Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014FJ0020

    Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Settembru 2015.
    Inge Barnett vs Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE).
    Servizz pubbliku — Pensjoni — Pensjoni tal-irtirar — Irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni — DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-DĠI — Interess tas-servizz — Definizzjoni — Assenza — Tul tal-attività professjonali tal-applikant — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karriera professjonali kollha ġewwa kif ukoll esternament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni — Legalità.
    Kawża F-20/14.

    Court reports – Reports of Staff Cases

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2015:107

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

    22 ta’ Settembru 2015 ( * )

    “Servizz pubbliku — Pensjoni — Pensjoni tal-irtirar — Irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni — DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-DĠI — Interess tas-servizz — Definizzjoni — Assenza — Tul tal-attività professjonali tal-applikant — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karriera professjonali kollha ġewwa kif ukoll esternament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni — Legalità”

    Fil-Kawża F‑20/14,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a,

    Inge Barnett, ex uffiċjal tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, residenti f’Roskilde (id-Danimarka), inizjalment irrappreżentata minn N. Nikolajsen, avukat, sussegwentement minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), irrappreżentat minn M. Pascua Mateo, L. Camarena Januzec u K. Gambino, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer u F.‑M. Hislaire, avukati,

    konvenut,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

    kompost minn K. Bradley, President, H. Kreppel u I. Rofes i Pujol (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

    wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2015,

    jagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Marzu 2014, I. Barnett titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tal-11 ta’ Lulju 2013, li stabbilixxiet il-lista tal-benefiċjarji għas-sena 2013, tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropa fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sa fejn dik id-deċiżjoni tirrifjuta l-ammissjoni tagħha għall-benefiċċju ta’ dik il-miżura, u tad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 50 [tar-Regolamenti tal-Persunal], uffiċjal għandu jkun irtirat:

    […]

    b)

    jew fuq it-talba tiegħu stess fl-aħħar ġurnata tax-xahar li għalih intefgħet it-talba fejn għandu mill-anqas 63 sena, jew fejn għandu bejn 55 u 63 sena, u jissodisfa l-ħtiġijiet għal pagament immedjat tal-pensjoni skond l-Artikolu 9 ta’ l-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal]. […]

    […]”

    3

    Skont l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “Uffiċjal li ta mill-anqas 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni ta’ l-irtirar. Madankollu, għandu jkun intitolat għat-tali pensjoni jkun xi jkun it-tul tas-servizz jekk għandu aktar minn snin, jekk ma kienx possibbli li jerġa’ jingħata posizzjoni matul perjodu ta’ stat mhux attiv jew fil-każ ta’ rtirar fl-interessi tas-servizz.

    […]

    L-età għall-pensjoni għandha tkun ta’ 63 sena.”

    4

    L-Artikolu 9 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid dan li ġej:

    “1.   Uffiċjal li jitlaq mis-servizz qabel jagħlaq it-63 sena jista’ jitlob li l-pensjoni ta’ l-irtirar tiegħu:

    a)

    tkun posposta sa l-ewwel ġurnata tax-xahar kalendarju li fih jilħaq l-eta’ ta’ 63 sena; jew

    b)

    titħallas minnufih, sakemm m’għandux anqas minn 55 sena. F’dan il-każ, il-pensjoni ta’ l-irtirar għandu jitnaqqas b’ammont maħdum b’riferenza għall-età ta’ l-uffiċjal meta jibda jieħu l-pensjoni.

    Il-pensjoni għandha titnaqqas bi 3,5 % għal kull sena ta’ qabel dik li fiha l-uffiċjal isir intitolat għal pensjoni ta’ l-irtirar, fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk bejn l-età li ġġib intitolament għal pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-età tal-persuna kkonċernata f’dak il-mument, id-differenza taqbeż numru eżatt ta’ snin, sena żejda għandha tiżdied mat-tnaqqis.

    2.   L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi, fl-interess tas-servizz fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u proċeduri trasparenti, introdotti permezz ta’ disposizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni, li ma tapplikax it-tnaqqis t’hawn fuq għall-uffiċjali kkonċernati. In-numru totali ta’ l-uffiċjali u l-ħaddiema temporanji, li jirtiraw mingħajr xi tnaqqis tal-pensjoni tagħhom kull sena, ma jkunx ogħla minn 10 % ta’ l-uffiċjali, fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. Il-persentaġġ ta’ kull sena jista’ jvarja minn 8 % sa 12 %, suġġett għal total ta’ 20 % fuq sentejn u l-prinċipju tan-newtralità ta’ l-estimi. Qabel jgħaddu l-ħames snin, il-Kummissjoni [Ewropea] għandu jibgħat rapport tal-valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea]. Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tibgħat proposta biex wara ħames snin tirranġa r-rata massima tal-persentaġġ fis-sena bejn 5 % u 10 % ta’ l-uffiċjali kollha fl-istituzzjoni kollha li rtiraw is-sena ta qabel, fuq il-bażi tal-Artikolu 336 tat-Trattat [TFUE].”

    5

    Bid-Deċiżjoni Nru 192/09 A, tat-13 ta’ Marzu 2009, il-President tal-KESE stabbilixxa d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) imsemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-KESE”). Id-DĠI tal-KESE ġew adottati f’żewġ verżjonijiet, waħda bil-Franċiż u oħra bl-Ingliż.

    6

    Fil-verżjoni Franċiża, id-DĠI tal-KESE jipprovdu:

    “[…]

    5.

    Sabiex ikunu eliġibbli, l-uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju kkonċernati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ikunu f’attività fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal,

    ikollhom età ta’ mhux inqas minn 55 sena qabel it-tmiem is-sena kalendarja kkunsidrata fit-talba li matulha d-dispożittiv previst fl-Artikolu 9[(2)] tal-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal] ser jiġi implementat;

    ikun wettaq mhux inqas minn [ħmistax-il] sena servizz bħala uffiċjal u/jew bħala membru tal-persunal f’waħda mill-istituzzjonijiet jew f’wieħed mill-korpi [tal-Unjoni Ewropea], fis-sens tal-Artikoli 1a u 1b tar-Regolamenti tal-Persunal. Għandhom jitqiesu bħala żmien ta’ servizz il-perijodi ta’ attività fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal biss.

    6.

    Sabiex jiġu identifikati t-talbiet li l-aħjar jilħqu l-interess tas-servizz, u sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa fil-ħolqien tal-lista tal-uffiċjali li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura, għandha tinħoloq sistema ta’ attribuzzjoni ta’ punti kif ġej:

    a)

    Skont l-età […] tal-persuna kkonċernata:

    […]

    57 sena jew iktar 1.5 punt;

    58 sena jew iktar 2 punti;

    59 sena jew iktar 2.5 punti;

    60 sena jew iktar 3 punti.

    b)

    Skont it-tul tal-attività professjonali […] :

    minn 15 sa 20 sena ta’ attività professjonali 0.5 punt;

    iktar minn 20 sena ta’ attività professjonali 1 punt;

    iktar minn 21 sena ta’ attività professjonali 1.5 punti;

    iktar minn 22 sena ta’ attività professjonali 2 punti;

    iktar minn 23 sena ta’ attività professjonali 2.5 punti;

    iktar minn 24 sena ta’ attività professjonali 3 punti;

    iktar minn 25 sena ta’ attività professjonali 3.5 punti;

    iktar minn 26 sena ta’ attività professjonali 4 punti.

    ċ)

    Skont il-medja aritmetika tal-punti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni disponibbli għall-perijodu ta’ ħames snin li jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ rtirar antiċipat […].

    Sa 3 punti inklużi 0 punti ;

    ta’ iktar minn 3 punti sa 3.5 punti inklużi 1 punt;

    […]

    ta’ iktar minn 4 punti sa 4.5 punti inklużi 3 punti;

    ta’ iktar minn 4.5 punti sa 5 punti inklużi 4 punti.

    Sabiex tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali li għandhom dritt għall-miżura, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-total tal-punti a + b + ċ li jirriżulta mis-sistema deskritta hawn fuq.

    […]

    L-Awtorità tal-Ħatra tista’ teskludi din l-ordni biss f’każijiet eċċezzjonali u fuq parir tal-Kumitat konġunt, li għandu jiġi kkonsultat f’kull każ.

    7.

    Skont il-possibbiltajiet eżistenti u l-kriterji hawn fuq iċċitati, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura, skont l-interess tas-servizz u għas-sena fis-seħħ. Din il-lista għandha, jekk ikun il-każ, tiġi kkompletata minn lista addizzjonali ta’ riżerva.

    Il-listi għandhom jiġu ppubblikati [fi ħdan] l-istituzzjoni u nnotifikati lill-kandidati. Il-persuni kkonċernati għandhom għaxart ijiem ta’ xogħol sabiex eventwalment jiddeċiedu li jirrinunzjaw għall-kandidatura tagħhom. F’każ ta’ rinunzja mill-kandidati li jissemmew fil-lista prinċipali, għandu jsir riferiment għal-lista supplimentari ta’ riżerva.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7

    Il-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE jippreċiża f’nota ta’ qiegħ il-paġna li t-“tul tal-attività professjonali” jikkorrispondi mal-“perijodi ta’ attività professjonali reali u debitament ipprovati, ikkalkolati sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ rtirar antiċipat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    8

    Il-verżjoni Ingliża tal-paragrafu 6 tad-DĠI tal-KESE tipprovdi:

    “In order to identify which applications best serve the interests of the servizz and to ensure complete transparency in the drawing-up of the list of officials who can benefit from the facility, a following points system shall be established based on the following criteria :

    […]

    b)

    Length of employement […]

    […]”

    9

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea kienu adottaw id-DĠI tagħhom tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal rispettivament fis-6 ta’ Ottubru, fid-29 ta’ April, fit-28 ta’ April, fl-20 ta’ Ottubru u fil-21 ta’ Diċembru 2004.

    10

    Fir-rigward tad-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Parlament (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-Parlament”), l-Artikolu 5 tagħhom, intitolat “Eżami tal-kandidatura mid-Direttorat Ġenerali tal-persunal u s-servizz jew grupp ta’ affiljazzjoni politika”, jipprovdi:

    “[…]

    4.   Għandha titqies li hija prijoritarja, fir-rigward tal-interess tas-servizz, it-talba tal-uffiċjal li jkun suġġett għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni deċiżi mill-istituzzjoni: tmiem tal-kompiti tal-uffiċjal wara miżuri ta’ riorganizzazzjoni pendenti, peress li l-ebda kompitu ġdid xieraq għall-persuna kkonċernata ma jkun ġie identifikat jew ikun jista’ jiġi identifikat fil-futur qrib.

    5.   Billi jistabbilixxi l-gruppi ta’ prijorità […] kif ukoll l-ordni ta’ prijorità ta’ kull wieħed minnhom, is-servizz għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll […] l-anzjanità miksuba mill-kandidat mal-Parlament Ewropew kif ukoll l-età tiegħu[.]

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    L-Artikolu 6 tad-DĠI tal-Parlament, intitolat “Proċedura ta’ għażla mid-Direttorat Ġenerali tal-Persunal”, jipprovdi fil-paragrafu 2:

    “Il-lista tal-uffiċjali u membri tal-persunal temporanju li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-persunal jipproponi li jammetti għall-benefiċċju tal-irtirar antiċipat għandha tieħu inkunsiderazzjoni:

    […]

    b)

    l-interess tas-servizz, b’mod partikolari fir-rigward tat-tiġdid neċessarju tal-kompetenzi fi ħdan tal-Parlament […];

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12

    Fir-rigward tad-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-Kunsill”), l-Artikolu 5 tagħhom jipprovdi:

    “1.   Il-kunċett tal-interess tas-servizz għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi u ta’ fatturi differenti fosthom:

    in-neċessitajiet ta’ tqassim mill-ġdid strutturali ta’ ċerti servizzi;

    in-neċessitajiet ta’ tiġdid jew ta’ orjentament mill-ġdid tal-kompetenzi meħtieġa fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skont missjonijiet ġodda li jkunu ġew fdati lilu kif ukoll skont restrizzjonijiet relatati mat-tkabbir.

    2.   L-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkonsulta mal-Kumitat konġunt fi żmien xieraq sabiex dan jifformula opinjoni li tikkonċerna l-kriterji oġġettivi u konkreti li jippermettu l-implementazzjoni tal-paragrafu 1 matul is-sena kkunsidrata. Il-Kumitat konġunt għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol mid-data li jiġi mgħarraf bit-talba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    13

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat konġunt skont l-Artikolu 5(2) tad-DĠI tal-Kunsill għall-implementazzjoni tal-kriterju tal-interess tas-servizz, previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill adottat il-kriterji li ġejjin għas-sena 2004, li l-persunal ġie mgħarraf bihom permezz tal-komunikazzjoni lill-persunal Nru 105/04, tal-15 ta’ Lulju 2004:

    “a)

    l-interess tas-servizz, skont l-Artikolu 5 tad-DĠI tal-Kunsill, li għandu jiġi evalwat fid-dawl b’mod partikolari:

    neċessitajiet ta’ tqassim mill-ġdid strutturali ta’ ċerti servizzi,

    neċessitajiet ta’ tiġdid jew ta’ orjentament mill-ġdid tal-kompetenzi meħtieġa fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skont missjonijiet ġodda li jkunu ġew fdati lilu kif ukoll skont restrizzjonijiet marbuta mat-tkabbir,

    [50 punt];

    b)

    l-anzjanità effettiva ta’ servizz mal-Komunitajiet Ewropej

    [25 punt];

    c)

    il-merti tal-uffiċjal fid-dawl tas-servizzi tiegħu fl-istituzzjoni u tat-tul tal-karriera tiegħu

    [25 punt].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    14

    Fir-rigward tad-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-Kummissjoni”), l-Artikolu 5 tagħhom, intitolat “Eżami tal-kandidatura mid-dipartimenti tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

    “[…]

    2.   Kull sena, kull dipartiment jew Direttorat Ġenerali għandu jistabbilixxi lista tal-kandidati abbażi ta’ kriterji ffissati fil-paragrafi 4, 5, 6 u 7.

    Il-kandidati eliġibbli għandhom jiġu kklassifikati fi tliet gruppi ta’ prijorità skont jekk l-interess tas-servizz huwiex fil-każ partikolari kkunsidrat bħala qawwi, dgħajjef jew ineżistenti. […]

    […]

    4.   L-osservanza tal-kriterji li ġejjin, dwar il-kompiti tal-uffiċjal, għandha titqies li tagħti lit-talba tiegħu grad ta’ prijorità fir-rigward tal-interess tas-servizz:

    a)

    Kriterji marbuta ma’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni:

    i)

    tmiem tal-kompiti tal-uffiċjal wara miżuri ta’ riorganizzazzjoni pendenti, peress li l-ebda kompitu ġdid xieraq għall-persuna kkonċernata ma jkun ġie identifikat jew li jkun jista’ jiġi identifikat fil-futur qrib;

    ii)

    applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ tqassim mill-ġdid pendenti li jirrigwardaw kandidat li għalih diffiċilment tinstab assenjazzjoni ġdida minħabba n-natura ta’ kompetenzi tiegħu;

    iii)

    miżuri reċenti ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ tqassim mill-ġdid li jirrigwardaw kandidat u li jimplikaw għalih assenjazzjoni għal kompiti ġodda li ma rriżultawx li kienu xierqa għall-kompetenzi tiegħu;

    iv)

    probabbiltà tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ tqassim mill-ġdid li għandhom jirrigwardaw lill-kandidat fil-futur qrib, b’mod partikolari meta l-kompiti tal-persuna kkonċernata jistgħu jitneħħew gradwalment jew jinbidlu sostanzjalment jew jistgħu jitqiesu li ma jikkostitwixxux għan prijoritarju għad-Direttorat Ġenerali tagħha jew tad-dipartiment tagħha u li l-assenjazzjoni ġdida x’aktarx tirriżulta diffiċli minħabba n-natura tal-kompetenzi tagħha;

    v)

    il-kandidat jokkupa pożizzjoni sensittiva, u jkun obbligat li, fit-tnax-il xahar li ġejjin, jassumi funzjonijiet ġodda li għalihom ma ġietx identifikata pożizzjoni adegwata u lanqas ma tkun tista’ tiġi identifikata f’dak iż-żmien.

    b)

    Kriterji marbuta mal-kompetenzi tal-kandidat:

    meta r-rekwiżiti l-ġodda tal-pożizzjoni ma jibqgħux jikkorrispondu mal-kapaċitajiet jew mal-kompetenzi tal-kandidat u li l-assenjazzjoni ġdida x’aktarx tirriżulta diffiċli.

    […]

    6.   Sabiex jistabbilixxi l-gruppi ta’ prijorità msemmija fil-paragrafu 2 kif ukoll l-ordni ta’ prijorità ta’ kull wieħed minnhom, id-dipartiment jista’ wkoll jieħu inkunsiderazzjoni […] l-anzjanità miksuba mill-kandidat mal-Kummissjoni u/jew is-sehem pożittiv li huwa ta fix-xogħol tad-dipartiment u/jew tal-Kummissjoni.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    15

    Fir-rigward tad-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-Qorti tal-Ġustizzja”), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tagħhom jipprovdi:

    “Fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn meta jiġi kkonsultat, il-Kumitat konġunt għandu jibgħat lill-Awtorità tal-Ħatra l-lista, fl-ordni ta’ prijorità, tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju li huwa jikkunsidra, fid-dawl tal-interess tas-servizz, li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura. Din il-lista għandha tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kriterji oġġettivi li ġejjin:

    is-sitwazzjoni professjonali tal-persuna kkonċernata wara, inter alia, miżuri ta’ riorganizzazzjoni tas-servizz

    l-età

    l-anzjanità

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    16

    Fir-rigward tad-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-Qorti tal-Awdituri”), l-Artikolu 5 tagħhom jinqara kif ġej:

    “[…]

    Fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn meta jiġi kkonsultat, il-Kumitat konġunt jibgħat lill-Awtorità tal-Ħatra l-lista tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju li huwa jikkunsidra, fl-interess tas-servizz, li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura. Din il-lista għandha tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari kriterji oġġettivi elenkati iktar ’il quddiem fl-ordni ta’ prijorità:

    is-sitwazzjoni professjonali tal-persuna kkonċernata wara, inter alia, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tas-servizz

    il-kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata għall-funzjonament tal-istituzzjoni

    l-età

    l-anzjanità ta’ servizz lill-Komunitajiet Ewropej

    is-sitwazzjoni personali jew tal-familja tal-persuna kkonċernata.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    17

    Ir-rikorrenti daħlet fis-servizz tal-KESE fl-1 ta’ Marzu 1982 bħala membru tal-persunal temporanju. Iktar tard, hija ġiet irreklutata bħala uffiċjal bi prova fl-1 ta’ Diċembru 1982, u wara nħatret uffiċjal fl-1 ta’ Diċembru 1982.

    18

    Permezz ta’ komunikazzjoni lill-persunal tal-18 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013”), ippubblikata bil-Franċiż u bl-Ingliż, il-membri tal-persunal tal-KESE kienu ġew mistiedna jindikaw il-possibbli interess tagħhom fil-possibbiltà li jieħdu l-irtirar antiċipat tagħhom mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni billi jippreżentaw il-kandidatura tagħhom mhux iktar tard mis-7 ta’ April 2013. Il-komunikazzjoni fuq imsemmija kienet tindika li n-numru ta’ benefiċjarji kien ġie ffissat għal tnejn għas-sena 2013.

    19

    Tmien uffiċjali tal-KESE, fosthom ir-rikorrenti, ippreżentaw il-kandidatura tagħhom fil-ħin.

    20

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013, l-Awtorità tal-Ħatra tal-KESE ffissat il-lista ta’ żewġ benefiċjarji, għas-sena 2013, tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ is-Sinjuri X u Y.

    21

    Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ressqet ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 tal-Awtorità tal-Ħatra tal-KESE li stabbilixxiet il-lista taż-żewġ benefiċjarji għas-sena 2013 tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, peress li hija ma ssemmietx fiha u għalhekk kellha l-kandidatura tagħha ppreżentata fid-19 ta’ Marzu 2013 miċħuda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-KESE tad-9 ta’ Diċembru 2013, l- ilment ġie miċħud (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”). Ma’ dik id-deċiżjoni kienu annessi żewġ tabelli li jsemmu, l-ewwel waħda, in-numru ta’ punti attribwiti taħt il-paragrafu 6(a), (b) u (ċ) tad-DĠI tal-KESE lis-Sinjuri X u Y u lir-rikorrenti kif ukoll in-numru totali tal-punti attribwiti, jiġifieri rispettivament 9.5 punti, 9.5 punti u 8.5 punti, u, it-tieni waħda, il-klassifikazzjoni tal-kandidati; skont din it-tieni tabella, ir-rikorrenti kienet ġiet it-tielet, wara s-Sinjuri X u Y.

    23

    Fuq talba tagħha, ir-rikorrenti kienet tqiegħdet fuq irtirar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014; konsegwentement, id-drittijiet għall-pensjoni tagħha ġarrbu tnaqqis.

    It-talbiet tal-partijiet u proċedura

    24

    Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    “[–] […] jannulla d-deċiżjoni tal-KESE li rrifjutat l-ammissjoni [tagħha] […], għas-sena 2013, fir-rigward tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal […], […] hekk kif din id-deċiżjoni ta’ rifjut kienet ġiet ikkonkretizzata bid-[deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 li stabbilixxiet il-lista taż-żewġ benefiċjarji għas-sena 2013 tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni u bid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment] […] ;

    [–] […] jikkundanna lill-[KESE] għall-ispejjeż.”

    25

    Il-KESE jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    jiddikjara r-rikors ammissibbli, iżda infondat;

    jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    26

    Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tas-6 ta’ Marzu 2015, il-KESE ntalab iwieġeb għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talba li huwa kkonforma ruħu magħha.

    27

    Hekk ukoll permezz ta’ ittri tar-Reġistratur tas-6 ta’ Marzu 2015, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Awdituri ntalbu sabiex iwieġbu għal miżuri istruttorji, u b’mod partikolari sabiex jippreżentaw id-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Awtoritajiet tal-Ħatra rispettivi tagħhom. Dawn l-istituzzjonijiet kienu debitament wieġbu għal din it-talba.

    Id-dritt

    Fuq is-suġġett tar-rikors

    28

    Permezz tal-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti titlob, minbarra l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

    29

    Għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament formalment imressqa kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontra tiegħu kien tressaq l-ilment, meta, bħala tali, dawn huma nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tal-15 ta’ Settembru 2011, Munch vs UASI, F‑6/10, EU:F:2011:139, punt 25).

    30

    F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-motivi li għalihom ir-rikorrenti ma ġietx ammessa għall-benefiċċju tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li r-rikorrenti tissemma indirettament biss fil-lista tal-uffiċjali eliġibbli għall-benefiċċju tal-miżura fuq imsemmija peress li isimha ma huwiex imniżżel fiha. Issa, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tikkompletaha billi tagħti l-motivi kemm tad-deċiżjoni li jiġu inklużi s-Sinjuri X u Y fil-lista tal-benefiċjarji kif ukoll dik li r-rikorrenti tiġi eskluża minnha.

    31

    F’ċirkustanzi bħal dawn, hija tassew il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, billi din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik ta’ dan l-att (sentenza Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 5859, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għalhekk, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies li huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata li l-motivazzjoni tagħha hija ppreċiżata mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

    Fuq il-mertu

    33

    Insostenn tat-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament f’każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad l-ewwel motiv, huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE.

    Fuq l-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE

    – L-argumenti tal-partijiet

    34

    Prinċipalment, ir-rikorrenti targumenta li d-differenza bejn in-numru ta’ punti attribwiti lis-Sinjuri X u Y u n-numru ta’ punti li ġew attribwiti lilha hija dovuta għal żball ta’ interpretazzjoni mill-KESE tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tiegħu. Fil-fatt, sabiex jattribwixxi l-punti skont il-kriterju tal-tul tal-attività professjonali previst f’din id-dispożizzjoni, il-KESE ħa inkunsiderazzjoni l-attività professjonali kollha tas-Sinjuri X u Y, kemm dik eżerċitata fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll dik eżerċitata esternament, meta huma biss is-snin ta’ servizz mal-Unjoni li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Kieku l-KESE interpreta korrettament il-paragrafu 6(b) imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet tiġi kklassifikata l-ewwel, peress li hija bdiet il-karriera professjonali tagħha fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni diversi snin qabel is-Sinjuri X u Y.

    35

    Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tiżviluppa diversi argumenti. Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-paragrafi 5 u 6 tad-DĠI tal-KESE għandhom jinqraw wieħed wara l-ieħor u li t-tnejn li huma neċessarjament jirreferu għas-snin ta’ servizz mal-istituzzjonijiet jew mal-korpi tal-Unjoni.

    36

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni rakkommandata mill-KESE, fis-sens li l-frażijiet “durée de l’activité professionnelle” u “length of employment” użati rispettivament fil-verżjoni Franċiża u dik Ingliża tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE jkopru l-attività professjonali kollha li l-kandidati għall-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni żvolġew matul ħajjithom, tirrendi prattikament impossibbli li tintuża l-firxa sħiħa tal-punti prevista f’din id-dispożizzjoni, peress li hija twassal kważi neċessarjament sabiex kull kandidat jirċievi n-numru massimu ta’ punti previst minn dan il-kriterju.

    37

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-frażi “length of employment”, użata fil-verżjoni Ingliża tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, turi li huwa biss is-servizz imwettaq fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni mill-kandidati għall-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa intiż minnha. Barra minn hekk, il-verżjoni Ingliża tal-komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 tuża l-frażi “length of service” filwaqt li l-verżjoni Franċiża tuża dik ta’ “durée de l’activité professionnelle”, u dan juri wkoll li l-KESE huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni biss is-snin ta’ xogħol imwettqa fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    38

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE rrakkomandata mill-KESE tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha s-snin ta’ attività professjonali mwettqa barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni ugwalment ma’ dawk imwettqa fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet, anki jekk għal tul ta’ perijodi ta’ ġimgħa limitat. Issa, tali sitwazzjoni tista’ tagħti lok għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li tagħmel possibbli “l-kisba ta’ benefiċċju fil-forma ta’ drittijiet għall-pensjoni supplimentari skont l-istess perijodu ta’ impjieg”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    39

    Fil-ħames u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tad-diverġenza bejn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi tad-DĠI tal-KESE, il-paragrafu 6(b) ta’ dawn id-DĠI għandu jiġi interpretat skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha. Għalhekk, ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jitwemmen li l-KESE xtaq jagħti l-istess piż lill-esperjenza professjonali miksuba barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għas-servizz imwettaq fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, jidher iktar probabbli li l-KESE xtaq jiffavorixxi l-uffiċjali li ddedikaw parti ikbar mill-ħajja professjonali tagħhom għas-servizz tiegħu jew għas-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta pparagunati ma’ dawk li jkunu ħadmu għal tul inqas fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk dan huwa l-kriterju segwit mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    40

    Il-KESE jinnota, fl-ewwel lok, li kien intenzjonalment li l-paragrafi 5 u 6 tad-DĠI tiegħu huma fformulati b’mod differenti. Għalhekk, il-paragrafu 5 tad-DĠI tal-KESE jeżiġi li l-kandidat għall-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikun akkumula ħmistax-il “sena ta’ servizz” bħala uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-paragrafu 6(b) ta’ dawn id-DĠI juża deliberatament il-frażi “attività professjonali”, frażi użata diversi drabi fir-Regolamenti tal-Persunal sabiex isir riferiment għall-attivitajiet professjonali differenti mwettqa mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    41

    Fit-tieni lok, il-KESE jqis li l-paragrafi 5 u 6 tad-DĠI tal-KESE għandhom portata distinta. Għalhekk, il-paragrafu 5 tad-DĠI tal-KESE għandu l-għan li jiddefinixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati għall-irtirar kmieni mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, filwaqt li l-paragrafu 6 ta’ dawn id-DĠI huwa intiż sabiex jiffissa l-kriterji ta’ għażla li jippermettu li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-kandidaturi magħżula.

    42

    Fit-tielet lok, il-KESE jargumenta li t-teżi tar-rikorrenti twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għaliex twassal sabiex jiġu ppreferuti l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ċittadini tal-Istati Membri fundaturi jew tal-pajjiżi li aderixxew kmieni fl-Unjoni.

    43

    Fir-raba’ lok, il-KESE jqis li n-nota ta’ qiegħ-il paġna Nru 4 tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE (ara l-punt 7 ta’ din is-sentenza) turi li, sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet professjonali kollha li twettqu mill-kandidat, inklużi dawk imwettqa barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, sa fejn din il-miżura jew din in-nota tirreferi għall-“[p]erijodi ta’ attività professjonali reali u debitament ipprovati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija tista’ tirreferi biss għall-esperjenza professjonali miksuba barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li ma hemmx bżonn li l-karriera professjonali ta’ uffiċjal fi ħdan l-Unjoni tiġi pprovata lill-istituzzjoni, għaliex din hija fil-pussess tal-provi neċessarji kollha dwar dik il-karriera.

    44

    Fil-ħames lok, il-KESE jenfasizza li kemm il-frażi “durée de l’activité professionnelle” tat-test bil-Franċiż kif ukoll il-frażi “[l]ength of employment” tal-verżjoni Ingliża korrispondenti li jinsabu fil-paragrafu 6(b) tad-DĠI tiegħu jsostnu t-teżi tiegħu li kull esperjenza professjonali tal-kandidat tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, inklużi l-attivitajiet professjoni li jkunu twettqu barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fir-rigward tal-verżjoni Ingliża tal-komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013, huwa b’riżultat ta’ żball klerikali li hemmhekk intużat il-frażi “length of service” mentri fil-verżjoni Franċiża ntużat dik ta’ “durée de [l’]activité professionnelle”. Fi kwalunkwe każ, tali żball klerikali f’komunikazzjoni lill‑persunal ma jistax joħloq drittijiet, peress li l-uniku test validu huwa dak tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż.

    45

    Fis-sitt lok, il-KESE jikkontesta li l-interpretazzjoni tiegħu tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE tista’ twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għaliex il-miżura inkwistjoni ma tippermettix li jingħataw drittijiet għall-pensjoni supplimentari lil uffiċjal li fil-passat kien jaħdem barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda tippermetti biss li huwa jieħu l-irtirar antiċipat tiegħu mingħajr ma jitnaqqsu d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni.

    46

    Fis-seba’ u l-aħħar lok, filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, il-KESE jargumenta li l-verżjoni Franċiża u dik Ingliża tad-DĠI tal-KESE ma humiex diverġenti u li, fi kwalunkwe każ, l-istruttura ġenerali u l-iskop tad-DĠI tal-KESE juru preċiżament li l-interpretazzjoni tiegħu tal-paragrafu 6(b) tagħhom hija korretta.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    47

    Jirriżulta miż-żewġ tabelli annessi mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li s-Sinjuri X u Y ġew ikklassifikati t-tnejn l-ewwel, b’kull waħda li kellha medja ta’ evalwazzjoni ta’ 4.30 u total ta’ 9.5 punti, maqsumin fi 2.5 punti għaliex kienu laħqu l-età ta’ 59 sena fil-31 ta’ Diċembru 2013, 4 punti għat-tul tal-attività professjonali tagħhom, ta’ 33 u 26 sena rispettivament, u 3 punti għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti ġiet immedjatament wara s-Sinjuri X u Y, fit-tielet post, b’medja ta’ evalwazzjoni ta’ 4.50 u total ta’ 8.5 punti, jiġifieri 1.5 punt għaliex laħqet l-età ta’ 57 sena fil-31 ta’ Diċembru 2013, 4 punti għat-tul tal-attività professjonali tagħha ta’ 31 sena u 3 punti għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha.

    48

    Jirriżulta wkoll mill-proċess li s-Sinjuri X u Y kienu t-tnejn bdew il-karriera professjonali tagħhom fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-1991. Peress li rtiraw fl-2013, kull waħda minnhom kienet għalhekk ħadmet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni ċertament għal 22 sena u ftit inqas minn 23 sena. F’dak li jikkonċerna r-rikorrenti, huwa paċifiku li hija ħadmet għal 31 sena mal-KESE.

    49

    Għalhekk, sabiex jiddetermina l-punti li kellhom jiġu attribwiti lill-kriterju dwar it-tul tal-attività professjonali tas-Sinjuri X u Y, rispettivament ta’ 33 sena u ta’ 26 sena, il-KESE kien għalhekk żied is-snin ta’ attività professjonali tagħhom barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mas-snin ta’ servizz tagħhom fi ħdanhom, f’dan il-każ għal ftit inqas minn 23 sena u fi kwalunkwe każ iktar minn 22 sena. Issa, kieku l-KESE kien ħa inkunsiderazzjoni biss is-snin ta’ servizz tagħhom mal-Unjoni, is-Sinjuri X u Y kienu jiksbu 2 punti biss għal dan il-kriterju, u dan kien inaqqas it-total ta’ punti tagħhom għal 7.5 punti u kien iwassal sabiex ir-rikorrenti tiġi fl-ewwel pożizzjoni.

    50

    Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi kkalkolat it-tul tal-attività professjonali tal-kandidati, kif previst fil-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, il‑KESE setax jieħu inkunsiderazzjoni t-total tal-esperjenzi professjonali tal-kandidati, imwettqa kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew kellux jieħu inkunsiderazzjoni esklużivament is-snin ta’ servizz miksuba mal-Unjoni.

    51

    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, minn naħa, li, fil-fatt, il-verżjoni Franċiża tal-komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 tuża l-frażi “durée de [l’]activité professionnelle” filwaqt li l-verżjoni Ingliża tuża dik ta’ “length of service”, jiġifieri t-tul tas-snin ta’ servizz. Issa, din id-diverġenza lingwistika ma tista’ toħloq ebda dritt favur ir-rikorrenti, għaliex il-komunikazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 hija miżura ta’ implementazzjoni tad-DĠI tal-KESE u għalhekk dispożizzjoni b’saħħa inferjuri għal tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-frażijiet “durée de l’activité professionnelle” u “length of employement”, li jinsabu fil-verżjoni Franċiża u dik Ingliża tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, ma humiex diverġenti, iżda li l-formulazzjoni tagħhom ma tippermettix li tingħata tweġiba ċara għall-kwistjoni msemmija fil-punt preċedenti. Għaldaqstant hija meħtieġa interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE.

    52

    Tali interpretazzjoni tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE teħtieġ li hija tkun kompatibbli mar-regoli superjuri u, primarjament, mal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, De Soeten vs Il-Kunsill, F‑86/05, EU:F:2006:87, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata), li jwassal lil dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex fl-ewwel lok jeżamina r-ratio legis ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    53

    Dwar dan il-punt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li żewġ dokumenti redatti fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, prodotti mill-Kunsill bħala tweġiba għall-miżuri istruttorji, jinkludu indikazzjonijiet dwar l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, skont in-nota Nru 9522/03 tal-Presidenza tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 2003, li tinkludi l-proposta tal-Presidenza tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal indirizzata lill-Kunsill, id-dispożizzjoni inkwistjoni “hija intiża biex tiffaċilita l-ġestjoni tal-persunal, b’mod partikolari fi ħdan istituzzjonijiet żgħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fit-termini tan-nota Nru 12957/03 tal-Presidenza tal-Kunsill, tal-26 ta’ Settembru 2003, dwar l-approvazzjoni tar-riżultati tal-Kummissjoni ta’ ftehim fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, indirizzata lill-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti, l-imsemmija dispożizzjoni hija maħsuba sabiex “tiżgura lill-istituzzjonijiet flessibbiltà adegwata, b’mod partikolari b’rabta mal-proċess tat-tkabbir [tal-Unjoni]”. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jinnota li, sussegwentement, kienet ġiet adottata l-premessa 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), li tipprovdi li “[d]in id-dispożizzjoni [ta’ rtirar kmieni] għandha tkun maħsuba biex tiffaċilita l-amministrazzjoni tal-persunal, partikolarment f’istituzzjonijiet iżgħar”.

    54

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-ratio legis tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tikkonsisti fl-iffaċilitar, permezz tal-għoti tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tiffavorixxi lill-uffiċjali jew membri tal-persunal li, fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom, ikollhom numru ikbar ta’ snin ta’ servizz fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta pparagunati ma’ dawk li għandhom numru inqas ta’ snin ta’ servizz fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għaliex il-karriera tagħhom żvolġiet f’mod iktar wiesa’ minn dawk tal-ewwel barra minn dawk l-istituzzjonijiet.

    55

    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni jista’ jingħata biss “fl-interess tas-servizz”. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz għandha titwettaq fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u ta’ proċeduri trasparenti ffissati permezz ta’ DĠI u li l-leġiżlatur xtaq ifassal is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-interess tas-servizz. Ġie deċiż ukoll li l-importanza tal-vantaġġ ta’ dawn ir-regolamenti u l-garanziji li bihom il-leġiżlatur saħħaħ l-attribuzzjoni tiegħu jiġġustifikaw l-eżerċizzju mill-qorti tal-Unjoni ta’ stħarriġ preċiż, fuq il-bażi ta’ kriterji ddefiniti mill-istituzzjonijiet infushom, tal-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz mill-Awtorità tal-Ħatra (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, De Soeten vs Il‑Kunsill, F‑86/05, EU:F:2006:87, punt 48). Kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tadotta permezz ta’ DĠI d-definizzjoni tagħha tal-interess tas-servizz li jiġġustifika l-għoti tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni.

    56

    Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li l-leġiżlatur xtaq li jħalli lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw fl-għażla tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li għandhom jingħataw il-benefiċċju tal-irtirar kmieni mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, sakemm dawn il-kriterji jkunu oġġettivi u stabbiliti minn qabel. Għalhekk id-dispożizzjoni fuq imsemmija ma teżiġix li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jadottaw kriterji komuni fl-għażla tal-kandidati. Kif jargumenta korrettament il-KESE, kieku din kienet ir-rieda tal-leġiżlatur, huwa seta’ jimponi fuq l-istituzzjonijiet li jistabbilixxuhom bi ftehim komuni jew seta’ jistipulahom direttament fir-Regolamenti tal-Persunal, ħaġa li huwa ma għamilx. Peress li lanqas ma jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt li kien jobbliga lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li jadottaw l-istess kriterji fl-adozzjoni tad-DĠI tagħhom tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li, fid-DĠI rispettivi tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu liberament jiddefinixxu individwalment l-interess tas-servizz li jiġġustifika l-għoti tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni u li jistabbilixxu l-kriterji oġġettivi li kull waħda minnhom tikkunsidra xierqa għall-għażla tal-kandidaturi għal din il-miżura.

    57

    Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jobbligax lill-istituzzjonijiet li jikkunsidraw l-anzjanità ta’ servizz fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala kriterju oġġettiv li jippermetti li jintgħażlu l-kandidati għall-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, iżda peress li lanqas ma jipprojbixxi li l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq dan il-kriterju biex jagħżlu lill-kandidati, ma huwiex eskluż li istituzzjoni tagħżel li tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tistabbilixxi fid-DĠI tagħha tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fost kriterji oħra, dak tal-anzjanità ta’ servizz fi ħdan l-Unjoni. Tali għażla sservi mbagħad sabiex tagħti l-prijorità lill-uffiċjali li jkunu għamlu iktar snin fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, billi tiżgurahom minn pożizzjoni aħjar fil-klassifikazzjoni tal-kandidati għall-benefiċċju tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal milli kollegi tagħhom li jkunu għamlu inqas mill-karriera professjonali tagħhom fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    58

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 9 sa 16 ta’ din is-sentenza, din hija l-għażla li saret mill-Parlament, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Awdituri. Fil-fatt, fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni, kemm l-Artikolu 5(5) tad-DĠI tal-Parlament kif ukoll l-Artikolu 5(6) tad-DĠI tal-Kummissjoni jipprovdu t-tnejn li huma li l-anzjanità ta’ servizz miksuba mal-istituzzjoni kkonċernata tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jintgħażlu l-kandidati. Fir-rigward tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri, mill-paragrafu 3 tal-komunikazzjoni lill-persunal Nru 105/04 tal-Kunsill u mill-Artikolu 5 tad-DĠI tal-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li għandha tingħata importanza lill-anzjanità fis-servizz fi ħdan kwalunkwe mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 5 tad-DĠI tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-“anzjanità” tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji oġġettivi. Mistoqsija f’dan ir-rigward mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tal-miżuri istruttorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-frażi ma tinkludix biss il-perijodi ta’ servizz imwettqa minn uffiċjal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll dawk imwettqa fis-servizz ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.

    59

    L-għażla mwettqa mill-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma torbot lill-KESE, għaliex dan kellu dritt juża l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu billi jistabbilixxi fid-DĠI tiegħu tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala kriterju oġġettiv sabiex jintgħażlu l-kandidati, it-tul tal-attività professjonali kollha tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma jillimitah biss għall-attività professjonali mwettqa fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata tweġiba affermattiva għall-mistoqsija jekk, sabiex jiġi kkalkolat it-tul tal-attività professjonali, kif previst fil-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, il-KESE setax jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenzi professjonali kollha tal-kandidati, kemm jekk imwettqa fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll barra minnhom.

    61

    Għandu jiżdied ukoll li din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa bl-argument tar-rikorrenti li tali interpretazzjoni tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE tista’ twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-kandidati magħżula li jkunu wettqu l-attività professjonali tagħhom ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jingħataw “drittijiet għall-pensjoni supplimentari fir-rigward tal-istess perijodu ta’ impjieg”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    62

    Fil-fatt, sa fejn id-drittijiet għall-pensjoni jiġu kkalkolati fuq il-bażi tas-snin ta’ servizz mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali ttrasferiti, il-fatt li jingħata l-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni lil uffiċjal li jista’ jirreferi għal attività professjonali mwettqa barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jagħtihx drittijiet għall-pensjoni supplimentari meta pparagunat mas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, ukoll benefiċjarju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, li jkun kiseb l-esperjenza professjonali kollha tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    63

    Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Sussegwentement, għandha tingħata deċiżjoni dwar il-motiv imqajjem sussidjarjament mir-rikorrenti.

    Fuq it-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE

    – L-argumenti tal-partijiet

    64

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE huwa illegali, sa fejn din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tinkludi wkoll ix-xogħol imwettaq barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk l-istituzzjonijiet igawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kriterji oġġettivi li huma jadottaw skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa dejjem neċessarju li dawn il-kriterji effettivament iservu l-interess tas-servizz. Sa fejn huwa biss is-servizz mogħti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-esklużjoni tax-xogħol imwettaq barra minnhom, li effettivament iservi l-interess tas-servizz, il-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE jikser l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    65

    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet f’dan ir-rigward li l-KESE kien obbligat jadotta kriterji oġġettivi fir-rigward tal-interess tas-servizz partikolari li kellu quddiemu u li l-qorti tal-Unjoni kellha tkun tista’ teżerċita stħarriġ tal-legalità fuq dan l-interess tas-servizz. Hija argumentat li l-qorti tal-Unjoni kellha tagħraf dan l-interess tas-servizz u kellha teżamina jekk il-kriterji oġġettivi ffissati mill-KESE kinux jippermettu li dan jintlaħaq. Issa, f’dan il-każ partikolari, id-DĠI tal-KESE ma fihom l-ebda element li permezz tiegħu jista’ jiġi evalwat l-interess tas-servizz imfittex mill-KESE fl-applikazzjoni tiegħu tal-kriterju previst fil-paragrafu 6(b) tad-DĠI tiegħu, dwar it-tul tal-attività professjonali.

    66

    Il-KESE jirribatti li huwa jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadotta miżuri fl-interess tas-servizz u li fl-istħarriġ tagħha tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha sabiex tivverifika li ma saritx distinzjoni arbitrarja jew manifestament kontra l-interess tas-servizz. Il-KESE jkompli jgħid li l-kriterji oġġettivi li jinsabu fil-paragrafu 6 tad-DĠI tiegħu la huma arbitrarji u lanqas ma huma kontra l-interess tas-servizz.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    67

    Kif ġie nnotat fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jingħata jekk l-interess tas-servizz jiġġustifikah, interess li għandu jiġi stabbilit liberament minn kull istituzzjoni tal-Unjoni fid-DĠI tagħha tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Imbagħad, sabiex jintgħażlu l-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tistabbilixxi u tapplika kriterji oġġettivi u proċeduri trasparenti, iffissati wkoll fid-DĠI tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-istituzzjoni.

    68

    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-DĠI tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri tassew jinkludu definizzjoni tal-interess tas-servizz fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, fir-rigward tal-Parlament, l-Artikolu 5(4) tad-DĠI tal-Parlament jirreferi għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni deċiżi mill-Parlament u b’mod partikolari għat-tmiem tal-kompiti ta’ uffiċjal wara miżuri ta’ riorganizzazzjoni pendenti, peress li l-ebda kompitu ġdid xieraq għal dan tal-aħħar ma jkun ġie identifikat jew li jista’ jiġi identifikat fil-futur qrib. Hekk ukoll, fir-rigward tal-Kunsill, l-Artikolu 5(1) tad-DĠI tal-Kunsill jipprovdi li l-kunċett tal-interess tas-servizz għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi u ta’ fatturi differenti, fosthom in-neċessitajiet ta’ tqassim mill-ġdid strutturali ta’ ċerti servizzi kif ukoll in-neċessitajiet ta’ tiġdid jew ta’ orjentament mill-ġdid tal-kompetenzi meħtieġa fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skont missjonijiet ġodda li jkunu ġew fdati lilu kif ukoll skont restrizzjonijiet marbuta mat-tkabbir tal-Unjoni. Fir-rigward tal-Kummissjoni, l-Artikolu 5(4) tad-DĠI tal-Kummissjoni jiffissa kriterji marbuta ma’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni bl-għan li jiġi evalwat l-interess tas-servizz, bħal miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ tqassim mill-ġdid pendenti. Fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, l-Artikolu 5 tad-DĠI tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 5 tad-DĠI tal-Qorti tal-Awdituri jidentifikaw l-interess tas-servizz bħala r-riorganizzazzjoni tiegħu.

    69

    Imbagħad, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-DĠI tal-ħames istituzzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jkomplu billi jistabbilixxu kriterji oġġettivi li jippermettu li jingħata l-vantaġġ lil ċerti kandidati u mhux lil oħrajn, bħall-età tagħhom, it-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom jew ukoll is-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħhom, kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-kandidati u mill-istituzzjoni.

    70

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-DĠI tal-KESE, il-paragrafu 6 tagħhom jipprovdi li, “[s]abiex jiġu identifikati t-talbiet li l-aħjar jilħqu l-interess tas-servizz, u sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa fil-ħolqien tal-lista tal-uffiċjali li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura, għandha tinħoloq sistema ta’ attribuzzjoni ta’ punti”. Skont il-paragrafu 6 tad-DĠI tal-KESE, din is-sistema ta’ attribuzzjoni tal-punti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-persuna kkonċernata [paragrafu 6(a) tad-DĠI tal-KESE], it-tul tal-attività professjonali tagħha [paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE], li għandu jinftiehem, kif intqal fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li jkopri l-esperjenza professjonali kollha tal-persuna kkonċernata, u tal-medja aritmetika tal-punti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-aħħar ħames snin [paragrafu 6(ċ) tad-DĠI tal-KESE].

    71

    Jirriżulta għalhekk mill-formulazzjoni tal-paragrafu 6 tad-DĠI tal-KESE li l-KESE llimita ruħu sabiex jistabbilixxi, minn naħa, kriterji marbuta mal-età, mat-tul tal-esperjenza professjonali u mal-merti li l-kandidati jkunu wrew matul l-aħħar snin ta’ servizz tagħhom fi ħdan il-KESE jew l-istituzzjonijiet, kriterji lkoll maħsuba biss sabiex jintgħażlu l-kandidati, u, min-naħa l-oħra, il-proċedura li għandha tiġi segwita kemm minn dawn tal-aħħar sabiex iressqu t-talbiet tagħhom kif ukoll mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha, iżda li huwa naqas milli jidentifika l-interess tas-servizz li jiġġustifika l-għoti tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    72

    L-eżami li għandu jsir tal-formulazzjoni tal-paragrafu 6 tad-DĠI tal-KESE juri li l-KESE kkunsidra li kien fl-interess tas-servizz ta’ dan il-korp li jiġi ffaċilitat it-tluq għall-irtirar antiċipat tal-uffiċjali tiegħu li jkunu l-ixjaħ, li jkunu ħadmu l-ikbar numru ta’ snin matul il-karriera tagħhom u li jkollhom l-ikbar numru ta’ punti fl-aħħar rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom. Issa, dawn il-kriterji ma jissodisfawx, waħedhom, ir-ratio legis tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li, kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-ġestjoni tar-riżorsi umani mill-istituzzjonijiet.

    73

    Mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-KESE kkonferma li d-DĠI tal-KESE ma jidentifikawx l-interess tas-servizz kif imsemmi fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu, il-KESE jeżamina l-ewwel nett jekk jeżistix “interess ġenerali tas-servizz kollu” sabiex ikun applikat l-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’każ affermattiv, huwa jiftaħ il-proċedura ta’ sejħa għall-kandidaturi għall-persunal kollu tal-KESE. Il-kandidati eliġibbli kollha li jissodisfaw it-tliet kriterji stabbiliti fil-paragrafu 6 tad-DĠI tal-KESE, dwar l-età, dwar it-tul tal-attività professjonali u dwar il-merti fis-servizz, jitniżżlu f’lista li ssegwi l-ordni dejjem nieżel tan-numru ta’ punti miksuba. Din il-lista hija ppubblikata u nnotifikata lill-kandidati. Imbagħad, il-kandidati jistgħu jiddeċiedu jekk jirrinunzjawx jew le għall-benefiċċju tal-irtirar antiċipat.

    74

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu għalhekk jikkonstata li l-KESE naqas mill jiddefinixxi fid-DĠI tiegħu tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal l-interess tas-servizz li jiġġustifika l-għoti tal-benefiċċju tal-irtirar antiċipat mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni u li, fil-prattika, il-KESE assimila l-interess tas-servizz bit-tluq għall-irtirar antiċipat tal-uffiċjali tiegħu li kienu l-ixjaħ, li kienu ħadmu l-ikbar numru ta’ snin matul il-karriera tagħhom u li jkollhom l-ikbar numru ta’ punti fl-aħħar rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom.

    75

    Madankollu, il-kriterju dwar it-tul tal-attività professjonali, kemm jekk inkisbet fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm barra minnhom, previst fil-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, ma jippermettix, la waħdu u lanqas flimkien mal-kriterji relatati mal-età u mal-merti, li jinsabu rispettivament fil-paragrafu 6(a) u (ċ) tal-imsemmija DĠI, li jiġi ddefinit l-interess tas-servizz li jiġġustifika l-għoti tal-irtirar kmieni mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni.

    76

    Isegwi li l-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE, la waħdu u lanqas moqri flimkien mal-istess paragrafu 6(a) u (ċ) ma jippermetti lill-KESE li jevalwa l-interess tas-servizz, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li fir-rigward tiegħu huwa kien marbut li jeżamina t-talbiet, bħal dawk tar-rikorrenti, li tibbenefika minn din l-aħħar dispożizzjoni.

    77

    Għaldaqstant, u wara li sema’ lill-partijiet jesprimu ruħhom waqt is-seduta fuq il-kwistjoni jekk il-mod li bih l-interess tas-servizz kien ittieħed inkunsiderazzjoni mill-KESE fid-DĠI tiegħu setax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li tiġi milqugħa l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, li jiġi ddikjarat li l-paragrafu 6(b) tad-DĠI tal-KESE ma huwiex applikabbli għall-każ preżenti u li jintlaqa’ t-tieni motiv.

    78

    Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dispożizzjoni illegali, din id- deċiżjoni hija illegali u għalhekk għandha tiġi annullata.

    Fuq l-ispejjeż

    79

    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata parzjalment biss għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

    80

    Jirriżulta mill-motivi elenkati f’din is-sentenza li l-KESE huwa l-parti li tilfet. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-KESE jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-KESE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

    jaqta’ u jiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-11 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi l-lista tal-benefiċjarji, għas-sena 2013, tal-miżura prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, sa fejn tirrifjuta l-ammissjoni ta’ I. Barnett għall-benefiċċju tal-imsemmija miżura, għandha tiġi annullata.

     

    2)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn I. Barnett.

     

    Bradley

    Kreppel

    Rofes i Pujol

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Settembru 2015.

    W. Hakenberg

    Reġistratur

    K. Bradley

    President


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top