Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0562

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2016.
    Ir-Renju tal-Isvezja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni żbaljata – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot.
    Kawża C-562/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:885

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2016 ( 1 )

    Kawża C‑562/14 P

    Ir-Renju tal-Isvezja

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess — It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) — Protezzjoni tal-iskop tal-investigazzjonijiet — Dokumenti f’fajl fi proċedura EU Pilot — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li teżamina individwalment id-dokumenti li sar riferiment għalihom fit-talba għal aċċess”

    1. 

    Permezz ta’ dan l-appell, ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni ( 2 ). F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni mressqa minn Darius Nicolai Spirlea u Mihaela Spirlea (iktar ’il quddiem is-“Sinjuri Spirlea”) għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Ġunju 2012 li tirrifjuta li tagħtihom aċċess għal dokumenti f’fajl li jikkonċerna proċedura EU Pilot (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 3 ).

    2. 

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 4 ) jelenka numru ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jirrifjutaw talbiet għal aċċess fuq il-bażi ta’ preżunzjonijiet ġenerali kontra l-iżvelar meta d-dokumenti kkonċernati jaqgħu taħt waħda minn ħames kategoriji ( 5 ). F’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni kkonċernata ma għandhiex obbligu li tispezzjona d-dokumenti inkwistjoni individwalment meta tevalwa talbiet għal aċċess ( 6 ).

    3. 

    Il-mertu ta’ dan l-appell huwa dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex iżżid is-sitt kategorija ta’ dokumenti li għaliha għandha tapplika l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, prinċipalment dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot ( 7 ). Sabiex twieġeb dik id-domanda, huwa neċessarju li tiddeċiedi jekk il-karatteristiċi ta’ dik il-proċedura u l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE (partikolarment il-fażi prekontenzjuża ta’ dawk il-proċeduri) humiex tant simili li l-preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar, li tapplika għal din tal-aħħar, għandha tinkludi wkoll dokumenti fi proċedura EU pilot.

    Id-Dritt

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    4.

    L-Artikolu 15(1) TFUE jipprovdi, inter alia, il-prinċipju ġenerali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkonduċu l-ħidma tagħhom bl-iktar mod miftuħ possibbli. Taħt l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 15(3), ċittadini tal-Unjoni igawdu d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dak id-dritt huwa suġġett għal ċerti prinċipji u kundizzjonijiet, inklużi limiti fuq bażi ta’ interess pubbliku jew privat iddeterminat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz ta’ regolamenti.

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    5.

    Id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti huwa sanċit fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 8 ).

    Ir-Regolament Nru 1049/2001

    6.

    Il-premessi tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdu li l-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali ta’, u limiti fuq, dan l-aċċess skont l-Artikolu 15 TFUE (premessa 4). Bħala prinċipju, id-dokumenti kollha tal-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, iżda ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom xorta waħda jkunu mħarsa permezz ta’ eċċezzjonijiet (premessa 11).

    7.

    L-Artikolu 1 tar-regolament jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti fuq il-bażi ta’ interessi pubbliċi jew privati li jirregolaw id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 15 TFUE b’tali mod li jiġi żgurat “l-akbar aċċess għal dokumenti”.

    8.

    L-Artikolu 4 huwa intitolat: “Eċċezzjonijiet”. Taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2):

    “L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    […]

    l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

    jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.”

    Il-proċedura EU Pilot

    9.

    Il-Kummissjoni ssuġġeriet l-introduzzjoni ta’ eżerċizzju pilota sabiex ittejjeb l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-ewwel darba fil-komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi [tal-Unjoni]” ( 9 ). Ma hemm l-ebda bażi legali speċifika fit-Trattati għall-proċedura, li ilha topera minn April 2008. Fl-2010, il-Kummissjoni stqarret li:

    “[…] L-idea wara l-proġett hija li din is-sistema għandha tintuża għall-mistoqsijiet u l-problemi kollha li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, meta l-informazzjoni jew spjegazzjonijiet huma meħtieġa mill-Istat Membru […] Huwa wkoll meqjus konsistenti li jiġi żgurat li tal-inqas tiġi pprovduta opportunità minima għal soluzzjoni veloċi u pożittiva li tiġi identifikata qabel tinbeda proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tissostitwixxi prattiċi amministrattivi kurrenti [l-hekk magħrufa “ittra ta’ qabel l-Artikolu 258 TFUE”] […]” ( 10 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-kuntest fattwali u d-deċiżjoni kontenzjuża

    10.

    Is-Sinjuri Spirlea kellhom wild li miet f’Awwissu 2010, allegatament b’riżultat ta’ trattament terapewtiku li kien jinvolvi l-użu ta’ ċelloli staminali awtologi amministrati fi klinika privata f’Düsseldorf (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“klinika privata”). Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2011 ressqu lment quddiem id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa tal-Kummissjoni li fih essenzjalment allegaw li l-klinika privata setgħet biss tipprovdi dak it-trattament b’riżultat tan-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt ir-Regolament (KE) Nru 1394/2007 ( 11 ) dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata. Wara, il-Kummissjoni nediet proċedura EU Pilot ( 12 ) sabiex tistabbilixxi jekk kienx inkiser ir-Regolament Nru 1394/2007. Taħt dik il-proċedura, il-Kummissjoni bagħtet żewġ talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011. Dawn tal-aħħar wieġbu għal dawk it-talbiet fis-7 ta’ Lulju u fl-4 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

    11.

    Is-Sinjuri Spirlea talbu aċċess, taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-ipproċessar tal-ilment tagħhom. Fis-26 ta’ Marzu 2012, permezz ta’ żewġ ittri separati, il-Kummissjoni rrifjutat dik it-talba. Fit-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni informat lis-Sinjuri Spirlea li ma setgħetx tikkonstata li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu kisru d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1394/2007.

    12.

    Fil-21 ta’ Ġunju 2012, bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Essenzjalment hija kkunsidrat li l-iżvelar taż-żewġ talbiet għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011 fil-kuntest tal-Proċedura 2070/11 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti inkwistjoni”) ( 13 ) x’aktarx jaffettwa t-tmexxija xierqa tal-investigazzjoni mibdija mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Ċaħdet ukoll aċċess parzjali għal dawk id-dokumenti taħt l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni mbagħad ikkonstatat li ma kien jeżisti l-ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar klawżola tal-Artikolu 4(2) tar-regolament, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Fl-aħħar nett, fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lis-Sinjuri Spirlea li l-Proċedura 2070/11 kienet ingħalqet definittivament.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    13.

    Fis-6 ta’ Lulju 2012, is-Sinjuri Spirlea nedew proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja intervjenew insostenn għalihom. Ir-Repubblika Ċeka u Spanja intervjenew insostenn tal-Kummissjoni. Fuq ordni tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreżentat id-dokumenti inkwistjoni għal spezzjonar. Id-dokumenti ma ġewx żvelati lis-Sinjuri Spirlea jew lil xi wieħed mill-intervenuti.

    14.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, is-Sinjuri Spirlea sostnew li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li hija setgħet tirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti dwar proċedura EU Pilot mingħajr ma teżaminahom speċifikament u individwalment. Filwaqt li ċaħdet dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi billi interpretat dik id-dispożizzjoni b’dan il-mod ( 14 ). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kuntrarjament għall-argument tal-Isvezja, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li dawk id-dokumenti relatati ma investigazzjoni li kienet għadha għaddejja u li, konsegwentement, il-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar kienet tassew tapplika għalihom ( 15 ). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali pproċediet bir-rifjut tal-ilment tas-Sinjuri Spirlea li l-Kummissjoni kienet naqset milli twieżen b’mod korrett l-interessi opposti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ( 16 ).

    15.

    Permezz tat-tieni motiv tagħhom, is-Sinjuri Spirlea lmentaw li l-Kummissjoni kienet naqset milli tirrikonoxxi d-dritt tagħhom għal aċċess parzjali għad-dokumenti inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dak il-motiv bħala inammissibbli ( 17 ). Il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet it-tielet motiv tas-Sinjuri Spirlea li l-Kummissjoni kienet naqset li twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE ( 18 ). Fl-aħħar nett il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv li l-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar il-ġestjoni ta’ lmenti magħmula minn ċittadini tal-Unjoni kif previsti fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2002 ( 19 ).

    L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    Il-Gvern Svediż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddikjara d-deċiżjoni kontenzjuża invalida; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    17.

    L-Isvezja tippreżenta tliet aggravji. L-ewwel żewġ aggravji jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’żewġ aspetti: l-ewwel, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni, meta tistrieħ fuq l-eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni ġenerali li l-aċċess għandu jkun miċħud fi proċedura EU Pilot, u t-tieni, billi ddeċidiet li, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri fi ħdan it-tifsira tal-parti finali tal-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-regolament, ma kinitx ivvizzjata b’xi żball. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod ħażin id-dritt tal-Unjoni billi ddeċidiet li fil-kuntest ta’ azzjoni għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità tal-att ikkontestat għandha, anki meta tikkonċerna l-eżami tat-talba mressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001, tkun evalwata fil-konfront ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha dak l-att ġie adottat.

    18.

    Id-Danimarka u l-Finlandja jsostnu l-appell tal-Isvezja.

    19.

    Il-Ġermanja intervjeniet insostenn tal-Kummissjoni, li hija wkoll sostnuta mir-Repubblika Ċeka u minn Spanja.

    L-ewwel aggravju: interpretazzjoni ħażina tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 – preżunzjoni ġenerali ta ’ nuqqas ta ’ żvelar għal dokumenti fi proċedura EU Pilot.

    20.

    Insostenn tal-ewwel aggravju, l-Isvezja tissottometti li l-prinċipju ġenerali li għandu jiġi applikat meta jiġu eżaminati talbiet għall-aċċess għal dokumenti huwa li tiġi żgurata l-iktar trasparenza wiesgħa possibbli. Għalhekk, eċċezzjonijiet għal dak il-prinċipju għandhom jiġu interpretati u applikati restrittivament.

    Is-sentenza appellata

    21.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien ċar li s-suġġett tal-proċeduri kien ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għat-talbiet għal informazzjoni tagħha lill-awtoritajiet Ġermaniżi tal-10 ta’ Mejju u l-10 ta’ Ottubru 2011, iktar milli l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru tal-4 ta’ Novembru 2011 ( 20 ). Osservat li, fil-mument li ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, il-proċedura EU Pilot mibdija fir-rigward tal-Ġermanja kienet għadha għaddejja. Il-kwistjoni ma kinitx dwar jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux jikkonċernaw “investigazzjoni” fi ħdan it-tifsira tal-eċċezzjoni pprovduta fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’kull każ, mill-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2007 kien ċar li l-għan tal-proċeduri EU Pilot huwa li jiġi stabbilit jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex qed jiġi osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati Membri ( 21 ).

    22.

    Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata madankollu li twettaq evalwazzjoni speċifika tal-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti kontenzjużi jew jekk setgħetx, bil-kontra ta’ dan, tkun intitolata li tibbaża ruħha biss fuq preżunzjoni ġenerali li l-għanijiet tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddgħajfu bl-iżvelar. Fil-proċess ta’ dak l-eżami, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju gwida tat-trasparenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti ( 22 ). Eżami individwali u speċifiku ta’ kull dokument jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali, ikun ovvju li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew, bil-kontra, jingħata. F’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq preżunzjoni ġenerali li tapplika għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, meta kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura jew li jaqgħu fi ħdan l-istess kategorija ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-eċċezzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’ċerti każijiet ( 24 ).

    23.

    Il-Qorti Ġenerali rrimarkat li ma hijiex kwistjoni insinjifikattiva li tibbaża fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar: dawn il-preżunzjonijiet mhux biss talli jirrestrinġu l-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, fl-Artikolu 15 TFUE u fir-Regolament Nru 1049/2001, iżda talli fil-prattika jillimitaw l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Għalhekk, l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet raġjonevoli u konvinċenti u kull eċċezzjoni għal xi dritt individwali jew għal prinċipju ġenerali fid-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt għall-aċċess ipprovdut fl-Artikolu 15(3) TFUE, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi applikat u interpretat strettament ( 25 ).

    24.

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li: “[…] l-argumenti mressqa mis-[Sinjuri Spirlea] u mill-Istati Membri li qed jintervjenu insostenn tagħhom f’din il-kawża li jirrigwardaw kemm in-natura informali tal-proċedura EU Pilot kif ukoll id-differenzi eżistenti bejn din il-proċedura u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat żball fil-premessa tar-raġunament [tal-Kummissjoni] li tinsab fid-[deċiżjoni kontenzjuża] li tgħid li, fid-dawl tal-iskop tal-proċedura EU Pilot, il-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza għall-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkluża l-fażi prekontenzjuża tagħhom, għandha tapplika wkoll fil-kuntest tal-proċeduri EU Pilot. Ir-ratio decidendi segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’[LPN u l-Finlandja vs Il‑Kummissjoni ( 26 )], […] kif ukoll ix-xebh eżistenti bejn il-proċedura EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jimmilitaw favur tali rikonoxximent [ta’ dik il-preżunzjoni]” ( 27 ).

    25.

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-element komuni f’dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-diversi kategoriji ta’ dokumenti li għalihom hija rrikonoxxuta preżunzjoni ġenerali għal rifjut ta’ aċċess, huwa li t-tmexxija xierqa tal-proċeduri inkwistjoni x’aktarx tkun ippreġudikata. Dak l-element unifikanti japplika bl-istess mod għal proċeduri EU Pilot. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dik l-istess premessa, meta spjegat li fi proċedura EU Pilot kien neċessarju li jkun hemm atmosfera ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex tippermettilhom jibdew proċess ta’ negozjar u kompromess bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju, mingħajr ma jkun meħtieġ li jinbdew proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE ( 28 ). Dak il-każ jissussisti minkejja li l-proċeduri EU Pilot ma humiex f’kull sens ekwivalenti għal proċeduri ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ konċentrazzjonijiet jew għal proċeduri tal-qorti, lanqas dawn tal-aħħar ma huma ekwivalenti għal xulxin. Madankollu, dak il-fatt ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrikonoxxi f’dawk il-każijiet kollha l-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti ( 29 ).

    26.

    It-tieni nett, il-proċeduri EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, u b’mod partikolari l-fażi prekontenzjuża tagħha, jixxiebhu b’tali mod li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ approċċ komuni fiż-żewġ każijiet. Dak ix-xebh jegħleb kwalunkwe differenzi ( 30 ). Iż-żewġ proċeduri jippermettu li l-Kummissjoni twettaq ir-rwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattati bl-aħjar mod possibbli. L-iskop ta’ proċeduri EU Pilot u proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa li tintlaħaq konformità mad-dritt tal-Unjoni filwaqt li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu u kemm jista’ jkun jevita proċeduri ġudizzjarji. Fiż-żewġ każijiet, hija l-Kummissjoni li, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tevalwa jekk ikunx xieraq li taġixxi kontra dak l-Istat ( 31 ). Il-proċeduri huma wkoll bilaterali fin-natura tagħhom, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat ( 32 ). Fl-aħħar nett, għalkemm il-proċedura EU Pilot ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din madankollu tista’ twassal sabiex il-Kummissjoni tniedi l-proċess skont l-Artikolu 258 TFUE, peress li l-Kummissjoni tista’, wara li tintemm il-proċedura EU Pilot, tiftaħ formalment investigazzjoni dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi tibgħat ittra ta’ intimazzjoni u possibbilment tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal dikjarazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat kiser l-obbligi tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot huwa ta’ natura li jippreġudika l-fażi segwenti, jiġifieri l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, li kieku l-Kummissjoni tkun obbligata tagħti aċċess għal informazzjoni sensittiva mogħtija mill-Istati Membri u tiżvela l-argumenti ta’ difiża tagħhom fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot, l-Istati Membri jistgħu ma jkunux disposti jesponu dawk l-argumenti sa mill-bidu ( 33 ).

    27.

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet: “[…] meta l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni relatata mal-investigazzjonijiet prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti dwar il-proċedura EU Pilot, bħala stadju li jippreċedi l-ftuħ formali eventwali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu” ( 34 ).

    28.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti tas-Sinjuri Spirlea inkluż is-sottomissjoni li preżunzjoni ġenerali li tikkonċerna d-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot tista’, fi kwalunkwe każ, tintlaqa’ biss meta t-talba għal aċċess tikkonċerna “set ta’ dokumenti”, u mhux biss żewġ dokumenti, kif inhu f’dan il-każ ( 35 ).

    Is-sottomissjonijiet tal-partijiet

    29.

    Il-Gvern Svediż jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-punti li ġejjin. Fl-ewwel lok, ippermettiet li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar sabiex tirrifjuta t-talba tas-Sinjuri Spirlea għal aċċess għad-dokumenti. Il-Qorti Ġenerali missha ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina l-kontenut individwali ta’ kull dokument. Fit-tieni lok, filwaqt li tali preżunzjoni ġenerali tapplika kontra l-iżvelar ta’ dokumenti fil-fażi prekontenzjuża tal-proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, dan ma għandux jifforma bażi għal approċċ komuni għal dokumenti fi proċedura EU Pilot, billi d-differenzi bejn iż-żewġ proċeduri jegħlbu kull xebh. Fit-tielet lok, sa fejn preżunzjoni ġenerali li tikkonċerna dokumenti rigward proċedura EU Pilot setgħet tintlaqa’, it-talba għal aċċess għandha tikkonċerna “sett ta’ dokumenti” iktar milli tnejn biss, kif inhu f’din il-kawża.

    30.

    Id-Danimarka tissottometti favur l-argumenti li proċeduri EU Pilot ikopru każijiet lil hinn minn possibbli proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u huma iktar wiesgħa mill-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri. B’mod approssimattiv, kwart tal-proċeduri EU Pilot li jinvolvu lid-Danimarka kkonċernaw purament materji fattwali. F’tali każijiet, ma jistax jiġi preżunt li aċċess għal korrispondenza għandu jiġi miċħud fuq il-bażi ta’ preżunzjoni ġenerali.

    31.

    Il-Finlandja żżid li ma għandux jiġi preżunt li dokumenti fi proċedura EU Pilot jinkludu l-veduti preliminari tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-konfront ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fejn żvelar jimmina l-għan ta’ azzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE. Il-Finlandja taqbel ukoll mal-argument tal-Isvezja li preżunzjoni kontra l-iżvelar tapplika biss meta inkwistjoni jkun hemm numru ta’ dokumenti. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterju rilevanti dwar jekk il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tapplikax kienet kwalitattiva iktar milli kwantitattiva.

    32.

    Il-Kummissjoni tikkontendi li l-argumenti tal-Gvern Svediż huma ineffettivi u targumenta li, fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li istituzzjoni tista’ tirrifjuta talba għal aċċess għal dokumenti billi tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali anki fejn tali talba tirrigwarda biss ftit dokumenti.

    33.

    Ir-Repubblika Ċeka u Spanja jikkontendu wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija korretta. B’mod partikolari, huma jikkunsidraw li l-proċeduri kollha EU Pilot huma intiżi li jiċċekkjaw jekk l-Istati Membri humiex jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni. Ikomplu jgħidu li x-xebh prattiku u funzjonali bejn il-proċedura EU Pilot u proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jfisser li dawn it-tnejn huma paragunabbli.

    34.

    Il-Ġermanja wkoll tikkunsidra li s-sentenza appellata hija korretta. Tirrimarka li n-numru ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu naqsu mill-introduzzjoni tal-proċedura EU Pilot, billi każijiet jistgħu jiġu solvuti b’iktar ħeffa u ma hemmx ħtieġa li jinfetħu proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huwa għalhekk kruċjali li tiġi sostnuta dik il-klima ta’ kunfidenza reċiproka għall-futur. Obbligu ta’ żvelar ta’ dokumenti fi proċedura EU Pilot jista’ jxekkel it-tmexxija xierqa tal-proċedura. Hemm ħafna xebh bejn il-proċedura EU Pilot u l-fażi prekontenzjuża tal-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-Ġermanja ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Isvezja li proċeduri EU Pilot għandhom portata iktar wiesgħa minn proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huma biss kwistjonijiet li x’aktarx jaqgħu taħt l-Artikolu 258 TFUE li huma suġġetti għal proċeduri EU Pilot. Talbiet għal informazzjoni purament fattwali (kif issemmew mill-Isvezja u mid-Danimarka) ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċeduri EU Pilot sakemm ma jirrelatawx ma’ possibbli ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    35.

    B’risposta għall-osservazzjonijiet tal-Ġermanja, l-Isvezja tirreferi għal differenzi bejn l-esperjenza tagħha fi proċeduri EU Pilot u dawk li jikkonċernaw lill-Ġermanja. Fl-Isvezja, każijiet li jikkonċernaw materjal voluminuż u dokumenti sensittivi kienu l-eċċezzjoni. Dawk id-differenzi jirriflettu l-veduti kuntrastanti tal-Istati Membri dwar x’tinvolvi l-proċedura u jimmilitaw kontra l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali dwar kunfidenzjalità fil-każijiet kollha EU Pilot. Il-Finlandja żżid li n-natura informali ta’ proċeduri EU Pilot timplika li l-iskambju ta’ informazzjoni u kwalunkwe diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u Stat Membru huwa differenti ħafna minn dak li jiġri fi proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Isegwi li preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar ma għandhiex tapplika għal dokumenti EU Pilot ( 36 ).

    Evalwazzjoni

    Rimarki preliminari

    36.

    L-Artikolu 42 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt li ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet ( 37 ). Ir-Regolament Nru 1049/2001 innifsu espressament jipprovdi li l-iskop tiegħu huwa li jagħti l-ikbar effett possibbli għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 38 ). Fl-istess ħin, ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu protetti b’eċċezzjonijiet għal dak id-dritt u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu l-inkarigi tagħhom ( 39 ). Eventwali eċċezzjonijiet għandhom ikunu fl-istess waqt kemm xierqa kif ukoll neċessarji ( 40 ) u, billi jidderogaw mill-prinċipju ġenerali tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti, għandhom jiġu interpretati u applikati strettament ( 41 ). Bħala prinċipju, istituzzjoni tal-Unjoni hija libera li tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta talba għal aċċess għal dokumenti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, billi kunsiderazzjonijiet ta’ natura simili x’aktarx japplikaw għal talbiet għal żvelar fir-rigward ta’ dokumenti tal-istess natura ( 42 ).

    37.

    Mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Proċedura 2070/11 kienet investigazzjoni fi ħdan it-tifsira tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Jekk ma hemmx preżunzjoni ġenerali li aċċess għal dokumenti ġġenerati fi ħdan dik il-proċedura jista’ jiġi rrifjutat, hija l-Kummissjoni li għandha tispezzjona kull dokument individwali u li għandha tiddeċiedi jekk aċċess għandux jingħata. Ma jsegwix b’mod awtomatiku li d-dokumenti għandhom jiġu żvelati ( 43 ).

    Preżunzjonijiet ġenerali ta ’ nuqqas ta ’ żvelar

    38.

    Il-ħames kategoriji meta l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat aċċess għal dokumenti abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kollha jikkonċernaw settijiet ta’ dokumenti li kienu ddefiniti b’mod ċar mill-fatt li kienu jappartjenu għal fajl li jirrigwarda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji li kienu pendenti. L-għoti ta’ dritt ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti kien għalhekk x’aktarx jiddisturba n-natura u l-progress tal-proċedura inkwistjoni ( 44 ).

    39.

    F’erbgħa mill-ħames kategoriji, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat u interpretat ir-regoli tal-Unjoni dwar il-proċedura inkwistjoni flimkien mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal dokumenti fir-Regolament Nru 1049/2001. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kienu inkwistjoni f’TGI ( 45 ); ir-regoli dwar il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni kienu kkunsidrati f’API ( 46 ); id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi ġiet evalwata fil-kawża Éditions Odile Jacob ( 47 ); u r-regoli li jirrigwardaw akkordji ġew eżaminati f’EnBW ( 48 ). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tikseb interpretazzjoni koerenti dwar ir-regoli proċedurali speċifiċi inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-każijiet isostnu l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jkun hemm bejn ir-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni u r-regolament.

    40.

    Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura EU Pilot u ma hemm l-ebda regoli proċedurali speċifiċi. Għalhekk, ma hemm l-ebda ekwivalent, fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, għar-regoli li jirregolaw proċeduri dwar għajnuna mill-Istat; proċedimenti tal-qorti, proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi; jew prattiċi li huma inkompatibbli mas-suq komuni.

    41.

    Fir-rigward tal-ħames kategorija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iżvelar ġenerali ta’ dokumenti f’fajl matul il-fażi prekontenzjuża fi proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriskja li jbiddel in-natura ta’ dak il-proċess u jbiddel l-andament tiegħu u, għalhekk, bħala prinċipju dak l-iżvelar jimmina l-protezzjoni tal-iskop tal-investigazzjonijiet, fi ħdan it-tifsira tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Żvelar jista’ jrendi iktar diffiċli l-proċess ta’ negozjar u ta’ lħuq ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għall-għeluq tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sabiex jippermetti li d-dritt tal-Unjoni jiġi rrispettat u li jiġu evitati proċeduri legali quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 49 ).

    42.

    Sa fejn ma hemmx regoli speċifiċi li jirregolaw il-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx obbligata li teżamina jekk l-għoti ta’ aċċess ġenerali abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jimminax xi dispożizzjonijiet proċedurali partikolari. Din hija wkoll il-pożizzjoni fir-rigward tal-proċedura EU Pilot.

    43.

    Ix-xebh bejn proċeduri EU Pilot u proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari l-fażi prekontenzjuża tagħhom, huwa ta’ tali natura li għandu jkun hemm ukoll preżunzjoni ġenerali kontra żvelar ta’ dokumenti fl-ewwel każ?

    44.

    Fl-opinjoni tiegħi, filwaqt li hemm ċertu sovrapożizzjoni bejn dawk iż-żewġ proċeduri, iċ-ċirkustanzi ma humiex kompletament l-istess.

    45.

    Ma hemm l-ebda definizzjoni formali ta’ proċedura EU Pilot. Fil-komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi [tal-Unjoni]”, il-Kummissjoni tiddistingwi bejn rikjesti u lmenti. Rikjesti jirrikjedu kjarifika tal-pożizzjoni fattwali jew legali fi Stat Membru. Ilmenti jikkonċernaw allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Istat Membru kkonċernat huwa mistenni jirrimedja sa ċertu skadenzi ta’ żmien. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni ulterjuri, li tista’ tinkludi proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 50 ). Iktar reċenti, il-Kummissjoni kkonstatat: “Qabel ma tibda proċeduri formali dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni taħdem fi sħubija mal-Istati Membri sabiex issolvi problemi b’mod effiċjenti u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ proċess ta’ djalogu strutturat bi skadenzi ċari li ġie introdott għal dan l-għan. Dan il-proċess huwa riferut bħala ‘EU Pilot’” ( 51 ).

    46.

    Hemm ċertu qbil bejn l-Istati Membri involuti f’dawn il-proċedimenti inkwantu kollha jaċċettaw li l-proċedura EU Pilot issostitwixxiet il-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, l-Isvezja (sostnuta mid-Danimarka u l-Finlandja) tissottometti li l-proċedura EU Pilot għandha skop iktar wiesa’ mill-fażi prekontenzjuża tal-proċedimenti tal-Artikolu 258 TFUE u li tkopri wkoll investigazzjonijiet oħra dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huma jirrilevaw li ċerti proċeduri EU Pilot jikkonċernaw rikjesti fattwali iktar milli jikkostitwixxu l-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, id-differenzi bejn iż-żewġ proċeduri jegħlbu kwalunkwe xebh. Id-Danimarka tirrileva li kwart mill-proċeduri EU Pilot li kienet involuta fihom kienu jikkonċernaw materji purament fattwali. L-Isvezja żżid li fl-esperjenza tagħha ta’ proċedura EU Pilot, skambji ta’ materjal sensittiv huma l-eċċezzjoni.

    47.

    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u Spanja ma jaqblux ma’ dik il-perspettiva.

    48.

    Filwaqt li għalija huwa ċar li l-proċedura EU Pilot tassew “tissostitwixxi l-‘proċedura pedantika tal-ittra ta’ qabel l-Artikolu 258 [TFUE]’ [trażmessa] permezz tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri b’sistema ċara iktar strutturata”, ( 52 ) il-proċedura EU Pilot tista’ wkoll tintuża sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni fattwali jew legali tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni ’il barra mill-kuntest ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-Gvern Daniż espressament ikkonferma li huwa kellu preċiżament tali esperjenza ta’ proċeduri EU Pilot.

    49.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll li mhux il-proċeduri kollha EU Pilot huma ekwivalenti għal proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’obbligu ( 53 ). L-għan ġenerali ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dawk tal-ewwel, jiġbor fih l-għan iktar speċifiku ta’ dawk tal-aħħar, li l-iskop tagħhom huwa li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li japprofitta mid-dritt tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu kontra l-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni ( 54 ).

    50.

    Huwa għalhekk neċessarju li ssir distinzjoni bejn proċeduri EU Pilot li effettivament jissostitwixxu l-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, u dawk li ma jagħmlux dan.

    51.

    Billi l-portata tal-proċedura EU Pilot tmur lil hinn minn dik ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat b’mod preċiż f’liema aspetti l-iskop u l-progress ta’ proċeduri EU Pilot jistgħu jiġu mminati bi żvelar ( 55 ). Barra minn hekk, l-assenza ta’ regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċedura EU Pilot tfisser li l-iskop ta’ xi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza jkun partikolarment inċert.

    52.

    Għalhekk, ma naċċettax li l-proċedura EU Pilot b’mod ġenerali tikkostitwixxi s-sitt kategorija ġdida ta’ dokumenti li għaliha għandha tapplika preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar. Nemmen li dik il-konklużjoni hija konsistenti mar-rekwiżit li tali preżunzjoni ġenerali għandha tiġi interpretata u applikata strettament, billi hija eċċezzjoni għar-regola li l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata li tagħmel eżami speċifiku u individwali ta’ kull dokument li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod iktar ġenerali, għall-prinċipju (sostnut bl-Artikolu 15 TFUE u bl-Artikolu 42 tal-Karta) li l-pubbliku għandu jkollu l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    53.

    Isegwi li billi kkonkludiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar tapplika għal dokumenti f’fajl fi proċedura EU Pilot, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    54.

    Madankollu, il-pożizzjoni tkun differenti meta proċedura EU Pilot tissostitwixxi fażi prekontenzjuża ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’ċirkustanzi bħal dawn, preżunzjoni ġenerali dwar kunfidenzjalità hija tabilħaqq applikabbli, billi żvelar sħiħ jista’ jippreġudika l-possibbilità ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat f’dik il-fażi tal-proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE li titwettaq fi klima ta’ fiduċja reċiproka, u, konsegwentement, timmina l-protezzjoni tal-iskop imfittex mill-investigazzjonijiet tal-istituzzjoni ( 56 ).

    55.

    Preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar li tirrigwarda dokumenti fil-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tapplika għat-talba tas-Sinjuri Spirlea skont ir-Regolament Nru 1049/2001?

    56.

    Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta hija “le”.

    57.

    Fil-kawża ClientEarth, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-ġurisprudenza tagħha li tikkonċerna preżunzjonijiet ġenerali dwar nuqqas ta’ żvelar meta l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jirrifjutaw talbiet għal aċċess għal dokumenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja parzjalment laqgħet l-appell ta’ ClientEarth kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienet ċaħdet l-applikazzjoni tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti aċċess sħiħ għal ċerti studji dwar il-konformita tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri mad-dritt ambjentali tal-Unjoni.

    58.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qasmet l-istudji kontenzjużi f’żewġ kategoriji. Hija għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, l-istudji li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta aċċess sħiħ, kienu diġà tpoġġew f’fajl li jikkonċerna l-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa b’ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Għal dik il-kategorija, żvelar kien jimmina l-protezzjoni tal-iskop tal-investigazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. ( 57 ) Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi aċċettat li l-Kummissjoni setgħet testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar għat-tieni kategorija ta’ studji, jiġifieri dawk li, meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet adottata, ma kinux wasslu li tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni. F’dak il-punt, xorta kien għadu ma huwiex ċar jekk dawk l-istudji kinux ser iwasslu sabiex il-Kummissjoni tniedi l-fażi prekontenzjuża ta’ proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk il-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina individwalment kull talba għal aċċess għal dawk l-istudji ( 58 ).

    59.

    Dak ir-raġunament japplika iktar u iktar għall-każ tas-Sinjuri Spirlea. Meta d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet adottata fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni kienet diġà informathom (fit-30 ta’ April 2012) li hija kienet tqis li ma kienx hemm ksur tar-Regolament Nru 1394/2007 u li ma kienx ser ikun hemm proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ġermanja. Għalhekk, jidhirli li preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar ma setgħetx tapplika għad-dokumenti fil-proċedura EU Pilot meta ġiet adottata dik id-deċiżjoni. Mhux biss talli l-Proċedura 2070/11 kienet għadha ma wasslitx sabiex tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi iżda talli l-Kummissjoni kienet fil-fatt iddeċidiet li ma tnedix il-fażi prekontenzjuża tal-proċduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    60.

    Għalhekk inqis li, billi aċċettat, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet legalment testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar għaż-żewġ dokumenti inkwistjoni fil-Proċedura 2070/11, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    61.

    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma naċċettax il-pożizzjoni tal-Isvezja u tal-Finlandja li preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar tista’ tapplika biss meta talba għal aċċess tirrigwarda numru kbir ta’ dokumenti. F’dan il-każ, is-Sinjuri Spirlea talbu aċċess għal żewġ dokumenti biss. Fl-opinjoni tiegħi n-numru ta’ dokumenti li jifformaw is-suġġett tat-talba għal aċċess huwa immaterjali. Meta tiġi invokata l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kwistjoni deċiżiva, fid-determinazzjoni jekk preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar tapplikax, hija jekk l-għan tal-proċedura inkwistjoni jkunx imminat bl-ilqugħ ta’ talba ġenerali għal aċċess. Dak huwa kriterju kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Inżid li, fid-dawl tad-dritt ġenerali ta’ aċċess mogħti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inkonvenjenza amministrattiva fl-eżaminar ta’ numru kbir ta’ dokumenti ma hijiex, b’mod ġenerali, raġuni valida sabiex l-istituzzjoni ma tikkonformax ruħha mal-obbligi legali tagħha li jirrigwardaw it-trasparenza ( 59 ).

    62.

    Billi naqset li tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet obbligata li twettaq eżami speċifiku u individwali ta’ kull wieħed miż-żewġ dokumenti mitluba mis-Sinjuri Spirlea, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Għalhekk inqis li l-ewwel aggravju huwa fondat.

    It-tieni u t-tielet aggravji: interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 – interess pubbliku superjuri u l-fatti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża

    63.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjoni tiegħi dwar l-ewwel aggravju, ma hemmx ħtieġa li nikkunsidra t-tieni u t-tielet aggravji. Madankollu, ser neżaminahom fil-qosor għall-fini ta’ kompletezza.

    It-tieni aggravju

    64.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha l-Isvezja tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ interess pubbliku superjuri fi ħdan it-tifsira tal-aħħar klawżola tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    65.

    Mill-punt 94 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Kummissjoni ikkunsidrat li l-aħjar mod li sservi l-interess pubbliku jkun li hija tiffinalizza l-proċedura EU Pilot mingħajr ma tispezzjona d-dokumenti inkwistjoni, jew mingħajr ma tilqa’ t-talba tas-Sinjuri Spirlea. Il-Qorti Ġenerali approvat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li kien fl-interess pubbliku għal dik l-istituzzjoni li tiċċara għaliha stess, fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kinux ikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni ( 60 ).

    66.

    Madankollu, il-Kummissjoni diġà ddeċidiet li ma tiddeċidix li kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni sakemm hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Għalija jidher li l-interess pubbliku kien għalhekk diġà ġie indirizzat sa dik il-fażi. Il-bilanċ tal-interessi kien inbidel, tal-inqas sal-punt li l-Kummissjoni missha spezzjonat id-dokumenti inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk setax isir żvelar. Għalhekk inqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-interess pubbliku fl-aħħar klawżola tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    It-tielet aggravju

    67.

    Fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, is-Sinjuri Spirlea lmentaw li l-Kummissjoni ċaħditilhom l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni fid-dawl tal-interess pubbliku, anki wara li l-proċedura EU Pilot kienet ingħalqet (fis-27 ta’ Diċembru 2012). Fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet: “[…] minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat […]. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għeluq tal-[Proċedura 2070/11] seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża]. Konsegwentement, l-argument [tas-Sinjuri Spirlea] għandu jiġi miċħud” ( 61 ).

    68.

    Permezz tat-tielet aggravju, l-Isvezja tikkontesta dik id-deċiżjoni. Hija tissottometti li, minbarra ċ-ċirkustanzi li jeżistu fil-mument meta istituzzjoni tal-Unjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001, fatti li jseħħu wara li dik id-deċiżjoni tiġi adottata għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fi proċeduri skont l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-Qrati tal-Unjoni li jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjonijiet bħal dawn. Insostenn ta’ dik l-opinjoni, l-Isvezja targumenta li li kieku ma jkunx hekk ċirkustanzi ġodda jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss billi ssir talba ġdida lill-istituzzjoni kkonċernata. Dan iwassal għal proliferazzjoni ta’ proċeduri u konsegwentement dewmien. L-Isvezja żżid li l-prinċipji fil-ġurisprudenza ċċitati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jikkonċernaw proċeduri dwar għajnuna mill-Istat. Dawn ma għandhomx jiġu applikati għal deċiżjonijiet skont ir-Regolament Nru 1049/2001, peress li kull tip ta’ każ għandu l-fatturi speċjali tiegħu ( 62 ).

    69.

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ġermanja, tikkontesta dak l-argument.

    70.

    Skont l-Artikolu 263 TFUE, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-eżaminar tal-legalità tal-miżura kontenzjuża. Fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx jissostitwixxu r-raġunament tal-awtur tal-att ikkontestat bir-raġunament tagħha stess ( 63 ). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-att għandu jkun evalwat fid-dawl tal-fatt u l-istat tal-liġi fil-mument meta ġie adottat ( 64 ).

    71.

    Li kieku l-qrati tal-Unjoni kellhom jieħdu kont taċ-ċirkustanzi li jqumu wara l-adozzjoni tal-att ikkontestat (hawn, il-pożizzjoni meta l-proċedura EU Pilot kienet ingħalqet) dak ikun jammonta għal sostituzzjoni tar-raġunament. Tkun tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet li ma kinux evalwati mill-awtur qabel jew waqt li ġie adottat l-att ikkontestat.

    72.

    Deċiżjonijiet li jirrifjutaw aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhomx bżonn li ssir eċċezzjoni fir-rigward tal-portata tal-evalwazzjoni li tirrigwarda l-fatti u ċ-ċirkustanzi. L-Isvezja interpretat ħażin is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Koninklijke Grolsch. Fiha, il-Qorti Ġenerali ma ssuġġerietx li każijiet li jikkonċernaw akkordji li jiksru l-Artikolu 101 TFUE jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju li att ikkontestat għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti eżistenti fil-mument li jiġi adottat. Pjuttost, kif tirrimarka korrettament il-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali hemmhekk sempliċement tikkonferma li matul il-fażi amministrattiva ta’ tali proċedimenti, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta punti individwali ta’ fatt jew ta’ liġi eżistenti esposti f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll waqt proċeduri ġudizzjarji sussegwenti.

    73.

    Għalhekk inqis li t-tielet aggravju huwa infondat.

    Kelma tal-aħħar

    74.

    Dan l-appell ma huwiex dwar l-iżvelar awtomatiku ta’ komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot. Dan huwa dwar jekk il-ħames kategoriji eżistenti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhomx jiġu estiżi sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar f’tali każijiet. Jekk l-appell jiġi milqugħ, kif issuġġerejt, il-Kummissjoni xorta tkun tista’, wara li teżamina l-fajl, tirrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni meta rifjut ikun xieraq.

    75.

    Avvenimenti reċenti wrew b’mod ċar il-perikoli ta’ trawwim jew ta’ qbil fuq il-qalb f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin ordinarju jħoss li l-gvern huwa mbiegħed u ma jikkomunikax jew ma jikkonsultax miegħu. L-inkonvenjenza amministrattiva addizzjonali għad-dipartimenti tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-eżaminar ta’ dokumenti individwali u fl-ilħuq ta’ deċiżjoni dwar żvelar hija prezz żgħir li għandu jitħallas għal iktar trasparenza u fiduċja bejn l-amministrazzjoni tal-Unjoni u ċ-ċittadin tal-Unjoni ( 65 ). Nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm dawn il-prinċipji f’moħħha meta tiddeċiedi dan l-appell.

    Spejjeż

    76.

    Skont l-Artikoli 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni bħala l-parti li tilfet f’dan l-appell, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Finlandja, tal-Ġermanja u ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Konklużjoni

    77.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tilqa’ l-appell;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

    tikkundanna lill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Repubblika Federali Ġermaniża u tar-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) T‑306/12, EU:T:2014:816 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

    ( 3 ) Ara wkoll il-punti 9 sa 12 iktar ’il quddiem.

    ( 4 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    ( 5 ) Dawk il-kategoriji huma kif ġejjin: (i) dokumenti ta’ fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat; (ii) noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja; (iii) dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi; (iv) dokumenti relatati ma’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; u (v) dokumenti relatati ma’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486 (“ClientEarth”), punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-punti 38 sa 41 iktar’il quddiem.

    ( 6 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738 (“LPN”), punt 39.

    ( 7 ) Ara l-punt 9 iktar ’il quddiem.

    ( 8 ) ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    ( 9 ) Iktar ’il quddiem ser nirreferi għaliha bħala l-“Komunikazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2007” (COM)(2007) 502 finali). Il-15-il Stat Membru inizjali li pparteċipaw fl-eżerċizzju kienu: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Issa, l-Istati Membri kollha, jiġifieri tmienja u għoxrin, jipparteċipaw f’dik li issa saret magħrufa bħala l-proċedura EU pilot.

    ( 10 ) Ara l-punt 3.1 tad-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010“Fatti dwar il-funzjonament tas-sistema sal-bidu ta’ Frar 2010, dokument li jakkumpanja r-Rapport mir-Rapport ta’ Evalwazzjoni EU Pilot tal-Kummissjoni” (COM(2010) 70 finali).

    ( 11 ) Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU 2007 L 324, p. 121)

    ( 12 ) Proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO (iktar ’il quddiem il-“Proċedura 2070/11”).

    ( 13 ) Id-dokumenti inkwistjoni jinkludu biss iż-żewġ domandi għal informazzjoni, u mhux ir-risposta tal-Istat Membru. Ara wkoll il-punt 21 iktar ’il quddiem.

    ( 14 ) Punt 80 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Punt 85 tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Punt 102 tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Punt 107 tas-sentenza appellata.

    ( 18 ) Punt 124 tas-sentenza appellata.

    ( 19 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt [tal-Unjoni] (COM(2002) 141 finali). Ara l-punt 130 tas-sentenza appellata.

    ( 20 ) Punt 44 tas-sentenza appellata.

    ( 21 ) Punt 45 tas-sentenza appellata.

    ( 22 ) Punt 48 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 23 ) Punt 49 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 24 ) Fil-punt 50 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal erba’ kategoriji ta’ preżunzjoni ġenerali. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet il-ħames kategorija ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

    ( 25 ) Punti 52 u 53 tas-sentenza appellata.

    ( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.

    ( 27 ) Punt 56 tas-sentenza appellata.

    ( 28 ) Punt 57 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 29 ) Punt 58 tas-sentenza appellata.

    ( 30 ) Punt 59 tas-sentenza appellata.

    ( 31 ) Punt 60 tas-sentenza appellata.

    ( 32 ) Punt 61 tas-sentenza appellata.

    ( 33 ) Punt 62 tas-sentenza appellata.

    ( 34 ) Punt 63 tas-sentenza appellata.

    ( 35 ) Punti 72 sa 76 tas-sentenza appellata.

    ( 36 ) Il-Finlandja tibbaża fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ClientEarth li ngħatat wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    ( 37 ) Ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) Ara premessa 4.

    ( 39 ) Ara premessa 11.

    ( 40 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punti 2728.

    ( 41 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, l-Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 42 ) Ara ClientEarth, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 43 ) Ara l-punt 74 iktar ’il quddiem

    ( 44 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

    ( 45 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376 (“TGI”), punti 55 sa 58.

    ( 46 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, l-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541 (“API”), punti 96 sa 100.

    ( 47 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393 (“Éditions Odile Jacob”), punti 118 sa 121. Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punti 6064 sa 66.

    ( 48 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112 (“EnBW”), punti 86 sa 90 u 93.

    ( 49 ) Ara LPN, punti 55 sa 65.

    ( 50 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2007, punt 2.2, p. 7 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq)

    ( 51 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, 2014 – rapport annwali (COM(2015) 329 finali), p. 5.

    ( 52 ) Kif ingħad mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni – għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Parlament Ewropew, “Għodda li jiżguraw l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u evalwazzjoni tal-effettività tagħhom”, 2013, punt 5.3.1.

    ( 53 ) Ara l-punt 62 tas-sentenza appellata.

    ( 54 ) Ara LPN, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 55 ) Ara pereżempju, il-punt 9 iktar’il fuq.

    ( 56 ) Ara ClientEarth, punti 74 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 57 ) Ara ClientEarth, punti 71 sa 76.

    ( 58 ) Ara ClientEarth, punti 77 sa 82.

    ( 59 ) Dik hija l-pożizzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minkejja l-fatt li, f’każijiet li jinvolvu dokumenti twal ħafna jew numru kbir ta’ dokumenti, l-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-regolament jippermetti li l-istituzzjoni kkonċernata u l-applikant jilħqu ftehim informali bil-għan li tinstab soluzzjoni ekwa. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2009:520, punti 63 sa 69.

    ( 60 ) Ara l-punt 98 tas-sentenza appellata.

    ( 61 ) Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali rriferiet għas-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑432/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:373, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 62 ) B’mod partikolari, l-Isvezja tirreferi għal każijiet li jikkonċernaw ftehimiet li jipprekludu, jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fejn huwa possibbli li kwistjonijiet ġodda jitressqu anki wara li ssir applikazzjoni, bħas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Koninklijke Grolsch vs Il‑Kummissjoni, T‑234/07, EU:T:2011:476 (“Koninklijke Grolsch”), punt 37 sa 41.

    ( 63 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 64 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 65 ) Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.

    Top