This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0110
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 3 September 2015.#Horațiu Ovidiu Costea v SC Volksbank România SA.#Request for a preliminary ruling from the Judecătoria Oradea.#Reference for a preliminary ruling — Directive 93/13/EEC — Article 2(b) — Concept of ‘consumer’ — Credit agreement concluded by a natural person who practises as a lawyer — Repayment of a loan secured on a building owned by the borrower’s law firm — Borrower who has the necessary knowledge to assess the unfairness of a term before signing the agreement.#Case C-110/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Settembru 2015.
Horațiu Ovidiu Costea vs SC Volksbank România SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat – Ħlas lura tal-kreditu ggarantit minn proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati tal-persuna li tissellef – Persuna li tissellef li għandha l-għarfien neċessarju sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola qabel l-iffirmar tal-kuntratt.
Kawża C-110/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Settembru 2015.
Horațiu Ovidiu Costea vs SC Volksbank România SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat – Ħlas lura tal-kreditu ggarantit minn proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati tal-persuna li tissellef – Persuna li tissellef li għandha l-għarfien neċessarju sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola qabel l-iffirmar tal-kuntratt.
Kawża C-110/14.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:538
*A9* Judecătoria Oradea, Încheiere din 25/02/2014 (9372/271/2013)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 2(b) — Kunċett ta’ ‘konsumatur’ — Kuntratt ta’ kreditu konkluż minn persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat — Ħlas lura tal-kreditu ggarantit minn proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati tal-persuna li tissellef — Persuna li tissellef li għandha l-għarfien neċessarju sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola qabel l-iffirmar tal-kuntratt”
Fil-Kawża C‑110/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Oradea (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Horațiu Ovidiu Costea
vs
SC Volksbank România SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal H. O. Costea, minnu stess, |
— |
għal SC Volksbank România SA, minn F. Marinău, avukat, |
— |
għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu, R. I. Haţieganu u A. Buzoianu, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn H. O. Costea u SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem “Volksbank”) dwar talba għal konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-ħames, id-disa’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu: “Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor; [...] “billi [...] l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti; Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi [...]”. |
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa redatt fil-kliem li ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
|
6 |
L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
Id-dritt Rumen
7 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 193/2000, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn negozjanti u konsumaturi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. ‘Konsumatur’ tfisser kull persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jiffurmaw assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi preżenti, taġixxi għal finijiet separati mill-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, tas-sengħa jew professjoni tagħha. 2. ‘Negozjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata biex, skont kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi, taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, tas-sengħa jew professjoni tagħha, kif ukoll kull min jaġixxi fl-istess kuntest f’isem jew bħala rappreżentant ta’ din l-ewwel persuna.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 |
H. O. jeżerċita l-professjoni ta’ avukat u, bħala tali, jiġi fdat, b’mod partikolari, kawżi fil-qasam tad-dritt kummerċjali. Fl-4 ta’ April 2008 huwa kkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Volksbank. Il-ħlas lura ta’ dan is-self ġie ggarantit minn ipoteka kkostitwita fuq proprjetà immobbli tal-uffiċċju tal-avukati ta’ H. O. Costea, imsejjaħ “Ovidiu Costea”. Dan il-kuntratt ta’ kreditu ġie ffirmat minn H. O. Costea, minn naħa, bħala l-persuna li tissellef u, min-naħa l-oħra, bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati tiegħu, minħabba l-kwalità ta’ garanzija ipotekarja ta’ dan tal-aħħar. Fl-istess jum, din l-ipoteka ġiet ikkostitwita permezz ta’ ftehim notarili separat, bejn Volksbank u dan l-uffiċċju tal-avukati li, fuq dan l-att, kien irrappreżentat minn H. O. Costea. |
9 |
Fl-24 ta’ Mejju 2013, H. O. Costea ppreżenta rikors quddiem il-Judecătoria Oradea (qorti tal-ewwel istanza ta’ Oradea) intiż, l-ewwel nett, sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar kummissjoni għal riskju, u, min-naħa l-oħra, sabiex din il-klawżola tiġi annullata u sabiex jingħata l-ħlas lura ta’ din il-kummissjoni miġbura minn Volksbank. |
10 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Oradea ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘konsumatur’, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi jew fis-sens li jeskludi minn din id-definizzjoni persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, mingħajr ma huwa speċifikat f’dan il-kuntratt l-għan tal-kreditu, li jsemmi l-kwalità ta’ garanzija ipotekarja tal-uffiċċju ta’ avukat tal-imsemmija persuna fiżika?” |
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
11 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jsemmix għal liema finijiet ingħata l-kreditu inkwistjoni. |
12 |
Għall-kuntrarju, il-gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea jirrilevaw li dan il-kuntratt, fit-taqsima tiegħu dwar l-għan tal-kuntratt, jippreċiża li l-kreditu huwa mogħti għall-“kopertura ta’ nfiq personali ta’ kuljum” ta’ H. O. Costea. |
13 |
Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, billi tibbaża ruħha fuq fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali. F’dawk li jirrigwarda, b’mod partikolari, allegati żbalji ta’ fatt li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għat-tilwima u li minnhom tislet il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li hija tintalab tagħti (ara s-sentenza Traum, C‑492/13, EU:C:2014:2267, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq id-domanda preliminari
14 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, mingħajr ma l-għan tal-kreditu jiġu ppreċiżat f’dan il-kuntratt, jistax jitqies bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett, f’dan ir-rigward, taċ-ċirkustanza li d-dejn maħluq minn dan il-kuntratt huwa ggarantit permezz ta’ garanzija ipotekarja mogħtija minn din il-persuna bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati tagħha u li tikkonċerna oġġetti intiżi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tal-imsemmija persuna, bħalma hija proprjetà immobbli ta’ dan l-uffiċċju. |
15 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tistipula l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi li jikkonċernaw il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-kuntratti kollha konklużi bejn “konsumatur” u “bejjiegħ jew fornitur”, kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva. |
16 |
Skont dawn id-definizzjonijiet, “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti mill-imsemmija direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha. Barra minn hekk, “bejjiegħ jew fornitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, f’kuntratti koperti mid-Direttiva 93/13, tkun qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, sew jekk pubblika jew privata. |
17 |
Huwa għaldaqstant b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, li tiddetermina jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li l-imsemmija d-direttiva tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 30, kif ukoll Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 21). |
18 |
Dak il-kriterju jikkorrispondi mal-idea li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata mill-istess direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, u dan mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 31, kif ukoll Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 22). |
19 |
Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Din hija dispożizzjoni obbligatorja intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (arrêt Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Fl-istess waqt, għandu jitfakkar li l-istess persuna tista’ taġixxi kemm bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala fornitur jew bejjiegħ fi tranżazzjonijiet oħra. |
21 |
Il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna għandha realment. |
22 |
Il-qorti nazzjonali adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u b’mod partikolari t-termini ta’ dak il-kuntratt, jekk l-akkwirent jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 48). |
23 |
Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali trid tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari n-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun jikkostitwixxi l-għan tal-kuntratt ikkunsidrat, li jkunu jistgħu juru għal liema għan dan il-prodott jew servizz qiegħed jiġi akkwistat. |
24 |
F’dak li jikkonċerna l-provvisti offruti minn avukati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ servizzi ġuridiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-inugwaljanza bejn il-“klijenti-konsumaturi” u l-avukati, dovuta b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn dawn il-partijiet fil-kuntratti (ara s-sentenza Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punti 23 u 24). |
25 |
Din il-kunsiderazzjoni, madankollu, ma tistax teskludi l-possibbiltà li avukat jiġi kklassifikat bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, meta dan l-avukat jaġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Di Pinto, C‑361/89, EU:C:1991:118, punt 15). |
26 |
Fil-fatt, avukat li jikkonkludi, ma’ persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, kuntratt li, partikolarment minħabba li ma jirrigwardax l-attività tal-uffiċċju tagħha, ma huwiex marbut mal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, ikun jinsab, fir-rigward ta’ din il-persuna, fis-sitwazzjoni ta’ inferjorità msemmija fil-punt 18 tas-sentenza preżenti. |
27 |
F’każ bħal dan, minkejja li jitqies li avukat għandu livell għoli ta’ kompetenzi tekniċi (ara s-sentenza Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 23), dan ma jippermettix li wieħed jippreżumi li dan ma huwiex parti dgħajfa meta mqabbel ma’ bejjiegħ jew fornitur. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur li s-sistema ta’ protezzjoni implementata bid-Direttiva 93/13 hija intiża li tirrimedja għaliha, tikkonċerna kemm il-livell ta’ informazzjoni tal-konsumatur kif ukoll is-setgħa ta’ negozjar fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur li fuq il-kontenut tagħhom dan il-konsumatur ma jistax jeżerċita influwenza. |
28 |
F’dak li jirrigwarda l-fatt li d-dejn maħluq mill-kuntratt ikkonċernat huwa ggarantit minn garanzija ipotekarja mogħtija minn avukat bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati tiegħu u li tirrigwarda l-oġġetti intiżi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali ta’ dan l-avukat, bħalma hija proprjetà immobbli ta’ dan l-uffiċċju, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni msemmija fil-punti 22 u 23 tas-sentenza preżenti. |
29 |
Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-determinazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur jew ta’ bejjiegħ jew fornitur tal-persuna li kkonkludiet il-kuntratt prinċipali, jiġifieri l-kuntratt ta’ kreditu, u mhux il-kwalità ta’ din il-persuna fil-kuntest tal-kuntratt anċillari, jiġifieri l-kostituzzjoni ta’ garanzija ipotekarja, li tiggarantixxi l-ħlas tad-dejn maħluq mill-kuntratt prinċipali. F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni, bħala konsumatur jew inkella bħala bejjiegħ jew fornitur, tal-avukat fil-kuntest tal-għoti, min-naħa tiegħu, ta’ garanzija ipotekarja ma tistax, konsegwentement, tiddetermina l-kwalità tiegħu fil-kuntest tal-kuntratt prinċipali ta’ kreditu. |
30 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat, li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, mingħajr ma l-għan tal-kreditu jiġi ppreċiżat f’dan il-kuntratt, tista’ titqies bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-imsemmi kuntratt ma jkunx marbut mal-attività professjonali ta’ dan l-avukat. Il-fatt li d-dejn maħluq mill-istess kuntratt ikun iggarantit minn kostituzzjoni ta’ garanzija ipotekarja mogħtija minn din il-persuna bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati tagħha u li tirrigwarda oġġetti intiżi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tal-imsemmija persuna, bħalma hija proprjetà immobbli ta’ dan l-uffiċċju, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
Fuq l-ispejjeż
31 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ avukat, li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ma’ bank, mingħajr ma l-għan tal-kreditu jiġi ppreċiżat f’dan il-kuntratt, tista’ titqies bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-imsemmi kuntratt ma jkunx marbut mal-attività professjonali ta’ dan l-avukat. Il-fatt li d-dejn maħluq mill-istess kuntratt ikun iggarantit minn kostituzzjoni ta’ garanzija ipotekarja mogħtija minn din il-persuna bħala rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati tagħha u li tirrigwarda oġġetti intiżi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tal-imsemmija persuna, bħalma hija proprjetà immobbli ta’ dan l-uffiċċju, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.