Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0567

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2016.
    Genentech Inc. vs Hoechst GmbH u Sanofi-Aventis Deutschland GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d'appel de Paris.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – L-Artikolu 101 TFUE – Ftehim ta’ liċenzja mhux esklużiva – Privattiva – Assenza ta’ vjolazzjoni – Obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa.
    Kawża C-567/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:177

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2016 ( 1 )

    Kawża C‑567/14

    Genentech Inc.

    vs

    Hoechst GmbH, li qabel kienet Hoechst AG,

    Sanofi-Aventis Deutschland GmbH

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Rikors għall-annullament ta’ sentenza arbitrali — Kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Akkordju — Kuntratt ta’ liċenzja mhux esklużiva għal privattivi — Annullament tal-privattivi — Assenza ta’ vjolazzjoni — Effett — Obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa”

    I – Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. B’mod iktar partikolari, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tixtieq tistabbilixxi jekk dan l-artikolu jipprekludix l-obbligu impost fuq il-persuna liċenzjata taħt ftehim ta’ liċenzja għal privattiva li tħallas tariffi matul il-perijodu kollu tal-ftehim sax-xoljiment tiegħu, minkejja l-assenza ta’ vjolazzjoni jew l-annullament tal-privattiva jew privattivi liċenzjati.

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ sentenzi arbitrali bejn, minn naħa, Genentech Inc., kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Delaware (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Genentech”) u, min-naħa l-oħra, Hoechst GmbH, li qabel kienet Hoechst AG (iktar ’il quddiem “Hoechst”), u Sanofi-Aventis Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Sanofi-Aventis”), kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniża.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    L-Artikolu 101 TFUE jipprovdi:

    “1.   Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

    a)

    l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

    b)

    il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,

    ċ)

    it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

    d)

    l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

    e)

    is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.

    2.   L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

    3.   Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

    akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

    deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew kategoriji ta’ deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, u

    prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

    li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

    a)

    jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ hawn fuq,

    b)

    jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.”

    B – Id-dritt Franċiż

    4.

    L-Artikolu 1518 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprovdi:

    “Sentenza mogħtija fi Franza fil-qasam tal-arbitraġġ internazzjonali ma tista’ tkun biss is-suġġett ta’ rikors għal annullament.”

    5.

    L-Artikolu 1520 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprovdi:

    “Ir-rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat biss jekk:

    It-tribunal arbitrali ddikjara, bi żball, li għandu jew li ma għandux ġurisdizzjoni; jew

    It-tribunal arbitrali ġie kkostitwit irregolarment; jew

    It-tribunal arbitrali ddeċieda mingħajr ma kkonforma ruħu mal-funzjoni fdata lilu; jew

    Il-prinċipju ta’ kontradittorju ma ġiex osservat; jew

    Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza jmorru kontra l-ordni pubbliku internazzjonali.”

    III – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    6.

    Fis-6 ta’ Awwissu 1992, il-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż Behringwerke AG (iktar ’il quddiem “Beringwerke”) ( 2 ) kkonċediet lil Genentech liċenzja dinjija mhux esklużiva (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ liċenzja”) għall-użu tal-katalizzatur taċ-ċitomegalovirus uman (CMVH), li jippermetti li tiżdied l-effikaċja tal-proċess ċellulari użat fil-manifattura tal-proteini (iktar ’il quddiem il-“katalizzatur”). Din it-teknoloġija kienet is-suġġett tal-privattiva Ewropea Nru EP 0173 177 53, maħruġa fit-22 ta’ April 1992 (iktar ’il quddiem il-“privattiva EP 177”), kif ukoll ta’ żewġ privattivi maħruġa fl-Istati Uniti, fil-15 ta’ Diċembru 1998 u fis-17 ta’ April 2001 rispettivament (iktar ’il quddiem il-“privattiva US 522” u l-“privattiva US 140”). Fit-12 ta’ Jannar 1999, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) annulla l-privattiva EP 177.

    7.

    Il-ftehim ta’ liċenzja kien irregolat mid-dritt Ġermaniż.

    8.

    Jirriżulta mill-Artikolu 3.1 tal-ftehim ta’ liċenzja li Genentech, inkambju għad-dritt għall-użu tal-katalizzatur, intrabtet li tħallas:

    tariffa unika ta’ 20000 mark Ġermaniż (DEM) (bejn wieħed u ieħor EUR 10225) bħala spejjeż għall-ħruġ tal-liċenzja;

    tariffa annwali fissa ta’ DEM 20000 (bejn wieħed u ieħor EUR 10225) għal finijiet ta’ riċerka;

    tariffa msejħa “kurrenti” ta’ 0.5 % fuq l-ammont tal-bejgħ tal-“prodotti finali” ( 3 ) (iktar ’il quddiem it-“tariffa kurrenti”).

    9.

    Genentech ħallset it-tariffa unika u t-tariffa annwali, iżda qatt ma ħallset it-tariffa kurrenti.

    10.

    Fit-30 ta’ Ġunju 2008, Hoechst u Sanofi-Aventis staqsew lil Genentech dwar il-prodotti finali li jużaw il-materjali u proċessi koperti bil-privattivi, li jagħtu lok għad-dritt tal-ħlas tat-tariffi kurrenti.

    11.

    Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2008, Genentech innotifikat lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis bix-xoljiment tal-ftehim ta’ liċenzja, b’effett minn xahrejn wara ( 4 ).

    12.

    Fl-24 ta’ Ottubru 2008, peress li qiesu li Genentech kienet ipproduċiet ir-Rituxan® ( 5 ) u farmaċewtiċi oħra bl-użu tal-katalizzatur fis-sinteżi għall-għaqda tal-proteini mingħajr ma ħallset it-tariffi kurrenti fuq il-bejgħ ta’ dawn il-farmaċewtiċi kollha u li b’hekk kisret il-ftehim ta’ liċenzja, Hoechst u Sanofi-Aventis ppreżentaw, abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 11 tal-ftehim ta’ liċenzja, rikors ta’ arbitraġġ kontra Genentech quddiem il-Qorti internazzjonali tal-arbitraġġ tal-Kamra tal-kummerċ internazzjonali (CCI), li rreġistratha bin-numru 15900/JHN/GFG.

    13.

    Fis-27 ta’ Ottubru 2008, Hoechst u Sanofi-Aventis ressqu lment quddiem il-United States District Court for the Eastern District of Texas (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tal-Lvant ta’ Texas, l-Istati Uniti) għall-vjolazzjoni tal-privattivi US 522 u US 140 kontra Genentech u Biogen (li qabel kienet Biogen Idec). Fl-istess ġurnata dawn tal-aħħar ressqu talba għall-annullament ta’ dawn il-privattivi quddiem il-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-Tramuntana ta’ California, l-Istati Uniti).

    14.

    Dawn iż-żewġ rikorsi ġew magħquda quddiem il-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-Tramuntana ta’ California, l-Istati Uniti).

    15.

    Fil-11 ta’ Marzu 2011, il-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-Tramuntana ta’ California, l-Istati Uniti) iddeċidiet, essenzjalment, li ma kienx hemm vjolazzjoni tal-privattivi inkwistjoni u ċaħdet ir-rikors għall-annullament tal-privattivi, wara li qieset li Genentech ma kienx irnexxielha tilħaq il-livell ta’ prova rikjest. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fit-22 ta’ Marzu 2012 mill-United States Court of Appeals for the Federal Circuit (qorti tal-appell tal-Istati Uniti b’ġurisdizzjoni federali, l-Istati Uniti) u saret irrevokabbli.

    16.

    Permezz tat-tielet sentenza parzjali tal-5 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem it-“tielet sentenza parzjali”) ( 6 ), l-arbitru uniku magħżul mill-partijiet iddeċieda ( 7 ) li Genentech kienet ipproduċiet ir-Rituxan® bl-użu tal-katalizzatur “li, tajjeb jew ħażin, kien għal xi żmien kopert bil-[privattiva EP 177] u iktar tard bil-[privattivi US 522 u 140] […]” ( 8 ) u abbażi ta’ dan stabbilixxa l-obbligu ta’ Genentech li tħallas lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis it-tariffi kurrenti fuq il-bejgħ ta’ Rituxan® u ta’ prodotti li għandhom l-istess proprjetajiet ( 9 ).

    17.

    L-arbitru uniku ddeċieda li, fil-bidu, Genentech kienet riedet tuża l-katalizzatur mingħajr ma titqies li qed twettaq xi vjolazzjoni ( 10 ), u għalhekk kien sar il-ftehim ta’ liċenzja. Minn dan kien jirriżulta, skont l-arbitru uniku, li l-għan kummerċjali tal-ftehim ta’ liċenzja ( 11 ) kien li jiġu evitati kwalunkwe proċeduri dwar il-validità tal-privattivi US 522 u US 140 matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim ta’ liċenzja ( 12 ). Skont dan l-arbitru, “tali tregwa ma [setgħetx] iddum għal dejjem peress li [l-ftehim ta’ liċenzja kien] maħsub li jiġi xolt fi żmien qasir minn waħda mill-partijiet […]” ( 13 ).

    18.

    Fl-opinjoni tiegħu, ladarba privattiva tkun ġiet irreġistrata, persuna liċenzjata bħal Genentech setgħet tkun fiż-żgur permezz tal-ksib ta’ liċenzja għall-użu ta’ din il-privattiva, kuntrarjament għal terz li seta’ jkun dissważ milli jikkompeti ma’ persuna liċenzjata. L-arbitru uniku għalhekk qies li, bl-applikazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja, ir-reġistrazzjoni tal-privattivi kienet kunsiderazzjoni rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġuni kummerċjali għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ liċenzja inkwistjoni, anki jekk il-kwistjoni tal-validità tagħhom ma kinitx. F’dan ir-rigward, huwa stabbilixxa li kawża fil-qasam tal-privattivi setgħet iddum snin, kif urew il-proċeduri paralleli fl-Istati Uniti, u setgħet tagħti lok għal spejjeż kunsiderevoli ( 14 ). Kumpannija bħal Genentech kellha għalhekk interess li tikkonkludi tali ftehim.

    19.

    Konsegwentement, l-arbitru uniku ddeċieda li l-ħlasijiet mwettqa jew dovuti, skont il-ftehim ta’ liċenzja, ma setgħux jintalbu jew jibqgħu dovuti f’każ li l-privattiva tiġi annullata jew ma tkunx inkisret mill-attività tal-benefiċjarju tal-ftehim ta’ liċenzja ( 15 ). Peress li l-għan kummerċjali tal-ftehim ta’ liċenzja kien li jiġu evitati proċeduri kontenzjużi fil-qasam tal-privattivi, huwa qies li r-riżultat aħħari tal-proċedura relatata mal-privattiva ma kienx jobbliga lil konċedent, fl-ipoteżi fejn il-privattiva tirriżulta li hija invalida, sabiex jirrimborsa t-tariffi li jkun irċieva, kif lanqas ma kien jeżenta lill-persuna liċenzjata milli tħallas dawn it-tariffi, f’każ li, kif għamlet Genentech, il-persuna liċenzjata ma kinitx ħallsithom.

    20.

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-arbitru ddeċieda li, skont il-ftehim ta’ liċenzja, Genentech kellha tħallas lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis it-tariffi kurrenti fuq il-bejgħ ta’ Rituxan® prodott bejn il-15 ta’ Diċembru 1998 (data tal-ħruġ tal-privattiva US 522) u t-28 ta’ Ottubru 2008 (data ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ liċenzja) ( 16 ).

    21.

    Huwa kkundanna wkoll lil Genentech tħallas lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis s-somma ta’ EUR 391420.36 kif ukoll ta’ USD 293565.27 (bejn wieħed u ieħor EUR 260000) għall-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni tagħhom għall-perijodu bejn id-9 ta’ Ġunju 2011 u l-5 ta’ Settembru 2012.

    22.

    Fl-aħħar nett, huwa rriżerva għas-sentenza definittiva d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-quantum tat-tariffi dovuti, l-ispejjeż tal-arbitraġġ u l-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni l-oħra.

    23.

    Fil-25 ta’ Frar 2013, l-arbitru uniku ta s-sentenza definittiva billi kkundanna lil Genentech tħallas lil Hoechst s-somma ta’ EUR 108322850 flimkien ma’ interessi sempliċi għad-danni, ta’ EUR 211250 għall-ispejjeż tal-arbitraġġ, ta’ EUR 634649.88 u ta’ USD555 907.23 (bejn wieħed u ieħor EUR 490778) għall-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni ( 17 ).

    24.

    Fil-punt 219 tas-sentenza definittiva, l-arbitru uniku rrileva li, tardivament fil-proċedura, Genentech qajmet il-pretensjoni li “l-isforzi ta’ Hoechst sabiex tinterpreta [l-ftehim ta’ liċenzja] b’mod li jippermettilha tirkupra t-tariffi kurrenti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li jiġi stabbilit jekk il-prodotti allegatament liċenzjati [kinux] jew le koperti mill-privattivi liċenzjati, kienu jiksru l-leġiżlazzjoni anti-trust tal-Unjoni Ewropea”.

    25.

    F’dan ir-rigward, l-arbitru uniku ddeċieda li “Genentech ma [kinitx] speċifikat kif [id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kien ser] jinkiser [...] jekk hija titlef dan l-arbitraġġ. Il-liġi Ġermaniża dwar il-liċenzji tawtorizza kuntratti ta’ liċenzja għall-użu ta’ għarfien li ma jkunx kopert minn privattiva u tista’ tipprevedi tariffi għal dan il-għan. Dan ma jistax jinbidel bl-invokazzjoni – mingħajr argumenti ulterjuri – li din il-liċenzja tikser [id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni]” ( 18 ).

    26.

    Genentech, abbażi tal-Artikoli 1518 u 1520 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, ippreżentat appell quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) għall-annullament tat-tielet sentenza parzjali, tas-sentenza definittiva kif ukoll tal-addendum.

    27.

    Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2013, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) ċaħdet it-talba ta’ Genentech sabiex jingħaqdu r-rikorsi għall-annullament tat-tielet sentenza parzjali, tas-sentenza definittiva kif ukoll tal-addendum.

    28.

    Fil-kuntest tal-proċedura għall-annullament tat-tielet sentenza parzjali, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) għandha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ liċenzja mal-Artikolu 101 TFUE. Hija tirrileva li l-arbitru uniku qies li, matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan tal-aħħar, il-persuna liċenzjata kienet marbuta tħallas it-tariffi kuntrattwali minkejja li l-annullament tal-privattiva jew privattivi kellu effett retroattiv. Hija qed tistqsi jekk dan il-kuntratt jiksirx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, inkwantu jissuġġetta l-persuna liċenzjata għall-ħlas ta’ tariffi li minn dak il-mument ’il quddiem kienu nieqsa minn kull għan, minħabba l-annullament tal-privattiva jew privattivi marbuta mad-drittijiet konċessi u jpoġġi lil din tal-aħħar fi “żvantaġġ kompetittiv”.

    29.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fil-każ ta’ annullament tal-privattivi, jiġi applikat kuntratt ta’ liċenzja li jimponi fuq il-persuna liċenzjata l-obbligu li tħallas ir-royalties [it-tariffi] għas-sempliċi użu tad-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati?”

    30.

    Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2015, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) iddikjarat inammissibbli l-appell ippreżentat minn Hoechst u Sanofi-Aventis kontra s-sentenza tal-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tat-23 ta’ Settembru 2014, intiża sabiex issir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    31.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2014. Genentech, Hoechst u Sanofi-Aventis, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub.

    32.

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li huma għamlu fit-18 ta’ Diċembru 2015.

    33.

    Inżammet seduta fl-20 ta’ Jannar 2016 li matulha Genentech, Hoechst u Sanofi-Aventis, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw il-kawża.

    V – Analiżi

    A – Dwar l-ammissibbiltà

    1. Dwar ir-relazzjoni tad-domanda magħmula mar-realtà tal-kawża prinċipali

    34.

    Hoechst u Sanofi-Aventis kif ukoll il-Gvern Franċiż iqisu li d-domanda preliminari hija msejsa fuq premessa fattwali li hija żbaljata. Fil-fatt, filwaqt li tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ liċenzja mal-Artikolu 101 TFUE “fil-każ tal-annullament tal-privattivi” ( 19 ), hija biss il-privattiva EP 177 li ġiet annullata fit-12 ta’ Jannar 1999 u mhux il-privattivi US 522 u US 140 ( 20 ). Konsegwentement, id-domanda preliminari ma għandhiex skop u għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

    35.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-qorti tar-rinviju tagħmel referenza, fid-domanda magħmula, għall-annullament “tal-privattivi” (fil-plural) filwaqt li kienet biss privattiva waħda li ġiet annullata, ma jimplikax li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija msejsa fuq premessa fattwali żbaljata.

    36.

    Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju hija perfettament konxja mill-fatt li l-privattivi US 522 u US 140 ma ġewx annullati.

    37.

    F’dan ir-rigward, fil-paġna 2 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li t-teknoloġija koperta permezz tal-ftehim ta’ liċenzja “tat lok għall-ħruġ ta’ diversi privattivi, minn naħa, fit-22 ta’ April 1992 ta’ privattiva Ewropea [EP 177] sussegwentement annullata fit-12 ta’ Jannar 1999 mill-UEP minħabba nuqqas ta’ novità, min-naħa l-oħra fil-15 ta’ Diċembru 1998 ta’ privattiva [US 520] u fl-aħħar nett fis-17 ta’ April 2001 ta’ privattiva [US 140]” ( 21 ). Il-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda referenza għall-annullament tal-privattivi US 522 u US 140.

    38.

    Barra minn hekk, fil-paġna 3 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2011 tal-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-tramuntana ta’ California) li, fl-opinjoni tagħha, “iddeċidiet li r-Rituxan® ma kinitx tikkostitwixxi vjolazzjoni tal-privattivi inkwistjoni”. Jirriżulta minn dan li l-qorti tar-rinviju għandha għarfien tal-kontenut ta’ din is-sentenza li ċaħdet ukoll ir-rikors għall-annullament ippreżentat kontra l-privattivi US 522 u US 140 ( 22 ).

    39.

    Fl-aħħar nett, għalkemm, fil-punti 193 u 194 tat-tielet sentenza parzjali, l-arbitru uniku rrefera għall-annullament tal-privattivi US 522 u US 140 mill-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-tramuntana ta’ California), dan l-iżball ma jidher fl-ebda parti tas-sentenza finali. Għall-kuntrarju, fil-punt 50 tas-sentenza finali, l-arbitru uniku jgħid b’mod ċar li r-rikors ta’ Genentech għall-annullament tal-privattivi US 522 u US 140 ġie miċħud.

    40.

    Għalkemm huwa minnu li t-tliet rikorsi għal annullament ippreżentati quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) kontra t-tielet sentenza parzjali, is-sentenza finali u l-addendum ma humiex magħquda ( 23 ), jirriżulta b’mod ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-tliet rikorsi huma konnessi. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju stess, tittratta dawn it-tliet sentenzi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, bħala l-unika u l-istess totalità ( 24 ). Huwa ċar għalhekk li ma hemmx premessa fattwali żbaljata.

    41.

    Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza tal-allegata premessa fattwali żbaljata jew in-nuqqas tagħha ma huwa ser ikollha l-ebda influwenza fuq ir-risposta li ser nipproponi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li tikkonċerna, mingħajr distinzjoni, il-każ ta’ annullament ta’ privattiva (fil-kawża preżenti l-privattiva EP 177) u dak tan-nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ privattiva (fil-kawża preżenti l-privattivi US 522 u US 140).

    42.

    Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-arbitru uniku kkonkluda fit-[t]ielet [s]entenza [p]arzjali, li s-sens tal-ftehim [ta’ liċenzja] ma kienx li jipprevedi r-rimbors jew in-nuqqas ta’ talba għall-ħlas tat-tariffi f’każ li ċerti privattivi jirriżultaw li jkunu invalidi jew li ma twettqitx vjolazzjoni tagħhom. Is-sens tal-ftehim, interpretat fid-dawl tal-liġi Ġermaniża u fl-isfond tan-negozjati bejn il-partijiet, kien li jiġi protett l-utent tal-privattiva jew privattivi – jiġifieri Genentech – minn proċeduri fuq il-privattiva jew privattivi li jistgħu jkunu twal u jqumu ħafna flus. Jirriżulta minn dan li l-fatt li l-privattivi Amerikani setgħu jitqiesu invalidi jew li ma twettqitx vjolazzjoni tagħhom ma jbiddilx il-portata tal-obbligu ta’ Genentech li tħallas it-tariffi”.

    2. Dwar il-possibbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju

    43.

    Hoechst u Sanofi-Aventis kif ukoll il-Gvern Franċiż iqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

    44.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jirrileva li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispeċifikax il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma meħtieġa fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, u b’mod partikolari tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004, tas-27 ta’ April 2004, fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija ( 25 ), bħall-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni, in-natura tal-ftehim ta’ liċenzja bħala kuntratt bejn kompetituri jew ftehim reċiproku u l-elementi tad-dritt Ġermaniż li għalihom dan il-ftehim ġie suġġett.

    45.

    Inqis li dawn l-argumenti għandhom jitwarrbu għaliex ser nasal għall-konklużjoni li, konformement mas-sentenza Ottung (320/87, EU:C:1989:195), l-Artikolu 101(1) u (2) TFUE ma jimponix l-annullament tat-tielet sentenza parzjali ( 26 ). Irid jingħad li r-regoli ta’ eżenzjoni ( 27 ) msemmija mill-Gvern Franċiż japplikaw l-Artikolu 101(3) TFUE għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fihom jipparteċipaw biss żewġ impriżi u għal prattiki miftiehma relatati magħhom, li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, li, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

    46.

    Fi kwalunkwe każ, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tipproċedi għal tali analiżi, f’każ li ma tikkondividix il-konklużjoni tiegħi.

    47.

    Huwa biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-konklużjoni tiegħi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti ta’ eżenzjoni tista’ tiġi aċċettata.

    3. Dwar is-setgħa tal-qorti tar-rinviju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    48.

    Hoechst u Sanofi-Aventis isostnu li huwa impossibbli li tingħata risposta għad-domanda preliminari mingħajr ma jinkiser id-dritt Franċiż li jipprojbixxi r-reviżjoni fil-mertu ta’ sentenzi arbitrali internazzjonali, ħlief f’każijiet ta’ ksur flagranti tal-ordni pubbliku internazzjonali ( 28 ).

    49.

    Fin-nuqqas ta’ tali ksur flagranti (bħal fil-każ ta’ kartell), Hoechst u Sanofi-Aventis jagħmlu distinzjoni bejn il-każ fejn il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ ftehim bejn impriżi mal-Artikolu 101 TFUE tkun ġiet injorata fis-sentenza arbitrali internazzjonali, każ li fih ikun hemm ir-riskju ta’ preġudizzju għall-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni, u l-każijiet fejn din il-kwistjoni tkun ġiet invokata. Fl-opinjoni tagħhom, f’din l-aħħar ipoteżi li hija preżenti f’din il-kawża, ir-risposta għal din id-domanda preliminari twassal lill-qorti tar-rinviju għar-reviżjoni fil-mertu tat-tielet sentenza parzjali, peress li l-motiv ta’ annullament li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda tqajjem u ġie dibattut quddiem l-arbitru uniku.

    50.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    51.

    Ladarba d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jkunx jidher b’mod manifest li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fir-realtà, ser twassalha sabiex tagħti deċiżjoni abbażi ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha ( 29 ).

    52.

    Fl-opinjoni tiegħi, xejn ma hemm li jindika li d-domanda magħmula hija ipotetika jew li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li tikkonċerna l-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domanda magħmula.

    53.

    Nirrileva wkoll, b’mod purament indikattiv, li l-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni) iddikjarat inammissibbli l-appell ippreżentat minn Hoechst u Sanofi-Aventis kontra s-sentenza tal-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tat-23 ta’ Settembru 2014 li kienet iddeċidiet li tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari preżenti.

    54.

    Konsegwentement, jidhirli li d-domanda preliminari hija ammissibbli u hemm lok li tingħata risposta għaliha.

    B – Fuq il-mertu

    1. Dwar il-firxa tal-istħarriġ tas-sentenzi arbitrali internazzjonali fid-dawl tar-regoli tal-ordni pubbliku Ewropew

    55.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż ifakkar li, fil-punt 32 tas-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ mill-qrati tal-Istati Membri ta’ sentenzi arbitrali internazzjonali li jqajmu kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun “mifruxa, ftit jew wisq, skont il-każ”, skont ir-regoli adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom. Abbażi ta’ dan, il-Gvern Franċiż isostni li r-regoli tad-dritt Franċiż li skonthom il-qrati Franċiżi ma jistgħux iwettqu reviżjoni fil-mertu tas-sentenzi arbitrali internazzjonali u huma limitati, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ sentenza arbitrali internazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, għad-determinazzjoni ta’ ksur “flagranti” ( 30 ) tal-ordni pubbliku internazzjonali, huma konformi mal-prinċipju ta’ effettività stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

    56.

    Hoechst u Sanofi-Aventis isostnu ( 31 ) li għalkemm, fis-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali li quddiemha jkun tressaq rikors għall-annullament ta’ sentenza arbitrali internazzjonali kellha, skont ir-regoli proċedurali interni tagħha, tilqa’ rikors għall-annullament li jkun imsejjes fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ir-regoli proċedurali tad-dritt Franċiż inkwistjoni jipprojbixxu r-reviżjoni fil-mertu tas-sentenzi arbitrali internazzjonali u jillimitaw il-firxa ta’ dan l-istħarriġ għal ksur “flagranti” ( 32 ).

    57.

    Skont Hoechst u Sanofi-Aventis, peress li l-kwistjoni tal-possibbiltà li l-ftehim ta’ liċenzja jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE tqajmet u ġiet dibattuta quddiem l-arbitru uniku u miċħuda minn dan tal-aħħar, huwa impossibbli li tingħata risposta għad-domanda preliminari mingħajr ma ssir reviżjoni fil-mertu tat-tielet sentenza parzjali, inkwantu ftehim ta’ liċenzja bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża preżenti ma jistax jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan tal-Artikolu 101 TFUE u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ksur flagranti tal-Artikolu 101 TFUE.

    58.

    Fl-opinjoni tiegħi, limitazzjonijiet għall-firxa ( 33 ) tal-istħarriġ tas-sentenzi arbitrali internazzjonali, bħalma huma dawk invokati għad-dritt Franċiż minn Hoechst u Sanofi-Aventis kif ukoll mill-Gvern Franċiż, jiġifieri n-natura flagranti tal-ksur tal-ordni pubbliku internazzjonali u l-impossibbiltà li tiġi mistħarrġa sentenza arbitrali internazzjonali għal tali ksur, meta l-kwistjoni ta’ ordni pubbliku tkun tqajmet u ġiet dibattuta quddiem it-tribunal arbitrali, imorru kontra l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    59.

    Filwaqt li jsir riferiment għas-sistema ta’ stħarriġ tal-kompatibbiltà tas-sentenzi arbitrali internazzjonali mad-dritt tal-Unjoni permezz tar-riżerva tal-ordni pubbliku, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269), li kienet tikkonċerna, bħall-kawża preżenti, rikors għall-annullament ta’ sentenza arbitrali internazzjonali msejsa fuq il-ksur tal-ordni pubbliku u kif ikkonfermat fis-sentenza tagħha Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316), li kienet tikkonċerna talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza arbitrali internazzjonali kkontestata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tribunali arbitrali, imsejħa “konvenzjonali” ( 34 ) ma humiex qrati tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Konsegwentement, ma jistgħux jagħmlu domandi preliminari. Huwa għalhekk il-kompitu tal-qrati tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, billi jirrikorru, jekk ikun il-każ, għall-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 35 ), li jeżaminaw il-kompatibbiltà ta’ sentenzi arbitrali (internazzjonali jew le) mad-dritt tal-Unjoni jekk titressaq kawża quddiemhom għal annullament ( 36 ), exequatur ( 37 ), jew fil-każ ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju ieħor jew forma oħra ta’ stħarriġ previsti mil-liġi nazzjonali applikabbli.

    60.

    Fi kliem ieħor, is-sistema ta’ stħarriġ tal-kompatibbiltà tas-sentenzi arbitrali internazzjonali mad-dritt sostantiv tal-Unjoni permezz tar-riżerva tal-ordni pubbliku, kemm fil-kuntest ta’ rikors kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, kif ukoll ta’ rikors għal annullament, timponi l-obbligu tal-istħarriġ sussegwenti, jiġifieri fuq il-qrati tal-Istati Membri, iktar milli tal-istħarriġ preliminari, jiġifieri fuq il-qrati arbitrali ( 38 ).

    61.

    Fil-fatt, il-kompitu tal-arbitri fl-arbitraġġ kummerċjali internazzjonali huwa li jinterpretaw u li japplikaw korrettament il-kuntratt li jorbot lill-partijiet. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu, l-arbitri jistgħu naturalment isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ikollhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jekk dan tal-aħħar ikun jagħmel parti mid-dritt applikabbli għall-kuntratt (lex contractus) jew mid-dritt applikabbli għall-arbitraġġ (lex arbitri). Madankollu, l-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli tal-ordni pubbliku Ewropew taqa’ fuq il-qrati tal-Istati Membri u mhux fuq l-arbitri, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll ta’ proċedura għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ( 39 ).

    62.

    Din is-sistema taħdem għalhekk bil-maqlub tas-sistema ta’ fiduċja reċiproka stabbilita, b’mod partikolari, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 40 ) li jafda l-kompitu tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, applikabbli għall-mertu tal-kawża, inklużi r-regoli tal-ordni pubbliku Ewropew, lill-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża fil-mertu (jiġifieri preliminarjament) u mhux sussegwentement, lill-qorti ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ( 41 ).

    63.

    Abbażi ta’ dawn, ser nanalizza ż-żewġ limitazzjonijiet li jimponi d-dritt Franċiż.

    a) In-natura flagranti jew manifesta tal-ksur tal-ordni pubbliku

    64.

    Kieku l-istħarriġ ta’ sentenza arbitrali internazzjonali fid-dawl tar-regoli tal-ordni pubbliku Ewropew (li diġà jkopru biss kategorija ristretta ħafna ta’ regoli tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni) kellu jiġi limitat għall-ksur manifest jew flagranti tal-Artikolu 101 TFUE, dan l-istħarriġ ikun illużorju meta wieħed iqis li l-ftehimiet jew il-prattiki li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni huma “ħafna drabi moħbija” ( 42 ), li jwassal, f’diversi każijiet, għall-impossibbiltà (jew għad-diffikultà eċċessiva) għal individwi li jeżerċitaw id-drittijiet li jagħtihom id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    65.

    Fil-fatt, kif jammettu Hoechst u Sanofi-Aventis fil-punt 21 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll l-espert tagħhom fil-punt 5 tal-konsultazzjoni tiegħu ( 43 ), dan l-istħarriġ estremament limitat jkollu l-effett li jikkonċerna biss “[il-]ksur [tal-Artikolu 101 TFUE] l-iktar evidenti, bħalma huma l-ftehimiet għall-iffissar tal-prezzijiet jew għat-tqassim tas-suq”. B’dan il-mod, ir-restrizzjonijiet minħabba l-effett jiġu esklużi għalkollox mill-istħarriġ tal-qorti tal-annullament, peress li l-konstatazzjoni tal-eżistenza tagħhom tkun teħtieġ iktar minn eżami minimu tal-mertu tas-sentenza arbitrali, li ma jistax jitwettaq mill-qrati Franċiżi.

    66.

    Irid jingħad li anki jekk teżisti gradazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, abbażi tal-evidenza u tal-ħsara tagħhom bejn, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett ( 44 ), ma hemm xejn fl-Artikolu 101 TFUE li jippermetti li jiġi konkluż li xi wħud minn dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu ttollerati. Fil-fatt, l-Artikolu 101 TFUE’ jipprojbixxi b’mod espliċitu l-akkordji “li jkollhom bħala għan jew riżultat” ( 45 ) li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għalhekk, jew ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, f’liema każ il-ftehim bejn l-impriżi inkwistjoni jkun awtomatikament null, jew ma jkunx hemm tali ksur.

    67.

    F’dan is-sens, ftit jimporta, konsegwentement, jekk il-ksur tar-regola ta’ ordni pubbliku jkunx flagranti jew le. L-ebda sistema ma tista’ taċċetta ksur tal-iktar regoli fundamentali tagħha li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tagħha, u dan indipendentement min-natura flagranti jew le, evidenti jew le, ta’ dan il-ksur.

    b) L-impossibbiltà li tiġi mistħarrġa sentenza arbitrali internazzjonali għal ksur tal-ordni pubbliku ladarba l-kwistjoni tkun tqajmet u ġiet dibattuta quddiem it-tribunal arbitrali, peress li dan ikun jimplika r-reviżjoni fil-mertu tal-imsemmija sentenza

    68.

    Fil-punt 36 tas-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 81 KE) kien jikkostitwixxi “dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti fdati [lill-Union] u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern” ( 46 ).

    69.

    Barra minn hekk, fil-punt 37 tas-sentenza Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma jorbotx lit-tribunali arbitrali ( 47 ). Dan jimplika li l-qrati tal-Istati Membri ma humiex marbuta josservaw ir-risposti għal kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni mogħtija mit-tribunali arbitrali, li ma humiex qrati tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    70.

    Konsegwentement, jekk l-Artikolu 101 TFUE huwa tant fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-fatt li l-partijiet ikunu qajmu u ddibattew quddiem it-tribunal arbitrali l-kwistjoni tal-inkompatibbiltà tas-sentenza arbitrali internazzjonali ma’ din id-dispożizzjoni ma jistax ikun determinanti għaliex l-aġir tal-partijiet matul il-proċedura arbitrali jista’ jkollu l-effett li jikkomprometti l-effikaċja ta’ dan l-artikolu, peress li t-tribunal arbitrali ma jistax bħala prinċipju ( 48 ) jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u mhux bilfors ikollu l-kompitu li jinterpreta u li japplika d-dritt tal-Unjoni.

    71.

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-istħarriġ minn qorti ta’ Stat Membru dwar jekk is-sentenzi arbitrali internazzjonali jmorrux kontra r-regoli tal-ordni pubbliku Ewropew ma jistax ikun marbut mal-punt li jiġi stabbilit jekk din il-kwistjoni tqajmitx jew ġietx dibattuta jew le waqt il-proċedura arbitrali, kif lanqas ma tista’ tiġi limitata mill-projbizzjoni, ifformulata mid-dritt nazzjonali, milli tiġi rriveduta fil-mertu s-sentenza inkwistjoni.

    72.

    Fi kliem ieħor, parti waħda jew iktar fi ftehimiet li jistgħu jkunu antikompetittivi ma jistgħux jeskludu lil dawn tal-aħħar mill-istħarriġ fid-dawl tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE billi jirrikorru għall-arbitraġġ.

    2. L-Artikolu 101(1) TFUE jimponi l-annullament ta’ sentenza arbitrali internazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti effett lil ftehim ta’ liċenzja għal privattiva, li jipprevedi, matul il-perijodu kollu tiegħu, il-ħlas ta’ tariffi kurrenti, u dan anki fil-każ ta’ annullament b’effett retroattiv ta’ privattiva li tkopri t-teknoloġija kkonċernata (fil-kawża preżenti l-privattiva EP 177) jew meta l-użu tat-teknoloġija inkwistjoni ma jinvolvix vjolazzjoni (fil-kawża preżenti l-privattivi US 522 u US 140)?

    a) Rimarki preliminari

    73.

    Jirriżulta mill-qari tat-tielet sentenza parzjali u mill-interpretazzjoni mogħtija mill-arbitru uniku tal-ftehim ta’ liċenzja li l-obbligu ta’ Genentech li tħallas tariffi kurrenti lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis, ikkalkolati abbażi tal-produzzjoni tagħhom ta’ prodotti mediċinali bl-użu tat-teknoloġija tal-katalizzatur, ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li din it-teknoloġija tkun jew tibqa’ protetta minn privattiva ( 49 ).

    74.

    Fil-fatt, skont it-tielet sentenza parzjali, is-sempliċi użu tat-teknoloġija inkwistjoni matul il-perijodu tal-ftehim ta’ liċenzja kien biżżejjed sabiex jagħti lok għall-obbligu li jitħallsu tariffi kurrenti ( 50 ).

    75.

    F’dan ir-rigward, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrevedi jew tqiegħed fid-dubju l-fatti kkonstatati mill-arbitru uniku u l-interpretazzjoni tiegħu tal-ftehim ta’ liċenzja skont id-dritt Ġermaniż, li skontha dan il-ftehim ta’ liċenzja jimponi l-ħlas ta’ tariffi minkejja l-annullament jew in-nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ privattiva waħda jew iktar.

    76.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u dan jirrendi inutli r-referenzi magħmula minn Genentech għas-sentenza Huawei Technologies (C‑170/13, EU:C:2014:2391) u għal ċerti estratti mill-konklużjonijiet ( 51 ) li ppreżentajt f’dik il-kawża li kienu jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

    b) L-argumenti tal-partijiet

    77.

    Għal Genentech, l-obbligu impost mit-tielet sentenza parzjali li jitħallsu t-tariffi kurrenti inkwistjoni meta l-privattiva tiġi annullata jew ma jkunx hemm vjolazzjoni ta’ privattiva liċenzjata jaffettwa mhux biss il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv, iżda jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett.

    78.

    F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, Genentech tirrileva li, fit-2 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ MabThera® b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93, tat-22 ta’ Lulju 1993, li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali ( 52 ), li hija valida għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni kollha. Skont Genentech, matul il-perijodu rilevanti (mill-1998 sal-2008), hija pproduċiet ir-“rituximab” għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu f’diversi Stati Membri, jiġifieri prinċipalment ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Hija tosserva li t-tariffi mogħtija mill-arbitru uniku ġew ikkalkolati abbażi tal-bejgħ nett dinji ta’ prodotti finali għall-perijodu bejn l-1998 u l-2008 u li, fid-dawl tal-volum kunsiderevoli ta’ bejgħ fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti, ir-restrizzjoni għall-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ħlas impost mill-arbitru uniku taffettwa b’mod dirett il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    79.

    Genentech tispjega wkoll li hija qed issofri żvantaġġ kompetittiv fis-suq, peress li hija kostretta tħallas għall-użu ta’ teknoloġija li minnha l-kompetituri l-oħra jistgħu jagħmlu użu b’mod liberu u b’xejn.

    80.

    Barra minn hekk, skont Genentech, Hoechst u Sanofi-Aventis ġew ikkumpensati u gawdew minn arrikkiment inġust billi tħallsu ( 53 ) tariffi kurrenti fuq skoperti xjentifiċi u teknoloġiċi mingħajr ma kkontribwew lejhom bl-ebda mod. Hija tqis li s-sentenzi arbitrali internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali awtorizzaw lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis “jintaxxaw” lill-kompetituri tagħhom u jpoġġu piż finanzjarju fuq l-industrija farmaċewtika, b’mod ġenerali, u fuq Genentech u s-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari, li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja, u dan bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    81.

    Dwar il-kompetizzjoni nnifisha, Genentech tirrileva l-fatt li Sanofi-Aventis hija t-tieni l-ikbar grupp farmaċewtiku fl-Ewropa f’termini ta’ dħul għall-prodotti mediċinali bir-riċetta u hija involuta fir-riċerka u fl-iżvilupp, kif ukoll fil-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali f’bosta oqsma terapewtiċi. Hija żżid tgħid li Sanofi-Aventis hija waħda mill-kompetituri prinċipali ta’ Roche (li llum għandha 100 % tal-ishma ta’ Genentech) fil-qasam tal-industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka.

    82.

    Min-naħa l-oħra, Hoechst u Sanofi-Aventis iqisu li s-sentenzi arbitrali kkontestati minn Genentech għandhom biss rabta limitata ħafna mal-Unjoni.

    83.

    Huma jirrilevaw ukoll li t-tariffi dovuti minn Genentech ma għandhomx bħala sors tagħhom kwalunkwe privattiva Ewropea u li s-sentenzi arbitrali internazzjonali kkontestati ma għandhomx l-iċken impatt fuq il-bejgħ ta’ Genentech. Huma jżidu jgħidu li l-arbitru uniku ddeċieda dwar l-unika kwistjoni li jiġi stabbilit jekk Genentech kinitx kuntrattwalment marbuta tħallas it-tariffi previsti fil-ftehim ta’ liċenzja u li t-tariffi mogħtija lil Hoechst u lil Sanofi-Aventis permezz tas-sentenza definittiva ġew ikkalkolati abbażi tal-bejgħ dinji ta’ Rituxan®, li minnu 17 % biss jikkonċerna l-Unjoni, li jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal EUR 18 miljun għall-perijodu inkwistjoni bejn l-1998 u l-2008.

    c) Evalwazzjoni

    84.

    Dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni, jeżistix grad suffiċjenti ta’ probabbiltà li l-obbligu li jitħallsu tariffi, wara s-sentenza definittiva u b’applikazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja, jeżerċita influwenza diretta, attwali jew potenzjali fuq il-flussi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, u li din l-influwenza ma hijiex ta’ natura mhux sinjifikattiva ( 54 ).

    85.

    F’dak li jirrigwarda r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, il-kwistjoni hawnhekk ma hijiex li jiġi stabbilit jekk Genentech kinitx kummerċjalment żvantaġġjata minħabba l-interpretazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja mogħtija mill-arbitru uniku jew jekk, bil-benefiċċju (inkontestabbli) tal-esperjenza tal-passat, din l-impriża kinitx tikkonkludi dan il-ftehim ( 55 ). L-għan tal-Artikolu 101 TFUE ma huwiex li jirregola b’mod ġenerali r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-impriżi, iżda jillimita ruħu għall-projbizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ ftehimiet bejn impriżi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom l-għan jew l-effett tal-prevenzjoni, tar-restrizzjoni jew tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    86.

    Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Ottung (320/87, EU:C:1989:195), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni obbligu kuntrattwali li permezz tiegħu d-detentur ta’ liċenzja li tikkonċerna invenzjoni koperta bi privattiva kien marbut iħallas tariffa, mingħajr limitazzjoni taż-żmien, u għalhekk anki wara l-iskadenza tal-privattiva.

    87.

    Fil-punti 11 u 12 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat:

    “Ma jistax jiġi eskluż li klawżola fi ftehim ta’ liċenzja, li timponi obbligu li titħallas tariffa, jista’ jkollha oriġini differenti minn privattiva. Fil-fatt, tali klawżola iktar tista’ tirriżulta minn deċiżjoni ta’ natura kummerċjali fuq il-valur attribwit lill-possibbiltajiet ta’ operat mogħtija mill-ftehim ta’ liċenzja […]

    Fil-każ fejn l-obbligu li jitħallsu tariffi jkun ġie stabbilit għal perijodu indeterminat u għalhekk jiġi sostnut li għandu jkompli jorbot lid-debitur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità tal-privattiva inkwistjoni, tqum il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim ta’ liċenzja, l-obbligu li tkompli titħallas it-tariffa jistax jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu [101](1)” ( 56 ).

    88.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu inkwistjoni jista’ jikser l-Artikolu 101(1) TFUE meta dan tal-aħħar jew ma jagħtix lill-persuna liċenzjata d-dritt li xxolji l-ftehim permezz ta’ preavviż raġonevoli, jew jirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-persuna liċenzjata wara x-xoljiment ( 57 ).

    89.

    Għalkemm huwa minnu li din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna ċirkustanzi ekonomiċi u ġuridiċi li kienu xi ftit differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 58 ), inqis li din il-ġurisprudenza tista’ tapplika b’analoġija għall-kawża preżenti.

    90.

    It-tielet sentenza parzjali tikkonferma l-fatt li l-obbligu ta’ Genentech li tħallas tariffi kien jirriżulta mhux mill-użu ta’ teknoloġija koperta bi privattivi validi, iżda unikament mill-ftehim ta’ liċenzja inkwistjoni ( 59 ). Jirriżulta b’mod ċar mill-interpretazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja mogħtija mill-arbitru uniku b’applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż li l-għan kummerċjali ta’ dan il-ftehim kien li jippermetti lil Genentech tuża l-katalizzatur inkwistjoni filwaqt li tevita proċeduri kontenzjużi fil-qasam tal-privattivi. Peress li Genentech, kuntrarjament għall-utenti l-oħra tal-katalizzatur li ma kkonkludewx tali ftehim ta’ liċenzja ma’ Hoechst u Sanofi-Aventis, ibbenefikat effettivament minn din it-“tregwa temporanja” ( 60 ) matul il-perijodu tal-ftehim ta’ liċenzja, il-ħlasijiet għall-użu tal-katalizzatur, dovuti minn Genentech skont dan il-ftehim, ma setgħux jiġu rrimborsati minkejja n-nuqqas ta’ vjolazzjoni jew l-annullament tal-privattivi inkwistjoni.

    91.

    Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallsu tariffi kien previst biss matul il-perijodu tal-validità ta’ dan il-ftehim tal-liċenzja u Genentech setgħet liberament ixxoljieh permezz ta’ preavviż qasir ħafna ta’ xahrejn ( 61 ). Mill-mument tax-xoljiment tal-ftehim ta’ liċenzja, Genentech kienet tinsab eżattament fl-istess sitwazzjoni bħall-utenti l-oħra kollha tal-katalizzatur inkwistjoni ( 62 ).

    92.

    Nirrileva wkoll il-fatt li l-libertà ta’ azzjoni ta’ Genentech bl-ebda mod ma kienet ristretta fil-perijodu ta’ wara x-xoljiment u li hija ma kinitx marbuta bi klawżola li timpediha milli tikkontesta l-validità jew il-vjolazzjoni tal-privattivi inkwistjoni. Barra minn hekk, wara x-xoljiment tal-ftehim ta’ liċenzja, din tal-aħħar ippreżentat kawża għall-annullament tal-privattivi quddiem il-United States District Court for the Northern District of California (qorti tal-Istati Uniti għad-distrett tat-tramuntana ta’ California).

    93.

    Genentech madankollu tqis li jirriżulta mis-sentenza Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75) li jseħħ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jekk id-detentur ta’ liċenzja ta’ privattiva jkun marbut iħallas tariffi kkalkolati abbażi tal-prezz tal-bejgħ nett ta’ prodott li ma jkunx kopert bi privattiva.

    94.

    F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju, din is-sistema ta’ kalkolu tat-tariffi bbażata fuq il-prezz tal-bejgħ nett ta’ serfbord kompluta kienet ta’ natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq l-inġenji ta’ wiċċ il-baħar li ma kinux koperti bi privattiva ( 63 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 65 ta’ dik is-sentenza, li kien hemm domanda kemm għal attrezzaturi iżolati kif ukoll għal inġenji ta’ wiċċ il-baħar iżolati.

    95.

    Madankollu, f’dik is-sentenza, id-detentur tal-privattiva kien, abbażi tal-klawżola inkwistjoni u bi ksur tal-Artikolu 101(1)(e) TFUE, issuġġetta l-konklużjoni tal-kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-persuna li kienet bi sħab miegħu, ta’ benefiċċji supplimentari ( 64 ) li, min-natura tagħhom jew skont l-użijiet kummerċjali, ma kellhom l-ebda rabta mas-suġġett tal-kuntratt. Irid jingħad li fil-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda ħjiel li jippermetti li jiġi indikat li l-effett tal-eżekuzzjoni tat-tielet sentenza parzjali seta’ jkun li jiġu imposti fuq Genentech obbligi li, min-natura tagħhom jew skont l-użijiet kummerċjali, ma kien ikollhom l-ebda rabta mas-suġġett tal-kuntratt tal-liċenzja.

    96.

    Fil-fatt, skont l-arbitru uniku, l-għan kummerċjali tal-ftehim ta’ liċenzja kien li jiġu evitati proċeduri kontenzjużi fil-qasam tal-privattivi u, konsegwentement, il-kalkolu tat-tariffi kien totalment indipendenti mill-eżistenza jew le ta’ privattiva valida fuq il-prodott finali.

    97.

    Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 101 TFUE ma jostakolax li jingħata effett, fil-każ tal-annullament jew tan-nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattivi li jipproteġu teknoloġija, lil kuntratt ta’ liċenzja li jimponi fuq il-persuna liċenzjata l-obbligu li jitħallsu tariffi għas-sempliċi użu tad-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati meta, minn naħa, l-għan kummerċjali ta’ dan il-ftehim huwa li jippermetti lill-persuna liċenzjata tuża t-teknoloġija inkwistjoni filwaqt li tevita proċeduri kontenzjużi fil-qasam tal-privattivi u meta, min-naħa l-oħra, il-persuna liċenzjata tkun tista’ xxolji l-ftehim ta’ liċenzja permezz ta’ preavviż raġonevoli, u dan anki fil-każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni.

    3. Dwar l-applikabbiltà tar-regolamenti ta’ eżenzjoni li jikkonċernaw it-trasferiment tat-teknoloġija

    98.

    Genentech, Hoechst, Sanofi-Aventis, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014, tal-21 ta’ Marzu 2014, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija ( 65 ).

    99.

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż iqis li, peress li d-domanda magħmula tikkonċerna l-implementazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja għall-perijodu bejn il-15 ta’ Diċembru 1998 u s-27 ta’ Ottubru 2008, għandu jkun ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 240/96, tal-31 ta’ Jannar 1996, fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] għal ċerti kategoriji ta’ ftehim dwar trasferiment tat-teknoloġija ( 66 ), u r-Regolament Nru 772/2004 li għandhom jiġu applikati għall-perijodu inkwistjoni.

    100.

    Fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex opportun li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ta’ dawn it-tliet regolamenti, imsejħa “ta’ eżenzjoni”, għall-każ preżenti.

    101.

    Minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni suffiċjenti sabiex twettaq tali analiżi, din tkun superfluwa peress li nqis li, skont is-sentenza Ottung (320/87, EU:C:1989:195), l-Artikolu 101(1) u (2) TFUE ma jimponix l-annullament tat-tielet sentenza parzjali. Nirrileva li dawn ir-regolamenti ta’ eżenzjoni japplikaw l-Artikolu 101(3) TFUE ( 67 ) għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija li fihom jipparteċipaw biss żewġ impriżi u għall-prattiki miftiehma relatati magħhom, li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

    102.

    Inqis, għall-kompletezza, li l-osservazzjonijiet ta’ Genentech li l-obbligu impost fuqha, skont it-tielet sentenza parzjali, li tħallas tariffi abbażi tat-totalità tal-bejgħ ta’ MabThera® jikkostitwixxi restrizzjoni fundamentali b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u (d) tar-Regolament Nru 316/2014, ma jistgħux jirnexxu.

    103.

    Fil-fatt, ma jirriżultax mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ftehim ta’ liċenzja u t-tielet sentenza parzjali għandhom l-għan jew l-effett, minn naħa, li jirrestrinġu l-kapaċità ta’ Genentech li tiddetermina l-prezzijiet tagħha tal-bejgħ lil terzi ( 68 ) jew, min-naħa l-oħra, li jirrestrinġu l-kapaċità tagħha “li [t]isfrutta d-drittijiet marbuta mat-teknoloġija [tagħha] stess” jew “li twettaq riċerka u żvilupp” ( 69 ).

    VI – Konklużjoni

    104.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi):

    L-Artikolu 101 TFUE ma jimponix, fil-każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattivi li jipproteġu teknoloġija, l-annullament ta’ sentenza arbitrali internazzjonali li tagħti effett lil kuntratt ta’ liċenzja, li jimponi fuq il-persuna liċenzjata l-obbligu li tħallas tariffi għas-sempliċi użu tad-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati meta l-għan kummerċjali ta’ dan il-ftehim ikun li jippermetti lill-persuna liċenzjata tuża t-teknoloġija inkwistjoni filwaqt li tevita proċeduri kontenzjużi fil-qasam tal-privattivi, bil-kundizzjoni li l-persuna liċenzjata tkun tista’ xxolji l-ftehim ta’ liċenzja permezz ta’ preavviż raġonevoli, tkun tista’ tikkontesta l-validità jew il-vjolazzjoni tal-privattivi u żżomm il-libertà ta’ azzjoni tagħha wara x-xoljiment.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sussegwentement Behringwerke ċediet id-drittijiet tagħha lil Hoechst. Minn Lulju 2005, Hoechst saret sussidjarja ta’ Sanofi-Aventis, li għandha 100 % tal-kapital azzjonarju tagħha.

    ( 3 ) Terminu ddefinit fil-ftehim ta’ liċenzja bħala “merkanzija li tista’ tiġi nnegozjata kummerċjalment u li tinkludi prodott liċenzjat, li tinbiegħ f’forma li tippermetti li tiġi amministrata lill-pazjenti għal użu terapewtiku jew li tintuża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dijanjożi, li la għandha l-għan u lanqas ma hija kkummerċjalizzata bl-iskop ta’ formulazzjoni ġdida, ta’ trattament, jew sabiex terġa’ tiġi ppakkjata jew mogħtija tikketta ġdida qabel l-użu tagħha”. Skont dan il-ftehim, l-espressjoni “prodott liċenzjat” tfisser “il-materjali (inklużi l-organiżmi) li l-produzzjoni, l-użu u l-bejgħ tagħhom imur kontra, fin-nuqqas tal-ftehim preżenti, invokazzjoni jew bosta invokazzjonijiet mhux skaduti, inklużi fid-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati”.

    ( 4 ) L-Artikolu 8(3) tal-ftehim ta’ liċenzja jistabbilixxi li “[i]l-persuna liċenzjata tista’ tirrexxindi dan il-ftehim u l-liċenzji konċessi abbażi ta’ dan tal-aħħar billi tagħti lil Behringwerke preavviż ta’ xahrejn f’dan is-sens, jekk il-persuna liċenzjata tiddeċiedi li tieqaf tuża d-drittijiet tal-liċenzja mogħtija skont il-preżenti”.

    ( 5 ) Is-sustanza attiva ta’ Rituxan® hija r-“rituximab”. Dan il-prodott mediċinali ilu jiġi kkummerċjalizzat fl-Istati Uiti mill-1998 taħt l-isem kummerċjali ta’ Rituxan® u, fl-Unjoni Ewropea, taħt dak ta’ MabThera®. Jirriżulta mit-tweġibiet ta’ Genentech kif ukoll ta’ Hoechst u ta’ Sanofi-Aventis għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sentenzi arbitrali relatati mal-kawża preżenti jikkonċernaw il-bejgħ ta’ Rituxan® fid-dinja kollha, inkluż il-bejgħ ta’ dan il-prodott mediċinali taħt l-isem ta’ “MabThera®”.

    ( 6 ) Il-lingwa oriġinali tat-tielet sentenza parzjali hija l-Ingliż. Genentech ippreżentat traduzzjoni “libera” bil-Franċiż quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ser tintuża f’dawn il-konklużjonijiet.

    ( 7 ) Ara l-punti 322 sa 330 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 8 ) Ara l-punt 326 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 9 ) Ara l-punt 114 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 10 ) Ara l-punt 299 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 11 ) L-arbitru uniku qies li, bl-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż, applikabbli għall-ftehim ta’ liċenzja, il-kuntratti kellhom jiġu interpretati mhux biss abbażi ta’ dak li jistipulaw, iżda wkoll abbażi tal-oriġini, tal-kuntest sistematiku u tal-għan kummerċjali tagħhom (ara f’dan is-sens, il-punt 255 tat-tielet sentenza parzjali). Huwa kkonkluda li l-motivi kummerċjali li wasslu lill-partijiet sabiex jikkonkludu l-ftehim ta’ liċenzja kienu jirriżultaw mill-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar, Behringwerke kellha invenzjoni koperta bi privattiva (jiġifieri l-privattiva EP 177) li minnha Genentech xtaqet tagħmel użu kummerċjali, mingħajr ir-riskju ta’ vjolazzjoni tal-privattiva (ara, f’dan is-sens, il-punt 258 tat-tielet sentenza parzjali). Skont l-arbitru uniku, il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva ma kinitx rilevanti fid-dritt Ġermaniż, li jirrikonoxxi d-dritt kuntrattwali għall-ħlas ta’ tariffi fil-ftehim ta’ liċenzja, anki jekk il-privattiva inkwistjoni fl-aħħar mill-aħħar tiġi annullata. Huwa ddeċieda li, skont id-dritt Ġermaniż, persuna setgħet ukoll tikkonċedi liċenzja fuq invenzjoni li ma tkunx jew ma tkunx tista’ tiġi koperta bi privattiva (ara, f’dan is-sens il-punt 292 tat-tielet sentenza parzjali).

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 307 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 13 ) Ara l-punt 308 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 14 ) Ara l-punt 313 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 15 ) Ara l-punt 314 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 161 u l-ewwel punt tad-dispożittiv tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 17 ) Dawn l-ammonti ma ġewx emendati permezz tad-deċiżjoni u tal-addendum għas-sentenza finali mogħtija fil-25 ta’ Frar 2013, li kienu jikkonċernaw il-kalkolu tal-interessi dovuti minn Genentech lil Hoechst (iktar ’il quddiem l-“addendum”).

    ( 18 ) Ara l-punt 222 tas-sentenza finali.

    ( 19 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 20 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 22 ) Ara l-punti 13 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, it-talbiet ta’ Genentech quddiem il-qorti tar-rinviju (li jissemmew ukoll fit-talba għal deċiżjoni preliminari) li jisħqu dwar l-annullament tat-tielet sentenza parzjali, tas-sentenza finali u tal-addendum.

    ( 25 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 74.

    ( 26 ) Ara l-punti 84 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) It-tliet regolamenti inkwistjoni għandhom bħala bażi legali r-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill, tat-2 ta’ Marzu 1965, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 11).

    ( 28 ) Ara Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi), 18 ta’ Novembru 2004, Thalès, RG Nru 2002/19606, p. 9; Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 4 ta’ Ġunju 2008, Cytec, Nru 06-15.320, Bull. civ. I, Nru 162, p. 4.

    ( 29 ) Ara d-digriet EBS Le Relais Nord-Pas-de-Calais (C‑240/12, EU:C:2013:173, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 4 ta’ Ġunju 2008, Cytec, Nru 06-15.320, Bull. civ. I, no 162, p. 4.

    ( 31 ) Ara l-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi), 18 ta’ Novembru 2004, Thalès, RG Nru 2002/19606, p. 9. Din is-soluzzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza Cytec [Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 4 ta’ Ġunju 2008, Cytec, Nru 06-15.320, Bull. civ. I, no 162, p. 4]. Iż-żewġ kawżi kienu jikkonċernaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    ( 33 ) Peress li r-rikors għal annullament, konformement mal-Artikolu 1520 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, għandu fil-mira tiegħu sentenzi arbitrali internazzjonali mogħtija fi Franza, is-suġġett tal-istħarriġ huwa s-sentenza arbitrali internazzjonali stess u mhux l-istrument sottostanti li fih tinsab il-klawżola ta’ arbitraġġ li tat lok għall-arbitraġġ, li fil-kawża preżenti huwa l-ftehim ta’ liċenzja. Huwa minnu li s-sentenzi arbitrali internazzjonali ma jikkostitwixxux akkordji bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, iżda deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali li ma huma marbuta mal-ebda ordinament ġuridiku statali, iżda li jaqgħu taħt l-ordinament arbitrali internazzjonali [ara Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 8 ta’ Lulju 2015, Ryanair, Nru 13-25.846, FR:CCASS:2015:C100797; ara wkoll, f’dan is-sens, Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 23 Marzu 1994, Hilmarton Ltd, Nru 92-15137, Bull. civ. I, no 104, p. 79; Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni), l-ewwel awla ċivili, 29 Ġunju 2007, PT Putrabali Adyamulia, Nru 05-18053, Bull. civ. I, no 250]. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269) li sentenza arbitrali internazzjonali għandha tiġi annullata meta tagħti effett lil ftehim bejn impriżi li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE, anki jekk is-sentenza nnifisha ma tkunx tikkostitwixxi ftehim bejn impriżi. Kieku dan ma kienx il-każ, il-partijiet ikunu jistgħu jeskludu l-ftehimiet antikompetittivi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE billi jintroduċu klawżoli ta’ arbitraġġ.

    ( 34 ) Ara s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 34). Qed nuża dan it-terminu sabiex nagħmel distinzjoni minn ċerti tribunali arbitrali li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jagħmlu domanda preliminari (ara s-sentenza Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754 u d-digriet Merck Canada, C‑555/13, EU:C:2014:92). Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, jista’ jiġi previst li t-tribunali arbitrali li quddiemhom titressaq talba fil-kuntest ta’ ftehim għad-determinazzjoni ta’ tilwim relatat mal-investimenti bejn Stati u ċittadini ta’ Stati oħra (CIRDI) jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, Basedow, J., “EU Law in International Arbitration: Referrals to the European Court of Justice”, Journal of International Arbitration, Vol. 32, 2015, p. 367, p. 376 sa 381. Peress li n-numru u l-importanza tal-arbitraġġi fil-qasam tal-investimenti li jagħtu lok għal kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni qiegħed dejjem jiżdied, b’mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna tal-Istat, il-possibbiltà għat-tribunali arbitrali li jagħmlu domandi preliminari tista’ tikkontribwixxi għall-applikazzjoni korretta u effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

    ( 35 ) Ara s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 32, 3340). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Högsta domstolen (qorti suprema, l-Isvezja) tas-17 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża Nru T 5767‑13, Systembolaget vs The Absolute Company, punt 23.

    ( 36 ) Dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti kif ukoll tal-qrati Olandiżi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269).

    ( 37 ) Dan kien il-każ tal-qrati Litwani fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316) fejn il-kwistjoni kienet li jiġi stabbilit jekk is-sentenza arbitrali internazzjonali inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi “anti-suit injunction” li tmur kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu V(2)(b) tal-konvenzjoni għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi arbitrali barranin, konkluża fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 330, p. 3).

    ( 38 ) Ċertament li hemm xi eċċezzjonijiet bħal, b’mod partikolari, l-intervent preliminari tal-qorti (tal-Istat) tas-sede tal-arbitraġġ fil-kwalità tagħha ta’ qorti insostenn tal-arbitraġġ. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet ma għandhomx l-għan li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rich (C‑190/89, EU:C:1991:319) li kienet tikkonċerna l-kostituzzjoni ta’ tribunal arbitrali.

    ( 39 ) Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti fil-kuntest ta’ arbitraġġ internazzjonali fil-qasam tal-investiment fejn ċerti sistemi, bħal dik tal-konvenzjoni CIRDI, ma jipprevedux, għall-qrati nazzjonali tal-Istati Membri, il-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-konformità tas-sentenzi arbitrali internazzjonali mal-ordni pubbliku Ewropew (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 53 u 54 ta’ din il-konvenzjoni). Madankollu, kemm-il darba dawn is-sistemi legali, bħall-konvenzjoni CIRDI, jorbtu lill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi, ikunu jaqgħu taħt l-Artikolu 351 TFUE. Il-kunflitt bejn l-ordinament arbitrali internazzjonali u l-ordinament tal-Unjoni jkun jista’ jiġi evitat jekk it-tribunali arbitrali jkunu jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34).

    ( 40 ) ĠU L 351, p. 1.

    ( 41 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 33 tas-sentenza Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-qorti tal-Istat fejn qed jintalab ir-rikonoxximent ma tistax, mingħajr ma tippreġudika l-għan aħħari tal-konvenzjoni, tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni mogħitja minn Stat kontraenti ieħor, għas-sempliċi raġuni li, f’din id-deċiżjoni, id-dritt nazzjonali jew id-dritt [tal-Unjoni] ġie applikat b’mod ħażin. Huwa importanti, min-naħa l-oħra, li jitqies li, f’każijiet bħal dawn, is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita f’kull Stat kontraenti, ikkompletata bil-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu [267 TFUE], tipprovvdi lil partijiet fil-kawża garanzija suffiċjenti”. Sussegwentement, hija ddeċidiet, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li “[ż]ball eventwali ta’ liġi, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, ma [kienx] jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola essenzjali tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn ikun qed jintalab ir-rikonoxximent”.

    ( 42 ) Sentenza Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27).

    ( 43 ) Il-Professur Laurence Idot jirrikonoxxi li t-teżi tiegħu jkollha l-konsegwenza li “għajr f’ipotesi eċċezzjonali ta’ sentenza li tagħti effett, pereżempju, lil kartell, il-qorti statli ma [tkunx] tista’ iktar, f’każ ta’ rikors kontra s-sentenza, tiddibatti, fil-mertu, l-kwistjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, jekk din tkun tqajmet u ġiet dibattuta quddiem it-tribunal arbitrali”.

    ( 44 ) Ara s-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 48 sa 52).

    ( 45 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 46 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja sejset din il-konstatazzjoni fuq l-Artikolu 3(g) tat-Trattat KE[attwalment l-Artikolu 3(1)(b) TFUE]. Kif spjegajt fil-punt 182 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gazprom (C‑536/13, EU:C:2014:2414), “ma naqbilx mal-interpretazzjoni tas-[sentenza] Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36) […] li l-fatt biss li settur partikolari jagħmel parti mill-kompetenzi, esklużivi jew maqsumin, tal-Unjoni skont l-Artikoli 3 TFUE u 4 TFUE huwa biżżejjed sabiex jeleva dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-grad ta’ dispożizzjoni tal-ordni pubbliku. Jekk dan huwa l-każ, id-dritt kollu tal-Unjoni, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] sa direttiva dwar apparat bil-pressa, ikun ta’ ordni pubbliku […]”. Fil-punt 177 tal-istess konklużjonijiet, spjegajt, billi ċċitajt il-punt 304 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), li l-kunċett tal-ordni pubbliku Ewropew seta’ jinkludi biss il-“prinċipji li jirriżultaw mill-istess bażi tas-sistema legali [tal-Unjoni]” sal-punt li “ma jistgħux jiġu interpretati b’mod żbaljat għaliex tali interpretazzjoni żbaljata tkun inaċċettabli mill-perspettiva ta’ Stat tad-dritt, liberu u demokratiku”. Il-kwistjoni għalhekk tikkonċerna “regol[i] imperattiv[i] tant fundamentali għall-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] [...] li ma tista’ ssir ebda deroga minn[hom] fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni” (ara l-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:11). L-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE huma, f’dan is-sens, dispożizzjonijiet fundamentali u essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern, li mingħajrhom l-Unjoni ma tiffunzjonax u li l-ksur tagħhom, flagranti jew le, evidenti jew le, ikun inaċċettabbli mill-perspettiva tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    ( 47 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 154 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gazprom (C‑536/13, EU:C:2014:2414).

    ( 48 ) Ara s-sentenza Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754) u d-digriet Merck Canada (C‑555/13, EU:C:2014:92). F’dan il-każ, l-arbitru uniku ma jikkostitwixxix “qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza għaliex il-ġurisdizzjoni tiegħu ma hijiex obbligatorja, iżda tirriżulta minn għażla kuntrattwali magħmula liberament mill-partijiet fil-ftehim ta’ liċenzja, li tat lok għas-sentenzi arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    ( 49 ) Fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, Genentech, Hoechst u Sanofi-Aventis, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jqisu li t-tielet sentenza parzjali ma tikkonċernax il-privattiva EP 177. Il-Kummissjoni tqis li r-rilevanza taż-żewġ privattivi Amerikani (il-privattivi US 522 u US 140) għat-tielet sentenza parzjali ma hijiex wisq ikbar. Hija tqis li konformement mad-dritt applikabbli għall-ftehim ta’ liċenzja, jiġifieri d-dritt Ġermaniż, ir-revoka jew l-annullament ta’ privattiva li hija s-suġġett ta’ liċenzja ma jaffettwawx l-obbligu li jitħallsu tariffi, u żżid tgħid li d-dritt Ġermaniż jippermetti l-għoti ta’ liċenzja anki għal teknoloġija li la hija koperta u lanqas ma tista’ tiġi koperta minn privattiva. Hoechst u Sanofi-Aventis jenfasizzaw il-fatt li jirriżulta b’mod ċar mit-tielet sentenza parzjali li l-arbitru uniku ordna li Genentech tħallas it-tariffi dovuti lil Sanofi billi bbaża ruħu esklużivament fuq l-użu, għall-produzzjoni tar-Rituxan® minn Genentech fl-Istati Uniti, tal-katalizzatur li huwa s-suġġett tal-ftehim ta’ liċenzja.

    ( 50 ) Huwa paċifiku li, skont il-qrati Amerikani, ma hemmx vjolazzjoni tal-privattivi US 522 u US 140. Barra minn hekk, l-arbitru uniku ddikjara, fil-punti 322 sa 330 tat-tielet sentenza parzjali, li l-katalizzatur kien intuża għall-produzzjoni tar-Rituxan® bejn il-15 ta’ Diċembru 1998 u s-27 ta’ Ottubru 2008. Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 51 ) C‑170/13, EU:C:2014:2391.

    ( 52 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 151.

    ( 53 ) Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2013, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tat l-exequatur lit-tielet sentenza parzjali, lis-sentenza definittiva u lill-addendum. L-ordnijiet deċiżi fih ġew konsegwentement eżegwiti.

    ( 54 ) Skont il-Kummissjoni, ċerti elementi jissuġġerixxu li l-obbligu li jitħallsu t-tariffi inkwistjoni jista’ jkollu tali influwenza. “Fl-ewwel lok, il-portata ġeografika tal-ftehim ta’ liċenzja hija dinjija u tinkludi għalhekk l-Unjoni Ewropea kollha […]. Fit-tieni lok, il-ftehim ta’ liċenzja jikkonċerna teknoloġija li, fl-opinjoni tal-arbitru [uniku], intużat għall-produzzjoni tar-rituximab, il-komponent attiv tal-prodott mediċinali MabThera® kkummerċjalizzat fl-Unjoni Ewropea. Fit-tielet lok, MabThera® hija s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq […] skont l-Artikolu 3 tar-[Regolament (KEE) Nru 2309/93]. Fir-raba’ lok, Genentech tidher li kkummerċjalizzat il-MabThera® għall-inqas fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Fil-ħames lok, jidher li Sanofi u [Genentech, li issa tagħmel parti mill-grupp Roche] huma kompetituri kbar fil-qasam tar-riċerka farmaċewtika u, b’mod partikolari, kompetituri potenzjali fil-qasam ta’ azzjoni tar-Rituxan® (u MabThera®). Fis-sitt lok, l-obbligu li jitħallsu tariffi jista’ jgħolli l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Genentech u jkollu l-effett li jnaqqas il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji eżistenti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ azzjoni ta’ MabThera®. Fis-seba’ lok, jidher li Rituxan® u MabThera® jiġġeneraw dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn biljun ewro, u dan jippermetti li jitqiesu bħala prodotti mediċinali ‘blockbuster’”.

    ( 55 ) Kif osservaw Hoechst u Sanofi-Aventis fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, “is-sempliċi fatt li l-ħlas tat-tariffi kuntrattwali dovuti b’applikazzjoni tal-[f]tehim ta’ liċenzja jista’ eventwalment jikkostitwixxi piż finanzjarju fuq il-persuna liċenzjata, fil-każ preżenti Genentech, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Tali piż juri sempliċement in-natura kummerċjali tal-[f]tehim ta’ liċenzja, li ġie konkluż b’għarfien bejn impriżi kummerċjali li huma ta’ saħħa ugwali u perfettament informati, u li bħal kull kuntratt kummerċjali ieħor, jista’ jirriżulta li kien kummerċjalment inqas vantaġġjuż milli waħda mill-partijiet setgħet inizjalment tipprevedi”.

    ( 56 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 57 ) Ara s-sentenza Ottung (320/87, EU:C:1989:195, punt 13). Genentech tqis li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 1975, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (IV/26.949 – AOIP vs Beyrard) (ĠU, L 6, p. 8), kienet “iddikjarat li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni meta klawżola ta’ ftehim għal privattiva liċenzjata ‘tipprevedi l-ħlas ta’ tariffi lill-konċedent tal-ordnijiet tal-liċenzja mingħajr ma l-privattivi ta’ dan tal-aħħar ikunu qed jintużaw’. Skont il-Kummissjoni […], tali klawżola fi ftehim ta’ liċenzja ‘hija wkoll inkompatibbli mal-Artikolu [101](1), bl-istess mod bħall-obbligu li jitħallsu tariffi wara l-iskadenza tal-privattiva” (l-enfasi hija tiegħi). L-osservazzjonijiet ta’ Genentech jikkonċernaw klawżola li tobbliga persuna liċenzjata tħallas tariffi meta tipproduċi l-prodotti msemmija fil-kuntratt mingħajr ma tuża l-privattivi tal-konċedent tal-liċenzja. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-klawżola kellha effett restrittiv għall-kompetizzjoni, għaliex kienet tipprevedi l-ħlas ta’ tariffi lill-konċedent tal-liċenzja mingħajr ma l-privattivi ta’ dan tal-aħħar ikunu qed jintużaw. F’dan ir-rigward, hija qieset li din il-klawżola, bħal kwalunkwe klawżola oħra li kienet tistabbilixxi l-obbligu li jitħallsu tariffi wara l-iskadenza ta’ privattiva, kienet inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE. Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, bħall-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 13 tas-sentenza tagħha Ottung (320/87, EU:C:1989:195) enfasizzat li “[l]-obbligu li jitħallsu tariffi wara l-iskadenza tal-privattiva [..] jikkostitwixxi […] ksur tal-Artikolu [101] għaliex il-kuntratt ma jawtorizzax lill-persuna liċenzjata tittermina l-kuntratt” (l-enfasi hija tiegħi).

    ( 58 ) Il-kawża preżenti tikkonċerna każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattivi filwaqt li l-kawża li tat lok għas-sentenza Ottung (320/87, EU:C:1989:195) kienet tikkonċerna l-iskadenza tal-privattivi.

    ( 59 ) Hoechst u Sanofi-Aventis jirrilevaw il-fatt li d-drittijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri jipprevedu li, meta privattiva tiġi annullata, il-persuna liċenzjata għandha d-dritt li fil-ġejjieni tieqaf tħallas it-tariffi, iżda ma tistax, min-naħa l-oħra, titlob ir-rimbors tat-tariffi li jkunu diġà tħallsu.

    ( 60 ) Ara l-punt 315 tat-tielet sentenza parzjali.

    ( 61 ) Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ottung (320/87, EU:C:1989:195), kien previst preavviż ta’ sitt xhur li kien jiskadi fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

    ( 62 ) Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Kummisjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, ‘“l-obbligu li jkomplu jitħallsu t-tariffi, mingħajr il-possibbiltà li jiġi xolt il-kuntratt permezz ta’ preavviż raġonevoli, ipoġġi piż fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-konċessjonarju mingħajr ġustifikazzjoni ekonomika u jkollu l-effett li jnaqqas il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji eżistenti u li jiskoraġġixxi lill-konċessjonarju milli jinvesti fl-iżvilupp u fit-titjib tat-teknoloġija tiegħu”.

    ( 63 ) Ara s-sentenza Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75, punt 67).

    ( 64 ) Il-klawżola inkwistjoni tal-ftehim ta’ liċenzja kienet tobbliga lill-persuni liċenzjati jħallsu tariffi għall-attrezzaturi ta’ serfbord prodotti abbażi ta’ privattiva li kienet tikkonċerna biss l-attrezzaturi, abbażi tal-prezz tal-bejgħ ta’ serfbord kompluta, li kienet tikkonsisti f’attrezzaturi u f’inġenji ta’ wiċċ il-baħar, filwaqt li dawn tal-aħħar ma kinux koperti bil-privattiva.

    ( 65 ) ĠU L 93, p. 17.

    ( 66 ) ĠU L 31, p. 2.

    ( 67 ) It-tliet regolamenti inkwistjoni kollha għandhom bħala l-bażi legali tagħhom ir- Regolament Nru 19/65.

    ( 68 ) Ara l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 316/2014. Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 101(1)(a) TFUE.

    ( 69 ) Ara l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 316/2014. Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 101(1)(b) TFUE.

    Top