Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0194

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2015.
    AC-Treuhand AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tal-landa u stabilizzanti tat-temperatura ESBO/esteri – Artikolu 81(1) KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Impriża ta’ konsulenza li ma toperax fis-swieq inkwistjoni – Kunċetti ta’ ‘ftehim bejn impriżi’ u ta’ ‘prattika miftiehma’ – Kalkolu tal-ammont tal-multi – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża C-194/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:717

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    22 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tal-landa u stabilizzanti tat-temperatura ESBO/esteri — Artikolu 81(1) KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Impriża ta’ konsulenza li ma toperax fis-swieq inkwistjoni — Kunċetti ta’ ‘ftehim bejn impriżi’ u ta’ ‘prattika miftiehma’ — Kalkolu tal-ammont tal-multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 — Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Fil-Kawża C‑194/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-17 ta’ April 2014,

    AC‑Treuhand AG, stabbilita fi Zurich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn C. Steinle, I. Bodenstein u C. von Köckritz, Rechtsanwälte,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Leupold, F. Ronkes Agerbeek u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, AC‑Treuhand AG (iktar ’il quddiem “AC‑Treuhand”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Frar 2014, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (T‑27/10, EU:T:2014:59, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzanti tat-temperatura) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multi imposti fuqha skont din id-deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

    2

    Taħt it-titolu “Multi”, l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

    “2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    a)

    jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE]; [...]

    Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

    [...]

    3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

    3

    L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”, huwa fformulat kif ġej:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

    Il-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru°1/2003

    4

    Il-punti 4 sa 6, 13, 36 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”), jistabbilixxu:

    “4.   [...] Il-multi għandhom jiġu stabbiliti f’livell dissważiv biżżejjed, mhux biss sabiex l-impriżi inkwistjoni jiġu ssanzjonati (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll sabiex impriżi oħra jiġu skoraġġuti milli jwettqu aġir kuntrarju għall-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] jew milli jkomplu b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).

    5.   Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwa xieraq li l-Kummissjoni tieħu, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, il-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi fir-rigward tal-ksur. It-tul tal-ksur għandu wkoll ikollu rwol sinjifikattiv fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. [...]

    6.   Fil-fatt, l-għaqda tal-valur tal-bejgħ f’relazzjoni mal-ksur u tat-tul titqies bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti fil-ksur. [...]

    [...]

    13.   Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta [(dan ikun il-każ pereżempju għall-ftehimiet ta’ prezzijiet orizzontali li jirrigwardaw prodott partikolari, meta l-prezz ta’ dan il-prodott iservi sussegwentement bħala bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri)] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. [...]

    [...]

    36.   Il-Kummissjoni tista’, f’ċerti każi, timponi multa simbolika. Il-ġustifikazzjoni ta’ tali multa għandha tinsab fit-test tad-deċiżjoni.

    37.   Għalkemm dawn il-linji gwida jispjegaw il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-partikolarijiet ta’ kawża partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija [...].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċertu numru ta’ impriżi kisru l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) billi pparteċipaw f’numru ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-ŻEE, u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epoksizzat u ta’ esteri (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esteri”).

    6

    Id-deċiżjoni kontenzjuża tispeċifika li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ ksur matul perijodi differenti inklużi bejn l-24 ta’ Frar 1987 u l-21 ta’ Marzu 2000, għas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, u bejn il-11 ta’ Settembru 1991 u s-26 ta’ Settembru 2000, fis-settur ESBO/esteri.

    7

    AC‑Treuhand, li s-sede prinċipali tagħha tinstab Zurich, hija kumpannija ta’ konsulenza li toffri diversi servizzi lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif ukoll lill-gruppi interessati, inkluż il-ġestjoni u l-amministrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet professjonali Svizzeri u internazzjonali kif ukoll ta’ federazzjonijiet u ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, il-ġbir, it-trattament u l-ipproċessar ta’ data tas-suq; il-preżentazzjoni tal-istatistika tas-suq u l-kontroll tad-dħul ikkomunikat lill-parteċipanti.

    8

    L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jiddikjara lill-appellanti responsabbli talli pparteċipat, mill-1 ta’ Diċembru 1993 sal-21 ta’ Marzu 2000, fis-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, u mill-1 ta’ Diċembru 1993 sas-26 ta’ Settembru 2000, fis-settur ESBO/esteri, f’numru ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fi ħdan iż-ŻEE, u li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq permezz ta’ kwoti ta’ bejgħ, f’ li jinqasmu l-klijenti u f’ li tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari fuq il-klijenti, il-produzzjoni u l-bejgħ.

    9

    Il-Kummissjoni żżomm lil AC‑Treuhand responsabbli sa fejn din kellha rwol essenzjali u simili fiż-żewġ każijiet ta’ ksur inkwistjoni peress li organizzat diversi laqgħat li hija assistiet għalihom u pparteċipat attivament, billi ġabret u forniet lill-produtturi kkonċernati data fuq il-bejgħ tas-swieq inkwistjoni, billi ipproponiet li taġixxi bħala moderatur fil-każ ta’ tensjoni bejn l-imsemmija produtturi u billi inkoraġġiethom sabiex jinstabu kompromessi, u dan għal remunerazzjoni.

    10

    Konformement mal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġew imposti fuq AC‑Treuhand żewġ multi ta’ EUR 174000 kull waħda.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    11

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2010, AC‑Treuhand talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multi imposti fuqha.

    12

    Insostenn tar-rikors tagħha, AC‑Treuhand invokat disa’ motivi, li fosthom huma biss it-tielet sal-ħames wieħed li huma ta’ interess għall-finijiet ta’ dan l-appell. Il-Qorti Ġenerali ppreżentathom kif ġej fil-punti 36 u 268 tas-sentenza appellata:

    “36

    Għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka [...] ksur tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege (it-tielet motiv); [...]

    [...]

    268

    Insostenn tat-talbiet tagħha sussidjarji għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-[ammont] tal-multi li ġew imposti fuqha, ir-rikorrenti tinvoka [...] [b’mod partikolari, il-ksur] ta’ obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li timponi biss multa simbolika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti (ir-raba’ motiv), [...] [u] ksur tal-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (il-ħames motiv) [...]”

    13

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    It-talbiet tal-partijiet

    14

    AC‑Treuhand titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża;

    sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    15

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lil AC‑Treuhand għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    16

    AC‑Treuhand tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u l-prinċipju ta ’ nullum crimen, nulla poena sine lege

    L-argumenti tal-partijiet

    17

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, AC‑Treuhand targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) peress li ddeċidiet, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, billi rreferiet għas-sentenza tagħha AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (T‑99/04, EU:T:2008:256, iktar ’il quddiem is-“sentenza Treuhand I”), minn naħa, li l-aġir ta’ impriża ta’ konsulenza li tipprovdi għajnuna għal akkordju billi tipprovdi servizzi tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u, min-naħa l-oħra, li din l-interpretazzjoni kienet raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur.

    18

    F’dan ir-rigward, AC‑Treuhand issostni li r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jipprekludu l-konklużjoni li hija pparteċipat fi “ftehim bejn impriżi” jew fi “prattika miftiehma” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-projbizzjoni prevista fiha hija intiża biss għall-partijiet għal tali ftehimiet jew prattiki miftiehma fihom innifishom u mhux għall-aġir li jirriżulta minn sempliċi kompliċità.

    19

    Madankollu, l-aġir ta’ AC‑Treuhand ma jistax jiġi kklassifikat bħala parteċipazzjoni fl-akkordji inkwistjoni, li jinvolvu biss lill-produtturi ta’ stabilizzanti tat-temperatura. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ftehim bejn impriżi” jeħtieġ li mill-inqas żewġ partijiet ikunu esprimew il-volontà konkordanti tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat.

    20

    L-imsemmi kunċett jippreżumi, b’hekk, ċerta relazzjoni mas-swieq ikkonċernati bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni min-naħa tal-partijiet. Tali relazzjoni hija nieqsa f’dak li jirrigwarda lil AC‑Treuhand, sa fejn il-volontà tagħha kienet ibbażata biss fuq li tipprovdi servizzi sabiex tiffaċilita l-akkordji, abbażi ta’ kuntratti li ma jippreżentaw l-ebda rabta diretta mar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, AC‑Treuhand tallega li hija ma kinitx attiva fis-swieq upstream jew downstream jew qrib tas-swieq affettwati bl-akkordji u ma kinitx irrestrinġiet l-aġir tagħha fis-suq, aspett li jaqa’ fin-natura stess tal-akkordji.

    21

    Peress li ma abbandunatx l-awtonomija tagħha fir-rigward tal-aġir kummerċjali tagħha favur koordinazzjoni ma’ impriżi oħrajn, l-aġir li AC‑Treuhand ġiet ikkritikata bih lanqas ma jissodisfa l-kriterji li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “prattika miftiehma”, fis-sens miftiehem mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    22

    Barra minn hekk, AC‑Treuhand issostni li l-aġir tagħha seta’ ġie ssanzjonat konformement mar-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kieku, fiż-żmien meta seħħ il-ksur, kienet teżisti ġurisprudenza stabbilita li minnha setgħat tiġi dedotta inkriminazzjoni b’mod suffiċjentement ċar. Madankollu, ma kienet teżisti l-ebda ġurisprudenza qabel is-sentenza AC‑Treuhand I li kkundannat l-aġir li huwa inkwistjoni f’din il-kawża.

    23

    Barra minn hekk, qabel id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, li tirrigwarda proċedimenti taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Perossidi organiċi”), li wasslet għas-sentenza AC‑Treuhand I, ebda impriża ta’ konsulenza li tkun ipprovdiet servizzi lil akkordju ma kienet instabet responsabbli skont l-Artikolu 81(1) KE. Il-Kummissjoni kienet ammettiet barra minn hekk li, il-fatt li tindirizza deċiżjoni ta’ impriża li kellha rwol tant speċifiku kien, sa ċertu punt, ġdid.

    24

    F’tali ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni sabiex tiġġustifika l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza appellata.

    25

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ AC‑Treuhand.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26

    Għandu jiġi ddeterminat, f’din il-kawża, jekk impriża ta’ konsulenza tistax tinżamm responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE meta din tikkontribwixxi attivament u b’ għarfien sħiħ tal-implementazzjoni jew tat-tkomplija ta’ akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li topera fih hi.

    27

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 81(1) KE, li permezz tiegħu għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu pprojbiti l-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi miftiehma, li għandhom ċerti karatteristiċi, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li l-projbizzjoni stabbilita fih hija intiża unikament għall-partijiet għal tali ftehimiet jew prattiki miftiehma li huma attivi fis-swieq affettwati minnhom.

    28

    Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ “ftehim” hija bbażata fuq l-espressjoni tal-qbil tal-volontajiet ta’ mill-inqas żewġ partijiet, bil-forma li fiha jkun espress dan il-qbil ma tkunx determinanti fiha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punt 37).

    29

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “prattika miftiehma”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 81(1) KE jiddistingwi dan il-kunċett b’mod partikolari minn dak ta’ “akkordju” u ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi” bl-intenzjoni unika li jkopri forom differenti ta’ kollużjoni bejn impriżi li, mill-perspettiva suġġettiva, għandhom l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li huma jimmanifestaw ruħhom fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 112, u T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 23).

    30

    Meta inkwistjoni jkun hemm, bħal f’dan il-każ, ftehimiet u prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha turi, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li impriża ħadet sehem fi ksur u li hija responsabbli għall-elementi kollha tiegħu, li l-impriża kkonċernata riedet tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kellha għarfien tal-aġir materjali previst jew imwettaq minn impriżi oħrajn fit-tħaddin ta’ dawn l-għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih jew li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 8687, u , Aalborg Portland et vs Il‑KummissjoniC‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P, uC‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 83).

    31

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-parteċipazzjoni passiva fil-ksur, bħall-preżenza ta’ impriża f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet bi skop antikompetittiv, mingħajr ma tkun manifestament opposta għal dan, hija kompliċità li hija ta’ natura li tinvolvi r-responsabbiltà tagħha fil-qafas tal-Artikolu 81(1) KE, peress li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma tbiegħed ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha jew tirrappurtah mal-impriżi amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tikkomprometti s-sejba tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 142143 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, meta hija kellha tevalwa l-eżistenza ta’ “akkordju [ftehim]”, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li kienet kwistjoni tal-espressjoni tal-volontà konkordanti tal-partijiet li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, EU:C:1970:71, punt 112). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu “prattika miftiehma”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunċett inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li huwa għandu l-intenzjoni jadotta fis-suq komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 116).

    33

    Madankollu, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jirriżultax li l-kunċetti ta’ “akkordju [ftehim]” u “prattika miftiehma” jippreżumu limitazzjoni reċiproka tal-libertà ta’ azzjoni fl-istess suq fejn ikun hemm il-partijiet kollha.

    34

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 81(1) KE jikkonċerna biss jew l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew anki fis-swieq upstream, downstream jew qrib tal-imsemmi suq, jew l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma.

    35

    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 81(1) KE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 358, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 492 kif ukoll 493); Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punti 72 sa 80; Binon, 243/83, EU:C:1985:284, punti 39 sa 47, kif ukoll Javico,C‑306/96, EU:C:1998:173, punti 10 sa 14).

    36

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-għan prinċipali tal-Artikolu 81(1) KE huwa li tiġi żgurata ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fi ħdan is-suq komuni. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dan id-dispożizzjoni kif issuġġerita minn AC‑Treuhand tista’ tnaqqas l-effettività sħiħa tal-projbizzjoni stabbilita bl-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn tali interpretazzjoni ma tippermettix li titwaqqaf il-kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-fatt biss li din il-kontribuzzjoni ma tirrigwardax attività ekonomika fis-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett.

    37

    F’dan il-każ, skont il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 10 tas-sentenza appellata, AC-Treuhand kellha rwol essenzjali u simili fiż-żewġ każijiet ta’ ksur inkwistjoni meta organizzat diversi laqgħat li hija assistiet u pparteċipat attivament għalihom, billi ġabret u pprovdiet lill-produtturi ta’ stabilizzanti tat-temperatura data fuq il-bejgħ tas-swieq inkwistjoni, billi pproponiet li taġixxi bħala moderatur fil-każ ta’ tensjoni bejn dawn il-produtturi u billi inkoraġġiethom sabiex jinstabu kompromessi, u dan għal remunerazzjoni.

    38

    Minn dan jirriżulta li l-aġir adottat minn AC‑Treuhand jagħmel parti diretta mal-isforzi tal-produtturi ta’ stabilizzanti tat-temperatura fir-rigward kemm tan-negozjar kif ukoll tal-kontroll tal-implementazzjoni tal-obbligi mogħtija minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-akkordji, peress li l-għan stess tas-servizzi pprovduti minn AC‑Treuhand abbażi tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi konklużi mal-imsemmija produtturi huwa l-kisba, deliberatament, tal-għanijiet antikompetittivi inkwistjoni, jiġifieri, bħalma jirriżulta mill-punt 4 tas-sentenza appellata, l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

    39

    F’tali ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li tippretendi AC‑Treuhand, anki jekk l-imsemmija kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ġew formalment konklużi separatament mill-impenji mogħtija mill-produtturi tal-istabilizzanti tat-temperatura stess, u minkejja l-fatt li AC‑Treuhand hija impriża ta’ konsulenza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-interventi tagħha, f’din il-kwalità, jikkostitwixxu sempliċi servizzi periferali mingħajr relazzjoni mal-obbligi kkuntrattati mill-produtturi u r-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn dan.

    40

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegat ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija mill-qrati dwar dan, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege għalhekk ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217218).

    42

    Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ jistenna wkoll li huma jkollhom attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-kuntest, minkejja li, fiż-żmien meta seħħ il-ksur li wassal għad-deċiżjoni kontenzjuża, il-qrati tal-Unjoni Ewropea kien għad ma kellhomx l-opportunità li jiddeċiedu speċifikament dwar l-aġir ta’ impriża ta’ konsulenza bħal dak li kkaratterizza l-azzjoni ta’ AC‑Treuhand, din setgħet tistenna, jekk hemm bżonn wara konsulenza esperta, li l-aġir tagħha jista’ jkun iddikjarat inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata wiesgħa tal-kunċetti ta’ “akkordju [ftehim]” u “prattika miftiehma” li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    44

    Din il-konklużjoni, barra minn hekk, hija msaħħa bil-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni. Fil-fatt, diġà fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 80/1334/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1980, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (Każ IV/29.869 – Ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja) (ĠU L 383, p. 19), din l-istituzzjoni kkunsidrat li impriża ta’ konsulenza li pparteċipat fl-implementazzjoni ta’ akkordju kienet kisret l-Artikolu 81(1) KE. Ebda deċiżjoni ulterjuri ma tista’ tafferma li l-Kummissjoni kienet se terġa’ lura fl-interpretazzjoni tagħha, f’dan is-sens, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    45

    Ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex AC‑Treuhand tkun tista’ tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehimiet u fil-prattiki miftiehma inkwistjoni huma b’hekk issodisfatti f’dan il-każ.

    46

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet validament tikkunsidra, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, li l-aġir adottat minn AC‑Treuhand kien jaqa’ fil-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE u li tali interpretazzjoni kienet raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur.

    47

    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ewwel aggravju huwa infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif ukoll tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    48

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, AC‑Treuhand targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, meta ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-ammont tal-multi billi llimitat ruħha li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata dwar in-natura prevedibbli tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-aġir adottat minn AC‑Treuhand. Skont din tal-aħħar, l-imsemmi prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jeħtieġ li kemm il-projbizzjoni ta’ azzjoni ddeterminata kif ukoll ir-riskju ta’ sanzjoni li huwa relatat magħha jkunu raġonevolment prevedibbli meta jseħħu l-fatti. B’hekk, dawn iż-żewġ aspetti kellhom jiġu distinti u evalwati separatament mill-Qorti Ġenerali.

    49

    Barra minn hekk, AC‑Treuhand tqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ddeċidiet, fid-dawl tas-setgħa tal-Kummissjoni li tidderoga mill-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li din l-istituzzjoni ma kinitx marbuta timponi multi simboliċi fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. AC‑Treuhand, f’dan ir-rigward, targumenta li l-aġir li qiegħda tiġi kkritikata għalih f’dan il-każ ma huwiex fundamentalment distint minn dak li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni Perossidi organiċi li fiha AC‑Treuhand ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni bl-impożizzjoni ta’ multa simbolika.

    50

    Barra minn hekk, AC‑Treuhand issostni li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, sa fejn is-sentenza appellata ma tistabbilixxix raġunijiet oġġettivi li jippermettu li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq.

    51

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ AC‑Treuhand.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    52

    L-eżami tal-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jippermetti l-konstatazzjoni li AC‑Treuhand allegat biss quddiem il-Qorti Ġenerali, skont ir-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kellha timponilha multi ta’ ammont simboliku, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-aġir tagħha ma kinitx prevedibbli meta seħħ il-ksur. F’dan ir-rigward, minn naħa, AC‑Treuhand irreferiet biss għall-argumenti tagħha fir-rigward tan-natura ġdida tal-interpretazzjoni li l-aġir ta’ impriża ta’ konsulenza jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. Min-naħa l-oħra, AC‑Treuhand sostniet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa li ma hijiex simbolika hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege peress li l-ksur suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien diġà waqaf fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Perossidi organiċi li permezz tagħha din l-istituzzjoni imponiet multa simbolika biss. Min-naħa l-oħra, AC‑Treuhand ma sostnietx ukoll li dan l-approċċ ikun ukoll kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    53

    Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju insostenn tal-appell tagħha, AC‑Treuhand tavvanza ilmenti ġodda, ibbażati fuq in-natura imprevedibbli tal-ammont għoli tal-multi li ġew imposti fuqha f’dan il-każ, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-aġir tagħha għandux tali natura, kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    54

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem aggravji jew argumenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iżjed wiesgħa minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-aggravji u argumenti li ġew diskussi quddiemha. L-imsemmija ilmenti għandhom, għalhekk, jiġu mwarrba bħala inammissibbli.

    55

    Fir-rigward tal-ilment ta’ AC‑Treuhand dwar l-assenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti imposti mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx deċiżjoni dwar motiv li ma tressaqx quddiemha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 70). Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi ddikjarat infondat.

    56

    Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida tal-2006, kif ukoll tal-prinċipji ta ’ ċertezza legali, ta ’ ugwaljanza fit-trattament u ta ‘ proporzjonalità.

    L-argumenti tal-partijiet

    57

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, AC‑Treuhand tissottometti li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-linji gwida tal-2006, peress li kkunsidrat, fl-eżami tal-ħames aggravju insostenn tar-rikors tagħha, minn naħa, li AC‑Treuhand ma setgħetx tinvoka ksur tal-imsemmija linji gwida u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-multi bħala somma f’daqqa, abbażi tal-punt 37 tal-imsemmija linji gwida, minflok tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-valur tal-onorarji li hija rċeviet għas-servizzi pprovduti lill-produtturi. Skont AC‑Treuhand, peress li hija inżammet responsabbli minħabba l-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji kkontestati, dawn l-onorarji jikkostitwixxu dħul mill-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur u b’hekk jistgħu iservu, konformement mal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multi. Hija targumenta wkoll, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-multi jiġu imposti bħala somma f’daqqa jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

    58

    Barra minn hekk, AC‑Treuhand tqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet immotivat id-deċiżjoni tagħha suffiċjentement f’dak li jirrigwarda l-kriterji wżati sabiex jiġu stabbiliti l-multi imposti.

    59

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ AC‑Treuhand.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    60

    Għandu jiġi kkunsidrat, preliminarjament, li l-ilmenti ta’ AC‑Treuhand ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli għar-raġuni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, mill-eżami tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-ilmenti tqajmu għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ dan l-appell, b’AC‑Treuhand tkun limitata li tinvoka, bil-ħames motiv fl-ewwel istanza, li din il-kawża ma tippreżenta ebda speċifiċità li tista’ tiġġustifika l-kalkolu tal-multi bħala somma f’daqqa.

    61

    Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li AC‑Treuhand ma setgħetx tinvoka ksur tal-linji gwida tal-2006, għandu jiġi nnotat li, fil-punti 298 u 299 tas-sentenza appellata, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti ġuridiċi tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 213), il-Qorti Ġenerali vverifikat, fid-dawl tal-ilmenti mqajma minn AC‑Treuhand dwar dan is-suġġett, jekk il-Kummissjoni setgħetx tiddevja mil-linji gwida tal-2006 f’dan il-każ.

    62

    Peress li AC‑Treuhand tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-multi imposti abbażi tal-onorarji li hija rċeviet, għandu jitfakkar li, huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, liema dħul jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 50).

    63

    B’hekk, il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE”. Dawn l-istess linji gwida jispeċifikaw, fil-punt 6 tagħhom, li “l-għaqda tal-valur tal-bejgħ f’relazzjoni mal-ksur u tat-tul [tiegħu] titqies bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti fil-ksur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    64

    Minn dan jirriżulta li l-punt 13 tal-imsemmija linji gwida għandu l-għan li jieħu, bħala prinċipju, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53).

    65

    Madankollu, il-punt 37 tal-linji gwida tal-2006 jistabbilixxi li “[g]ħalkemm dawn il-linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

    66

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-uniċi swieq affettwati bil-ksur ikkonstatat huma dawk ta’ stabilizzaturi tal-landa u ESBO/esteri, li fihom AC‑Treuhand, bħala impriża ta’ konsulenza, ma kinitx preżenti. Konsegwentement, ebda parti mid-dħul mill-bejgħ magħmul minn din l-impriża ma seta’ jiġi minn prodotti li huma s-suġġett tal-imsemmi ksur. F’tali ċirkustanzi, id-determinazzjoni tal-multi imposti abbażi tal-onorarji riċevuti minn AC‑Treuhand għas-servizzi pprovduti lill-produtturi twassal li jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ valur li, filwaqt li jagħti indikazzjoni dwar l-ammont tal-benefiċċji li hija ħadet mill-ksur, ma jirriflettix b’mod adegwat la l-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni u lanqas il-piż tal-parteċipazzjoni individwali ta’ AC‑Treuhand f’dan il-ksur, kuntrarjament għall-għan imfittex mill-punt 13 tal-linji gwida tal-2006.

    67

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 302 sa 305 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ġustament ma mxietx mal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi prevista fil-linji gwida tal-2006, billi ffissat, abbażi tal-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multi imposti fil-forma ta’ somma f’daqqa. Barra minn hekk, l-ilment ta’ AC‑Treuhand bbażat fuq ksur, f’dan ir-rigward, tal-linji gwida tal-2006, għandu jiġi ddikjarat infondat.

    68

    Sa fejn AC‑Treuhand tikkritika lill-Qorti Ġenerali f’dak li hija kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet suffiċjentement immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-kriterji użati sabiex jiġu stabbiliti l-multi imposti, għandu jiġi osservat li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika fid-deċiżjoni tagħha l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel is-serjetà u t-tul tal-ksur, mingħajr ma tkun obbligata li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 181).

    69

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari, li l-premessi 747 sa 750 tad-deċiżjoni kontenzjuża jistabbilixxu l-fatturi fir-rigward tas-serjetà u tat-tul tal-ksur imwettaq minn AC‑Treuhand li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq din l-impriża. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet, fil-punti 306 u 307 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet issodisfat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuqha. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi aggravju ma huwiex fondat.

    70

    Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 261 TFUE, tal-prinċipju ta ’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll tal-Artikoli 23(3) u 31 tar-Regolament Nru 1/2003

    71

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, AC‑Treuhand issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi f’dak li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, b’mod li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47(1) tal-Karta.

    72

    F’dan ir-rigward, AC‑Treuhand tqis li mill-punt 308 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni s-serjetà tal-ksur ikkonstatat sabiex teżamina jekk l-ammont tal-multi kienx xieraq. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha tqis ukoll il-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn dawn il-prinċipji jipprekludu, f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ multi f’ammont li ma huwiex simboliku jew li jkunu kkalkolati fuq bażi li ma hijiex dik tal-onorarji li hija rċeviet għas-servizzi pprovduti lill-produtturi. Jispetta, fi kwalunkwe każ, lill-Qorti Ġenerali li tagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn din il-kawża u dik li wasslet għad-Deċiżjoni Perossidi organiċi kif ukoll għas-sentenza AC‑Treuhand I. Il-Qorti Ġenerali kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur inkwistjoni.

    73

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ AC‑Treuhand.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74

    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meta hija tiddeċiedi li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità impost (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa previst fl-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-aggravji ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, hija għalhekk ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    76

    Min-naħa l-oħra, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont is-serjetà u t-tul tal-ksur, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż li juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix is-serjetà u t-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    Fir-rigward ta’ din il-kawża, mill-punti 52, 53 u 60 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ilmenti ta’ AC‑Treuhand fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma tqajmux fl-ewwel istanza. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx l-imsemmija ilmenti ex officio fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    78

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 268 sa 314 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti kollha mqajma minn AC‑Treuhand li jirreferu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, inkluż dak ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur ikkonċernat, u tat-tweġiba suffiċjenti għall-argumenti mqajma. B’dan, il-Qorti Ġenerali eżerċitat l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża konformement mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta.

    79

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju ma huwiex fondat.

    80

    Peress li l-aggravji invokati minn AC‑Treuhand insostenn tal-appell tagħha huma, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondati, l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    81

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    82

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li AC‑Treuhand tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    AC‑Treuhand AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top