiet antidumping imħallsa indebitament u mhux biss sabiex tiffinanzja b’mod ġenerali l-attività tagħha indipendentement mid-dazji antidumping inkwistjoni. Minn naħa, bħalma sewwa enfasizza l-Kunsill matul is-seduta, l-Annessi C2 u C3 ma għandhom ebda rabta bejniethom, peress li l-ammonti mislufa, kif jidhru fl-Anness C3, jirrappreżentaw somom ħafna ogħla mill-ammonti tad-dazji antidumping imħallsa indebitament, li jirriżultaw mill-Anness C2. Min-naħa l-oħra, l-Annessi C2 u C3 jippermettu l-iktar li tingħata informazzjoni probatorja, għaliex tirriżulta minn sorsi esterni u/jew stabbilita taħt il-forma ta’ dokumenti uffiċjali, dwar l-ammonti ta’ dazji antidumping inkwistjoni u r-rata ta’ interessi (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), iżda ma jikkumpensawx is-saħħa probatorja insuffiċjenti tal-Anness A4 (ara l-punt 62 iktar ’il fuq) u għalhekk ma humiex biżżejjed, anki kkombinati ma’ dan l-Anness A4, sabiex juru r-rabta bejn id-dazji antidumping imħallsa indebitament, is-self ikkontrattat u l-ħlas tal-interessi korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, T. Port vs Il‑Kummissjoni, T‑1/99, Ġabra, EU:T:2001:36, punti 72 u 73). |
66 |
Il-bżonn tar-rikorrenti li tissottoskrivi s-self imsemmi iktar ’il fuq minħabba d-dazji antidumping inkwistjoni huwa speċjalment dubjuż peress li hija rrikonoxxiet, fir-replika, bħalma enfasizzaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, li għaddiet dawn id-dazji fuq il-klijenti tagħha. B’hekk, ir-rikorrenti kienet iktar u iktar marbuta li tirrikorri għas-self sabiex tiffinanzja x-xiri tagħha sakemm tbigħ il-prodotti tagħha u l-effett korrelattiv tad-dazji antidumping fuq il-klijenti tagħha, iżda bl-ebda mod ma kienet obbligata tissellef l-ammonti inkwistjoni għall-perijodi ta’ self ħafna iktar twal, li jirriżulta mill-Anness A4 tar-rikors, jiġifieri għall-perijodu mill-ħlas tad-dazji antidumping inkwistjoni sar-rimbors tagħhom mill-awtoritajiet doganali. Iktar minn hekk, il-Kunsill enfasizza, mingħajr ma ġie kkontradixxut fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-attività suġġetta għad-dazji antidumping inkwistjoni tirrappreżenta sa massimu ta’ 6 % tad-dħul mill-bejgħ tal-importaturi suġġetti għall-investigazzjoni antidumping, bħar-rikorrenti, u b’hekk ma tantx hu probabbli, fl-assenza ta’ prova u anki ta’ argumentazzjoni fis-sens oppost ippreżentati mir-rikorrenti, telf ta’ likwidità minħabba l-ħlas ta’ dazji antidumping litiġjużi li teħtieġ rikors għas-self. |
67 |
Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tort u d-dannu invokati. |
68 |
Dan ir-rekwiżit biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni għalhekk ma huwiex issodisfatt, mingħajr ma hemm lok li wieħed jippronunċja ruħu fuq l-allegazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li din ir-rabta kawżali inkisret minħabba l-aġir negliġenti tar-rikorrenti u tal-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji antidumping inkwistjoni bir-Regolament Nru 158/2013. Minn dan jirriżulta wkoll li ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal sospensjoni ta’ din l-istanza mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li żewġ domandi preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 158/2013 (Kawżi magħquda C‑283/14, CM Eurologistik u C‑284/14, GLS) huma pendenti bħalissa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
69 |
Dan ir-rikors għandu konsegwentement jiġi miċħud bħala infondat, fit-talbiet prinċipali u sussidjarji tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni, minn naħa, fuq l-allegata inammissibbiltà parzjali tar-rikors, f’dak li jirrigwarda l-interessi relatati mal-krediti kkuntrattati minħabba d-dazji antidumping mħallsa għall-importazzjonijiet magħmula permezz tal-erba’ kumpanniji l-oħrajn u, min-naħa l-oħra, dwar l-inammissibbiltà minħabba użu ħażin ta’ proċedura, f’dak li r-rikors huwa intiż fir-realtà għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali nazzjonali. |
Fuq l-ispejjeż
70 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Martins Ribeiro Gervasoni Madise Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2015. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.