This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0078
Judgment of the Court (First Chamber) of 29 October 2015.#European Commission v ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias.#Appeal — Arbitration clause — Seventh Framework Programme for research, technological development and demonstration activities (2007-2013) — Contracts relating to EU financial support granted to the Perform and Oasis projects — Irregularities identified during audits of other projects — Decision of the Commission to suspend reimbursement of the amounts advanced by the recipient — Eligible costs — Distortions of the documents on the file.#Case C-78/14 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias.
Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007-2013) – Kuntratti relattivi għas-sostenn finanzjarju tal-Unjoni Ewropea mogħti għall-proġetti Perform u Oasis – Irregolaritajiet ikkonstatati fl-awditjar relattiv għal proġetti oħra – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi r-rimbors tal-ammonti mħallsa mill-benefiċjarju – Spejjeż eliġibbli – Żnaturament tal-provi tal-proċess.
Kawża C-78/14 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias.
Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007-2013) – Kuntratti relattivi għas-sostenn finanzjarju tal-Unjoni Ewropea mogħti għall-proġetti Perform u Oasis – Irregolaritajiet ikkonstatati fl-awditjar relattiv għal proġetti oħra – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi r-rimbors tal-ammonti mħallsa mill-benefiċjarju – Spejjeż eliġibbli – Żnaturament tal-provi tal-proċess.
Kawża C-78/14 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:732
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
29 ta’ Ottubru 2015 ( * )
“Appell — Klawżola ta’ arbitraġġ — Is-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007-2013) — Kuntratti relattivi għas-sostenn finanzjarju tal-Unjoni Ewropea mogħti għall-proġetti Perform u Oasis — Irregolaritajiet ikkonstatati fl-awditjar relattiv għal proġetti oħra — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi r-rimbors tal-ammonti mħallsa mill-benefiċjarju — Spejjeż eliġibbli — Żnaturament tal-provi tal-proċess”
Fil-Kawża C‑78/14 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2014,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, B. Conte u R. Lyal, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos u S. Paliou, dikigoroi,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2013, ANKO vs Il-Kummissjoni (T‑117/12, EU:T:2013:643, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din ikkundannata tħallas lil ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (iktar ’il quddiem “ANKO”) is-somom, flimkien mal-interessi, li l-ħlas tagħhom kien sospiż abbażi tal-punt II.5(3)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Anness II tal-Ftehim ta’ sussidju relattivi għall-proġetti Perform u Oasis (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Konformement mar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (ĠU L 391, p. 1), fil-qafas iddefinit permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, p. 1), u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-programm speċifiku “Kooperazzjoni”, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li taġixxi f’isem il-Komunità, ikkonkludiet, fid-19 ta’ Diċembru 2007 u fil-21 ta’ Jannar 2008, ma’ Siemens SA u FIMI Srl, rispettivament, fil-kwalità tagħhom ta’ koordinaturi ta’ żewġ konsorzji distinti li minnhom kienet tagħmel parti ANKO, il-ftehimiet ta’ sussidju Nri 215754 u 215952. |
3 |
Dawn il-ftehimiet kellhom bħala għan, rispettivament, il-finanzjament ta’ proġett intitolat “Arkitettura miftuħa għas-servizzi aċċessibbli, għall-integrazzjoni u għall-istandardizzazzjoni” (proġett Oasis) u l-proġett intitolat “Sistema multiparametrika kumplessa għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ effettivi u kontinwi tal-kapaċità ta’ moviment fil-każijiet tal-marda Parkinson u ta’ mard ieħor li jikkawża deġenerazzjoni newroloġika” (proġett Perform). |
4 |
Abbażi tal-paragrafu 3(d) tal-Punt II.5 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali, wara li tirċievi r-rapporti msemmija fil-punt II.4 tagħhom, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti, f’kull ħin, tal-ammont kollu jew ta’ parti mill-ammont iddestinat lill-benefiċjarju kkonċernat:
|
5 |
Konformement mal-ewwel subparagrafu (a) sa (d) tal-punt II.14(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, li jirrigwardaw l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett, dawn tal-aħħar għandhom ikunu, minn naħa, reali u, min-naħa l-oħra, iddeterminati konformement mal-prinċipji u mal-prattiki użwali ta’ kontabbiltà u ta’ tmexxija tal-benefiċjarju. Il-metodi kontabbli użati biex jiġu rreġistrati l-ispejjeż u d-dħul għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kontabbiltà użati fl-Istat fejn huwa stabbilit il-kontraent u għandhom jippermettu t-tqabbil tal-ispejjeż magħmula u tad-dħul iddikjarat għall-finijiet tal-proġetti u tad-dokumenti finanzjarji u tal-provi korrispondenti. |
6 |
Abbażi tat-tieni subparagrafu tal-punt II.14(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu (a) ta’ dan il-paragrafu, il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu li jiddikjaraw spejjeż medji tal-persunal jekk ikunu ssodisfatti l-kriterji kumulattivi segwenti:
|
7 |
Il-punt II.15(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali jiddefinixxi l-ispejjeż diretti bħala korrispondenti għall-ispejjeż kollha li jistgħu jiġu attribwiti direttament għall-proġett u li huma ddefiniti bħala tali mill-benefiċjarju, konformement mal-prinċipju kontabbli tiegħu u mar-regoli interni abitwali. F’dak li jikkonċerna l-ispejjeż tal-persunal, jistgħu jiġu imputati biss l-ispejjeż tas-sigħat effettivament maħduma abbażi tal-proġett mill-persuni li jwettqu x-xogħlijiet direttament, li għandhom jiġu impjegati direttament mill-benefiċjarju, jaħdmu taħt is-superviżjoni teknika u r-responsabbiltà tiegħu biss u jitħallsu konformement mal-prattiki abitwali tiegħu. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
8 |
ANKO hija kumpannija rregolata mid-dritt Grieg, li l-iskop tagħha huwa l-kummerċjalizzazzjoni u l-produzzjoni ta’ prodotti tal-metall kif ukoll ta’ prodotti, apparat u tagħmir elettroniku u għat-telekomunikazzjonijiet. Mis-sena 2006, hija pparteċipat f’diversi proġetti ssussidjati mill-Unjoni. |
9 |
B’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni informat lil ANKO li riedet twettaq awditjar finanzjarju fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proġetti Perform u Oasis. |
10 |
Peress li qieset, essenzjalment, li kien hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta ksur possibbli ta’ dawn il-ftehimiet ta’ sussidju relattivi għall-proġetti msemmija u, b’mod partikolari, tal-paragrafu 3(d) tal-Punt II.5 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali, minħabba l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa minn ANKO, il-Kummissjoni, permezz ta’ żewġ ittri tad-9 ta’ Awwissu 2011, issospendiet il-ħlas lil din il-kumpannija tal-pagamenti previsti taħt il-ftehimiet, u dan bħala miżura kawtelatorja. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
11 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u tal-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fil-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, ANKO talbet lill-Qorti Ġenerali:
|
12 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ANKO osservat b’mod partikolari li s-sospensjoni msemmija kienet saret bi ksur tal-ftehimiet ta’ sussidju relattivi għall-proġetti Perform u Oasis kif ukoll tal-prinċipju ta’ bona fide u mingħajr bażi legali. |
13 |
Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, laqgħet il-motiv imressaq minn ANKO insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, li jgħid li l-Kummissjoni kienet issospendiet il-pagamenti fir-rigward tal-proġetti Perform u Oasis mingħajr ebda bażi legali u bi ksur tal-ftehimiet ta’ sussidju konnessi ma’ dawn il-proġetti. |
14 |
Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, laqgħet it-tieni kap tat-talbiet sa fejn dan kien intiż biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ammonti li kienu ġew sospiżi taħt il-proġett Perform, mingħajr ma dan il-ħlas jippreġudika n-natura eliġibbli tal-infiq iddikjarat minn ANKO. |
15 |
Min-naħa l-oħra, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet kap tat-talbiet. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
16 |
Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u li tikkundanna lil ANKO għall-ispejjeż. ANKO titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
17 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sakemm jiġi deċiż l-appell. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar segwenti, il-Kummissjoni talbet ukoll li tintlaqa’ provviżorjament din it-talba anki qabel ma l-parti l-oħra fil-proċeduri tkun issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha, sal-għoti tad-digriet li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji. |
18 |
Permezz ta’ digrieti tagħha Il-Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:93) u Il-Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:239), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, rispettivament, li jissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-għoti tad-digriet li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji qabel ma l-parti l-oħra fil-proċedura tkun issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha u li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura tal-appell f’din il-kawża. |
Fuq l-appell
19 |
Il-Kummissjoni tqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ġenerali mill-Qorti Ġenerali. Dan l-aggravju jinqasam f’ħames partijiet. |
20 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni żbaljata tan-natura gravi u sistematika tal-irregolaritajiet bħala motiv ta’ sospensjoni. It-tieni nett, din tinvoka evalwazzjoni żbaljata tal-possibbiltà jew tar-riskju ta’ ripetizzjoni tal-irregolaritajiet. It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet induzzjoni żbaljata abbażi ta’ korrezzjonijiet ad hoc magħmula minn ANKO. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-possibbiltà li tintuża l-ispiża medja, u li għamlet użu ħażin ta’ din il-possibbiltà għall-ispejjeż fittizji, liema ħaġa kellha bħala konsegwenza l-iżnaturament tal-provi. Finalment, il-ħames nett, din tinvoka l-konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni, li jippresupponu suspett, u l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li jaqgħu taħt iċ-ċertezza. |
Osservazzjonijiet preliminari
21 |
Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt u għandu jkun ibbażat fuq aggravji li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (sentenza Commune de Millau u SEMEA vs Il-Kummissjoni, C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punt 55). |
22 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll li tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi ma jikkostitwixxux, għalhekk, kwistjoni ta’ dritt li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati (sentenza Commune de Millau u SEMEA vs Il-Kummissjoni, C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan il-kuntest, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami ta’ dispożizzjoni kuntrattwali mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax jitqies li huwa interpretazzjoni tal-liġi u b’hekk ma jistax jiġi vverifikat fil-kuntest ta’ appell mingħajr ma tkun mittiefsa l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi l-fatti. Min-naħa l-oħra, l-allegat ksur tal-liġi tal-Unjoni applikabbli għal kuntratt huwa suġġett għal stħarriġ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħal dak eżerċitat fil-kuntest ta’ appell. |
24 |
Fil-kawża preżenti, iż-żewġ ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni huma rregolati, bis-saħħa tal-Artikolu 9 tagħhom, skont il-kliem tagħhom stess, minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74 ), kif ukoll, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan. |
25 |
Madankollu, il-Kummissjoni ma tinvokax il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. |
26 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ħames partijiet ta’ dan l-aggravju uniku. |
Fuq l-ewwel sat-tielet u l-ħames partijiet
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq l-ewwel parti
27 |
Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-paragrafu 3(d) tal-Punt II.5 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali u tal-applikazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura “gravi u sistematika” tal-irregolaritajiet inkwistjoni bħala bażi għas-sospensjoni tal-pagamenti taħt il-ftehimiet ta’ sussidju relattivi għall-proġetti Perform u Oasis. |
28 |
Hija targumenta, f’dan ir-rigward, li s-sospensjoni tal-pagamenti kienet ibbażata mhux fuq il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu finanzjarju tal-proġetti inkwistjoni, iżda fuq irregolaritajiet ta’ natura gravi u sistematika kkonstatati matul il-kontrolli finanzjarji preċedenti, imwettqa fl-2006 u fl-2008, għal proġetti oħra li fihom kienet ipparteċipat ANKO, kif ukoll fuq ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkonforma ruħha mar-rakkomandazzjonijiet magħmula matul l-aħħar wieħed minn dawn il-kontrolli. |
29 |
Dawn l-irregolaritajiet kienu jirrigwardaw, prinċipalment, l-imputazzjoni ta’ spejjeż elevati bħala spejjeż diretti ta’ persunal għal xogħlijiet magħmula minn persuni li ma kellhomx il-kwalifiki xjentifiċi mitluba kif ukoll il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-ispejjeż li wasslu għal stima eċċessiva tal-ispejjeż eliġibbli u l-assenza ta’ affidabbiltà tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol maħduma. |
30 |
B’risposta għal dan, ANKO tosserva, preliminarjament, li appell li jillimita ruħhu biex jirrepeti l-motivi u l-argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali huwa inammissibbli, peress li tali appell fir-realtà jikkostitwixxi talba intiża biex jinkiseb sempliċi rieżami tar-rikors ippreżentat quddiem l-imsemmija Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, bl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni tinvoka fatti filwaqt li l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. |
31 |
Fir-rigward tal-mertu, ANKO tosserva, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma rrifjutatx li tikkwalifika l-allegati “irregolaritajiet” bħala “serji” u “sistematiċi”, kif issostni l-Kummissjoni b’mod żbaljat. B’mod kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat il-prova li l-“irregolaritajiet” imwettqa minn ANKO kienu serji u sistematiċi, meta din l-istituzzjoni kellha l-oneru li tippreżenta din il-prova. |
– Fuq it-tieni parti
32 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-“metodoloġija” użata minn ANKO biex jiġu kkalkolati l-ispejjeż tal-persunal hija s-sors tal-irregolaritajiet, fis-sens li hija żżid kemm in-numru ta’ sigħat maħduma kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-persunal. Din il-prattika żleali diġà kienet ġiet ikkonstatata fi proġetti oħra u għalhekk jista’ jkollha impatt ukoll fuq l-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni. Ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxi tali possibbiltà (jew suspett) jikkostitwixxi wkoll interpretazzjoni żbaljata tal-klawżola tal-kuntratt inkwistjoni. |
33 |
ANKO tenfasizza li l-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tieni parti, tillimita ruħha biex tirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati fl-ewwel istanza u tikkunsidra lil dan bħala inammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, ANKO tosserva li l-Qorti Ġenerali eżaminat u kkunsidrat il-fatti u l-provi ppreżentati mill-partijiet meta ddeċidiet li, minkejja li kellha dan l-oneru, il-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat il-prova li l-irregolaritajiet imwettqa minn ANKO fil-kuntest tal-proġetti preċedenti kienu jistgħu jolqtu l-implementazzjoni tal-proġetti Perform u Oasis. Għalhekk, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tippretendi li l-Qorti Ġenerali “rrifjutat” li tirrikonoxxi li l-irregolaritajiet ilmentati kontra ANKO fil-kuntest tal-proġetti tas-Sitt Programm Qafas setgħu jolqtu l-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni. |
– Fuq it-tielet parti
34 |
Il-Kummissjoni tammetti li ANKO għamlet xi korrezzjonijiet u xi rifużjonijiet. Madankollu, dan ma jfissirx li hija definittivament biddlet il-“metodoloġija” ġenerali tagħha. Hija sempliċement għamlet korrezzjonijiet ad hoc fejn l-irregolaritajiet kienu ġew identifikati u sempliċement ħallset lura xi ammonti li kienet ġiet akkużata li rċeviet indebitament, mingħajr madankollu ma ħadet miżuri ġenerali li jikkonċernaw il-kontroll ta’ persuni impjegati u l-kwalifiki tagħhom meta mqabbla mal-programm rilevanti, jew li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni preċiża tas-sigħat ta’ xogħol maħduma mill-impjegati, li huma ta’ natura li jipprevjenu li terġa tiġi implementata l-“prattika” l-antika. |
35 |
ANKO tqis li t-tielet parti hija inammissibbli, peress li l-argumentazzjoni invokata insostenn tagħha kienet diġà tressqet fl-ewwel istanza u, f’kull każ, infondata. Fir-rigward tal-mertu, din issostni li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha biex tevalwa l-korrezzjonijiet li din kienet għamlet. B’mod kuntrarju, din ma bbażatx ir-raġunament tagħha biss fuq dawn il-korrezzjonijiet, iżda evalwat ukoll provi oħra u, b’mod partikolari, ittra tat-3 ta’ Marzu 2009 ippreżentata mill-Kummissjoni stess. Din l-ittra tippermetti li jiġi kkonstatat, minn naħa, li ANKO ma rrifjutatx li tuża metodu ta’ kalkolu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li din ma insistietx li tuża metodu ta’ kalkolu żbaljat. |
– Fuq il-ħames parti
36 |
Il-Kummissjoni ssemmi konfużjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-pagamenti, ibbażati fuq sempliċi suspett, u l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tan-nefqa ddikjarata. |
37 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li s-sospensjoni tal-pagamenti tikkostitwixxi miżura provviżorja li b’hekk tippermettilha li tibbaża ruħha fuq effett eventwali u għalhekk fuq is-sempliċi probabbiltà tiegħu. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jkollha ċertezza fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur u tad-dannu. |
38 |
ANKO ssostni li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni hija inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni tipprova, fir-realtà, tpoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali. |
39 |
Fir-rigward tal-mertu, ANKO tfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’diversi punti tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li turi b’ċertezza li l-irregolaritajiet kellhom impatt fuq il-ftehimiet ta’ sussidju relattivi għall-proġetti Perform u Oasis. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni lanqas ma kienet ipprovat il-possibbiltà jew il-probabbiltà ta’ tali impatt. ANKO tosserva wkoll li sospensjoni tal-pagamenti ma għandhiex tirriżulta minn setgħa diskriminatorja assoluta tal-Kummissjoni, li tkun tista’ b’hekk tissospendi l-pagamenti billi sempliċement tinvoka suspett ta’ irregolarità. Il-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali jistabbilixxi l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova, fl-ewwel lok, li l-irregolaritajiet kienu serji u sistematiċi u, fit-tieni lok, li dawn setgħu jaffettwaw l-implementazzjoni tal-ftehim imsemmija fil-futur. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
Għandu jitfakkar li, fil-punti 46 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali, billi b’mod partikolari eżaminat jekk kinitx issodisfatta l-ħames kundizzjoni elenkata fih. |
41 |
Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-Kummissjoni ma wriet biżżejjed taħt id-dritt la n-natura gravi u sistematika tal-irregolaritajiet identifikati, lanqas kif tali irregolaritajiet, jekk wieħed iqishom ipprovati, jistgħu jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-proġetti Perform u Oasis”. |
42 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni ma tagħmel xejn ħlief tikkontesta, permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames partijiet tal-aggravju uniku, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali u titlob biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-interpretazzjoni tagħha stess tal-paragrafu 3(d) tal-punt II.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali minflok dik tal-Qorti Ġenerali. |
43 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinvokax, kif imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
44 |
Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, l-ewwel sat-tielet u l-ħames partijiet tal-aggravju uniku għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
Fuq ir-raba ’ parti
L-argumenti tal-partijiet
45 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar il-kriterji għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex ikunu jistgħu jiġu ddikjarati l-ispejjeż medji tal-persunal. L-ewwel nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż medji tal-persunal huwa dak li jiġi ddikjarat mill-benefiċjarju bħala l-metodu abitwali ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż. It-tieni nett, il-metodu ta’ kalkolu huwa bbażat fuq l-ispejjeż reali tal-persunal tal-benefiċjarju hekk kif jidhru fil-kontabbiltà legali tiegħu, mingħajr estimi jew baġit. It-tielet nett, il-metodu ta’ kalkolu jeskludi mill-ispejjeż medji tal-persunal kull spiża mhux eliġibbli u, ir-raba’ nett, in-numru ta’ sigħat produttivi użati għall-kalkolu tar-rati medji fis-siegħa jikkorrispondi għall-prattiki użwali ta’ tmexxija tal-benefiċjarju sakemm dawn ikunu jirriflettu r-regoli ta’ xogħol reali tal-benefiċjarju. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali tippreċiża li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż tas-sigħat effettivament maħduma minn persuni li kienu qed iwettqu x-xogħlijiet direttament fil-proġett ikkonċernat. |
46 |
Il-Kummissjoni ssostni li, billi ammettiet il-validità ta’ ċerti spejjeż tal-persunal iddikjarati minn ANKO, b’riferiment għall-klawżoli tal-kuntratt u, b’mod partikolari, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-punt II.14 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali, il-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata, il-portata ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali, li jippermettu l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ spejjeż ibbażat fuq il-medja, iżda biss sal-punt fejn il-kalkolu ta’ din il-medja jsir abbażi ta’ spejjeż tal-persunal reali u mhux fittizji. L-użu ta’ “medja” b’applikazzjoni tal-klawżoli inkwistjoni ma tistax tivvalida dawn l-ispejjeż fittizji, peress li din il-medja għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ spejjeż reali. |
47 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li hija tikkontesta mhux il-possibbiltà ta’ użu ta’ rati medji għall-ispejjeż tal-persunal, iżda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż li ma kinux reali, jew għaliex ir-remunerazzjonijiet ma jikkorrispondux mal-ispeċjalizzazzjoni tal-persunal impjegat, jew għaliex is-sigħat ta’ produzzjoni ma kinux reali, iżda fittizji. |
48 |
Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-klawżola inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata u l-argumentazzjoni esposta hija ineffettiva, peress li diġà ġie kkonstatat għall-ħames proġetti inkwistjoni li l-ispejjeż invokati minn ANKO ma kinux, għall-inqas parzjalment, reali, kuntrarjament għal dak li jeħtieġu l-kundizzjonijiet ġenerali. |
49 |
Skont il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest jista’ jiġi lmentat ukoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi sa fejn ANKO bbażat ruħha mhux spejjeż medji, iżda fuq numri eżatti ta’ sigħat ta’ produzzjoni u fuq remunerazzjonijiet preċiżi li, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sussidju preċedenti, kienu ġew ikkoreġuti ad hoc għal kull impjegat, hekk kif jirriżulta mir-rapporti ta’ awditu. Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija, minn naħa, ivvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, bi żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi ppreżentati minn ANKO. |
50 |
ANKO ssostni li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni hija manifestament infondata f’dak li jikkonċerna l-iżnaturament tal-provi allegati u inammissibbli għall-bqija, peress li l-Kummissjoni qiegħda fir-realtà tipprova tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
51 |
Fir-rigward tal-mertu tal-kawża, ANKO tosserva b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kinitx ipprovat li l-metodoloġija ta’ reġistrazzjoni tal-ispejjeż użata minn ANKO kienet konformi mar-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu (d) u tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-punt II.14 tal-kundizzjonijiet ġenerali. ANKO tosserva li, wara l-eżami tal-provi rilevanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-Kummissjoni b’ebda mod ma [kienet] ipprovat li l-metodu użat minn [ANKO] ma kienx konformi mal-ewwel subparagrafu (d) u tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-punt II.14 [tal-kundizzjonijiet ġenerali]”. |
52 |
Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, jiġifieri d-determinazzjoni jekk humiex reali jew fittizji u sa liema livell, ma tidħolx fil-kuntest ta’ din il-kawża peress li l-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha esklużivament fuq il-kwistjoni jekk is-sospensjoni tal-ħlasijiet li l-Kummissjoni kienet imponiet fuq ANKO kinitx leġittima u konformi mal-punt imsemmi. Fir-rigward tal-iżnaturament tal-provi, ANKO tosserva b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tippreċiżax il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u ma turix l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, ANKO tikkontesta li kien hemm żnaturament tal-provi ppreżentati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
53 |
Sa fejn il-Kummissjoni tpoġġi indiskussjoni l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, ir-raba’ parti, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
54 |
Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, konformement ma’ ġurisprudenza kostanti, invokat espressament tali żnaturament (ara, b’mod partikolari, id-digriet Walcher Meßtechnik vs L-UASI, C‑374/14 P, EU:C:2015:101, punt 27), madankollu għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza ugwalment kostanti, l-iżnaturament imsemmi għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Barra minn hekk, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament tal-provi jimplika li l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali żnaturament, li jiġi propost qari tal-provi msemmija li jkun differenti minn dak magħmul mill-Qorti Ġenerali (ara s-sentenzi Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 57, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et, C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 52). |
56 |
Issa, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 71 sa 79 tas-sentenza appellata ma tikkostitwixxix żnaturament tal-provi. |
57 |
Fil-fatt, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet li “l-Kummissjoni b’ebda mod ma pprovat li l-metodu użat minn [ANKO] ma kienx konformi mal-ewwel subparagrafu (d) u mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-punt II.14 [tal-kundizzjonijiet ġenerali]”. |
58 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk, fil-prinċipju, huwa possibbli qari differenti tas-sistema ta’ imputazzjoni tal-ispejjeż applikata minn ANKO fil-kuntest tal-proġetti preċedenti, madankollu l-Kummissjoni ma pprovatx in-natura manifestament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri tal-kontenut tal-kundizzjonijiet ġenerali, tal-intenzjonijiet tal-partijiet kif ukoll taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż u eżegwit il-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni, u b’hekk ma pprovatx b’mod suffiċjenti li kien hemm żnaturament tal-provi. |
59 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti hija infondata. |
60 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn ANKO. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.