Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62014CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Marzu 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46b – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 54 – Pensjonijiet tax-xjuħija – Regoli antikumulu – Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema nazzjonali u minn pensjoni tas-servizz pubbliku taħt l-iskema ta’ Stat Membru ieħor – Tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija.
Kawża C-12/14.

Samling af Afgørelser – Retten

ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2016:135

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Marzu 2016 ( *1 ) ( i )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46b – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 54 – Pensjonijiet tax-xjuħija – Regoli antikumulu – Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema nazzjonali u minn pensjoni tas-servizz pubbliku taħt l-iskema ta’ Stat Membru ieħor – Tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija”

Fil-Kawża C‑12/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar u P. Grech, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u G. Hesse, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Beeko, S. Behzadi-Spencer u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn T. de la Mare, QC,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi tnaqqas mill-pensjonijiet tax-xjuħija Maltin l-ammont tal-pensjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ Stati Membri oħra, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 46b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU L 149, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1408/71

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (j) tiegħu:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(j)

leġislazzjoni tfisser fejn jidħlu l-Istatuti ta’ kull Stat Membru, ir-Regolamenti u dispożizzjonijiet oħra u l-miżuri l-oħra kollha implimentati, preżenti u futuri, marbutin mal-friegħi ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti bl-Artikolu 4(1) [...].

[...]”

3

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Materji koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

[...]

(ċ) il-benefiċċji tax-xjuħija;

[...]”

4

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“[L]-Istati Membri jispeċifikaw il-leġislazzjoni u l-iskemi li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4 (1) [...] fid-dikjarazzjonijiet li għandhom ikunu notifikati u ppubblikati skond l-Artikolu 97.”

5

Skont l-Artikolu 46b tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli fil-każ ta’ rkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri”:

“1.   Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija stipulati bil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ma jkunux applikabbli għall-benefiċċju kkalkulat skond l-Artikolu 46(2).

2.   Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u [jew i]t-tnaqqis stipulati mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jkunu japplikaw għall-benefiċċju kkalkulat skond l-Artikolu 46(1)(a)(i) biss jekk il-benefiċċju kkonċernat huwa:

a)

jew benefiċċju, li hemm riferenza għalih fl-Anness IV, il-Parti D, li l-ammont tiegħu ma jiddependix fuq it-tul tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa,

jew

b)

benefiċċju, li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat abażi ta’ perjodu akkreditat meħud li twettaq bejn id-data li fiha r-riskju mmaterjalizza u data iktar tard. Fil-każ ta’ l-aħħar, l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw fil-każ ta’ rkib (overlapping) [kumulu] ta’ tali benefiċċju:

(i)

jew b’benefiċċju ta’ l-istess tip, għajr fejn ftehim kien milħuq bejn tnejn jew iktar Stati Memmbri li jipprovdi li [għandu jiġi evitat li] wieħed u l-istess perjodu akkreditat [jittieħed] inkonsiderazzjoni [...] darbtejn [jew iktar];

(ii)

jew b’benefiċċju tat-tip li saret riferenza għalih f’(a).

Il-benefiċċji li għaihom saret riferenza f’(a) u (b) u l-ftehim imsemmi [jissemmew] fl-Anness IV, il-Parti D.”

6

L-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Notifikazzjoni insegwitu għal ċerti dispożizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   In-notifikazzjonijiet li għalihom hemm riferenza fl-[Artikolu] 5 [...] jkunu indirizzati lill-President tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea]. Dawn jindikaw id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet u l-iskemi inkwistjoni [...].

2.   In-notifikazzjonijiet riċevuti skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

Ir-Regolament Nru 883/2004

7

Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004, li, skont l-Artikolu 91 ta’ dan tal-aħħar u l-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010, data li minnha tħassar ir-Regolament Nru 1408/71.

8

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi l-kelma “leġislazzjoni” b’dan il-mod:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(l)

‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1);

[...]”

9

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[...]

(d) benefiċċji marbuta ma’ l-età [benefiċċji tax-xjuħija];

[...]”

10

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni [...] bil-miktub [...] il-leġiżlazzjoni u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3 [...]. Tali notifiki għandhom jindikaw id-data li minnha ser japplika dan ir-Regolament għall-iskemi speċifikati mill-Istati Membri fihom.

2.   Dawn in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni [...] kull sena u għandhom jingħataw il-pubbliċità meħtieġa.”

11

Skont l-Artikolu 54 tal-istess regolament, intitolat “Overlapping [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip”:

“1.   Fejn ikun hemm overlapping [kumulu] bejn benefiċċji ta’ l-istess tip li għandhom jingħataw taħt il-leġislazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, ir-regoli dwar il-prevenzjoni ta’ overlapping [regoli antikumulu] stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ Stat membru ma għandhomx ikunu applikati għal benefiċċju pro rata.

2.   Ir-regoli dwar il-prevenzjoni ta’ overlapping għandhom japplikaw biss għal benefiċċju indipendenti jekk il-benefiċċju konċernat ikun:

(a)

benefiċċju li l-ammont tiegħu ma jiddependix fuq it-tul tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza,

jew

(b)

benefiċċju li l-ammont tiegħu jkun determinat fuq il-bażi ta’ perjodu ikkreditat meqjus bħala magħmul bejn id-data li fiha immaterjalizza ruħu r-riskju u data wara dan l-avveniment, b’overlap [b’kumulu] ma’:

(i)

benefiċċju ta’ l-istess tip, minbarra fejn isir ftehim bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex ikun evitat li l-istess perjodu ikkreditat ikun ikkunsidrat aktar minn darba, jew

(ii)

benefiċċju msemmi fis-subparagrafu (a).

Il-benefiċċji u l-ftehim imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b) huma elenkati fl-Anness IX.”

Id-Direttiva 98/49/KE

12

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 323), huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi d-drittijiet ta’ membri ta’ skemi ta’ pensjoni supplimentari [skemi tal-pensjoni komplementari] li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom fil-Komunità. Din l-protezzjoni tirreferi għal drittijiet ta’ pensjoni kemm taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari volontarji kif ukoll obbligatorji, bl-eċċezzjoni ta’ skemi koperti mir-Regolament [...] Nru 1408/71.”

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Malti

13

L-Artikolu 56 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jipprevedi:

“Meta persuna jkollha dritt għal Pensjoni tas-Servizz li ma tkunx Pensjoni tas-Servizz li ġiet kommutata, f’xi żmien, kollha, kull pensjoni li wieħed jasal għaliha skont id-disposizzjonijiet tal-artikoli 53 sa 55 ta’ din it-Taqsima għandha titnaqqas bl-ammont ta’ dik il-Pensjoni tas-Servizz.”

Id-dritt tar-Renju Unit

14

It-tliet skemi tal-pensjoni fis-seħħ fir-Renju Unit u applikabbli għall-kawża ineżami huma l-iskema tal-pensjoni tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (National Health Service Pension Scheme), l-iskema prinċipali tal-pensjoni tas-servizz pubbliku (Principal Civil Service Pension Scheme) u l-iskema tal-pensjoni tal-Forzi Armati tal-1975 (Armed Forces Pension Scheme 1975), sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna lill-membri tal-persunal tal-Forza tal-Ajru Rjali (Royal Air Force) li daħlu fis-servizz qabel is-6 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“iskemi tal-pensjoni inkwistjoni”). L-iskema prinċipali tal-pensjoni tas-servizz pubbliku u l-iskema tal-pensjoni tas-Servizz nazzjonali tas-saħħa kienu ġew adottati fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar tal-1972 (Superannuation Act 1972). Id-dispożizzjonijiet dwar l-iskema tal-pensjoni applikabbli għall-membri tal-Forza tal-Ajru Rjali li jinsabu fl-iskema tal-pensjoni tal-forzi armati tal-1975 kienu ġew adottati fuq il-bażi tal-kompetenzi mogħtija skont il-Liġi tal-1917 dwar il-Forza tal-Ajru (Kostituzzjoni) [Air Force (Constitution) Act 1917].

Il-proċedura prekontenzjuża

15

Fil-25 ta’ Novembru 2010, wara tliet petizzjonijiet ippreżentati lill-Parlament Ewropew minn ċittadini Maltin li kienu qegħdin jilmentaw dwar il-fatt li l-ammont tal-pensjoni li huma kienu jirċievu taħt l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni kien jitnaqqas mill-pensjoni tax-xjuħija legali Maltija, skont l-Artikolu 56 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ Malta fejn ġibditilha l-attenzjoni għall-possibbiltà li din id-dispożizzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mal-Artikolu 46b tar-Regolament Nru 1408/71 u mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 883/2004.

16

Ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Jannar u tat-28 ta’ Diċembru 2011.

17

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika ta’ Malta opinjoni motivata li fiha kkonfermat il-pożizzjoni tagħha u stednitha tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha. Ir-Repubblika ta’ Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha f’ittra tal-25 ta’ Lulju 2012.

18

Billi ma kinitx issodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Repubblika ta’ Malta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors ineżami.

19

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2014, ġew ammessi l-interventi tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-kuntest ta’ dan ir-rikors insostenn tat-talbiet tar-Repubblika ta’ Malta.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

20

Ir-Repubblika ta’ Malta tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors ineżami billi ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ppreżentat dan ir-rikors kontra r-Renju Unit u mhux kontriha.

21

Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni ma ssemmewx fid-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Renju Unit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, minħabba li r-Renju Unit iqis li dawn il-pensjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn ir-regolamenti. Skont ir-Repubblika ta’ Malta, jekk il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dikjarazzjoni magħmula minn Stat Membru dwar il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament dwar is-sigurtà soċjali, din l-istituzzjoni hija meħtieġa tkompli bl-eżami tal-każ direttament mal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ineżami, l-uniku Stat Membru li jista’ jressaq argumenti u provi huwa r-Renju Unit. Għalhekk, azzjoni kontra r-Repubblika ta’ Malta tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

22

Ir-Renju Unit, li jsostni l-argumenti mressqa mir-Repubblika ta’ Malta, jargumenta li l-Kummissjoni twettaq użu ħażin ta’ poter meta tuża l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE sabiex tikkontesta l-miżuri ta’ Stat Membru ieħor. Skont ir-Renju Unit, l-Istat Membru li jiddaħħal inkwistjoni b’dan il-mod ikun qiegħed jiġi mċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mill-proċedura ta’ ksur u, anki jekk jiġi ammess bħala intervenjent, f’dan il-kuntest igawdi biss minn drittijiet proċedurali iktar limitati.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika ta’ Malta u mir-Renju Unit tiġi miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-Kummissjoni li, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tevalwa jekk huwiex opportun li taġixxi kontra dan l-Istat, li għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet miksura minn dan l-Istat u li għandha tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑311/09, EU:C:2010:257, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-assenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors ineżami ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit.

26

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq allegat użu ħażin ta’ poter, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni la hija meħtieġa tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku u lanqas ma hija meħtieġa tindika r-raġunijiet li jkunu wassluha sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Issa, fil-kawża ineżami, peress li s-suġġett tar-rikors deskritt fir-rikors promotur jikkorrispondi mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, EU:C:2009:614, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru lanqas ma tista’ tiġi kkontestata permezz tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tippreċiża l-klassifikazzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ skema ta’ Stat Membru ieħor. Tali preċiżazzjoni lanqas ma hija ta’ natura li timplika ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, li huwa intervenjent fil-proċedura.

28

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ineżami huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

29

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004.

30

Skont din l-istituzzjoni, l-iskemi tal-pensjoni tal-irtirar tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit, minn naħa, jipprevedu benefiċċji tax-xjuħija, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq il-“leġiżlazzjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(j) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(l) tal-imsemmija regolamenti.

31

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 46b tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 56 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi t-tnaqqis, mill-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija mogħtija taħt il-leġiżlazzjoni Maltija, tal-ammont tal-pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit.

32

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta, sostnuta fuq dan il-punt mir-Repubblika tal-Awstrija u mir-Renju Unit, targumenta, b’mod partikolari, li hija marbuta mill-fatt li l-iskemi Brittaniċi qatt ma kienu ssemmew fid-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Renju Unit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004. L-Istati Membri ma jistgħux ikunu meħtieġa jevalwaw b’mod indipendenti n-natura tal-benefiċċji mogħtija minn Stati Membri oħra, filwaqt li jinjoraw b’hekk id-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom skont dawn id-dispożizzjonijiet. Tali allegazzjoni tippreġudika l-valur legali u l-istatus ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, tikkomprometti l-integralità tas-sistema ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali stabbilita permezz ta’ dawn ir-regolamenti, u toħloq diffikultajiet ta’ natura prattika u ta’ natura amministrattiva.

33

Ir-Repubblika ta’ Malta, sostnuta fuq dan il-punt mir-Renju Unit, targumenta wkoll li l-iskemi tal-pensjoni tas-servizz pubbliku tar-Renju Unit jistgħu jitqiesu li huma skemi tal-pensjoni komplementari li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/49. Meta Stat Membru ma jkunx għamel dikjarazzjoni skont ir-Regolament Nru 1408/71 jew skont ir-Regolament Nru 883/2004 u meta jkun jidher li dan l-Istat Membru jqis li l-iskemi tal-pensjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/49, dawn il-pensjonijiet għandhom jitqiesu li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004.

34

Il-Kummissjoni, li targumenta li d-Direttiva 98/49 ma tapplikax fil-kawża ineżami, tirribatti li l-assenza ta’ indikazzjoni tal-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni fid-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Renju Unit ma tistax titqies mir-Repubblika ta’ Malta bħala prova tal-fatt li dawn l-iskemi ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika ta’ Malta ma kienx imissha evalwat l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 għall-iskemi tal-pensjoni Brittaniċi fid-dawl ta’ jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda kien imissha evalwatha fuq il-bażi tal-elementi kostitwenti tal-benefiċċju kkonċernat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

L-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni huma intiżi li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Istati Membri huma obbligati jivverifikaw il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiżguraw ruħhom li din il-leġiżlazzjoni, minkejja l-fatt li ma kinitx is-suġġett, minn dan l-Istat Membru l-ieħor, ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jew skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn ir-regolamenti, it-tieni nett, li tali verifika, li kieku twettqet mir-Repubblika ta’ Malta, kellha twassal għall-konklużjoni li l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni jipprevedu benefiċċji tax-xjuħija u huma bbażati fuq leġiżlazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 u, fl-aħħar nett, li, għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, sa fejn jipprojbixxi l-kumulu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni mal-pensjoni tas-servizz dovuta skont il-leġiżlazzjoni Maltija, hija inkompatibbli mal-Artikolu 46b tar-Regolament Nru 1408/71 u mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 883/2004.

36

Fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, dawn jistabbilixxu l-obbligu, għall-Istati Membri, li jiddikjaraw il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi dwar benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn ir-regolamenti u li magħhom dawn l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkonformaw ruħhom, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE.

37

Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iddikjarat fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li kull Stat Membru, għall-finijiet tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jwettaq eżami diliġenti tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tiegħu stess u, jekk ikun il-każ, meta jikkonkludi dan l-eżami, għandu jiddikjarahom bħala skemi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi FTS, C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 51, u Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 22). Minn dan il-prinċipju jirriżulta wkoll li l-Istati Membri l-oħra huma intitolati li jistennew li l-Istat Membru kkonċernat ikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi.

38

B’hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet joħolqu preżunzjoni li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ddikjarati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jew skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn ir-regolamenti u jorbtu, bħala prinċipju, lill-Istati Membri l-oħra. Mill-banda l-oħra, meta Stat Membru jkun astjena milli jiddikjara leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta’ dawn ir-regolamenti, l-Istati Membri l-oħra jistgħu, bħala prinċipju, jiddeduċu, minn din l-astensjoni, li din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija regolamenti.

39

Barra minn hekk, sakemm id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ma jkunux ġew emendati jew irtirati, l-Istati Membri l-oħra għandhom joħduhom inkunsiderazzjoni. Huwa l-Istat Membru li jkun għamel id-dikjarazzjoni li għandu jevalwa mill-ġdid il-fondatezza tagħha u, jekk ikun il-każ, jemendaha meta Stat Membru ieħor jesprimi dubji fir-rigward tan-natura eżatta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banks et, C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 43).

40

Madankollu, din il-konklużjoni ma timplikax li Stat Membru huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jirreaġixxi meta jkollu informazzjoni li tqajjem dubji dwar in-natura eżatta tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ieħor.

41

Fl-ewwel lok, fil-każ li d-dikjarazzjoni tqajjem dubji u fil-każ li l-Istati Membri ma jaslux għal qbil b’mod partikolari dwar il-klassifikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet jew tal-iskemi fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, huma jistgħu jindirizzaw ruħhom lill-Kummissjoni Amministrattiva, imsemmija fl-Artikoli 80 u 81 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll fl-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament Nru 883/2004. Fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni Amministrattiva ma jirnexxilhiex tikkonċilja l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-każ ineżami, l-Istat Membru li jkollu dubju dwar in-natura eżatta ta’ dikjarazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jista’, jekk ikun il-każ, jindirizza ruħu lill-Kummissjoni jew, bħala l-aħħar rimedju, jista’ jressaq proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 259 TFUE sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banks et, C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 44).

42

Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjoni li Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor lanqas ma tinsab f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Beerens, 35/77, EU:C:1977:194, punt 9, kif ukoll Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 46), li minnha jirriżulta li l-fatt li Stat Membru jkun inkluda liġi jew leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dikjarazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jew taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jitqies li jistabbilixxi li l-benefiċċji mogħtija fuq il-bażi ta’ din il-liġi huma benefiċċji tas-sigurtà soċjali fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, filwaqt li l-fatt li liġi jew leġiżlazzjoni ma kinux is-suġġett ta’ tali dikjarazzjoni ma jistax, fih innifsu, jistabbilixxi li din il-liġi jew din il-leġiżlazzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti.

43

Fl-fatt, anki fl-assenza ta’ obbligu ġenerali, għall-Istati Membri, li jivverifikaw jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħra taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha tilwima dwar tali liġi jew dwar tali leġiżlazzjoni, dejjem tista’ tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-iskema inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha u tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel domanda preliminari dwar din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Għall-kuntrarju, minn ebda wieħed miż-żewġ artikoli inkwistjoni ma jirriżulta li l-Istati Membri li ma jkunx dak li introduċa l-imsemmija liġi jew l-imsemmija leġiżlazzjoni, iżda li ma jkunx iddikjarahom, għandhom id-dmir li jiddeterminaw huma stess jekk din il-liġi jew din il-leġiżlazzjoni għandhomx xorta waħda jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolamenti kkonċernati.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni żbaljat meta bbażat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jivverifikaw jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, minkejja l-fatt li ma kinux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jew skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, jaqgħux xorta waħda fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija regolamenti.

46

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu

Fuq l-ispejjeż

47

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika ta’ Malta. Skont l-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( i ) Fil-punti 3, 12 u 14 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

Op