Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0085

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
KPN BV vs Autoriteit Consument en Markt (ACM).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Servizz universali u drittijiet tal-utenti — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 28 — Aċċess għan-numri u għas-servizzi — Numri mhux ġeografiċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 5, 8 u 13 — Is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Kontrolli tal-prezzijiet — Servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ tranżitu tat-telefonati ma jistgħux japplikaw tariffi ogħla għat-telefonati lil numri mhux ġeografiċi milli għal telefonati lil numri ġeografiċi — Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq — Awtorità nazzjonali kompetenti.
Kawża C-85/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:610

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Servizz universali u drittijiet tal-utenti — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 28 — Aċċess għan-numri u għas-servizzi — Numri mhux ġeografiċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 5, 8 u 13 — Is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Kontrolli tal-prezzijiet — Servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ tranżitu tat-telefonati ma jistgħux japplikaw tariffi ogħla għat-telefonati lil numri mhux ġeografiċi milli għal telefonati lil numri ġeografiċi — Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fuq is-suq — Awtorità nazzjonali kompetenti”

Fil-Kawża C‑85/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti tal-Appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, (College van Beroep voor het bedrijfsleven, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

KPN BV

vs

Autoriteit Consument en Markt (ACM),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KPN BV, minn L. Mensink, T. van der Vijver u C. Schillemans, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u G. Braun kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KPN BV (iktar ’il quddiem “KPN”) u l-Autoriteit Consument en Markt (ACM) (Awtorità tal-Konsumaturi u tas-Swieq) dwar ordni akkumpanjat b’penalità, li tordna lil KPN li tnaqqas it-tariffi tas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-qafas regolatorju ġdid applikabbli għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

3

Il-qafas regolatorju ġdid applikabbli għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“QRĠ”) huwa kompost mid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), kif ukoll erba’ direttivi speċifiċi li jakkumpanjawha, jiġifieri d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 33), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-“aċċess”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

– Id-Direttiva Qafas

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija Direttiva Qafas jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(g)

‘awtorità nazzjonali regolatorja’ tfisser il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi;

[...]

(l)

‘Direttivi Speċifiċi’ tfisser id-[Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’], id-[Direttiva dwar l-‘Aċċess’], id [Direttiva ‘Servizz Universali’] u d-Direttiva 2002/58/KE[...].

[...]”

5

L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Mekkaniżmu għall-konsultazzjoni u għat-trasparenza”, jipprevedi l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem “ARN” u l-partijiet ikkonċernati meta l-ARN għandhom l-intenzjoni, skont din id-direttiva jew direttivi speċifiċi, li jadottaw miżuri li kellhom impatti sinjifikattivi fis-suq rilevanti.

6

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tisħiħ tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprevedi b’mod partikolari l-obbligu li għandha l-ARN ta’ Stat Membru li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-ARN ta’ Stati Membri oħra l-abbozz ta’ miżura li hija jkollha l-intenzjoni li tieħu fil-każijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. L-Artikolu 7a tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni konsistenti tar-rimedji dwar fost l-oħrajn l-impożizzjoni, l-emenda jew l-irtirar ta’ obbligi varji fuq l-operaturi.

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li għandha tiġi żgurata l-osservanza tagħhom mill-ARN fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifiċi tagħhom f’din id-direttiva kif ukoll fid-direttivi speċifiċi.

8

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ analiżi tas-suq.

– Id-Direttiva “Servizz Universali”

9

Skont l-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva “Servizz Universali”:

“(d)

‘numru ġeografiku’ tfisser numru mill-pjan nazzonali ta’ enumerar fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinjifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-lok fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP);

[...]

(f)

‘numri mhux ġeografiċi’ tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ enumerar li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi fost ħwejjeġ oħra numri mobbli, bla ħlas u b’rati primjum.”

10

L-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għal numri u servizzi”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu:

(a)

jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi [fl-Unjoni Ewropea], kif ukoll

(b)

ikollhom aċċess għan-numri kollha provduti [fl-Unjoni Ewropea], irrispettivament mit-teknoloġija u t-tagħmir użat mill-operatur, inklużi dawk fil-pjani ta’ numerazzjoni tal-Istati Membri, dawk mill-[Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika [iktar ’il quddiem l-‘ETNS’] u n-Numri għal Sejħiet bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN).

[...]”

– Id-Direttiva “Aċċess”

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), kif emendata mid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Aċċess”) jipprevedi:

“1.   Fi ħdan il-qafas stipulat fid-[Direttiva Qafas], din id-Direttiva tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-operaturi u għall-impriimpriżi li jfittxu interkonnessjoni u/jew aċċess għan-networks tagħhom jew faċilitajiet assoċjati. Tistabbilixxi l-miri għall-[ARN] fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, u tistipula l-proċeduri biex tiżgura li l-obbligi imposti mill-[ARN] jiġu riveduti, u fejn xieraq, irtirati malli l-miri mixtieqa jinkisbu. Aċċess f’din id-Direttiva ma tirreferix għall-aċċess mill-utenti finali.”

12

L-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet ta’ l-[ARN] fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, huwa redatt kif ġej:

“1.   L-[ARN] għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-għanijet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, investiment u innovazzjoni effiċjenti, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-[ARN] għandhom ikunu jistgħu jimponu:

(a)

sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

(ab)

f’każijiet iġġustifikati u sal-punt li jkun neċessarju, obbligi għall-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti aħħara biex jagħmlu s-servizzi tagħhom interoperabbli;

[...]

2.   L-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom ikunu implimentati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-[Direttiva Qafas].

3.   Fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tal-linji politiċi tal-Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-[Direttiva Qafas].”

13

L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, bit-titolu “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13a.

2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-[ARN] għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal:

[...]

d-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 12 u 13 tad-[Direttiva Qafas], Kondizzjoni 7 fit-Taqsima B ta’ l-Anness li jinsab mad-[Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”], kif applikata bis-saħħa ta’ Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva, Artikoli 27, 28 u 30 tad-[Direttiva “Servizz Universali”] [...] li fiha obbligi fuq imprizi li ma jkunux dawk identifikati bħala li għandhom saħħa tas-suq sinjifikanti, [...]

[...]

l-[ARN] m’għandhomx jimponu l-obbligi imniżżla f’Artikoli 9 sa 13 fuq operaturi li ma jkunux ġew identifikati skond il-paragrafu 2.

[...]

4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas]. Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

[...]”

14

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, intitolat “Kontroll tal-prezzijiet u obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż”, jipprevedi:

“L-[ARN] tista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, timponi obbligi rigward l-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż u l-obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq tindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur ikkonċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressal-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. [...]”

Id-Direttiva 2009/136

15

Skont il-premessa 46 tad-Direttiva 2009/136:

“Is-suq uniku jimplika li l-utenti finali jista’ jkollhom aċċess għan-numri kollha inklużi fil-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni ta’ Stati Membri oħra, u għas-servizzi, li jużaw numri li m’humiex ġeografiċi fl-ambitu tal-Komunità inklużi, fost oħrajn, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum. [...] L-aċċess transkonfinali għar-riżorsi ta’ numerazzjoni u għas-servizz assoċjat m’għandux jiġi ostakolat ħlief f’każi ġustifikati b’mod oġġettiv, pereżempju għall-ġlieda kontra l-frodi jew l-abbuż [...], meta n-numru jkun definit bħala li għandu ambitu nazzjonali biss [...] jew meta teknikament u ekonomikament mhumiex fattibbli [...]”

Id-dritt Olandiż

16

Skont l-Artikolu 6.5 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (Telecommunicatiewet, iktar ’il quddiem it-“Tw”), li ttrasponiet l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” fid-dritt intern:

“1.   Il-fornituri ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, li, f’din l-okkażjoni, jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, jiżguraw li l-utenti finali li jinsabu fl-Unjoni Ewropea jkollhom aċċess:

(a)

għan-numri kollha pprovduti fl-Unjoni Ewropea minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni,

(b)

għan-numri kollha tal-[ETNS], u

(c)

għan-numri kollha pprovduti mill-[Internationale Unie voor Telecommunicatie (UIT)],

u jistgħu jużaw is-servizzi li jużaw in-numri msemmija taħt (a) sa (c), ħlief jekk dan ma jkunx possibbli minn aspett tekniku jew ekonomiku jew jekk abbonat li jirċievi telefonata jkun għażel li jillimita l-aċċess għal utenti li jinsabu f’ċerti żoni ġeografiċi.

2.   Regoli iktar iddettaljati jistgħu jiġu stabbiliti permezz jew abbażi ta’ miżura amministrattiva ġenerali sabiex jiġi ggarantit l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1. Dawn ir-regoli jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw ir-remunerazzjoni għall-aċċess għan-numri msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 jistgħu jkunu differenti għal kategoriji ta’ fornituri, li għandhom jiġu ddeterminati mill-imsemmija regoli, kif imsemmija fil-paragrafu 1. Permezz ta’ dawn ir-regoli, ċerti kompiti jistgħu jiġu ttrasferiti u ċerti kompetenzi jistgħu jiġu attribwiti lill-[ACM].”

17

Id-deċiżjoni dwar l-interoperabbiltà (Besluit Interoperabiliteit, iktar ’il quddiem il-“BI”) ġiet adottata abbażi tat-Tw. L-Artikolu 5 tal-BI, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2013, huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-fornitur ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew il-fornitur, involut fihom, ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, li f’dik l-okkażjoni jikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali, għandu jiżgura li l-utenti finali jkunu jistgħu jużaw is-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni.

2.   L-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 jimplika, fi kwalunkwe każ, li l-fornituri, imsemmija fil-paragrafu 1, ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku japplikaw, għat-telefonati b’numru tas-serje 0800, 084, 085, 087, 088, 0900, 0906, 0909, 116, 14 jew 18, tariffi jew remunerazzjonijiet oħra li huma komparabbli għat-tariffi jew għal remunerazzjonijiet oħra li dawn il-fornituri japplikaw għat-telefonati ta’ numri ġeografiċi, u li japplikaw tariffa derogatorja jew remunerazzjoni derogatorja unikament jekk dan ikun neċessarju biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali li huma marbuta mat-telefonati lil dawk in-numri mhux ġeografiċi.

3.   Regoli iktar iddettaljati li jirrigwardaw l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ Digriet Ministerjali”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

KPN tipprovdi servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi fil-Pajjiżi l-Baxxi li jirrapreżentaw madwar 20 % tat-traffiku tagħha lejn dawn in-numri.

19

Peress li l-ACM, ikkonstatat li KPN, bi ksur tal-Artikolu 5 tal-BI, kienet tapplika tariffi ogħla għas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi milli għall-istess servizzi lejn numri ġeografiċi u li din id-differenza ma kinitx iġġustifikata mill-ispejjeż addizzjonali, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2013, ordnat lil KPN taġġusta t-tariffi tagħha taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 25000 kuljum, b’ammont massimu ta’ EUR 5 miljun.

20

KPN appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku.

21

Insostenn tar-rikors tagħha, KPN targumenta li l-Artikolu 5 tal-BI ma hijiex konformi mal-QRĠ li jawtorizza kontrolli tal-prezzijiet biss fir-rigward tal-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq u biss wara t-twettiq ta’ analiżi tas-suq. Bl-istess mod, KPN tqis li bħala fornitur ta’ servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati, hija ma taqax taħt l-Artikolu 5 tal-BI. Madankollu, din il-kumpannija targumenta li d-deċiżjoni tal-ACM hija sproporzjonata u bbażata fuq motivazzjoni mhux adegwata sa fejn din l-awtorità kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Artikolu 5 tal-BI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati ma jistgħux ikunu ogħla għal dawk ibbażati fuq orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż stretta. F’dan ir-rigward, KPN tiddikjara li t-tariffa tas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati li hija pprovdiet għandha effett żgħir fuq it-tariffa globali u li l-prezz tas-servizzi ta’ tranżitu għat-telefonati lejn numri mhux ġeografiċi huwa raġonevoli.

22

L-ACM tiġġustifika l-fondatezza tad-deċiżjoni tagħha billi ssostni li r-regola ta’ ekwivalenza tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati hija bbażata fuq l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” li jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu li l-utenti finali jkunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi li jużaw in-numri mhux ġeografiċi u li jippermetti li jikkumbatti kontra l-ostakoli għal dan l-aċċess li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ prezz għoli żżejjed.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-Artikolu 5 tal-BI mad-dritt tal-Unjoni, peress li dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 6.5 tat-Tw, li jimplementa l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li l-Artikolu 5 tal-BI ma jipprevedix it-twettiq ta’ studju ta’ suq minn qabel ma tiġi adottata regolamentazzjoni tariffarja huwiex konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

24

Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-kliem “miżuri kollha meħtieġa” li jinsabu fl-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” jindikaw li l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni tariffarja hija, fil-prinċipju, awtorizzata. Filwaqt li tinnota li l-premessa 46 tad-Direttiva 2009/136 tissuġġerixxi li dan l-artikolu tad-Direttiva “Servizz Universali” jirrigwarda biss il-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu t-traffiku telefoniku transkonfinali bejn l-Istati Membri, fl-opinjoni tagħha, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmi artikolu jistax jiġi interpretat fis-sens li, peress li n-numri mhux ġeografiċi jistgħu teknikament jiġu msejħa b’mod transkonfinali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw miżuri sabiex jitneħħew ostakoli mqiegħda mit-tariffi.

25

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fatt li t-tariffi jitqiesu li huma ostakolu għall-aċċess għal servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi jista’ jiddependi fuq kemm dawn it-tariffi jeċċedu dawk applikati għall-użu ta’ numri ġeografiċi.

26

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva minn naħa waħda, li t-tariffi tas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn in-numri mhux ġeografiċi jistgħu jkunu għoljin sal-punt li jħajru lill-utenti finali li jirrinunzjaw għal dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tagħha, jista’ jiġi aċċettat li kull żieda ta’ prezz għal servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi jagħti lok għal ċertu tnaqqis tad-domanda għal dawn is-servizzi. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, l-applikazzjoni ta’ tariffi iktar għolja għall-aċċess għas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi milli lejn numri ġeografiċi jista’ jkollu effett marġinali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dan l-aħħar każ, jista’ jiġi ddikjarat li l-utenti finali mhu ser ikollhom l-ebda aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi. Barra minn hekk, hija tosserva li d-deċiżjoni tal-ACM tirrigwarda biss it-tariffi ffatturati mill-KPN għas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn in-numri mhux ġeografiċi li hija tipprovdi u li jirrappreżentaw madwar 20 % tat-traffiku tagħha lejn dawn in-numri.

27

Barra dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jawtorizza li regolamentazzjoni tariffarja tiġi istitwita minn awtorità li ma hijiex l-ARN li teżerċita l-kompetenza msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess” u li din l-aħħar awtorità jkollha biss il-kompetenza ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regolamentazzjoni.

28

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku ddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 28 tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ jawtorizza l-impożizzjoni ta’ regolarizzazzjoni tariffarja mingħajr ma jkun irriżulta minn analiżi tas-suq li operatur għandu, fir-rigward tas-servizz irregolat, saħħa sinjifikattiva fis-suq, filwaqt li huwa teknikament possibbli li jissejħu, b’mod transkonfinali, numri tat-telefon mhux ġeografiċi u filwaqt li l-uniku ostakolu għall-aċċess għal dawn in-numri jikkonsisti fil-fatt li jiġu applikati tariffi li permezz tagħhom is-sejħa lil numru mhux ġeografiku tiswa iktar milli s-sejħa lil numru ġeografiku?

2)

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv, [il-qorti tar-rinviju tagħmel i]ż-żewġ domandi li ġejjin [...]:

a)

Il-kompetenza ta’ regolarizzazzjoni tariffarja tapplika anki meta l-influwenza ta’ tariffi iktar għoljin fuq il-volum ta’ sejħiet lil numri mhux ġeografiċi hija biss waħda limitata?

b)

Il-qorti nazzjonali sa fejn għad għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk miżura tariffarja neċessarja skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ hijiex oneru eċċessiv għall-fornitur ta’ tranżitu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu biha?

3)

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ jippermetti l-possibbiltà li l-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu adottati minn awtorità li ma hijiex l-[ARN] li teżerċita l-kompetenza msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ‘tal-Aċċess’ u li din l-aħħar awtorità jkollha biss il-kompetenza ta’ applikazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

29

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li awtorità nazzjonali kompetenti tista’ timponi obbligu tariffarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, sabiex jitneħħa l-ostakolu biex jissejħu numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni, li ma jkunx ta’ natura teknika, iżda li jirriżulta minn tariffi prattiċi, mingħajr ma tkun twettqet analiżi tas-suq li turi li l-impriża kkonċernata għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-obbligu jistax jiġi impost meta l-influwenza ta’ tariffi fuq il-volum ta’ sejħiet lejn in-numri mhux ġeografiċi huwa limitat u jekk il-qorti nazzjonali għandhiex marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali obbligu jikkostitwixxix oneru eċċessiv għall-fornitur ta’ servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati.

30

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu tariffarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie impost fuq KPN li tipprovdi servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi. Dawn is-servizzi jikkonsistu f’li jidderiġu sejħiet tan-network tal-fornitur ta’ servizzi elettroniċi lejn in-network ta’ fornitur ieħor permezz ta’ netwerk intermedjarja tal-impriża li tipprovdi l-imsemmija servizzi ta’ tranżitu. Dan l-obbligu, ġie impost bil-għan li jiżgura l-ekwivalenza ta’ prezzijiet tas-servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati lejn numri mhux ġeografiċi u tal-prezzijiet tal-istess servizzi lejn numri ġeografiċi u sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28(1)(a) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi fl-Unjoni.

32

L-Artikolu 28(1)(a) tad-Direttiva “Servizz Universali” u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din l-istess id-direttiva ma jispeċifikaw xi tfisser b’“miżuri kollha meħtieġa”, jew in-natura ta’ dawn il-miżuri, jew jekk l-ARNs humiex kompetenti sabiex jieħdu dawn il-miżuri, b’tali mod li tqum il-kwistjoni ta’ jekk obbligu tariffarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi impost sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi minn dan l-artikolu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi l-oħrajn li jikkostitwixxu qafas armonizzat għall-qafas regolatorju ta’ networks u ta’ servizzi li fihom indikazzjonijiet li jippermettu risposta għal din id-domanda.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (is-sentenza T‑Mobile Austria, C‑282/13, EU:C:2015:24, punt 32).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva “Aċċess” tidħol fi ħdan il-qafas stipulat fid-Direttiva Qafas li jarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, kif ukoll l-interkonnessjoni tagħhom. L-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skont il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ kompetizzjoni sostenibbli, u li jiggarantixxi l-interoperabbiltà ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jagħti benefiċċji lill-konsumaturi. Id-Direttiva “Aċċess” tiddefinixxi, b’mod partikolari, l-għanijiet mogħtija lill-ARNs fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni.

35

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Aċċess” jirrigwarda s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-ARNs fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, dawn l-awtoritajiet għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati, kif ukoll interoperabbiltà ta’ servizzi, filwaqt jiffavorixxu l-kompetizzjoni sostenibbli, jinkoraġġixxu investimenti effikaċi u l-innovazzjoni u billi jagħtu benefiċċju massimu lill-utenti finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑227/07, EU:C:2008:620, punt 64).

36

Għandu jitfakkar li kif ġie diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Aċċess” li l-ARNs għandhom, bħala missjoni tagħhom li jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati, kif ukoll interoperabbiltà ta’ servizzi, b’mezzi li ma humiex elenkati b’mod limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera Finland, C‑192/08, EU:C:2009:696, punt 58).

37

F’dan il-kuntest, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq skont l-Artikolu 8 tagħha, l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jimponu “obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network”, bl-uniku skop li jiżguraw il-konnettività tarf sa tarf (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera Finland, C‑192/08, EU:C:2009:696, punt 59).

38

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva “Aċċess” jirrigwarda wkoll l-aċċess u l-interkonnessjoni u jimponi l-għoti lill-ARNs ta’ awtonomija ta’ intervent billi jipprevedi li l-imsemmija awtoritajiet jistgħu b’mod partikolari jintervjenu b’inizjattiva tagħhom sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Aċċess” kif ukoll tal-proċeduri msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas.

39

Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva “Aċċess” li jippermettu lill-ARN li jieħdu miżuri fir-rigward ta’ impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, iżda li tikkontrolla l-aċċess lill-utenti finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera Finland, C‑192/08, EU:C:2009:696, punt 62).

40

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Aċċess”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARNs ikollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-obbligi marbuta mal-kontrolli tal-prezzijiet skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, fejn wara analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, l-operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq speċifiku, l-ARNs għandhom jimponu l-imsemmija obbligi.

41

Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess”, bla ħsara għal ċerti dispożizzjonijiet, tal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jimponi obbligi fuq impriżi oħra li ma humiex dawk indikati bħala li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, l-ARN jistgħu jimponu l-obbligi dwar il-kontrolli tal-prezzijiet iddefiniti b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” biss fuq operaturi li huma indikati bħala li għandhom saħħa sinjifikattiva, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva.

42

Konsegwentement, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-Konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess” għandu jiġi interpretat fis-sens li, “ħlief” fil-kuntest ta’ ċerti dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-ARN ma jimponux obbligi tariffarji komparabbli għal dawk imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess” fuq l-operaturi mhux b’saħħithom fis-suq partikolari. Għalhekk, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “Aċċess” ma tipprekludix li obbligi marbuta mal-kontrolli tal-prezzijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, jiġu imposti fuq l-operatur li ma jkollux saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti.

43

Minn dan isegwi li l-ARN jistgħu jimponu obbligi tariffarji paragunabbli għal dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, fuq operatur li ma jkollux saħħa sinjifikattiva fis-suq, iżda li jikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali, jekk dan l-obbligu jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi ggarantit li l-utenti finali jkunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni, dan għandu jiġi vverifikat minn qorti nazzjonali, fid-dawl tal-assjem ta’ ċirkustanzi rilevanti, u, b’mod partikolari, tal-influwenza tat-tariffi inkwistjoni fuq l-aċċess tal-utenti finali għall-imsemmija servizzi.

44

Din l-interpretazzjoni hija, għall-bqija, konformi mal-għan mixtieq mill-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-garanzija għall-utenti finali tal-aċċess għas-servizzi li jużaw in-numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni, kif ukoll dak tad-Direttiva “Servizz Universali” li huwa intiż li jistabbilixxi, skont il-prinċipji tas-suq intern, qafas regolatorju, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi, li jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ kompetizzjoni sostenibbli, u li jiggarantixxi l-interoperabbiltà ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jagħti benefiċċji lill-konsumaturi.

45

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 5(1) u (2) u 8(4) tad-Direttiva “Aċċess” jipprevedu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-obbligi imposti mill-ARN fuq l-operaturi li jipprovdu n-netwerks jew is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konformement mal-Artikoli 5(1) u 8 ta’ din id-direttiva.

46

Għalhekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva “Aċċess” jipprevedi li l-obbligi u kundizzjonijiet imposti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom ikunu implementati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-Direttiva Qafas.

47

Skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva “Aċċess”, l-obbligi imposti konformement ma’ dan l-artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, ikunu proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, u huma jkunu jistgħu jiġu imposti biss wara l-konsultazzjoni prevista mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas.

48

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li obbligu tariffarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottat skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, għandu wkoll jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 43, 46 u 47 ta’ din is-sentenza, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li awtorità nazzjonali kompetenti timponi obbligu tariffarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, sabiex jitneħħa l-ostakolu biex jissejħu numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni, li ma jkunx ta’ natura teknika, iżda li jirriżulta minn tariffi prattiċi, mingħajr ma tkun twettqet analiżi tas-suq li turi li l-impriża kkonċernata għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq, jekk dan l-obbligu jikkostitwixxix miżura meħtieġa sabiex b’dan il-mod l-utenti finali jkollhom aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta u li l-obbligu tariffarju huwa oġġettiv, trasparenti, mhux diskriminatorju, ibbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata u ġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, u li jkunu ġew osservati l-proċeduri previsti fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-Direttiva Qafas.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li obbligu tariffarju skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi imposta minn awtorità nazzjonali li ma hijiex l-ARN li hija ġeneralment inkarigata li tapplika l-QRĠ.

51

L-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi li l-miżuri li jsemmi għandhom jittieħdu mill-“awtoritajiet nazzjonali kompetenti”. Madankollu, il-kunċett tal-“awtorità nazzjonali kompetenti” la huwa ddefinit fid-Direttiva Qafas u lanqas fid-Direttiva “Servizz Universali”.

52

Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-ARN bħala l-korp jew il-korpi inkarigati minn Stat Membru b’xi kompitu regolatorju ta’ kwalunkwe tip assenjat f’din id-direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(l) tagħha. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva “Servizz Universali”, din id-definizzjoni hija applikabbli għall-finijiet tagħha peress illi hija waħda mid-Direttivi Speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(l) tad-Direttiva Qafas.

53

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tal-ARN tagħhom skont l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, madankollu din l‑awtonomija tista’ tiġi eżerċitata biss b’osservanza tal-għanijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-direttiva (ara s-sentenzi Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 24, u Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 26).

54

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li kull wieħed mill-kompiti assenjati lill-ARN jitwettaq minn korp kompetenti, jiggarantixxu l-indipendenza ta’ dawn l-awtoritajiet billi jiżguraw li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u jiżguraw li l-imsemmija awtoritajiet jeżerċitaw is-setgħat tagħhom imparzjalment u b’mod trasparenti u fil-mument opportun. Barra dan, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, id-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istess awtoritajiet għandhom ikunu suġġetti għal rimedji effettivi quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 29).

55

Konformement mal-Artikolu 3(2), (4) u (6) tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom, mhux biss, jiggarantixxu l-indipendenza tal-ARN billi li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-korpi kollha li jipprovdu networks, apparat jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda għandhom ukoll jippubblikaw il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-imsemmija awtoritajiet konformement mal-QRĠ f’forma faċilment aċċessibbli, u b’mod partikolari meta l-kompiti li huma inkarigati bihom jiġu fdati lil diversi korpi, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem tal-awtoritajiet regolatorji inkarigati bit-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet kif ukoll dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 25, u UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punt 52).

56

Konsegwentement, meta dawn il-funzjonijiet jiġu assenjati, anki jekk parzjalment, lil awtoritajiet nazzjonali li ma humiex l-ARN li normalment inkarigata li tapplika l-QRĠ, huwa kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li din l-awtorità tal-aħħar ma tkunux direttament jew indirettament involuta fil-“funzjonijiet operazzjonali” skont id-Direttiva Qafas. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 26).

57

Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jawtorizza li Stat Membru jassenja kompiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-QRĠ lil diversi korpi, salv, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, kull wieħed minn dawn il-korpi jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva Qafas u li d-deċiżjonijiet li kull wieħed minn dawn il-korpi jieħu fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet huwa suġġett għal rimedju effettiv quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtorità nazzjonali li ħadet l-obbligu tariffarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li obbligu tariffarju skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi impost fuq awtorità nazzjonali li ma hijiex l-ARN li hija ġeneralment inkarigata li tapplika l-QRĠ, suġġetta għall-kundizzjoni li din l-awtorità tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva Qafas u li d-deċiżjonijiet li hija tieħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità nazzjonali kompetenti li timponi obbligu tariffarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, sabiex jitneħħa l-ostakolu biex jissejħu numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea, li ma jkunx ta’ natura teknika, iżda li jirriżulta minn tariffi prattiċi, mingħajr ma tkun twettqet analiżi tas-suq li turi li l-impriża kkonċernata għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq, jekk dan l-obbligu jikkostitwixxi miżura meħtieġa sabiex b’dan il-mod l-utenti finali jkollhom aċċess għas-servizzi li jużaw numri mhux ġeografiċi fl-Unjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta u li l-obbligu tariffarju huwa oġġettiv, trasparenti, mhux diskriminatorju, ibbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata u ġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 u li jkunu ġew osservati l-proċeduri previsti fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-Direttiva 2002/21, kif emendata mid-Direttiva 2009/140 .

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi li obbligu tariffarju skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi impost fuq awtorità nazzjonali li ma hijiex l-awtorità regolatorja nazzjonali li hija ġeneralment inkarigata li tapplika l-qafas regolatorju ġdid tal-Unjoni applikabbli għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetta għall-kundizzjoni li din l-awtorità tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u li d-deċiżjonijiet li hija tieħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top