Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0182

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Marzu 2015.
    Mega Brands International, Luxembourg, Zweigniederlassung Zug vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
    Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja verbali MAGNEXT – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali verbali preċedenti MAGNET 4 – Probabbiltà ta’ konfużjoni.
    Kawża C-182/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:187

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    19 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(1)(b) — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja verbali MAGNEXT — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali verbali preċedenti MAGNET 4 — Probabbiltà ta’ konfużjoni”

    Fil-Kawża C‑182/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-9 ta’ April 2014,

    MEGA Brands International, il-Lussemburgu, Zweigniederlassung Zug, stabbilita f’Zug (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Nordemann u M. Maier, Rechtsanwälte,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2015,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, MEGA Brands International, Luxembourg, Zweigniederlassung Zug, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Mega Brands vs UASI – Diset (MAGNEXT) (T‑604/11 u T‑292/12, EU:T:2014:56, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), peress li, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-24 ta’ April 2012 (Każ R 1722/2011‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Diset SA (iktar ’il quddiem “Diset”) u l-appellanti.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.146), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009.

    3

    L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi:

    “Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    […]

    b)

    jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

    4

    L-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, “Trade marks preċedenti” tfisser:

    a)

    trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prijoritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

    i)

    trade marks Komunitarji,

    ii)

    trade marks reġistrati fi Stati Membru […];

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5

    Fil-21 ta’ Jannar 2008, l-appellanti ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal figurattiv riprodott iktar ’il quddiem:

    Image

    6

    Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Logħob u ġugarelli, b’mod partikolari logħob tal-kostruzzjoni b’ħafna biċċiet, il-biċċiet, l-aċċessorji u l-partijiet kostituttivi tagħhom”.

    7

    Fid-29 ta’ Marzu 2010, l-appellanti ppreżentat quddiem l-UASI t-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, li jikkonsisti fis-sinjal verbali riprodott hawn isfel:

    MAGNEXT

    8

    Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni saret għall-istess prodotti bħal dawk elenkati fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.

    9

    Fil-5 ta’ Settembru 2008 u fis-17 ta’ Ġunju 2010, Diset ippreżentat żewġ oppożizzjonijiet, abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkonċernati, għall-prodotti kkonċernati mill-imsemmi punt 6. Dawn l-oppożizzjonijiet kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq it-trade mark Spanjola verbali preċedenti MAGNET 4, ippreżentata fl-10 ta’ Lulju 2003 u rreġistrata fid-9 ta’ Diċembru 2003, għal prodotti fil-klassi 28 tal-Ftehim ta’ Nice u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Logħob, ġugarelli, artikli tal-ġinnastika u sport li ma humiex inklużi fi klassijiet oħra, ornamenti għas-siġar tal-Milied”.

    10

    Il-motivi invokati insostenn tal-imsemmija oppożizzjonijiet kienu dawk imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fid-dispożizzjoni identika tar-Regolament Nru 207/2009. L-istess oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti u diretti kontra l-prodotti kollha li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkonċernati.

    11

    B’deċiżjonijiet tad-19 ta’ Lulju 2010 u tal-21 ta’ Ġunju 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjonijiet imressqa minn Diset.

    12

    B’deċiżjonijiet tas-27 ta’ Settembru 2011 u tal-24 ta’ April 2012, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ppreżentati mill-appellanti kontra d-deċiżjonijiet tal-imsemmija Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    13

    B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2011 (Kawża T‑604/11) u fit-3 ta’ Lulju 2012 (Kawża T‑292/12), l-appellanti ppreżentat żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda adottati mill-Bord tal-Appell tal-UASI.

    14

    Insostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi tagħha, l-appellanti invokat motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u tad-dispożizzjoni identika tar-Regolament Nru 207/2009.

    15

    Wara li għaqqdet iż-żewġ kawżi għall-finijiet tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat, fil-punt 19 tas-sentenza kkontestata, li l-appellanti ma kinitx qiegħda tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell la f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, ikkunsidrat bħala kompost minn konsumaturi medji li jitkellmu bl-Ispanjol raġonevolment attenti u prudenti, u lanqas f’dak li jikkonċerna l-identità parzjali tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti.

    16

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat ix-xebh fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Bord tal-Appell kienet ikkontestata mill-appellanti.

    17

    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ix-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet:

    “22

    Għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat l-appellanti, it-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha hija kjarament maqsuma f’żewġ partijiet: ‘mag’ u ‘next’. Barra minn hekk, id-daqs imkabbar tal-ittra kapitali ‘X’ kif ukoll l-istil tagħha għandhom bħala effett li l-pubbliku rilevanti jżomm l-immaġni tat-terminu Ingliż ‘next’ bħala element distint tat-trade mark imsemmija, li joħloq impressjoni viżiva partikolari mhux prodotta mis-sinjal MAGNET 4. Fil-fatt, it-terminu ‘magnet’, li jiddomina f’dan l-aħħar sinjal, jagħti l-impressjoni viżiva ta’ kelma waħda, filwaqt li n-numru ‘4’ ma huwiex preżenti fit-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha.

    23

    B’mod korrelattiv, l-ittra kapitali ‘X’ tagħti lok għal pronunzja qawwija tat-tieni sillaba tat-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha, li, flimkien mas-separazzjoni viżiva taż-żewġ elementi ‘mag’ u ‘next’, hija tali li twassal għal riproduzzjoni fonetika ta’ din it-trade mark f’żewġ kelmiet, filwaqt li t-terminu ‘magnet’ fi ħdan it-trade mark preċedenti jiġi ppronunzjat bħala kelma waħda, li, barra minn hekk, ma jinkludix il-ħoss prodott mill-ittra ‘x’.

    24

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha għandha livell baxx ta’ xebh viżiv u fonetiku mat-trade mark preċedenti.

    25

    Min-naħa l-oħra, peress li t-trade mark verbali li saret applikazzjoni għaliha hija distinta mill-element dominanti ‘magnet’ tat-trade mark preċedenti biss mill-ittra kapitali ‘X’ mingħajr ma għandha l-karatteristiċi l-oħra esposti fil-punti 22 u 23 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li din għandha xebh viżiv u fonetiku medju mat-trade mark preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti minn perspettiva kunċettwali, il-Qorti Ġenerali approvat, fil-punt 26 tas-sentenza kkontestata, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, li tgħid li l-eżistenza, fil-lingwa Spanjola, tal-aġġettiv “magnético”, normalment użat mill-pubbliku rilevanti biex jirreferi għal oġġett li għandu proprjetajiet manjetiċi, għandu bħala konsegwenza li dan il-pubbliku jassoċja lit-trade mark preċedenti ma’ oġġetti dotati b’tali proprjetajiet. Din ikkunsidrat li, f’dan il-kuntest, kien ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ xebh kunċettwali bejn it-trade mark figurattiva u t-trade mark verbali li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għaliha, minn naħa, u t-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra.

    19

    Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 29 tas-sentenza kkontestata, li t-trade mark preċedenti għandha xebh dgħajjef ħafna mat-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha u xebh medju mat-trade mark verbali li saret applikazzjoni għaliha.

    20

    Finalment, il-Qorti Ġenerali evalwat l-argumentazzjoni tal-appellanti li biha din ikkontestat li t-trade mark preċedenti kienet nieqsa minn karattru distintiv medju.

    21

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li l-pubbliku rilevanti jassoċja t-trade mark preċedenti ma’ oġġetti dotati bi proprjetajiet manjetiċi, irrilevat, fil-punt 32 tas-sentenza kkontestata, li l-appellanti kienet ippreżentat quddiem l-UASI sensiela ta’ provi li juru li l-enfasi fuq il-proprjetajiet manjetiċi tal-logħob u tal-ġugarelli hija prattika kurrenti tal-operaturi attivi fis-settur ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkunsidrat, fil-punt 33 tas-sentenza msemmija, li t-trade mark preċedenti MAGNET 4 twassal messaġġ li jista’ jiġi assoċjat, fil-memorja tal-pubbliku rilevanti, mal-karatteristiċi tal-prodotti li ġiet irreġistrata għalihom, li huma identiċi għal dawk koperti mit-trade marks figurattivi u verbali li saret applikazzjoni għalihom. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv mhux medju, iżda dgħajjef.

    22

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta rrikonoxxa probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti.

    23

    Min-naħa l-oħra, fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li x-xebh bejn it-trade mark verbali li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti huwa iktar qawwi, kien hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li għandha tiġi rikonoxxuta probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks, fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti koperti minnhom u minkejja l-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti.

    Image

    24

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat, fil-Kawża T-604/11, id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI relattiva għat-trade mark figurattiva u ċaħdet, fil-Kawża T‑292/12, it-talba għal annullament diretta lejn id-deċiżjoni ta’ dan l-istess Bord tal-Appell relattiva għat-trade mark verbali MAGNEXT.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tagħha fil-Kawża T‑292/12,

    tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jekk ikun neċessarju, u

    tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

    26

    L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    27

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza kkontestata.

    Fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

    28

    Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

    Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet

    – L-argumenti tal-partijiet

    29

    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, żnaturat il-fatti u kisret il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza, minn naħa, meta kkwalifikat bħala dominanti l-element “MAGNET” tat-trade mark preċedenti MAGNET 4, minkejja li kienet ikkonstatat li dan l-element huwa deskrittiv, u, min-naħa l-oħra, meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-numru “4” li jidħol fil-kompożizzjoni ta’ din it-trade mark.

    30

    L-UASI jqis li din l-argumentazzjoni hija inammissibbli jew, sussidjarjament, manifestament infondata.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Hekk kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tas-sentenza kkontestata, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35, u Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 34).

    32

    L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata b’mod sħiħ, li ma jeskludix li l-impressjoni sħiħa prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi UASI vs Shaker, EU:C:2007:333, punt 41, u United States Polo Association vs UASI, C‑327/11 P, EU:C:2012:550, punt 57).

    33

    F’dan il-każ, fl-istadju tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku u viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 25 tas-sentenza kkontestata li, fit-trade mark preċedenti MAGNET 4, it-terminu “magnet” għandu jitqies bħala l-element dominanti.

    34

    Sa fejn l-appellanti ssostni li tali kwalifika ma hijiex kompatibbli mal-karattru deskrittiv li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lil dan it-terminu fil-punt 26 tas-sentenza kkontestata, biżżejjed jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies element verbali għandu jitqies li għandu karattru purament deskrittiv, dan il-karattru ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-karattru dominanti ta’ dan l-element għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh ta’ sinjali kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Muñoz Arraiza vs UASI, C‑388/10 P, EU:C:2011:185, punt 65).

    35

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tal-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għalhekk jiġi miċħud.

    36

    Sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-numru “4” li jifforma parti mill-kompożizzjoni tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat mal-qari tal-punt 25 tas-sentenza kkontestata li l-Qorti Ġenerali, għall-finijiet li tevalwa x-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, limitat ruħha biex tikkonstata li t-trade mark verbali li saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, MAGNEXT, hija differenti mill-element “magnet” tat-trade mark preċedenti, MAGNET 4, biss bl-ittra kapitali “X”.

    37

    Ċertament, dan in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-numru “4”, li jinsab fit-trade mark MAGNET 4, għandu jiġi relatat mal-kwalifika, magħmula espressament fl-istess punt 25 tas-sentenza msemmija, tal-element “magnet” bħala l-element dominanti ta’ din it-trade mark.

    38

    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq is-sempliċi bażi tal-element dominanti ta’ trade mark kumplessa. Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna biss sitwazzjonijiet eċċezzjonali (digriet Repsol vs UASI, C‑466/13 P, EU:C:2014:2331, punt 83) u huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq is-sempliċi bażi tal-element dominanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aceites del Sur‑Coosur vs Koipe, C-498/07 P, EU:C:2009:503, punt 62, u United States Polo Association vs UASI, EU:C:2012:550, punt 57).

    39

    Issa, fil-punt 25 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha biex issostni l-karattru dominanti tal-element “magnet” fit-trade mark preċedenti, mingħajr ma tagħti ebda evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-element l-ieħor preżenti f’din it-trade mark, jiġifieri n-numru “4”, li fiha jirriżulta li dan l-element huwa negliġibbli.

    40

    Għalkemm il-punt 25 tas-sentenza kkontestata jirreferi, kif enfasizza l-UASI, fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, relattiv għax-xebh viżiv tat-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha u tat-trade mark preċedenti, dan l-aħħar punt isemmi biss il-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatt li n-numru “4” ma huwiex preżenti fit-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha u ma fih ebda evalwazzjoni tal-impressjoni viżiva prodotta minn dan in-numru fil-kuntest tat-trade mark preċedenti, li fiha jirriżulta li din l-impressjoni hija negliġibbli.

    41

    Fir-rigward tal-punt 23 tas-sentenza kkontestata, relattiv għax-xebh fonetiku tat-trade mark figurattiva li saret applikazzjoni għaliha u tat-trade mark preċedenti, li jirreferi għalih ukoll il-punt 25 tas-sentenza msemmija, dan ma jsemmi b’ebda mod il-preżenza tan-numru “4” fit-trade mark preċedenti. B’mod partikolari, dan ma fih ebda riferenza għall-pronunzja ta’ dan in-numru fil-forma “cuatro”, li hija dik tal-lingwa Spanjola użata mill-pubbliku kkunsidrat bħala rilevanti għal din it-trade mark, u ebda evalwazzjoni li minnha jirriżulta li l-impressjoni fonetika prodotta minn dan il-ħoss hija negliġibbli.

    42

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ma wettqitx il-paragun tat-trade marks inkwistjoni billi eżaminat lil kull waħda minn dawn b’mod sħiħ.

    43

    Għalhekk, it-tieni parti tal-aggravju bbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija fondata.

    Fuq it-tielet u r-raba’ partijiet

    – L-argumenti tal-partijiet

    44

    L-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkonkludiet li hemm xebh fonetiku medju bejn it-trade marks kunfliġġenti, filwaqt li kkunsidrat il-livell ta’ xebh fonetiku bejn it-trade mark figurattiva inkwistjoni fil-Kawża T‑604/11 u t-trade mark preċedenti kien dgħajjef ħafna. Issa, it-trade mark figurattiva u t-trade mark verbali MAGNEXT, inkwistjoni f’dan il-każ, jikkonsistu mill-istess ittri u huma għalhekk ippronunzjati b’mod identiku.

    45

    L-appellanti tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset lit-trade marks kunfliġġenti bħala medjament simili fuq il-livell viżiv, filwaqt li t-trade mark verbali MAGNEXT hija, fil-konfront tat-trade mark figurattiva, komposta minn żewġ elementi “mag” u “next”, u li dan tal-aħħar, li jikkorrispondi għat-terminu familjari Ingliż “next”, kellu jitqies bħala l-element dominanti.

    46

    L-UASI jqis li din l-argumentazzjoni hija inammissibbli jew, sussidjarjament, manifestament infondata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova għalhekk ma jikkostitwixxux, sakemm ma jiġux interpretati ħażin, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Nestlé vs UASI, EU:C:2007:539, punt 53, u United States Polo Association vs UASI, EU:C:2012:550, punt 62).

    48

    L-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku u viżiv ta’ sinjali kunfliġġenti tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet Longevity Health Products vs UASI, C‑311/14 P, EU:C:2015:23, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) u għalhekk tista’ tkun biss is-suġġett ta’ appell fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, id-digriet Mundipharma vs UASI, C‑669/13 P, EU:C:2014:2308, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-appellanti tallega li s-sentenza kkontestata hija bbażata fuq żnaturament tal-elementi fattwali u tal-elementi ta’ prova li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali evalwat ix-xebh fonetiku u viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, l-argumenti li din tiżviluppa insostenn ta’ din l-allegazzjoni huma limitati, essenzjalment, għal repetizzjoni tal-asserzjonijiet diġà żviluppati fl-osservazzjonijiet diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u ma fihom ebda argumentazzjoni legali speċifika li tista’ tipprova, minbarra evalwazzjoni allegatament żbaljata ta’ ċerti fatti mill-Qorti Ġenerali, żnaturament tagħhom fis-sentenza kkontestata.

    51

    Isegwi li t-tielet u r-raba’ partijiet tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    Fuq in-nuqqas ta ’ motivazzjoni tas-sentenza kkontestata

    L-argumenti tal-partijiet

    52

    L-appellanti tosserva li l-Qorti Ġenerali ma semmietx, fil-punt 35 tas-sentenza kkontestata, motivi dettaljati li jiġġustifikaw, fir-rigward ta’ evalwazzjoni korretta tax-xebh fuq il-livell viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, il-konklużjoni li tgħid li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn is-sinjali. B’hekk, is-sentenza hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

    53

    L-UASI jqis li s-sentenza kkontestata hija motivata biżżejjed fil-liġi.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li jinsab fuq il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess statut, u mal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jimponix fuq din tal-aħħar li tipprovdi rendikont li jsegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fil-kawża u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ b’hekk tkun impliċita għall-kundizzjoni li din tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi mill-elementi suffiċjenti biex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 64, u Isdin vs Bial-Portela, C-597/12 P, EU:C:2013:672, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-punt 35 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, huwa punt konklussiv li huwa bbażat impliċitament, iżda b’mod ċar, fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, minn naħa, fir-rigward tax-xebh fuq il-livelli viżivi, fonetiċi kif ukoll kunċettwali bejn it-trade mark verbali li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar.

    56

    Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relattivi għax-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, li l-appellanti tikkontesta li jistgħu jsostnu l-konklużjoni li din il-qorti waslet għaliha abbażi tagħhom fir-rigward tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, diġà ġie rrilevat, fil-punti 33 u 36 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ħadet biss inkunsiderazzjoni, f’dak li jikkonċerna t-trade mark MAGNET 4, l-element “magnet”, li din ikkwalifikat bħala dominanti, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni n-numru “4”.

    57

    Issa, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda motivazzjoni, lanqas impliċita, li tippermetti li jkunu magħrufa r-raġunijiet għalfejn ikkwalifikat l-element “magnet” bħala dominanti (ara, iktar ’il fuq, il-punt 39 ta’ din is-sentenza).

    58

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali lanqas ma mmotivat, ħlief b’mod impliċitu, id-deċiżjoni tagħha li ma tinkludix in-numru “4” fl-evalwazzjoni tagħha tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti (ara, iktar ’il fuq, il-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza).

    59

    Isegwi li, sa fejn hija bbażata fuq evalwazzjoni tax-xebh fuq il-livell viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti li hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mill-Qorti Ġenerali fil-punt 35 tas-sentenza kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed hija stess.

    60

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 42, 43 u 59 ta’ din is-sentenza, il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata għandu jiġi annullat.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    61

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċidiha.

    62

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża, peress li, biex issir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.

    63

    Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Mega Brands vs UASI – Diset (MAGNEXT) (T‑604/11 u T‑292/12, EU:T:2014:56) huwa annullat.

     

    2)

    Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top