EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
María José Regojo Dans vs Consejo de Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat bejn CES, UNICE u CEEP — Klawżoli 3 u 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Persunal “eventwali” − Rifjut milli tingħata allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin — Raġunijiet oġġettivi.
Kawża C-177/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:450

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat bejn CES, UNICE u CEEP — Klawżoli 3 u 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Persunal “eventwali” — Rifjut milli tingħata allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin — Raġunijiet oġġettivi”

Fil-Kawża C‑177/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ April 2014, fil-proċedura

María José Regojo Dans

vs

Consejo de Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. J. Regojo Dans, minn J. Pérez de Sevilla y Gitard u A. Regojo Dans, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 3(1) u 4(4) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. J. Regojo Dans u l-Consejo de Estado (Kunsill tal-Istat), il-persuna li timpjegaha, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar, li tagħtiha l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, minħabba fl-istatus partikolari tagħha ta’ persunal “eventwali”, fis-sens tad-dritt Spanjol (iktar ’il quddiem il-“persunal awżiljarju”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont it-termini tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-għan “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

4

Il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas tipprovdi li l-iskop tal-istess Ftehim Qafas huwa:

“a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

5

Il-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas tipprovdi li:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

6

Il-“ħaddiem għal terminu fiss” huwa ddefinit fil-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas bħala “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

7

Il-“ħaddiem kumparabbli permanenti” huwa ddefinit fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”.

8

Il-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, tipprovdi, fil-punti 1, 3 u 4 tagħha:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4.

Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

9

Il-klawżola 5 tal-imsemmi Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 149(1)(18) tal-Kostituzzjoni Spanjola tagħti lill-Istat il-kompetenza esklużiva sa fejn tirrigwarda l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tar-regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali tagħhom.

11

Bis-saħħa ta’ din il-kompetenza, l-Istat adotta l-Liġi 7/2007, dwar ir-regolamenti bażiċi relatati mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku (Ley 7/2007 del Estatuto básico del empleado público), tat-12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’ April 2007, p. 16270, iktar ’il quddiem il-“Liġi 7/2007”).

12

L-Artikolu 8 tal-Liġi 7/2007, intitolat “Kunċett u tipi ta’ membri tal-persunal fis-servizz pubbliku”, jipprovdi:

“1.   Huma membri tal-persunal fis-servizz pubbliku persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fis-servizz tal-interess ġenerali.

2.   Il-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku huma kklassifikati bħala:

a)

Uffiċjali stabbiliti.

b)

Uffiċjali temporanji.

c)

Membri tal-persunal bil-kuntratt, sew jekk permanenti, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat.

d)

Persunal awżiljarju.”

13

L-Artikolu 9 tal-Liġi 7/2007 jiddefinixxi lill-uffiċjali stabbiliti fit-termini li ġejjin:

“1.   L-uffiċjali stabbiliti huma l-persuni indikati mil-liġi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika bis-saħħa ta’ relazzjoni statutorja rregolata mid-dritt amministrattiv, sabiex iwettqu servizzi professjonali permanenti mħallsin.

2.   Fi kwalunkwe każ, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jinvolvi l-parteċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew fis-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqa’ esklużivament f’idejn l-uffiċjali, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi ta’ implementazzjoni ta’ kull amministrazzjoni pubblika.”

14

L-Artikolu 12 tal-Liġi 7/2007 jiddefinixxi b’dan il-mod il-persunal awżiljarju:

“1.   Jikkostitwixxu persunal awżiljarju l-persuni li, bis-saħħa tal-ħatra tagħhom u b’mod mhux permanenti, iwettqu biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali u huma mħallsa abbażi tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dan il-għan.

2.   Il-liġijiet li jirrigwardaw is-servizz pubbliku li huma adottati sabiex jimplementaw dawn ir-regolamenti għandhom jistabbilixxu l-korpi li jirregolaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jagħmlu użu minn dan it-tip ta’ persunal. In-numru massimu għandu jiġi stabbilit mill-korpi governattivi rispettivi. Dan in-nurmu kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ser ikunu pubbliċi.

3.   Il-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, it-terminazzjoni għandha sseħħ fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir.

4.   L-istatus tal-persunal awżiljarju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess għas-servizz pubbliku jew għal promozzjoni interna. […]

5.   Ir-regoli ġenerali li japplikaw għall-uffiċjali stabbiliti japplikaw għall-persunal awżiljarju sa fejn huma adegwati għan-natura tas-sitwazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.”

15

Skont it-termini tal-Artikolu 22 tal-Liġi 7/2007, li jissemma’ taħt il-Kapitolu III tal-imsemmija liġi dwar l-iskema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku, ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali stabbiliti jinkludu r-remunerazzjonijiet bażiċi u r-remunerazzjonijiet komplementari.

16

L-Artikolu 23 tal-Liġi 7/2007 jipprovdi li:

“Ir-remunerazzjonijiet bażiċi, li huma stabbiliti permezz tal-liġi finanzjarja tal-Istat, huma magħmula unikament u esklużivament mill-elementi li ġejjin:

a)

is-salarju previst għal kull sottogrupp fil-klassifika professjonali jew, fl-assenza tas-sottogrupp, għal kull grupp fil-klassifika professjonali;

b)

l-allowances li jingħataw kull tliet snin, li jikkonsistu f’ammont fiss, għal kull sottogrupp fil-klassifika professjonali, jew, fl-assenza ta’ sottogrupp, għal kull grupp fil-klassifika professjonali, għal kull perijodu ta’ tliet snin ta’ servizz.”

17

L-Artikolu 25 tal-Liġi 7/2007 jipprovdi għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali temporanji kif ġej:

“1.   L-uffiċjali temporanji jirċievu r-remunerazzjonijiet bażiċi u l-allowances skont it-tlettax-il xahar u erbatax-il xahar korrispondenti għas-sottogrupp fil-klassifika professjonali, jew, fl-assenza ta’ sottogrupp, għall-grupp fil-klassifika professjonali. Huma jirċievu wkoll ir-remunerazzjonijiet komplementari msemmija fl-Artikolu 24(b), (c) u (d), kif ukoll dawk li jikkorrispondu għall-kategorija ta’ dħul għall-korp jew għall-grad fejn huma ġew maħtura.

2.   Għandhom jingħataw l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin li jikkorrispondu għas-servizzi li jitwettqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, li jipproduċu l-effetti tagħhom fuq ir-remunerazzjonijiet biss mid-dħul fis-seħħ tagħhom.”

18

L-Artikolu 26 tal-Liġi 2/2012, jirrigwarda dispożizzjonijiet finanzjarji għas-sena 2012 (Ley 2/2012 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2012), tad-29 ta’ Ġunju 2012 (BOE Nru 156, tat-30 ta’ Ġunju 2012, p. 46432), jipprovdi, fir-raba’ paragrafu tiegħu:

“Il-persunal awżiljarju jirċievi r-remunerazzjonijiet bħala salarju u bħala tat-tlettax-il xahar u erbatax-il xahar korrispondenti għall-grupp jew għas-sottogrupp fil-klassifika fejn il-Ministeru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidra l-funzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol irriżervat għall-persunal awżiljarju li jokkupawhom […]

L-uffiċjali stabbiliti li, f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew ta’ kollokament, jokkupaw postijiet tax-xogħol irriżervati għall-persunal awżiljarju jirċievu r-remunerazzjonijiet bażiċi li jikkorrispondu għall-grupp tagħhom jew għas-sottogrupp tagħhom fil-klassifika, inkluż l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, fejn xieraq, kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol okkupat.”

19

Il-Liġi 30/1984, dwar miżuri għar-riforma tas-servizz pubbliku (Ley 30/1984 de Medidas para la Reforma de la Función Pública), tat-2 ta’ Awwissu 1984 (BOE Nru 185, tat-3 ta’ Awwissu 1984, p. 22629, iktar ’il quddiem il-“Liġi 30/1984”), tinkludi l-Artikolu 20, intitolat “Proċedura sabiex jimtlew il-postijiet tax-xogħol”. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Gvern u, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-Konsulenti tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u l-laqgħa plenarja tal-kunsilli lokali jistabbilixxu n-numru tal-postijiet irriżervati għall-persunal awżiljarju, flimkien mal-karatteristiċi tagħhom u r-remunerazzjoni tagħhom, dejjem fil-limitu tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dan il-għan.

Il-persunal awżiljarju jeżerċita biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali; il-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet u jaqgħu esklużivament taħt il-Ministeri u s-Segretarji tal-Istat u, fejn xieraq, taħt il-Konsulent tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u tal-Presidenti tal-Kunsilli Lokali. Il-ħatra tal-persunal awżiljarju tiġi awtomatikament terminata fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir.

3.   Il-fatt li jiġi okkupat post tax-xogħol li huwa rriżervat għall-persunal awżiljarju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-aċċess għas-servizz pubbliku jew għal promozzjoni interna.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija impjegata, mill-1 ta’ Marzu 1996, bħala persunal awżiljarju mill-Consejo de Estado u hemmhekk tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tas-segretarjat tal-konsulent permanenti.

21

Mill-4 ta’ Lulju 1980 sal-1 ta’ Marzu 1996, hija wkoll ħadmet bħala persunal awżiljarju fit-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali) u fil-Consejo Económico y Social (Kunsill ekonomiku u soċjali).

22

Fil-25 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet talba quddiem il-Consejo de Estado sabiex, minn naħa waħda, jiġi rikonoxxut lilha d-dritt li tirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin għas-servizzi mwettqa fl-amministrazzjonijiet differenti mill-1980 u, min-naħa l-oħra, jingħatalha l-ammont li jikkorrispondi għall-allowances tal-aħħar erba’ snin.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-24 ta’ Lulju 2012, il-President tal-Consejo de Estado ċaħad din it-talba.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, minħabba li hija ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

25

Din il-qorti tindika li l-Liġi 7/2007 ma tipprevedix l-għoti ta’ tali allowances ta’ anzjanità lill-persunal awżiljarju, għal kuntrarju ta’ dak li huwa previst għall-uffiċjali stabbiliti jew temporanji. Skont il-Liġi 2/2012, uffiċjal stabbilit f’sitwazzjoni ta’ kollokament, li għandu post irriżervat lill-persunal awżiljarju, jirċievi r-remunerazzjonijiet li jikkorrispondu għall-grupp ta’ oriġini tiegħu inkluż l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin.

26

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema) rigward persunal awżiljarju, il-pożizzjonijiet ta’ din in-natura huma eċċezzjonali u limitati għall-funzjonijiet “ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali”. Konsegwentement, din l-istess qorti tqis li dan il-persunal ma jistax jeżerċita rwoli li jaqgħu taħt funzjonijiet normali tal-amministrazzjoni, sew jekk huma jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi lill-amministrazzjoni sew jekk jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ atti marbuta unikament mal-organizzazzjoni amministrattiva. Dawn il-funzjonijiet, minħabba fir-rabta tagħhom diretta mal-prinċipji kostituzzjonali ta’ oġġettività u ta’ effiċjenza amministrattiva, għandhom jingħataw biss lill-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku magħżula skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza, mertu u kapaċità.

27

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, iżda wkoll tar-relazzjoni partikolari li tgħaqqad l-amministrazzjoni mal-persunal awżiljarju, ibbażata fuq il-parir speċjali u l-fiduċja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk dan il-persunal jistax jitqabbel mal-ħaddiema għal żmien indeterminat fis-sens tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-punt jekk l-użu ta’ persunal awżiljarju għandux jiġi limitat għall-każijiet fejn il-bżonn għal dan it-tip ta’ persunal huwa manifestament iġġustifikat, sabiex jiġi evitat kull tip ta’ abbuż u sabiex jiġu stabbiliti r-remunerazzjonijiet li josservaw l-ekwilibriju ma’ dawk li huma previsti għall-membri tal-persunal l-oħra fis-servizz pubbliku li l-funzjonijiet tagħhom għandhom kontenut professjonali simili.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Il-persunal awżiljarju attwalment irregolat mill-Artikolu 12 tal-[Liġi 7/2007] [...] u preċedentement irregolat mill-Artikolu 20(2) tal-Liġi [30/184], jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ li tinsab fil-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas […]?

2)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fil-klawżola 4(4) tal-imsemmi Ftehim qafas [...] huwa applikabbli fir-rigward ta’ dan il-persunal awżiljarju, sabiex dan jingħatalu d-dritt li jirċievi u jitħallsulu r-remunerazzjonijiet imħallsa abbażi tal-anzjanità lill-uffiċjali pubbliċi [stabbiliti], lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat, lill-uffiċjali temporanji u lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat?

3)

Is-sistema ta’ ħatra libera u ta’ terminazzjoni libera, ibbażata fuq raġunijiet relatati mal-fiduċja, li tapplika fir-rigward ta’ dan il-persunal awżiljarju bis-saħħa taż-żewġ liġijiet iċċitati iktar ’il fuq, taqa’ taħt ir-raġunijiet oġġettivi invokati minn din il-klawżola 4 sabiex jiġi ġġustifikat trattament differenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

30

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’, peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru” (ara s-sentenzi Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56, u Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]” skont il-Ftehim qafas, stabbilita fil-Klawżola 3(1) tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta u tkun liema tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward tal-importanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas għall-finijiet li jiġi żgurat fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien fiss [żmien determinat] l-għoti tal-istess vantaġġi li huma rriżervati għall-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, ħlief jekk trattament differenti jkun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, għandu jkollhom portata ġenerali, peress li huma regoli tal-liġi soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni (sentenza Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 27).

33

Konsegwentement, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28, kif ukoll Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għandu jiġi osservat li l-unika ċirkustanza li ħaddiem ikollu l-istatus ta’ awżiljarju skont id-dritt nazzjonali jew li l-kuntratt tiegħu ta’ xogħol ikollu ċerti aspetti partikolari, bħal, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, natura temporanja, il-ħatra jew ir-revoka ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet jew inkella l-fatt li dan il-ħaddiem huwa mistenni li jwettaq funzjoni bbażata fuq il-fiduċja u parir speċjali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, taħt piena li tmur kontra l-effettività tad-Direttiva 1999/70 u dik tal-Ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri, billi tirriżerva lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li meta jidhrilhom jeliminaw ċerti kategoriji ta’ persuni mill-protezzjoni pprovduta minn dawn l-istrumenti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29).

35

Jirriżulta mit-termini tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas li kuntratt jew relazzjoni tal-impjieg għal żmien determinat huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-tmiem tal-imsemmi kuntratt jew tal-imsemmija relazzjoni tal-impjieg “hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. Konsegwentement, kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jispiċċaw awtomatikament meta l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ dan il-ħaddiem hija revokata, għandhom jitqiesu li huma rregolati b’terminu li l-iskadenza tiegħu hija stabbilita permezz tat-“twettiq ta’ każ speċifiku”, fis-sens tal-imsemmija klawżola 3(1).

36

Għalhekk, ħaddiem li jinsab f’sitwazzjoni bħal din, jaqa’ taħt il-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas.

37

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

38

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti.

39

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom stess, dawn id-domandi ma humiex intiżi sabiex jinterpretaw il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li hija speċifikament intiża sabiex jiġi pprevenut l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza Deutsche Lufthansa, C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 32).

40

Skont it-termini tal-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-ftehim qafas jippreċiża li dan “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għalhekk li l-għan ta’ dan il-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, sabiex itejjeb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara s-sentenzi Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 22, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 29, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 34).

41

Il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika dan il-prinċipju lill-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax-xogħol ta’ dan it-tip tintuża minn min iħaddem sabiex jiċħad lil dawn il-ħaddiema d-drittijiet li huma rikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 30, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 35).

42

Fid-dawl tal-għanijiet tal-Ftehim qafas, kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, il-klawżola 4 tiegħu għandha tiġi interpretata li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49; u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 31, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 36).

43

Għal dak li jirrigwarda l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali allowances, fejn tali benefiċċju kien irriżervat mid-dritt Spanjol għall-persunal uffiċjali fis-settur tas-saħħa li jaħdem għal żmien indeterminat, b’esklużjoni tal-persunal temporanju, kif ukoll għall-professuri li huma impjegati bħala uffiċjali stabbiliti f’komunità awtonoma, b’esklużjoni ta’ professuri impjegati bħala uffiċjali temporanji, u għall-professuri universitarji għal żmien indeterminat f’komunità awtonoma, b’esklużjoni tal-professuri universitarji għal żmien determinat, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 47 u 48, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58, u digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 37).

44

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk il-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 42 u 47; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 126, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 53).

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-“ħaddiem kumparabbli permanenti” huwa ddefinit fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet”.

46

Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandhom, b’mod konformi mal-klawżoli 3(2) u 4(1) ta’ dan tal-aħħar, jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol tagħhom, il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 43).

47

F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol josserva li l-persunal awżiljarju jikkostitwixxi kategorija professjonali distinta mill-kategoriji l-oħra tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku previsti fid-dritt Spanjol, fid-dawl kemm tar-rabtiet ta’ impjieg tagħhom, tal-funzjonijiet jew tar-rwoli li jeżerċitaw, kif ukoll tal-kriterji ta’ reklutaġġ jew tar-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tagħhom. Għalhekk, skont dan il-Gvern, id-differenzi fit-trattament bejn il-persunal awżiljarju u l-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku nazzjonali l-oħra ma humiex limitati unikament għall-allowance ta’ anzjanità inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48

Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern jenfasizza li, b’differenza mill-uffiċjali stabbiliti li huma magħżula, konformement mad-dritt nazzjonali, skont proċeduri li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji kostituzzjonali tal-ugwaljanza, tal-mertu u tal-kapaċità, il-persunal awżiljarju huwa magħżul mingħajr restrizzjonijiet għall-kisba ta’ funzjoni speċifika temporanja ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali. Ir-revoka wkoll ma hijiex suġġetta għal restrizzjonijiet u ssir awtomatikament meta l-awtorità li taħtha teżerċita l-imsemmija funzjoni ta’ fiduċja hija revokata. Skont dan l-istess Gvern, din is-sistema ta’ ħatra u ta’ revoka hija ġġustifikata mill-elementi speċifiċi tal-funzjonijiet tal-persunal awżiljarju, li hija bbażata fuq il-fiduċja fil-kuntest tal-pożizzjoni ta’ natura politika jew simili.

49

Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-funzjoni eżerċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tikkonsistix fl-eżerċizzju ta’ funzjoni speċifika marbuta mal-awtorità pubblika, iżda tirrigwarda iktar il-ksib tal-funzjonijiet ta’ kollaborazzjoni li jirrigwardaw attivitajiet ta’ natura amministrattiva.

50

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, f’tali ċirkustanzi, li għandha tistabbilixxi jekk, għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali stabbiliti u l-persunal awżiljarju, li fir-rigward tagħhom hija allegata differenza fit-trattament dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, humiex f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 39, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 44).

51

Fil-każ li l-imsemmija qorti tikkonstata li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kapaċità tagħha ta’ persunal awżiljarju tal-Consejo de Estado ma humiex identiċi jew analogi għal dawk eżerċitati mill-uffiċjal stabbilit fi ħdan din l-amministrazzjoni jew fi ħdan stabbilimenti pubbliċi oħra fejn hija ħadmet preċedentement f’dan l-istess rwol, minn dan isegwi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal stabbilit.

52

Jekk, minn naħa l-oħra, din il-qorti tikkunsidra li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita, fil-kapaċità tagħha ta’ persunal awżiljarju, funzjoni identika jew analoga għal dik eżerċitata mill-uffiċjal stabbilit tal-Consejo de Estado jew ta’ istituzzjoni oħra simili, l-unika element li jkun jista’ jiddistingwi s-sitwazzjoni tagħha minn dik ta’ uffiċjal stabbilit jidher li tkun in-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbotha mal-persuna li timpjegaha meta twettaq il-perijodi ta’ servizz bħala persunal awżiljarju.

53

F’tali ċirkustanza, din ir-rikorrenti tkun qiegħda f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imsemmija uffiċjal stabbilit u jkun xieraq li jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ ħaddiema, fejn tali differenza f’dan il-każ tkun tirriżulta mir-rifjut li jingħataw l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin għall-imsemmi perijodu ta’ servizz tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

54

Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, li jissemma’ fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57, kif ukoll Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54, u digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 40, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 47).

55

L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 53 u 58, u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 41, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 48).

56

Min-naħa l-oħra, l-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika biss ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 56, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 42, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 49).

57

Fil-fatt, differenza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, waħedha, hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza, jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm bid-Direttiva 1999/70 kif ukoll bil-ftehim qafas, l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex tkun ipperpetwata ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (ara s-sentenzi Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 57, u Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 38, kif ukoll digrieti Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 43, u Lorenzo Martínez, C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 50).

58

Il-Gvern Spanjol isostni li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn l-uffiċjali stabbiliti u l-persunal awżiljarju hija ġġustifikata minħabba fl-eżistenza ta’ tali raġunijiet oġġettivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza, l-ewwel nett, li l-persunal awżiljarju huwa maħtur sabiex jikseb funzjoni li għandha natura temporanja. In-natura partikolari tad-doveri u tal-ispeċifiċità tal-funzjoni tal-persunal awżiljarju, li jikkonsistu fi rwol ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali, ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-funzjonijiet li jinkludu doveri ta’ natura permanenti fl-organizzazzjoni amministrattiva. Huwa jsostni, it-tieni nett, il-fatt li l-ħatra u r-revoka ta’ dan il-persunal ma humiex suġġetti għal restrizzjonijiet, fis-sens li l-persuna li timpjega ma hijiex obbligata li żżomm ma’ ċertu proċeduri f’dan ir-rigward. It-tielet nett, il-pożizzjonijiet tal-persunal awżiljarju huma ta’ natura eċċezzjonali u l-persuni impjegati f’din il-kapaċità normalment ma jibqgħux f’dan is-servizz għal tul ta’ żmien. Finalment, ir-raba’ nett, peress li l-allowances ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kumpens mogħti lill-persunal li jibqa’ b’mod kontinwu fis-servizz tal-amministrazzjoni fejn iwettqu funzjonijiet purament amministrattivi, ikun kontradittorju li dawn jingħataw lill-persunal awżiljarju li ma jissodisfax dawn il-karatteristiċi.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, għalkemm, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk dawn l-argumenti jikkostitwixxux raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, in-natura mhux permanenti tal-persunal awżiljarju ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala tali raġuni.

60

Min-naħa l-oħra, għalkemm ċerti differenzi dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali stabbiliti u tal-persunal awżiljarju, tal-kwalifiki meħtieġa u tan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jassumu r-responsabbiltà tagħhom jistgħu, bħala regola, jiġġustifikaw trattament differenti dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 78), dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

61

Fil-fatt, jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 26(4) tal-Liġi 2/2012 li l-uffiċjali stabbiliti f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew ta’ kollokament li jokkupaw postijiet irriżervati għall-persunal awżiljarju jirċievu l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li tali uffiċjali stabbiliti jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-allowances, inkluż matul il-perijodu fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lill-persunal awżiljarju, jikkontradixxi l-argument skont liema n-natura partikolari tal-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali li hija r-responsabbiltà tal-persunal awżiljarju tiddistingwi dawn iż-żewġ tipi ta’ persunal u tiġġustifika differenza fit-trattament bejniethom għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-imsemmija allowances.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti, meta fir-rigward tal-għoti ta’ din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 

2)

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti, meta fir-rigward tal-għoti ta’ din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top