Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0339

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Mejju 2015.
Andreas Wittmann.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Oberlandesgericht Nürnberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Perijodu ta’ projbizzjoni — Ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ perijodu ta’ projbizzjoni fl-Istat Membru tar-residenza normali — Raġunijiet ta’ rifjut li tiġi rrikonoxxuta, fl-Istat Membru tar-residenza normali, il-validità ta’ liċenzja tas sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.
Kawża C-339/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:333

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Perijodu ta’ projbizzjoni — Ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ perijodu ta’ projbizzjoni fl-Istat Membru tar-residenza normali — Raġunijiet ta’ rifjut li tiġi rrikonoxxuta, fl-Istat Membru tar-residenza normali, il-validità ta’ liċenzja tas sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑339/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2014, fil-proċeduri kriminali kontra

Andreas Wittmann,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Wittmann, minn W. Säftel, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali mibdija kontra A. Wittmann talli, fis-16 ta’ Mejju 2013, saq karozza fit-territorju Ġermaniż mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan meħtieġa għal dan il-għan.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 15 tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxu:

“(2)

Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. […]

[…]

(15)

Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ l-irtirar, tas-sospensjoni, tat-tiġdid tal-kanċellazzjoni ta’ liċenzji tas-sewqan lid-detenturi kollha ta’ liċenzja li jkunu kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom.”

4

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.

5

L-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor.

Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti.

Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.”

Id-dritt Ġermaniż

6

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ġermaniż huma dawk tal-Liġi dwar l-aċċess tal-persuni għas-sewqan fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr – Fahrerlaubnis-Verordnung), fil-verżjoni tagħha tal-10 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem il-“FeV”).

7

L-Artikolu 28(1) tal-FeV kien jipprevedi l-prinċipju li liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) valida, maħruġa fi Stat Membru ieħor, kienet tawtorizza lid-detentur tagħha jsuq karozza fil-Ġermanja.

8

Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li jistabbilixxi eċċezzjoni għal din ir-regola, kien jipprovdi:

“L-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 ma tapplikax għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ sewqan tal-UE jew taż-ŻEE

[…]

3.

li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet irtirata fil-Ġermanja, jew permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja jew definittiva, jew inkella permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva direttament eżekuttiva jew definittiva, fejn il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet definittivament irrifjutata jew fejn il-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet irtirata għall-unika raġuni li d-detentur kien sadanittant irrinunzja għaliha,

4.

li għalihom ebda liċenzja għas-sewqan ma tkun tista’ tinħareġ minħabba deċiżjoni ġudizzjarja definittiva,

[…]

Il-punti 3 u 4 tal-ewwel sentenza japplikaw biss jekk il-miżuri msemmija hemmhekk ikunu ddaħħlu fir-reġistru ċentrali tas-sewqan u li ma jkunux tħassru b’applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar is-sewqan fit-toroq […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Matul kontroll tat-triq, fis-16 ta’ Mejju 2013, f’Rothenburg-ob-der-Tauber (il-Ġermanja), A. Wittmann, ċittadin Ġermaniż, ippreżenta liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni, li kienet inħarġet lilu mill-awtoritajiet Pollakki.

10

L-awtoritajiet Ġermaniżi, li qiesu li l-validità tal-liċenzja tas-sewqan miksuba fil-Polonja ma setgħetx tiġi rrikonoxxuta fit-territorju tagħhom, bdew proċeduri kriminali kontra A. Wittmann talli saq mingħajr liċenzja tas-sewqan. Dan tal-aħħar ma setax, skont huma, jinvoka liċenzja tas-sewqan Pollakka minħabba l-fatt li kien is-suġġett ta’ kundanna preċedenti fil-Ġermanja, flimkien ma’ perijodu ta’ projbizzjoni li jikseb liċenzja tas-sewqan.

11

Konsegwentement, huwa ġie akkużat u kkundannat mill-Amtsgericht Ansbach, (tribunal kantonali ta’ Ansbach), fit-23 ta’ Jannar 2014, għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur għal sewqan mingħajr permess. B’dan il-mod, din il-qorti vvalidat il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

12

Fir-rigward tal-fatti li taw lok għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, din issostni li, matul kontroll tat-triq li twettaq fl-1 ta’ Diċembru 2004, A. Wittmann kien ippreżenta liċenzja tas-sewqan Ċeka ffalsifikata. L-Amtsgericht Lindau, (tribunal kantonali ta’ Lindau), li kien dak iż-żmien it-tribunal territorjali kompetenti, kien, f’sentenza tat-18 ta’ Lulju 2005, ippronunzja biss perijodu ta’ projbizzjoni tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, jiġifieri terminu li matulu ebda liċenzja tas-sewqan ma tista’ tinħareġ lil persuna li ma jkollhiex liċenzja tas-sewqan — għaliex din tal-aħħar kienet diġà ġiet irtirata mingħandha jew għaliex hija kienet għadha qatt ma kellha. L-Amtsgericht Lindau ppronunzja ruħu f’dan is-sens minħabba l-fatt li l-liċenzja tas-sewqan ta’ A. Wittmann kienet ġiet irtirata mingħandu matul is-sena 2001.

13

Din is-sentenza tal-Amtsgericht Lindau saret definittiva fl-14 ta’ Lulju 2006. Il-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ beda fl-14 ta’ Lulju 2006 u skada sena iktar tard, jiġifieri fl-14 ta’ Lulju 2007. Skont il-kodiċi kriminali, il-perijodi ta’ projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jibdew jiddekorru biss meta s-sentenza ta’ kundanna tkun saret definittiva.

14

Għalkemm, wara s-sentenza tal-Amtsgericht Lindau, A. Wittmann ma talabx liċenzja ġdida tas-sewqan fil-Ġermanja, huwa kiseb, min-naħa l-oħra, liċenzja tas-sewqan fil-Polonja fl-14 ta’ Settembru 2005, jiġifieri wara l-pronunzja tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2005, iżda qabel ma din saret definittiva, u qabel ma l-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ sena kien beda.

15

A. Wittmann ippreżenta l-liċenzja tas-sewqan Pollakka tiegħu matul kontroll tat-triq f’Rothenburg-ob-der-Tauber, fil-15 ta’ Settembru 2009. Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, huwa ġie kkundannat għal sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan għal piena li tnaqqas il-libertà personali ta’ erba’ xhur, liema piena ġiet eżegwita.

16

Hija din l-istess liċenzja tas-sewqan Pollakka li A. Wittmann ippreżenta matul il-kontroll tat-triq tas-16 ta’ Mejju 2013, imsemmi fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

17

Permezz tas-sentenza tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2014, l-Amtsgericht Ansbach ikkonstata wkoll li, fil-passat, A. Wittman kien diġà s-suġġett ta’ ħdax-il kundanna għal sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan. B’mod partikolari, il-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu kienet ġiet irtirata mingħandu fl-2001 u ebda liċenzja oħra ma nħarġet sussegwentement lilu fil-Ġermanja.

18

A. Wittmann appella quddiem il-kassazzjoni minn din is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014 quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (qorti reġjonali superjuri ta’ Nurnberg). L-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija ġiet sospiża sal-pronunzja tas-sentenza mill-qorti tar-rinviju.

19

Billi kellha dubji fir-rigward tal-eventwali obbligu, abbażi tad-Direttiva 2006/126, li tirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan Pollakka, l-Oberlandesgericht Nürnberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li, huwa ekwivalenti għal irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan, il-fatt li ma tiġix irtirata lil sewwieq ta’ vettura liċenzja tas-sewqan biss minħabba li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tkun diġà ġiet irtirata qabel u għalhekk huwa ma jkollux fil-pussess tiegħu liċenzja tas-sewqan u l-fatt li, fl-istess ħin, jiġi ordnat li f’ebda każ ma tista’ tinħareġ liċenzja tas-sewqan ġdida għal din il-persuna għal perijodu partikolari?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura li permezz tagħha Stat Membru, li ma jistax jirtira mis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur il-liċenzja tiegħu tas-sewqan minħabba li dan tal-aħħar kien diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rtirar preċedenti, jordna li liċenzja ġdida tas-sewqan mhux ser tkun tista’ tinħareġ lil din il-persuna matul perijodu stabbilit, għandha titqies li hija miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-konsegwenza li ser tkun ta’ ostakolu għar-rikonoxximent tal-validità tal-liċenzji kollha maħruġa minn Stat Membru ieħor qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.

21

A. Wittmann iqis li l-fatti li taw lok għas-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża. Huwa jsostni, billi jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan (sentenza Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 46), li ma għandhomx jiżdiedu eċċezzjonijiet ġodda ma’ dan il-prinċipju. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat żewġ każijiet derogatorji ċari, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ residenza, li ma jilgħab ebda rwol fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, il-ksib ta’ liċenzja tas-sewqan barranija wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni nazzjonali jew matul perijodu ta’ projbizzjoni. Skont A. Wittmann, huwa ma kisibx il-liċenzja tas-sewqan Pollakka tiegħu matul perijodu ta’ projbizzjoni minħabba l-fatt li din il-projbizzjoni daħlet fis-seħħ biss wara l-ksib tal-imsemmija liċenzja.

22

Il-Kummissjoni Ewropea tosserva li l-qorti tar-rinviju rrilevat xebh bejn din il-kawża u l-fatti li kienu l-oriġini tas-sentenza Weber (C‑1/07, EU:C:2008:640). Hija tqis li hemm lok li jiġi eżaminat jekk jeżistux, bejn dawn iż-żewġ kawżi, differenzi li jiġġustifikaw evalwazzjoni legali distinta. Fil-fehma tagħha, dan ma huwiex il-każ għaliex A. Wittmann jinsab, fir-rigward tal-liċenzja tas-sewqan Pollakka tiegħu, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuna akkużata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Weber (C‑1/07, EU:C:2008:640).

23

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317), li tippreċedi d-Direttiva 2006/126, jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri, mingħajr ebda formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 40, kif ukoll Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punti 43 u 44).

24

Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tkun ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

25

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, qabel il-ksib minn A. Wittmann, fl-14 ta’ Settembru 2005, tal-liċenzja tiegħu tas-sewqan Pollakka, l-Amtsgericht Lindau, fit-18 ta’ Lulju 2005, kienet ippronunzjat fil-konfront tiegħu projbizzjoni ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Ġermaniża. Peress li s-sentenza tal-Amtsgericht Lindau saret definittiva fl-14 ta’ Lulju 2006, il-projbizzjoni ta’ ħruġ, konsegwentement, daħlet fis-seħħ fl-istess ġurnata u skadiet sena iktar tard, jiġifieri fl-14 ta’ Lulju 2007. Barra minn hekk, il-fatti li jiġġustifikaw il-miżura ta’ projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fil-Ġermanja ġew ikkonstatati fl-1 ta’ Diċembru 2004, jiġifieri qabel id-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan Pollakka.

26

Għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Weber (C‑1/07, EU:C:2008:640), kienet inkwistjoni persuna li kienet saqet fil-Ġermanja vettura bil-mutur taħt l-influwenza tad-drogi u li kienet rat tiġi imposta fuqha, minbarra multa, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal xahar. Il-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża wara kienet ġiet irtirata mingħandu għall-istess fatti. Wara d-deċiżjoni amministrattiva ta’ sospensjoni tal-liċenzja tiegħu tas-sewqan, iżda qabel ma din id-deċiżjoni kisbet natura definittiva, u qabel id-deċiżjoni sussegwenti li imponiet fuqu l-irtirar tal-liċenzja tiegħu, din il-persuna kisbet liċenzja tas-sewqan Ċeka, li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw li jirrikonoxxu.

27

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikoli 1(2) kif ukoll 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 ma jipprojbixxux li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor favur persuna li hija suġġetta, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan, anki jekk dan l-irtirar ikun ġie ordnat wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, peress li din tal-aħħar tkun inkisbet wara deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-liċenzja maħruġa fl-ewwel Stat Membru u peress li kemm din kif ukoll l-imsemmija miżura ta’ rtirar ikunu ġġustifikati minn motivi eżistenti fid-data tal-ħruġ tat-tieni liċenzja tas-sewqan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weber, C‑1/07, EU:C:2008:640, punt 41. Ara wkoll is-sentenza Apelt, C‑224/10, EU:C:2011:655, punt 31).

28

Ċertament, fil-kawża prinċipali, il-miżura imposta fuq A. Wittmann hija differenti minn dawk imposti fuq F. Weber, minħabba l-fatt li F. Weber kellu dejjem il-liċenzja tiegħu tas-sewqan Ġermaniża meta wettaq, fit-territorju Ġermaniż, il-ksur inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Weber (C‑1/07, EU:C:2008:640), liema fatt ma kienx il-każ ta’ A. Wittmann fil-ħin tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, iċ-ċirkustanza li A. Wittmann ma kellux iktar fil-pussess tiegħu liċenzja tas-sewqan Ġermaniża, li setgħet kienet is-suġġett ta’ rtirar, huwa mingħajr effett għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, projbizzjoni li jikseb liċenzja ġdida tas-sewqan għandha titqies li hija miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Apelt, C‑224/10, EU:C:2011:655, punt 33, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li miżura ta’ żamma tista’ titqies li hija miżura ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439).

29

Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-esklużjoni ta’ dawn il-miżuri mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 tkun timplika li l-persuni li wettqu l-ksur fit-triq mingħajr ma kellhom fil-pussess tagħhom liċenzja tas-sewqan jiġu ttrattati aħjar minn dawk li jkunu wettqu dan il-ksur meta jkunu fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan. Tali riżultat imur kontra l-għan tas-sigurtà fit-toroq, li l-importanza tagħha hija enfasizzata fil-premessi 2 u 15 ta’ din id-direttiva.

30

Issa, li kieku jiġi impost fuq Stat Membru l-obbligu li jirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa lil persuna minn Stat Membru ieħor minkejja li miżura ta’ projbizzjoni li tinkiseb liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat tkun ġiet ippronunzjata kontra din il-persuna minn dan l-Istat, għall-fatti li jkunu ġraw qabel il-ħruġ mit-tieni Stat tal-imsemmija liċenzja, iwassal biex iħeġġeġ lill-awturi ta’ reati fit-territorju ta’ Stat Membru, responsabbli għal miżura bħal din biex minnufih imorru fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu liċenzja ġdida u b’hekk jiġu eliminati l-konsegwenzi amministrattivi jew kriminali tal-imsemmija reati, u finalment ixejjen il-fiduċja li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weber, C‑1/07, EU:C:2008:640, punt 39).

31

Iċ-ċirkustanza li s-sentenza li tippronunzja din il-miżura tkun saret definittiva wara l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan fit-tieni Stat huwa f’dan ir-rigward mingħajr effett, peress li din il-liċenzja tkun inkisbet wara l-pronunzja ta’ din is-sentenza u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura kienu jeżistu fid-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weber, C‑1/07, EU:C:2008:640, punti 36 u 41).

32

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li permezz tagħha Stat Membru tar-residenza normali ta’ persuna, li ma jistax jirtira mingħand din il-persuna, sewwieq ta’ vettura bil-mutur, il-liċenzja tiegħu tas-sewqan minħabba li dan tal-aħħar kien diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rtirar preċedenti, jordna li liċenzja ġdida tas-sewqan mhux ser tkun tista’ tinħareġ lill-imsemmija persuna matul perijodu stabbilit għandha titqies li hija miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-konsegwenza li ser tkun ta’ ostakolu għar-rikonoxximent tal-validità tal-liċenzji kollha maħruġa minn Stat Membru ieħor qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Iċ-ċirkustanza li s-sentenza li tippronunzja din il-miżura tkun saret definittiva wara l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan fit-tieni Stat hija f’dan ir-rigward mingħajr effett, peress li din il-liċenzja tkun inkisbet wara l-pronunzja ta’ din is-sentenza u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura kienu jeżistu fid-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li permezz tagħha Stat Membru tar-residenza normali ta’ persuna, li ma jistax jirtira mingħand din il-persuna, sewwieq ta’ vettura bil-mutur, il-liċenzja tiegħu tas-sewqan minħabba li dan tal-aħħar kien diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rtirar preċedenti, jordna li liċenzja ġdida tas-sewqan mhux ser tkun tista’ tinħareġ lill-imsemmija persuna matul perijodu stabbilit għandha titqies li hija miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-konsegwenza li ser tkun ta’ ostakolu għar-rikonoxximent tal-validità tal-liċenzji kollha maħruġa minn Stat Membru ieħor qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Iċ-ċirkustanza li s-sentenza li tippronunzja din il-miżura tkun saret definittiva wara l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan fit-tieni Stat hija f’dan ir-rigward mingħajr effett, peress li din il-liċenzja tkun inkisbet wara l-pronunzja ta’ din is-sentenza u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura kienu jeżistu fid-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top