This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CN0012
Case C-12/14: Action brought on 10 January 2014 — European Commission v Republic of Malta
Kawża C-12/14: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Jannar 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta
Kawża C-12/14: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Jannar 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta
ĠU C 159, 26.5.2014, p. 11–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
26.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 159/11 |
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta
(Kawża C-12/14)
2014/C 159/15
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Mifsud-Bonnici, D. Martin, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Malta
Talbiet
— |
tiddikjara li, billi tnaqqas il-pensjonijiet tax-xjuħija Maltin bl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit taħt, skont il-każ, The Principal Civil Service Pension Scheme, The National Health Service Pension Scheme jew The Armed Forces Pension Scheme 1975 fir-rigward tar-Royal Air Force, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (1), tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2), u taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 billi tnaqqas il-pensjonijiet tas-servizz pubbliku miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor mill-pensjoni tax-xjuħija statutorja Maltija. Il-Kummissjoni tqis li l-iskemi tal-pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit huma bbażati fuq leġiżlazzjoni u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti msemmija. Dawn ir-regolamenti jipprojbixxu li pensjoni tax-xjuħija Maltija titnaqqas bl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit. Ma ġiet konkluża ebda konvenzjoni dwar il-pensjonijiet tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit bejn dan tal-aħħar u Malta u ebda anness tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 ma fih entrata li tikkonċerna lil Malta, b’tali mod li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-regolamenti sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jiġu applikati konvenzjonijiet dwar sigurtà soċjali.
Peress li l-iskemi tal-pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, l-Artikolu 46b(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ regola antikumulu prevista fil-liġi nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 56 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali ta’ Malta.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.