EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0121

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015.
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1316/2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Proġetti ta’ interess komuni li jikkonċernaw it-territorju ta’ Stat Membru – Approvazzjoni tal-istess Stat – Estensjoni ta’ kuritur ferrovjarju tal-merkanzija – Bażi legali – Artikolu 171 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.
Kawża C-121/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:749

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1316/2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa — Proġetti ta’ interess komuni li jikkonċernaw it-territorju ta’ Stat Membru — Approvazzjoni tal-istess Stat — Estensjoni ta’ kuritur ferrovjarju tal-merkanzija — Bażi legali — Artikolu 171 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE”

Fil-Kawża C‑121/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2014,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn D. J. Rhee, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u M. Sammut, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Z. Kupčová u E. Chatziioakeimidou, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Samnadda u J. Hottiaux, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob l-annullament tal-Artikolu 29 u tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, p. 129, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010

2

Ibbażat fuq l-Artikolu 91 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2010, dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, p. 22), jistabbilixxi regoli għall-implementazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali għal trasport ta’ merkanzija kompetittiv. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli għall-għażla, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ kurituri tat-trasport ta’ merkanzija kif ukoll l-ippjanar indikattiv tal-investimenti marbuta magħhom.

3

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 913/2010, il-“kuritur tal-merkanzija” huwa ddefinit bħala “[l]-linji ferrovjarji denominati kollha, inklużi l-linji ta’ laneċ ferrovjarji, fuq it-territorju tal-Istati Membri, jew bejn l-Istati Membri, u, fejn xieraq, pajjiżi terzi Ewropej, li jgħaqqdu żewġ terminali jew aktar, tul rotta prinċipali u, fejn ikun il-każ, rotot u taqsimiet ta’ diversjoni li jikkollegawhom, inkluża l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha, u s-servizzi ferrovjarji rilevanti [...]”.

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 913/2010 jinkludi regoli għad-denominazzjoni u l-governanza taż-żewġ serji ta’ kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanizja ferrovjarju, il-kurituri inizjali u l-kurituri addizzjonali. Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri previsti fl-anness għandhom jagħmlu operattivi, fit-termini hemm previsti, il-kurituri tal-merkanzija inizjali elenkati fl-istess anness u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-istabbiliment tagħhom.

5

L-Anness ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi l-emendi li saru bir-Regolament Nru 1316/2013, kien juri fil-lista ta’ kurituri inizjali tal-merkanzija l-kuritur Nru 2 kif ġej:

2.NL, BE, LU, FRRotterdam-Anversa-Lussemburgu-Metz-Dijon-Lyon/[Basel]Sal-10 ta’ Novembru 2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, kif emendat bir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 473/2014

6

Ibbażat fuq l-Artikolu 172 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2014, tas-17 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 136, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1315/2013”), jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport li jinkludi struttura f’żewġ livelli komposta min-netwerk komprensiv u min-netwerk ewlieni, b’dan tal-aħħar ibbażat fuq in-netwerk komprensiv. Dan ir-regolament jidentifika proġetti ta’ interess komuni u jispeċifika r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-ġestjoni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

7

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport kif jidher fil-mapep li jinsabu fl-Anness I. In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jinkludi l-infrastruttura tat-trasport u applikazzjonijiet telematiċi kif ukoll miżuri li jippromwovu l-ġestjoni u l-użu effiċjenti ta’ din l-infrastruttura u jippermettu l-istabbiliment u l-operat ta’ servizzi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti.

2.   L-infrastruttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, tikkonsisti mill-infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija, għat-trasport f’passaġġi fuq l-ilma interni, għat-trasport bit-triq, għat-trasport marittimu, għat-trasport bl-ajru u għat-trasport multimodali, kif stabbilit fit-taqsimiet rilevanti tal-Kapitolu II.”

8

Skont l-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, “proġett ta’ interess komuni” għandu jinftiehem bħala “kwalunkwe proġett imwettaq skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu”. L-Artikolu 3(d) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “valur miżjud Ewropew” bħala l-valur ta’ proġett li, flimkien mal-valur potenzjali għall-Istat Membru rispettiv waħdu, iwassal għal titjib sinifikanti tal-konnessjonijiet tat-trasport jew fluss tat-trasport bejn l-Istati Membri li jista’ jintwera b’referenza għat-titjib fl-effiċjenza, is-sostenibbilità, il-kompetittività jew il-koeżjoni.

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Proġetti ta’ interess komuni għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, permezz tar-riabilitazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti u permezz ta’ miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti mil-lat ta’ riżorsi tan-network.

2.   Proġett ta’ interess komuni għandu:

a)

jikkontribwixxi għall-objettivi li jaqgħu taħt mill-inqas żewġ kategoriji minn erbgħa kif jidhru fl-Artikolu 4;

b)

jikkonforma mal-Kapitolu II, u jekk jikkonċerna n-netwerk ewlieni, jikkonforma wkoll mal-Kapitolu III;

c)

ikun ekonomikament vijabbli abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi;

d)

jirrappreżentaw valur miżjud Ewropew;

3.   Proġett ta’ interess komuni jista’ jinkludi ċ-ċiklu sħiħ tiegħu, inkluż l-istudji dwar il-fattibbiltà u l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni.

[...]”

10

Skont l-Artikolu 32(a) tar-Regolament Nru 1315/2013, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-proġetti ta’ interess komuni li jipprovdu servizzi effiċjenti ta’ trasport tal-merkanzija li jużaw l-infrastruttura tan-netwerk komprensiv u li, fl-istess ħin, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u impatti ambjentali negattivi oħra maħsuba biex itejbu l-użu sostenibbli tal-infrastrutturi tat-trasport, inkluż il-ġestjoni effiċjenti tagħhom.

Ir-Regolament Nru 1316/2013

11

Ibbażat fuq l-Artikolu 172 TFUE, ir-Regolament Nru 1316/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-metodi u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għan-netwerks trans-Ewropej, sabiex jiġu sostnuti proġetti ta’ interess komuni mwettqa fis-settur tal-infrastrutturi tat-trasport, tal-telekomunikazzjoni u tal-enerġija.

12

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, “proġett ta’ interess komuni” għandu jinkludi, inter alia, kull proġett iddefinit fir-Regolament Nru 1315/2013.

13

L-Artikolu 29 tal-istess regolament jipprovdi:

“Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 huwa b’dan emendat kif ġej:

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 913/2010 huwa sostitwit bit-test tal-Anness II għal dan ir-Regolament. Konsegwentement, il-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija riveduti għandhom jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 913/2010”.

14

Fl-imsemmi Anness II, intitolat “Lista ta’ kurituri inizjali ta’ merkanzija”, il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “[l]-Baħar tat-Tramuntana‑il-Mediterran” huwa deskritt kif ġej:

 

Stati Membri

Rotot prinċipali

Stabbiliment ta’ kurituri tal-merkanzija

“il-Baħar tat-Tramuntana – il-Mediterran”

NL, BE, LU, FR et UK(+)

Glasgow(*)/Edinburgh(*)/ Southampton(*)/Felixstowe (*)-London (+)/Dunkerque (+)/Lille/Liège (+)/Paris (+)/Amsterdam-Rotterdam-Zeebrugge (+)/Antwerpen-Luxembourg-Metz-Dijon-Lyon/[Basel]-Marseille (+)

Sal-10 ta’ Novembru 2013

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn jestendu lil hinn minn Londra l-kuritur Nru 2 li jinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 913/2010, li sar il-kuritur “il-Baħar tat-Tramuntana – il-Mediterran” fir-Regolament Nru 1316/2013, u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

16

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors u

tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2014.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

18

Ir-Renju Unit iqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma distinti u separabbli mill-kumplament tar-Regolament Nru 1316/2013.

19

Il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li t-talba għal annullament parzjali ppreżentata mir-Renju Unit hija ammissibbli.

20

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 45, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, EU:C:2003:514, punt 33). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfat meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-verifika tan-natura separabbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni jippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l-elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-EstonjaC‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dispoizzjonijiet ikkontestati għandhom għanijiet differenti minn dak imfittex mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1316/2013 u tal-anness tiegħu.

23

Fil-fatt, bir-Regolament Nru 1316/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq jiffaċilita u jaċċellera l-interkonnessjoni tan-netwerks fl-Ewropa, anki fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija, bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ interkonnessjoni. Il-mekkaniżmu stabbilit huwa intiż sabiex jippromwovi l-investiment fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej. Għal dan il-għan, huwa jistabbilixxi partikolarment il-kundizzjonijiet, il-metodi u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għal dawn in-netwerks.

24

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma distinti, sa fejn dawn jirrigwardaw biss id-delimitazzjoni tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali, stabbiliti bir-Regolament Nru 913/2010. Dawn huma għalhekk separabbli mill-kumplament tar-Regolament Nru 1316/2013, tant li l-legalità tagħhom tista’ tiġi eżaminata separatament.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jibdel bl-ebda mod is-sustanza stess tar-Regolament Nru 1316/2013, ir-rikors tar-Renju Unit intiż għall-annullament parzjali tiegħu huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

26

Permezz taż-żewġ motivi mressqa, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Renju Unit isostni li:

l-estensjonijiet tal-kurituri tal-merkanzija inizjali, li jirriżultaw mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1316/2013, huma intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 170 TFUE fl-isfond tal-politika trans-Ewropea tat-trasport. Konsegwentement, ladarba l-Artikoli 170 TFUE sa 172 TFUE jikkostitwixxu dispożizzjonijiet speċjali għal tali miżuri, dawn tal-aħħar jistgħu jiġu adottati biss fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

l-estensjonijiet tal-kurituri tal-merkanzija inizjali, li jirriżultaw mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1316/2013, huma “proġetti ta’ interess komuni” fis-sens tal-Artikolu 171(1) TFUE u jikkonċernaw it-territorju ta’ kull Stat Membru marbut li jipparteċipa fl-istabbiliment tagħhom. Dawn l-estensjonijiet, sa fejn jikkonċernaw lir-Renju Unit, ġew adottati bi ksur tar-rekwiżit ta’ approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

27

Ir-Renju Unit josserva, preliminarjament, li, f’din il-kawża, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati meħuda fl-intier tagħhom jikkostitwixxux, b’mod prinċipali, miżuri ta’ “netwerks”, b’kuntrast ma’ miżura ta’ “politika komuni tan-netwerks/suq uniku”. Ir-Regolament Nru 913/2010 huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ netwerk ferrovjarju għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv u jfittex għalhekk l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 91 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-emenda tal-lista tal-kurituri tal-merkanzija ferrovjarji inizjali li tidher fl-anness ta’ dan ir-regolament tista’ tkun ibbażata biss fuq il-politika tal-Unjoni dwar in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport.

28

Ir-Renju Unit jirrileva li l-estensjonijiet tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali, li jirriżultaw mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1316/2013, huma essenzjali għall-istabbiliment ta’ dawn in-netwerks. Dawn l-estensjonijiet huma għalhekk intiżi għar-realizzazzjoni tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 170 TFUE, li huwa intiż sabiex jistabbilixxi u jiżviluppa n-netwerks trans-Ewropej, pereżempju fis-settur tat-trasport, sabiex jiffavorixxu l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali u l-aċċess għalihom. L-estensjonijiet tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija jagħmlu parti minn dawn l-għanijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikoli 171 TFUE u 172 TFUE.

29

Ir-Renju Unit iqis li, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw il-kuritur “il-Baħar tat-Tramuntana – il-Mediterran” bħala wieħed mill-kurituri tal-merkanzija inizjali, l-estensjoni tiegħu tikkostitwixxi “proġett ta’ interess komuni”, fis-sens tal-Artikoli 171 TFUE u 172 TFUE. Fil-fatt, tali proġett għandu jkun ibbażat fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fil-livell soċjoekonomiku, skont kif previst fl-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament Nru 1315/2013.

30

Ir-Renju Unit jispeċifika li l-proċedura prevista mir-Regolament Nru 913/2010 dwar l-għażla ta’ kurituri tal-merkanzija addizzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ta’ jekk l-istabbiliment ta’ tali kurituri jimponix piż sproporzjonat fuq l-Istat Membru kkonċernat, billi tirrikonoxxi li Stat Membru ma huwiex obbligat jipparteċipa jekk huwa jkollu netwerk ferrovjarju bi track gauge differenti minn dak tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni.

31

Ir-Renju Unit isostni li l-fatt li l-kurituri tan-netwerk ewlieni huma strument li jippermettu li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ikkoordinat ta’ dan in-netwerk, konformement mal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1315/2013, u li dawn ma jeżiġux il-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida ma jeskludix li dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala “proġetti ta’ interess komuni”.

32

Ir-Renju Unit iqis li l-estensjonijiet tal-kurituri tal-merkanzija inizjali, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, huma, fi kwalunkwe każ, “proġetti ta’ interess komuni” fis-sens tal-Artikolu 171(1) TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE li jikkonċernaw it-territorju tal-Istat Membru marbut li jipparteċipa fl-istabbiliment tagħhom. Minn dan isegwi li l-estensjonijiet ta’ dawn il-kurituri, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-Renju Unit, ġew adottati bi ksur tar-rekwiżit tal-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

33

Il-Parlament josserva li l-iskop kif ukoll il-komponent prinċipali u fundamentali tar-Regolament Nru 1316/2013 jikkonsistu fil-provvista ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għan-netwerks trans-Ewropej, kif indikat fl-Artikolu 1 tiegħu. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jsegwu biss għan aċċessorju għal dan l-iskop, jiġifieri l-emenda tar-Regolament Nru 913/2010, sabiex il-lista tal-kurituri tal-merkanzija inizjali tikkorrispondi mal-kurituri tan-netwerk ewlieni. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1316/2013 huwa ġustament ibbażat biss fuq l-Artikolu 172 TFUE, anki jekk jipprevedi emenda għar-Regolament Nru 913/2010, li, jekk tkun is-suġġett ta’ att distint, tkun ibbażata fuq l-Artikolu 91 TFUE.

34

Il-Parlament iqis li kull miżura li tiffaċilita l-użu tal-infrastruttura eżistenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala “proġett ta’ interess komuni”. Fil-kuntest tal-Artikolu 172 TFUE, it-terminu “proġett” ma jistax jinftiehem li jinkludi sempliċi mezzi ta’ koordinazzjoni intiżi sabiex jiġu ggarantiti risposti rapidi għall-kandidati li jixtiequ jużaw mogħdija ferrovjarja.

35

Minn dan il-Parlament jikkonkludi li, peress li dan ma huwiex każ ta’ “proġett ta’ interess komuni” fis-sens tal-Artikoli 171 TFUE u 172 TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx marbut jikseb l-approvazzjoni tar-Renju Unit skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

36

Il-Kunsill isostni li r-Renju Unit ma weriex li l-estensjonijiet tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali huma intiżi għar-realizzazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1315/2013. L-estensjonijiet tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija tal-“Baħar tat-Tramuntana – il-Mediterran” lil hinn minn Londra ma jikkostitwixxux “proġetti ta’ interess komuni”, fis-sens tal-Artikoli 171 TFUE u 172 TFUE. Konsegwentement, ma kienx hemmx lok li jittieħed il-kunsens tar-Renju Unit, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

37

Il-Kunsill isostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jimmodifika l-lista tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali billi juża l-istess proċedura bħal dik użata qabel jekk iqis li dan huwa opportun, jew neċessarju, sabiex jiżgura l-koerenza bejn il-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija u l-kurituri tan-netwerk ewlieni. Fil-kuntest tal-emenda tal-lista tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna (+) u (*) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1316/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li japplika għall-ħolqien tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali l-proċedura użata għall-ħolqien tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija addizzjonali, billi ssuġġetta t-tibdil għall-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija inizjali għal studji tas-suq u billi pprovda perijodu tranżitorju, neċessarju għall-istabbiliment tagħhom.

38

Il-Kunsill ifakkar li r-Regolament Nru 913/2010 ma jinkludix linji gwida dwar in-netwerks trans-Ewropej u lanqas definizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni. Dan ir-regolament jaqa’ kompletament taħt il-politika tat-trasport u jiddefinixxi l-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija bħala li huma mezz ta’ koordinazzjoni u ta’ ġestjoni tal-linji ferrovjarji eżistenti.

39

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1316/2013. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu emenda għar-Regolament Nru 913/2010, li l-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 91 TFUE. Bħala tali, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jibqgħu rregolati mir-Regolament Nru 913/2010.

40

Il-Kummissjoni tindika li l-kurituri tal-merkanzija inizjali previsti fid-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jsegwux l-għanijiet tal-Artikolu 170 TFUE u lanqas ma jistgħu jitqiesu “proġetti ta’ interess komuni” fis-sens tiegħu. L-għan u l-kontenut prinċipali tar-Regolament Nru 1316/2013 jirrigwardaw is-sostenn għal proġetti ta’ interess komuni msemmija fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1315/2013.

41

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 913/2010 huwa li jimplementa l-politika tat-trasport. Huwa jiddefinixxi l-modalitajiet tal-istabbiliment u tal-organizzazzjoni tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija, kif ukoll regoli tal-għażla, tal-ġestjoni u tal-ippjanar indikattiv tal-investimenti għal dawn il-kurituri. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija huma għalhekk essenzjalment mezzi ta’ koordinazzjoni u ta’ ġestjoni intiżi sabiex is-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija joperaw b’mod effettiv u jkunu iktar kompetittivi.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Bl-argumentazzjoni mressqa insostenn taż-żewġ motivi, ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, li l-estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanizja inkwistjoni, prevista mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, tikkostitwixxi proġett ta’ interess komuni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 171(1) TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 170 TFUE. Peress li din l-estensjoni tikkonċerna t-territorju ta’ dan l-Istat Membru, din kellha tiġi adottata bl-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

43

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “proġett ta’ interess komuni”, li jidher f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwiex iddefinit mit-Trattat FUE.

44

Fil-fatt, jirriżulta, minn naħa, mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 171(1) TFUE li l-Unjoni għandha tistabbilixxi, sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 170 TFUE, linji gwida u li dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni u li l-Unjoni tista’ ssostni tali proġetti. Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, dawn il-linji gwida għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku Ewropew u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

45

Minn dan isegwi li huma dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jadottaw il-linji gwida u, għalhekk, jidentifikaw il-proġetti ta’ interess komuni marbuta mal-istabbiliment u mal-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej fis-setturi tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija, previsti mill-Artikolu 170(1) TFUE.

46

Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-infrastrutturi tat-trasport, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament u l-Kunsill eżerċitaw il-kompetenza mogħtija lilhom minn dawn id-dispożizzjonijiet billi adottaw ir-Regolament Nru 1315/2013 li jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport li jinkludi struttura b’żewġ livelli komposta minn netwerk komprensiv u minn netwerk ewlieni. Għal dan l-għan, dan ir-regolament jidentifika l-proġetti ta’ interess komuni bħala l-istrument prinċipali sabiex jinħoloq dan in-netwerk trans-Ewropew.

47

Skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1315/2013, “proġett ta’ interess komuni” għandu jfisser kull proġett immexxi konformement mar-rekwiżiti u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament. Dan il-kunċett huwa żviluppat b’mod dettaljat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament u spjegat fil-premessa 9 kif ukoll fil-premessi 19 sa 33 tiegħu.

48

F’dan ir-rigward, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-“[p]roġetti ta’ interess komuni għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, permezz tar-riabilitazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti”. Huwa jispeċifika li tali proġetti għandhom, inter alia, ikunu ekonomikament vijabbli fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji soċjoekonomiċi kif ukoll ta’ “valur miżjud Ewropew”.

49

Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “valur miżjud Ewropew” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 1315/2013 bħala l-“valur ta’ proġett li, flimkien mal-valur potenzjali għall-Istat Membru rispettiv waħdu, iwassal għal titjib sinifikanti tal-konnessjonijiet tat-trasport jew fluss tat-trasport bejn l-Istati Membri li jista’ jintwera b’referenza għat-titjib fl-effiċjenza, is-sostenibbilità, il-kompetittività jew il-koeżjoni”.

50

Il-funzjoni ta’ innovazzjoni u n-natura trasversali tal-proġetti ta’ interess komuni huma kkonfermati mill-Artikolu 32(a) tar-Regolament Nru 1315/2013, li jirreferi għall-kontribuzzjoni ta’ dawn il-proġetti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju u għat-tnaqqis ta’ effetti ambjentali negattivi oħra, u li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-użu sostenibbli tal-infrastrutturi tat-trasport.

51

Barra minn hekk, konformement mal-għan ta’ kontribuzzjoni għall-istabbiliment u għall-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastrutturi tat-trasport, stipulat fl-Artikolu 170(1) TFUE, mill-premessa 8 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li n-netwerk trans-Ewropew għandu jiġi żviluppat permezz tal-ħolqien ta’ infrastrutturi ġodda tat-trasport, ir-riabilitazzjoni u l-modernizzar tal-infrastrutturi eżistenti kif ukoll permezz ta’ miżuri intiżi sabiex jippromwovu użu ekonomiku tar-riżorsi ta’ dawn l-infrastrutturi.

52

Minkejja li r-rikonoxximent ta’ miżura bħala proġett ta’ interess komuni ma jeżiġix il-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, tali proġett għandu madankollu jinvolvi investiment li, tal-inqas, jipprevedi li jirriabilita jew jimmodernizza infrastruttura eżistenti bil-għan li jrendiha iktar effikaċi u effiċjenti, kif jirriżulta inter alia mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1315/2013.

53

Finalment, mill-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, li jinvoka biss “koordinazzjoni adegwata [...] bejn il-kurituri tan-netwerk ewlieni u l-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija”, jirriżulta li fl-eżerċizzju tas-setgħa lilhom mogħtija mill-Artikolu 171(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, il-Parlament u l-Kunsill qiesu li l-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija ma jaqgħux taħt il-proġetti ta’ interess komuni identifikati minn dan ir-regolament.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju Unit ma jistax, għalhekk, isostni li, bid-dispożizzjonijiet ikkontestati, ġie stabbilit proġett ta’ interess komuni.

55

B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 913/2010 ma jipprevedix, lanqas għall-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija eżistenti, li dawn jiġu żviluppati bħala proġetti tal-infrastruttura. Fil-fatt, l-operaturi ekonomiċi għandhom diversi mezzi ta’ ġestjoni għal dawn il-kurituri, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-modijiet ferrovjarji kkonċernati b’effikaċità ikbar u b’hekk itejbu l-operat tat-trasport ferrovjarju. L-istabbiliment ta’ tali kurituri huwa għalhekk intiż sabiex jiżgura koordinazzjoni aħjar tat-traffiku fuq il-linji ferrovjari magħżula, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni stipulati fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 913/2010.

56

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan tal-aħħar huwa intiż li jistabbilixxi, għal koordinazzjoni bejn l-amministraturi tan-netwerks, allokazzjoni simplifikata tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija permezz ta’ uffiċċju wieħed li jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi bi tweġibiet għat-talbiet tagħhom għall-użu ta’ dawn il-kurituri, filwaqt li jnaqqas l-oneru amministrattiv relatat.

57

Dan l-għan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-għoti ta’ kapaċitajiet tat-trasport ta’ dawn il-kurituri hija kkonfermata bl-istabbiliment ta’ korpi ta’ ġestjoni mitluba jiżguraw koordinazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju tul kull kuritur tal-merkanzija.

58

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “proġett ta’ interess komuni”, fis-sens tal-Artikolu 171(1) TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, ikopri proġetti li jaqbżu l-istadju ta’ sempliċi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tat-traffiku u li jinvolvu titjib kwalitattiv strutturali tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija inizjali.

59

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jipprevedu biss allinjament tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija inkwistjoni ma’ dak tan-netwerk ewlieni, peress li l-istabbiliment tiegħu mir-Regolament Nru 913/2010 kien, barra minn hekk, approvat mir-Renju Unit. Għalhekk, dawn ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “proġett ta’ interess komuni”, fis-sens tal-Artikolu 171(1) TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-kunċett ta’ “proġett ta’ interess komuni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal proġett li sempliċement itawwal kuritur ferrovjarju tal-merkanzija eżistenti.

61

Konsegwentement, l-ewwel kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ proġett ta’ interess komuni, stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE ma hijiex issodisfata.

62

Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, ma hemmx lok li jsir eżami tat-tieni waħda minnhom stipulata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, li tipprovdi li proġett ta’ interess komuni, li jikkonċerna t-territorju ta’ Stat Membru, jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

63

Konsegwentement, iż-żewġ motivi mressqa mir-Renju Unit għandhom jiġu miċħuda.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu li r-Renju Unit jiġi kkundannat għall-ispejjeż u dan tal-aħħar tilef il-kawża, hemm lok li r-Renju Unit jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top