Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0440

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Marzu 2016.
    National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Lista tal-persuni u tal-entitajiet li japplika għalihom l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 945/2012 – Bażi legali – Kriterju bbażat fuq l-appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.
    Kawża C-440/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:128

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    1 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

    “Appell — Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran — Lista tal-persuni u tal-entitajiet li japplika għalihom l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 945/2012 — Bażi legali Kriterju bbażat fuq l-appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”

    Fil-Kawża C‑440/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2014,

    National Iranian Oil Company, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn J.‑M. Thouvenin, avukat,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u V. Piessevaux, bħala aġenti,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu, D. Gauci u L. Gussetti, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, D. Šváby, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský, M. Safjan, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, National Iranian Oil Company (iktar ’il quddiem “NIOC”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill ( T‑578/12, EU:T:2014:678, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża huma mfakkra kif ġej mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata:

    “3

    Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-‘Kunsill tas-Sigurtà’) adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) (iktar ’il quddiem ir-‘Riżoluzzjoni 1929’) intiża sabiex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006), 1747 (2007), u 1803 (2008) u sabiex tintroduċi miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

    4

    Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza li kien iktar u iktar imħasseb dwar il-programm nukleari Iranjan u laqa’ b’apprezzament l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929. Il-Kunsill Ewropew, filwaqt li fakkar id-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2009, stieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jadotta l-miżuri li jimplementaw dawk li jinsabu fir-Riżoluzzjoni 1929 kif ukoll il-miżuri li jakkumpanjawhom, bil-ħsieb li jikkontribwixxi għar-risposta, permezz ta’ negozzjati, għat-tħassib kollu li jkompli jqajjem l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi b’appoġġ għall-programmi nukleari u dawk ballistiċi tagħha. Dawn għandhom jiffukaw fuq is-settur tal-kummerċ, is-settur finanzjarju, is-settur tat-trasport Iranjan u s-setturi kbar tal-industrija tal-gass u taż-żejt, kif ukoll fuq l-inklużjonijiet addizzjonali partikolarment għall-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

    5

    Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), li l-Anness II tagħha jelenka l-ismijiet ta’ persuni u ta’ entitajiet – minbarra dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit permezz tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), imsemmija fl-Anness I – li l-assi tagħhom huma ffriżati. Il-premessa 22 tagħha tirreferi għar-Riżoluzzjoni 1929 u ssemmi li din ir-riżoluzzjoni tirrileva r-rabta potenzjali bejn id-dħul li l-Iran jikseb mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tiegħu li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni.

    6

    Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22). Skont il-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal iktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu għall-armi nukleari, b’mod partikolari l-persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran.

    7

    L-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35 żied il-punt li ġej mal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi li huma l-proprjetà tal-persuni u tal-entitajiet li ġejjin:

    ‘c)

    persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.’

    8

    Konsegwentement, fil-kuntest tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, fil-23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament (UE) Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Sabiex jiġi implementat l-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35, l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet u organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li:

    ‘d)

    huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom;’

    9

    Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni [kkontestata]. Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu inklużi persuni u entitajiet oħra fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413, b’mod partikolari l-entitajiet tal-Istat tal-Iran li huma involuti fis-settur taż-żejt u tal-gass, peress li dawn jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern tal-Iran.

    10

    L-Artikolu 1(8)(a) tad-deċiżjoni [kkontestata] emenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi għalhekk li dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi:

    ‘c)

    persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II.’

    11

    L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni 2012/635 inkluda l-isem tar-rikorrenti fit-Tabella I tal-Anness II tad-deċiżjoni [kkontestata] li tinkludi l-lista tal-‘Persuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u persuni u entitajiet li jipprovu appoġġ lill-Gvern tal-Iran’.

    12

    Konsegwentement, fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta r-regolament [ikkontestat]. L-Artikolu 1 tar-regolament [ikkontestat] inkluda isem ir-rikorrenti fit-tabella tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 li tinkludi l-lista tal-‘Persuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet fir-rigward ta’ missili nukleari jew ballistiċi u [ta’] persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran’.

    13

    Isem ir-rikorrenti ġie elenkat fil-listi inkwistjoni permezz tad-deċiżjoni u tar-regolament [ikkontestati] għal dawn ir-raġunijiet:

    ‘Entità proprjetà ta’ u mmexxija mill-Istat li tipprovdi riżorsi finanzjarji lill-Gvern tal-Iran. Il-Ministru taż-Żejt hu d-Direttur tal-Bord ta’ […] NIOC u l-Viċi Ministru taż-Żejt hu d-Direttur Maniġerjali ta’ […] NIOC.’”

    3

    Ma’ dawn il-fatti li wasslu għall-kawża kif esposti mill-Qorti Ġenerali, għandhom jissemmew l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Nru 267/2012, li huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 45

    Il-Kummissjoni għandha:

    a)

    temenda l-Anness II abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà […] jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri;

    b)

    temenda l-Annessi III, IV, V, VI, VII u X abbażi ta’ tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

    Artikolu 46

    1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness [VIII].

    2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 23(2) u (3), huwa għandu jemenda l-Anness [IX skont dan].

    3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, biex b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħata l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif meħtieġ.

    5.   Fil-każ li n-Nazzjonjiet Uniti tiddeċiedi li tneħħi persuna fiżika jew ġuridika, entità, jew korp, mil-lista jew li temenda d-data ta’ indentifikazzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I.

    6.   Il-lista fl-Anness IX għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.”

    4

    L-Annessi II sa VII tar-Regolament Nru 267/2012 jinkludu listi ta’ oġġetti, tekonoloġiji, tagħmir jew metalli msemmija fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. L-Anness X tiegħu jinkludi r-referenzi tas-siti internet li jinkludu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti, imsemmija f’diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, kif ukoll l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni.

    5

    L-Anness VIII tar-Regolament Nru 267/2012 jinkludi l-lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-Anness IX tiegħu jinkludi l-lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.

    6

    Fis-27 ta’ Diċembru 2012, NIOC ippreżentat rikors għall-annullament kemm tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tar-regolament ikkontestat.

    Is-sentenza appellata

    7

    Insostenn tar-rikors tagħha, NIOC invokat sitt motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn ir-regolament ikkontestat naqas milli jippreċiża l-bażi legali li ġie adottat abbażi tagħha. It-tieni motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa għar-regolament ikkontestat. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 kif ukoll tal-Artikolu 20(2)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, żball ta’ fatt u żball ta’ evalwazzjoni. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tad‑dritt ta’ proprjetà.

    8

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    It-talbiet tal-partijiet

    9

    NIOC titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata,

    tilqa’ t‑talbiet li hija ressqet quddiem il‑Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    10

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell bħala infondat fl‑intier tiegħu, u

    tikkundanna lil NIOC għall-ispejjeż.

    11

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lil NIOC għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    12

    NIOC ippreżentat sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat

    L-argumenti tal-partijiet

    13

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, minħabba li ma hijiex imsemmija l-bażi legali tiegħu. Hija tikkontesta, f’dan ir-rigward, il-punt 43 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “[s]a fejn l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 jagħti b’hekk kompetenza lill-Kunsill sabiex jimplementa l-Artikolu 23(2) u (3) tal-istess regolament, il-preambolu tar-regolament [ikkontestat] tindika għalhekk b’mod ċar il-bażi legali li tawtorizza lill-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, bħal dawk meħuda fil-konfront tar-rikorrenti”.

    14

    NIOC issostni, filwaqt li tirreferi għall-punt 39 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590), li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull att li jkun intiż li joħloq effetti legali jikseb is-saħħa vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprovdi l-forma legali li l-att għandu jingħata. Issa, l-espressjonijiet “[f]ejn il-Kunsill jiddeċiedi” u “huwa għandu jemenda l-Anness [IX]”, li jinsabu fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, bl-ebda mod ma jindikaw il-forma legali tal-att li għandu jiġi adottat, tant li din id-dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att li jemenda l-Anness IX ta’ dan ir-regolament, li jinkludi l-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ entitajiet jew ta’ korpi msemmija fl-Artikolu 23(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

    15

    Il-Kunsill jikkontesta l-argument ta’ NIOC.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-preambolu tar-regolament ikkontestat jindika b’mod ċar il-bażi legali li fuqha ġie adottat, meta d-dispożizzjoni msemmija bħala li tikkostitwixxi l-bażi legali ma tindikax il-forma legali tal-att li għandu jiġi adottat.

    17

    F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi enfasizzat li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, il-preambolu tar-regolament ikkontestat isemmi espliċitament l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 bħala bażi legali li jawtorizza lill-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi bħal dawk meħuda kontra NIOC.

    18

    Fir-rigward tal-forma legali tal-att li għandu jiġi adottat, għandu jiġi rrilevat li din ma hijiex neċessarjament meħtieġa fl-indikazzjoni tal-bażi legali ta’ dan l-att. Kif sostna ġustament il-Kunsill, diversi dispożizzjonijiet tat-trattati, li huma magħmula minn bażijiet legali, ma jsemmux il-forma tal-atti legali li jistgħu jiġu adottati. Fil-fatt, l-Artikolu 296 TFUE, skont liema, “[f]ejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta’ att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju tal-proporzjonalità”, jipprovdi espressament l-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ma jippreċiżawx il-forma tal-atti li għandhom jiġu adottati.

    19

    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, peress li l-preambolu tar-regolament ikkontestat jindika b’mod ċar il-bażi legali li tawtorizza lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, jiġifieri l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, ma kienx neċessarju, kuntrarjament għal dak li ssostni NIOC, li tiġi indikata, f’din id-dispożizzjoni, il-forma legali tal-atti li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill abbażi tagħha sabiex ir-riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni jkun jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tal-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

    20

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju insostenn tal-appell, li huwa infondat, għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni sal-ħames aggravju, ibbażati fuq in-nuqqas ta ’ bażi legali tar-regolament ikkontestat

    L-argumenti tal-partijiet

    21

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, NIOC issostni essenzjalment li l-Artikolu 215 TFUE kellu jkun il-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Permezz tat-tielet sal-ħames aggravju tagħha, hija ssostni, sussidjarjament, fil-każ li jiġi deċiż li r-rikors għall-Artikolu 291(2) TFUE, huwa possibbli bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi individwali, li l-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni ma kinux issodisfatti sabiex l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 ikun jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali tar-regolament ikkontestat.

    22

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, NIOC tikkontesta l-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, skont liema l-Kunsill ma kellux, f’dan il-każ, isegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE sabiex jadotta miżuri individwali ta’ iffriżar ta’ fondi, iżda li kellu d-dritt li jagħti lilu nnifsu l-kompetenzi intiżi sabiex jiġi implementat l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 267/2012, skont l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 291(2) TFUE.

    23

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan it-tieni aggravju, billi tibbaża ruħha fuq il-punt 65 tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472), skont liema l-Artikolu 215(2) TFUE jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ miżuri restrittivi, NIOC issostni li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi individwali, għaliex hija tindika l-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti li jistitwixxu tali miżuri. Hija tikkostitwixxi l-unika bażi legali prevista skont it-Titolu IV tal-ħames parti tat-Trattat FUE, dwar il-miżuri restrittivi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 291(2) TFUE jinsab fis-sitt parti tal-imsemmi trattat, li tipprovdi regoli ġenerali li ma humiex intiżi sabiex jidderogaw mir-regoli soċjali stabbiliti fit-Titolu IV tal-imsemmija ħames parti.

    24

    Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, billi tibbaża ruħha fuq il-punt 48 tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472), skont liema l-proċeduri previsti fl-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE huma inkompatibbli, NIOC issostni li l-istess japplika għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 215 TFUE u fl-Artikolu 291(2) TFUE. Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, din ma tippreċiżax il-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti, u għaldaqstant ma tistax tissostitwixxi l-Artikolu 215 TFUE. Fi kwalunkwe każ, jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jitqiesu li huma interkambjabbli, jirriżultaw żewġ sistemi differenti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-persuni kkonċernati minn tali miżuri, li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    25

    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, NIOC issostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 291(2) TFUE sa fejn jipprovdi eċċezzjoni għall-kompetenza ġenerali tal-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 291(1) TFUE, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Skont l-Artikolu 291(2) TFUE, l-atti tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu neċessarji għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti, li ma huwiex il-każ f’din is-sitwazzjoni, peress li l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi. Fit-tieni lok, NIOC tikkontesta l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE tista’ ma tkunx adegwata għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ sempliċi miżuri ta’ implementazzjoni, meta l-Artikolu 291(2) TFUE jirrifletti l-volontà ta’ dawk li rrediġew it-Trattat FUE li tiġi prevista proċedura ta’ implementazzjoni iktar effettiva, adatta għat-tip ta’ miżura li jkollha tiġi implementata u l-kapaċità ta’ azzjoni ta’ kull istituzzjoni. Skont NIOC, l-evalwazzjonijiet suġġettivi li għamlet il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rikors għall-Artikolu 291(2) TFUE.

    26

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, NIOC tikkritika l-punti 74 sa 83 tas-sentenza appellata u l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-Kunsill iġġustifika b’mod xieraq ir-rikors għal din il-proċedura derogatorja.

    27

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, NIOC tfakkar iż-żewġ ipoteżi stabbiliti fl-Artikolu 291(2) TFUE skont liema, “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat [UE], lill-Kunsill”. F’dan il-każ, ma huwiex sostnut li r-Regolament Nru 267/2012 huwa kkonċernat mill-Artikoli 24 TUE u 26 TUE u, fil-fatt, id-Deċiżjoni 2012/35 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE. NIOC tirreferi għat-tieni waħda minn dawn l-ipoteżi u għan-neċessità li tiġi ġġustifikata b’mod xieraq l-eżistenza ta’ każ speċifiku. Hija tikkontesta, f’dan ir-rigward, li għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni tal-atti, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun meta kkonkludiet li kienet “ġustifikata b’mod xieraq” raġuni li jsir rikors għall-Artikolu 291(2) TFUE, deskritta bħala mhux espressament iddikjarata, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, bħala espressa “fil-qosor, iżda komprensibbli”, fil-punt 80 tal-imsemmija sentenza, jew ukoll bħala “komprensibbli biżżejjed”, fil-punt 82 ta’ din.

    28

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, NIOC tikkontesta l-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali interpretat il-premessa 28 tar-Regolament Nru 267/2012 u l-Artikolu 23(2) tiegħu bħala li jiġġustifikaw li l-miżuri restrittivi jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ implementazzjoni tal-Kunsill, skont l-Artikolu 291(2) TFUE. Skont l-appellanti, dawn id-dispożizzjonijiet ma jissuġġerixxu bl-ebda mod tali ġustifikazzjoni.

    29

    Permezz tar-raba’ aggravju, NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 jirriżerva lill-Kunsill il-kompetenza sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, li hija biżżejjed sabiex ikun issodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward ta’ fejn tissemma’ l-bażi legali ta’ din id-dispożizzjoni, liema bażi hija magħmula mill-Artikolu 291(2) TFUE. L-appellanti ssostni li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 ma jinkludi l-ebda riferiment għall-Artikolu 291(2) TFUE, u lanqas ma jsemmi t-terminu “implementazzjoni”. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tal-imsemmi regolament tirreferi għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 215(2) TFUE.

    30

    Permezz tal-ħames aggravju, NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, billi qieset li l-Kunsill ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni meta naqas milli jsemmi l-Artikolu 291(2) TFUE fil-preambolu tar-Regolament Nru 267/2012.

    31

    Il-Kunsill jikkontesta l-argument ta’ NIOC.

    32

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33

    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, “[m]eta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”. L-Artikolu 215(1) TFUE jipprovdi proċedura skont liema l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, u jinforma lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni tiegħu.

    34

    Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, mit-test stess tal-Artikolu 215 TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li regolament adottat fuq il-bażi tiegħu jagħti kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 291(2) TFUE, meta kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni ta’ ċerti miżuri restrittivi previsti minn dan ir-regolament ikunu neċessarji. B’mod partikolari, mill-Artikolu 215(2) TFUE ma jirriżultax li l-miżuri restrittivi individwali meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali għandhom neċessarjament jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE u ma jistgħux jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE.

    35

    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tipprovdi li s-sitt parti tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji, ma hijiex applikabbli fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Għalhekk, ir-rikors għall-Artikolu 291(2) TFUE, skont liema, “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill”, ma kienx eskluż, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti.

    36

    Fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jingħad ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “implementazzjoni” jinkludi fl-istess waqt l-elaborazzjoni ta’ regoli ta’ applikazzjoni u l-applikazzjoni ta’ regoli għal każijiet partikolari permezz ta’ atti li japplikaw individwalment (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 16/88, EU:C:1989:397, punt 11).

    37

    Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li r-Regolament Nru 267/2012, li l-Artikolu 46(2) tiegħu serva bħala bażi għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ġie adottat sabiex jagħti s-segwitu neċessarju, fil-kuntest tat-Trattat FUE, għad-Deċiżjoni 2012/35 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar il-miżuri restrittivi kontra persuni jew entitajiet identifikati fl-Annessi I u II ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

    38

    Dan ir-Regolament Nru 267/2012, li jikkostitwixxi att legalment vinkolanti, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE jistabbilixxi l-kriterji ġenerali li għandhom ikunu ssodisfatti meta persuni jew entitajiet jiġu inklużi fuq waħda mil-listi, li jinsabu fl-Annessi VIII u IX tal-imsemmi regolament, ta’ persuni jew entitajiet li għandhom ikunu suġġetti ta’ miżuri restrittivi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni emendi magħmula mid-Deċiżjoni 2012/35 għall-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni 2010/413, li kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, fiż-żieda tal-kriterju dwar l-għoti ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

    39

    F’dan il-kuntest, minħabba l-inklużjoni ta’ NIOC, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, ir-regolament ikkontestat, fil-kuntest tat-Trattat FUE, inkluda lil din l-entità fuq il-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, filwaqt li huwa ppreċiżat li, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata mingħajr ma dan l-aħħar punt ma jiġi kkritikat minn NIOC fl-appell tagħha, din l-aħħar inklużjoni setgħet diġà tkun ibbażata fuq il-kriterju msemmi iktar ’il fuq ibbażat fuq l-għoti ta’ appoġġ għall-Gvern tal-Iran, indipendentement mill-emenda li saret sussegwentement għall-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 267/2012 wara l-emenda li saret permezz tad-deċiżjoni kkontestata għall-kriterji ġenerali msemmija fid-Deċiżjoni 2010/413.

    40

    B’hekk, fil-konfront ta’ NIOC, ir-regolament ikkontestat applika b’mod partikolari l-kriterju ġenerali ta’ inklużjoni bbażat fuq il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran u huwa intiż sabiex jiggarantixxi, fil-kuntest tat-Trattat TFUE, li l-issuġġettar ta’ NIOC għall-miżuri restrittivi ddettat mis-sitwazzjoni fl-Iran jiġi implementat b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropa kollha.

    41

    Għalhekk, kellha raġun il-Qorti Ġenerali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, tqis li r-rikors għal kompetenza ta’ implementazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 291(2) TFUE kien possibbli f’dan il-każ.

    42

    Minn dan jirriżulta li l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju insostenn tal-appell huma infondati.

    43

    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra ta’ NIOC, żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-punt 48 tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472) ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE, u mhux, bħal f’dan il-każ, dak tal-Artikolu 215 TFUE u 291(2) TFUE.

    44

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mid-differenzi tas-sistemi ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi skont jekk persuna hijiex imsemmija permezz ta’ dispożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 215(2) TFUE jew permezz tal-adozzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni, ibbażat fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-effett negattiv sostanzjali tagħha fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 358, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 132), kull inklużjoni fuq lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi, kemm jekk tkun ibbażata fuq l-Artikolu 215 TFUE jew fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, tiftaħ għal din il-persuna jew għal din l-entità, sa fejn għandha l-effett fil-konfront tagħha ta’ deċiżjoni individwali, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 57), għall-finijiet, b’mod partikolari, li tiġi vverifikata l-konformità ta’ din id-deċiżjoni individwali mal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti mill-att bażiku.

    45

    Id-differenza li teżisti bejn il-proċedura skont l-Artikolu 215 TFUE u dik skont l-Artikolu 291(2) TFUE tirrispondi, min-naħa tagħha, għal volontà li ssir distinzjoni, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bejn l-att bażiku u att ta’ implementazzjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 215(1) TFUE, dwar proposta konġunta tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni jikkostitwixxi kundizzjoni inerenti għall-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, u mhux garanzija proċedurali li għandha tiġi rrikonoxxuta, b’mod ġenerali, lil kull persuna jew entità li hija suġġett ta’ inklużjoni f’lista dwar miżuri restrittivi, fuq kwalunkwe bażi tkun xi tkun. Għaldaqstant, il-fatt li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenza ta’ implementazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ma tkunx, kuntrarjament għall-każ fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 215(1) TFUE, suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ tali proposta konġunta ma tistax titqies li hija ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-inklużjonijiet fuq tali lista.

    46

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju ma hijiex fondata. Dan l-aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud kollu kemm hu.

    47

    B’risposta għat-tielet sal-ħames aggravju, jaqbel li jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat taqax taħt waħda mill-kategoriji tal-każijiet li għalihom il-Kunsill jista’ jirriżerva lilu nnifsu kompetenza ta’ implementazzjoni ta’ att legalment vinkolanti, skont l-Artikolu 291(2) TFUE.

    48

    Kif jirriżulta mill-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Kunsill, sabiex jiġġustifika l-kompetenza ta’ implementazzjoni li rriżerva lilu nnifsu fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, ibbaża ruħu esklużivament fuq il-fatt li dan il-każ jaqa’ taħt “każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq”. Huwa mkien ma invoka l-eżistenza ta’ każ previst fl-Artikoli 24 TUE u 26 TUE.

    49

    Fir-rigward tal-ipoteżi, imsemmija fl-Artikolu 291(2) TFUE tal-kompetenza ta’ implementazzjoni li l-Kunsill jista’ jirriżerva lilu nnifsu “f’każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq”, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 145 KEE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 291(2) TFUE fis-sens li l-Kunsill għandu jimmotiva d-deċiżjoni li permezz tagħha jirriżerva lilu nnifsu l-possibbiltà li jeżerċita kompetenzi ta’ implementazzjoni “b’mod iddettaljat” (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 16/88, EU:C:1989:397, punt 10).

    50

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 202 KE li ssuċċeda t-tielet paragrafu tal-Artikolu 145 KE ġie wkoll interpretat fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, EU:C:2005:25, punt 51), u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Kunsill huwa obbligat li jiġġustifika b’mod xieraq, skont in-natura u l-kontenut tal-att bażiku li għandu jiġi implementat, eċċezzjoni għar-regola skont liema, fis-sistema tal-imsemmi trattat, meta jkollhom jittieħdu, fil-livell Komunitarju miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att bażiku, hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita din il-kompetenza.

    51

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 267/2012, il-Kunsill ta setgħat wiesgħa lill-Kummissjoni, dwar b’mod partikolari l-emendar tal-Annessi II sa VII ta’ dan ir-regolament, li jinkludu listi ta’ beni, teknoloġija, tagħmir jew metalli msemmija mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, permezz tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 267/2012, il-Kunsill irriżerva lilu nnifsu l-kompetenza sabiex jemenda l-Annessi VIII u IX ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-listi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew korpi inklużi, sa fejn jikkonċerna l-Anness VIII tal-imsemmi regolament, wara inklużjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà u, sa fejn jikkonċerna l-Anness IX, minħabba miżura restrittiva adottata b’mod awtonomu mill-Unjoni.

    52

    Mill-paragun bejn dawn il-miżuri jirriżulta li l-Kunsill irriżerva lilu nnifsu l-kompetenza sabiex jadotta l-iktar sensittivi fosthom, jiġifieri l-inklużjoni, fir-regolament adottat abbażi tat-Trattat FUE, tal-ismijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-applikazzjoni ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn ikollhom effett partikolarment sinjifikattiv fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati.

    53

    Fil-fatt, kif diġà ġie invokat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, minkejja l-għan tagħhom, jiġifieri li jeżerċitaw pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari tagħha b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu għall-armi nukleari, dawn l-inklużjonijiet, li jwasslu għall-iffriżar tal-fondi ta’ persuni jew ta’ entitajiet, għandhom, fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni u entitajiet, effett negattiv importanti marbut, minn naħa, fir-rigward tal-persuni, għat-taqlib kunsiderevoli tal-ħajja kemm professjonali kif ukoll familjari ta’ dawn minħabba r-restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà tagħhom u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-entitajiet, għat-taqlib li jippreġudika l-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari dawk ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 358, kif ukoll Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 132).

    54

    Din l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill tista’ wkoll tkun iġġustifikata mill-fatt li hija din l-istituzzjoni li tadotta d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi huma inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li għandhom jiġu suġġetti għall-iffriżar tal-fondi. Issa, tali deċiżjonijiet jistgħu biss jiġu implementati fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari mill-istabbilimenti finanzjarji stabbiliti fiha, jekk ikunu segwiti mill-adozzjoni ta’ regolament fil-kuntest tat-Trattat FUE.

    55

    Fil-fatt, jekk ir-raġunijiet ta’ inklużjoni ta’ persuna jiġu emendati fid-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u provi eventwalment pprovduti lill-Kunsill minn din il-persuna, din l-emenda għandha wkoll issir fir-regolament adottat fil-kuntest tat-Trattat FUE, u fin-nuqqas ta’ dan, iż-żamma, fl-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni, tar-raġuni mhux korretta tista’ tiġġustifika kontestazzjoni tal-legalità ta’ dan ir-regolament.

    56

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ leġittimament jirriżerva lilu nnifsu l-kompetenza li jimplementa l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 267/2012, sabiex jiżgura l-koerenza tal-proċeduri ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti fil-kuntest, rispettivament, tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012, kemm fl-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq il-listi inkwistjoni kif ukoll fl-eżami mill-ġdid mill-istituzzjoni kompetenti ta’ din l-inklużjoni, fir-rigward b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet u tal-provi eventwalment ipprovduti mill-persuna kkonċernata.

    57

    Il-koordinazzjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u dik tal-miżuri meħuda abbażi tat-Trattat FUE hija iktar u iktar neċessarja minħabba li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ entitajiet jew korpi għandha ssir f’terminu qasir, kemm biex ikun hemm konformità ma’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jew sabiex jiġi żgurat l-iktar malajr possibbli l-effett mixtieq mill-inklużjonijiet il-ġodda awtonomi deċiżi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u r-regolament ta’ implementazzjoni inkwistjoni li jinkludu isem NIOC ġew adottati fl-istess ġurnata skont il-prassi tal-Kunsill.

    58

    Dawn in-neċessitajiet ta’ koerenza, ta’ koordinazzjoni u ta’ rapidità fl-adozzjoni tal-atti meħtieġa jiġġustifikaw li miżuri ta’ inklużjoni adottati abbażi tat-Trattat FUE fl-istess ħin bħall-miżuri ta’ inklużjoni adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni jitqiesu li jaqgħu taħt każijiet speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Huwa għalhekk li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet, fis-sentenza Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 109), motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta miżuri ta’ ffriżar tal-fondi meħuda fil-konfront ta’ Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, kif previsti b’mod partikolari mid-Deċiżjoni 2010/413 abbażi tal-Artikolu 29 TUE, permezz ta’ regolament ta’ implementazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 291(2) TFUE billi rrilevat essenzjalment li din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE tagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta l-miżuri kkontestati.

    59

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni għandhom natura speċifika li tiġġustifika li jirriżerva lilu nnifsu l-kompetenza ta’ implementazzjoni fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

    60

    Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-għoti tal-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kunsill għandu jiġġustifika b’mod xieraq, skont in-natura u l-kontenut tal-att bażiku li għandu jiġi implementat jew emendat, eċċezzjoni għar-regola skont liema hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita l-kompetenza ta’ implementazzjoni (sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 47, kif ukoll Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 53).

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet u r-regolamenti dwar il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jikkostitwixxu suċċessjoni ta’ atti emendati spiss u ssostitwiti regolarment sabiex jittejbu ċ-ċarezza u l-qari tagħhom. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet huma simili fid-deċiżjonijiet u r-regolamenti kollha.

    62

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, l-għoti tal-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill kien diġà previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969), u fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1). Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu mmotivati minn, rispettivament, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 423/2007 u l-premessa 15 tar-Regolament Nru 961/2010. Din l-aħħar premessa tistabbilixxi li, “[i]s-setgħa li temenda l-listi fl-Annessi VII u VIII għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida mill-Iran għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif manifestata mit-tħassib dejjem akbar dwar il-programm nukleari tiegħu sottolinjat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ġunju 2010, u sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-proċess ta’ emendar u rieżami tal-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK”.

    63

    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-għoti tal-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill kienet iġġustifikata, fir-regolamenti li ppreċedew ir-Regolament Nru 267/2012, mill-koerenza meħtieġa bejn l-inklużjonijiet adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u dawk adottati abbażi tat-Trattat FUE.

    64

    F’dan il-każ, u fid-dawl tal-preżenza tal-klawżola li tirriżerva l-kompetenza ta’ implementazzjoni lill-Kunsill u tal-ġustifikazzjoni tagħha fir-regolamenti preċedenti fir-Regolament Nru 267/2012, l-eżistenza ta’ din il-kompetenza tal-Kunsill setgħet tiġi rrikonoxxuta bħala li tagħmel parti mill-kuntest fejn l-att inkwistjoni ġie adottat u kkunsidrat li huwa ġġustifikat b’mod xieraq fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata.

    65

    Peress li din il-ġustifikazzjoni tagħti bażi għall-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni parti tat-tielet aggravju insostenn tal-appell hija wkoll infondata.

    66

    Fir-rigward tal-assenza ta’ indikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ kompetenza li tinsab fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu jitfakkar li l-ommissjoni tar-riferiment għal dispożizzjoni preċiża tat-Trattat FUE ma tistax tikkostitwixxi vizzju sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56). Issa, kif ġustament ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punti 85 u 86 tas-sentenza appellata, anki jekk l-Artikolu 291(2) TFUE ma huwiex imsemmi bħala bażi legali għall-għoti tal-kompetenza ta’ implementazzjoni fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jippermettu madankollu li jinftiehem li l-Kunsill irriżerva lilu nnifsu din il-kompetenza skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 291(2) TFUE. Minn dan isegwi li r-raba’ u l-ħames aggravji huma infondati.

    67

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li t-tieni sal-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-kriterju legali bbażat fuq il-provvista ta ’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran

    L-argumenti tal-partijiet

    68

    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, NIOC tikkontesta l-punti 109 et seq tas-sentenza appellata. Permezz ta’ dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju legali bbażat fuq il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran, sostnut fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/635, kif ukoll fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem il-“kriterju kkontestat”), u li fuqu hija bbażata l-inklużjoni ta’ NIOC fuq il-listi inkwistjoni. Din tal-aħħar issostni li dan il-kriterju, sa fejn huwa intiż għal “persuni, entitajiet jew korpi oħra li jipprovdu appoġġ, b’mod partikolari materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran u entitajiet li huma għandhom jew jikkontrollaw jew persuni jew entitajiet li huma msieħba tagħhom”, huwa kuntrarju għall-valuri ta’ libertà u tal-Istat ta’ dritt, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li d-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni għandhom ikunu konformi magħha, skont l-Artikoli 21 TUE u 23 TUE. Il-kriterju kkontestat jagħti lill-Kunsill setgħa eżorbitanti u inkundizzjonata, li tippermetti li jiġu sanzjonati persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, mingħajr ma jkunu involuti fil-programm nukleari inkwistjoni. Ma’ dawn jista’ jkun inkluż għalhekk kontribwent jew uffiċjal Iranjan, jew inkella avukat li jipprattika f’forum ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li jiddefendi ċerti entitajiet pubbliċi Iranjani quddiem il-Qorti Ġenerali.

    69

    Dan l-aggravju huwa magħmul minn tliet partijiet.

    70

    Permezz tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill mill-kriterju kkontestat ma hija la arbitrarja u lanqas diskrezzjonali u, fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, li “l-kriterju kkontestat jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill, billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi, u jiggarantixxi l-livell ta’ prevedibbiltà meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni”.

    71

    NIOC issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju kkontestat billi ddeċidiet, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li dan il-kriterju “ma jirrigwardax kull forma ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran, iżda biss il-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-attivitajiet nukleari Iranjani”. Skont ir-rikorrenti, peress li l-preċiżjoni dwar l-“importanza kwantitattiva jew kwalitattiva” ma tinsabx fir-Regolament Nru 267/2012 u tikkostitwixxi “kitba mill-ġdid” ta’ dan mill-Qorti Ġenerali, qabel ma din tiddeċiedi dwar il-konformità tal-imsemmi kriterju mar-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà, ta’ ċarezza u ta’ assenza ta’ ambigwità.

    72

    NIOC issostni wkoll li, fil-punti 118 u 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali “ħbiet” it-terminu “b’mod partikolari”, meta dan ifisser b’mod ċar li l-lista tat-tipi ta’ appoġġ imsemmija fit-test, jiġifieri l-appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali, hija ta’ natura purament illustrattiva.

    73

    NIOC tikkonkludi li l-interpretazzjoni tal-kriterju kkontestat li tat il-Qorti Ġenerali hija żbaljata u li dan il-kriterju ma jirrispondix għall-kundizzjonijiet ta’ prevedibbiltà, ta’ ċarezza suffiċjenti u ta’ preċiżjoni meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, peress li ma jippermettix li jiġu ddeterminati l-persuni li huma suxxettibbli li jkunu s-suġġett ta’ miżura restrittiva.

    74

    Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju insostenn tal-appell, NIOC issostni li, billi “kitbet mill-ġdid” il-kriterju kkontestat, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża, peress li din ma setgħetx tikkontesta l-miżura restrittiva li tolqotha bħala mhux konformi mal-imsemmi kriterju kif “miktub mill-ġdid”, li ma kien magħruf la minnha u lanqas mill-Kunsill.

    75

    Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, NIOC issostni li l-punti 119 u 140 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’kontradizzjoni. F’dan il-punt 119, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kriterju kkontestat isemmi “l-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva u kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-attivitajiet nukleari Iranjani”, filwaqt li, fl-imsemmi punt 140, dan il-kriterju jsemmi “kull appoġġ li, minkejja li ma għandu l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari, huwa madankollu suxxettibbli, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tiegħu, li jiffavorixxi tali żvilupp, billi jipprovdi lill-Gvern tal-Iran riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li tippermettilu li jkompli l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari”. Issa, skont ir-rikorrenti, appoġġ li ma għandux rabta, anki indiretta, mal-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari, ma jistax, fl-istess ħin, jiffavorixxi tali żvilupp. L-inkoerenza li teżisti bejn il-punt 119 u l-punt 140 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi vizzju ta’ motivazzjoni ta’ din is-sentenza.

    76

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument ta’ NIOC.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ din tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija ddeduċiet minn dan li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 33, u Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120).

    78

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regolament li jipprovdi miżuri restrittivi għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, imsemmija fl-Artikolu 215(2) TFUE, iżda wkoll fil-kuntest storiku li jaqgħu taħtu d-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni u li r-regolament jagħmel parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 75, kif ukoll id-digriet Georgias et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑545/14 P, EU:C:2015:791, punt 33). L-istess japplika għal deċiżjoni adottata fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li tagħmel parti minnu.

    79

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tirrileva, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-kriterju kkontestat jaqa’ taħt kuntest legali li huwa ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet intiżi mir-regolament li jirregola l-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li, b’mod partikolari, il-premessa 13 tad‑Deċiżjoni 2012/35, li daħħlet għall-ewwel darba dan il-kriterju fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, tippreċiża espressament li l-iffriżar tal-fondi għandu jiġi applikat fil-konfront tal-persuni u tal-entitajiet “li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ [li jwasslu għall-]armi nukleari, b’mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran”. Bl-istess mod, kellha raġun tikkonstata li l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jistabbilixxi wkoll li dan l-appoġġ jista’ jkun “finanzjarju, loġistiku jew materjali”.

    80

    Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, li l-għan imfittex mill-emenda tal-kriterju kkontestat kien li jitwessa’ l-kriterju ta’ inklużjoni, sabiex jiġu inklużi attivitajiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u li, anki jekk ma għandhom, bħala tali, l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, ikunu madankollu suxxettibbli li jiffavorixxuha, billi jipprovdu lill-Gvern tal-Iran riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jkompli l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni.

    81

    Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni eżaminata fid-dawl tad-dokumenti tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sbatax-il premessa tar-Riżoluzzjoni 1929, il-Kunsill tas-Sigurtà rrileva “r-rabta potenzjali bejn id-dħul li l-Iran jikseb mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tiegħu li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni” fejn din ir-rabta tissemma fil-punt 5 tas-sentenza appellata. Huwa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element li l-Kunsill Ewropew, fid-dikjarazzjoni annessa mal-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, stieden lill-Kunsill “Affarijiet barranin” jadotta, fil-laqgħa li jmiss tiegħu, miżuri li jimplementaw dawk previsti fir-Riżoluzzjoni 1929, fejn din l-istedina wasslet għall-adozzjoni ta’ miżuri li jolqtu b’mod partikolari l-industrija taż-żejt kemm fid-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fir-Regolament Nru 961/2010.

    82

    Peress li dawn il-miżuri ma kinux biżżejjed biex jitwaqqaf jew jitnaqqas ir-ritmu tal-programm nukleari implementat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2011, li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni, kif tenfasizza l-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2012/35. Fil-punt 3 tal-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Iran tat-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill insista fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi adottati fl-istess ġurnata kienu intiżi sabiex jippreġudikaw il-finanzjament tal-programm nukleari Iranjan mill-Gvern tal-Iran u ma kinux intiżi għall-poplu Iranjan.

    83

    Huwa dan il-għan li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni meta kkunsidrat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-kriterju kkontestat jolqot il-forom ta’ appoġġ tal-Gvern tal-Iran li, permezz tal-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu sabiex jitkomplew l-attivitajiet nukleari tal-Iran. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma “kitbet mill-ġdid” l-imsemmi kriterju, iżda tatu interpretazzjoni fid-dawl tal-għanijiet intiżi mill-Kunsill, kif jirriżultaw mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjonijiet internazzjonali u tal-Unjoni dwar ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

    84

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni NIOC, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-kriterju kkontestat billi ħalliet barra t-terminu “notament” meta stabbilixxiet dan il-kriterju, fil-punti 118 u 120 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif irrileva l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali użat, fil-punt 118, l-espressjoni “b’mod partikolari”, li tinsab fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2012/35, u li hija l-ekwivalenti tat-terminu “notament”. Bl-istess mod, fl-aħħar sentenza tal-imsemmi punt 118, il-Qorti Ġenerali indikat li l-appoġġ inkwistjoni “jista’” jkun materjali, loġistiku jew finanzjarju, li jimplika li forom oħra ta’ appoġġ jistgħu jkunu koperti mill-kriterju kkontestat.

    85

    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni NIOC fit-tielet parti tas-sitt aggravju insostenn tal-appell, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx il-motivi tas-sentenza tagħha b’kontradizzjoni meta spjegat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-kriterju kkontestat jolqot “il-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva u kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-attivitajiet nukleari Iranjani”, meta enfasizzat, fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li dan il-kriterju jolqot “kull appoġġ li, minkejja li ma għandu l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari, huwa madankollu suxxettibbli, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tiegħu, li jiffavorixxi tali żvilupp, billi jipprovdi lill-Gvern tal-Iran riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li tippermetti li jitkomplew l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari”.

    86

    Fil-fatt, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kriterju introdott mid-Deċiżjoni 2012/35 u r-Regolament Nru 267/2012. Fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, min-naħa l-oħra, hija spjegat kif l-introduzzjoni tal-kriterju kkontestat stabbilixxiet rabta bejn il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran u t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari. F’dan ir-rigward, dan il-punt 140 ma huwiex ivvizzjat b’nuqqas ta’ ċarezza li toħloq problema sabiex dan jinftiehem faċilment, fid-dawl tal-kuntest li jaqa’ taħtu.

    87

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li NIOC ma pprovatx, permezz tas-sitt aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fl-interpretazzjoni li għamlet tal-kriterju kkontestat, b’risposta għat-tielet motiv tar-rikors li kellha quddiemha, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012. Konsegwentement, is-sitt aggravju, li huwa infondat, għandu jiġi miċħud.

    88

    Peress li l-aggravji kollha ġew miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    89

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    90

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    91

    Peress illi l-Kunsill kien talab li NIOC tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress illi din tal-aħħar tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.

    92

    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    National Iranian Oil Company hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top