EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0421

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
Banco Primus SA vs Jesús Gutiérrez García.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 2 de Santander.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi – Klawżoli inġusti – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Proċedura ta’ sekwestru ta’ proprjetà ipotekata – Terminu ta’ dekadenza – Funzjoni tal-qrati nazzjonali – Awtorità ta’ res judicata.
Kawża C-421/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:60

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-ewwel awla)

26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Klawżoli inġusti — Kuntratt ta’ self ipotekarju — Proċedura ta’ sekwestru ta’ proprjetà ipotekata — Terminu ta’ dekadenza — Funzjoni tal-qrati nazzjonali — Awtorità ta’ res judicata”

Fil-Kawża C-421/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no2 de Santander (tribunal tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander, Spanja), permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

Banco Primus SA,

vs

Jesús Gutiérrez García,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banco Primus SA, minn E. Vázquez Martín, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Banco Primus SA u Jesús Gutiérrez García dwar is-sekwestru ta’ proprjetà immobbli ta’ dan tal-aħħar, ipotekata bħala garanzija ta’ self mogħti minn Banco Primus.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Is-sittax u l-erbgħa u għoxrin-il premessa tad-Direttiva 93/13 jistipulaw li:

“billi […] l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

L-Artikolu 3 tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbliġi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

Skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva msemmija:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Spanjol

9

Il-Ley 1/2013, de Enjuiciamiento Civil (Liġi 1/2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), ġiet emendata mil-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373), u sussegwentement mir-Real Decreto-Ley 7/2013, de medidas urgentes de naturaleza tributaria, presupuestaria y de fomento de la investigación, el desarrollo y la innovación (Digriet Liġi 7/2013, dwar miżuri ta’ natura fiskali u baġitarji urġenti u li jippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni), tat-28 ta’ Ġunju 2013 (BOE Nru 155, tad-29 ta’ Ġunju 2013, p. 48767) sussegwentement mir-Real Decreto-ley 11/2014, de medidas urgentes en materia concursal (Digriet Liġi 11/2014, dwar miżuri urġenti fil-qasam ta’ falliment), tal-5 ta’ Settembru 2014 (BOE Nru 217, tas-6 ta’ Settembru 2014, p. 69767) (iktar ’il quddiem l-“LEC”).

10

L-Artikolu 695 tal-LEC, dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni għas-sekwestru ta’ immobbli ipotekati, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-intimat għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-motivi li ġejjin:

[…]

4)

in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li ppermettiet li jiġi stabbilit l-ammont dovut.

[…]

4.   Id-deċiżjoni li tordna […] iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni għall-motiv previst fil-punt 4(1) ta’ dan l-artikolu tista’ tiġi appellata.

Ħlief f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet dwar l-oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu appellati u l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li fil-kuntest tagħha ngħataw.”

11

Skont l-Artikolu 556(1) tal-LEC, l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ waħda mill-motivi msemmija fl-Artikolu 695 tal-LEC għandha tkun ippreżentata f’terminu ta’ għaxart ijiem min-notifika tad-digriet ta’ eżekuzzjoni.

12

Skont l-Artikolu 557(1) tal-LEC, dwar il-proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq titoli mhux ġudizzjarji jew arbitrarji:

“Meta l-eżekuzzjoni tiġi ordnata għat-titoli msemmija fil-punti 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517(2), kif ukoll għad-dokumenti l-oħra li għandhom is-saħħa eżekuttiva msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), l-intimat jista’ jopponi l-eżekuzzjoni biss, fit-termini u forom previsti fl-artikolu preċedenti, jekk jinvoka wieħed mill-motivi li ġejjin:

[…]

7)

It-titolu jinkludi klawżoli inġusti.”

13

Skont l-Artikolu 693(2) tal-LEC, dwar l-eżiġibbiltà antiċipata tad-djun li jitħallsu b’pagamenti mensili:

“Jekk il-kuntratt jipprovdi li f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament tal-inqas ta’ tliet pagamenti mensili jew fin-nuqqas ta’ numru ta’ pagamenti b’tali mod li jimplika li d-debitur naqas mill-obbligu tiegħu għall-perijodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur, u jekk dan il-ftehim joħroġ mill-att li jikkostitwixxi d-dejn, il-kreditur jista’ jitlob id-dejn kollu dovut bħala kapital u interessi.”

14

L-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 tipprovdi:

“Din il-liġi tapplika għall-proċeduri ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni fuq proprjetà ipotekata pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi, fejn l-iżgumbrament ma jkunx ġie eżegwit.”

15

Skont ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-liġi msemmija:

“1.

L-emendi tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili] introdotti b’din il-liġi japplikaw għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ tagħha, biss fir-rigward ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li għad iridu jittieħdu.

2.

Fi kwalunkwe każ, fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li kienu pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li fihom it-terminu ta’ oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 556(1) tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili] ikun skada, l-intimati għandhom terminu ta’ dekadenza ta’ xahar biex iressqu oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni b’mod inċidentali u straordinarju fuq il-bażi tal-motivi ta’ oppożizzjoni l-ġodda previsti fil-punt 7 tal-Artikolu 557(1) u l-punt 4 tal-Artikolu 695(1) tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili].

It-terminu ta’ dekadenza ta’ xahar huwa kkalkolat mill-jum ta’ wara dak tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u t-tressiq tal-oppożizzjoni b’mod inċidentali mill-partijiet għandu l-effett li jissospendi l-proċedura sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni, b’konformità mal-Artikoli 558 et seq u 695 tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili].

Din id-dispożizzjoni tranżitorja tapplika għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni li ma tkunx wasslet għat-teħid tal-pussess tal-proprjetà immobbli mix-xerrej b’konformità mal-Artikolu 675 tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili].

3.

Bl-istess mod, fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni pendenti u li fihom, fid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu ta’ oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 556(1) tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili] jkun diġà beda jiddekorri, l-intimati għandu jkollhom l-istess terminu ta’ dekadenza ta’ xahar previst fil-paragrafu preċedenti biex iressqu oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni previsti fl-Artikoli 557 u 695 tal-[liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar 2000, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili].

4.

Il-pubblikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tgħodd bħala komunikazzjoni kompluta u valida għall-finijiet tan-notifika tal-kalkolu tat-termini previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, peress li fl-ebda każ ma hija neċessarja l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espressa għal dan l-iskop.

[…] ”

16

Barra minn hekk, l-Artikolu 136 tal-LEC jipprevedi li:

“Kull parti li tħalli jiskadi t-terminu li fih għandu jsir l-att proċedurali tkun suġġetta għall-preskrizzjoni u l-att inkwistjoni ma tkunx tista’ titwettaq iktar. Ir-Reġistratur jirreġistra l-iskadenza tat-terminu, jordna l-miżuri li [għandhom jiġi adottati] jew javża lill-qorti sabiex tagħti d-deċiżjoni li għandha tagħti.”

17

L-Artikolu 207(3) u (4) tal-LEC iżid:

“3.   Id-deċiżjonijiet definittivi jsiru res judicata u l-qorti li kellha quddiemha l-proċedura li fiha dawn ġew adottati għandha fi kwalunkwe każ tikkonfermahom.

4.   Fl-iskadenza tat-termini tal-appell, kull deċiżjoni li ma hijiex ikkontestata ssir definittiva u jkollha l-awtorità ta’ res judicata, u l-qorti li kellha quddiemha l-proċedura li fiha din tkun ġiet adottata għandha fi kwalunkwe każ tikkonfermaha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fit-12 ta’ Ġunju 2008, Banco Primus tat lil J. Gutiérrez García self marbut ma’ garanzija ipotekarja fuq l-akkomodazzjoni tiegħu. Dan is-self kien mogħti għal żmien ta’ 47 sena, u l-ħlas lura kellu jsir fuq 564 pagament mensili. Wara n-nuqqas ta’ ħlas ta’ seba’ pagamenti mensili konsekuttivi, l-iskadenza tat-terminu ġiet deċiża fit-23 ta’ Marzu 2010, b’applikazzjoni tal-klawżola 6(a) tal-kuntratt ta’ self. Banco Primus talab il-pagament tal-kapital kollu pendenti, l-interessi ordinarji u moratorji kif ukoll spejjeż oħra. Huwa talab ukoll il-bejgħ bis-subbasta tal-immobbli ipotekat. Peress li ma kien hemm ebda offerent waqt il-bejgħ bis-subbasta tal-11 ta’ Jannar 2011, permezz ta’ deċiżjoni eżekuttiva tal-21 ta’ Marzu 2011, il-qorti tar-rinviju tat l-immobbli lil Banco Primus għal somma li tirrappreżenta 50 % tal-valur ta’ stima tiegħu. Fis-6 ta’ April 2011, Banco Primus talab li tingħata bidu għat-tgawdija ta’ dan l-immobbli. Dan il-bidu għat-tgawdija ġie ddifferit minħabba tliet rikorsi inċidentali suċċessivi, fosthom dak li wassal għall-adozzjoni tad-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2013, li kkwalifika bħala inġusta l-klawżola 6 tal-kuntratt ta’ self, dwar l-interessi moratorji. L-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014, wara t-tielet rikors inċidentali, temmet is-sospensjoni tal-proċedura ta’ żgumbrament.

19

Permezz ta’ rikors inċidentali straordinarju ta’ oppożizzjoni, fil-11 ta’ Ġunju 2014, J. Gutiérrez García ppreżenta oppożizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, għall-proċedura ta’ sekwestru tal-proprjetà ipotekata, billi invoka n-natura inġusta tal-klawżola 6 tal-kuntratt ta’ self.

20

Sussegwentment għal din l-oppożizzjoni, wara li ssospendiet il-proċedura ta’ żgumbrament permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, il-qorti tar-rinviju kkonstatat dubji eżistenti dwar in-natura inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ self minbarra dik relatata mal-interessi moratorji, jiġifieri:

il-klawżola 3 dwar l-interessi ordinarji, li tipprevedi li l-kalkolu tagħhom fuq il-bażi ta’ formola li taqsam il-kapital pendenti u l-interessi dovuti bin-numru ta’ ġranet li fiha sena kummerċjali, jiġifieri b’360 ġurnata, u

il-klawżola 6(a) dwar l-iskadenza tat-terminu, li permezz tagħha Banco Primus jista’ jeżiġi l-ħlas lura immedjat tal-kapital, tal-interessi u ta’ spejjeż oħra, b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fid-data miftiehma tal-ammont kollu dovut bħala ammont prinċipali, interessi jew antiċipi.

21

Madankollu, minn naħa, din il-qorti kkonstatat li l-oppożizzjoni ppreżentata minn J. Gutiérrez García ġiet ippreżentata tard peress li din ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit fir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013.

22

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-Artikolu 207 tal-LEC, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, jipprekludi eżami ġdid tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li r-regolarità tiegħu, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, kienet diġà ġiet ivverifikata fil-kuntest tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li saret definittiva.

23

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, anki jekk il-klawżola 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi ddikjarata inġusta, il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) tipprekludiha milli tiddikjara din il-klawżola nulla u milli tiskartaha peress li, fil-fatt, Banco Primus ma kienx applikaha, iżda kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 693(2) tal-LEC billi stenna n-nuqqas ta’ pagament ta’ seba’ pagamenti mensili sabiex jiddikjara l-iskadenza tat-terminu.

24

Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-poteri tagħha fid-dawl tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 ma’ din id-direttiva u, it-tieni nett, tistaqsi jekk, fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja kumplessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija direttiva tobbligahiex, minkejja r-rekwiżiti tal-Artikolu 207 tal-LEC, tipproċedi b’eżami ex officio tal-klawżoli ta’ kuntratt li diġà kien is-suġġett ta’ tali eżami fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata. It-tielet nett, din il-qorti tixtieq ukoll tikseb informazzjoni dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli 3 u 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din in-natura inġusta.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia Nru°2 ta’ Santander (il-qorti tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-[Dispożizzjoni Tranżitorja] 4 tal-Liġi Nru 1/2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tistax tostakola l-protezzjoni tal-konsumatur?

2)

Id-Direttiva […] 93/13/[…], b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi inkonformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tippermetti lill-konsumatur jinvoka l-preżenza ta’ klawżoli inġusti wara t-terminu previst mid-dritt nazzjonali għal dan il-għan, b’tali mod li l-qorti nazzjonali hija obbligata teżaminahom?

3)

Id-Direttiva […] 93/13 […] b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi inkonformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tobbliga lill-qorti nazzjonali sabiex teżamina ex officio jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta jew le u sabiex tislet, mill-konstatazzjonijiet tagħha, il-konsegwenzi meħtieġa, u dan anki meta preċedentement tkun iddeċidiet b’mod kuntrarju jew tkun ċaħdet tali evalwazzjoni permezz ta’ deċiżjoni definittiva meħuda inkonformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali [preċedentement kienet irrifjutat li teżamina jew kienet iddikjarat li hija ma kinitx inġusta permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata]?

4)

Skont liema kriterji r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz tista’ tinfluwenza l-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ kundizzjonijiet aċċessorji tal-kuntratt? [Il-qorti li tistħarreġ in-natura inġusta ta’ kundizzjonijiet aċċessorji tal-kuntratt tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz u skont liema kriterji?] Meta jitwettaq dan l-istħarriġ indirett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti legali fir-rigward tal-prezz imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali? Jista’ jkun il-każ li klawżola kuntrattwali li tkun valida b’mod astratt ma tibqax valida minħabba li tistipula prezz kunsiderevolment ogħla minn dak tas-suq?

5)

Għall-finijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 […], jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jseħħu wara l-konklużjoni tal-kuntratt jekk dan jirriżulta minn eżami tad-dispożizzjonijiet nazzjonali?

6)

L-Artikolu 693(2) [tal-LEC] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jostakola l-protezzjoni tal-interess tal-konsumatur?

7)

Id-Direttiva 93/13 […], b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi inkonformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tobbliga lill-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat il-preżenza ta’ klawżola inġusta dwar l-iskadenza antiċipata sabiex tiddikjara din il-klawżola nulla u sabiex tislet il-konsegwenzi meħtieġa, u dan anki meta l- bejjiegħ jew il-fornitur ikun osserva t-terminu minimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

26

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għall-proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2014Banco Primus (C-421/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2367), għar-raġuni, b’mod partikolari, li kif hija informat lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ssospendiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, b’tali mod li J. Gutiérrez García ma kellux riskju imminenti li jitlef l-akkomodazzjoni tiegħu.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

27

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula minħabba li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex ser ikunu utli għall-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja hija definittivament magħluqa u din il-qorti ma tista’ tieħu ebda miżura marbuta magħha peress li hija għalqet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni billi ordnat l-iżgumbrament tad-debitur u tal-okkupanti permezz ta’ digriet li sar res judicata fit-8 ta’ April 2014.

28

Banco Primus ma qajjimx espressament l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda jinvoka argumenti simili għal dawk li fuqhom tistrieħ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

32

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-qari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mressqa mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex magħluqa u hija tkompli sakemm iseħħ id-dħul fit-tgawdija tal-immobbli favur ir-rebbieħ, kif il-Gvern Spanjol ikkonferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Għalhekk, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 tipprevedi li din id-dispożizzjoni tapplika “għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni li ma tkunx wasslet għat-teħid tal-pussess tal-proprjetà immobbli mix-xerrej”.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 19), l-argumenti invokati mill-Gvern Spanjol ma jurux b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

34

Konsegwentement, u mingħajr ħsara għall-evalwazzjoni ta’ kull waħda mid-domandi preliminari, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

35

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, li tissuġġetta l-eżerċizzju mill-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom tkun infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li iżda ma tkunx ingħalqet qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, tad-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni għal din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-bażi tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi. L-istess qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk din id-direttiva timponilhiex li teżamina mill-ġdid ex officio, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li diġà ġie eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, u dan minkejja r-regoli proċedurali nazzjonali li jimplementaw il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata.

36

Dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali bħar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, għandu jiġi enfasizzat li din il-kwistjoni diġà ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li wieġbet fl-affermattiv fis-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015BBVA (C-8/14, EU:C:2015:731).

37

B’mod partikolari, minn din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, sa fejn tipprevedi li l-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi u li ma ngħalqitx f’din id-data, huma suġġetti għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi msemmija sabiex iressqu oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata abbażi tan-natura allegatament inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi t-tgawdija sħiħa ta’ dan it-terminu, u għaldaqstant l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C-8/14, EU:C:2015:731, punt 39).

38

Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, mill-atti tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti tar-rinviju diġà eżaminat il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u ddikjarat li l-klawżola 6 tiegħu, dwar l-interessi moratorji, kienet inġusta.

39

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 207 tal-LEC, li tipprojbixxilha milli teżamina mill-ġdid ex officio ċerti klawżoli ta’ kuntratt li diġà kien is-suġġett ta’ eżami ġudizzjarju magħluq permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 23, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15 EU:C:2016:980, punti 53 u 55).

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punti 51 u 52, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, (EU:C:2016:980, punt 54).

43

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15 (EU:C:2016:980, punt 58).

44

Madankollu, kif indikat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ il-qorti nazzjonali diġà eżaminat il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-Direttiva 93/13, wara liema eżami hija kkonstatat, permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, in-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, f’tali ċirkustanzi, il-ħtieġa li wieħed jissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-bejjiegħ jew fornitur b’ekwilibriju reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar tobbligax lill-qorti tar-rinviju tipproċedi għal stħarriġ ġdid ex officio ta’ dan il-kuntratt, minkejja regoli proċedurali nazzjonali li jimplementaw il-prinċipju ta’ awtorità tar-res judicata.

46

F’dan ir-rigward, qabelxejn għandha tiġi mfakkra l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punti 35 u 36).

47

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni inkluża fid-Direttiva 93/13, tkun xi tkun in-natura tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punt 37, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punt 68), sakemm id-dritt nazzjonali ma jagħtix din is-setgħa lil tali qorti f’każ ta’ ksur tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punt 53).

48

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumaturi jkopri d-dritt ta’ aċċess mhux għal grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement għal qorti jew tribunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 207 tal-LEC, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina mill-ġdid ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, ladarba tkun diġà ngħatat deċiżjoni dwar il-legalità tal-klawżoli kollha tal-kuntratt fid-dawl ta’ din id-direttiva li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

50

Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-regola tal-proċedura dwar l-awtorità ta’ res judicata prevista mill-Artikolu 207 tal-LEC tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali mhux biss milli teżamina mill-ġdid il-legalità tal-klawżoli ta’ kuntratt li diġà ngħatat deċiżjoni dwarha permezz ta’ deċiżjoni definittiva fid-dawl tad-Direttiva 93/13, iżda wkoll milli tevalwa n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli l-oħra ta’ dan l-istess kuntratt.

51

Issa, mill-prinċipji li joħorġu mill-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi għandhom abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punt 71).

52

Għalhekk, jekk waqt eżami preċedenti ta’ kuntratt kontenzjuż li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali llimitat ruħha għal eżami ex officio ta’ klawżola waħda jew uħud mill-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, din id-direttiva timponi fuq il-qorti nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, regolarment adita mill-konsumatur permezz ta’ oppożizzjoni inċidentali, l-obbligu li tevalwa, fuq it-talba tal-partijiet jew ex officio, in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli l-oħra tal-imsemmi kuntratt sakemm ikollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali stħarriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur tkun inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effettiv sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60).

53

F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ dettalji fl-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ġietx mistħarrġa l-legalità, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, tal-klawżoli kollha tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew ġietx eżaminata biss il-klawżola 6 tiegħu.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li:

l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, li tissuġġetta l-eżerċizzju mill-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom tkun infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li iżda ma tkunx ingħalqet qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi li tkopri lil din id-dispożizzjoni, tad-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni għal din il-proċedura fuq il-bażi tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi.

id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 207 tal-LEC, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina mill-ġdid ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt, meta tkun diġà ngħatat deċiżjoni dwar il-legalità tal-klawżoli kollha ta’ dan il-kuntratt fid-dawl ta’ din id-direttiva li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ waħda jew diversi klawżoli kuntrattwali li n-natura possibbilment inġusta tagħhom ma tkunx ġiet eżaminata waqt stħarriġ ġudizzjarju preċedenti tal-kuntratt ikkontestat magħluq permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, regolarment adita mill-konsumatur permezz ta’ oppożizzjoni inċidentali, hija obbligata tevalwa, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli, sakemm ikollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

55

Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, tikseb informazzjoni dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, sabiex tevalwa n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw il-kalkolu tal-interessi ordinarji u l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur fir-rigward tal-obbligi tiegħu tul perijodu limitat.

56

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, dawn id-domandi huma inammissibbli peress li huma intiżi jiddeterminaw jekk il-qorti nazzjonali tistax, fil-kuntest tal-eżami tagħha tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, iktar speċifikament tal-klawżola 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar liema huma ċ-ċirkustanzi sussegwenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex biżżejjed elementi ta’ fatt meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha u, għalhekk, ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta utli għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

57

Fir-rigward tal-aspetti l-oħra mqajma mir-raba’ u ħames domandi, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi biss lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’dan premess, għandu jiġi rrilevat li, meta jirreferi għall-kunċetti ta’ “bona fide” u ta’ “żbilanċ sinjifikattiv” għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Issa, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab l-imsemmi konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 68).

60

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide”, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan il-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 69).

61

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, EU:C:2009:350, punt 39, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, EU:C:2010:659, punt 42). Minn dan jirriżulta li, f’din il-perspettiva, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, u dan jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti pprovduti min-naħa l-oħra, filwaqt li jaqgħu taħt il-qasam kopert minn din id-direttiva, jaħarbu mill‑evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali tqis, wara eżami individwali fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li huma ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler uKáslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 41, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C-348/14, EU:C:2015:447, punt 50).

63

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli li għalihom jirreferu r-raba’ u l-ħames domandi magħmula.

64

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-klawżola 3 tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-kalkolu tal-interessi ordinarji, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, għalkemm taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, din il-klawżola ma nkitbitx b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija din il-qorti li għandha teżamina n-natura inġusta tal-klawżola msemmija, u b’mod partikolari, jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur ikkunsidrat, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 58 sa 61 ta’ din is-sentenza.

65

Il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqabbel il-metodu ta’ kalkolu tar-rati tal-interessi ordinarji previsti minn din il-klawżola u l-ammont effettiv li jirriżulta ta’ din ir-rata, flimkien mal-metodi ta’ kalkolu normalment adottati u r-rata ta’ interessi legali kif ukoll ir-rati ta’ interessi applikati fis-suq fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal self ta’ ammont u ta’ terminu ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt ta’ self ikkunsidrat. B’mod partikolari, hija trid tivverifika jekk il-fatt li l-interessi ordinarji huma kkalkolati fuq sena ta’ 360 ġranet, minflok sena ta’ 365 ġranet, jistax jagħti lill-imsemmija klawżola 3 natura inġusta.

66

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-klawżola 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar l-iskadenza tat-terminu fil-kuntratti minħabba nuqqasijiet tad-debitur għall-obbligi tiegħu matul perijodu limitat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika b’mod partikolari, jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew fornitur li jiddikjara eżiġibbli l-ammont kollu tas-somma mislufa tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet fejn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement gravi meta kkunsidrat fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli ta’ dritt komuni applikabbli f’dan il-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jagħtix lill-konsumatur mezzi adegwati u effettivi li permezz tagħhom huwa, meta jkun suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola, ikun jista’ jirrimedja l-effetti tal-eżiġibbiltà tas-self (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 73).

67

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jimplika d-determinazzjoni ta’ jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt. Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tar-regoli nazzjonali li fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, isiru applikabbli, tal-mezzi li l-konsumatur għandu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tiegħu;

meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li klawżola kuntrattwali dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi ordinarji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġietx redatta b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, hija għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqabbel il-metodu ta’ kalkolu tar-rati tal-interessi ordinarji previsti minn din il-klawżola u l-ammont effettiv li jirriżulta minn din ir-rata flimkien mal-metodi ta’ kalkolu normalment adottati u r-rata ta’ interessi legali kif ukoll ir-rati ta’ interessi applikati fis-suq fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal self ta’ ammont u ta’ terminu ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt ta’ self ikkunsidrat, u

fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu matul perijodu limitat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jiddikjara eżiġibbli l-ammont kollu tas-somma mislufa tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet fejn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement gravi meta kkunsidrat fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli ta’ dritt komuni applikabbli f’dan il-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effettivi li permezz tagħhom il-konsumatur, suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola, ikun jista’ jirrimedja għall-effetti tal-imsemmija eżiġibbiltà tas-self.

Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

68

Permezz tas-sitt u s-seba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirregola l-klawżoli ta’ skadenza tat-terminu tal-kuntratti ta’ self, bħall-Artikolu 693(2) tal-LEC, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali li kkonstatat n-natura inġusta ta’ tali klawżola kuntrattwali li tiddikjaraha nulla u li tiskartaha meta, fil-fatt, il-bejjiegħ jew fornitur ma kienx applikaha iżda kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali.

69

Qabelxejn, għandu jitfakkar li jekk, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, “[i]l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”, il-klawżola 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-iskadenza tat-terminu, li għaliha jagħmlu riferiment is-sitt u s-seba’ domandi, ma tirriflettix id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 693(2) tal-LEC. Fil-fatt, din il-klawżola tipprevedi li min jislef jista’ jiddikjara l-iskadenza tat-terminu u jeżiġi l-ħlas lura immedjat tal-kapital, tal-interessi u ta’ spejjeż oħra f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fid-data miftiehma tal-ammont kollu dovut bħala ammont prinċipali, interessi jew antiċipi, u mhux, bħalma jipprevedi l-Artikolu 693(2) tal-LEC, wara ksur tal-obbligu ta’ pagament għal perijodu ta’ tliet xhur. Barra minn hekk, din il-klawżola tinkludi l-frażijiet “barra mill-każijiet previsti mill-liġi” u “minbarra l-każijiet previsti mill-liġi”. Minn din il-formulazzjoni jista’ jiġi dedott li, permezz ta’ din il-klawżola, il-partijiet ma ridux jillimitaw il-każijiet ta’ skadenza tat-terminu għal dak previst fl-Artikolu 693(2) tal-LEC.

70

Għaldaqstant, il-klawżola msemmija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija (ara, għall-kuntrarju, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 41) u l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tiskarta l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma hija awtorizzata tirrevedi l-kontenut tagħha. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 65; tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 57, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 28).

72

Barra minn hekk, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa ħamsa u għoxrin tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex titwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħ jew fornitur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 68, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 30).

73

Għalhekk, u sabiex ikun żgurat l-effett dissważiv tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, il-prerogattivi tal-qorti nazzjonali li tikkonstata l-preżenza ta’ klawżola inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jiddependu fuq l-applikazzjoni jew le, fil-fatt, ta’ din il-klawżola. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li, ladarba l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat in-natura “inġusta”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, il-fatt li din il-klawżola ma tkunx ġiet eżegwita ma jistax, waħdu, jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tislet il-konsegwenzi kollha tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C-602/13, mhux ippubblikat, EU:C:2015:397, punti 50 u 54).

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li, f’dan il-każ, il-bejjiegħ jew fornitur, fil-fatt, ikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 693(2) tal-LEC u beda l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju biss wara n-nuqqas ta’ pagament ta’ seba’ pagamenti mensili, u mhux, kif previst mill-klawżola 6(a) tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wara kwalunkwe nuqqas ta’ pagament, ma jeżentax lill-qorti nazzjonali mill-obbligu tagħha li tislet il-konsegwenzi kollha tan-natura possibbilment inġusta ta’ din il-klawżola.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għas-sitt u s-seba’ domandi għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirregola l-klawżoli ta’ skadenza tat-terminu tal-kuntratti ta’ self, bħall-Artikolu 693(2) tal-LEC, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali li kkonstatat in-natura inġusta ta’ tali klawżola kuntrattwali milli tiddikjaraha nulla u milli tiskartaha meta, fil-fatt, il-bejjiegħ jew fornitur ma kienx applikaha, iżda kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013, li tissuġġetta l-eżerċizzju mill-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom tkun infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li iżda ma tkunx ingħalqet qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi li tkopri lil din id-dispożizzjoni, tad-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni għal din il-proċedura fuq il-bażi tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi.

 

2)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 207 tal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (Liġi 1/2000 dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000, kif emendat bil-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013, u sussegwentement mir-Real Decreto-Ley 7/2013, de medidas urgentes de naturaleza tributaria, presupuestaria y de fomento de la investigación, el desarrollo y la innovación (Digriet Liġi 7/2013, dwar miżuri ta’ natura fiskali u baġitarji urġenti u li jippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni), tat-28 ta’ Ġunju 2013, sussegwentement mir-Real Decreto-ley 11/2014, de medidas urgentes en materia concursal (Digriet Liġi 11/2014, dwar miżuri urġenti fil-qasam ta’ falliment), tal-5 ta’ Settembru 2014, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina mill-ġdid ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt, meta diġà tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-legalità tal-klawżoli kollha ta’ dan il-kuntratt fid-dawl ta’ din id-direttiva permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ klawżola waħda jew diversi klawżoli kuntrattwali li n-natura possibbilment inġusta tagħhom ma tkunx ġiet eżaminata waqt stħarriġ ġudizzjarju preċedenti tal-kuntratt kontenzjuż magħluq permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, regolarment adita mill-konsumatur permezz ta’ oppożizzjoni inċidentali, hija obbligata tevalwa, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli, sakemm ikollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan.

 

3)

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jimplika d-determinazzjoni ta’ jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt. Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tar-regoli nazzjonali li, fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, isiru applikabbli, tal-mezzi li l-konsumatur għandu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tiegħu;

meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li klawżola kuntrattwali dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi ordinarji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġietx redatta b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, hija għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqabbel il-metodu ta’ kalkolu tar-rati tal-interessi ordinarji previsti minn din il-klawżola u l-ammont effettiv li jirriżulta minn din ir-rata flimkien mal-metodi ta’ kalkolu normalment adottati u r-rata ta’ interessi legali kif ukoll ir-rati ta’ interessi applikati fis-suq fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal self ta’ ammont u ta’ terminu ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt ta’ self ikkunsidrat, u

fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu matul perijodu limitat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jiddikjara eżiġibbli l-ammont kollu tas-somma mislufa tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet fejn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement gravi meta kkunsidrat fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli ta’ dritt komuni applikabbli f’dan il-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effettivi li permezz tagħhom il-konsumatur, suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola, ikun jista’ jirrimedja għall-effetti tal-imsemmija eżiġibbiltà tas-self.

 

4)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirregola l-klawżoli ta’ skadenza tat-terminu tal-kuntratti ta’ self, bħall-Artikolu 693(2) tal-Liġi 1/2000, kif emendata bid-Digriet Liġi 7/2013, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali li kkonstatat in-natura inġusta ta’ tali klawżola kuntrattwali milli tiddikjaraha nulla u milli tiskartaha meta, fil-fatt, il-bejjiegħ jew fornitur ma kienx applikaha, iżda kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top