EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0059

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) – Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Punt ta’ tluq (dies a quo) – Att jew ommissjoni tal-operatur ekonomiku – Twettiq tad-dannu – Ksur kontinwat – Ksur speċifiku.
Kawża C-59/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:660

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni — Terminu ta’ preskrizzjoni — Punt ta’ tluq (dies a quo) — Att jew ommissjoni tal-operatur ekonomiku — Twettiq tad-dannu — Ksur kontinwat — Ksur speċifiku”

Fil-Kawża C‑59/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, minn D. Ehle, avukat,

għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u E. Leftheriotou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u P. Rossi kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal- Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Volum 1, p. 340).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export au Hauptzollamt Hamburg-Jonas (Uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Hamburg-Jonas iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar ir-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2988/95

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.’’

4

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. [...]

[...]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-miżuri amministrattivi intiżi għar-repetizzjoni ta’ vantaġġi miksuba b’mod skorrett. L-Artikolu 5 tal-istess regolament jistabbilixxi l-penali amministrattivi li jistgħu jwasslu għalihom l-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minn negliġenza.

Ir-Regolament (KEE) Nru 565/80

6

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80 ta’ l-4 ta’ Marzu 1980 fuq il-ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 156), qabel it-tħassir tiegħu permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1713/2006 ta’ l-20 ta’ Novembru 2006 li jabolixxi l-prefinanzjament ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fir-rigward ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 312M, p. 154), “Ammont ugwali għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għandu, fuq talba tal-parti konċernata, jitħallas malli l-prodotti jew l-oġġetti jkunu jinġiebu taħt il-maħżen tad-dwana jew il-proċedura ta’ żona libera bl-għan li jiġu esportati fil-limitu taż-żmien mogħti.”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-benefiċċju ta’ l-arranġamenti pprovduti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għad-depositu ta’ sigurtà li tiggarantixxi ħlas lura ta’ ammont ugwali għall-ammont imħallas, flimkien ma’ ammont addizzjonali.

Mingħajr preġudizzju għal każijiet force majeure, din is-sigurtà għandha tintilef fl-intier jew f’parti minnha:

fejn il-ħlas lura jkun għadu ma sarx meta l-esportazzjoni ma tkunx saret fi żmien il-perjodu msemmi fl-Artikoli 4(1) u 5(1), jew

jekk ikun pruvat li m’hemmx dritt għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, jew jekk kien hemm dritt għal rifużjoni iżgħar.”

Ir-Regolament (KEE) Nru 3665/87

8

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), [traduzzjoni mhux uffiċjali] qabel ma ġie mħassar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), huwa redatt kif ġej:

“Il-prodott irid ikun ġie importat fl-istat oriġinali tiegħu fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalihom ir-rifużjoni hija prevista fit-tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni; […]”

9

L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi

“Prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni jkunu twettqu għandha tiġi prodotta skont ma jagħżel l-esportatur bil-produzzjoni ta’ wieħed mid-dokumenti li ġejjin:

a)

permezz tal-preżentazzjoni tad-dokument doganali jew tal-kopja jew fotokopja tiegħu; din il-kopja jew fotokopja għandha tkun ġiet iċċertifikata bħala kopja awtentika, kemm mill-organu li jkun ħareġ id-dokument oriġinali, kemm mis-servizzi uffiċjali tal-pajjiż terz ikkonċernat, kemm mis-servizzi uffiċjali ta’ wieħed mill-Istati Membri,

jew

b)

permezz tal-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ żdoganar stabbilit fuq formula li tikkorrispondi mal-mudell muri fl-Anness II; din il-formula għandha tiġi mimlija f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Komunità u f’lingwa ta’ użu fil-pajjiż terz ikkonċernat, jew

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda matul is-snin 1992 u 1993, il-Hauptzollamt, ta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ ħlas bil-quddiem, ħlas lura fuq l-esportazzjoni, b’kostituzzjoni ta’ garanzija, konformement għall-Artikoli 5(1) u 6 tar-Regolament Nru 565/80. Dawn il-ħlasijiet bil-quddiem jirrigwardaw numru ta’ lottijiet ta’ laħam taċ-ċanga maħżuna għall-esportazzjoni.

11

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 1993, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bagħtet lill-Hauptzollamt id-dikjarazzjoni doganali Nru 79/239, maħruġa mill-awtoritajiet doganali Ġordaniżi fid-9 ta’ Marzu 1993. Din id-dikjarazzjoni tiċċertifika r-rilaxx għall-konsum, fil-Ġordan, ta’ lott ta’ laħam taċ-ċanga esportat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fit-30 ta’ April 1996 u fl-4 ta’ Marzu 1998, il-Hauptzollamt irrilaxxat il-garanziji li hija kienet ikkostitwixxiet.

12

Mit-28 ta’ Frar sal-14 ta’ Marzu 1998, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq missjon ta’ spezzjoni li matulha deher li d-dikjarazzjoni doganali maħruġa mill-awtoritajiet Ġordaniżi ġiet annullata qabel inġabru d-dazji tal-importazzjoni u l-lott ta’ laħam taċ-ċanga kkonċernat ġie esportat mill-ġdid lejn l-Iraq.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 1999, il-Hauptzollamt ordna l-irkupru ta’ ammont li tela’ għal EUR 103 289.89. Wara lment imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru, din is-somma tnaqqset għal EUR 59 545.70, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2011. Il-kumplament tal-ilment ġie, permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2012.

14

Fil-5 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors, quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Tribunal tal-Finanzi ta’ Hamburg), li permezz tiegħu hija talbet l-annullament tat-tliet deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Hija argumentat li d-dritt għall-irkupru ġie preskritt. Fil-fehma tagħha, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mhux mir-rilaxx tal-garanzija, iżda mit-twettiq tal-irregolarità. Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jallaċċja mal-kunċett ta’ “irregolarità” ma’ att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku. Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni ta’ rkupru tal-ammont indebitu huwiex preskritt, għandu jibbaża ruħu fuq id-data ta’ produzzjoni tad-dikjarazzjoni doganali maħruġa mill-awtoritajiet Ġordaniżi, jiġifieri fl-10 ta’ Awwissu 1993.

15

Il-qorti tar-rinviju hija propensa li tikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda’ jiddekorri, indipendentement mill-mument ta’ meta seħħ tad-dannu, mill-att jew l-ommissjoni tal-operatur ekonomiku li jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem tal-Artikoli 1(2) u 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, minn naħa, il-kliem tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni, li żamm il-kundizzjonali matul il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma jorbotx il-kunċett ta’ “irregolarità” mat-twettiq ta’ dannu, peress li l-aġir ta’ operatur ekonomiku jista’ jikkostitwixxi wkoll irregolarità meta huwa “jista’ jkollu” bħala effett li jikkawża dannu lill-budget tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel riferiment għall-“irregolarità [...] tkun ġiet kommessa”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jorbot il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni mhux mad-“dehra”, iżda mat-“[twettiq]” tal-irregolarità, jew ma’ aġir tal-operatur ekonomiku li għandu jikkonsisti fi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

16

Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, f’każ fejn il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ġiet ikkonstatata biss wara li seħħ id-dannu, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tista’ tkun suġġetta għal evalwazzjoni differenti. Fil-fatt, jista’; jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “irregolarità”, intiż fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jippreżumi li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, aġir tal-operatur ekonomiku u, min-naħa l-oħra, dannu li jirriżulta minnu.

17

Fl-ipoteżi fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jibda jiddekorri biss fid-data ta’ meta jseħħ id-dannu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-“dannu”, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jirriżultax mill-ħlas tal-ammont ta’ ħlas bil-quddiem li jikkorrispondi għall-ħlas lura tal- ħlas lura fuq l-esportazzjoni jew biss fid-data tal-għoti definittiv tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, permezz tar-rilaxx tal-garanzija.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“1)

Meta l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jiġi kkonstatat biss wara li jkun seħħ preġudizzju, l-irregolarità neċessarja sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95(1), iddefinita fl-Artikolu 1(2) tal-istess regolament, tippresupponi barra minn hekk, minbarra azzjoni jew ommissjoni min-naħa tal-operatur ekonomiku, li jkun ġie ppreġudikat il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits iġġestiti minnha, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument li fih ikun seħħ il-preġudizzju, jew inkella t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-azzjoni jew mill-ommissjoni tal-operatur ekonomiku li tikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, irrispettivament mill-mument li fih ikun seħħ il-preġudizzju?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument li fih ikun seħħ il-preġudizzju:

Preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 iseħħ – fir-rigward tal-irkupru ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni mogħti b’mod definittiv – mill-mument li fih ammont ugwali għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni jkun tħallas lill-esportatur skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 565/80, mingħajr ma tkun għadha ġiet użata l-garanzija msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 565/80, jew dan iseħħ biss fil-mument tal-użu tal-garanzija jew tal-għoti definittiv tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ġie kkonstatat biss wara t-twettiq ta’ dannu, l-Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu tal-preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li seħħ tad-dannu lill-budget tal-Unjoni jew lil budgets ġestiti minnha jew minkejja dan it-terminu jibda jiddekorri indipendentement minn din id-data, meta l-att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

20

Preliminarjament, minn naħa, għandu jitfakkar li Ir-regola tal-preskrizzjoni wara erba’ snin prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 hija, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ preskrizzjoni speċifika, applikabbli għall-irregolaritajiet li jikkawżaw dannu lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza Pfeifer & Langen, C‑564/10, EU:C:2012:190, punti 39 kif ukoll 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli f’dan il-każ, anki jekk il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmorru lura għall-1992 u l-1993. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst minn din id-dispożizzjoni japplika għall-irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens is-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 34).

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, il-kuntest kif ukoll l-għan tagħha (is-sentenza Angerer, C‑477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Konformement għall-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta titwettaq l-irregolarità. L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Unjoni jew il-budgets iġġestiti minnha.

24

It-twettiq ta’ irregolarità, li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, jippresupponi, għaldaqstant, li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll dannu, jew dannu potenzjali, ikkawżat lill-budget tal-Unjoni.

25

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat wara li seħħ tad-dannu, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mit-twettiq tal-irregolarità, jiġifieri mill-mument meta kemm l-att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dannu kkawżat lill-budget tal-Unjoni jew lill-budgets iġġestiti minnha jkun seħħ.

26

Din il-konklużjoni hija konformi mal-għan tar-Regolament Nru 2988/95 li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, huwa intiż għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dies a quo jibdew fid-data tal-avveniment, liema waħda sseħħ l-aħħar, jiġifieri jew fid-data tat-twettiq tad-dannu, meta dan id-dannu jseħħ wara l-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni, jew fid-data ta’ dan l-att jew ta’ din l-ommissjoni, meta l-vantaġġ inkwistjoni jkun ġie mogħti qabel l-imsemmi att jew l-imsemmija ommissjoni. Dan jiffaċilita l-osservanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

27

Barra dan, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Gvern Grieg, li d-dies a quo jibdew fil-jum tal-iskoperta, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-irregolarità. Fil-fatt, dan l-argument imur kontra l-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-data li fiha l-awtoritajiet ikunu ħadu konjizzjoni ta’ irregolarità ma għandux effett fuq il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni (is-sentenza Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 67).

28

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-amministrazzjoni għandha obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet imwettqa minnha stess u li huma piż fuq il-budget tal-Unjoni (is-sentenza Ze Fu Fleischhandel GmbH u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 44). L-ammissjoni li d-dies a quo jikkorrispondu għall-jum tal-iskoperta tal-irregolarità inkwistjoni tmur kontra dan l-obbligu ta’ diliġenza.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat biss wara t-twettiq ta’ dannu, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument meta kemm l-att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dannu kkawżat lill-budget tal-Unjoni jew lill-budgets iġġestiti minnha jseħħu.

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-mument li fih jitwettaq “dannu” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, għandha titfakkar il-kronoloġija tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-ewwel lok, matul is-snin 1992 u 1993, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ingħatat permezz ta’ ħlas minn qabel, ammont ekwivalenti għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, konformement għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 565/80. Fit-tieni lok, fl-10 ta’ Awwissu 1993, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet dikjarazzjoni doganali maħruġa mill-awtoritajiet Ġordaniżi, intiża li tipprova t-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni fil-Ġordan, konformement mal-Artikoli 17(3) u 18 tar-Regolament Nru 3665/87. Fit-tielet lok, fit-30 ta’ April 1996 u fl-4 ta’ Marzu 1998, il-garanziji kkostitwiti fil-mument tal-għoti tal-ħlas bil-quddiem, ġew irrilaxxati konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 565/80.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li seħħ “dannu”, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, fid-data li fiha ittieħdet id-deċiżjoni tal-għoti definittiv tal-vantaġġ ikkonċernat, f’dan il-każ il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Fil-fatt, huwa minn dan il-mument li jeżisti effettivament dannu kkawżat lill-budget tal-Unjoni. Dan id-dannu ma għandu jiġi kkunsidrat bħala li jeżisti qabel id-data tal-għoti definittiv ta’ dan il-vantaġġ, suġġett għall-ammissjoni li t-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex jiġi rkuprat dan l-istess vantaġġ jista’ jibda jiddekorri fil-mument li huwa għadu ma ġiex mogħti.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dannu jseħħ meta tittieħed d-deċiżjoni tal-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni lill-esportatur ikkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat biss wara t-twettiq ta’ dannu, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument meta kemm l-att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dannu kkawżat lill-budget tal-Unjoni jew lill-budgets iġġestiti minnha jseħħu.

 

2)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iseħħ dannu meta tittieħed d-deċiżjoni tal-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni lill-esportatur ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top