Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0132

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Diċembru 2015.
    Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1385/2013 – Direttiva 2013/62/UE – Direttiva 2013/64/UE – Bażi legali – Artikolu 349 TFUE – Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea – Emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea.
    Kawżi magħquda C-132/14 sa C-136/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:813

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Diċembru 2015 ( * )

    “Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1385/2013 — Direttiva 2013/62/UE — Direttiva 2013/64/UE — Bażi legali — Artikolu 349 TFUE — Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea — Emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawżi magħquda C‑132/14 sa C‑136/14,

    li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2014,

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Liukkonen (C‑132/14) kif ukoll minn L. Visaggio u J. Rodrigues (C‑132/14 u C‑136/14), bħala aġenti,

    rikorrent fil-Kawżi C‑132/14 u C‑136/14,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal (C‑133/14 sa C‑135/14), W. Mölls (C‑133/14 sa C‑135/14), D. Bianchi (C‑133/14 u C‑135/14) kif ukoll minn D. Martin (C‑133/14 u C‑134/14), bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti fil-Kawżi C‑133/14 sa C‑135/14,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, E. Karlsson, F. Florindo Gijón u J. Czuczai, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrapreżentat minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Fize, D. Colas u N. Rouam, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, B. Andrade Correia, M. Duarte u S. Marques, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur) u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi C‑132/14 u C‑135/14, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, rispettivament, jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 354, p. 86).

    2

    Permezz tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi C‑133/14 u C‑136/14, il-Kummissjoni u l-Parlament, rispettivament, jitolbu l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE u 1999/74/KE, u d-Direttivi 2000/60/KE, 2006/7/KE, 2006/25/KE u 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, p. 8).

    3

    Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑134/14, il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, p. 7).

    L-atti kkontestati

    Ir-Regolament Nru 1385/2013

    4

    Skont il-premessi 1, 3, 4, 7 u 8 tar-Regolament Nru 1385/2013:

    “(1)

    [...] B’kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika partikolari tal-Majott, li, hi aggravata bid-distanza, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u l-klima tagħha, għandhom jiġu previsti ċerti miżuri speċifiċi f’għadd ta’ oqsma.

    […]

    (3)

    Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98[, tat-30 ta’ Marzu 1998, dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 217)], l-ibħra madwar il-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku ġdid, għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ purse-seines dwar ġlejjeb ta’ tonn u ta’ speċijiet ta’ ħut li jixbhu lit-ton fiż-żona sa 24 mil mil-linji ta’ bażi tal-gżira għandu jkun projbit, sabiex ikunu ppreservati ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar qrib il-gżira tal-Majott.

    (4)

    Fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, p. 1)], fid-dawl tal-iskemi ta’ kummerċjalizzazzjoni frammentati ħafna u sottożviluppati tal-Majott, l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-tikkettar ta’ prodotti tas-sajd jimponu fuq il-bejjiegħa bl-imnut, piż mhux proporzjonat mal-informazzjoni li tiġi trasmessa lill-konsumatur. Għalhekk huwa xieraq li tkun prevista deroga temporanja mir-regoli dwar it-tikkettar ta’ prodotti tas-sajd offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari fil-Majott.

    [...]

    (7)

    Fid-dawl tal-fatt li Franza ppreżentat lill-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) pjan ta’ żvilupp li jiddeskrivi d-daqs indikattiv tal-flotta tas-sajd tal-Majott u l-evoluzzjoni mistennija tal-flotta sottożviluppata ta’ bastimenti tas-sajd mekkaniċi bil-konz li huma inqas minn 23 metru fit-tul u ta’ purse-seiners bbażata fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku ġdid, li ma kien hemm oġġezzjoni għalih mill-ebda parti kontraenti tal-IOTC, inkluża l-Unjoni, huwa xieraq li l-livelli ta’ referenza ta’ dak il-pjan jintużaw bħala limiti massimi għall-kapaċità tal-flotta ta’ bastimenti tas-sajd mekkaniċi bil-konz li huma inqas minn 23 metru fit-tul u ta’ purse-seiners irreġistrati fil-portijiet tal-Majott. B’deroga mir-regoli tal-Unjoni applikabbli b’mod ġenerali, u minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomiċi speċifika attwali tal-Majott, għandu jkun previst żmien biżżejjed biex Franza tkun tista’ żżid il-kapaċitajiet tas-segment sottożviluppat tal-flotta tagħha ta’ bastimenti ta’ daqs iżgħar sal-2025.

    (8)

    Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, p. 1)], għandu jiġi nnotat li l-Majott ma għandu l-ebda kapaċità industrijali biex jipproċessa prodotti sekondarji mill-annimali. Huwa għalhekk xieraq li jippermetti lil Franza perjodu ta’ ħames snin sabiex tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa għall-identifikazzjoni, l-immaniġġar, it-trasport, it-trattament u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fil-Majott f’konformità sħiħa mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.”

    5

    Konformement mal-Artikoli 1 sa 4 ta’ dan ir-regolament:

    “Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 850/98

    Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2(1), il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘(h)

    Ir-Reġjun 8

    L-ibħra kollha barra mix-xtut tad-dipartimenti Franċiżi ta’ Réunion u l-Majott li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Franza.’.

    (2)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    ‘Artikolu 34g

    Restrizzjonijiet fuq attivitajiet tas-sajd fiż-żona ta’ 24 mil madwar il-Majott

    Il-bastimenti għandhom ikunu pprojbiti milli jużaw purse-seines fuq ġlejjeb ta’ tonn u ta’ speċijiet ta’ ħut li jixbhu lit-ton fiż-żona li hija sa 24 mil mill-kosti tal-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 349 [TFUE], imkejla mil-linji ta’ bażi minn fejn jitkejlu l-ibħra territorjali.’.

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013

    Fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    ‘6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-prodotti offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari fil-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE.’.

    Artikolu 3

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, p. 22),] huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 23, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘4.   B’deroga mill-paragrafu 1, Franza għandha tkun awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2025, biex tintroduċi kapaċità ġdida mingħajr ma tirtira kapaċità ekwivalenti għad-diversi segmenti fil-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem il-“Majott”), imsemmija fl-Anness II.’.

    (2)

    Fl-Artikolu 36, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    ‘5.   B’deroga mill-paragrafu 1, Franza għandha tkun eżentata sal-31 ta’ Diċembru 2021 mill-obbligu li tinkludi fir-reġistru tagħha ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni dawk il-bastimenti li għandhom tul komplessiv ta’ inqas minn 10 metri u li joperaw mill-Majott.

    6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, Franza għandha żżomm reġistru provviżorju ta’ bastimenti tas-sajd li għandhom tul komplessiv ta’ inqas minn 10 metri u li joperaw mill-Majott. Dak ir-reġistru għandu jinkludi mill-inqas l-isem, it-tul komplessiv u kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ kull bastiment. Il-bastimenti rreġistrati fir-reġistru provviżorju għandhom jitqiesu bħala bastimenti rreġistrati fil-Majott.’.

    (3)

    L-entrati li jikkonċernaw lill-Majott li jinsabu fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jiddaħħlu fit-tabella fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 wara l-entrata ‘Guadeloupe: Speċi pelagiċi. T> 12m’.

    Artikolu 4

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009

    Fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-Artikolu 56 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘Artikolu 56

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011.

    Madankollu, l-Artikolu 4 għandu japplika għall-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn issa ’l quddiem ’il-Majott’), mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-prodotti sekondarji u l-prodotti derivati mill-annimali ġġenerati fil-Majott qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom jintremew f’konformità mal-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.’.”

    Id-Direttiva 2013/62

    6

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/62 jipprovdi:

    “Fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [tal-Kunsill] 2010/18/UE[, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13)], is-subparagrafu li ġej huwa mijud:

    ‘B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-perijodu addizzjonali msemmi fih għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE.’”

    Id-Direttiva 2013/64

    7

    Il-premessi 1 sa 9 tad-Direttiva 2013/64 jipprovdu:

    “(1)

    […] B’kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika partikolari tal-Majott, għandhom jiġu previsti ċerti miżuri speċifiċi f’għadd ta’ oqsma.

    (2)

    Huwa adatt li titqies is-sitwazzjoni partikolari fil-Majott fir-rigward tal-istat tal-ambjent, li jeħtieġ li jitjieb konsiderevolment sabiex ikun jista’ tikkonforma mal-objettivi ambjentali stipulati mid-dritt tal-Unjoni, u li għalihom huwa meħtieġ żmien addizzjonali. Miżuri speċifiċi sabiex gradwalment jitjieb l-ambjent għandhom jiġu adottati f’limiti speċifiċi ta’ żmien.

    (3)

    Sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE[, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26)], jeħtieġ li jittieħdu miżuri fil-Majott biex jiżguraw li agglomerazzjonijiet jiġu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir tal-ilma urban mormi. Dawn il-miżuri jitolbu li jsiru xogħlijiet ta’ infrastruttura li għandhom isegwu proċeduri amministrattivi u ta’ ppjanar adatti u, barra minn hekk, jeħtieġu l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ kejl u monitoraġġ ta’ skariki ta’ ilma urban mormi. Minħabba s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tal-Majott, għandu jingħata perijodu ta’ żmien suffiċjenti lil Franza sabiex dawk ir-rekwiżiti jkunu jistgħu jiġu ssodisfati.

    (4)

    Fil-qasam tal-agrikoltura, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE[, tad-19 ta’ Lulju 1999, li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 225]), huwa nnotat li, fil-Majott, it-tiġieġ li jbid huwa mrobbi f’gaġeġ mhux arrikkiti. Minħabba l-investiment konsiderevoli u l-ħidma ta’ tħejjija meħtieġa biex il-gaġeġ mhux arrikkiti jiġu sostitwiti b’gaġeġ arrikkiti jew sistemi alternattivi, huwa neċessarju li tiġi posposta l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ gaġeġ mhux arrikkiti għal perjodu ta’ mhux aktar minn 48 xahar mill-1 ta’ Jannar 2014. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, bajd li ġej minn stabbilimenti li jużaw gaġeġ mhux arrikkiti għandhom jiġu kummerċjalizzati biss fis-suq lokali tal-Majott. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli neċessarji, bajd prodott f’gaġeġ mhux arrikkiti għandu jkollu marka speċjali.

    (5)

    Fir-rigward tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275)], l-implimentazzjoni adegwata ta’ dik id-Direttiva rigward pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar tirrikjedi li Franza tadotta u timplimenta pjanijiet ta’ ġestjoni li fihom miżuri tekniċi u amministrattivi biex jinkiseb stat tajjeb tal-ilma għal, u biex tipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-korpi kollha tal-ilmijiet tal-wiċċ. Minħabba s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tar-reġjun ultraperiferiku l-ġdid tal-Majott għandu jingħata perijodu ta’ żmien suffiċjenti għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri.

    (6)

    Fir-rigward tad-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-15 ta’ Frar 2006, dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, p. 37)], jeħtieġ l-istat attwali tal-ilmijiet tal-wiċċ fil-Majott jitjieb konsiderevolment sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Il-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm tiddependi direttament mit-trattament tad-drenaġġ urban mormi, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/7/KE jistgħu biss jiġu osservati progressivament ladarba l-agglomerazzjonijiet li jaffettwaw il-kwalità ta’ drenaġġ urban jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271/KEE. Għalhekk, minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika speċjali tal-Majott jeħtieġ li jiġu adottati limiti ta’ żmien speċifiċi biex Franza tkun tista’ tissodisfa l-istandards tal-Unjoni rigward il-kwalità tal-ilma għall-għawm fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku ġdid.

    (7)

    Fil-qasam tal-politika soċjali, għandu jittieħed kont tad-diffikultajiet ta’ konformità mad-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-5 ta’ April 2006, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali) (id-19-il Direttiva individwali fitt-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE),] fil-Majott mill-1 ta’ Jannar 2014. Minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika prevalenti speċjali tagħha, ma hemm l-ebda faċilità teknika disponibbli fil-Majott għall-implimentazzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-konformità ma’ dik id-Direttiva f’dak il-qasam ta’ radjazzjoni ottika artifiċjali. Għalhekk, huwa adatt li Franza tingħata deroga minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2017, sakemm tali faċilitajiet mhumiex disponibbli fil-Majott u mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

    (8)

    Sabiex ikun garantit livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, għandha tiġi żgurata konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, ir-riskji li jirriżultaw mid-deroga għandhom jitnaqqsu għal minimu u l-ħaddiema kkonċernati għandhom jibbenefikaw minn tisħiħ fis-sorveljanza tas-saħħa. Huwa importanti li jitnaqqas it-tul tad-deroga kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-miżuri ta’ deroga nazzjonali għandhom jiġu riveduti kull sena u għandhom jiġu rtirati hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux jeżistu.

    (9)

    Fir-rigward tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 8, p. 45)], it-traspożizzjoni tagħha teħtieġ numru ta’ adattamenti biex tkun żgurata l-kontinwità tal-kura u informazzjoni lill-pazjenti. Huwa għalhekk xieraq li Franza tingħata perjodu addizzjonali ta’ 30 xahar mill-1 ta’ Jannar 2014 biex iddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-Majott.”

    8

    Skont l-Artikolu 1 sa 6 ta’ din id-direttiva:

    “Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 91/271/KEE

    Id-Direttiva 91/271/KEE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3, jidħol il-paragrafu li ġej:

    ‘(1a)   B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’) Franza għandha tiżgura li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban:

    sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet [li għandhom popolazzjoni ekwivalenti] ta’ aktar minn 10000 [...], li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-;

    sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027 għal agglomerazzjonijiet [li għandhom popolazzjoni ekwivalenti] ta’ aktar minn 2000 [...].’.

    (2)

    Fl-Artikolu 4, jidħol il-paragrafu li ġej:

    ‘(1a)   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti:

    sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet [li għandhom popolazzjoni ekwivalenti] ta’ aktar minn 15000 [...], flimkien mal-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2a), li ser ikopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

    sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027 għal agglomerazzjonijiet [li għandhom popolazzjoni ekwivalenti] ta’ aktar minn 2000 [...].’.

    (3)

    Fl-Artikolu 5 jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘(2a)   B’deroga mill-paragrafu 2, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet [li għandhom popolazzjoni ekwivalenti] ta’ aktar minn 10000 [...], flimkien mal-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1a), li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott.’.

    (4)

    Fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘B’deroga mill-ewwel paragrafu, fir-rigward tal-Majott, il-limitu ta’ żmien definit fih għandu jkun il-31 ta’ Diċembru 2027.’.

    (5)

    L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tistabbilixxi programm għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2014.’;

    (b)

    Fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-programm sal-31 ta’ Diċembru 2014.’.

    Artikolu 2

    Emenda tad-Direttiva 1999/74/KE

    Fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/74/KE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘3.   B’deroga mill-paragrafu 2, fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’), tiġieġ li jbid jista’ jibqa’ jiġi mrobbi f’gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-ebda gaġġa bħal dawk li għalihom saret referenza f’dan il-Kapitolu ma tista’ tinbena jew tiddaħħal f’servizz għall-ewwel darba fil-Majott.

    Il-bajd li ġej minn stabbilimenti li jrabbu tiġieġ li jbidu fil-gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu għandhom jitqiegħdu biss fis-suq lokali tal-Majott. Dak il-bajd u l-pakki tagħhom għandhom ikunu identifikati b’mod ċar b’marka speċjali, b’mod li jkunu jistgħu jsiru l-kontrolli neċessarji. Deskrizzjoni ċara ta’ dan l-immarkar speċjali għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.’.

    Artikolu 3

    Emendi lid-Direttiva 2000/60/KE

    Id-Direttiva 2000/60/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’), il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punti (a)(ii), (a)(iii), (b)(ii) u (c) għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.’;

    (b)

    fil-paragrafu 4, is-sentenza tal-introduzzjoni għandha tinbidel b’dan li ġej:

    ’Il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-finijiet ta’ kisba tal-għanijiet f’fażijiet għal korpi ta’ ilma, sakemm ma titfaċċax aktar deterjorazzjoni fl-istat ta’ korp tal-ilma affettwat meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ntlaħqu:’.

    (2)

    L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 7, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limiti taż-żmien imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu t-22 ta’ Diċembru 2015 u t-22 ta’ Diċembru 2018, rispettivament.’;

    (b)

    fil-paragrafu 8, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.’.

    (3)

    L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2015.’;

    (b)

    fil-paragrafu 7, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.’.

    Artikolu 4

    Emendi għad-Direttiva 2006/7/KE

    Id-Direttiva 2006/7/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’), il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-31 ta’ Diċembru 2019.’;

    (b)

    fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-31 ta’ Diċembru 2031.’.

    (2)

    Fl-Artikolu 6(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-30 ta’ Ġunju 2015.’;

    (3)

    Fl-Artikolu 13(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    ‘Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-30 ta’ Ġunju 2014.’.

    Artikolu 5

    Emenda tad-Direttiva 2006/25/KE

    Fid-Direttiva 2006/25/KE, jiżdied l-Artikolu li ġej:

    ‘Artikolu 14a

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, Franza tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2017, tidderoga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din id-Direttiva fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’) sakemm tali applikazzjoni tirrikjedi faċilitajiet tekniċi speċifiċi li ma jkunux disponibbli fil-Majott.

    L-ewwel subparagrafu ma japplikax għall-obbligi stipulati fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva, jew għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirriflettu l-prinċipji ġenerali stipulati fid-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE[, tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)]

    2.   Kull deroga minn din id-Direttiva li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżuri li kienu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 2014 jew mill-adozzjoni ta’ miżuri ġodda għandha tkun preċeduta minn konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont id-dritt u l-prattika nazzjonali. Dawn id-derogi għandhom ikunu applikati b’kundizzjonijiet li, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari prevalenti fil-Majott, jiggarantixxu li r-riskji li jirriżultaw għall-ħaddiema għandhom jitnaqqsu għall-minimu possibbli u li l-ħaddiema kkonċernati jibbenefikaw minn sorveljanza msaħħa tas-saħħa.

    3.   Il-miżuri ta’ deroga nazzjonali għandhom jiġu riveduti kull sena, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u għandha tiġi rtirata hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma għadhomx jeżistu.’.

    Artikolu 6

    Emenda tad-Direttiva 2011/24/UE

    Fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/24/UE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘3.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, Franza għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tkun konformi ma’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE sat-30 ta’ Ġunju 2016.’.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    9

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE, tal-11 ta’ Lulju 2012, li temenda l-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, p. 131), il-Mayotte ma baqax, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, jidher fost in-numru ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 355(2) TFUE, sabiex sar reġjun ultraperiferiku, fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE. B’din id-deċiżjoni, riferimenti għall-Mayotte iddaħħlu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 355(1) TFUE, filwaqt li, fl-Anness II tat-Trattat FUE, li jistabbilixxi l-lista ta’ “Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-Dispożizzjonijiet tal-Parti IV [ta’ dan it-trattat]”, tħassar is-sitt inċiż, li kien jipprovdi “Mayotte”.

    10

    Wara diversi talbiet mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-Repubblika Franċiża, marbuta bid-Deċiżjoni 2012/419 sabiex tapplika għall-Mayotte l-acquis tad-dritt tal-Unjoni fit-totalità tiegħu b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, kellha madankollu tingħata termini addizzjonali sabiex tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu.

    11

    Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat, fit-13 ta’ Ġunju 2013, il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fil-qasam tas-sajd u s-saħħa tal-annimali minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni [COM(2013) 417 final], il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/18/UE tal-Kunsill fir-rigward tal-bidla fl-istatus tal-Mayotte [COM(2013) 413 final] kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni [COM(2013) 418 final], ibbażati rispettivament:

    fuq l-Artikoli 43(2) TFUE u 168(4)(b) TFUE, li jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jeħtieġu l-konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

    fuq l-Artikolu 155(2) TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Parlament Ewropew jiġi informat;

    fuq l-Artikoli 43(2) TFUE, 114 TFUE, 153(2) TFUE, 168 TFUE u 192(1) TFUE, li jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jeħtieġu l-konsultazzjoni tal-KESE u tal-Kumitat tar-Reġjuni.

    12

    Il-Kunsill, wara li kkunsidra li l-atti previsti kellhom jiġu adottati kollha fuq il-bażi tal-Artikolu 349 TFUE u konformement mal-proċedura leġiżlattiva speċjali, bagħat lill-Parlament, għal opinjoni, il-proposti tal-Kummissjoni. Dawn il-proposti ġew ikkomunikati wkoll lill-parlamenti nazzjonali.

    13

    Fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Parlament adotta “pożizzjoni[jiet] fl-ewwel qari” tiegħu fuq il-proposta għal regolament COM(2013) 417 final kif ukoll fuq il-proposta għal direttiva COM(2013) 418 finali. F’dan it-teħid ta’ pożizzjonijiet, il-Parlament indika li l-atti previsti kellhom jiġu adottati “skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja” iżda li, fir-rigward speċifikament tar-regolament previst, dan kellu jkollu bħala bażi legali, b’żieda mal-Artikoli 43(2) TFUE u 168(4)(b) TFUE, l-Artikolu 349 TFUE. Fir-rigward tal-att previst fil-kuntest tal-proposta għal deċiżjoni COM(2013) 413 final, il-Parlament, filwaqt li enfasizza li huwa ġie “kkonsultat” konformement mal-Artikolu 349 TFUE fuq l-abbozz tal-Kunsill, approva, b’riżoluzzjoni leġiżlattiva wkoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, “l-abbozz tal-Kunsill kif emendat”.

    14

    Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill, “f’konformità ma’ proċedura leġislattiva speċjali”, adotta, fuq il-bażi tat-“Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu”, u wara l-“opinjoni tal-Parlament [tat-12 ta’ Diċembru 2013]”, ir-Regolament Nru 1385/2013, id-Direttiva 2013/62 u kif ukoll id-Direttiva 2013/64 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2014, il-kawżi ineżami ngħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura u kif ukoll tas-sentenza.

    16

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla r-Regolament Nru 1385/2013 u d-Direttiva 2013/64;

    iżżomm l-effetti ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva sakemm jidħlu fis-seħħ atti li jissostitwixxuhom ibbażati fuq il-bażijiet legali xierqa, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    17

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla l-atti kkontestati;

    iżżomm l-effetti tal-atti kkontestati sakemm jidħlu fis-seħħ atti li jissostitwixxuhom ibbażati fuq il-bażijiet legali xierqa, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    18

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tiċħad ir-rikorsi;

    sussidjarjament, fil-każ tal-annullament tal-atti kkontestati kollha jew parti minnhom, iżżomm l-effetti tagħhom sakemm jidħlu fis-seħħ atti li jissostitwixxuhom ibbażati fuq il-bażijiet legali xierqa, u

    tikkundanna lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    19

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Lulju 2014, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    Fuq ir-rikorsi

    20

    Insostenn tar-rikorsi rispettivi tagħhom, il-Parlament u l-Kummissjoni jinvokaw motiv uniku bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati fuq il-bażi tal-Artikolu 349 TFUE, wettaq għażla żbaljata tal-bażi legali.

    L-argumenti tal-partijiet

    L-argumenti tal-Kummissjoni

    21

    Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 349 TFUE japplika biss fil-każ ta’ deroga mill-applikazzjoni tad-dritt primarju għar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-assenza ta’ tali deroga, il-bażi legali ta’ att li sempliċement jadatta politika għal dawn ir-reġjuni, kif kien il-każ fir-rigward tal-atti kkontestati, għandha titfittex fid-dispożizzjonijiet marbuta ma’ din il-politika.

    22

    Din l-istituzzjoni tirrileva li l-Artikolu 355(1) TFUE jispeċifika li “[d]-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw” għar-reġjuni ultraperiferiċi “skond l-Artikolu 349 [TFUE]”. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti biss li ssir deroga mill-applikazzjoni tad-“dispożizzjonijiet tat-Trattati” għal dawn ir-reġjuni.

    23

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52 TUE jirriżulta li minkejja li “[t]-Trattati” huma applikabbli għall-Istati Membri kollha, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE. B’hekk, skont il-Kummissjoni, ir-rabtiet bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimplikaw li l-kunċett ta’ “Trattati” li huma jużaw jeskludi d-dritt sekondarju. Fil-fatt, normalment id-dettalji speċifiċi marbuta mal-portata ġeografika ta’ regola ta’ dritt sekondarju jkunu jinsabu f’din ir-regola nfisha u ma jistgħux jinbidlu la bl-Artikolu 355 TFUE u lanqas bl-Artikolu 52 TUE.

    24

    Fir-rigward partikolarment tal-Artikolu 349 TFUE, il-Kummissjoni tispeċifika li dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Kunsill jadotta kwalunkwe “miżura speċifika” favorevoli għar-reġjuni ultraperiferiċi previsti f’dan l-artikolu. Fil-fatt, dan tal-aħħar jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” ta’ dawn ir-reġjuni kif ukoll il-fatturi, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jaggravaw din is-sitwazzjoni.

    25

    Sa fejn il-“miżuri speċifiċi” previsti fl-Artikolu 349 TFUE għandhom “[l]-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati” għar-reġjuni kkonċernati, it-terminu “partikolarment” ifisser li dan l-artikolu jkopri kull miżura li tidderoga mit-Trattati, kemm jekk din tistabbilixxi tali “kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni” kif ukoll jekk le. Mill-banda l-oħra, dan l-artikolu ma jippermettix lill-Kunsill jistabbilixxi l-“kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni” tad-dritt sekondarju.

    26

    Tali interpretazzjoni la tista’ tiġi affettwata mill-espressjoni “inklużi l-politiki komuni”, użata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, u lanqas mil-lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il-politiki, li tidher fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Fil-fatt, l-użu ta’ din l-espressjoni u l-preżenza ta’ din il-lista sempliċement juru li l-portata tal-Artikolu 349 TFUE ma hijiex limitata għal ċerti oqsma politiċi speċifiċi, iżda ma jimplikawx li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandu jiġi estiż b’mod li l-Kunsill ikun jista’, fuq il-bażi tiegħu, jadotta miżuri li jidderogaw mid-dritt sekondarju.

    27

    Il-Kummissjoni tqis li s-sistema tal-bażijiet legali tat-Trattat FUE tikkorrobora l-argumentazzjoni tagħha. Fil-fatt, kull waħda minn dawn il-bażijiet legali, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 349 TFUE, tikkonċerna politika partikolari, meħuda fl-intier tagħha, u tagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kull fattur rilevanti. Minn dan jirriżulta li jistgħu jsiru differenzazzjonijiet ġeografiċi, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant, trattament differenzjat favur reġjun ultraperiferiku jista’ jiġi ġġustifikat mill-eżistenza, f’dan ir-reġjun, ta’ wieħed jew iktar mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE, mingħajr ma hija affettwata l-bażi legali applikabbli għal dan it-trattament.

    28

    Finalment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tal-atti kkontestati, billi r-rikorsi tagħha ma jirrigwardawx il-kontenut stess tagħhom.

    L-argumenti tal-Parlament

    29

    Il-Parlament iqis li r-Regolament Nru 1385/2013 u d-Direttiva 2013/64 ifittxu diversi għanijiet fl-istess ħin u għandhom diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma hemm xi wħud minnhom li huma sekondarji u indiretti meta mqabbla mal-oħrajn. Għalhekk, dawn l-atti kellhom jiġu bbażati fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti.

    30

    Skont din l-istituzzjoni, l-Artikolu 349 TFUE ma jistax jibbenefika minn xi supremazija meta mqabbel mal-bażijiet legali settorjali għal dak li jirrigwarda miżuri intiżi għall-implementazzjoni ta’ politika partikolari jew oħra, kemm jekk f’reġjun ultraperiferiku wieħed u kemm jekk f’diversi reġjuni ultraperiferiċi, għax altrimenti l-istruttura tat-Trattat FUE u l-bilanċ istituzzjonali fl-adozzjoni ta’ miżuri previsti minn dan it-Trattat jiġu ppreġudikati. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-politiki tal-Unjoni japplikaw ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi.

    31

    Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tal-Parlament, li l-miżuri li jimplementaw dawn il-politiki għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-bażijiet legali stabbiliti fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Il-fatt li miżura tikkonċerna, kompletament jew parzjalment, reġjun ultraperiferiku jew diversi reġjuni ultraperiferiċi jibqa’ mingħajr effett f’dan ir-rigward. Il-kriterju deċiżiv huwa dak dwar jekk tali miżura ssegwix għanijiet speċifiċi għall-politika kkonċernata, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi miżura speċifika favur reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE.

    32

    F’dan ir-rigward, il-Parlament iqis li mill-kliem tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti biss l-adozzjoni ta’ “miżuri speċifiċi” li jfittxu li jikkumpensaw l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-“karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet” li jiddifferenzjaw ir-reġjun jew ir-reġjuni kkonċernati mill-kumplament tat-territorju tal-Unjoni.

    33

    Mill-għan stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jipprovdi li dawn il-miżuri jfittxu “partikolarment, [li] jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni”, u mir-riżerva stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jipprovdi li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati “mingħajr ma [tit]naqqas l-integrità u l-koerenza ta’ l-ordni legali ta’ l-Unjoni, inkluż[a] [...] l-politika komuni”, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 349 TFUE jipprevedi biss derogi mill-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

    34

    Għalhekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu miżuri li ma jintroduċux deroga minn regoli altrimenti applikabbli, iżda sempliċement jipposponu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal reġjun ultraperiferiku.

    35

    Fir-rigward tad-Direttiva 2013/64, mill-premessi tagħha jirriżulta li hija għandha l-għan, bl-għoti ta’ perijodi tranżitorji, li tiffaċilita l-applikazzjoni sħiħa, sa fejn il-Mayotte huwa kkonċernat, ta’ diversi direttivi fl-oqsma tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-politika soċjali u tas-saħħa pubblika.

    36

    Issa, id-diffikultajiet iffaċċjati għal applikazzjoni sħiħa, f’dan ir-reġjun, ta’ dawn id-direttivi la jirriżultaw mis-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” li fiha dan jinsab u lanqas mill-eżistenza ta’ fattur jew diversi fatturi aggravanti, kif elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Fil-fatt, dawn id-diffikultajiet jistgħu jikkonċernaw kwalunkwe reġjun suġġett għall-obbligu li josserva, b’effett minn data partikolari, rekwiżiti li ma kinux preċedentement applikabbli għalih.

    37

    Għalhekk, skont il-Parlament, l-emendi mressqa mid-Direttiva 2013/64 kellu jkollhom bħala bażijiet legali dawk li jikkorrispondu għad-direttivi settorjali kkonċernati u ma setgħux jiġu bbażati fuq l-Artikolu 349 TFUE.

    38

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jispeċifika li l-Artikolu 1 tiegħu huwa intiż sabiex jimplementa l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd. Il-fatt li l-ambjent marittimu fraġli, li għandu jkun suġġett għal protezzjoni, jinsab fl-ilmijiet ta’ reġjun ultraperiferiku huwa irrilevanti, peress li tali sitwazzjoni tista’ tirriżulta f’kull reġjun ieħor tal-Unjoni. B’hekk, il-miżuri adottati mill-Kunsill f’dan ir-regolament ma humiex intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi dovuti għas-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tal-Mayotte.

    39

    Il-Parlament iżid li l-fatt li miżura partikolari, adottata fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, tista’ tkun intiża wkoll sabiex jinkisbu effetti pożittivi fil-qasam ekonomiku u soċjali kif ukoll fil-qasam tal-impjiegi ma huwiex ta’ natura li joħroġ lil din il-miżura mill-ambitu ta’ din il-politika.

    40

    Fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1385/2013, l-emenda inkwistjoni tikkostitwixxi biss emenda tranżitorja intiża sabiex tippermetti l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt sekondarju għall-Mayotte u kellha taqa’, skont il-Parlament, taħt il-bażi settorjali tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    41

    Fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jammetti li l-miżuri li jidhru fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-artikolu huma ta’ natura derogatorja u ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” partikolari tal-Mayotte. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 349 TFUE kien fil-fatt jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    42

    Mill-banda l-oħra, bl-adozzjoni, bil-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, tat-tabella dwar il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd, li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1380/2013, mingħajr ma llimita n-numru ta’ bastimenti tas-sajd li joperaw mill-Mayotte, il-Kunsill ma adottax “miżura speċifika” billi ħa inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tal-Mayotte kif ukoll il-fatturi aggravanti, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Għalhekk, tali miżura kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE bħala l-bażi legali tagħha.

    43

    Fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, billi dan sempliċement ippospona għall-1 ta’ Jannar 2021 id-dħul fis-seħħ, għall-Mayotte, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1069/2009, il-Parlament iqis li din il-miżura kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 168(4)(b) TFUE. B’mod partikolari, sitwazzjoni simili għal dik li taffettwa lill-Mayotte, jiġifieri l-assenza ta’ industrija tal-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, tista’ tirriżulta f’kull reġjun ieħor tal-Unjoni.

    44

    Fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jirrileva li din id-dispożizzjoni tipprevedi dispensa temporanja minn ċerti regoli fir-rigward tal-kontroll tas-segment ta’ bastimenti tal-flotta tal-Mayotte li għandhom tul ta’ inqas minn 10 metri, filwaqt li timponi sistema ta’ kontroll issimplifikata u provviżorja. Billi din il-miżura hija ġġustifikata mill-ħtieġa, minn naħa, “li jitħarrġu s-sajjieda u kontrolluri u li jistabbilixxu infrastruttura amministrattiva u fiżika xierqa”, u min-naħa l-oħra, li jiġu ssodisfatti “mill-anqas xi wħud mill-aktar objettivi importanti tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1224/2009 [li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1)]”, tali miżura tikkostitwixxi deroga, b’mod li tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 349 TFUE.

    45

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Parlament iqis li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1385/2013, il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni simultanja tad-diversi bażijiet legali previsti fl-Artikolu 43(2) TFUE, fl-Artikolu 168(4)(b) TFUE u fl-Artikolu 349 TFUE huma ssodisfatti.

    L-argumenti tal-Kunsill

    46

    Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 349 TFUE jikkostitwixxi bażi legali speċifika b’kamp ta’ applikazzjoni ġeografika limitata, li tipprevali fuq il-bażijiet legali settorjali u li għandha tintuża fil-każ tal-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt sekondarju, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni sfavorevoli tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif deskritta f’dan l-artikolu.

    47

    Issa, skont il-Kunsill, il-miżuri kollha li jidhru fl-atti kkontestati, indipendentement mit-tul tagħhom, huma intiżi sabiex jiffavorixxu lill-Mayotte konformement mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 349 TFUE u l-fatt li perijodi tranżitorji jistgħu jingħataw fuq bażi legali settorjali ma jaffettwa bl-ebda mod lil din l-analiżi.

    48

    Il-Kunsill iqis ukoll li l-kundizzjonijiet sabiex jintużaw bażijiet legali multipliċi għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1385/2013 u tad-Direttiva 1385/2013 ma kinux issodisfatti. Minn naħa, il-miżuri li jidhru fihom, li jikkonċernaw diversi oqsma distinti u li ma humiex marbuta ma’ xulxin b’mod inseparabbli, inġabru f’dawn l-atti biss għal “skopijiet ta’ sempliċità u [ta’] rapidità”. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament u din id-direttiva jfittxu għan prinċipali u predominanti, jiġifieri dak li jiġu adottati miżuri speċifiċi billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-Mayotte, fatt li jiġġustifika li jintuża biss l-Artikolu 349 TFUE.

    49

    Il-Kunsill jikkontesta, b’mod partikolari, l-allegazzjoni li l-Artikolu 1 tar-Regolament 1385/2013 kif ukoll id-Direttivi 2013/62 u 2013/64 jinkludu miżuri ta’ politiki settorjali. Fil-fatt, l-għan imfittex mir-restrizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd li dan l-artikolu jipprevedi huwa “sabiex ikunu ppreservati ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar qrib il-gżira tal-Majott” għall-benefiċċju tal-flotta artiġjanali ta’ bastimenti tas-sajd bil-konz tal-Mayotte u b’hekk l-industrija lokali tkun tista’ tiżviluppa.

    50

    Fil-fatt, billi din il-flotta ma tistax tikkompeti b’mod effikaċi mal-bastimenti iktar effiċjenti li jużaw il-purse-seines, l-għan ta’ din il-miżura huwa li din il-flotta jkollha żona limitata riżervata għaliha sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar li jgħaddu minn din iż-żona.

    51

    Il-Kunsill iżid li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1385/2013 huwa intiż, b’dan il-mod, li jikkumpensa għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte u jaqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE.

    52

    Finalment, il-Kunsill jirrileva li d-Direttiva 2013/62 għandha lir-Repubblika Franċiża bħala destinatarja, li la l-Artikolu 151 TFUE u lanqas l-Artikolu 153 TFUE ma jsemmu l-għan speċifiku li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu ffavoriti u li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 155(2) TFUE ma kinux issodisfatti fil-każ ineżami.

    L-argumenti tal-intervenjenti

    53

    Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-għan imfittex mill-Artikolu 349 TFUE huwa dak li jkunu jistgħu jiġu adottati miżuri speċifiċi minħabba żvantaġġi strutturali u li, konsegwentement, dan l-artikolu jista’ jservi bħala bażi għal miżuri intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi partikolari li, għalkemm ma humiex ta’ natura ekonomika jew soċjali f’sens strett, jaffettwaw speċifikament reġjun ultraperiferiku, bħall-fatturi ambjentali bħalma hija l-klima jew il-fraġilità taż-żoni marittimi tiegħu. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jeħtieġx li l-miżuri speċifiċi li huwa jipprevedi jiġu adottati sabiex “tiġi ffaċċjata” s-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali speċifika tar-reġjun ikkonċernat, iżda biss li dawn jiġu adottati billi “jittieħed kont” ta’ din is-sitwazzjoni.

    54

    Dan il-gvern jispjega li l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1385/2013 ġew iddettati mill-karatteristiċi u mil-limitazzjonijiet partikolari tal-Mayotte u huma mmotivati mis-sitwazzjoni strutturali ekonomika, soċjali u ambjentali ta’ dan ir-reġjun. Fil-fatt, dawn huma neċessarji sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ekosistema lokali, fid-dawl tal-fraġilità tagħha, u sabiex tiġi ppreservata l-ekonomija lokali, fid-dawl tan-natura frammentata u sottożviluppata tas-sistemi ta’ pproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, tal-karatteristiċi tal-flotta tal-Mayotte u tal-assenza ta’ taħriġ għas-sajjieda u għall-kontrolluri fir-rigward tal-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

    55

    Fir-rigward tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2013/64, dawn huma intiżi wkoll sabiex jirrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-Mayotte fir-rigward, partikolarment, tal-istat tal-ambjent, tan-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku u tal-assenza tal-infrastruttura, sa fejn dawn il-karatteristiċi speċifiċi jikkostitwixxu żvantaġġi strutturali.

    56

    Fir-rigward tal-miżura stabbilita mid-Direttiva 2013/62, mill-premessi tagħha jirriżulta li din tfittex li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli tal-Mayotte, li hija kkaratterizzata minn suq tax-xogħol sottożviluppat, minn rata ta’ impjieg baxxa minħabba d-distanza għall-Mayotte, mill-insularità tagħha, mit-topografija u mill-klima diffiċli tagħha, minn prodott gross domestiku baxx u mill-ħtieġa li tiġi evitata kull destabilizzazzjoni tal-ekonomija lokali.

    57

    Il-Gvern Franċiż iżid li, kuntrarjament għal dak allegat mill-Parlament, l-atti kkontestati ma għandhomx l-għan prinċipali li jiżguraw l-applikazzjoni tal-acquis tad-dritt tal-Unjoni għall-Mayotte fi tmiem il-perijodi tranżitorji li huma jipprevedu, peress li din l-applikazzjoni tirriżulta direttament mill-Artikolu 355(1) TFUE.

    58

    Il-Gvern Spanjol jispjega li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE sostnuta mill-Kummissjoni ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha, peress li, jekk din l-interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, ma jkunx possibbli li jiġu adottati miżuri speċifiċi fl-oqsma taż-“żoni liberi” u tal-“programmi oriżżontali” rregolati mid-dritt sekondarju.

    59

    Barra minn hekk, skont dan il-gvern, jekk l-iskop tal-Artikolu 349 TFUE huwa li jiddefinixxi l-miżuri speċifiċi li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Trattati, miżuri provviżorji jew tranżitorji li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tar-reġjuni kkonċernati u li huma intiżi sabiex jiżguraw fil-ħin applikazzjoni sħiħa għalihom tal-acquis tad-dritt tal-Unjoni jistgħu a fortiori jiġu adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar ma tiddistingwix bejn il-miżuri b’kontentut sostantiv u l-miżuri ta’ natura temporanja.

    60

    Fir-rigward tal-atti kkontestati, il-Gvern Spanjol jirrileva li l-għan prinċipali tagħhom huwa, kif turi l-premessa 1 ta’ kull wieħed minn dawn l-atti, li d-dritt sekondarju jiġi adattat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Barra minn hekk, peress li l-miżuri stabbiliti minn dawn l-atti għandhom l-għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, inkluż fil-qasam tad-dritt sekondarju, l-Artikolu 349 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali predominanti.

    61

    Il-Gvern Portugiż iqis li mill-qari tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa kuntrarja, l-espressjonijiet “Trattati” u “applikazzjoni tat-Trattati” għandhom jinftiehmu li jfissru d-“dritt tal-Unjoni” u l-“acquis legali tal-Unjoni”, inkluż id-dritt sekondarju.

    62

    Barra minn hekk, il-kriterju mressaq mill-Parlament li jippermetti li ssir distinzjoni bejn id-derogi permanenti u d-derogi temporanji ma jsib ebda sostenn fit-test tal-Artikolu 349 TFUE.

    63

    Għalhekk, l-Artikolu 349 TFUE huwa ppreżentat bħala bażi legali speċifika ta’ importanza li hija mmanifestata mill-fatt li dan l-artikolu, fl-ewwel lok, jiddefinixxi l-kunċett ta’ reġjun ultraperiferiku (identifikazzjoni tat-territorji), fit-tieni lok, jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-miżuri ta’ differenzjazzjoni (kull qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni), fit-tielet lok, jistabbilixxi l-limiti tal-kompetenza deċiżjonali tal-Kunsill (il-miżuri ma jistgħux “[inaqqsu] l-integrità u l-koerenza ta’ l-ordni legali ta’ l-Unjoni”) u, fir-raba’ lok, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ abilitazzjoni li tipprovdi bażi legali u li tidentifika kemm il-proċedura li għandha tiġi segwita (deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Parlament) kif ukoll in-natura tal-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati (dawn għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-inugwaljanza strutturali tar-reġjuni kkonċernati).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64

    Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 52 TUE jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-Trattati għandhom japplikaw għall-Istati Membri u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn it-trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE.

    65

    Skont l-Artikolu 355(1) TFUE, kif emendat bl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/419, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi, fosthom il-Mayotte, konformement mal-Artikolu 349 TFUE.

    66

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, kif emendat bl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/419, jipprovdi li l-Kunsill “għandu jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni”.

    67

    Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta wkoll li l-“miżuri speċifiċi” li huwa jipprevedi għandhom jiġu adottati billi “jittieħed kont” tas-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija “aktar ikkumplikata” b’numru ta’ fatturi “li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom”.

    68

    Għalhekk, dawn il-fatturi huma ppreżentati, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, bħala fatturi aggravanti tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi li l-Kunsill għandu jieħu inkunsiderazzjoni, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, meta jadotta miżuri speċifiċi.

    69

    Minkejja li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament ma huwiex iġġustifikat li jsostni li kull miżura speċifika, fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, għandha tkun iġġustifikata mhux biss mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjun ultraperiferiku kkonċernat, iżda wkoll mill-eżistenza ta’ mill-inqas wieħed mill-fatturi elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li huma partikolari għal dak ir-reġjun, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu jkun f’pożizzjoni, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jippreżenta elementi li jistabbilixxu fattur ta’ konnessjoni bejn il-miżura speċifika prevista u l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet partikolari tar-reġjun ultraperiferiku inkwistjoni.

    70

    Barra minn hekk, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, hemm speċifikat li l-miżuri speċifiċi adottati mill-Kunsill skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE jikkonċernaw “b’mod partikolari oqsma bħalma huma l-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet ta’ l-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali ta’ l-Unjoni.”

    71

    B’hekk, mill-kliem tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta li dan jippermetti lill-Kunsill jadotta, partikolarment fl-oqsma msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, miżuri speċifiċi intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi.

    72

    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 349 TFUE jippermetti biss li ssir deroga mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju għar-reġjuni ultraperiferiċi u mhux, bħalma kien il-każ fil-każ ineżami, li atti tad-dritt sekondarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn ir-reġjuni, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li “l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandhom jinftiehmu bħala li jkopru fl-istess ħin il-kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni u dawk marbuta mal-applikazzjoni ta’ atti tad-dritt sekondarju adottati fuq il-bażi ta’ dan id-dritt primarju.

    73

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 227(2) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 299(2) KE, li hu stess sar l-Artikolu 349 TFUE], li minnha jirriżulta li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kunsill minn din id-dispożizzjoni sabiex jipprevedi miżuri speċifiċi intiżi sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-territorji extra-Ewropej tikkonċerna kemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll dawk tad-dritt sekondarju (sentenza Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 10).

    74

    Barra minn hekk, kif il-Kunsill irrileva, diversi oqsma msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE huma essenzjalment irregolati minn atti tad-dritt sekondarju. Għalhekk, l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni tiġi affettwata jekk, f’dawn l-oqsma, hija tawtorizza biss l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju.

    75

    Finalment, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhux l-atti tad-dritt sekondarju kollha jiddefinixxu, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni donnha ssostni, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom.

    76

    Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ speċifikazzjoni f’dan is-sens, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju għandu jiġi ddeterminat, kif sostna b’mod partikolari l-Gvern Franċiż, skont l-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE.

    77

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispjega li d-dritt sekondarju għandu, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni li għandhom it-Trattati stess u japplika ipso jure f’dan il-kamp (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, 61/77, EU:C:1978:29, punt 46, kif ukoll Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 10).

    78

    Konsegwentement, mill-kliem u mill-għanijiet tal-Artikolu 349 TFUE u kif ukoll mill-istruttura tat-Trattati jirriżulta li, fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-acquis kollu tad-dritt tal-Unjoni huwa ddefinit, b’mod partikolari, mill-qari flimkien tal-Artikolu 52 TUE u tal-Artikolu 355(1) TFUE kif ukoll mill-miżuri adottati skont l-Artikolu 349 TFUE.

    79

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, l-Artikolu 349 TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, għal dawn ir-reġjuni, mhux biss ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati, iżda wkoll ta’ dawk tad-dritt sekondarju.

    80

    Minn dan isegwi li r-rikorsi tal-Kummissjoni fil-Kawżi C-133/14 sa C-135/14, li huma bbażati biss fuq l-argumentazzjoni kuntrarja, għandhom jiġu miċħuda.

    81

    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-Parlament li l-Artikolu 349 TFUE ma jippermettix lill-Kunsill jadotta miżuri li jkollhom biss l-għan li jipposponu l-applikazzjoni għal reġjuni ultraperiferiċi ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ma jirrestrinġix is-setgħa deċiżjonali tal-Kunsill għal kategorija partikolari ta’ miżuri.

    82

    Fil-fatt, apparti li t-terminu “miżura” jkopri kull tip ta’ azzjoni li tista’ tiġi ġestita mill-Kunsill, għandu jiġi enfasizzat li l-użu, fl-Artikolu 349 TFUE, tat-terminu “b’mod partikolari” jimplika li l-awturi tat-Trattat FUE ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lista eżawrjenti tat-tipi ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu.

    83

    Konsegwentement, il-Kunsill kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Portugiż għandhom raġun meta jsostnu li d-distinzjoni li saret mill-Parlament bejn id-derogi minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u s-sempliċi posponimenti tal-applikabbiltà tagħhom, min-naħa l-oħra, ma ssib ebda sostenn fil-kliem ta’ dan l-artikolu.

    84

    Tali limitazzjoni hija wkoll kuntrarja għall-għanijiet segwiti mill-Artikolu 349 TFUE, peress li ma hemm xejn li jippermetti li jiġi eskluż li posponiment tal-applikabbiltà sħiħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ jirriżulta li jkun l-iktar miżura adatta sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali ta’ reġjun ultraperiferiku.

    85

    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati jissodisfawx ir-rekwiżiti indikati fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza.

    86

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-Regolament Nru 1385/2013, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament żied mar-“Reġjun 8”, kif iddefinit mir-Regolament Nru 850/98, l-ibħra kollha barra mix-xtut tal-Mayotte li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, u li l-punt 2 ta’ dan l-artikolu daħħal f’dan l-istess Regolament Nru 850/98 l-Artikolu 34g li jipprojbixxi lill-bastimenti milli jużaw purse-seines fuq ġlejjeb ta’ tonn jew speċitajiet ta’ ħut li jixbhu lit-ton fiż-żona li testendi sa 24 mil mix-xtut tal-Mayotte, imkejla mil-linji ta’ bażi użati sabiex jiġu ddelimitati l-ibħra territorjali.

    87

    F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-premessi 3 u 7 tar-Regolament Nru 1385/2013, kif spjegati mill-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiġu ppreservati ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar qrib il-Mayotte għall-benefiċċju tal-flotta lokali li, peress li hija flotta sottożviluppata ta’ basitmenti tas-sajd bil-konz, ma tistax titqabbel mal-flotot barranin. Minn dan isegwi li dawn il-miżuri ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Għaldaqstant, il-Kunsill seta’ legalment jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadottahom.

    88

    It-tieni nett, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1385/2013 żied mal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1379/2013 il-paragrafu 6, li jipprevedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar ma għandhomx japplikaw għall-prodotti offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali fil-Mayotte.

    89

    Kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, din il-miżura ġiet iġġustifikata mill-Kunsill mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“iskemi ta’ kummerċjalizzazzjoni frammentati ħafna u sottożviluppati tal-Mayotte” u li jiġi evitat li l-applikazzjoni prematura tar-regoli tal-ittikettjar tal-prodotti tas-sajd timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut oneru sproporzjonat fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur.

    90

    Għalhekk, tali miżura ġiet adottata billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadotta din il-miżura.

    91

    It-tielet nett, ladarba l-Parlament ma jikkontestax li l-miżuri li jidhru fl-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1385/2013 setgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 349 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk dawn il-miżuri ġewx adottati b’mod konformi mar-rekwiżiti esposti fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza.

    92

    Sa fejn il-Parlament jikkontesta li l-inklużjoni, prevista mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1385/2013, tal-entrati dwar il-Mayotte, li jidhru fl-anness ta’ dan ir-regolament, fit-tabella fl-Anness II tar-Regolament Nru 1380/2013 setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 349 TFUE, għandu jiġi rrilevat li din il-miżura tikkostitwixxi, flimkien mal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1385/2013, totalità inseparabbli u li din hija, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawn il-miżuri tal-aħħar.

    93

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament ma jistax jilmenta fir-rigward tal-Kunsill li, sabiex jadotta l-miżuri kollha previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE.

    94

    Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li l-posponiment għall-1 ta’ Jannar 2021, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, tad-dħul fis-seħħ għall-Mayotte tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1069/2009 ġie ġġustifikat mill-Kunsill, skont il-premessa 8 tal-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti, bil-fatt li l-Mayotte ma għandu ebda kapaċità industrijali sabiex jipproċessa prodotti sekondarji tal-annimali.

    95

    Tali miżura ġiet għalhekk adottata billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Minn dan isegwi li l-użu tal-Artikolu 349 TFUE bħala bażi legali għal din il-miżura kien konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    96

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/64 jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifikati fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, kif korrettament irrileva l-Parlament, li l-Kunsill ipproċeda, fl-Artikoli 1 sa 6 ta’ din id-direttiva, b’emendi għad-Direttivi 91/271, 1999/74, 2000/60, 2006/7, 2006/25 u 2011/24, sabiex l-applikazzjoni sħiħa, fir-rigward tal-Mayotte, ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fihom tiġi posposta.

    97

    Dawn l-emendi ġew iġġustifikati, b’mod ġenerali, skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2013/64, mill-ħtieġa li “titqies is-sitwazzjoni partikolari fil-Mayotte fir-rigward tal-istat tal-ambjent, li jeħtieġ li jitjieb konsiderevolment sabiex ikun jista’ tikkonforma mal-objettivi ambjentali stipulati mid-dritt tal-Unjoni, u li għalihom huwa meħtieġ żmien addizzjonali”.

    98

    Barra minn hekk, ġustifikazzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minn dawn l-emendi ġew esposti mill-Kunsill fil-premessi 3 sa 9 ta’ din id-direttiva.

    99

    B’hekk, fil-premessa 3 tal-istess direttiva, li tirrigwarda l-emendi għad-Direttiva 91/271, ġie indikat li s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tal-Mayotte, fir-rigward tat-trattament ta’ ilma urban mormi, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

    100

    Fil-premessa 4 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 1999/74, ġie rrilevat li, fil-qasam tal-protezzjoni tat-tiġieġ li jbid, kienu meħtieġa investimenti u xogħlijiet preparatorji kunsiderevoli sabiex is-sitwazzjoni fil-Mayotte tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

    101

    Fil-premessa 5 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2000/60, il-Kunsill enfasizza li, minħabba s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tal-Mayotte, ir-Repubblika Franċiża kellha tingħata terminu suffiċjenti sabiex tadotta u timplementa l-miżuri li jiżguraw il-konformità tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

    102

    Fil-premessa 6 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2006/7, ġie enfasizzat li l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-Mayotte kellu jitjieb kunsiderevolment sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar, billi l-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm kienet affettwata minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika speċifika ta’ dan ir-reġjun.

    103

    Fil-premessa 7 tad-Direttiva 2013/64, li tikkonċerna l-emendi għad-Direttiva 2006/25, il-Kunsill irrileva li l-Mayotte, minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika partikolari tiegħu, ma kellux faċilitajiet tekniċi għall-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità ma’ din id-direttiva tal-aħħar fil-qasam tar-radjazzjoni ottika artifiċjali.

    104

    Finalment, fil-premessa 9 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2011/24, il-Kunsill spjega li t-traspożizzjoni tagħha kienet teżiġi numru ta’ adattamenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura u l-informazzjoni għall-pazjenti.

    105

    Għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jinsabu fid-Direttiva 2013/64, li permezz tagħhom il-Kunsill emenda d-Direttivi 91/271, 1999/74, 2000/60, 2006/7, 2006/25 u 2011/24, ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu raġun meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadotta dawn il-miżuri.

    106

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mill-għanijiet u mill-kontenut tal-atti kkontestati jirriżulta li l-miżuri li jinsabu fihom ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE.

    107

    Għalhekk, il-Parlament ma huwiex iġġustifikat li jsostni li la l-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1385/2013 u lanqas id-Direttiva 2013/64 ma setgħu legalment ikollhom l-Artikolu 349 TFUE bħala bażi legali.

    108

    Konsegwentement, ir-rikorsi tal-Parlament fil-Kawżi C‑132/14 u C‑136/14 għandhom ukoll jiġu miċħuda.

    Fuq l-ispejjeż

    109

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    110

    Peress li l-Kunsill talab il-kundanna tal-Parlament u tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-kawża tagħhom fil-Kawżi C‑132/14 sa C‑136/14, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kunsill marbuta ma’ dawn il-kawżi.

    111

    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikorsi fil-Kawżi C‑132/14 sa C‑136/14 huma miċħuda.

     

    2)

    Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni marbuta mal-Kawżi C‑132/14 u C‑136/14.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni marbuta mal-Kawżi C‑133/14 sa C‑135/14.

     

    4)

    Ir-Repubblika ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top