This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0458
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 14 July 2016.#Promoimpresa srl and Others v Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro and Others.#Requests for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia and Tribunale Amministrativo Regionale per la Sardegna.#References for a preliminary ruling — Public contracts and freedom of establishment — Article 49 TFEU — Directive 2006/123/EC — Article 12 — Concessions of State-owned maritime, lakeside and waterway property of an economic interest — Automatic extension — Lack of tender procedure.#Joined Cases C-458/14 and C-67/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Promoimpresa srl vs Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro u Regione Lombardia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 12 – Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika – Estensjoni awtomatika – Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Kawża C-458/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Promoimpresa srl vs Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro u Regione Lombardia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 12 – Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika – Estensjoni awtomatika – Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Kawża C-458/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:558
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
14 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 12 — Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika — Estensjoni awtomatika — Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti”
Fil-Kawżi magħquda C‑458/14 u C‑67/15,
li għandhom bħala suġġett it-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardija, l-Italja) u mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali tas-Sardegna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-5 ta’ Marzu 2014 u tat-28 ta’ Jannar 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizza fit-3 ta’ Ottubru 2014 u t-12 ta’ Frar 2015, fil-proċeduri
Promoimpresa Srl (C‑458/14)
vs
Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro,
Regione Lombardia,
u
Mario Melis et (C‑67/15)
vs
Comune di Loiri Porto San Paolo,
Provincia di Olbia Tempio,
fil-preżenza ta’:
Alessandro Piredda et,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Promoimpresa Srl, minn E. Vaglio, R. Righi u E. Nesi, avukati, |
— |
għall-Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro, minn M. Ballerini u C. Cerami, avukati, |
— |
għar-Regione Lombardia, minn M. Tamborino, avukat, |
— |
għal Mario Melis et, minn B. Ballero, A. Capacchione, F. Ballero u S. Ballero, avukati, |
— |
għall-Comune di Loiri Porto San Paolo, minn G. Longheu, avukat, |
— |
għall-Provincia di Olbia Tempio, minn G. Cosseddu u F. Melis, avukati, |
— |
għal Alessandro Piredda et, minn S. Carboni u S. Dessy, avukati, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato, u minn L. Serena-Rossi, bħala espert, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn K. Nasopoulou, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u A. Tokár kif ukoll minn E. Montaguti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑25 ta’ Frar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36) kif ukoll tal-Artikolu 49, 56 u 106 TFUE. |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi. L-ewwel tilwima (Kawża C‑458/14) hija bejn, minn naħa, Promoimpresa Srl u, min-naħa l-oħra, il-Consorzio dei Comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro (konsorzju tal-komuni tal-linja tal-kosta tal-provinċja ta’ Brescia madwar il-Lago di Garda u l-Lago di Idro, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“konsorzju”) u r-Regione Lombardia (reġjun tal-Lombardija, l-Italja) dwar, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-konsorzju li tirrifjuta lil Promoimpresa t-tiġdid ta’ konċessjoni li minnha hija kienet tibbenefika għall-użu ta’ żona pubblika u, it-tieni nett, id-deċiżjoni tal-Giunta Regionale Lombardia (kunsill tar-reġjun tal-Lombardija) li jissuġġetta l-attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika għal proċedura ta’ għażla komparattiva. It-tieni tilwima (Kawża C‑67/15) hija bejn, minn naħa, Mario Melis et u, min-naħa l-oħra, il-Comune di Loiri Porto San Paolo (muniċipalità ta’ Loiri Porto San Paolo, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“komun”) u l-Provincia di Olbia Tempio (provinċa ta’ Olbia Tempio, l-Italja) dwar deċiżjonijiet relatati mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ użu tal-plajja u mal-attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu kif ukoll dwar miżuri li permezz tagħhom il-pulizija muniċipali ordnat lil M. Melis et ineħħu ċertu tagħmir mill-proprjetà pubblika fis-settur marittimu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 39 tad-Direttiva 2006/123 tgħid: “Il-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ għandu jkopri, fost oħrajn, il-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji, approvazzjonijiet jew konċessjonijiet, u kif ukoll l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni jew imdaħħal f’reġistru, lista jew database, biex jkunu uffiċjalment maħtura f’korp jew jikseb kard ta’ sħubija ta’ professjoni partikolari. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata mhux biss b’deċiżjoni formali iżda wkoll b’deċiżjoni impliċita li tirriżulta, per eżempju, minn silenzju ta’ awtorità kompetenti jew mill-fatt li l-parti interessata trid tistenna l-konferma ta’ l-irċevuta ta’ dikjarazzjoni sabiex tibda l-attività in kwistjoni jew biex din ta’ l-aħħar issir legali.” |
4 |
Skont il-premessa 57 ta’ din id-direttiva: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jikkonċernaw każijiet fejn aċċess għal jew eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz minn operaturi jitolbu deċiżjoni minn awtorità kompetenti. Dan la jikkonċerna d-deċiżjonijiet minn awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu entità pubblika jew privata għall-provvista ta’ servizz partikolari u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratti minn awtoritajiet kompetenti għad-dispożizzjoni ta’ servizz partikolari li huwa ggvernat mir-regoli ta’ l-akkwist pubbliku, għaliex din id-Direttiva ma hijiex dwar regoli għal akkwist pubbliku.” |
5 |
Skont l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva, “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”. |
6 |
L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, li jirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom skema ta’ awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tippermetti l-iżvolġiment ta’ attivitàjiet ekonomiċi li jirrikjedu l-użu ta’ riżorsi naturali rari, jipprevedi: “1. Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura. 2. Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur. 3. Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.” |
7 |
Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, 28.3.2014, p. 1): “[...] [Ċ]erti ftehimiet li jkollhom bħala għan tagħhom id-dritt li operatur ekonomiku jisfrutta ċerti dominji [beni pubbliċi] jew riżorsi pubbliċi, skont liġi privata jew pubblika, bħal art jew kwalunkwe proprjetà pubblika, b’mod partikolari fis-settur marittimu, dak tal-portijiet interni u tal-ajruporti, fejn l-Istat jew l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tistabbilixxi biss kondizzjonijiet ġenerali għall-użu tagħhom mingħajr ma jakkwistaw xogħlijiet jew servizzi speċifiċi, m’għandhomx jikkwalifikaw bħala konċessjonijiet fit-tisfisra [tifsira] ta’ din id-Direttiva. Dan hu normalment il-każ għal kuntratti ta’ dominju pubbliku jew kiri ta’ art li ġeneralment ikun fihom termini rigward it-teħid b’pussess mill-kerrej, l-użu li ser ikollha l-proprjetà, l-obbligi tas-sid u tal-kerrej rigward il-manutenzjoni tal-proprjetà, id-durata tal-kirja u l-għoti lura tal-pussess lis-sid, il-kera u l-ispejjeż inċidentali li jridu jitħallsu mill-kerrej.” |
Id-dritt Taljan
8 |
L-Artikolu 1(18) tad-decreto-legge n. 194 (Digriet Liġi Nru 194), tat-30 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 194/2009”), mibdul f’liġi permezz tal-legge n. 25 (liġi Nru 25), tas-26 ta’ Frar 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 25/2010”), jipprevedi: “Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ beni lil reġjuni u lil entitajiet lokali bis-saħħa tal-Liġi Nru 42 tal-5 ta’ Mejju 2009 u għar-regoli ta’ implementazzjoni korrispondenti, matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-ħruġ ta’ konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu għal finijiet turistiċi u rikreattivi, liema attribuzzjoni għandha ssir, billi wieħed jibbaża ruħu fuq kriterji u modalitajiet ta’ attribuzzjoni ta’ dawn il-konċessjonijiet, abbażi ta’ ftehim fil-kuntest ta’ konferenza statali u reġjonali fis-sens tal-Artikolu 8(6) tal-Liġi Nru 131 tal-5 ta’ Ġunju 2003 li għandu jiġi konkluż fl-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni, ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ garanzija tal-eżerċizzju, tal-iżvilupp u taż-żieda fil-valur ta’ attivitajiet ekonomiċi u ta’ protezzjoni tal-investimenti, kif ukoll bl-intenzjoni li tiġi abbandunata l-iskema tad-dritt ta’ preferenza prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tal-kodiċi marittimu, it-tul tal-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u li ser jiskadu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015, huwa estiż sa din id-data, [...]” |
9 |
Din id-dispożizzjoni ġiet emendat bl-Artikolu 34k tad-decreto legge n. 179 (Digriet Liġi Nru 179), tat-18 ta’ Ottubru 2012 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 179/2009”), introdott fi żmien il-bidla f’liġi permezz tal-legge n. 221, tas-17 ta’Diċembru 2012, jipprevedi: “Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ beni lil reġjuni u lil entitajiet lokali bis-saħħa tal-Liġi Nru 42, tal-5 ta’ Mejju 2009, u għar-regoli ta’ implementazzjoni korrispondenti, matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-ħruġ ta’ konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar għal finijiet turistiċi u rikreattivi, għas-sajd, l-akwakultura u l-attivitajiet produttivi relatati u sportivi, kif ukoll dawk intiżi għall-marinas u għall-postijiet ta’ rmiġġ u ta’ ankraġġ ddedikati għan-navigazzjoni bil-baħar għal skopijiet rikreattivi, liema attribuzzjoni għandha ssir, billi wieħed jibbaża ruħu fuq kriterji u modalitajiet ta’ attribuzzjoni ta’ dawn il-konċessjonijiet, abbażi ta’ ftehim fil-kuntest ta’ konferenza statali u reġjonali fis-sens tal-Artikolu 8(6) tal-Liġi Nru 131, tal-5 ta’ Ġunju 2003, li għandu jiġi konkluż fl-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni, ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ garanzija tal-eżerċizzju, tal-iżvilupp u taż-żieda fil-valur ta’ attivitajiet ekonomiċi u ta’ protezzjoni tal-investimenti, kif ukoll bl-intenzjoni li tiġi abbandunata l-iskema tad-dritt ta’ preferenza prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tal-kodiċi marittimu, it-tul tal-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u li ser jiskadu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015, huwa estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020, [...]” |
10 |
L-Artikolu 16 tad-Digriet Liġi Nru 59, tas-26 ta’ Marzu 2010, li jittrasponi d-Direttiva 2006/123, jipprevedi: “1. Fil-każijiet li fihom in-numru ta’ liċenzji disponibbli għal attività ta’ servizzi partikolari huwa limitat għal raġunijiet marbuta man-natura limitata tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati potenzjali u jiżguraw li l-kriterji u l-modalitajiet intiżi li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-proċedura, li magħhom l-awtoritajiet għandhom jikkonformaw ruħhom, huma stabbiliti minn qabel u ppubblikati. 2. Fl-istabbiliment tar-regoli tal-proċedura ta’ għażla, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, għanijiet ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom, il-[…] ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess ġenerali konformi mad-dritt [tal-Unjoni]. 3. Il-kriterji u l-modalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu osservati f’kull deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ liċenzji. 4. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-liċenzja għandha tinħareġ għal żmien limitat u ma tistax tiġġedded awtomatikament, u ma jista’ jingħata ebda vantaġġ lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu ser tiskadi jew lil persuni oħra, anki jekk dan ikun iġġustifikat permezz ta’ rabtiet partikolari ma’ tal-ewwel.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑458/14
11 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Awwissu 2006, il-konsorzju attribwixxa lil Promoimpresa konċessjoni għall-użu ta’ żona pubblika għall-finijiet ta’ kjosk, veranda, faċilitajiet għall-għawm, moll u pontun, li tagħmel parti mill-proprjetà pubblika madwar il-Lago di Garda. |
12 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konċessjoni kien jipprevedi t-tmiem ipso iure tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010, mingħajr il-bżonn li jingħata avviż formali u mingħajr ma l-konċessjonarju jkun jista’ jinvoka użi u prattiki konswetudinarji sabiex ikompli jibbenefika mill-konċessjoni. |
13 |
B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea qieset, f’ittra ta’ intimazzjoni nnotifikata lir-Repubblika Taljana fit-2 ta’ Frar 2009, li l-Artikolu 37 tal-kodiċi marittimu Taljan kien jikser l-Artikolu 49 TFUE sa fejn huwa kien jipprevedi dritt ta’ preferenza favur konċessjonarju li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun ser tiskadi fil-kuntest tal-proċedura ta’ attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu. Il-leġiżlatur Taljan intervjena sabiex ineħħi dan id-dritt ta’ preferenza. Sussegwentement, meta d-Digriet Liġi Nru 194/2009 inbidel fil-Liġi Nru 25/2010, il-leġiżlatur Taljan irrefera għal test leġiżlattiv ieħor, liema fatt ippermetta t-tiġdid awtomatiku ta’ konċessjonijiet ta’ sitt snin għal sitt snin oħra. Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-5 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni qieset li din ir-referenza, minn naħa, kienet tirrendi ineffettiva t-tneħħija tad-dritt ta’ preferenza u, min-naħa l-oħra, kienet tikser l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 ki fukoll l-Artikolu 49 TFUE. Billi l-leġiżlatur Taljan iddeċieda li jħassar id-dispożizzjoni li tippermetti l-imsemmija referenza, il-Kummissjoni qieset li setgħet tagħlaq il-proċedura ta’ ksur fis-27 ta’ Frar 2012. |
14 |
Fl-14 ta’ April 2010, Promoimpresa ressqet talba għat-tiġdid tal-konċessjoni li hija kienet tibbenefika minnha u li l-konsorzju ċaħad permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011. Dan ir-rifjut kien ibbażat fuq il-fatt, minn naħa, li l-konċessjoni ġdida ma setgħetx tinkiseb abbażi ta’ sempliċi talba għal tiġdid, iżda biss wara proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, li l-konċessjoni li wasslet biex tiskadi kienet limitata għal perijodu ta’ ħames snin u kienet teskludi kull forma ta’ tiġdid awtomatiku. |
15 |
Promoimpresa kkontestat din id-deċiżjoni tal-konsorzju quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardija, l-Italja) billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq ksur tal-Artikolu 1(18) tad-Digriet Liġi Nru 194/2009, mibdul fil-Liġi Nru 25/2010, billi din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-relazzjoni legali bejn Promoimpresa u l-konsorzju għandha l-karatteristiċi ta’ “konċessjoni”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, peress li Promoimpresa għandha d-dritt li tuża beni pubbliċi permezz tal-ħlas ta’ miżata perijodika lill-amministrazzjoni li hija l-proprjetarja ta’ dawn il-beni u li r-riskju tal-operat ta’ dawn tal-aħħar jibqa’ r-responsabbiltà ta’ Promoimpresa. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni Taljana, sa fejn hija tipprevedi l-estensjoni ripetuta tat-tul ta’ dawn il-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika, toħloq restrizzjoni inġusta għal-libertà ta’ stabbiliment, b’mod partikolari sa fejn tirrendi prattikament impossibbli l-aċċess ta’ kull kompetitur ieħor għall-konċessjonijiet li jkunu waslu sabiex jiskadu. |
18 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin: “Il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli 49, 56 u 106 TFUE, kif ukoll il-prinċipju tar-raġuni inkluż fihom, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’effett ta’ interventi leġiżlattivi suċċessivi, tipprovdi estensjoni ripetuta tad-data ta’ skadenza ta’ konċessjonijiet fuq beni tal-qasam marittimu, tal-lagi u tax-xmajjar, importanti fuq il-pjan ekonomiku, li t-tul tagħha tiżdied b’mill-inqas ħdax-il sena permezz ta’ liġi, b’mod li l-istess konċessjonarju jżomm dritt esklużiv ta’ użu ekonomiku tal-beni, minkejja l-iskadenza tat-tul tal-konċessjoni mogħtija preċedentement lill-imsemmi konċessjonarju, b’konsegwenza li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jiġu esklużi minn kull possibbiltà li l-beni jiġi attribwit lilhom fi tmiem ta’ proċeduri pubbliċi ta’ sejħa għal offerti?” |
Il-Kawża C‑67/15
19 |
M. Melis et huma, għall-parti l-kbira, amministraturi ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi fiż-żona tal-plajja tal-komun, bis-saħħa tal-konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu attribwiti matul l-2004 għal perijodu ta’ sitt snin, estiżi sussegwentement għal sena. |
20 |
Fl-2012, M. Melis et ressqu talba għal deċiżjoni formali ta’ estensjoni lill-komun. Din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba. M. Melis et kkonkludew min-nuqqas ta’ tweġiba li huma setgħu legalment ikomplu l-attivitajiet tagħhom, minn Mejju 2012, skont l-Artikolu 1(18) tad-Digriet Liġi Nru 194/2009 li kienet tipprevedi l-estensjoni awtomatika tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu għall-attivitajiet turistiċi u rikreattivi. |
21 |
Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-komun, wara approvazzjoni tal-pjan ta’ użu tal-plajja, ippubblika avviż għall-attribuzzjoni ta’ seba’ konċessjonijiet ġodda ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, li xi wħud minnhom kienu jinsabu f’żoni li diġà kienu s-suġġett ta’ konċessjonijiet attribwiti lil M. Melis et. |
22 |
Fil-5 ta’ Ġunju 2012, M. Melis et ressqu kawża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sardenja, l-Italja) għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-komun. Sussegwentement, huma ppreżentaw motivi addizzjonali, innotifikati fil-11 ta’ Ġunju 2012, biex b’hekk estendew l-ilmenti tagħhom għad-deċiżjoni li permezz tagħha l-komun wettqet l-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet li kienu s-suġġett tal-avviż tal-11 ta’ Mejju 2012. M. Melis et ikkontestaw ukoll il-miżuri li permezz tagħhom il-pulizija muniċipali tal-komun ordnathom ineħħu t-tagħmir tagħhom mill-proprjetà pubblika fis-settur marittimu. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-relazzjoni legali bejn M. Melis et u l-komun għandha l-karatteristiċi ta’ konċessjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kwistjoni tirrigwarda l-provvista ta’ servizz u li r-riskju ta’ ġestjoni huwa r-responsabbiltà tal-konċessjonarji. |
24 |
Barra minn hekk, hija tqis li l-estensjoni awtomatika prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali timmina l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Sardenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:
|
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2015, il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
27 |
L-ewwel nett, il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 1(18) tad-Digriet Liġi Nru 194/2009, imsemmi fil-Kawża C‑458/14, kien jirrigwarda, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, esklużivament il-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-konċessjonijiet fis-setturi tal-għadajjar u tax-xmajjar seħħet wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju, minkejja li din id-dispożizzjoni la ma tapplika ratione temporis u lanqas ratione materiae għall-konċessjoni inkwistjoni f’din il-kawża. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tressqet quddiemha mill-imsemmija qorti (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑458/14 jirriżulta li Promoimpresa, meta ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem it-TAR Lombardia, ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 1(18) tad-Digriet Liġi Nru 194/2009, kif emendat bil-Liġi Nru 25/2010, billi sostniet li, għalkemm ġiet adottata għall-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu, din id-dispożizzjoni kellha tapplika wkoll għall-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika fis-settur tal-għadajjar. |
32 |
Issa, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża aċċettat impliċitament din l-interpretazzjoni, sa fejn hija qieset li l-eżitu tal-kawża prinċipali kien jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk din l-istess dispożizzjoni nazzjonali ma kellhiex tiġi applikata għar-raġuni li tikser id-dritt tal-Unjoni. |
33 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li, meta seħħew il-fatti relatati ma’ kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-konċessjonijiet mogħtija lir-rikorrenti f’dawn il-kawżi ma kinux jaqgħu, ratione temporis, taħt l-Artikolu 34k tad-Digriet Liġi Nru 179/2012. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li testendi sal-31 ta’ Diċembru 2020 il-konċessjonijiet relatati ma’ beni pubbliċi li inizjalment kellhom jiskadu fil-31 ta’ Awwissu 2015, ġiet adottata wara d-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li d-domandi preliminari huma ammissibbli biss sa fejn jirrigwardaw l-estensjoni tal-konċessjonijiet sal-31 ta’ Awwissu 2015. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda tirreferi, b’mod ġenerali, għall-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika u ripetuta tad-data ta’ skadenza ta’ konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu u tal-għadajjar. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali humiex dawk li jestendu din l-iskadenza sal-31 ta’ Diċembru 2015 jew sal-31 ta’ Diċembru 2020 mhux biss taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, iżda wkoll ma taffettwax, f’kull każ, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
35 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jitqies li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli. |
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑67/15
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi. |
Fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123
37 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, dwar l-awtorizzazzjonijiet u jkopri l-każ speċifiku li fih in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali jew ta’ kapaċitajiet tekniċi disponibbli. Fil-kuntest ta’ din l-istess taqsima, l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jirregola l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz u l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 tal-istess direttiva jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u l-Artikolu 11 tagħha jirrigwarda t-tul tagħhom. |
38 |
Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi skema ta’ awtorizzazzjoni bħala kull proċedura li skontha fornitur jew destinatarju effettivament ikun jeħtiġilhom jieħdu passi sabiex jiksbu mingħand awtorità kompetenti deċiżjoni formali, jew deċiżjoni impliċita, dwar aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha. |
39 |
Barra minn hekk, il-premessa 39 tal-imsemmija direttiva tindika li l-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” għandu jkopri, b’mod partikolari, il-proċeduri amministrattivi li permezz tagħhom jingħataw konċessjonijiet. |
40 |
Issa, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi fis-settur marittimu u tal-għadajjar u li huma intiżi għall-użu ta’ żona pubblika għal finijiet turistiċi u rikreattivi. |
41 |
Dawn il-konċessjonijiet jistgħu għalhekk jiġu kklassifikati bħala “awtorizzazzjonijiet”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, sa fejn dawn jikkostitwixxu atti formali, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, li għandhom jinkisbu mill-fornituri, mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom. |
42 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw riżorsi naturali, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, għaliex iż-żoni pubbliċi inkwistjoni jinsabu jew mal-plajja tal-Lago di Garda, jew mal-linji tal-kosti marittimi Taljani. |
43 |
Għal dak li jirrigwarda, iktar speċifikament, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija konċessjonijiet humiex is-suġġett ta’ numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jingħataw mhux fuq livell nazzjonali iżda fuq livell komunali għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija żoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ operat ekonomiku humiex f’numru limitat. |
44 |
Barra minn hekk, sa fejn il-qrati tar-rinviju jsostnu li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu jikkostitwixxu konċessjonijiet ta’ servizzi, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-premessa 57 tad-Direttiva 2006/123, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni ma jirrigwardawx il-konklużjoni ta’ kuntratti mill-awtoritajiet kompetenti għall-provvista ta’ servizz partikolari li taqa’ taħt ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. |
45 |
Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tad-Direttiva 2006/123 ma jistgħux japplikaw għal konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi li jistgħu, b’mod partikolari, jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/23. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li konċessjoni ta’ servizzi hija kkaratterizzata, b’mod partikolari, minn sitwazzjoni fejn dritt li topera servizz partikolari jiġi ttrasferit minn awtorità kontraenti lil konċessjonarju, fejn dan tal-aħħar ikollu, fil-kuntest tal-kuntratt konkluż, ċerta libertà ekonomika sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jopera dan id-dritt u peress li, b’mod parallel, il-konċessjonarju huwa espost ħafna għar-riskji marbuta ma’ dan l-operat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns, C‑300/07, EU:C:2009:358, punt 71). |
47 |
Issa, fil-kawżi prinċipali, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-konċessjonijiet ma jirrigwardawx provvista speċifika ta’ servizzi mill-entità kontraenti, iżda l-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata attività ekonomika f’żona pubblika. Minn dan jirriżulta li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punti 26 sa 28). |
48 |
Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-premessa 15 tad-Direttiva 2014/23. Din tal-aħħar tippreċiża fil-fatt li ċerti ftehimiet li jkollhom bħala għan tagħhom id-dritt li operatur ekonomiku jisfrutta ċerti beni pubbliċi jew riżorsi pubbliċi, skont id-dritt privat jew pubbliku, bħal art, fejn l-Istat jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tagħhom mingħajr ma jakkwista xogħlijiet jew servizzi speċifiċi, ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “konċessjonijiet ta’ servizzi” fis-sens ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123
49 |
Fil-każ li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 – liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza – għandu jiġi osservat li, skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, meta n-numru tagħhom huma limitat minħabba n-nuqqas tar-riżorsi naturali, għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati potenzjali, liema proċedura għandha tissodisfa l-garanziji kollha ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza, b’mod partikolari ta’ reklamar adegwat. |
50 |
Issa, hekk kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sa fejn tipprevedi estensjoni ex lege tad-data ta’ skadenza ta’ awtorizzazzjonijiet, hija ekwivalenti għal tiġdid awtomatiku ta’ dawn tal-aħħar, li huwa eskluż mill-kliem stess tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123. |
51 |
Barra minn hekk, l-estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet dwar l-operat ekonomiku ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar ma tippermettix l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għażla, kif deskritta fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. |
52 |
Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll il-Gvern Taljan isostnu li l-estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet hija neċessarja sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tad-detenturi ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, sa fejn hija tippermetti li jiġu rkuprati l-flus investiti minn dawn tal-aħħar. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi, espressament, li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali meta jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ għażla. |
54 |
Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali kunsiderazzjonijiet huwa previst biss fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ għażla tal-kandidati potenzjali u bla ħsara, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. |
55 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi ġġustifikata estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet anki jekk ebda proċedura ta’ għażla msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tkun ġiet organizzata fil-mument tal-għoti inizjali tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet. |
56 |
Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 92 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi teħtieġ evalwazzjoni każ b’każ, li tippermetti li jiġi pprovat li d-detentur tal-awtorizzazzjoni seta’ kellu l-aspettattiva leġittima li l-awtorizzazzjoni tiegħu tiġġedded u li huwa għamel l-investimenti korrispondenti. Għaldaqstant, tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi validament invokata insostenn ta’ estensjoni awtomatika stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali u li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ikkonċernati. |
57 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, fl-assenza ta’ kull proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati potenzjali. |
Fuq id-domanda fil-Kawża C‑458/14 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑67/15
58 |
Permezz tad-domanda tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49, 56 u 106 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi. |
59 |
Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (sentenza tat-30 ta’ April 2014, UPC DTH, C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu sensiela ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-Istat Membru meta l-attività ta’ servizz hija suġġetta għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni. |
61 |
Kif ġie diġà deċiż fir-rigward tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi lista ta’ rekwiżiti “pprojbiti” fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jitqies li l-Artikoli 9 sa 13 ta’ din l-istess direttiva jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti għal dak li jirrigwarda s-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, b’anoloġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 37 u 38). |
62 |
Għaldaqstant, id-domandi preliminari, sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt primarju, japplikaw biss fil-każ fejn l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 ma jkunx applikabbli fil-kawżi prinċipali, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qrati tar-rinviju, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tirrispondi għad-domandi magħmula taħt din il-kundizzjoni. |
63 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw dritt ta’ stabbiliment fiż-żona pubblika bl-għan ta’ operat ekonomiku għal finijiet turistiċi u rikreattivi, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati mill-kawżi prinċipali jaqgħu, min-natura tagħhom stess, taħt l-Artikolu 49 TFUE. |
64 |
F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom, meta jkollhom l-intenzjoni jattribwixxu konċessjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kategoriji differenti ta’ kuntratti pubbliċi, josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni b’mod partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
B’mod iktar partikolari, sa fejn tali konċessjoni tkun ta’ interess transkonfinali ċert, l-attribuzzjoni tagħha, fl-assenza ta’ kull trasparenza, lil impriża li tinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità kontraenti tikkostitwixxi differenza fit-trattament għad-detriment tal-impriżi li jistgħu jkunu interessati fiha li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Tali differenza fit-trattament hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 49 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 59 u 60, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 37). |
66 |
Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, għandu jitfakkar li din tal-aħħar għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji rilevanti kollha, bħall-importanza ekonomika tal-kuntratt, il-post ġeografiku tal-eżekuzzjoni tiegħu jew l-aspetti tekniċi tiegħu, b’attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils, C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 30). |
67 |
Għaldaqstant, fil-Kawża C‑458/14, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-konċessjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija ta’ interess transkonfinali ċert, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika tal-proprjetà u tal-valur ekonomiku ta’ din il-konċessjoni. |
68 |
Min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑67/15, il-qorti tar-rinviju ma indikatx l-elementi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jeżisti interess transkonfinali ċert. Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti għandha tkun tista’ ssib fit-talba għal deċiżjoni preliminari espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi jkunu bbażati kif ukoll tar-rabta li hemm b’mod partikolari bejn dawn il-fatti u dawn id-domandi. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji sabiex jippermettu li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha titwettaq, mill-qorti tar-rinviju, qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils, C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 28). |
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑67/15 hija inammissibbli. |
70 |
Għal dak li jirrigwarda il-Kawża C‑458/14, għandu jiġi kkonstatat sussegwentement li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fid-dawl tal-estensjoni li hija tintroduċi, iddewwem l-attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet permezz ta’ proċedura trasparenti ta’ sejħa għal offerti, b’tali mod li għandu jitqies li tali leġiżlazzjoni tintroduċi differenza fit-trattament, għad-detriment tal-impriżi, li jinsabu fi Stat Membru ieħor, li jistgħu jkunu interessati f’dawn il-konċessjonijiet, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 49 TFUE. |
71 |
Fl-aħħar nett, sa fejn il-Gvern Taljan isostni li l-estensjonijiet implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma intiża li jippermettu lill-konċessjonarji jirkupraw il-flus li jkunu investew, għandu jiġi ppreċiżat li tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari min-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 64, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 38). |
72 |
Għaldaqstant, ġie deċiż li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, għal dak li jirrigwarda konċessjoni attribwita fl-1984, meta ma kienx għadu ġie stabbilit li l-kuntratti li jkunu ta’ interess transkonfinali ċert jistgħu jkunu suġġetti għal obbligu ta’ trasparenza, jimponi li x-xoljiment ta’ tali konċessjoni għandu jkun akkumpanjat minn perijodu tranżitorju li jippermetti lill-partijiet kontraenti jtemmu r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom f’kundizzjonijiet aċċettabbli, b’mod partikolari mill-aspett ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 70 u 71, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2013, Belgacom, C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 40). |
73 |
Madankollu, il-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew attribwiti meta kien diġà ġie stabbilit li l-kuntratti li jkunu ta’ interess transkonfinali ċert jistgħu jkunu suġġetti għal obbligu ta’ trasparenza, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jiġi invokat biss sabiex jiġġustifika differenza fit-trattament ipprojbita taħt l-Artikolu 49 TFUE. |
74 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, sa fejn dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.