Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0191

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2016.
    Borealis Polyolefine GmbH et vs Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich, mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(5) – Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti – Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti – Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 15(3) – Deċiżjoni 2013/448/UE – Artikolu 4 – Anness II – Validità.
    Kawżi magħquda C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:311

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    28 ta’ April 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 10a(5) — Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi — Deċiżjoni 2011/278/UE — Artikolu 15(3) — Deċiżjoni 2013/448/UE — Artikolu 4 — Anness II — Validità”

    Fil-Kawżi magħquda C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija, l-Awstrija), mir-Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-10 ta’ April 2014 (Kawżi C‑191/14 u C‑192/14), tal-11 ta’ Ġunju 2014 (Kawża C‑295/14) u tat-3 ta’ Lulju 2014 (Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14) li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April, fis-16 ta’ Ġunju u fit-18 ta’ Awwissu 2014, fil-kawżi

    Borealis Polyolefine GmbH

    vs

    Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (C‑191/14),

    OMV Refining & Marketing GmbH

    vs

    Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (C‑192/14),

    DOW Benelux BV et

    vs

    Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (C‑295/14),

    Esso Italiana Srl,

    Eni SpA,

    Linde Gas Italia Srl

    vs

    Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dell’Economia e delle Finanze,

    Presidenza del Consiglio dei Ministri,

    fil-preżenza ta’:

    Edison SpA (C‑389/14),

    Api Raffineria di Ancona SpA

    vs

    Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dello Sviluppo economico,

    fil-preżenza ta’:

    Edison SpA (C‑391/14),

    Lucchini in Amministrazione Straordinaria SpA

    vs

    Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dello Sviluppo economico,

    fil-preżenza ta’:

    Cofely Italia SpA (C‑392/14),

    u

    Dalmine SpA

    vs

    Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dello Sviluppo economico,

    fil-preżenza ta’:

    Cofely Italia SpA,

    Buzzi Unicem SpA (C‑393/14),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Borealis Polyolefine GmbH, minn B. Windisch-Altieri, Rechtsanwältin, u G. van Thuyne, advocaat,

    għal OMV Refining & Marketing GmbH, minn B. Windisch‑Altieri, Rechtsanwältin, u G. van Thuyne, advocaat,

    għal DOW Benelux BV, minn G. J. Maas-Cooymans u B. Ebben, advocaten,

    għal Esso Nederland BV u ExxonMobil Chemical Holland BV, minn P. Wytinck, V. Y. Van ’t Lam, A. ten Veen u B. Hoorelbeke, advocaten,

    għal Yara Sluiskil BV et, minn L. Spaans, H. van Geen u G. van Thuyne, advocaten,

    għal BP Raffinaderij Rotterdam BV et, minn N. H. van den Biggelaar u I. F. Kieft, advocaten,

    għal Esso Italiana Srl, minn A. Capria, E. Gardini u A. Lirosi, avvocati,

    għal Eni SpA, minn L. Torchia, V. Vecchione u G. Fortuna, avvocati,

    għal Linde Gas Italia Srl, minn L. Biamonti, P. De Caterini u A. Lo Gaglio, avvocati,

    għal Api Raffineria di Ancona SpA, minn F. Carabba Tettamanti u G. Zurlo, avvocati,

    għal Lucchini in Amministrazione Straordinaria SpA u Dalmine SpA, minn F. Bucchi u V. La Rosa, avvocati,

    għal Buzzi Unicem SpA, minn M. Protto u C. Vivani, avvocati,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, C. S. Schillemans, M. de Ree u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White, C. Hermes, K. Mifsud‑Bonnici, E. Manhaeve u L. Pignataro‑Nolin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, minn naħa, il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas‑27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1), u, min-naħa l-oħra, il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 240, p. 27).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, impriżi li jipproduċu gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet sera (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija dwar il-validità tad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn l-2013 u l-2020, adottati b’implementazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ korrezzjoni”), previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2003/87

    3

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

    4

    L-Artikolu 3(e), (f), (t) u (u) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’dan il-mod it-termini segwenti:

    “(e)

    ‘stallazzjoni’ [installazzjoni] tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

    (f)

    ‘operatur’ ifisser kull persuna li tħaddem jew tikkontrolla stallazzjoni jew, meta dan huwa pprovdut fil-leġislazzjoni nazzjonali, li lilha tkun iddelegata s-saħħa ekonomika deċisiva fuq il-funzjonament tekniku ta’ l-istallazzjoni;

    [...]

    (t)

    ‘Kombustjoni’ tfisser kull ossidazzjoni tal-karburanti irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana, l-enerġija mekkanika jew elettrika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati direttament inkluż tindif tal-gass tal-iskart;

    (u)

    ‘Ġeneratur tal-elettriku’ tfisser istallazzjoni li fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’.”

    5

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha”, jipprovdi:

    “Il-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012. Il-kwantità għandha tonqos b’fattur lineari ta’ 1,74 % meta mqabbel mal-medja tal-kwanitità totali annwali tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni għall-perjodu mill-2008 sal-2012.

    Sat-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità assoluta tal-kwoti għall-2013 mal-Komunità kollha, ibbażata fuq il-kwantitajiet totali tal-kwoti maħruġa jew li jridu jinħarġu mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni tagħhom għall-perjodu mill-2008 sal-2012.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 9a tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Fir-rigward ta’ istallazzjonijiet imdaħħla fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 taħt l-Artikolu 24(1), il-kwantità tal-kwoti li għandhom jinħarġu mill-1 ta’ Jannar 2013 għandha tiġi aġġustata biex tirrefletti l-kwantità medja annwali tal-kwoti maħruġa fir-rigward ta’ dawn l-istallazzjonijiet matul il-perjodu tal-inklużjoni tagħhom, aġġustat bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.

    2.   Fir-rigward ta’ istallazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I, li ddaħħlu biss fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ tali istallazzjonijiet jippreżentaw lill-awtorità kompetenti rilevanti data tal-emissjonijiet verifikata b’mod indipendenti u sostanzjat kif inhu xieraq sabiex tiġi kkunsidrata għall-kwantità tal-kwoti ta’ aġġustament tal-Komunità kollha li għandha tinħareġ.

    Kwalunkwe data għandha tiġi ppreżentata, sat-30 ta’ April 2010, lill-awtorità kompetenti rilevanti konformement mad-dispożizzjonijiet adottati l-Artikolu 14(1).

    Jekk id-data ppreżentata tiġi pprovata kif suppost, sat-30 ta’ Ġunju 2010 l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan u l-kwantità tal-kwoti li għandhom jinħarġu, aġġustati bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9, tiġi aġġustata kif meħtieġ. Fil-każ ta’ istallazzjonijiet li jkollhom emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra oħra barra s-CO2, l-awtorità kompetenti tista’ titlob għal ammont iktar baxx tal-emissjonijiet abbażi tal-potenzjal tat-tnaqqis tal-emissjoni ta’ dawk l-istallazzjonijiet.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantitiajiet aġġustati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 sat-30 ta’ Settembru 2010.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “Mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tiddetermina u tippubblika ammont stmat tal-kwoti li jridu jiġu rkantati.”

    8

    L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, huwa fformulat hekk:

    “1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu.

    Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

    Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

    Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

    Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

    Mal-approvazzjoni mill-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra paragunabbli ma’ dawk tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawk il-miżuri li jipprovdu li l-allokazzjoni gratis isseħħ biss meta din tkun ġustifkata kompletament fid-dawl ta’ dak il-ftehim.

    2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

    Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante.

    3.   Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2.

    4.   Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.

    5.   L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

    (a)

    il-kwantità totali annwali fil-Komunità kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill-2005 sal-2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill-2008 sal-2012, u

    (b)

    il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill-2005 sal-2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

    Għandu japplika [fattur ta’ korrezzjoni] jekk meħtieġ.

    [...]

    7.   Ħamsa fil-mija tal-kwantità totali tal-kwoti determinati taħt l-Artikoli 9 u 9a matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 għandhomjiġu riżervati għal istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, bħala l-massimu li jista’ jiġi allokat lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq konformement mar-regoli adottati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. [...]

    L-allokazzjonijiet għandhom jiġu aġġustati bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.

    Ma tista’ ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku minn istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq.

    [...]

    11.   Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027.

    [...]”

    9

    L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

    “Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu distribwiti għal dik is-sena, ikkalkolata taħt l-Artikoli 10, 10a u 10c.”

    10

    L-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”

    Id-Direttiva 2009/29/KE

    11

    Il-premessi 3, 5, 13, 14, 19 u 21 tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63) huma fformulati hekk:

    “(3)

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 daħal f’impenn sod għat-tnaqqis kumplessiv sal-2020 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Komunità b’talanqas 20 % taħt il-livelli tal-1990, u bi 30 % sakemm il-pajjiżi żviluppati l-oħra jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis tal-emissjonijiet paragunabbli u sakemm dawk l-aktar ekonomikament avvanzati fost il-pajjiżi li qegħdin fi żvilupp jikkontribwixxu b’mod xieraq abbażi tar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Sa l-2050, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għandhom jonqsu b’talanqas 50 % taħt il-livelli tagħhom tal-1990. [...]

    [...]

    (5)

    Biex jgħin fil-ksib ta’ dawn l-għanijiet fit-tul, huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan prevedibbli abbażi ta’ liema emissjonijiet ta’ istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja għandhom jitnaqqsu. Sabiex il-Komunità tkun tista’ twettaq l-impenn tagħha għal tnaqqis ta’ għallinqas 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra taħt il-livelli tal-1990 b’mod effiċjenti fl-ispiża, sal-2020 il-[kwoti] allokati fir-rigward ta’ dawk l-istallazzjonijiet għandu jkun 21 % taħt il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom tal-2005.

    [...]

    (13)

    Il-kwantità tal-[kwoti] madwar il-Komunità kollha, ikkalkulata min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012 għandha tonqos b’mod lineari, u b’hekk jiġi żgurat li s-sistema għall-iskambju tal-[kwoti] twassal tnaqqis ta’ emissjonijiet gradwali u prevedibbli matul iż-żmien. It-tnaqqis annwali ta’ kwoti għandu jkun ugwali għal 1.74 % tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni għall-perjodu mill-2008 sal-2012, sabiex l-iskema Komunitarja tikkontribwixxi b’mod effettiv fl-ispejjeż għall-ksib sal-2020 tal-impenn Komunitarju għal tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta’ għall-inqas 20 %

    (14)

    [...] Ladarba jkun seħħ il-ħruġ tal-kwoti għall-perjodu 2008 sa 2012, il-Kummissjoni sejra tippubblika l-kwantità tal-kwoti ta’ madwar il-Komunità kollha. Għandhom isiru aġġustamenti għall-kwantità ta’ madwar il-Komunità kollha fir-rigward ta’ istallazzjonijiet li huma inklużi fi, jew esklużi minn, l-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 jew mill-2013 ’il quddiem.

    [...]

    (19)

    Bħala konsegwenza, mill-2013 ’il quddiem r-regola għandha tkun l-irkant sħiħ għas-settur tal-enerġija u għar-raffineriji, minħabba l-kapaċità tagħhom li jgħaddu l-ispiża żejda tas-CO2, u m’għandha tingħata ebda allokazzjoni gratis għall-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għaliex l-inċentiv għal dan joħroġ mill-fatt li ma jkunx hemm il-ħtieġa li dawn jiġu ċeduti fir-rigward tal-emissjonijiet maħżuna. [...]

    [...]

    (21)

    Għal setturi oħrajn koperti bl-iskema Komunitarja, għandu jkun previst sistema tranżitorja li fiha l-allokazzjoni gratis fl-2013 tkun 80 % tal-ammont li jikkorrispondi mal-persentaġġ tal-emissjonijiet globali madwar il-Komunità kollha matul il-perjodu mill-2005 sal-2007 fejn dawk l-istallazzjonijiet kienu sorsijiet ta’ emissjoni imniżżla bħala proporzjon tal-kwantità annwali ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha. Minn hemm ’il quddiem, l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena f’ammonti ugwali sakemm fl-2020 tintlaħaq allokazzjoni gratis ta’ 30 %, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027.”

    Id-Deċiżjoni 2011/278

    12

    Il-premessi 21 u 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 huma fformulati hekk:

    “(21)

    Meta sħana li titkejjel tiġi skambjata bejn żewġ installazzjonijiet jew aktar, l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-[kwoti] għandha tkun ibbażata fuq il-konsum tas-sħana tal-installazzjoni u għandha tqis ir-riskju tat-tnixxija tal-karbonju. Għaldaqstant, biex ikun żgurat li n-numru ta’ [kwoti] mingħajr ħlas li sejrin ikunu allokati jkun indipendenti mill-istruttura tal-forniment tas-sħana, il-[kwoti] għandhom ikunu allokati lill-konsumatur tas-sħana.

    [...]

    (32)

    Huwa wkoll xieraq li l-parametri referenzjarji ta’ prodott iqisu l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart u l-emissjonijiet relatati mal-użu tagħhom. Għal dan il-għan, għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera l-gassijiet bħala skart, tqies sew il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet ta’ skart. Meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tas-sħana ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ proċess hekk kif iddefinit fl-Anness I, l-emissjonijiet relatati għandhom jitqiesu permezz tal-allokazzjoni ta’ [kwoti] addizzjonali fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil. Minħabba l-prinċipju ġenerali li jgħid li l-ebda [kwota] ma għandha tkun allokata mingħajr ħlas fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, biex ikun evitat kull xkiel mhux xieraq għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku fornut lill-installazzjonijiet industrijali u billi jitqies il-prezz tal-karbonju inerenti fl-elettriku, huwa xieraq li, meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tal-elettriku, l-ebda kwota addizzjonali ma tkun allokata lil hinn mis-sehem tal-kontenut tal-karbonju tal-gass tal-iskart meqjus fil-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti.”

    13

    L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa fformulat b’dan il-mod:

    “[...]

    2.   Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:

    (a)

    għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur ta’ dan il-parametru referenzjarju ta’ prodott hekk kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott rilevanti;

    (b)

    għal:

    (i)

    is-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi għall-valur tal-parametri referenzjarji tas-sħana li tista’ titkejjel kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għall-konsum tas-sħana li titkejjel;

    (ii)

    is-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil, in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur tal-parametri referenzjarji tal-fjuwil kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mal-fjuwil għall-fjuwil ikkunsmat;

    (iii)

    is-subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess, in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-livell storiku ta’ attività relatat mal-proċess immultiplikat b’0.9700.

    [...]

    9.   L-ammont annwali totali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti, għajr l-installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], għandu jkun l-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 immultiplikat bil-[fattur ta’ korrezzjoni] kif stabbilit skont l-Artikolu 15(3).

    Għal installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], u eliġibbli għall-allokazzjoni ta’ [kwoti] mingħajr ħlas, l-ammont annwali totali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi għall-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 u aġġustat kull sena bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87], bl-użu tal-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għall-installazzjoni kkonċernata għall-2013 bħala referenza.

    [...]”

    14

    L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ Implimentazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [2003/87], sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva [2003/87] fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 5, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni.

    [...]

    3.   Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas relatati.

    Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni] kif imsemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87]. Dan għandu jkun stabbilit mit-tqabbil tas-somma tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Anness VI bl-ammonti annwali ta’ kwoti li huwa kkalkolat skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] għal installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku jew installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, waqt li jitqies is-sehem rilevanti tal-kwantità totali annwali fl-Unjoni kollha, kif stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, u l-ammont ta’ emissjonijiet rilevanti li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem.

    4.   Jekk il-Kummissjoni ma twarrabx l-iskrizzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-ammonti annwali totali preliminari korrispondenti ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-Deċiżjoni.

    […]”

    Id-Deċiżjoni 2013/448

    15

    Il-premessi 22, 23 u 25 tad-Deċiżjoni 2013/448 huma fformulati kif ġej:

    “(22)

    L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] jillimita l-kwantità massima annwali tal-kwoti li hija l-bażi biex jiġu kkalkulati l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet mhux koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87] Dan il-limitu huwa kompost minn żewġ elementi msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87], li kull wieħed minnhom ġie ddeterminat mill-Kummissjoni abbażi tal-kwantitajiet iddeterminati skont l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva [2003/87], skont dejta li hija disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru tal-Unjoni u skont informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari dwar is-sehem ta’ emissjonijiet minn ġeneraturi tal-elettriku u installazzjonijiet oħrajn li mhumiex eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas imsemmija fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], kif ukoll fejn disponibbli l-emissjonijiet ivverifikati fil-perjodu bejn l-2005 u l-2007 minn installazzjonijiet li ddaħħlu fl-[iskema għall-iskambju ta’ kwoti] biss mill-2013 ’il quddiem, filwaqt li tqieset l-aktar dejta xjentifika riċenti rigward il-potenzjal ta’ effett serra tal-gassijiet b’effett serra.

    (23)

    Il-limitu stabbilit mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] ma jistax jinqabeż, u dan jiġi żgurat bl-applikazzjoni ta’ [koeffiċjent ta’ korrezzjoni] li, jekk ikun hemm bżonn, inaqqas l-għadd ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-installazzjonijiet kollha li huma eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas b’mod uniformi. L-Istati Membri għandhom iqisu dan il-fattur meta jkunu qegħdin jiddeċiedu l-ammonti annwali tal-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet abbażi ta’ allokazzjonijiet preliminari u ta’ din id-Deċiżjoni. L-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni [2011/278] jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-[koeffiċjent ta’ korrezzjoni], dan isir permezz ta’ tqabbil tas-somma tal-ammonti totali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas imressqin mill-Istati Membri, ma’ limitu ffissat bl-Artikolu 10a(5) bil-mod li hu stabbilit fl-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni [2011/278].

    [...]

    (25)

    Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] huwa ta’ 809315756 kwoti fl-2013. Biex ikkalkulat dan il-limitu, il-Kummissjoni l-ewwel ġabret l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA dwar jekk l-installazzjonijiet jikkwalifikaw[x] bħala ġeneraturi tal-elettriku jew bħala installazzjoni oħra koperta mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87]. Imbagħad il-Kummissjoni ddeċidiet is-sehem tal-emissjonijiet fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 mill-installazzjonijiet li mhumiex koperti minn dik id-dispożizzjoni, iżda li kienu inklużi fl-[iskema għall-iskambju ta’ kwoti] fil-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Il-Kummissjoni kompliet billi applikat dan is-sehem ta’ 34,78289436 % għall-kwantità li ġiet iddeterminata abbażi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [2003/87] (1976784044 kwoti). Mar-riżultat ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni żiedet 121733050 kwoti, abbażi tal-emissjonijiet annwali medji vverifikati mill-installazzjonijiet rilevanti waqt il-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 filwaqt li qieset l-ambitu rivedut tal-[iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-Unjoni Ewropea ]mill-2013 ’il quddiem. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EEA-EFTA għall-aġġustament tal-limitu massimu. Fejn l-emissjonijiet annwali vverifikati għall-perjodu 2005 sal-2007 ma kinux disponibbli, sa fejn kien possibbli l-Kummissjoni estrapolat iċ-ċifri tal-emissjonijiet rilevanti minn emissjonijiet ivverifikati fis-snin ta’ wara bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 1,74 % fid-direzzjoni opposta. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-informazzjoni u d-dejta użata għal dan u ġabet il-konferma mingħandhom. Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] mqabbel mat-total tal-ammonti annwali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas, mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmijin fl-Anness VI mad-Deċiżjoni [2011/278] jagħti l-[fattur ta’ korrezzjoni] annwali kif stipulat fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.”

    16

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprovdi:

    “Il-[fattur ta’ korrezzjoni] msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni [2011/278] huwa stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.”

    17

    L-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprevedi:

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14

    18

    Borealis Polyolefine GmbH (iktar ’il quddiem “Borealis”) u OMV Refining & Marketing GmbH (iktar ’il quddiem “OMV”) huma intitolati għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għas-snin bejn l-2013 u l-2020. Permezz ta’ deċiżjonijiet, il-Bundesminister für Land und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministru Federali għall-Agrikoltura, għall-Foresti, għall-Ambjent u għall-Ilma) iddetermina, billi applika l-fattur ta’ korrezzjoni, il-kwantità definittiva tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lil Borealis u lil OMV għal dan il-perijodu.

    19

    Borealis u OMV, fil-Kawża C-191/14 u fil-Kawża C-192/14 rispettivament, ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il- Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija). Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma jsostnu b’mod partikolari li d-Deċiżjonijiet 2011/278 u 2013/448 huma parzjalment invalidi. Fil-fatt, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jispeċifika l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni, kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448, li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-fattur, jemendaw elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10a(5) ta’ din tal-aħħar. B’hekk, l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet huma illegali u d-deċiżjonijiet nazzjonali li fihom ġie applikat dan il-fattur huma wkoll illegali.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn hija teskludi mill-bażi għall-kalkolu msemmi fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b) l-emissjonijiet relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, li għalihom allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija awtorizzata skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87 u [d]-Deċiżjoni 2011/278?

    2)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-Artikolu 3(e) u (u) tad-Direttiva 2003/87, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn hija tindika li l-emissjonijiet ta’ CO2 relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, huma emissjonijiet minn ‘ġeneraturi tal-elettriku”?

    3)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, sa fejn din toħloq żbilanċ billi teskludi l-emissjonijiet relatati ma’ kombustjoni tal-gassijiet ta’ skart u mis-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni mill-bażi għall-kalkolu msemmija fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87, filwaqt li dawn jagħtu dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278?

    4)

    Id-Deċiżjoni 2011/[278]E hija nulla u tikser l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn l-Artikolu 15(3) tagħha jemenda l-Artikolu 10a(5)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87, fis-sens li jissostitwixxi t-termini ‘istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3’ bi[t-termini] ‘installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku”?

    5)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn din id-deċiżjoni ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-proċedura regolatorja bl-istħarriġ [bi skrutinju] meħtieġ[a] mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124)] u mill-Artikolu 12 tar-Regolament 182/2011/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni (ĠU L 55, p. 13)]?

    6)

    L-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali [iktar ’il quddiem il-“Karta”] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ż-żamma ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas ibbażati fuq il-kalkolu illegali ta’ [fattur ta’ korrezzjoni]?

    7)

    L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni tal-[fattur ta’ korrezzjoni] kkalkolat illegalment, hekk kif iddeterminat fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 u fl-Anness II [tagħha], għall-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas fi Stat Membru?

    8)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2008, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2008 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2008?

    9)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2013, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2013?”

    Fil-Kawża C‑295/14

    21

    L-iStaatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent) alloka, permezz tad-deċiżjoni provviżorja tat‑2 ta’ Lulju 2012, kwoti mingħajr ħlas lil diversi impriżi għall-perijodu mis-sena 2012 sas-sena 2020. Huwa emenda din id-deċiżjoni permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2013 billi applika l-fattur ta’ korrezzjoni previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87.

    22

    Din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat). Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 isostnu, b’mod partikolari, li d-Deċiżjoni 2013/448 hija illegali sa fejn tiffissa l-fattur ta’ korrezzjoni mingħajr ma tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, huma jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 li jispeċifika r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, previsti fl-Artikolu 10a(5) tal-istess direttiva.

    23

    Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li ċerti argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 sabiex jikkontestaw il-validità tad-Deċiżjonijiet 2013/448 u 2011/278 jistgħu jkunu fondati. Madankollu, huwa jfakkar li mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) jirriżulta li individwu ma jistax jeċċepixxi, quddiem qorti nazzjonali, l-illegalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ li dan l-individwu seta’, mingħajr ebda dubju, jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, ma huwiex eskluż li dawn ir-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati peress li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi.

    24

    Fir-rigward tal-mertu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) għandu dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Deċiżjoni 2013/448 tikkostitwixxix miżura ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li kien imissha ġiet adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva. Madankollu, din il-qorti tispjega li ma hijiex qiegħda teskludi li l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, li kienet adottata konformement ma’ din il-proċedura, jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2013/448.

    25

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li ma jistax jiġi eskluż li din id-dispożizzjoni teżiġi, fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet marbuta, minn naħa, mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u, min-naħa l-oħra, mas-sħana prodotta permezz tal-koġenerazzjoni. Jekk ikun il-każ, din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 u, għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448. Fil-fatt, mill-imsemmi Artikolu 15(3) jirriżulta li huma biss l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li ma jiġġenerawx elettriku li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni.

    26

    Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis, barra minn hekk, li d-determinazzjoni tal-kwantità massima ta’ kwoti li tista’ tiġi allokata mingħajr ħlas, fis-sena, b’effett mis-sena 2013 tista’ tkun kuntrarja għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, dik il-qorti ddeċidiet li ma tagħmilx domanda preliminari f’dan ir-rigward. Fil-fatt, hija tqis li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-Kummissjoni d-data kollha neċessarja sabiex tikkalkola din il-kwantità. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li hija tikkonċerna l-emissjonijiet biss mill-installazzjonijiet li kienu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti b’effett mill-2013. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-emissjonijiet iġġenerati f’installazzjonijiet li, qabel din id-data, kienu diġà koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, huma rilevanti għad-determinazzjoni tan-numru massimu ta’ kwoti li jistgħu jiġu allokati mingħajr ħlas.

    27

    Skont ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), id-Deċiżjoni 2013/448 tista’ tkun illegali wkoll minħabba l-fatt li d-data mgħoddija lill-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, ma kinitx inġabret konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87 (ĠU L 181, p. 30)

    28

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni 2013/448 hijiex suffiċjentement motivata, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li, minn naħa, din id-deċiżjoni ma tinkludix l-elementi rilevanti kollha sabiex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ korrezzjoni u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 ma kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu d-data rilevanti kollha.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operaturi ta’ installazzjonijiet li għalihom ir-regoli dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni previsti fid-[Direttiva 2003/87] kienu japplikaw mill-2013, bl-eċċezzjoni għall-operaturi ta’ installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda, setgħu mingħajr ebda dubju jitolbu lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-[Deċiżjoni 2013/448] sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni]?

    2)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija illegali sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni] minħabba l-fatt li ma ġietx adottata skont il-proċedura ta’ leġiżlazzjoni [regolatorja] bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87?

    3)

    L-Artikolu 15 tad-[Deċiżjoni 2011/278] jikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 peress li jipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ produtturi tal-elettriku sabiex jiġi ddeterminat il-[fattur ta’ korrezzjoni]? Fil-każ affermattiv, liema huma l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq id-Deċiżjoni 2013/448?

    4)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija illegali, sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], minħabba l-fatt li hija bbażata b’mod partikolari fuq data ppreżentata skont l-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, mingħajr ma kienu ġew iddeterminati d-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan l-imsemmi paragrafu, adottati skont l-Artikolu 14(1)?

    5)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija, sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], kuntrarja b’mod partikolari għall-Artikolu 296 [TFUE] jew għall-Artikolu 41 tal-[Karta] minħabba l-fatt li ssemmi biss b’mod parzjali l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet u ta’ kwoti ta’ emissjoni determinanti sabiex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ korrezzjoni?

    6)

    Id-Deċiżjoni 2013/448 hija, sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], kuntrarja b’mod partikolari għall-Artikolu 296 [TFUE] jew għall-Artikolu 41 tal-[Karta] minħabba l-fatt li dan il-fattur ta’ korrezzjoni ġie ddeterminat abbażi ta’ data li l-operaturi ta’ installazzjonijiet ikkonċernati mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ma setgħux ikunu jafu biha?”

    Fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14

    30

    Quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) ġew ippreżentati diversi rikorsi dwar, b’mod partikolari, il-validità tad-Deċiżjonijiet Nri 29/2013, 10/2014 u 16/2014 tal-Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto (Kumitat nazzjonali għall-ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-sostenn fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ proġetti tal-Protokoll ta’ Kyoto), adottati skont id-Deċiżjoni 2013/448.

    31

    Quddiem l-imsemmija qorti qiegħed jiġi sostnut, essenzjalment, li dawn id-deċiżjonijiet tal-Kumitat nazzjonali għall-ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-sostenn fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ proġetti tal-Protokoll ta’ Kyoto huma illegali sa fejn fihom jiġi applikat il-fattur ta’ korrezzjoni li, min-naħa tiegħu, ma huwiex konformi mal-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva.

    32

    F’dan ir-rigward, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448, il-Kummissjoni emendat elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87. Hija tosserva li, skont l-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva, il-fattur ta’ korrezzjoni għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) tal-imsemmija direttiva. Mir-riferiment għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina dan il-fattur, l-emissjonijiet iġġenerati mill-attivitajiet kollha li ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ tal-emissjonijiet marbuta, minn naħa, mal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u, min-naħa l-oħra, mas-sħana prodotta permezz tal-koġenerazzjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni ħoloq relazzjoni asimetrika bejn l-emissjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti u l-kwoti effettivament allokati. Tali nuqqas ta’ simetrija huwa kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10a tagħha.

    33

    Barra minn hekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni tista’ tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi li jkollhom, fl-aħħar mill-aħħar, in-numru ta’ kwoti allokati b’mod provviżorju, qabel l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni.

    34

    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li din hija insuffiċjenti. Fl-assenza ta’ informazzjoni dwar id-data konkretament użata mill-Kummissjoni, din id-deċiżjoni ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet għaliex kienet meħtieġa l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni daqstant għoli bħal dak stabbilit fiha.

    35

    Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-bidla fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni ta’ kombustjoni” li saret fl-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ skambju (2005 sa 2007). Huwa minnu li l-Kummissjoni ppreċiżat li l-emissjonijiet iġġenerati minn ċerti attivitajiet ta’ kombustjoni li jitwettqu f’installazzjonijiet li ma kinux assimilati għal “installazzjonijiet ta’ kombustjoni” minn ċerti Stati Membri kellhom jitqiesu bħala tali u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’effett mis-sena 2008. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din l-istituzzjoni ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni fuq il-bażi biss tal-emissjonijiet irreġistrati fil-ġurnal indipendenti tat-tranżazzjonijiet matul is-snin bejn l-2005 u l-2007, li ma kinux jinkludu l-emissjonijiet minn dawn l-installazzjonijiet.

    36

    Skont it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 matul is-sena 2013 ikkawżat ukoll żball li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2013/448. Fil-fatt, id-data pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9a(2) ta’ din id-direttiva u użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina s-somma msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) ta’ din l-istess direttiva hija inkoerenti. B’mod partikolari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni biss id-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu suġġetti għad-Direttiva 2003/87 għall-ewwel darba b’effett mis-sena 2013. Minbarra din id-data, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża kkomunikaw ukoll data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu preċedentement koperti mid-Direttiva 2003/87, li jirriżultaw mill-attivitajiet li kienu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’effett mis-sena 2013. Barra minn hekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tosserva li d-Deċiżjoni 2013/448 ma kinitx adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikoli 10a(1) u 23(3) tad-Direttiva 2003/87 u, għalhekk, tista’ tkun invalida.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, il-perċentwali ta’ emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni ta’ gass tal-iskart – jew gass mill-ipproċessar tal-azzar – u lanqas ta’ dawk assoċjati mas-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni, u b’hekk kisret l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(1), (4) u (5) tad-[Direttiva 2003/87], eċċediet il-limiti tad-delega mogħtija mid-Direttiva u marret kontra l-għanijiet tad-Direttiva (inkoraġġiment ta’ teknoloġiji tal-enerġija iktar effiċjenti u osservanza tar-rekwiżiti tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi)?

    2)

    Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida, fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE, sa fejn tmur kontra l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB)[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u l-Artikolu 17 tal-istess konvenzjoni, minħabba li naqset indebitament milli tosserva l-aspettattivi leġittimi tal-kumpanniji rikorrenti li huma jibqgħu iżommu l-proprjetà li tikkonsisti fin-numru ta’ kwoti allokati fuq bażi provviżorja u li għandhom dritt għaliha abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’hekk ċaħħdithom mill-utilità ekonomika marbuta mal-imsemmija proprjetà?

    3)

    Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, billi d-Deċiżjoni tikser [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296] TFUE u l-Artikolu 41 tal-[Karta], sa fejn hija nieqsa minn motivazzjoni adegwata?

    4)

    Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], billi d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mill-Artikolu 5(4) TUE, u barra minn hekk hija vvizzjata b’nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u bi żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi) ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti tal-bidliet fl-interpretazzjoni li seħħew fir-rigward tal-kunċett ta’ ‘installazzjoni ta’ kombustjoni’ bejn l-ewwel fażi (2005-2007) u t-tieni fażi (2008-2012) ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87?

    5)

    Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], minħabba l-ksur tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 [u] tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, u minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-[fattur ta’ korrezzjoni]) twettaq abbażi ta’ data pprovduta mill-Istati Membri li kienet inkoerenti billi kienet ibbażata fuq interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87?

    6)

    Fl-aħħar nett, id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni], minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikoli 10a(1) u 23(3) tad-Direttiva 2003/87?”

    Tgħaqqid għall-finijiet tas-sentenza

    38

    Fid-dawl tal-konnessjoni bejn dawn id-domandi kollha, ikkonfermata matul il-proċedura orali, dawn il-kawżi għandhom, konformement mal-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jintgħaqqdu għall-finijiet tas-sentenza.

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    39

    Wara li l-Avukat Ġenerali ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha fit-12 ta’ Novembru 2015, BP Raffinaderij Rotterdam BV et, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2016, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, dawn l-impriżi jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87 li ngħatat fl-imsemmija konklużjonijiet hija żbaljata.

    40

    Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 24).

    41

    Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, bħall-intervenjenti l-oħra, BP Raffinaderij Rotterdam BV et ressqu, matul il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura, l-argumenti tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi u li ma huwiex meħtieġ li din il-kawża tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma ġewx indirizzati.

    42

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li żviluppat mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90).

    44

    Barra minn hekk, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-impriżi li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma kkonċernati direttament mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 li jiffissa l-fattur ta’ korrezzjoni. Skontu, dan il-fattur jimplika tnaqqis ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas u, fl-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali. Barra minn hekk, dawn l-impriżi huma kkonċernati wkoll individwalment mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens tas-sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100). Bħala possessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emissjoni, huma jagħmlu parti minn grupp magħluq ta’ operaturi. F’din il-kwalità huma kienu ġew allokati kwoti mingħajr ħlas u b’mod provviżorju mill-awtoritajiet nazzjonali. Peress li l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni timplika tnaqqis ta’ dawn il-kwoti, id-Deċiżjoni 2013/448 tibdel id-drittijiet preċedentement miksuba minn dawn l-impriżi.

    45

    Għaldaqstant, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li ma kkontestawx id-Deċiżjoni 2013/448 quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 263 TFUE, ma jistgħux jikkontestaw indirettament il-validità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li sabiex parti tkun tista’ ssostni, quddiem il-qorti nazzjonali adita minnha, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’att tal-Unjoni huwa meħtieġ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 23, u Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 28).

    47

    Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata din l-inammissibbiltà, ma għandu jkun hemm ebda dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-parti li tippreżenta tali rikors għal annullament.

    48

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

    49

    L-applikabbiltà tal-ewwel u tat-tielet partijiet ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi eskluża mill-ewwel. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2013/448 hija att ta’ portata ġenerali li d-destinatarji tiegħu huma l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar għandhom, konformement mal-Artikoli 15(4) u 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jimplementaw il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448, moqri flimkien mal-Anness II tagħha.

    50

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali setgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2013/448 fil-każ biss li din kienet tikkonċernahom direttament u individwalment.

    51

    Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment mill-att inkwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jsostnu li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak ta’ destinatarju (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, 223, kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63).

    52

    Is-sempliċi possibbiltà li jiġu ddeterminati, b’mod ftit jew wisq preċiż, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura meta din l-applikazzjoni titwettaq bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 58).

    53

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew li setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u fuq il-bażi ta’ kriterji partikolari għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta d-deċiżjoni temenda d-drittijiet miksuba mill-individwu preċedentement għall-adozzjoni tagħha (sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

    54

    F’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2013/448, sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni, taffettwa lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi ta’ installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom.

    55

    Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/448 ma twassalx, fiha nfisha, sabiex tibdel id-drittijiet miksuba mill-imsemmija rikorrenti qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni peress li l-allokazzjoni mingħajr ħlas definittiva ta’ kwoti teħtieġ li qabel jiġi ffissat il-fattur ta’ korrezzjoni. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 10a(5) u 11(2) tad-Direttiva 2003/87, minn naħa, u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, min-naħa l-oħra, huwa billi japplikaw dan il-fattur ta’ korrezzjoni li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità totali finali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas.

    56

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni 2013/448 japplikaw mutatis mutandis għall-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 li l-validità tagħha wkoll qiegħda tiġi kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li hija indirizzata kemm lill-Istati Membri u kemm lill-Kummissjoni, tirriproduċi, essenzjalment, il-modalitajiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni previsti fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87.

    57

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jitqies li rikors dirett, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra d-Deċiżjonijiet 2011/278 u 2013/448 kien ikun mingħajr ebda dubju ammissibbli.

    58

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli sa fejn jikkonċernaw kemm l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2013/448 u kemm l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/278.

    Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278

    59

    Permezz tal-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑295/14 u permezz tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti fis-sens tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 (iktar ’il quddiem il-“kwantità annwali massima ta’ kwoti”).

    60

    Sa fejn din il-kwantità hija determinanti għall-fattur ta’ korrezzjoni, l-invalidità ta’ din id-dispożizzjoni ser taffettwa, bħala konsegwenza, il-validità tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 u tal-Anness II tagħha, li permezz tagħhom il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-fattur.

    61

    Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-Kummissjoni, meta ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni, kien imissha inkludiet l-emissjonijiet ta’ ċerti produtturi tal-elettriku fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Huma jsostnu, b’mod iktar preċiż, li l-esklużjoni tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gass tal-iskart u tas-sħana permezz tal-koġenerazzjoni hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fattur ta’ korrezzjoni huwa ddeterminat meta dan ikun meħtieġ mir-riżultat tal-operazzjonijiet aritmetiċi previsti fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, jirriżulta li l-Kummissjoni hija meħtieġa tqabbel, minn naħa, il-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti. L-ammont ta’ din il-kwantità tal-aħħar jikkorrispondi għas-somma tal-kwantitajiet ta’ emissjonijiet msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) ta’ din l-istess direttiva.

    63

    Huwa biss fil-każ li l-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 taqbeż il-kwantità annwali massima ta’ kwoti li l-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dan il-paragun.

    64

    Fir-rigward tal-esklużjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku mill-kwantità annwali massima ta’ kwoti, din tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li huwa limitat għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 [ta’ dan l-artikolu]”. Fil-fatt, dan il-paragrafu 3 jirreferi għall-produtturi tal-elettriku, għall-installazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għall-pajpijiet għat-trasport tas-CO2 kif ukoll għas-siti għall-ħażna tas-CO2 u jipprovdi li dawn l-installazzjonijiet, bħala prinċipju, huma esklużi minn kull allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti.

    65

    Minn dan jirriżulta li r-riferiment fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-installazzjonijiet li la huma produtturi tal-elettriku, la huma installazzjonijiet għall-ġbir ta’ CO2, la huma pajpijiet għat-trasport ta’ CO2, u li lanqas ma huma siti għall-ħażna ta’ CO2.

    66

    Il-fatt li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 tapplika bla ħsara għar-regoli previsti f’dispożizzjonijiet oħra ma jistax idgħajjef din il-konstatazzjoni. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tirriżulta direttament minn din ir-regola ta’ prinċipju, li għaliha ssir eċċezzjoni f’dispożizzjonijiet oħra li jippermettu li ssir deroga minnha.

    67

    Barra minn hekk, il-valuri msemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 huma bbażati fuq data storika. Matul il-perijodi ta’ referenza, b’differenza mill-produtturi tal-elettriku, l-installazzjonijiet għall-ġbir ta’ CO2, il-pajpijiet għat-trasport ta’ CO2 u s-siti għall-ħażna msemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva ma kinux jeżistu, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta. Għaldaqstant, sabiex tadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva bil-għan li timplementa l-Artikolu 10a(5) tagħha, il-Kummissjoni setgħet b’mod validu tinterpreta r-referenza f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” fis-sens li tkopri biss dawk l-installazzjonijiet li ma humiex produtturi tal-elettriku.

    68

    Għaldaqstant, billi ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku fid-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa konformi mat-termini tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

    69

    Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-istruttura tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mal-għanijiet tagħha.

    70

    Fil-fatt, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 jirrifletti d-dikotomija stabbilita, b’mod partikolari, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10a(3) sa (5) tad-Direttiva 2003/87. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandha ssir distinzjoni bejn l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u l-installazzjonijiet l-oħra li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“installazzjonijiet industrijali”). Fost tal-ewwel jinsabu, b’mod partikolari, il-produtturi tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tal-imsemmija direttiva.

    71

    Konformement ma’ din id-distinzjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-fattur ta’ korrezzjoni għandu jiġi applikat biss għall-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali. Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 u li madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi li l-kwantità definittiva ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għandha tirriżulta mill-aġġustament tal-kwantità annwali totali provviżorja permezz tal-fattur lineari previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 biss.

    72

    Minkejja d-distinzjoni ċara bejn il-produtturi tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali, dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu kwoti mingħajr ħlas fir-rigward ta’ ċerti emissjonijiet li jkunu marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, dawn l-emissjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

    73

    Fil-fatt, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku minn gass tal-iskart, mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, ħadet inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet li huma marbuta mal-irkupru effikaċi tal-enerġija minn gassijiet tal-iskart. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, għal dan il-għan, aġġustat ċerti punti ta’ riferiment ta’ prodotti, fosthom, b’mod partikolari, dawk għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati. L-iskop tal-Kummissjoni huwa li b’dan il-mod tinkoraġġixxi lill-impriżi jużaw mill-ġdid jew ibigħu l-gassijiet tal-iskart iġġenerati fil-fabbrikazzjoni ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, mill-istess premessa 32 jirriżulta li l-użu mill-ġdid tagħhom, fi proċess ieħor minn installazzjoni industrijali, għandu bħala prinċipju jagħti dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas supplimentari. Għalkemm il-kombustjoni ta’ dawn il-gassijiet minn produttur tal-elettriku ma tagħtix dritt għal tali allokazzjoni, il-bejgħ tagħhom lil tali produttur jippermetti lill-produttur tal-gassijiet tal-iskart jiffranka l-kwoti.

    74

    Peress li l-kwantità annwali provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali tirriżulta, skont l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2011/278, b’mod partikolari, mill-multiplikazzjoni tal-livell ta’ attività storika tagħhom bil-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fosthom dawk għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati, din il-kwantità żdiedet skont l-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni. Madankollu, sa fejn il-gassijiet tal-iskart jkunu nħarqu minn produtturi tal-elettriku, l-emissjonijiet korrispondenti ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

    75

    Fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana permezz tal-koġenerazzjoni, mill-Artikolu 10a(3) u (5) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-emissjonijiet iġġenerati minn produtturi tal-elettriku, inklużi dawk tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jipproduċu l-elettriku, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima tal-kwoti. Għall-kuntrarju, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-modalitajiet ta’ allokazzjoni tal-kwoti għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniki effikaċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, bl-użu, b’mod partikolari, tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. F’dan il-kuntest, il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278 tgħid li, sabiex jiġi żgurat li n-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas ikun indipendenti mill-entità li tipproduċi s-sħana, il-kwoti għandhom jiġu allokati lill-konsumatur tas-sħana.

    76

    Kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-installazzjonijiet li jipproduċu huma stess is-sħana u dawk li jixtru din is-sħana mingħand installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni huma ttrattati bl-istess mod jiffaċilita l-ġestjoni tal-użu tas-sħana fil-kuntest tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti. Bħala prinċipju, sabiex jiġu allokati kwoti lil dawn l-installazzjonijiet, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati individwalment is-sorsi tal-provvista tas-sħana u l-kwantità ta’ sħana li toriġina minn kull sors. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi promoss l-użu ta’ tekniki bħalma hija l-koġenerazzjoni peress li, bl-użu tas-sħana li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, l-installazzjonijiet industrijali jiffrankaw kwoti li jkunu jistgħu jbigħu.

    77

    Dan it-teħid inkunsiderazzjoni asimetriku tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u mis-sħana permezz tal-koġenerazzjoni jimplika żieda fil-fattur ta’ korrezzjoni li, kif ġie kkonstatat fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, jirriżulta minn paragun bejn, minn naħa, is-somma tal-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali u, min-naħa l-oħra, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

    78

    Huwa minnu li, minħabba dawn l-asimetriji, il-fattur ta’ korrezzjoni jista’ jillimita l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw uħud mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa twettaq trattament simetriku ta’ dawn l-emissjonijiet meta stabbilixxiet il-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Għall-kuntrarju, mill-punti 62 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-esklużjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din il-kwantità, tal-emissjonijiet iġġenerati mill-produtturi tal-elettriku tirriżulta mill-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva, li ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

    79

    Barra minn hekk, tali trattament asimetriku tal-emissjonijiet huwa konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31).

    80

    F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva jirriżulta li din id-direttiva tipprevedi tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ tnaqqis li huma meqjusa bħala xjentifikament meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tal-bidla klimatika.

    81

    Għal dan il-għan, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 hija intiża li tnaqqas, sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni b’minn tal-inqas 20 % fil-konfront tal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ mekkaniżmi. L-ewwel wieħed, stabbilit permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jikkonsisti, konformement mal-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 2009/29, fit-tnaqqis tal-kwantità tal-kwoti disponibbli b’mod lineari bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ 1.74 % fil-konfront tat-total annwali medju ta’ kwoti maħruġ mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2012. It-tieni mekkaniżmu huwa dak tal-bejgħ b’irkant tal-kwoti li għandu jippermetti wkoll li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi.

    82

    Konformement mal-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29, mill-Artikoli 10(1) u 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li, mis-sena 2013, il-bejgħ bl-irkant tal-kwoti sar in-norma għall-produtturi tal-elettriku. Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jibbenefikaw minn kwoti mingħajr ħlas wara din id-data, konformement mal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tad-Direttiva 2009/29, il-kwantità allokata ta’ dawn il-kwoti għandha titnaqqas gradwalment sabiex matul is-sena 2027 ma jkunx għad hemm iktar kwoti mingħajr ħlas.

    83

    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fattur ta’ korrezzjoni jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Minn naħa, dan il-fattur jimplementa t-tnaqqis lineari tal-kwoti disponibbli previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa l-oħra, peress li l-kwantità annwali massima ta’ kwoti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku, dan il-fattur jiżgura li l-kwantità tal-kwoti mingħajr ħlas allokati b’mod definittiv lill-installazzjonijiet industrijali ma tinkludix dawn l-emissjonijiet. B’hekk, il-fattur ta’ korrezzjoni huwa intiż li jikkumpensa t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u mis-sħana permezz tal-koġenerazzjoni fid-determinazzjoni tan-numru provviżorju ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas.

    84

    Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 62 sa 83 ta’ din is-sentenza jgħoddu wkoll għad-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn fiha ġie ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni konformement mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278.

    85

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li mill-eżami tal-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, tat-tielet domanda fil-Kawża C‑295/14 u tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14 ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

    Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448

    86

    Permezz tad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, kif ukoll tal-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) u t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) qegħdin essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn il-fattur ta’ korrezzjoni hemmhekk stabbilit huwa bbażat fuq data inkoerenti.

    87

    Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji fid-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Dawn l-iżbalji, skonthom, jirriżultaw minn interpretazzjonijiet diverġenti tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 li jikkonċerna, fil-fehma tagħhom, l-emissjonijiet kollha “li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem [biss]” mill-Istati Membri.

    88

    L-istess żbalji ġew invokati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat). Madankollu, dik il-qorti ma għamlitx domandi f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis li d-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li ntbagħtet lill-Kummissjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Din id-dispożizzjoni, skontha, teżiġi li huma biss l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti biss b’effett mis-sena 2013 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

    89

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ma jaqblux. Filwaqt li l-verżjoni bil-Franċiż tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 tirreferi għall-“émissions [...] qui ne sont incluses dans le système communautaire qu’à partir de 2013” [“emissjonijiet [...] li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”], verżjonijiet lingwistiċi oħra, fosthom b’mod partikolari il-verżjoni Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Taljana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovena u Svediża, jirreferu għall-“emissjonijiet minn installazzjonijiet li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”.

    90

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi element tagħha (sentenza Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 17).

    91

    Il-fatt li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jirreferi biss għall-“emissjonijiet minn installazzjonijiet li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”, u mhux għall-emissjonijiet kollha inklużi minn dik id-data jirriżulta mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 9a(2) tal-imsemmija direttiva, introdott f’din tal-aħħar bis-saħħa tal-punt 10 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/29, huwa intiż li jiżgura, kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, l-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Komunità sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet iġġenerati mill-installazzjonijiet inklużi fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti b’effett mis-sena 2013.

    92

    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 ġie estiż b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 b’mod li jinkludi, b’mod partikolari, l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-aluminju u minn ċerti setturi tal-industrija kimika. Għal dan il-għan, l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jelenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ġie emendat permezz tad-Direttiva 2009/29. Għaldaqstant, il-kwantità ta’ kwoti li għandha tinħareġ għall-Unjoni kollha ġiet aġġustata, konformement mal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, bl-inklużjoni tal-emissjonijiet minn “istallazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I [ta’ din id-direttiva u] li ddaħħlu biss fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem”.

    93

    Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jieħu inkunsiderazzjoni l-aġġustament tal-kwantità tal-kwoti maħruġa għall-Komunità kollha sabiex jirrifletti, fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti, iż-żieda korrispondenti fil-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali. B’hekk, minħabba l-konnessjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 9a(2) tal-istess direttiva, l-użu ta’ data differenti jkun inkoerenti.

    94

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta stabbilixxiet il-kwantità annwali massima ta’ kwoti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss, konformement mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet inklużi fl-iskema Komunitarja b’effett mis-sena 2013. B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 mis-sena 2013 ’il quddiem sa fejn dawn l-emissjonijiet ġew iġġenerati minn installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju tal-kwoti qabel din id-data.

    95

    Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura orali jirriżulta li din l-istituzzjoni kienet, minn tal-inqas parzjalment, ħadet inkunsiderazzjoni emissjonijiet tal-installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti qabel is-sena 2013 sabiex tiddetermina l-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 sa fejn hija għolja wisq.

    96

    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni fis-sens li d-Direttiva 2003/87 ma tippermettilhiex li temenda d-data kkomunikata lilha mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9a(2) tal-istess direttiva.

    97

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tinkludi obbligu doppju. Minn naħa, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li huma integrati fl-iskema għall-iskambju tal-kwoti mill-2013 ’il quddiem biss u, min-naħa l-oħra, din id-data għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa mid-Direttiva 2003/87. B’hekk, din l-istituzzjoni kien imissha żgurat li l-Istati Membri jikkomunikawlha d-data rilevanti sabiex tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha stess. Minn tal-inqas, sa fejn din id-data ma kinitx tippermettilha tiddetermina l-kwantità annwali massima ta’ kwoti u, għaldaqstant, il-fattur ta’ korrezzjoni, hija kien imissha talbet lill-Istati Membri jwettqu l-korrezzjonijiet meħtieġa.

    98

    Peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma ddeterminatx il-kwantità annwali massima ta’ kwoti konformement mar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huwa wkoll kuntrarju għal din id-dispożizzjoni.

    99

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14 għandha tkun li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi.

    Fuq id-domandi l-oħra

    100

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra dwar il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

    Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta ’ din is-sentenza

    101

    Il-Kummissjoni talbet li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 li jistabbilixxu l-fattur ta’ korrezzjoni huma invalidi, l-effetti tas-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

    102

    Din it-talba tirrifletti wkoll it-tħassib espress mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija), permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tagħha, kif ukoll mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), permezz tat-tieni domanda tagħha, domandi li permezz tagħhom dawn il-qrati jistaqsu dwar il-konsegwenzi li għandhom jintrabtu mal-invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

    103

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta jkun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli wkoll, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tal-atti tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, liema huma l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi (sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 93).

    104

    F’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri jikkostitwixxu stadji neċessarji għall-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita mid-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ din is-sentenza, dan il-fattur jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva, fosthom it-tnaqqis tal-kwantità ta’ kwoti disponibbli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità totali finali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas billi japplikaw il-fattur ta’ korrezzjoni.

    105

    Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li l-annullament tal-fattur ta’ korrezzjoni jista’ jdaħħal inkwistjoni l-allokazzjonijiet finali kollha magħmula fl-Istati Membri qabel din is-sentenza fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni meqjusa li kienet valida. B’hekk, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 timplika r-riskju li jinħolqu konsegwenzi gravi għal numru għoli ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ din id-dikjarazzjoni.

    106

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 ser tipprekludi, fl-assenza ta’ fattur ta’ korrezzjoni applikabbli, l-allokazzjoni tal-kwoti matul il-perijodu sussegwenti għad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. Il-vojt legali temporanju li ser jirriżulta minn dan jista’ jipperikola l-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju tal-kwoti stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, il-kisba tal-għanijiet tagħha. Fil-fatt, kwalunkwe interruzzjoni fl-iskambju tal-kwoti tmur kontra l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra (ara, b’analoġija, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 61).

    107

    Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, l-invalidità ta’ att legali tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza legali li tobbliga lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 124).

    108

    Fit-tielet lok, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tuża l-possibbiltà li tillimita għall-passat l-effetti ta’ dikjarazzjoni preliminari ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni, għandha tiddetermina jekk eċċezzjoni għal din il-limitazzjoni ratione temporis tal-effett, mogħtija lis-sentenza tagħha, tistax tkun prevista favur il-parti fil-kawża prinċipali li tkun ippreżentat, quddiem il-qorti nazzjonali, rikors kontra l-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-att tal-Unjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, anki fir-rigward ta’ din il-parti, dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-att tal-Unjoni li jkollha effett biss fil-futur tikkostitwixxix rimedju adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C‑228/92, EU:C:1994:168, punt 25).

    109

    Peress li l-invalidità kkonstatata fil-punt 99 ta’ din is-sentenza ser twassal lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 10a(1) u (5) tad-Direttiva 2003/87, ma huwiex eskluż li din ir-reviżjoni twassal għal tnaqqis fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti kif ukoll għal żieda korrelattiva fil-fattur ta’ korrezzjoni.

    110

    Għaldaqstant, ma hemmx lok li ssir eċċezzjoni għall-partijiet rikorrenti fil-kawżi prinċipali fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

    111

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 għandhom jiġu limitati ratione temporis, minn naħa, b’tali mod li din id-dikjarazzjoni jkollha effett biss meta jintemm perijodu ta’ għaxar xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa u, min-naħa l-oħra, b’tali mod li l-miżuri adottati sakemm jintemm dan il-perijodu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati.

    Fuq l-ispejjeż

    112

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Mill-eżami tal-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, tat-tielet domanda fil-Kawża C‑295/14 u tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14 ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sa fejn dan l-Artikolu 15(3) jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti.

     

    2)

    L-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huma invalidi.

     

    3)

    L-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 għandhom jiġu limitati ratione temporis, minn naħa, b’tali mod li din id-dikjarazzjoni jkollha effett biss meta jintemm perijodu ta’ għaxar xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa u, min-naħa l-oħra, b’tali mod li l-miżuri adottati sakemm jintemm dan il-perijodu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż, l-Olandiż u t-Taljan.

    Top