This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0256
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 11 June 2015.#Lisboagás GDL - Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA v Autoridade Tributária e Aduaneira.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).#Reference for a preliminary ruling — Value added tax (VAT) — Directive 2006/112/EC — Articles 9, 73, 78, first paragraph, point (a), and 79, first paragraph, point (c) — Taxable amount — Inclusion of the amount of municipal land use taxes paid by the company holding the concession for the gas distribution network in the taxable amount for VAT applicable to supplies of services made by that company to the company responsible for marketing the gas.#Case C-256/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015.
Lisboagás GDL, Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9, 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt a), 79, l-ewwel paragrafu, punt c) — Valur taxxabbli — Inklużjoni tal-ammont tat-taxxi muniċipali ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art imħallsa mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass.
Kawża C-256/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015.
Lisboagás GDL, Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9, 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt a), 79, l-ewwel paragrafu, punt c) — Valur taxxabbli — Inklużjoni tal-ammont tat-taxxi muniċipali ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art imħallsa mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass.
Kawża C-256/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:387
*A9* Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD), Decisão de 19/11/2013 (N° 96/2013-T)
*P1* Tribunal Arbitral tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD), Decisão de 08/07/2015 (N° 96/2013-T)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9, 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt a), 79, l-ewwel paragrafu, punt c) — Valur taxxabbli — Inklużjoni tal-ammont tat-taxxi muniċipali ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art imħallsa mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass”
Fil-Kawża C‑256/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura
Lisboagás GDL – Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Lisboagás GDL – Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA, minn N. Pena u L. Scolari, avukati, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn M. Germani u K. Karavasili, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Campos Laires, kif ukoll minn A. Cunha, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lisboagas GDL – Sociedad Distribuidora de Gas natural de Lisboa SA (iktar ’il quddiem “Lisboagas”) u l-Autoridade Tributaria e Aduaneira (awtorità fiskali u tad-dwana) rigward atti ta’ awto-likwidazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għax-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju tal-2012. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi: “‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.” |
4 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva: “Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.” |
5 |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.” |
6 |
Skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, ta’ din id-direttiva, it-taxxi, id-dazji, l-imposti u l-piżijiet, minbarra l-VAT innifisha, għandhom jiġu inklużi fil-valur taxxabbli. |
7 |
Min-naħa l-oħra, il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li mill-valur taxxabbli għandhom jiġu esklużi l-ammonti riċevuti minn persuna taxxabbli mingħand ix-xerrej jew il-kerrej, bħala ħlas lura għan-nefqa mħallsa f’isem u għan-nom ta’ dawn tal-aħħar u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f’kont ta’ sospiża. |
Id-dritt Portugiż
8 |
L-Artikolu 2 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-valur miżjud (Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado, iktar ’il quddiem is-“CIVA”), jipprevedi: “1 – Dawn li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa:
[...] 2 – Madankollu, l-Istat u l-persuni ġuridiċi l-oħra tad-dritt pubbliku ma humiex suġġetti għat-taxxa meta jwettqu operazzjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika anki meta huma jiġbru f’din l-okkażjoni ħlasijiet jew kwalunkwe korrispettiv ieħor, sa fejn il-fatt li ma humiex suġġetti għat-taxxa ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni. [...]” |
9 |
L-Artikolu 16 tas-CIVA jipprevedi: “1 – Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 10, il-valur taxxabbli tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli għandu jikkorrispondi għall-valur tal-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mix-xerrej, mid-destinatarju jew minn terz. [...] 5 – Fil-valur taxxabbli tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli, għandhom jiġu inklużi l-elementi li ġejjin:
[...] 6 – Ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur taxxabbli msemmi fil-punt preċedenti l-elementi li ġejjin: [...]
[...]” |
10 |
Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 53-E/2006, tad-29 ta’ Diċembru 2006, li tapprova l-iskema ġenerali tat-taxxi tal-awtoritajiet lokali (Lei n 53-E/2006, V tad-29 ta’ Diċembru 2006, Aprova o regime geral das taxas das autarquias locais), tad-29 ta’ Diċembru 2006 (Diario da Republica, 1re série, n 248, tad-29 ta’ Diċembru 2006): “It-taxxi tal-awtoritajiet lokali huma taxxi li huma bbażati fuq il-provvista konkreta ta’ servizz pubbliku lokali, fuq l-użu privat ta’ oġġetti tal-qasam pubbliku u privat tal-awtoritajiet lokali jew fuq it-tneħħija ta’ ostakolu legali għall-imġiba ta’ individwi, meta dan ikun jaqa’ taħt l-awtoritajiet lokali skont il-liġi.” |
11 |
L-Artikolu 6(1)(c) ta’ din il-liġi jippermetti lill-muniċipalitajiet japplikaw din it-taxxa “fil-każ ta’ użu jew sfruttament tal-proprjetà muniċipali tal-qasam pubbliku jew privat”. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Lisboagas hija l-konċessjonarja esklużiva tas-servizz pubbliku tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass f’muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Lisbona (il-Portugall), responsabbli, b’mod partikolari, għall-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta’ dan in-netwerk. Peress li dan in-netwerk huwa magħmul b’mod partikolari minn pajpijiet installati taħt l-art fil-qasam pubbliku ta’ ċerti muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona ta’ konċessjoni, Lisboagas hija suġġetta għall-ħlas ta’ taxxi ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art, (iktar ’il quddiem it-“TOS”) imposti minn dawn il-muniċipalitajiet. |
13 |
Konformement mal-kuntratt ta’ konċessjoni, Lisboagas, wara li tkun ħallset it-TOS lill-muniċipalitajiet, tgħaddi l-ammont ta’ dawn it-taxxi fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass fiż-żona ta’ konċessjoni meta hija tiffattura lil din tal-aħħar għall-użu tal-infrastrutturi tan-netwerk għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi. Sussegwentement, il-kumpannija msemmija l-aħħar tgħaddi l-ammont tat-TOS fuq il-konsumaturi fil-fattura tal-provvista tal-gass. |
14 |
Fuq l-istruzzjonijiet tal-awtorità fiskali, Lisboagas ikkalkolat il-VAT bir-rata normali ta’ 23 % fuq l-ammonti tat-TOS li ġew mgħoddija, sussegwentement, fuq il-konsumaturi matul ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju 2012. Hija iddikjarat din il-VAT fid-denunzji perjodiċi korrispondenti tagħha u ħallsitha fil-ħin. |
15 |
Wara ċ-ċaħda tat-talbiet mhux kuntenzjużi tagħha għall-ħlas lura tal-VAT, fid-29 ta’ April 2013 Lisboagas ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Arbitral Tributario (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD). |
16 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, Lisboagas issostni, b’mod partikolari, li l-fatt li t-TOS jiġu mgħoddija ma jikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, minħabba l-assenza ta’ korrispettiv dirett jew indirett, b’tali mod li dan ma huwiex provvista bi ħlas u ma jiġġenerax valur miżjud. |
17 |
Barra minn hekk, skont Lisboagas, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, traspost permezz tal-Artikolu 16(5)(a) tas-CIVA ma japplikax għat-TOS, peress li dawn tal-aħħar ma għandhomx rabta diretta ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha, ma humiex relatati mal-eżerċizzju tal-attività li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ konċessjoni u, b’mod partikolari, il-ġbir tagħhom ma jirrappreżentax il-korrispettiv effettiv għal tranżazzjoni taxxabbli mwettqa minnha fir-rigward tal-entità li tikkummerċjalizza l-gass. |
18 |
Hija żżid li, peress li t-TOS huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT meta jinġabru mill-muniċipalitajiet skont l-Artikolu 2 tas-CIVA, is-sempliċi fatt li jiġu mgħoddija mingħajr ebda marġni ma għandux jagħti lok għall-inklużjoni tagħhom fil-valur taxxabbli tal-VAT. Il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jeħtieġ, fil-fatt, li t-trattament ta’ spiża partikolari fir-rigward tal-VAT jinżamm meta l-ammont eżatt ta’ din l-ispiża jiġi ffatturat mill-ġdid lil terz. |
19 |
L-Autoridade Tributaria e Aduaneira ssostni li l-fatt li Lisboagas titħallas lura l-ammont ta’ VAT li tkun ikkalkolat u rċeviet mill-klijent tagħha jwassal għal arrikiment indebitu li ma huwiex permess taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u taħt id-dritt tal-Unjoni. |
20 |
Barra minn hekk, hija tosserva li l-użu jew l-utilizzazzjoni ta’ oġġett tal-qasam pubbliku jinvolvi att ta’ konsum li, għall-finijiet tal-VAT, jammonta għal provvista ta’ servizzi u ma jistax jiġi allegat li l-ħlas tat-TOS ma għandu l-ebda rabta diretta mat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minn Lisboagas, ladarba d-distribuzzjoni tal-gass ssir minn taħt l-art ta’ kostitwenza jew muniċipalità partikolari. |
21 |
Hija tqis li, jekk il-ġbir tat-TOS ma huwiex suġġett għall-VAT, sa fejn il-konċessjoni ta’ oġġetti tal-qasam pubbliku hija mogħtija mill-muniċipalitajiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tagħhom, it-taxxa tiġi mgħoddija minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat u dan il-fatt jagħmel parti, min-naħa tiegħu, minn provvista ta’ servizzi li tintemm bil-provvista tal-gass lill-konsumaturi. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li d-deċiżjoni li hija ser tieħu sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali mhux ser tkun suġġetta għal rikors. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
24 |
Peress li l-Kummissjoni tinnota, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija qed titlob l-interpretazzjoni tagħhom u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi, fil-fatt, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha jkun fiha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
25 |
Madankollu, peress li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti attwali jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, kif ukoll Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 32). |
26 |
F’dan il-każ, minkejja l-assenza ta’ dettalji fid-deċiżjoni tar-rinviju rigward id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom intalbet l-interpretazzjoni u r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, jirriżulta mill-espożizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ppreżentata f’din id-deċiżjoni, kif ukoll mid-domandi magħmula, li dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-Direttiva tal-VAT u li d-dispożizzjonijiet rilevanti biex tingħata risposta għalihom, partikolarment fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Lisboagas, huma l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu, tal-Artikolu 79 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li risposta għal dawn id-domandi għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima. |
27 |
Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
28 |
Dwar il-mertu, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu ta’ qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra li hija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad mgħoddi minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn l-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni waħda. |
29 |
Skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, it-taxxi għandhom, bl-eċċezzjoni tal-VAT innifisha, jiġu inklużi fil-valur taxxabbli tal-VAT. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li, sabiex taxxa tkun tista’ taqa’ taħt il-valur taxxabbli tal-VAT, minkejja li ma tirrappreżentax valur miżjud u ma tikkostitwixxix il-korrispettiv ekonomiku tal-provvista ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, hija għandu jkollha rabta diretta ma’ din il-kunsinna jew ma’ din il-provvista, u li l-kwistjoni dwar jekk il-fatt li jiġġenera l-imsemmija taxxa jikkoinċidix ma’ dak tal-VAT huwa element deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Danske Bilimportorer, C‑98/05, EU:C:2006:363, punt 17; Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑228/09, EU:C:2010:295, punt 30; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑433/09, EU:C:2010:817, punt 34, kif ukoll TVI, C‑618/11, C‑637/11 u C‑659/11, EU:C:2013:789, punti 37 u 39) |
30 |
Fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-TOS jitħallsu minn Lisboagas lill-muniċipalitajiet, qabel it-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT li sseħħ bejn Lisboagas u l-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi u indipendentement minn din it-tranżazzjoni, bħala korrispettiv għall-użu tal-qasam pubbliku muniċipjali minħabba l-preżenza fih tal-infrastrutturi tan-netwerk tal-gass operat minn Lisboagas. Din tgħaddi, sussegwentement, l-ammont ta’ dawn it-TOS fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass meta tiffattura lil din tal-aħħar għall-użu tal-imsemmija infrastrutturi għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi. |
31 |
Minn dan isegwi li t-TOS ma jirrappreżentawx valur miżjud u ma jikkostitwixxux il-korrispettiv ekonomiku għall-operazzjoni suġġetta għall-VAT li sseħħ bejn il-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass u l-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass u li l-fatt li jiġġenera dawn it-TOS ma jikkoinċidix ma’ dak tal-VAT, b’tali mod li dawn ma għandhom l-ebda rabta diretta ma’ din l-operazzjoni. |
32 |
Għaldaqstant, it-TOS ma jagħmlux parti mit-taxxi li għandhom jiġu inklużi, skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, fil-valur taxxabbli tal-VAT. |
33 |
Mill-bqija, meta tgħaddi l-ammont tat-TOS fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass fil-fatturazzjoni lil din tal-aħħar għall-użu tal-imsemmija infrastrutturi għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi, Lisboagas ma tgħaddix it-TOS inkwantu tali, iżda l-prezz tal-użu tal-qasam pubbliku muniċipali. Dan il-prezz jagħmel parti mill-ispejjeż totali sostnuti minn Lisboagas u inkluż fil-prezz tal-provvista tagħha li għandhom jitħallsu lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass. Il-fatt li, konformement mal-kuntratt ta’ konċessjoni, l-ammont tat-TOS huwa s-suġġett ta’ entrata separata fil-fattura maħruġa minn Lisboagas imbagħad fil-fatturi mibgħuta mill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. |
34 |
Konsegwentement, l-ammont tat-TOS jikkostitwixxi element tal-korrispettiv miksub minn Lisboagas mingħand il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass għall-provvista tagħha, li ma huwiex kkontestat li din hija “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, dan l-ammont għandu, għalhekk, jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT għal dan il-provvista. |
35 |
Barra minn hekk, l-ammont tat-TOS ma jistax jiġi eskluż mill-valur taxxabbli tal-VAT ta’ din il-provvista msemmija l-aħħar abbażi tal-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT, peress li l-ammont jinġabar mhux bħala rimbors għal spejjeż sostnuti f’isem u akkont tal-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi, iżda biex jagħmel tajjeb għall-ispiża tal-użu tal-qasam muniċipali sostnuta minn Lisboagas għall-bżonnijiet tal-attività tagħha. |
36 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, l-inklużjoni tal-ammont tat-TOS fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz li hija tipprovdi lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi li kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi simili, li jkunu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu trattati b’mod differenti fir-rigward tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-muniċipalitajiet ma humiex ikkunsidrati li huma suġġetti għall-VAT meta huma jiġbru taxxi bħat-TOS, filwaqt li, taħt l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, kumpanniji bħal Lisboagas huma kkunsidrati li huma suġġetti għall-VAT meta dawn iwettqu “attivitajiet ekonomiċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fil-punti 31, 33, u 34 ta’ din is-sentenza, il-ġbir tat-TOS mill-muniċipalitajiet u t-trasferiment, minn Lisboagas lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, tad-dritt li tuża n-netwerk tal-gass li hija topera bil-ħlas ta’ korrispettiv li jintegra fih l-ammont tat-TOS ma jikkostitwixxux “tranżazzjonijiet simili”. |
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu tal-qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li mbagħad jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra, responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut mill-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni kumpannija skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu tal-qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li mbagħad jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra, responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizz ipprovdut mill-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni kumpannija skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.