Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0049

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Frar 2016.
    Finanmadrid EFC SA vs Jesús Vicente Albán Zambrano et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n ° 5 de Cartagena.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Kompetenza tal-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni sabiex tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola inġusta – Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata – Prinċipju ta’ effettività – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja.
    Kawża C-49/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:98

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    18 ta’ Frar 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Proċedura għal ordni ta’ ħlas — Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata — Kompetenza tal-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni sabiex tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola inġusta — Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata — Prinċipju ta’ effettività — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Protezzjoni ġudizzjarja”

    Fil-Kawża C‑49/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cartagena, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

    Finanmadrid EFC SA

    vs

    Jesús Vicente Albán Zambrano,

    María Josefa García Zapata,

    Jorge Luis Albán Zambrano,

    Miriam Elisabeth Caicedo Merino,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper, D. Kuon u J. Mentgen, bħala aġenti,

    għall-Ungerija, minn Z. Fehér Miklós u G. Szima, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda b’mod partikolari l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Finanmadrid EFC SA (iktar ’il quddiem “Finanmadrid”) u, min-naħa l-oħra, J. V. Albán Zambrano u J. L. Albán Zambrano kif ukoll M. J. García Zapata u M. E. Caicedo Merino, rigward somom dovuti skont kuntratt ta’ self għall-konsum.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13/KE huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbliġi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

    Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    4

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri.”

    5

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 huwa redatt kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

    [...]”

    Id-dritt Spanjol

    6

    Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas hija rregolata mill-Liġi dwar il‑Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE n 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), kif emendata bil-Liġi 1/2013, li tistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal-14 ta’ Mejju 2013 (BOE no116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373, iktar ’il quddiem, il-“LEC”).

    7

    L-Artikolu 551(1) tal-LEC jipprevedi:

    “Ladarba ssir it-talba ta’ eżekuzzjoni, u sakemm ir-regoli u r-rekwiżiti proċedurali jiġu ssodisfatti, it-titolu eżekuttiv ma jkun ivvizzjat bl-ebda irregolarità formali u l-atti ta’ eżekuzzjoni mitluba jkunu konformi man-natura u mal-kontenut tat-titolu, il-qorti għandha toħroġ digriet li jinkludi l-ordni ġenerali ta’ eżekuzzjoni u timplementah.”

    8

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 552(1) tal-LEC huwa fformulat kif ġej:

    “Meta l-qorti tqis li waħda mill-klawżoli li jinsabu f’wieħed mit-titoli eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 557(1) tista’ titqies bħala inġusta, għandha tinforma lill-partijiet fi żmien ħmistax-il ġurnata. Ladarba dawn jinstemgħu, hija għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ ħamest’ijiem ta’ xogħol, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 561(1).”

    9

    L-Artikolu 557(1) tal-LEC jistabbilixxi:

    “Meta tiġi implementata l-eżekuzzjoni abbażi ta’ [titoli eżekuttivi la ġudizzjarji u lanqas ta’ arbitraġġ], il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tista’ topponi ruħha, fit-termini u fil-forom previsti fl-artikolu preċedenti, biss jekk tinvoka wieħed mill-motivi li ġejjin:

    [...]

    it-titolu jinkludi klawżoli inġusti.”

    10

    L-Artikolu 812(1) tal-LEC jipprevedi:

    “Kull min jitlob lil persuna oħra l-ħlas ta’ dejn pekunjarju dovut, eżiġibbli, ikun xi jkun l-ammont, jista’ jirrikorri għall-proċedura ta’ ordni, sakemm l-ammont ta’ dan id-dejn ikun stabbilit skont dawn il‑modi:

    permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti, taħt kwalunkwe forma, tip jew mezz fiżiku, iffirmati mid-debitur;

    [...]”

    11

    L-Artikolu 815 tal-LEC huwa redatt kif ġej:

    “1.   Jekk id-dokumenti annessi mat-talba […] jikkostitwixxu bidu ta’ prova tad-dritt tal-applikant, ikkonfermat mill-kontenut tat-talba, is-‘Secretario judicial’ għandu jordna lid-debitur iħallas f’terminu ta’ 20 ġurnata u jipprovdi l-provi ta’ dan il-ħlas lill-qorti, jew jidher quddiemha u jindika b’mod qasir, fl-att tal-oppożizzjoni, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li ma għandux iħallas, parti jew it-total tal-ammont mitlub.

    [...]

    3.   Jekk mid-dokumenti annessi mat-talba jirriżulta li l-ammont mitlub ma huwiex eżatt, is-‘Secretario judicial’ jinforma lill-qorti dwar dan, li tista’, jekk ikun il-każ, tistieden lill-applikant, permezz ta’ digriet, jaċċetta jew jirrifjuta proposta ta’ ordni ta’ ħlas ta’ ammont inqas minn dak inizjalment mitlub, u li jiġi stabbilit minnha.

    Fil-proposta, huwa għandu jinforma lill-applikant li jekk ma jibgħatx ir-risposta f’terminu massimu ta’ għaxart ijiem jew jekk din tkun tinkludi rifjut, huwa jqis li l-applikazzjoni ġiet irtirata.”

    12

    L-Artikolu 816 tal-LEC huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Jekk id-debitur ma jonorax l-ordni ta’ ħlas jew ma jidhirx quddiem il-qorti, is-‘Secretario judicial’ jagħti deċiżjoni mmotivata li tagħlaq il‑proċedura għal ordni ta’ ħlas u jinforma dwar dan lill-kreditur sabiex dan tal-aħħar jitlob l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni, u din issir b’sempliċi talba.

    2.   Ladarba l-eżekuzzjoni tiġi implementa, din issir skont ir-regoli applikabbli għall-[eżekuzzjoni] tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, peress li l-oppożizzjoni prevista f’dawn il-każijiet tkun tista’ ssir, minkejja li la l-applikant tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u lanqas id-debitur li huwa s-suġġett tal-ordni għal ħlas ma jistgħu jitolbu sussegwentement, fil-proċedura ordinarja, l-ammont mitlub fl-ordni ta’ ħlas u lanqas il-ħlas lura tal-ammont miksub permezz ta’ eżekuzzjoni.

    [...]”

    13

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 818(1) tal-LEC:

    “Jekk id-debitur iressaq oppożizzjoni fi żmien utli, il-kawża għandha tiġi deċiża definittivament fi tmiem il-proċedura xierqa u d-deċiżjoni mogħtija ssir res judicata.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    Fid-29 ta’ Ġunju 2006, J. V. Albán Zambrano kkonkluda kuntratt ta’ self ta’ EUR 30000 ma’ Finanmadrid, sabiex jiffinanzja x-xiri ta’ vettura.

    15

    J. L. Albán Zambrano kif ukoll M. J. García Zapata u M. E. Caicedo Merino ntrabtu bħala garanti solidali ta’ dan is-self quddiem Finanmadrid.

    16

    Kienet ġiet stabbilita kummissjoni ta’ ftuħ ta’ 2.5 % mill-kapital u r-rimbors kien imqassam fuq 84 xahar b’rata ta’ interessi annwali ta’ 7 %. Għal kull dewmien fil-ħlas tal-pagamenti mensili, kienet prevista rata ta’ interessi moratorji ta’ 1.5 % fix-xahar kif ukoll penalità ta’ EUR 30 għal kull pagament mhux imħallas.

    17

    Peress li J. V. Alban Zambrano waqaf iħallas il-pagamenti tas-self tiegħu fil-bidu tas-sena 2011, fit-8 ta’ Lulju 2011 Finanmadrid iddikjarat ir-rexissjoni antiċipata tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    18

    Fit-8 ta’ Novembru 2011, Finanmadrid ressqet quddiem is-‘Secretario judicial’ tal-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cartagena) talba għall-ftuħ ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali.

    19

    B’deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2012, is-‘Secretario judicial’ tal-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cartagena) iddikjara l-imsemmija talba ammissibbli u ordna lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, jew iħallsu, fi żmien 20 jum, is-somma ta’ EUR 13447.01, miżjuda bl-interessi inkorsi mit-8 ta’ Lulju 2011, jew inkella li jopponu ruħhom, permezz ta’ avukat u ta’ “procurador”, għall-eżiġibbiltà tad-dejn u li jidhru quddiem din il-qorti sabiex jesponu r-raġunijiet għalfejn iqisu li ma humiex responsabbli għall-ħlas tal-ammont mitlub, kollu kemm hu jew parti minnu.

    20

    Peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma segwewx, fit-terminu stabbilit, l-ordni ta’ ħlas u lanqas dehru quddiem il-qorti, is-‘Secretario judicial’ għalaq il-proċedura għal ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 816 tal-LEC, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2012.

    21

    Fit-8 ta’ Lulju 2013, Finanmadrid ressqet talba ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cartagena).

    22

    Fit-13 ta’ Settembru 2013, din il-qorti stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar, b’mod partikolari, in-natura possibbilment inġusta ta’ xi wħud mill-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll dwar jekk il-leġiżlazzjoni rigward il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tmurx kontra d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dwar l-aspett imsemmi l-aħħar, l-imsemmija qorti enfasizzat li ma kienet ġiet informata la bit-talba għal ordni ta’ ħlas imressqa minn Finanmadrid, u lanqas bl-eżami ta’ din it-talba mis-‘Secretario judicial’, jew bl-eżitu tiegħu.

    23

    Kienet biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ppreżentat osservazzjonijiet.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt proċedurali Spanjol jipprevedi l-intervent tal-qorti fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas biss meta d-dokumenti annessi mat-talba juru li l-ammont mitlub ma huwiex eżatt, u f’tali każ is-‘Secretario judicial’ għandu jinforma lill-qorti b’dan, jew meta d-debitur jopponi ruħu għall-ordni ta’ ħlas. Hija żżid li, peress li d-deċiżjoni tas-‘Secretario judicial’ hija titolu proċedurali eżekuttiv li għandu l‑awtorità ta’ res judicata, il‑qorti ma tistax teżamina ex officio l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt li wassal għall-proċedura għal ordni ta’ ħlas.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Spanjol rilevanti mad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fis-seħħ li tirregola l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Spanjola – Artikoli 815 u 816 [tal-]LEC – li la tipprevedi b’mod mandatorju l-istħarriġ ta’ klawżoli inġusti u lanqas l-intervent ta’ qorti, sakemm is-‘Secretario judicial’ ma jqisx li dan ikun opportun jew sakemm id-debituri ma jressqux oppożizzjoni, sa fejn din tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju ex officio ta’ kuntratti li x’aktarx jinkludu klawżoli abbużivi iktar diffiċli jekk mhux saħansitra impossibbli?

    2)

    Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ordinament ġuridiku Spanjol li ma tippermettix l-istħarriġ ex officio [in] limine litis, fi proċedura ta’ implementazzjoni ulterjuri, tat-titolu eżekutorju ġudizzjarju – deċiżjoni motivata mogħtija mis-‘Secretario judicial’ li ttemm il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas –, fejn l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt li ta lok għal din id-deċiżjoni motivata li tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, minħabba li d-dritt nazzjonali jikkunsidra li din saret res judicata (dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 551, 552 u 816(2) tal-LEC)?

    3)

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-titoli ġudizzjarji, li qatt ma tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju matul il-fażi dikjaratorja u li lanqas ma tippermetti, fil-fażi eżekutorja, li l-qorti li quddiema titressaq il-kawża tistħarreġ id-deċiżjoni motivata diġà mogħtija mis-‘Secretario judicial’?

    4)

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix l-istħarriġ ex officio tal-osservanza tad-dritt għal smigħ minħabba li d-deċiżjoni saret res judicata?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    26

    Il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domandi minħabba li, fil-fehma tiegħu, ma humiex utli għall-qorti tar-rinviju sabiex taqta’ t-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li din it-tilwima tirrigwarda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ordni ta’ ħlas li saret res judicata, u mhux il-proċedura għal ordni ta’ ħlas innifisha. Għaldaqstant, risposta dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura msemmija l-aħħar mad-Direttiva 93/13 ma tidhirx li hija rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

    30

    Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli proċedurali rilevanti kollha. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li s-sistema proċedurali Spanjola tippermetti lid-debitur, meta dan jopponi ruħu għal proċedura għal ordni ta’ ħlas, jikkontesta n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ikkonċernat, din l-istess sistema teskludi li stħarriġ ta’ din in-natura inġusta jkun jista’ jiġi eżerċitat ex officio kemm fl-istadju tal-proċedura għal ordni, meta din tal-aħħar tingħalaq b’deċiżjoni mmotivata tas-‘Secretario judicial’, kif ukoll fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, meta l-qorti tkun adita b’oppożizzjoni kontra din l-eżekuzzjoni.

    31

    F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu f’sens wiesa’, jiġifieri fis-sens li huma intiżi sabiex tiġi evalwata, essenzjalment, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u tal-kompetenzi li għandu s-‘Secretario judicial’ fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tal-assenza ta’ setgħa ta’ stħarriġ ex officio, mill-qorti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 19), għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ domandi ma għandhiex konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    33

    Għaldaqstant, id-domandi preliminari huma ammissibbli fl-intier tagħhom.

    Fuq il-mertu

    34

    Bl-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, meta l-awtorità li għandha quddiemha t-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti biex tipproċedi b’tali evalwazzjoni.

    35

    Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat ruħha, fis-sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), dwar in-natura tar-responsabbiltajiet imposti fuq il-qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas, meta l-konsumatur ma jkunx ressaq oppożizzjoni kontra l-ordni maħruġa kontrih.

    36

    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fost l-oħrajn, li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-qorti li jkollha quddiemha talba għal ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas f’ebda mument ieħor tal-proċedura, anki meta jkollha diġà l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji f’dan ir-rigward, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar (sentenza Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 1 tad-dispożittiv).

    37

    Għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali li fil-kuntest tagħha tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), kienet tagħti lill-qorti, u mhux lis-‘Secretario judicial’, il-kompetenza għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar ordni ta’ ħlas.

    38

    Sa mir-riforma introdotta permezz tal-Liġi 13/2009 (BOE no266, tal-4 ta’ Novembru 2009, p. 92103), li daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Mejju 2010, issa huwa s-‘Secretario judicial’, fil-każ li d-debitur ma jsegwix l-ordni ta’ ħlas jew fil-każ li ma jidhirx quddiem il-qorti, li għandu jagħti deċiżjoni mmotivata li tagħlaq il-proċedura għal ordni u li għandha l-awtorità tar-res judicata.

    39

    Din il-modifika leġiżlattiva, magħmula bl-għan li tħaffef l-iżvolġiment tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, ma hijiex, inkwantu tali, is-suġġett tad-dubji espressi mill-Juzgado de Primera Instancia n 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cartagena) fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni forzata, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-imsemmija modalitajiet għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 31u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

    42

    Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 551, 552 u 816 tal-LEC li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali Spanjola, il-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas la tista’ tevalwa ex officio n-natura inġusta, fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, u lanqas tivverifika ex officio jekk tali klawżola tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, kwistjoni li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 52).

    43

    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li kull sitwazzjoni fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenzi Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 34, kif ukoll Pohotovosť,C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura Spanjola għal ordni ta’ ħlas huma tali li, fl-assenza taċ-ċirkustanzi li jirrikjedu l-intervent tal-qorti, imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, din il-proċedura tingħalaq mingħajr il-possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur. Jekk, konsegwentement, il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti sabiex tevalwa ex officio l-eżistenza ta’ tali klawżoli, il-konsumatur jista’ jsib ruħu quddiem titolu eżekuttiv mingħajr ma jkun jibbenefika, fl-ebda mument tal-proċedura, mill-garanzija li ssir tali evalwazzjoni.

    46

    Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema proċedurali hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, tali protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għal eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt inkwistjoni.

    47

    Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata meta d-dritt proċedurali nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti lid-deċiżjoni mogħtija mis-‘Secretario judicial’ l-awtorità tar-res judicata u jagħti lil din effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

    48

    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, dawn il-modalitajiet għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda element fil-kawża prinċipali ma jippermetti li jiġi konkluż li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità tar-res judicata previsti fid-dritt proċedurali Spanjol huma inqas favorevoli f’kawżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 minn f’kawżi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    50

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li l-osservanza tiegħu mill-Istati Membri għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kriterji msemmija fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tal-Artikoli 815 u 816 tal-LEC, l-istħarriġ mis-‘Secretario judicial’ ta’ talba għal ordni ta’ ħlas huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tal-formalitajiet li għalihom hija suġġetta tali talba, b’mod partikolari dik tal-eżattezza, fir-rigward tad-dokumenti annessi mal-imsemmija talba, tal-ammont tad-dejn mitlub. B’dan il-mod, skont id-dritt proċedurali Spanjol, ma huwiex fil-kompetenza tas-‘Secretario judicial’ li jevalwa n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt li huwa l-bażi tad-dejn.

    51

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tas-‘Secretario judicial’ li permezz tagħha tingħalaq il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tikseb l-awtorità tar-res judicata, u dan jirrendi impossibbli l-istħarriġ tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni, bis-sempliċi fatt li l-konsumaturi ma ressqux oppożizzjoni għall-ordni fit-terminu previst għal dan il-għan u li s-‘Secretario judicial’ ma ressaqx il-kawża quddiem il-qorti.

    52

    F’dan ir-rigward, madankollu, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li jeżisti riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jressqux l-oppożizzjoni mitluba jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew għaliex jistgħu jiġu skoraġġuti milli jiddefendu ruħhom fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni legali tinvolvi meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex ma jafux jew ma jifhmux il-portata tad-drittijiet tagħhom, jew inkella minħabba l-kontenut limitat tat-talba għal ordni mressqa mill-persuni professjonisti u għalhekk tan-natura inkompleta tal-informazzjoni li jkollhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54).

    53

    It-tieni nett, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li s-‘Secretario judicial’ huwa obbligat li jressaq il-kawża quddiem il-qorti biss meta d-dokumenti annessi mat-talba juru li l-ammont mitlub ma huwiex eżatt.

    54

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità tar-res judicata ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli, fil-kawżi mibdija mill-persuni professjonisti u fejn il-konsumaturi huma konvenuti, l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża tagħti lil dawn tal-aħħar.

    55

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, meta l-awtorità li għandha quddiemha t-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti biex tipproċedi b’tali evalwazzjoni.

    Fuq it-tielet u r-raba ’ domandi

    56

    Bit-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Karta u, b’mod iktar preċiż, id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 47 tal-Karta, u li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix għaldaqstant indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi u kompleti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għal dawn id-domandi.

    58

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, meta l-awtorità li għandha quddiemha t-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti biex tipproċedi b’tali evalwazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top