Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0472

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016.
    Canadian Oil Company Sweden AB u Anders Rantén vs Riksåklagaren.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Högsta domstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Estensjoni tal-qasam armonizzat – Reġistrazzjoni ta’ sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qabel ma jitqiegħdu fis-suq – Artikolu 5 – Reġistru nazzjonali ta’ prodotti kimiċi – Obbligu ta’ notifika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni – Kompatibbiltà mar-Regolament REACH – Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE TFUE – Restrizzjoni kwantitattiva dwar l-importazzjoni.
    Kawża C-472/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:171

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Estensjoni tal-qasam armonizzat — Reġistrazzjoni ta’ sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qabel ma jitqiegħdu fis-suq — Artikolu 5 — Reġistru nazzjonali ta’ prodotti kimiċi — Obbligu ta’ notifika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni — Kompatibbiltà mar-Regolament REACH — Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE — Restrizzjoni kwantitattiva dwar l-importazzjoni”

    Fil-Kawża C -472/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (qorti suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

    Canadian Oil Company Sweden AB,

    Anders Rantén

    vs

    Riksåklagaren

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.-C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Canadian Oil Company Sweden AB, minn B. Hansson u M. Lönnqvist, avukati,

    għal Rantén, minn M. Wärnsby u M. Edqvist, avukati,

    għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u N. Lyshøj, bħala aġenti,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Gvern Norveġiż, minn I. Thue u I. S. Jansen, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Kukovec u E. Manhaeve, bħala aġenti, assistiti minn M. Johansson, avukat,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 136, p. 3), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 164, p. 7, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament REACH”), kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. Rantén u Canadian Oil Company Sweden AB (iktar ’il quddiem “Canadian Oil”), minn naħa, u r-Riksåklagaren (Prosekutur tar-Renju), min-naħa l-oħra, dwar is-sanzjonijiet imposti fuq A. Rantén u fuq Canadian Oil talli introduċew 320 tunnellata ta’ prodotti kimiċi mingħajr notifika ta’ din l-introduzzjoni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (Kemikalieinspektionen) għal inklużjoni fir-reġistru nazzjonali ta’ prodotti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 19 tar-Regolament Reach tiddikjara li:

    “[…] id-dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu li l-manifatturi u l-importaturi jiġġeneraw data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jagħmlu stima tar-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti ta’ l-immaniġġar tar-riskji. Sabiex jiġi żgurat li huma fil-fatt jissodisfaw dawn l-obbligi, kif ukoll għal raġunijiet ta’ trasparenza, ir-reġistrazzjoni għandha teħtieġ li huma jippreżentaw dossier li jkun fih din l-informazzjoni kollha lill-Aġenzija [Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi] [ECHA]. Is-sustanzi reġistrati għandhom ikunu permessi jiċċirkolaw fis-suq intern.”

    4

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH jipprovdi:

    “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.”

    5

    It-Titolu II tal-imsemmi regolament huwa ddedikat għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi. Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu huwa intitolat “Obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni u rekwiżiti ta’ l-informazzjoni”.

    6

    Fi ħdan l-imsemmi Kapitolu 1, l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Ebda data, ebda suq” għandu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    “Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati [fl-Unjoni Ewropea] jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ.”

    7

    F’dan l-istess Kapitolu 1, l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH, intitolat “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew fi preparati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi preparat wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-[ECHA].”

    8

    Skont l-Artikolu 125 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri jżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħrajn kif xieraq għaċ-ċirkustanzi.

    9

    L-Artikolu 128 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Suġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, ma’ l-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jimpedixxi l-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, t-tqegħid fis-suq jew l-użu.”

    Id-dritt Svediż

    Il-Kodiċi dwar l-Ambjent

    10

    Taħt il-Kapitolu 29 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent (Miljöbalken), l-Artikolu 5(5) jipprovdi li l-fatt li xi ħadd, intenzjonalment jew b’negliġenza, jipproduċi jew jintroduċi fit-territorju, matul negozju, prodotti kimiċi bi ksur ta’ ordni maħruġa mill-gvern abbażi tal-Kapitolu 14, Artikolu 12 tal-istess kodiċi, dwar l-obbligu ta’ notifika ta’ reġistru tal-prodotti, jikkostitwixxi ostakolu għal kontroll ambjentali.

    11

    Skont il-Kapitolu 14 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, l-Artikolu 12 jipprevedi:

    “Prodotti kimiċi li jkunu mmanifatturati jew importati fl-Isvezja matul negozju għandhom ikunu rreġistrati f’reġistru ta’ prodotti skont il-modi stabbiliti mill-gvern jew mill-awtorita’ li taħtar għal dan il-għan. Dan ir-reġistru huwa miżmum mill-awtorita’ maħtura għal dan il-għan mill-gvern.”

    Ir-Regolament (2008:245) dwar Prodotti Kimiċi u Organiżmi Bijotekniċi

    12

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (2008:245) dwar Prodotti Kimiċi u Organiżmi Bijotekniċi [förordningen (2008:245) om kemiska produkter och biotekniska organismer] jipprovdi li kull prodott kimiku jew korp biotekniku prodott jew introdott fl-Isvezja matul negozju għandu jiġi nnotifikat lill-Aġenzija Svediża dwar il-prodotti Kimiċi għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-prodotti li huwa responsabbli għaż-żamma jekk dan il-prodott jew korp huwa relatat ma’ wieħed mill-prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-regolament.

    13

    Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, huwa min jipproduċi jew jintroduċi fl-Isvezja matul negozju prodott kimiku jew organiżmu bijoteknoloġiku li jagħmel din in-notifika.

    14

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprevedi deroga għall-obbligu ta’ notifika lil kull min jintroduċi inqas minn 100 kg kull sena ta’ prodott.

    Ir-Regolament (KIFS 2008:2) dwar Prodotti Kimiċi u Organiżmi Bijotekniċi

    15

    Il-Kapitolu 3 tar-Regolament (KIFS 2008:2) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, dwar Prodotti Kimiċi u Organiżmi Bijotekniċi [Kemikalieinspektionens föreskrifter (KIFS 2008:2) om kemiska produkter och biotekniska organismer] jispeċifika l-proċedura ta’ notifika fir-reġistru tal-prodotti. L-isem jew ir-raġuni kummerċjali tad-dikjarant, l-indirizz u n-numru tat-telefon tiegħu, kif ukoll in-numru nazzjonali ta’ identità tiegħu jew ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tan-negozji u tal-kumpanniji, kif ukoll l-att ta’ notifika, għandhom jiġu kkomunikati kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard mill-bidu tal-attivitajiet. Il-bqija tal-informazzjoni l-oħra rikjesta għandha tiġi nnotifikata mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja wara li jkun beda jseħħ l-obbligu ta’ notifika.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Matul l-2009, Canadian Oil daħħlet 392 tunnellata ta’ prodotti kimiċi fl-Isvezja.

    17

    Bi ksur tad-dritt Svediż, din l-importazzjoni ma kinitx ġiet innotifikata lill-Aġenzija Svediża dwar is-Sustanzi Kimiċi qabel l-iskadenza tat-28 ta’ Frar 2010.

    18

    Canadian Oil, minn naħa u A. Rantén, bħala direttur ġenerali ta’ din il-kumpannija, min-naħa l-oħra, kienu suġġetti għal proċeduri, abbażi tal-Kodiċi dwar l-Ambjent.

    19

    B’sentenza tal-24 ta’ April 2013, il-Hovrätten över Skåne och Blekinge (qorti tal-appell b’sede f’Malmö) ikkundannat lil A. Rantén għal 60 jum multa ta’ SEK 100 (kuruni Svediżi) (madwar EUR 11) u lil Canadian Oil għal multa ta’ SEK 200000 (madwar EUR 22113).

    20

    Fl-appell tagħhom quddiem il-Högsta domstolen (qorti suprema), dawn tal-aħħar sostnew, essenzjalment, li l-obbligu ta’ notifika lill-Aġenzija Svediża dwar il-Prodotti Kimiċi għall-elenkar fir-reġistru tal-prodotti jostakola l-moviment liberu ta’ sustanzi li huwa l-għan tar-Regolament REACH. Dan ir-reġistru bażikament isegwi l-istess għanijiet bħal dawk ta’ dan ir-regolament u għaldaqstant ikun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 128 tiegħu fejn ir-regoli tiegħu fl-oqsma kkonċernati, b’mod partikolari fil-qasam ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, għandhom jitqiesu li kienu suġġetti għal armonizzazzjoni sħiħa. Fi kwalunkwe każ, dan l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi restrizzjoni għall-importazzjoni pprojbita mill-Artikolu 34 TFUE u ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 36 TFUE ma hija applikabbli fil-kawża prinċipali.

    21

    Għall-qorti tar-rinviju, minn dan ir-regolament ma jirriżultax ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni armonizzat ta’ dan tal-aħħar jasal li jinkludi r-reġistrazzjoni ta’ prodotti jew sustanzi kimiċi għall-finijiet, bħar-reġistru nazzjonali Svediż, li jkun magħruf l-użu ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-sustanzi, li jservi għas-sorveljanza u l-ispezzjoni mill-awtoritajiet ta’ impriżi li jimmanipulaw jew jelaboraw l-istatistika. Hija tistaqsi wkoll jekk l-obbligu ta’ notifika ma huwiex miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE u jekk f’dan il-każ, tkunx applikabbli, u proporzjonalment, waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 36 TFUE.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Hemm ksur tar-Regolament REACH meta, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Svediża, kwalunkwe persuna li tintroduċi fl-Isvezja, b’mod professjonali, prodott kimiku li għalih hemm obbligu ta’ reġistrazzjoni skont l-imsemmi regolament, għandha wkoll tinnotifikah lill-Kemikalieinspektionen għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru Svediż tal-prodotti?

    (2)

    Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-obbligu ta’ notifika previst mil-leġiżlazzjoni Svediża huwa kuntrarju għall-Artikolu 34 TFUE fid-dawl tad-derogi permessi mill-Artikolu 36 TFUE?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    23

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament REACH għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li dan l-importatur ikun diġà marbut b’obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti skont dan ir-regolament mal-ECHA.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan tal-imsemmi regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

    25

    Għal dan l-għan, l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema integrata ta’ kontroll tas-sustanzi kimiċi li tinkludi r-reġistrazzjoni tagħhom, l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll l-awtorizzazzjoni tagħhom u eventwali restrizzjonijiet għall-użu tagħhom. Il-prinċipji fundamentali li jirregolaw dawn l-elementi ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fl-introduzzjoni tal-proposta tagħha ta’ regolament COM(2003) 644 finali, tad-29 ta’ Ottubru 2003. Din tiddeskrivi s-“sistema REACH” bħala waħda li tinkludi, qabel kollox, ir-reġistrazzjoni li għaliha “l‑industrija hija mitluba tikseb informazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi li hija tipproduċi u tuża din l-informazzjoni sabiex tiżgura ġestjoni sigura tal-imsemmija sustanzi”, imbagħad “l-evalwazzjoni, li tippermetti li jiġi vverifikat li l-industrija twettaq l-obbligi tagħha”, u l-awtorizzazzjoni, għas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li “r-riskji marbuta mal-użu [tagħhom] [...] huma kkontrollati b’mod xieraq, jew li l-vantaġġi soċjo-ekonomiċi [tagħhom] ikunu ikbar mir-riskji [jekk ma] jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni bħala soluzzjoni alternattiva xierqa”. Fl-aħħar nett, “il-proċedura ta’ restrizzjonijiet toffri xibka ta’ sigurtà li tippermetti l-ġestjoni tar-riskji li ma humiex koperti b’mod adegwat minn dispożizzjonijiet oħra tas-sistema REACH” (sentenza FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 32).

    26

    Dwar il-moviment liberu fis-suq intern, dan huwa ggarantit bil-fatt li, skont l-Artikolu 128(1) tar-Regolament REACH, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jipprojbixxux, ma jirrestrinġux u ma jostakolawx il-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’artikolu, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li tikkonforma ma’ dan l-istess regolament u, fejn ikun il-każ, mal-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni tiegħu Madankollu, skont il-paragrafu 2, tal-istess Artikolu 128, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament REACH ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu l-ħaddiema, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti fil-qasam tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu (sentenza Lapin luonnonsuojelupiiri, C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 32).

    27

    Għaldaqstant minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jarmonizza dawn ir-rekwiżiti f’ċerti każijiet biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lapin luonnonsuojelupiiri, C-358/11, EU:C:2013:142, punt 33).

    28

    Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jkun magħruf jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi jarmonizzawx tali rekwiżiti hekk li jostakolaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament, li jeħtieġ li l-produtturi u l-importaturi jiġġeneraw, mal-ECHA, data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jevalwaw ir-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti tal-immaniġġar tar-riskji.

    30

    Skont dawn l-għanijiet, l-istess regolament iqiegħed l-oneru tal-analiżi tas-sustanzi kimiċi fuq l-industrija. Għal dak il-għan huwa jistabbilixxi għadd ta’ mekkaniżmi marbuta mal-informazzjoni li għandhom l-għan, tul il-katina kollha ta’ provvista, li jidentifikaw kull kwalità perikoluża u li jikkontrollaw ir-riskju sabiex ikun żgurat li s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma jintlaqtux ħażin (sentenza FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 33).

    31

    Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet, ir-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi mal-ECHA ma tipprovdi ebda ħarsa ġenerali dwar il-manifattura jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawn is-sustanzi f’kull Stat Membru individwali. B’mod partikolari, ir-reġistru tal-Unjoni ma jipprovdix sistematikament informazzjoni preċiża dwar fejn jinsabu l-imsemmija sustanzi fit-territorju tal-Istati Membri.

    32

    Għaldaqstant, għalkemm ir-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi mal-ECHA tikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel għall-moviment ħieles fi ħdan is-suq intern, bil-kundizzjoni li dawn is-sustanzi huma wkoll, b’mod partikolari, fir-rigward tal-proprjetajiet tagħhom, konformement mar-Regolament REACH, l-armonizzazzjoni li ssir minn dan ir-regolament fir-rigward ta’ tali reġistrazzjoni tas-sustanzi ma testendix għal forma oħra ta’ reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tikkostitwixxix tali kundizzjoni minn qabel, li tirrigwarda informazzjoni differenti minn dak rikjest minn dan ir-regolament u li tissodisfa l-istess għanijiet jew għanijiet komplementari għal dawk segwiti mir-regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ tali sustanzi fis-suq intern.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-reġistrazzjoni rikjesta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel għall-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, peress li n-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali tal-informazzjoni rilevanti tista’ sseħħ wara importazzjoni, sa mhux iktar tard mill-bidu tal-attivitajiet għal xi wħud minn din id-data u, għall-oħrajn, sat-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja ta’ wara dik ta’ din l-importazzjoni.

    34

    Fit-tieni lok, mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-reġistrazzjoni rikjesta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża essenzjalment sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom disponibbli database neċessarja għas-sorveljanza ta’ prodotti kimiċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u huwa dan tal-aħħar li għandu, skont l-Artikolu 125 tar-Regolament REACH, jiżgura tali sistema ta’ kontroll, billi jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti ta’ spezzjoni ta’ stabbiliti li jżommu dawn il-prodotti. Għalkemm din id-database tagħmel ukoll disponibbli data ta’ kontabbiltà jew statistika indispensabbli għad-determinazzjoni tat-tariffi stabbiliti sabiex jiffinanzjaw din is-sistema ta’ kontroll, din isservi wkoll sabiex tiddefinixxi linji gwida politiċi fil-qasam tal-ambjent, inkluż ukoll sabiex tipproponi, fil-livell tal-Unjoni, kull titjib meħtieġ.

    35

    Issa, id-data li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jaċċessaw mingħand l-ECHA u li tirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-prodotti magħha skont ir-Regolament REACH, ma tirrigwardax id-data kollha li tippermetti li jinkisbu l-għanijiet iddikjarati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

    36

    Fil-fatt, din ir-reġistrazzjoni tirrigwarda biss il-produtturi jew l-importaturi ta’ sustanzi kimiċi, waħidhom jew li jinsabu fi preparati jew oġġetti u meta l-kwantitajiet tagħhom ikunu ogħla minn tunnellata fis-sena. Fir-rigward ta’ preparati, din ir-reġistrazzjoni ma tippermettix, b’mod partikolari, li jkun magħruf il-perċentwali ta’ kull sustanza kimika li jkun fih. Dwar is-sustanzi kimiċi bħala tali, immanifatturati jew imqiegħda fis-suq fl-Unjoni, ir-reġistrazzjoni tagħhom mal-ECHA ma tippermettix li jiġi dedott fuq is-suq liema Stat Membru jkun ipprovda dawn is-sustanzi.

    37

    Madankollu, l-informazzjoni rikjesta għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodotti kimiċi mal-awtorità kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda prinċipalment il-kwantitajiet ta’ sustanzi u ta’ preparati preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dwar il-post fejn jinsabu f’dan it-territorju, fuq l-oqsma speċifiċi ta’ użu tagħhom u fuq l-atturi kkonċernati.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-armonizzazzjoni li ssir mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, għalkemm hija estiża sabiex tiġi stabbilita sistema integrata ta’ kontroll ta’ dawn is-sustanzi fit-territorju tal-Unjoni li tippermetti li tkun żgurata ġestjoni sigura tagħhom, ma hijiex tali li teskludi reġistrazzjoni oħra li għandha l-karatteristiċi msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza u tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli ta’ din il-ġestjoni fl-Istat Membru kkonċernat u għall-evalwazzjoni tal-imsemmija ġestjoni sabiex, b’mod partikolari, tipproponi, fil-livell tal-Unjoni, kull titjib meħtieġ.

    39

    Għaldaqstant, ma jidhirx li l-armonizzazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija ta’ ostakolu għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi sabiex jirreġistraw dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, sakemm biss din l-informazzjoni rikjesta tikkontribwixxi prinċipalment għal dawn l-għanijiet. Għalkemm dan jidher li huwa l-każ ta’ dawk imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, hawn fuq, hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

    40

    F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li xi informazzjoni bażika dwar b’mod partikolari l-identifikazzjoni tal-importatur u tal-prodotti, li l-provvista tagħhom ma tqajjem ebda diffikultà, hija diġà rikjesta mir-reġistrazzjoni mal-ECHA, ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi l-informazzjoni min-natura komplementari tagħhom, meħuda kollha kemm hi, kif rikjesta minn awtorità nazzjonali kompetenti.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li r-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li dan l-importatur huwa diġà marbut b’obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti skont dan ir-regolament mal-ECHA, sakemm din ir-reġistrazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti ma tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti, li tirrigwarda informazzjoni differenti minn dik rikjesta minn dan ir-regolament u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi segwiti minnu, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ dawn is-sustanzi fis-suq intern, b’mod partikolari permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli tal-ġestjoni sigura ta’ tali prodotti fl-Istat Membru kkonċernat u permezz tal-evalwazzjoni ta’ din il-ġestjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

    Fuq it-tieni domanda

    42

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni domanda li biha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jopponu l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull miżura ta’ Stat Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandha titqies li hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, kif ukoll Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 31).

    44

    Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, in-natura vinkolanti tar-reġistrazzjoni tal-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi importati mal-awtorità nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, peress li l-fatt tal-impożizzjoni ta’ formalitajiet għall-importazzjoni tista’ tostakola l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u tostakola l-aċċess għas-suq rilevanti tal-prodotti li huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 21), li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat la mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża.

    45

    Hija ġurisprudenza stabbilita li miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, biss jekk din il-miżura tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 33). Barra minn hekk, miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 77).

    46

    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni rikjesta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tikseb data li, minn naħa, hija essenzjalment komplementari għal dik li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH u li, min-naħa l-oħra, tikkontribwixxi, fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni sigura ta’ prodotti kimiċi koperti minn dan ir-regolament, u għall-evalwazzjoni tal-ġestjoni sabiex, b’mod partikolari, tipproponi fil-livell tal-Unjoni, it-titjib kollu rikjest. Tali għan marbut ma’ dak tal-imsemmi regolament sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jista’ jiġġustifika eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

    47

    Barra minn hekk, ma jidhirx li l-informazzjoni rikjesta mill-importaturi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, flimkien ma’ dik preskritta mill-istess regolamenti sabiex ikunu konformi mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi importati ma tkunx xierqa għall-għan imfittex u jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni rikjesta mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkollhom ħarsa ġenerali tal-prodotti kimiċi preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tippermettix ir-reġistrazzjoni mal-ECHA, tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, filwaqt li jkollha impatt limitat fuq il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fis-suq intern ladarba r-reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża ma tikkundizzjonax it-tqegħid fis-suq Svediż ta’ tali prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni’ u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li dan l-importatur huwa diġà marbut b’obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti skont dan ir-regolament mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, sakemm din ir-reġistrazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti ma tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti, li tirrigwarda informazzjoni differenti minn dik rikjesta minn dan ir-regolament u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi segwiti minnu, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ dawn is-sustanzi fis-suq intern, b’mod partikolari permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli tal-ġestjoni sigura ta’ tali prodotti fl-Istat Membru kkonċernat u permezz tal-evalwazzjoni ta’ din il-ġestjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

     

    2)

    Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

    Top