EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0030

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Jannar 2015.
Ryanair Ltd vs PR Aviation BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali tad-databases — Database li ma hijiex protetta la mid-dritt tal-awtur u lanqas mid-dritt sui generis — Limitazzjoni kuntrattwali tad-drittijiet tal-utenti tad-database.
Kawża C-30/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali tad-databases — Database li ma hijiex protetta la mid-dritt tal-awtur u lanqas mid-dritt sui generis — Limitazzjoni kuntrattwali tad-drittijiet tal-utenti tad-database”

Fil-Kawża C‑30/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Ryanair Ltd

vs

PR Aviation BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J.-L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ryanair Ltd, irrappreżentata inizjalment minn M. van Heezik, A. van Aerde u R. Le Poole, sussegwentement minn A. van Aerde u R. Le Poole, avukati,

għal PR Aviation BV, minn A. Groen, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “Ryanair”) u PR Aviation BV (iktar ’il quddiem “PR Aviation”) dwar l-użu minn din tal-aħħar, għal finijiet kummerċjali, tad-data li toriġina mis-sit tal-internet ta’ Ryanair.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 96/9 tinkludi erba’ kapitoli.

4

Taħt il-Kapitolu I tad-Direttiva 96/9, intitolat “Qasam ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, intitolat bl-istess mod, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva hija dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.”

5

Taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ l-awtur”, hemm inkluż l-Artikolu 3, intitolat “Mira tal-protezzjoni”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“B’konformità ma’ din id-Direttiva, databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid-dritt ta’ l-awtur. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l-eliġibilità tagħhom għal dik il-protezzjoni.”

6

Taħt dan il-Kapitolu II, l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Atti soġġetti għal restrizzjoni” jipprovdi:

“L-awtur ta’ database, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-forma espressiva tad-database li tista’ tkun protetta bid-dritt ta’ l-awtur, għandu jkollu d-dritt esklussiv li jagħmel jew li jawtorizza:

a)

riproduzzjoni kollha jew parti minnha, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma;

b)

traduzzjoni, adattament, arranġament u tibdiliet oħra;

(ċ)

kull xorta ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tad-database jew ta’ kopji tagħha. [...]

d)

kull komunikazzjoni, wirja jew eżekuzzjoni għall-pubbliku;

e)

kull riproduzzjoni, distribuzzjoni, komunikazzjoni, wirja jew eżekuzzjoni għall-pubbliku tar-riżultati ta’ l-atti msemmija f’(b).”

7

Taħt l-istess Kapitolu II, l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għal atti soġġetti għal restrizzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Min juża b’mod leġittimu database jew kopja tagħha jista’ jesegwixxi l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 5 li huwa jkun jeħtieġ għall-finijiet ta’ aċċess għall-kontenut tad-databases u l-użu normali tal-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur tad-database. Fejn min juża b’mod leġittimu jkun awtorizzat li juża parti biss tad-database, din id-dispożizzjoni tapplika biss għal dik il-parti.”

8

Taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9, intitolat “Dritt sui generis”, hemm inkluż l-Artikolu 7, intitolat “Għan tal-protezzjoni”, li jipprovdi fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database.

[...]

5.   L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

9

Taħt dan l-istess Kapitolu III hemm inkluż l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ min jagħmel użu leġittimu”, li jipprovdi:

“1.   Min jagħmel database li tkun disponibbli għall-pubbliku b’kull mod jista’ ma jitħalliex li jżomm lil min ikun qed jagħmel użu leġittimu tad-database milli jagħmel estrazzjoni jew użu mill-ġdid ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tagħha, valutati b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, ikun x’ikun il-fini. Meta min jagħmel użu leġittimu jkun awtorizzat li jagħmel estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid ta’ parti biss tad-database, dan il-paragrafu għandu japplika biss għal dik il-parti.

2.   Min jagħmel użu leġittimu ta’ database li tkun disponibbli għall-pubbliku b’kull mod ma jistax jagħmel atti kuntrarji għall-użu normali tad-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database.

3.   Min jagħmel użu leġittimu ta’ database li tkun disponibbli għall-pubbliku b’kull mod ma jistax jagħmel ħsara lit-titulari tad-dritt ta’ l-awtur jew dritt relatat fir-rigward tax-xogħlijiet jew suġġetti li jkunu jinsabu fid-database.”

10

Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 96/9, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, l-Artikolu 15, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji”, jiddikjara:

“Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikoli 6(1) u 8 hija nulla u bla effett.”

Id-dritt Olandiż

11

Id-Direttiva 96/9 ġiet trasposta fid-dritt Olandiż mil-liġi dwar l-adattament tal-leġiżlazzjoni Olandiża għad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (Wet houdende aanpassing van de Nederlandse wetgeving aan richtlijn 96/9/EG van het Europees Parlement en de Raad van 11 maart 1996 betreffende de rechtsbescherming van databanken), tat-8 ta’ Lulju 1999 (Stb. 1999, p. 303; iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-databases”).

12

Il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Auteurswet, iktar ’il quddiem l-“Aw”) tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Id-dritt tal-awtur huwa dritt esklużiv tal-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew tas-suċċessur legali tiegħu, li jippubblika jew jirriproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.”

13

L-Artikolu 10 tal-Aw jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jfisser:

1. il-kotba, fuljetti, ġurnali, perjodiċi u kull materjal miktub ieħor;

[...]

3.   Il-ġabriet ta’ xogħlijiet, ta’ data jew ta’ elementi oħra indipendenti, ippreżentati b’mod sistematiku jew metodiku u individwalment aċċessibbli b’mezzi elettroniċi jew b’xi mod ieħor, huma, bla ħsara għal drittijiet oħra fuq il-ġabriet u bla ħsara għad-dritt tal-awtur u għal drittijiet oħra fuq ix-xogħlijiet, id-data jew elementi oħra inklużi fil-ġabra, protetti bħala xogħlijiet indipendenti.

[...]”

14

Skont l-Artikolu 24a tal-Aw:

“1.   Ma hijiex ikkunsidrata bħala ksur tad-dritt tal-awtur għal ġabra fis-sens tal-Artikolu 10(3) ir-riproduzzjoni mwettqa mill-utent leġittimu tal-ġabra li tkun neċessarja sabiex jinkiseb l-aċċess għall-ġabra tad-data u sabiex isir użu normali minnu.

[...]

3.   Ma tistax issir deroga bi ftehim mill-paragrafi 1 u 2 għad-detriment tal-utent leġittimu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

PR Aviation topera sit tal-internet li fuqu l-konsumaturi jistgħu jagħmlu tfittxijiet fid-data tat-titjiriet tal-kumpanniji tal-ajru bi prezz baxx, iqabblu l-prezzijiet u, permezz tal-ħlas ta’ kummissjoni, jirriżervaw titjira. Din takkwista d-data neċessarja sabiex tirrispondi għal tfittxija individwali, b’mod awtomatiku, b’mod partikolari minn ġabra ta’ data annessa mas-sit tal-internet ta’ Ryanair, li hija aċċessibbli wkoll għall-konsumaturi.

16

L-aċċess għall-imsemmi sit tal-internet jippreżumi li min jaċċessa dan is-sit jaċċetta l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Ryanair billi jimmarka kaxxa għal dan il-għan. Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet kienu jinkludu l-klawżoli li ġejjin:

“2.

Distribuzzjoni esklużiva. Dan is-sit tal-internet u ċ-ċentri tas-sejħiet ta’ Ryanair huma distributuri esklużivi tas-servizzi Ryanair. Ryanair.com huwa l-uniku sit tal-internet li huwa awtorizzat ibiegħ titjiriet Ryanair. Ryanair ma tawtorizzax siti oħra sabiex ibiegħu t-titjiriet tagħha, kemm jekk għal riżervazzjonijiet ta’ titjiriet waħidhom kif ukoll għal riżervazzjonijiet safar fil-forma ta’ pakkett. [...]

3.

Użu awtorizzat. Tista’ tuża dan is-sit tal-internet unikament għas-segwenti finijiet privati u mhux kummerċjali: (i) tikkonsulta dan is-sit tal-internet; (ii) tagħmel riżervazzjonijiet; (iii) taċċessa/tbiddel ir-riżervazzjonijiet; (iv) taċċessa informazzjoni dwar il-wasla/tluq; (v) tirreġistra elettronikament; (vi) taċċessa siti tal-internet oħrajn permezz ta’ ħolqiet f’dan is-sit tal-internet; (vii) tuża dispożittivi oħrajn li jistgħu jinstabu f’dan is-sit tal-internet.

L-użu tas-sistemi awtomatiċi jew loġistiċi għall-elevazzjoni tad-data f’dan is-sit tal-internet jew fis-sit tal-internet www.bookryanair.com għal finijiet kummerċjali huwa pprojbit (l-elevazzjoni tad-data mill-iskrin) (‘screen scraping’) huwa pprojbit, sakemm xi terz ma jkunx ikkonkluda direttament ma’ Ryanair ftehim ta’ liċenzja bil-miktub, li fih jingħata aċċess għall-parti kkonċernata, unikament għall-finijiet ta’ tqabbil tal-prezzijiet, għal informazzjoni ta’ Ryanair dwar il-prezzijiet, it-titjiriet u l-ħinijiet.”

17

Filwaqt li invokat id-Direttiva 96/9, il-liġi dwar id-databases kif ukoll l-Aw, Ryanair sostniet li PR Aviation kisret id-drittijiet tagħha relattivi għall-ġabra tagħha ta’ data u li hija kienet aġixxiet b’mod li jmur kontra l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tas-sit tal-internet tagħha, minkejja li kienu ġew aċċettati minn din l-aħħar kumpannija. Hija talbet li PR Aviation tiġi kkundannata li tiddeżisti minn kull ksur tad-drittijiet tagħha, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, kif ukoll li tħallasha kumpens.

18

Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Lulju 2010, ir-Rechtbank Utrecht (qorti ta’ Utrecht) ċaħdet it-talba ta’ Ryanair sa fejn din tal-aħħar kienet ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 96/9 u tal-liġi dwar id-databases. Għall-kuntrarju, dik il-qorti laqgħet din it-talba sa fejn kienet ibbażata fuq l-Aw u ordnat lil PR Aviation tiddeżisti minn kull ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Ryanair fuq id-data tagħha tat-tijiriet u kkundannatha tikkumpensa lil din tal-aħħar għad-dannu subit.

19

PR Aviation appellat minn din is-sentenza. Ryanair ippreżentat appell inċidentali maħsub sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tar-Rechtbank Utrecht li hija ma setgħetx tibbenefika mill-protezzjoni prevista mid-Direttiva 96/9 u l-liġi dwar id-databases.

20

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) annullat ir-regolament tar-Rechtbank Utrecht u ċaħdet l-appell inċidentali ta’ Ryanair.

21

Essenzjalment, hija ddeċidiet, fir-rigward tad-dritt tal-awtur, li, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni numerika ppubblikata minn Ryanair kellha taqa’ taħt il-protezzjoni tal-kitbiet (“geschriftenbescherming”), fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 10(1) tal-Aw, PR Aviation ma kinitx kisret id-drittijiet ta’ Ryanair peress li l-aġir tagħha kien jikkorrispondi għal użu normali, fis-sens tal-Artikolu 24a(1) tal-Aw, u, għaldaqstant, leġittimu tas-sit tal-internet ta’ Ryanair. Hija żżid li l-projbizzjoni, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Ryanair, tal-użu tas-sit tal-internet tagħha għal finijiet kummerċjali ma kinitx ta’ natura li xxejjen il-konklużjoni preċedenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24a(3) tal-Aw, li jikkorrispondi mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/9.

22

Fir-rigward tad-dritt sui generis, il-Gerechtshof te Amsterdam ikkunsidrat li Ryanair ma kinitx stabbiliet l-eżistenza ta’ “investiment sostanzjali” fil-ħolqien tal-ġabra tagħha tad-data, fis-sens tad-direttiva 96/9 u tal-liġi dwar id-databases.

23

Ryanair appellat mis-sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Superjuri tal-Pajjiżi l-Baxxi). Insostenn tal-appell tagħha, hija tinvoka aggravju wieħed li jinkludi żewġ partijiet.

24

Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tikkritika l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell li hija ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni tal-kitbiet, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 10(1) tal-Aw.

25

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, madankollu, li l-ebda kriterju ieħor ħlief dak tal-oriġinalità ma jista’ jintuża għall-finijiet tal-protezzjoni mid-dritt tal-awtur. Filwaqt li enfasizzat li mis-sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam jirriżulta li l-ġabra tad-data ta’ Ryanair ma tissodisfax dan il-kriterju, hija kkonkludiet li din il-parti tal-aggravju invokat minn Ryanair ma jistax iwassal għall-kassazzjoni ta’ din is-sentenza.

26

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju, invokata b’mod sussidjarju, Ryanair issostni, essenzjalment, li kien b’mod żbaljat li l-Gerechtshof te Amsterdam ikkunsidrat li l-fatt li PR Aviation kienet marret kontra l-interdizzjoni kuntrattwali imposta fuqha sabiex ma televax data mid-database ta’ Ryanair għal finijiet kummerċjali mingħajr ma tkun ikkonkludiet ftehim ta’ liċenzja bil-miktub ma’ din l-aħħar imsemmija kumpannija ma kienx jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tagħha.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/9 ikoprix databases li la huma protetti, skont il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, mid-dritt tal-awtur u lanqas, skont il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, mid-dritt sui generis, u jekk għaldaqstant, il-limitazzjonijiet għal-libertà kuntrattwali li jirriżultaw mill-Artikoli 6(1), (8) u (15) tal-istess direttiva japplikawx ukoll għal tali databases.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-effett tad-[96/9] jestendi ruħu anki għall-online databases li ma humiex protetti, abbażi tal-Kapitolu II [ta’ din id-]Direttiva, bid-drittijiet tal-awtur, u li lanqas ma huma protetti, abbażi tal-Kapitolu III [tal-imsemmija direttiva], minn dritt sui generis, u dan fis-sens li l-libertà li wieħed jagħmel użu minn tali databases ma tistax, b’applikazzjoni (analoga jew le) tal-Artikoli 6(1) u 8, [moqrija] flimkien mal-Artikolu 15 [tad-Direttiva 96/9], tiġi limitata kuntrattwalment?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, li hija bbażata fuq il-premessa li l-ġabra tad-data ta’ Ryanair inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi database fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, li ma hijiex madankollu protetta la mid-dritt tal-awtur, skont il-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva, u lanqas mid-dritt sui generis skont il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 96/9 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fid-dawl tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 6(1), 8 u 15 ta’ din id-direttiva, il-libertà tal-użu ta’ tali databases ma tistax tiġi limitata b’mod kuntrattwali.

30

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, fiha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20; Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 46, u Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37).

31

Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 114; Kücükdeveci, EU:C:2010:21, punt 48, kif ukoll Dominguez, EU:C:2012:33, punt 24).

32

Ladarba saru dawn il-preċiżjonijiet preliminari, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, taħt il-Kapitolu I tad-Direttiva 96/9, l-Artikolu 1(2), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “databases”.

33

Għalkemm, kif tirrileva PR Aviation, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-kunċett ta’ “databases” portata wiesgħa, ħielsa minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura formali, teknika jew materjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punti 20 sa 32), xorta jibqa’ l-fatt li d-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 imsemmija dispożizzjoni hija intiża, skont il-kliem stess ta’ din tal-aħħar, “[g]ħall-finijiet ta’ din id-Direttiva”.

34

Issa, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/9, din tal-aħħar għandha bħala l-għan tagħha il-“protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta”. Din id-direttiva tistabbilixxi, f’dan ir-rigward, żewġ forom ta’ protezzjoni legali ta’ tali databases. L-ewwel forma, irregolata mill-Artikoli 3 sa 6 tal-imsemmija direttiva li tinsab fil-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar, tikkonsisti fil-protezzjoni bid-dritt tal-awtur u hija applikabbli, skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, għad-databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom. It-tieni forma, irregolata mill-Artikoli 7 sa 11 tad-Direttiva 96/9 li tinsab fil-Kapitolu III ta’ din tal-aħħar, tikkonsisti fil-protezzjoni permezz ta’ dritt sui generis u hija applikabbli, skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva għal databases, li l-kisba, l-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom jixhdu investiment sostanzjali mill-perspettiva kwalitattiva jew kwantitattiva. Dawn iż-żewġ forom ta’ protezzjoni legali huwa suġġetti għad-dispożizzjonijiet komuni, fl-Artikoli 12 sa 16 tal-imsemmija direttiva li jinsabu taħt il-Kapitolu IV ta’ din tal-aħħar.

35

Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li database tissodisfa l-elementi tad-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, ma tippermettix, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni PR Aviation, li jiġi kkunsidrat li din taqa’ taħt l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li tirregola d-dritt tal-awtur u/jew id-dritt sui generis, jekk din la tkun tissodisfa l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mid-dritt tal-awtur stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva u lanqas il-kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-protezzjoni mid-dritt sui generis prevista fl-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva.

36

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/9 msemmija speċifikament mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jeħtieġ li jiżdied li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jawtorizza taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-utent leġittimu ta’ database li jwettaq, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur ta’ din id-database, l-atti previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jaqa’, bħal dan l-aħħar imsemmi artikolu, taħt il-kapitolu ta’ din tal-aħħar iddedikat għad-dritt tal-awtur u ma huwiex, għaldaqstant, applikabbli għad-databases mhux protetti minn dan id-dritt.

37

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/9, li jiddikjara, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-utent leġittimu ta’ database, jinsab fil-kapitolu ta’ din id-direttiva ddedikat għad-dritt sui generis u ma huwiex, għaldaqstant, applikabbli għad-databases mhux protetti minn dan id-dritt.

38

Fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/9, li jistabbilixxi n-natura imperattiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva billi tiddikjara nulla u bla effett kull dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra dawn tal-aħħar, dan ikopri biss espliċitament l-Artikolu 6(1) u 8 tal-imsemmija direttiva.

39

Għalhekk jirriżulta mill-għan u l-istruttura tad-Direttiva96/9 li l-Artikoli 6(1), 8 u 15 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxu drittijiet li huma ta’ natura imperattiva favur utenti leġittimi ta’ database, ma humiex applikabbli għal database li la hija protetta mid-dritt tal-awtur u lanqas mid-dritt sui generis skont l-imsemmija direttiva, b’tali mod li din tal-aħħar ma tostakolax l-adozzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom il-kundizzjonijiet tal-użu ta’ tali databases.

40

Din l-analiżi hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 96/9. Kif enfasizzaw Ryanair u l-Kummissjoni Ewropea, din id-direttiva hija bbażata fuq bilanċ bejn, minn naħa, id-drittijiet tal-persuna li toħloq database u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-utenti leġittimi ta’ tali database, jiġifieri terzi awtorizzati minn din il-persuna sabiex jużaw l-imsemmija bażi. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tal-Artikoli 6(1), 8 u 15 tad-Direttiva 96/9, li jikkonferixxu drittijiet lil dawn l-utenti leġittimi u, fl-istess ħin, jillimitaw dawk tal-persuna li tkun ħolqot id-database, tista’ tiġi imposta biss fil-preżenza ta’ database li fuqha l-persuna li toħloqha jkollha drittijiet skont, jew id-dritt tal-awtur sanċit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jew id-dritt sui generis sanċit fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Għall-kuntrarju, din hija irrilevanti fir-rigward ta’ database li fuqha l-persuna li toħloqha ma jkollha, skont id-Direttiva 96/9 l-ebda mid-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq.

41

B’mod kuntrarju għal dan li tallega PR Aviation, din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/9 ma hijiex ta’ natura li tnaqqas l-interess li tiġi invokata l-protezzjoni legali stabbilita bl-imsemmija direttiva sa fejn il-persuna li tkun ħolqot database protetta minn din l-istess direttiva ma tgawdix, b’differenza mill-persuna li tkun ħolqot database mhux protetta minn din tal-aħħar, mil-libertà kuntrattwali li tillimita d-drittijiet tal-utenti tad-database tagħha.

42

Fil-fatt, tali argument jinjora l-interess legali u ekonomiku li jirrappreżenta, għall-persuna li tkun investiet fil-ħolqien ta’ database, is-sistema ta’ protezzjoni awtomatika, armonizzata fl-Istati Membri, li hija marbuta mad-dritt esklużiv, abbażi tad-dritt tal-awtur, li tirriżerva l-atti differenti msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/9, kif ukoll mad-dritt li tipprekludi, abbażi tad-dritt sui generis, l-atti previsti fl-Artikoli 7(1) u (5), u 8(2) ta’ din id-direttiva. Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni ma tippreżumi t-twettiq tal-ebda formalità amministrattiva u ma tirrikjedi l-ebda ftehim kuntrattwali preliminari.

43

Madankollu, jekk il-persuna li tkun ħolqot id-database protetta mid-Direttiva 96/9 tiddeċiedi li tawtorizza l-użu tad-database tagħha jew ta’ kopja ta’ din tal-aħħar, huwa possibbli, kif tikkonferma l-premessa 34 ta’ din id-direttiva, li tillimita dan l-użu permezz ta’ ftehim konkluż mal-utent leġittimu, li jippreċiża, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, il-“finijiet u [...]il-mod” kif għandha tintuża l-imsemmija database jew il-kopja tagħha.

44

Fir-rigward, għall-kuntrarju, ta’ database li ma hijiex applikabbli għaliha d-Direttiva 96/9, il-persuna li tkun ħolqitha ma tibbenfikax mis-sistema ta’ protezzjoni legali stabbilita minn din id-direttiva, sal-punt li tista’ titlob il-protezzjoni tad-database tagħha biss abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda li d-Direttiva 96/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma hijiex applikabbli għal database li la hija protetta mid-dritt tal-awtur u lanqas mid-dritt sui generis skont din id-direttiva, sal-punt li l-Artikoli 6(1), 8 u 15 tal-imsemmija direttiva ma jostakolawx lil din il-persuna li tkun ħolqot tali database milli tistabbilixxi limitazzjonijiet kuntrattwali fuq l-użu ta’ din tal-aħħar minn terzi, bla ħsara għad-dritt nazzjonali applikabbli.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma hijiex applikabbli għal database li la hija protetta mid-dritt tal-awtur u lanqas mid-dritt sui generis skont din id-direttiva, sal-punt li l-Artikoli 6(1), 8 u 15 tal-imsemmija direttiva ma jostakolawx lil din il-persuna li tkun ħolqot tali database milli tistabbilixxi limitazzjonijiet kuntrattwali fuq l-użu ta’ din tal-aħħar minn terzi, bla ħsara għad-dritt nazzjonali applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top