Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0001

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015.
Base Company NV, anciennement KPN Group Belgium NV u Mobistar NV vs Ministerraad.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 4, 9, 13 u 32 — Obbligi ta’ servizz universali u obbligi ta’ servizz soċjali — Provvista ta’ aċċess f’post fiss u provvista ta’ servizzi telefoniċi — Natura raġonevoli tat-tariffi — Għażliet tariffarji speċjali — Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali — Servizzi obbligatorji addizzjonali — Servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet.
Kawża C-1/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:378

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 4, 9, 13 u 32 — Obbligi ta’ servizz universali u obbligi ta’ servizz soċjali — Provvista ta’ aċċess f’post fiss u provvista ta’ servizzi telefoniċi — Natura raġonevoli tat-tariffi — Għażliet tariffarji speċjali — Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali — Servizzi obbligatorji addizzjonali — Servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet”

Fil-Kawża C‑1/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Grondwettelijk Hof (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Base Company NV, li kienet KPN Group Belgium NV,

Mobistar NV

vs

Ministerraad,

fil-preżenza ta’:

Belgacom NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Base Company NV u Mobistar NV, minn T. De Cordier u E. Taelman, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Depré u D. Schrijvers, avukati,

għall-Parlament Ewropew, minn R. van de Westelaken u J. Rodrigues, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn I. Šulce u K. Michoel kif ukoll minn J. Herrmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae kif ukoll minn G. Braun, F. Wilman u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 32 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘servizz universali’”), kif ukoll il-validità tad-Direttiva “servizz universali” fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, kif sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-eżami ta’ kawża bejn Base Company NV (iktar ’il quddiem “Base Company”) u Mobistar NV (iktar ’il quddiem “Mobistar”) u l-Ministerraad (Kunsill tal-ministri) dwar rikors għal annullament ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jobbligaw lill-operaturi li jipprovdu lill-konsumaturi servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispiża netta ta’ dawn is-servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 4, 8, 25 u 46 tad-Direttiva “servizz universali”:

“(4)

L-assigurazzjoni ta’ servizz universali (jiġifieri, l-forniment ta’ sett minimu definit ta’ servizzi lill-utenti finali bi prezz li jista’ jintlaħaq) jista’ jinvolvi l-forniment ta’ xi servizzi lill-xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. [...]

[...]

(8)

Ħtieġa speċjali ta’ servizz universali hija l-forniment lill-utenti fuq talba b’konnessjoni ma’ network pubbliku tat-telefon f’lok fiss, bi prezz li jista’ jintlaħaq. [...]

[...]

(25)

[...] L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji li jirrelataw ma’ miżuri li m’humiex parti mill-obbligi ta’ servizz universali. L-Istati Membri ndividwali jibqgħu ħielsa li jimponu miżuri speċjali (barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali) u jiffinanzjawhom b’konformità mal-liġi tal-Komunità iżda mhux permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq.

[...]

(46)

Fejn Stat Membru jfittex li jassigura l-forniment ta’ servizzi speċifiċi oħra mat-territorju nazzjonali kollu tiegħu, dawk l-obbligi għandhom ikunu mplimentati fuq bażi ta’ effiċjenza ta’ l-ispiża u barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali. [...]”

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet ta’ l-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi mandatarji.”

5

Fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi ta’ servizz universali nklużi obbligi soċjali”, hemm inklużi l-Artikoli 3 sa 9 ta’ din tal-aħħar, li jirrigwardaw rispettivament id-disponibbiltà tas-servizz universali (Artikolu 3), il-provvista ta’ aċċess f’post fiss u l-provvista ta’ servizzi telefoniċi (Artikolu 4), is-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji (Artikolu 5), it-telefons pubbliċi bi ħlas (Artikolu 6), il-miżuri speċjali għal utenti b’diżabbiltà (Artikolu 7), il-metodi marbuta mal-ħatra ta’ impriżi inkarigati b’obbligi ta’ servizz universali (Artikolu 8) u l-possibbiltà li l-impriżi maħtura jiġu mitluba li jipproponu lill-konsumaturi għażliet jew formuli tariffarji speċjali li huma differenti minn dawk offruti fil-kundizzjonijiet normali ta’ impriża kummerċjali, bil-għan b’mod partikolari li jiġi żgurat li l-persuni li jkollhom dħul dgħajjef jew li jkollhom bżonnijiet soċjali speċifiċi ma jkunux preklużi milli jaċċedu għas-servizzi previsti fil-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva (Artikolu 9).

6

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “servizz universali”, intitolat “Disponibiltà ta’ servizz universali”:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-servizzi stipulati f’dan il-Kapitolu jintgħamlu disponibbli skond il-kwalità speċifikata lill-utenti kollha fit-territorju tagħhom, independentement mill-lok ġeografiku, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista’ jintlaħaq.”

7

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet għandhom jintlaqgħu mill-inqas minn impriża waħda.

2.   Il-konnessjoni pprovduta għandha tkun kapaċi ssostni l-kumunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-dejta, b’rati tad-dejta li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet meta jitqiesu t-teknoloġiji prevalenti użati mill-maġġoranza ta’ l-abbonati u l-fattibbiltà teknoloġika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għall-forniment ta’ servizz telefoniku disponibbli pubblikament, fuq il-konnessjoni tan-network imsemmija fil-paragrafu 1, li jippermetti li joriġinaw u jirċievu sejħiet nazzjonali u internazzjonali għandhom jiġu sodisfati mill-inqas minn impriża waħda.”

8

L-Artikolu 9(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu”, huwa redatt kif ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw li l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 sa 7 jkunu jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u li jkunu jew provduti minn impriżi maħtura, jew disponibbli fis-suq jekk l-ebda impriża ma tkun ġiet maħtura fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell nazzjonali tal-prezzijiet u l-introjtu tal-konsumatur.

2.   L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impriżi maħtura jipprovdu lill-konsumaturi għażliet jew pakketti ta’ tariffi lill-konsumaturi li jitbiegħdu minn dawk ipprovduti taħt kondizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux imċaħħda mill-aċċess għan-network imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew milli jużaw is-servizzi identifikati fl-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6 u 7 li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u pprovduti minn impriżi maħtura.

3.   L-Istati Membri jistgħu, minbarra kull dispożizzjoni li l-impriżi maħtura jfornu għażliet speċjali ta’ tariffi jew li jikkonformaw ma’ limiti ta’ prezz jew medjar ġeografiku jew skemi oħra simili, jassiguraw li appoġġ jiġi provdut lil konsumaturi identifikati bħala li għandhom dħul baxx jew ħtiġiet soċjali speċjali.”

9

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprevedi l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom jiddeterminaw fil-każ li huma jqisu li l-provvista ta’ servizz universali tirrappreżenta piż mhux iġġustifikat għall-impriżi maħtura sabiex tiżguraha.

10

Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “servizz universali”, intitolat “Iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali”:

“Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

[...]

b)

jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

11

L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi addizzjonali obbligatorji”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta’ servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f’dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista’ jiġi mpost.”

12

Skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“direttiva kwadru”):

“‘servizz universali’ tfisser is-sett minimu ta’ servizzi, definit fid-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali), ta’ kwalità speċifikata li huwa disponibbli għall-utenti kollha tkun xi tkun il-lokazzjoni ġeografika tagħhom u, fid-dawl ta’ kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, bi prezz li jista jintlaħaq;

[...]”

Id-dritt Belġjan

13

L-Artikolu 74 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (Belgisch Staatsblad, tal-20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005”, kif emendata bl-Artikolu 50 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Belgisch Staatsblad, tal-25 ta’ Lulju 2012, p. 40969, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-10 ta’ Lulju 2012”), huwa redatt kif ġej:

“§ 1.   Il-komponent soċjali tas-servizz universali jikkonsisti fil-provvista lill-konsumaturi ta’ kundizzjonijiet tariffarji partikolari għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji, mill-operaturi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 li jipprovdu servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku.

[...]

§ 2.   Kull wieħed mill-operaturi li joffri lill-konsumaturi, servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku u li d-dħul mill-bejgħ tiegħu relatat mas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jaqbeż il-ħamsin miljun ewro għandu jipprovdi l-komponent soċjali tas-servizz universali msemmi fil-paragrafu 1.

[...]

§ 3.   Kull wieħed mill-operaturi li joffri lill-konsumaturi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li d-dħul mill-bejgħ tiegħu relatat mas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jkun ugwali għal jew inqas minn ħamsin miljun ewro, u li jkun iddikjara l-intenzjoni tiegħu lill-Istitut [Belġjan għas-Servizzi Postali u t-Telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-‘istitut’)] li jipprovdi l-komponent soċjali tas-servizz universali msemmi fil-paragrafu 1, fuq netwerk terrestri fiss jew mobbli jew fuq it-tnejn, għandu jipprovdi dan l-element fi żmien ħames snin.

[...]”

14

L-Artikolu 74/1 tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, inserit fl-imsemmija liġi mill-Artikolu 51 tal-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012, huwa redatt kif ġej:

“§ 1.   Meta l-istitut iqis li l-provvista ta’ komponent soċjali jista’ jirrappreżenta piż mhux iġġustifikat fuq fornitur, huwa għandu jitlob lil kull operatur li joffri tariffi soċjali, li jipprovdilu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u jistabbilixxi l-kalkolu tal-ispiża netta.

§ 2.   Kull fornitur ta’ tariffi soċjali għandu jinnotifika lill-istitut, skont il-modalitajiet stabbiliti skont l-Artikolu 137(2), mhux iktar tard mill-1 ta’ Awwissu tas-sena kalendarja ta’ wara s-sena kkunsidrata, l-ammont indiċjat tal-istima tal-ispiża għas-sena kkunsidrata, ikkalkulata skont il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fl-Anness.

[...]

§ 3.   L-istitut għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ piż mhux iġġustifikat għal kull wieħed mill-fornituri kkonċernati meta l-provvista tal-komponent soċjali tas-servizz universali jkun ta’ natura eċċessiva skont il-kapaċità tiegħu biex jifilħu, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kollha tiegħu, b’mod partikolari tal-livell tat-tagħmir tiegħu, tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu kif ukoll tas-sehem tiegħu fis-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku.

§ 4.   Għandu jiġi stabbilit fond għas-servizz universali fil-qasam tat-tariffi soċjali, maħsub biex jikkumpensa kull fornitur ta’ tariffi soċjali li għalih il-provvista tal-komponent soċjali tas-servizz universali tirrappreżenta piż mhux iġġustifikat u li jkun ippreżenta talba f’dan is-sens quddiem l-istitut. Il-kumpens għandu jikkorrispondi għall-ispiża netta mġarrba mill-operatur li għalih il-provvista tal-komponent soċjali tas-servizz universali tirrappreżenta piż mhux iġġustifikat. Dan il-fond għandu personalità ġuridika u huwa amministrat mill-istitut.

Il-fond huwa sostnut minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-operaturi li joffru l-komponent soċjali tas-servizz universali.

Il-kontribuzzjonijiet huma stabbiliti pro rata mad-dħul mill-bejgħ marbut mas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku.

Id-dħul mill-bejgħ li jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jikkorrispondi mad-dħul mill-bejgħ miksub qabel it-taxxi mill-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku fit-territorju nazzjonali, skont l-Artikolu 95(2).

L-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-fond jinkludu l-ispejjeż kollha relatati mal-funzjonament tiegħu, inklużi l-ispejjeż inerenti fid-definizzjoni ta’ mudell ta’ spejjeż ibbażat fuq operatur teoretiku effettiv skont it-tip ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li permezz tiegħu jiġi pprovdut il-komponent soċjali tas-servizz universali. Permezz ta’ Digriet Irjali adottat fil-Kunsill tal-Ministri għandu jiġi stabbilit l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-fond.

L-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-fond huma ffinanzjati mill-operaturi msemmija fil-paragrafu 2, pro rata mad-dħul mill-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 3.

§ 5.   Permezz ta’ Digriet Irjali adottat fil-Kunsill tal-Ministri, wara l-opinjoni tal-istitut, għandhom jiġu adottati l-modalitajiet tal-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu.”

15

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 146 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 2012, l-Artikolu 51 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 għandu jkollu effett “mit-30 ta’ Ġunju 2005”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Belġjan, b’mod partikolari wara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583) kif ukoll Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), adotta il-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 bil-għan li jemenda l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-provvista ta’ servizz universali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi telefoniċi soċjali li jinsabu fil-liġi tal-25 ta’ April 2007 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet diversi (IV) (Belgisch Staatsblad, tat-8 ta’ Mejju 2007, p. 25103), li emendat u interpretat il-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005.

17

Fit-28 ta’ Jannar 2013, Base Company u Mobistar, żewġ operaturi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Belġju, ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 50, 51 u 146 tal-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 li tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ finanzjament settorjali, li jimponi kontribuzzjoni fuq l-operaturi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jekwivalu jew jeċċedu l-ammonti previsti minn din il-liġi, tal-ispiża netta marbuta mal-offerta ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet bħala elementi tal-“komponent soċjali tas-servizz universali”, li, fis-sens tal-imsemmija liġi, jikkonsisti fil-provvista ta’ kundizzjonijiet tariffarji partikolari lil ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji.

18

Insostenn tar-rikors tagħhom, Base Company u Mobistar isostnu b’mod partikolari li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex konformi mal-Artikoli 10 u 11 tal-kostituzzjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 170 u 172 tagħha, u lanqas mall-Artikoli 9 u 32 tad-direttiva “servizz universali”.

19

Base Company u Mobistar jikkunsidraw li l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispiża netta li tirriżulta mill-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew abbonamenti tal-internet impost fuqhom mill-emendi mwettqa bil-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 jikser id-dritt tal-Unjoni. L-imsemmija impriżi jikkunsidraw li huma s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ dak mogħti lill-kontribwenti li ma humiex ssuġġettati għal kontribuzzjonijiet ibbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

20

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Artikolu 74/1 tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif inserit mill-Artikolu 51 tal-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 stabbilixxa “Fond ta’ servizz universali fil-qasam tat-tariffi soċjali” inkarigat li jikkumpensa lil kull fornitur tat-tariffi soċjali għall-provvista tal-komponent soċjali tas-servizz universali li jirrappreżenta piż mhux iġġustifikat. Dan il-fond huwa sostnut mill-operaturi li jipprovdu dan il-komponent soċjali kif ukoll minn dawk li joffru servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet. Din il-qorti tispeċifika li, billi stabbilixxa dan il-mekkaniżmu ta’ finanzjament, il-leġiżlatur Belġjan għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tad-direttiva “servizz universali”.

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 mad-direttiva “servizz universali”, peress li jidrilha li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li l-“komunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-data, b’rati tad-data li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet”, msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, huma esklużi mill-komponent soċjali tas-servizz universali. Din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 32 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrendu aċċessibbli lill-pubbliku s-servizzi obbligatorji addizzjonali, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, iżda li, f’dan il-każ, ma jista’ jiġi impost l-ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jimplika l-parteċipazzjoni tal-operaturi.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiemha, il-Ministerraad speċifika li s-servizzi universali kollha stabbiliti bil-liġi tal-10 ta’ Lulju 2012 ġew stabbiliti b’kont meħud tal-fatt li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva “servizz universali” jippermetti li tingħata għajnuna lill-konsumaturi għal servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikoli 4 sa 7 tal-imsemmija direttiva, inkluż għal servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva ‘servizz universali’ u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 32 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tariffa soċjali għas-sevizzi universali kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ japplikaw mhux biss għall-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ lok fiss ma’ netwerk ta’ komunikazzjoni pubbliku, iżda wkoll għall-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet?

2)

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri li jżidu mas-servizz universali għażliet tariffarji speċifiċi għal servizzi differenti minn dawk deskritti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva servizz universali?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza rikonoxxut, kif jinsab fost l-oħrajn fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

24

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-direttiva “servizz universali” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-tariffi speċjali u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament previsti rispettivament fl-Artikoli 9 u 13(1)(b) ta’ din id-direttiva japplikaw għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet.

25

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva “servizz pubbliku”, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġi ddefinit, kif previst mill-Artikolu 2(j), tad-direttiva kwadru, l-assjem minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata aċċessibbli għall-utenti finali kollha, bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni. Dan l-assjem minimu ta’ servizzi universali huwa ddefinit fil-Kapitolu II tad-Direttiva “servizz universali”.

26

Skont l-Artikolu 3(1) tad-direttiva “servizz universali”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi enumerati fil-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar ikunu mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-utenti finali kollha fit-territorju tagħhom, indipendentement mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, f’livell ta’ kwalità speċifikat u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi nazzjonali partikolari, bi prezz li jintlaħaq.

27

Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-fatt li jiġi ggarantit servizz universali jista’ jinvolvi l-provvista ta’ ċerti servizzi lil ċerti utenti finali bi prezzijiet li jitbiegħdu minn dawk li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet normali tas-suq.

28

Għalhekk, skont l-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu mill-impriżi maħtura sabiex jiżguraw il-provvista ta’ servizz universali li huma jipproponu għażliet u formuli tariffarji li huma differenti minn dawk offruti fil-kundizzjonijiet normali tal-kummerċ, bil-għan b’mod partikolari li jiġi żgurat li l-persuni li jkollhom dħul dgħajjef jew bżonnijiet soċjali speċifiċi ma jkunux mċaħħda mill-aċċess għall-assjem minimu ta’ servizz universali ddefinit fl-Artikoli 4 sa 7 ta’ din l-istess direttiva.

29

Mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva “servizz universali” jirriżulta li, minbarra d-dispożizzjonijiet eventwali li jipprevedu li l-impriżi maħtura sabiex jiżguraw il-provvista ta’ servizz universali huma obbligati li japplikaw għażliet tariffarji speċjali jew li josservaw qafas ta’ tariffi jew aġġustament ġeografiku, jew anki mekkaniżmi simili, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li tingħata għajnuna lill-konsumaturi elenkati bħala li għandhom dħul dgħajjef jew bżonnijiet soċjali speċifiċi.

30

Fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva “servizz pubbliku”, dan tal-aħħar jipprevedi li, meta, abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta msemmija fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkonstataw li l-impriżi maħtura sabiex jassumu l-obbligi ta’ servizz universali, bħal dawk elenkati fl-Artikoli 3 sa 10 tal-imsemmija direttiva, huma suġġetti għal piż mhux iġġustifikat, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq talba ta’ waħda minn dawn l-impriżi, li jqassmu l-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi bejn il-fornituri tan-netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

31

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li t-tariffi speċjali u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament previsti fl-Artikoli 9 u 13(1)(b) tad-Direttiva “servizz universali” japplikaw biss għas-servizzi universali elenkati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

32

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi vverifikat jekk is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u/jew ta’ abbonamenti tal-internet jaqgħux taħt l-obbligi ta’ servizz universali msemmija fl-imsemmi kapitolu.

33

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-direttiva “servizz universali”, intitolat “Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi”, jipprevedu li konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi għandha tipprovdi għal komunikazzjonijiet vokali, komunikazzjonijiet bil-faks u komunikazzjonijiet tad-data, b’rati tad-data li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-internet. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jispeċifika li l-membri għandhom jiżguraw li għandhom jiġu ssodisfatti minn tal-inqas impriża waħda, it-talbiet raġonevoli kollha ta’ provvista ta’ servizz telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, permezz ta’ konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi, li jippermetti li jsiru li jiġu riċevuti sejħiet nazzjonali u internazzjonali.

34

Għalhekk, kemm it-titolu kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 4 tad-Direttiva “servizz universali” jistabbilixxu b’mod espliċitu obbligu impost fuq l-Istati Membri, li jiżguraw il-konnessjoni f’post fiss ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi.

35

Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva li tiddikjara li rekwiżit fundamentali tas-servizz universali huwa li tiġi żgurata lill-utenti finali li jitolbuha, konnessjoni ma’ netwerk telefoniku pubbliku f’post fiss bi prezz li jista’ jintlaħaq.

36

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-termini “f’post fiss” huwa l-kuntrarju tat-terminu “mobbli”.

37

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli huma, mid-definizzjoni tagħhom, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, esklużi mill-assjem minimu ta’ servizzi universali ddefinit fil-Kapitolu II tad-Direttiva “servizz universali”, peress li l-provvista tagħhom ma tippreżumix aċċess u konnessjoni u f’post fiss ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta’ abbonament tal-internet provdut permezz tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli ma jaqgħux taħt dan l-assjem minimu. Għall-kuntrarju, is-servizzi ta’ abbonament tal-internet huma inklużi f’dan l-assjem jekk il-provvista tagħhom tippreżumi konnessjoni mal-internet f’post fiss.

38

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 32 tad-direttiva “servizz universali”, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrendu aċċessibbli għall-pubbliku, fit-territorju nazzjonali, servizzi obbligatorji addizzjonali, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi tas-servizz universali ddefiniti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

39

F’dan ir-rigward, il-premessi 25 u 46 tad-direttiva “servizz universali” jiddikjaraw li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jimponu miżuri speċjali li għandhom jissodisfaw il-kriterju tal-profittabbiltà u li ma jaqgħux taħt is-servizz universali.

40

Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jikkunsidraw is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli, inklużi s-servizzi ta’ abbonament tal-internet ipprovduti permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli, bħal servizzi obbligatorji addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “servizz universali”.

41

Madankollu, skont dan l-Artikolu, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrendu aċċessibbli lill-pubbliku, fit-territorju nazzjonali, is-servizzi obbligatorji addizzjonali, ma jistax jiġi impost mekkaniżmu ta’ finanzjament ta’ dawn is-servizzi li jimplikaw il-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament previst mill-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva “servizz universali” ma jistax jiġi estiż għal tali servizzi.

42

Fil-fatt, kif tiddikjara l-premessa 25 tad-Direttiva “servizz universali”, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji abbażi ta’ miżuri ma jaqgħux taħt obbligi ta’ servizz universali. Għalhekk, għalkemm kull stat Membru jibqa’ liberu li jiffinanzja l-miżuri speċjali filwaqt li josserva d-dritt tal-Unjoni, dan jista’ jagħmlu biss permezz ta’ kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mill-parteċipanti tas-suq.

43

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li d-Direttiva “servizz universali” għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tariffi speċjali u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament previsti rispettivament fl-Artikoli 9 u 13(1)(b) tal-imsemmija direttiva japplikaw għas-servizzi ta’ abbonamenti tal-internet li jirrikjedu konnessjoni mal-internet f’post fiss, iżda mhux għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli, inklużi servizzi ta’ abbonamenti tal-internet ipprovduti permezz tal-imsemmija servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli. Jekk dawn l-aħħar imsemmija servizzi jsiru aċċessibbli lill-pubbliku, fit-territorju nazzjonali, bħala “servizz obbligatorji addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “servizz universali”, il-finanzjament tagħhom ma jistax jiġi żgurat, fid-dritt nazzjonali, permezz ta’ mekkaniżmu li jimplika l-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi.

Fuq it-tielet domanda

44

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u t-tieni domanda, jekk l-Artikoli 9 u 13(1)(b) tad-Direttiva “servizz universali” humiex validi fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

45

Għandu jitfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi (digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fil-funzjonament tar-rinviju preliminari li huwa indispensabbli jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tesponi, fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li hija neċessarja risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tal-kawża (digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Hemm lok ukoll li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju ma jservux biss sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli, iżda sabiex tagħti wkoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lil partijiet oħra kkonċernati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, peress li skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, mingħajr kwalunkwe fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx, fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, indikazzjoni jew spjegazzjoni dwar l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li jistgħu jikkaratterizzaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, u lanqas fuq ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi fuq il-validità tal-Artikoli 9 u 13(1)(b) tad-Direttiva “servizz universali”.

50

F’dan iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domanda li saritilha.

51

Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tariffi speċjali u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament previsti rispettivament fl-Artikoli 9 u 13(1)(b) tal-imsemmija direttiva japplikaw għas-servizzi ta’ abbonamenti tal-internet li jirrikjedu konnessjoni mal-internet f’post fiss, iżda mhux għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli, inklużi servizzi ta’ abbonamenti tal-internet ipprovduti permezz tal-imsemmija servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli. Jekk dawn l-aħħar imsemmija servizzi jsiru aċċessibbli lill-pubbliku, fit-territorju nazzjonali, bħala “servizz obbligatorji addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22 kif emendata bid-Direttiva 2009/136, il-finanzjament tagħhom ma jistax jiġi żgurat, fid-dritt nazzjonali, permezz ta’ mekkaniżmu li jimplika l-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top