This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0555
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 12 May 2016.#IOS Finance EFC SA v Servicio Murciano de Salud.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 6 de Murcia.#Reference for a preliminary ruling — Combating late payment in commercial transactions — Directive 2011/7/EU — Commercial transactions between private undertakings and public authorities — National legislation making the immediate recovery of the principal amount of a debt conditional upon the waiver of interest for late payment and of compensation for recovery costs.#Case C-555/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016.
IOS Finance EFC SA vs Servicio Murciano de Salud.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo n° 6 de Murcia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi privati u awtoritajiet pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.
Kawża C-555/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016.
IOS Finance EFC SA vs Servicio Murciano de Salud.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo n° 6 de Murcia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi privati u awtoritajiet pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.
Kawża C-555/14.
Court reports – general ; Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:341
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016 ( 1 )
Kawża C‑555/14
IOS Finance EFC SA
vs
Servicio Murciano de Salud
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo No 6, Murcia (qorti tal-proċeduri amministrattivi kontenzjużi, Nru 6, Murcia, Spanja)]
“Direttivi 2000/35/KE u 2011/7/UE — Ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali — Tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi — Kundizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”
1. |
Id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard ( 2 ) teħtieġ li l-Istati Membri għandhom jipprovdu li kundizzjoni jew prassi kuntrattwali relatati mad-data jew mal-perijodu tal-ħlas, ir-rata ta’ interessi moratorji jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkunu jew mhux infurzabbli jew ikunu jagħtu lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur. Għal dak il-għan, kundizzjonijiet jew prassi kuntrattwali li huma inġusti għall-aħħar jinkludu dawk li jeskludu l-interessi moratorji jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li fi tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, il-kreditur ikun intitolat għall-interessi moratorji statutorji, mingħajr bżonn ta’ tfakkira. |
2. |
Fi Spanja, id-Digriet Irjali 8/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar miżuri urġenti għall-ġlieda kontra l-ħlas tardiv mill-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi u għall-appoġġ lil awtoritajiet lokali bi problemi finanzjarji (Real Decreto-ley 8/2013, de 28 de junio, de medidas urgentes contra la morosidad de las administraciones públicas y de apoyo a entidades locales con problemas financieros, “Liġi 8/2013”) ipprovda mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament li bih impriżi bi pretensjonijiet kontra awtoritajiet pubbliċi b’kapaċità ta’ ħlas kompromess setgħu jaqblu li jirrinunzjaw għall-interessi, spejjeż legali u spejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali. L-effett kien li jitħassar l-obbligu ta’ ħlas tad-dejn kollu u li jiġu tterminati l-proċeduri ġudizzjarji mibdija kollha. |
3. |
Kumpannija ta’ fatturazzjoni akkwistat numru ta’ pretensjonijiet pendenti dovuti lill-fornituri minn awtorità reġjonali tas-saħħa fi Spanja, u fittxet għall-ħlas ta’ dawn il-pretensjonijiet, flimkien mal-interessi u mal-ispejjeż ta’ rkupru fil-qrati Spanjoli. Sussegwentement, hija pparteċipat fil-mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament u rkuprat (kważi) l-ammont kollu tat-talba prinċipali. Madankollu, hija reġgħet ippreżentat rikors sabiex tikkontesta l-esklużjoni ta’ interessi u spejjeż ta’ rkupru billi qieset illi din tmur kontra d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard. |
4. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-argument huwiex validu, il-Juzgado Contencioso-Administrativo (qorti tal-proċeduri amministrattivi kontenzjużi) No 6, Murcia, titlob deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva. Kwistjoni oħra li tqajmet mill-Kummissjoni hija jekk il-verżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (Direttiva 2011/7) jew il-predeċessura tagħha (Direttiva 2000/35) hijiex applikabbli ratione temporis għall-pretensjonijiet fil-kawża prinċipali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2000/35
5. |
Id-Direttiva 2000/35 kienet tapplika “għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali” (Artikolu 1), jiġifieri, “transazzjonijiet bejn intrapriżi [impriżi] jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas” [Artikolu 2(1)]. |
6. |
L-Artikolu 3 kien jipprovdi, b’mod partikolari: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li ftehim fuq id-data tal-ħlas jew fuq il-konsegwenzi ta’ ħlas tard li ma jkunux jaqblu mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2 jew ma jkunx infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk, meta ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluża l-prattika kummerċjali xierqa u n-natura tal-prodott, jiġu kkunsidrati, ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikunx inġust għall-aħħar għall-kreditur, għandu jingħata, inter alia, kont jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2. Jekk jiġi stabbilit li dak il-ftehim ikun inġust għall-aħħar, it-termini statutorji għandhom japplikaw, sakemm il-qrati nazzjonali ma jistabbilixxux kundizzjonijiet differenti li huma ġusti. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fl-interessi tal-kredituri u l-kompetituri, mezzi adegwati u effettivi jeżistu biex jimpedixxu l-użu kontinwu ta’ termini li jkunu inġusti għall-aħħar skond it-tifsira tal-paragrafu 3. […]” |
7. |
L-Artikolu 6 irrikjeda li l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva qabel it-8 ta’ Awwissu 2002, imma ppermettielhom iżommu jew iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu iktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità magħha u li jeskludu, b’mod partikolari, kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002. |
Id-Direttiva 2011/7
8. |
L-Artikolu 1 jipprovdi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-SMEs. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. 3. L-Istati Membri jistgħu jeskludu djun li huma soġġetti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza istitwiti kontra d-debitur, inklużi proċedimenti mmirati lejn ir-ristrutturar [ristrutturazzjoni] tad-dejn.” |
9. |
L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi “transazzjonijiet kummerċjali” fi kliem identiku għal dawk stipulati fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35. |
10. |
L-Artikolu 4 jkopri tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi. L-ewwel paragrafu jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
|
11. |
L-Artikolu 4(3), (4) u (6) jispeċifika perijodu għall-ħlas ta’ 30 jew, f’ċerti ċirkustanzi, sa 60 jum. |
12. |
L-Artikolu 6 jaqra kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess. 3. Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għall-ispejjeż ta’ rkupru kollha li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.” |
13. |
L-Artikolu 7 jipprovdi, b’mod partikolari: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi mgħax għal ħlas tard għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar. 3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar. […]” |
14. |
L-Artikolu 12 jipprovdi b’mod partikolari: “1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 8 u 10 sas-16 ta’ Marzu 2013 […] […] 3. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. 4. Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.” |
15. |
L-Artikolu 13 jipprovdi, b’mod partikolari: “Id-Direttiva 2000/35/KE hija mħassra b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, hija għandha tibqa’ applikabbli għal kuntratti konklużi qabel dik id-data li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva skont l-Artikolu 12(4). […]” |
Id-dritt Spanjol
16. |
Id-Direttiva 2000/35 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali ġiet trasposta fil-liġi Spanjola permezz tal-Liġi 3/2004 tad-29 ta’ Diċembru 2004 (Ley 3/2004, de 29 de diciembre, por la que se establecen medidas de lucha contra la morosidad en las operaciones comerciales; il-“Liġi 3/2004”). Din il-liġi kienet tapplika għall-kuntratti konklużi wara t-8 ta’ Awwissu 2002. |
17. |
Id-Direttiva 2011/7 ġiet ittrasposta permezz tad-Digriet Irjali 4/2013 tat‑22 ta’ Frar 2013 dwar miżuri li jappoġġjaw l-intraprenditorija, jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjieg (Real Decreto-ley 4/2013, de 22 de febrero, de medidas de apoyo al emprendedor y de estímulo del crecimiento y de la creación de empleo; “Liġi 4/2013”) ( 3 ), u l-Artikolu 33 emendat il-Liġi 3/2004. L‑Artikolu 9(1) tal-Liġi 3/2004 issa jaqra, b’mod partikolari: “Il-ftehimiet bejn il-partijiet rigward perijodu ta’ ħlas jew il-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv li jkunu differenti mill-perjodu għall-ħlas […] jew mir-rata tal-interessi statutorji […] rispettivament, huma nulli, bħalma huma l-ftehimiet li jiksru l-kundizzjonijiet biex jintalbu interessi moratorji kif stabbilit fl-Artikolu 6, jekk ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi n-natura tal-prodott jew tas-servizz, l-għoti mid-debitur ta’ garanziji addizzjonali u l-prattika kummerċjali tajba. Ftehim li jeskludi kumpens għall-irkupru ta’ spejjeż […] huwa meqjus inġust. […] Sabiex jiġi stabbilit jekk kundizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunux inġusti għall-kreditur, jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mill-perjodu ta’ ħlas u mir-rata ta’ interessi moratorji statutorja, […]; titqies ukoll in-natura tal-prodott jew tas-servizz u jekk din tikkostitwixxi devjazzjoni kbira minn prassi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u n-negozjar ġust. Barra minn hekk, fid-determinazzjoni ta’ jekk kundizzjoni jew prassi jkunu inġusti, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jitqies jekk [il-kundizzjoni jew prassi] iservi prinċipalment għall-għan li jikseb likwidità addizzjonali għad-debitur għad-detriment tal-kreditur, jew fejn il-kuntrattur prinċipali jimponi fuq il-fornituri tiegħu u s-sottokuntratturi kundizzjonijiet ta’ ħlas li mhumiex ġustifikati mill-kundizzjonijiet mogħtija lilu stess jew għal raġunijiet oġġettivi oħra” ( 4 ). |
18. |
Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 4/2013, it-tielet dispożizzjoni tranżitorja tal-istess liġi tgħid: “L-eżekuzzjoni tal-kuntratti b’effett minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet irjali, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel, jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-[Liġi 3/2004], kif hawn emendat” |
19. |
Il-Liġi 8/2013 ( 5 ) ipprovdiet għat-tielet u l-aħħar fażi ta’ mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament, li nbdiet u tkompliet minn żewġ liġijiet preċedenti, għall-ħlas lill-fornituri, inter alia, tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia (Comunidad Autónoma de la Región de Murcia). Taħt dan il-mekkaniżmu, il-fornituri ftiehmu illi jirrinunzjaw għall-parti mid-dejn li jirriżulta minn ħlas tardiv mill-awtorità amministrattiva inkambju għall-ħlas immedjat tad-dejn prinċipali ( 6 ). |
20. |
Il-qorti tar-rinviju tiddikjara illi din il-liġi kellha bħala għan li tipprovdi miżuri, straordinarji u urġenti, għal perijodu ta’ żmien qasir, sabiex tassisti fit-tnaqqis u fl-eradikazzjoni ta’ ħlas tardiv mill-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi bħala l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni ta’ miżuri strutturali sabiex tinkiseb konformità mal-għanijiet tal-istabbiltà baġitarja u sostenibbiltà finanzjarja. |
21. |
L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, kellha t-titolu “Effetti ta’ ħlas tad-djun pendenti”, u pprovdiet: “Ħlas lill-fornitur iwassal għal riżoluzzjoni tad-dejn dovut lill-fornitur mingħand il-Komunità Awtonoma jew l-awtorità lokali, skont il-każ, fir-rigward tas-somma prinċipali, l-interessi, spejjeż legali u spejjeż addizzjonali oħra.” |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
22. |
Bejn l-2008 u l-2013, numru ta’ fornituri fil-qasam tas-saħħa wettqu kunsinni u pprovdew servizzi lil stabbilimenti mediċi li jifformaw parti mis-Servicio Murciano de Salud (dipartiment tas-saħħa ta’ Murcia; id-“Dipartiment tas-Saħħa”), liema dipartiment naqas milli jħallas il-fatturi rilevanti fid-data ta' skadenza. |
23. |
IOS Finance EFC S.A. xtrat mingħand dawn il-fornituri ċerti djun li jirriżultaw minn fatturi mhux imħallsa ( 7 ). F’Settembru 2013, hija talbet il-ħlas mid-Dipartiment tas-Saħħa ta’: EUR 2780463.37 li jikkorrispondi għall-ammont ta’ fatturi mhux imħallsa u, li fir-rigward tagħhom, ġie assenjat id-dritt ta’ rkupru; EUR 165164.24 bħala interessi moratorji dovuti sat-2 ta’ Settembru 2013 fuq il-fatturi mhux imħallsa, bla ħsara għall-interessi li jibqgħu jakkumulaw; u EUR 14256.35 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Id-Dipartiment tas-Saħħa naqas milli jħallas. |
24. |
F’Diċembru 2013, IOS Finance avżat illi kienet ser tressaq azzjoni amministrattiva kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħha għall-ħlas. Sussegwentement, madankollu, hija pparteċipat fil-mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament għall-ħlas tal-fornituri tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, fil-perijodu 2, fażi 3 ta’ dan il-mekkaniżmu kif stipulat fil-Liġi 8/2013, bl-effetti stabbiliti fiha. B’hekk, mill-ammont prinċipali mitlub, IOS Finance irkuprat EUR 2765621.79 permezz ta’ dan il-mekkaniżmu. Madankollu, hija ma rċeviet l-ebda ħlas bħala interessi moratorji u lanqas ma rċeviet kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. |
25. |
F’Mejju 2014, IOS Finance ressqet kawża quddiem il-Juzgado Contencioso-Administrativo No 6, Murcia (qorti tal-proċeduri amministrattivi kontenzjużi Nru 6, Murcia) b’talba ta’ EUR 272771.03 bħala interessi moratorji u EUR 14256.35 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. |
26. |
Hija tgħid illi: (a) id-dritt li wieħed jirċievi interessi moratorji u kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jistax jitneħħa u jsir applikabbli bl-operazzjoni tal-liġi fid-data ta’ skadenza tal-ħlas meta ma jkunx sar il-ħlas mill-awtorità amministrattiva tal-ammont prinċipali dovut; (b) il-Liġi 8/2013 tmur kontra d-dritt tal-UE, sa fejn tipprovdi li l-ħlas tal-ammont prinċipali jwassal għall-estinzjoni tal-interessi, tal-ispejjeż legali u tal-ispejjeż addizzjonali; u (ċ) id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard hija applikabbli direttament sa fejn tiddikjara illi kundizzjonijiet jew prassi kuntrattwali li jeskludu interessi moratorji u kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru huma inġusti għall-aħħar. |
27. |
Id-Dipartiment tas-Saħħa jsostni illi l-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu straordinarju tal-iskema ta’ ħlas tal-fornituri kien volontarju u t-tneħħija tad-dritt ta’ interessi moratorji u ta’ kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma seħħx qabel ma ġġarrab id-dejn, iżda pjuttost ladarba dak id-dejn kien iġġarrab u ma kienx tħallas. |
28. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli tal-UE u l-kompatibbilta’ ma’ dan id-dritt mal-liġi Spanjola applikata. Għaldaqstant, hija qed tressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja: “Fid-dawl tal-Artikoli 4(1), 6 u 7(2) u (3) tad-[Direttiva 2011/7]: L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-irkupru ta’ dejn prinċipali għall-kundizzjoni ta’ rinunzja għall-interessi moratorji? L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-irkupru ta’ dejn prinċipali għall-kundizzjoni ta’ rinunzja għall-ispejjeż ta’ rkupru? Fil-każ ta’ risposta affermattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, awtorità kontraenti debitriċi tista’ tinvoka l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet sabiex tiżvinkola ruħha mill-obbligu li hija għandha li tħallas l-interessi moratorji u l-ispejjeż ta’ rkupru?” |
29. |
IOS Finance, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Ġermanja, kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016, ġew ippreżentati argumenti orali minn IOS Finance, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni. |
Evalwazzjoni
Punt preliminari
30. |
Għalkemm id-domandi tal-qorti tar-rinviju jidhru li huma bbażati fuq il-premessa illi l-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali hija d-Direttiva 2011/7, il-Kummissjoni tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-pożizzjoni tista’ ma tkunx daqshekk sempliċi. |
31. |
Hija tosserva illi l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7 jippermetti lill-Istati Membri, fit-traspożizzjoni tad-direttiva, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti li jkunu ġew konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013. Hija tkompli billi tikkonstata d-dispożizzjoni tranżitorja stipulata fil-Liġi 4/2013, li tistabbilixxi li “l-eżekuzzjoni” tal-kuntratti kollha “b’effett minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet irjali, anki jekk dawn ikunu ġew konklużi qabel”, kellhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 3/2004. Hija tiddeduċi minn dan li l-leġiżlatur Spanjol għażel li jeskludi l-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 4/2013, jiġifieri l-24 ta’ Frar 2014, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7. Għalhekk dawn il-kuntratti jibqgħu suġġetti għad-Direttiva 2000/35. |
32. |
Ma nesprimi ebda opinjoni dwar it-tifsira tad-dispożizzjoni tranżitorja kkonċernata jew dwar l-applikazzjoni tagħha għall-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din hija kwistjoni li taqa’ kompletament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-qorti nazzjonali, mil-lat formali, ifformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija tkun irriferiet għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-UE li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża ( 8 ). |
33. |
Għaldaqstant, se nikkunsidra d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju kemm mill-perspettiva tad-Direttiva 2000/35 kif ukoll minn dik tad-Direttiva 2011/7. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
34. |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-UE li tirregola l-ħlas tardiv tad-djun kummerċjali għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li (a) tagħti d-dritt lill-kreditur jidħol fi skema li tipprovdi għall-ħlas “aċċelerat” tal-ammont prinċipali dovut skont kuntratt konkluż fil-post fejn il-kreditur ikun eżegwixxa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, suġġett għall-kundizzjoni li huwa jirrinunzja għad-dritt għall-interessi moratorji u għall-ispejjeż ta’ rkupru, filwaqt illi (b) tippermetti lill-kreditur jirrifjuta li jidħol f’tali skema b’tali mod li ma jitlifx id-dritt kemm għall-interessi u għall-kumpens, minkejja li jkun probabbli li jkollu jistenna ħafna iktar għall-ħlas. Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7 dwar kundizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti għall-aħħar. |
Id-Direttiva 2000/35
35. |
Id-Direttiva 2000/35 ġiet adottata sabiex tiġġieled dak li sejħet “piżijiet tqal amministrattivi u finanzjarji […] mqiegħda fuq in-negozji […] bħala riżultat tal-perjodi eċċessivi ta’ ħlas u ħlasijiet tard” ( 9 ). Il-premessa 12 kienet irreġistrat li “l-oġġettiv tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard fis-suq intern ma jistax jintlaħaq suffiċjentement billi l-Istati Membri jaġixxu individwalment u jista’, għalhekk, jintlaħaq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-oġġettiv. Din id-Direttiva tikkonforma għalhekk, kollha kemm hi, mal-ħtiġijiet tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif imniżżla fl-Artikolu 5 tat-Trattat”. Skont il-premessa 16, “Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju”. Il-premessa 19 żiedet illi “Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż ta’ ħelsien ta’ kuntratt għall-iżvantaġġ tal-kreditur”. |
36. |
Huwa importanti li jiġi ppreċiżat mill-ewwel li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35 kien wieħed limitat. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża Caffaro, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-interpretazzjoni tad-direttiva għandha ssir fid-dawl tal-għan tagħha u tas-sistema li hija kienet qed tistabbilixxi ( 10 ). Hija kompliet tgħid li d-direttiva “hija intiża biss li tarmonizza, safejn huwa possibbli, ċerti regoli u prattiċi ta’ ħlas fl-Istati Membri sabiex tiġġieled kontra ħlas tardiv fi transazzjonijiet kummerċjali” u li din “tirregola biss ċerti regoli speċifiċi relatati mal-ġlieda kontra tali ħlas tardiv, jiġifieri l-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard […], ir-ritenzjoni ta’ titolu […] u l-proċeduri ta’ rkupru għal krediti mhux ikkontestati […]” ( 11 ). Fil-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Trstenjak osservat li d-direttiva tikkostitwixxi biss “armonizzazzjoni minima” ( 12 ). Fi kliem ieħor, id-direttiva ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi qegħda tipprova tikseb l-armonizzazzjoni ta’ kull aspett tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ ħlas tardiv ta’ dejn fi tranżazzjonijiet kummerċjali ( 13 ). |
37. |
Ser ngħaddi biex neżamina f’iktar dettall l-armonizzazzjoni li d-direttiva fittxet li tikseb fil-kuntest tal-ewwel żewg domandi preliminari magħmula. |
38. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/35 tat lill-kredituri sensiela ta’ drittijiet intiżi li jagħtuhom protezzjoni kontra l-ħlas tardiv. B’mod partikolari, hija ppreċiżat id-data minn meta l-interessi kellhom jitħallsu ( 14 ) u l-livell tal-interessi li d-debitur kien obbligat iħallas għall-ħlas tardiv ( 15 ). L-interessi kellu jkun dovuti biss sa fejn id-debitur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien ( 16 ). Id-direttiva tat lill-kreditur id-dritt jitlob kumpens raġonevoli mid-debitur għall-ispejjeż kollha rilevanti ta’ rkupru magħmula minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar (sakemm ma kienx responsabbli għad-dewmien) ( 17 ). Dawn l-ispejjeż ta’ rkupru kellhom josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda d-dejn inkwistjoni u l-Istati Membri setgħu, sakemm josservaw il-prinċipji msemmija hawn fuq, jiffissaw ammonti massimi fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rkupru għal-livelli differenti ta’ dejn. L-Artikolu 3(2) stabbilixxa r-rata ta’ interessi u d-data minn meta kellhom jitħallsu f’ċerti każijiet ( 18 ). |
39. |
Id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 3(1) fir-rigward tad-data tal-ħlas u r-rata ta’ interessi kienu applikabbli biss sakemm ma kienx speċifikat xort’oħra fil-kuntratt. L-Artikolu 3(3) mela dak li seta’ jkun nuqqas evidenti fil-protezzjoni billi stabbilixxa dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti għall-aħħar. L-Istati Membri kellhom jipprovdu li ftehim fuq id-data tal-ħlas jew fuq il-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv li ma jkunx konformi mad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(b) sa (d) u 2 jew ma jkunx infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jitqiesu li jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi ddeterminat jekk ftehim kienx inġust għall-aħħar għall-kreditur, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva biex jiddevja minn dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk kellu jiġi stabbilit li ftehim kien inġust għall-aħħar, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1)(b) sa (d) u (2) (iddefiniti bħala l-“kundizzjonijiet statutorji”) kellhom japplikaw sakemm il-qrati nazzjonali ma jkunux stabbilixxew kundizzjonijiet differenti li huma ġusti. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) ma kienx ikopri l-miżuri rrelatati mal-ispejjeż ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 3(1)(e). Madankollu, il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni ma kinitx ikkwalifikata mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt. |
40. |
Għalhekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35 ta lill-kredituri sensiela ta’ drittijiet fir-rigward tal-ħlas tardiv ( 19 ). Jekk u sakemm il-kuntratt inkwistjoni ma jsemmi xejn, l-istipulazzjonijiet dwar id-data tal-ħlas skont il-kuntratt u r-rata ta’ interessi li jridu jitħallsu kellhom jiġu preżunti skont il-liġi. Sa fejn il-kuntratt inkwistjoni jipprovdi għal dawn il-kwistjonijiet, iżda jonqos milli jagħti l-protezzjoni pprovduta mill-Artikolu 3(1)(b) sa (d) u (2), kien hemm ir-riskju li ma jkunx infurzabbli jew li jagħti lok għal talba għad-danni. Id-dritt għall-kumpens fir-rigward ta’ ħlas tardiv kellu jiġi inkluż fil-liġi nazzjonali. Il-kuntratt, kif konkluż bejn il-kreditur u d-debitur, ġie emendat f’dan ir-rigward, iżda biss fir-rigward ta’ interessi u kumpens għal ħlas tardiv. Dan kien il-livell (limitat) ta’ armonizzazzjoni li d-direttiva ppruvat tikseb. Fi kliem ieħor, il-kreditur ingħata sensiela ta’ benefiċċji u kien liberu li jagħżel iridx jeżerċitahom jew le. |
41. |
Jista’ jingħad li d-Direttiva 2000/35 ipprekludiet lil kreditur li ngħata dawn id-drittijiet milli jagħżel li jirrinunzja għalihom inkambju għall-ħlas immedjat f’ċirkustanzi fejn kien jista’ wkoll, kieku għażel hekk, jiddeċiedi minflok li jirrifjuta li jagħmel dan u jistenna l-ħlas sħiħ? Fil-fehma tiegħi, hija ma għamlitx dan. |
42. |
Ċertament, huwa minnu li sabiex issir tali rinunzja jeħtieġ li jkun hemm kuntratt. Madankollu, dan il-kuntratt ikun bħala tali aċċessorju għall-ewwel kuntratt, li bih ikun ġie kkostitwit id-dejn innifsu. Dan tal-aħħar ikun jidderoga mid-drittijiet mogħtija lill-kreditur permezz tal-ewwel kuntratt billi dawn id-drittijiet jiġu ssostitwiti permezz ta’ dritt ġdid, jiġifieri d-dritt għal ħlas immedjat. Dejjem sakemm id-dritt li tistenna ħlas sħiħ kien reali u mhux illużorju, ma jidhirlix li arranġament bħal dan huwa “inġust għall-aħħar” għall-kreditur għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/35. Il-fatt stess li l-kreditur ikun ingħata għażla jeskludi din il-konklużjoni. |
43. |
Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-raġunament għall-każ fil-kawża prinċipali, nixtieq nagħmel għadd ta’ osservazzjonijiet. Fl-ewwel lok, kif ir-rappreżentant legali ta’ IOS Finance osserva fis-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet illi, minkejja li l-kundizzjonijiet miftehma tal-kuntratt huma ġeneralment ikkaratterizzati mill-prinċipju ta’ libertà kuntrattwali, jista’ madankollu jkun hemm ċerti limitazzjonijiet għall-prinċipju li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli taħt id-dritt tal-UE ( 20 ). Iżda sabiex dan ir-raġunament ikun applikabbli, id-dritt tal-UE jrid ikun l-ewwel intervjena biex jillimita din il-libertà. Għalkemm jista’ jiġi osservat li, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3), l-effett tad-direttiva kien li jiġi impost ċertu livell ta’ limitazzjoni fuq il-libertà kuntrattwali tal-partijiet fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas mid-debitur fid-data tal-iskadenza, fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda limitazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni deskritta fil-punt 41 hawn fuq. |
44. |
Fit-tieni lok, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament introdott permezz tal-Liġi 8/2013 ta għażla lill-kreditur. Huwa jista’ jipparteċipa fil-mekkaniżmu, f’liema każ kien jitħallas, jekk mhux minnufih, għall-inqas f’qasir żmien. Alternattivament, jista’ jagħżel li s-sitwazzjoni tibqa’ bħalma kienet qabel. F’dan il-każ, ikollu jistenna iktar (u possibbilment ferm iktar) għall-ħlas, iżda jżomm id-dritt għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Mistoqsi dwar dan il-punt fis-seduta, l-aġent tal-Gvern Spanjol iddikjara illi l-kredituri kollha li għażlu li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu kienu effettivament issa tħallsu kollha b’mod sħiħ. Minkejja li, bħala tweġiba, l-Kummissjoni ppruvat targumenta bil-qawwa li l-mekkaniżmu b’xi mod ma kienx volontarju u li, fil-fatt, il-kredituri ma kellhomx għażla, fid-dawl tal-ispjegazzjoni mogħtija mill-Gvern Spanjol, jidhirli li tali argument huwa infondat ( 21 ). |
45. |
Ċertament, jidhirli illi dan l-element ta’ għażla — u r-riskji assoċjati miegħu — jikkostitwixxi element normali tal-ħajja kummerċjali. Wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju, kien hemm għażla bejn żewġ alternattivi. L-ewwel wieħed (parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu) offra riskju inqas u gwadann inqas. It-tieni wieħed (irregolat bil-kuntratt oriġinali) offra riskju ikbar, iżda l-possibiltà ta’ gwadann ikbar. Jiena ma narax li d-direttiva ġiet adottata sabiex tipprekludi dan it-tip ta’ sitwazzjoni. |
46. |
Fit-tielet lok, fil-fehma tiegħi, ma jagħmel ebda differenza għall-eżitu tal-kawża li d-debitur fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien emanazzjoni tal-Istat u mhux impriża privata. Ċertament, huwa minnu li l-obbligi tal-Istat Membru taħt direttiva jmorru lil hinn minn sempliċi teħid ta’ miżuri fil-liġi nazzjonali li jirriflettu r-regoli sostantivi stipulati fid-direttiva. Huwa wkoll obbligat illi japplika dawn ir-regoli u jinfurzahom fil-prattika ( 22 ). Dan ikun il-każ a fortiori fejn id-debitur suġġett għall-obbligu jkun l-Istat jew emanazzjoni tal-Istat. Iżda r-rekwiżit impost fuq l-Istat Membru f’dan ir-rigward ma jmurx, bħala tali, lil hinn mil-limitazzjonijiet tal-obbligi imposti mid-direttiva. Peress illi wasalt għall-konklużjoni li l-imsemmija obbligi ma jipprekludux arranġamenti għall-ħlas tal-kredituri bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, il-prinċipji li għadni kemm iddeskrivejt ma jistgħux jimponu obbligu fuq l-Istat Membru biex jikkonforma lilu nnifsu ma’ rekwiżit li ma huwiex stipulat mid-direttiva nnifisha ( 23 ). |
47. |
Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi l-kwistjoni hija fuq jekk l-azzjonijiet tal-Istat Membru fil-każ fil-kawża prinċipali kinux legali. Nagħmlu mod li l-kreditur taħt l-obbligu ma huwiex l-Istat jew emanazzjoni tal-Istat, iżda minflok huwa impriża privata. Naħseb li ma jkunx partikolarment diffiċli li wieħed jasal għall-konklużjoni li tali impriża tkun tista’, taħt id-direttiva, toffri b’mod validu lill-kreditur ftehim ta’ kompromess simili għal dak offrut lil IOS Finance taħt il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni f’din il-kawża. Ir-risposta tkun differenti jekk wieħed kellu jissostitwixxi l-Istat Membru jew wieħed mill-emanazzjonijiet tiegħu f’din l-ekwazzjoni? Fil-fehma tiegħi, ma għandhiex. |
48. |
Fl-aħħar lok, u għal darba oħra fis-seduta, kien hemm xi diskussjoni dwar l-impatt tal-fatt li l-kreditur fil-kawża prinċipali ma kienx il-fornitur oriġinali tal-prodotti jew tas-servizzi lid-Dipartiment tas-Saħħa, iżda kumpannija ta’ fatturazzjoni. Għandhom dak li nistgħu nsejħulhom ekwitajiet sottostanti jkollhom impatt fuq il-konklużjoni li jien wasalt għaliha fil-punt 41 hawn fuq? |
49. |
Fil-fehma tiegħi, le. |
50. |
Kif inhu magħruf sew, il-kumpanniji ta’ fatturazzjoni joffru servizz lill-komunità tan-negozju. Dan jagħmluh billi jixtru d-djun tal-impriżi, l-iktar komuni huma dawk fis-setturi tal-manifattura, il-bejgħ bl-imnut jew tas-servizzi, bi skont. Għall-kalkolu tal-iskont il-kumpanniji kkonċernati jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inkluż iż-żmien probabbli ta’ ħlas u r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas. Tali eżerċizzju inevitabbilment jinvolvi ċertu grad ta’ ġudizzju mill-kumpannija. Il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-livell ta’ skont xieraq abbażi ta’ dan il-ġudizzju jiddetermina s-suċċess jew il-falliment tagħha fis-suq. Inkambju għall-aċċettazzjoni tal-iskont offrut, l-impriża kkonċernata tirċievi ħlas immedjat ta’ (parti mid-) dejn tagħha. Min-naħa tagħha, il-kumpannija ta’ fatturazzjoni tiġi assenjata d-dejn sħiħ. Skont il-prinċipju assignatus utitur iure auctoris, id-dejn assenjat huwa preċiżament id-dejn — mhux iktar, iżda mhux inqas — li, qabel ma ġie assenjat, kien jinsab fil-kontijiet tal-impriża li tħallset. Il-fatt li, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpannija ta’ fatturazzjoni tidher li rċiviet ħlas tad-djun sottostanti qabel l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu u, bħala riżultat, għamlet dak li jista’ jidher li huwa profitt mhux mistenni, fil-fehma tiegħi ma jaffettwax il-kwistjonijiet sottostanti. |
51. |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/35, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni fil-liġijiet nazzjonali li (a) tagħti d-dritt lill-kreditur jidħol fi skema li tipprovdi għall-ħlas “aċċelerat” tal-ammont prinċipali dovut skont kuntratt konkluż fil-post fejn il-kreditur jkun eżegwixxa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, suġġett għall-kundizzjoni li huwa jirrinunzja għad-dritt għall-interessi moratorji u għall-ispejjeż ta’ rkupru, filwaqt illi (b) tippermetti lill-kreditur jirrifjuta li jidħol f’tali skema b’tali mod li ma jitlifx id-dritt kemm għall-interessi u għall-kumpens, minkejja li jkun probabbli li jkollu jistenna ħafna iktar għall-ħlas. |
Id-Direttiva 2011/7
52. |
Id-Direttiva 2011/7 irriformulat id-Direttiva 2000/35 billi bniet fuq il-protezzjoni mogħtija lill-kredituri mill-predeċessur tagħha fir-rigward ta’ ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali. Jidher illi kien hemm perċezzjoni li d-Direttiva 2000/35 kienet qegħda tonqos, jew għall-inqas ma kinitx qed tirnexxi biżżejjed, milli tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan ir-rigward ( 24 ). Dawn li ġejjin huma l-bidliet prinċipali introdotti permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. |
53. |
L-Artikolu 1(3) jippermetti lill-Istati Membri jeskludu djun li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza istitwiti kontra d-debitur, inklużi l-proċeduri intiżi għar-ristrutturazzjoni tad-dejn. Peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata fis-seduta li Spanja ma adottatx miżuri f’dan ir-rigward, mhux ser nikkunsidra l-kwistjoni ulterjorment. |
54. |
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2011/7 t-tnejn li huma jipprovdu li l-kreditur għandu dritt għall-interessi moratorji, u b’hekk jirriflettu l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/35. Madankollu, huma jdaħħlu distinzjoni bejn tranżazzjonijiet bejn żewġ impriżi jew iktar ( 25 ) (suġġett għall-Artikolu 3) u tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi (suġġett għall-Artikolu 4) ( 26 ). Minħabba li dawn tal-aħħar huma b’mod ġenerali meqjusa illi għandhom sorsi ta’ dħul iktar qawwija u li jistgħu jiksbu finanzjament b’kundizzjonijiet iktar attraenti minn impriżi ( 27 ), bħala regola huma suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti. Fir-rigward tad-data jew il-perijodu għall-ħlas, l-Artikolu 3 jipprovdi li dan jista’ jiġi stabbilit fil-kuntratt, bil-kundizzjoni li ma jaqbiżx perijodu massimu ta’ 60 jum, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fis-sens tal-Artikolu 7 ( 28 ). Skont l-Artikolu 4, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan il-perijodu ma għandux jaqbeż it-30 jum. Ir-rata ta’ interessi moratorji applikabbli għall-ħlas tardiv skont l-Artikolu 3 għandha tiġi miftiehma bejn il-partijiet, dejjem suġġett għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw kundizzjonijiet u prassi kuntrattwali stipulati fl-Artikolu 7 ( 29 ). Ir-rata ekwivalenti skont l-Artikolu 4 għandha titqies, fuq kwalunkwe bażi, bħala waħda penali u tiġi kkalkolata b’riferiment għal dik li tissejjaħ ir-“rata ta’ referenza” ( 30 ) biż-żieda ta’ tmien punti perċentwali. |
55. |
L-Arikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi ċertezza ikbar għall-kredituri li jfittxu jirċievu kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mill-ekwivalenti tiegħu l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2000/35. B’mod partikolari, huwa jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-interessi moratorji jsiru dovuti fi tranżazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma fissa ta’ EUR 40. |
56. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7 tissostitwixxi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/35. Skont l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jipprovdu li kundizzjoni jew prassi kuntrattwali relatati mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ interessi moratorji jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru li jkun inġust għall-aħħar għall-kreditur, għandu jew ikun infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni. Biex jiġi stabbilit jekk kundizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunux inġusti għall-aħħar, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għalhekk, minkejja li mhuwiex miktub bi kliem identiku bħal dawk tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/35, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/7 ma tvarjax b’mod sostanzjali minn dik mogħtija mill-predeċessur tiegħu. Madankollu, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 7 daħħlu protezzjoni addizzjonali sinjifikattiva għall-kreditur u huwa xieraq li jiġi eżaminat fid-dettall. |
57. |
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(2) jipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1), kundizzjoni jew prassi kuntrattwali li jeskludu l-interessi moratorji għandhom jitqiesu li huma inġusti għall-aħħar. Filwaqt li l-espressjoni “kundizzjoni kuntrattwali” ma teħtieġ l-ebda spjegazzjoni, jista’ jkun li l-kunċett ta’ “prassi” jkollu jiġi spjegat. Id-direttiva ma tagħtix definizzjoni tal-kelma. Fil-fehma tiegħi, għandha tinftiehem bħala xi ħaġa li tipproduċi effett meta jiġi konkluż il-kuntratt. B’dan irrid infisser arranġament li, minkejja li mhux irreġistrat jew ifformulat b’mod espliċitu fil-kuntratt, xorta jkun vinkolanti bejn il-partijiet, normalment bħala riżultat tat-trattazzjonijiet bejniethom jew minħabba użanzi u drawwiet tal-kummerċ jew tan-negozju kkonċernat. Dan jirrifletti l-istruttura u l-għan globali tal-parti rilevanti tal-leġiżlazzjoni, jiġifieri li jistabbilixxi regoli li jirregolaw l-effett sostantiv ta’ kuntratti konklużi bejn partijiet li tipikament ikollhom setgħa inugwali tan-negozjar. Bil-ħsieb li tipprovdi l-protezzjoni neċessarja, l-Artikolu 7(2) jistabbilixxi regoli dwar ħlas u l-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv li, bħala tali, il-partijiet huma mħeġġa jinkorporawhom fil-kuntratti tagħhom (il-karrotta) u jekk ma jiġux inkorporati, jew għandhom jitqiesu li jwasslu għal non-eżegwibbiltà (jew, f’ċerti każijiet, li jistgħu jwasslu għal non-eżegwibbiltà) jew li jagħtu lok għal talba għad-danni (il-bastun). |
58. |
Il-konklużjoni li wasalt għaliha dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prassi” hija msaħħa permezz tal-premessa 28 tad-Direttiva 2011/7, li tgħid illi “Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. Bħala riżultat, meta kundizzjoni f’kuntratt jew prassi relatati mad-data jew il-perjodu għall-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunx ġustifikat fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet mogħtija lid-debitur, jew iservi prinċipalment għall-għan li jikseb liwidità addizzjonali għad-debitur għad-detriment tal-kreditur, jista’ jitqies li jikkostitwixxi abbuż ta’ dan it-tip. Għal dak il-għan, u b’mod konformi mal-‘Abbozz ta’ Qafas ta’ Referenza Komuni’[ ( 31 ) ] akkademiku, kwalunkwe kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li jiddevjaw għall-aħħar mill-prassi kummerċjali tajba u jmorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust għandhom jitqiesu li huma inġusti għall-kreditur. […]”. F’dan il-kuntest, ninnota illi l-Qafas ta’ Referenza Komuni jipprovdi d-definizzjoni segwenti għal “Kundizzjoni Kuntrattwali”: “il-kundizzjonijiet kuntrattwali jistgħu jinkisbu mill-ftehim espliċitu jew taċitu tal-partijiet, mir-regoli tal-liġi jew minn prassi stabbilita bejn il-partijiet jew mill-użanzi” ( 32 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
59. |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 7(3) jintroduċi preżunzjoni illi kundizzjoni jew prassi kuntrattwali li jeskludu kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jitqiesu li huma inġusti għall-aħħar. F’dan ir-rigward, din hija differenti mill-Artikolu 7(2) sa fejn din tal-aħħar tistabbilixxi li l-esklużjoni ta’ interessi moratorji “għandha titqies” li hija inġusta għall-aħħar. Fi kliem ieħor, filwaqt illi ma hemm l-ebda lok għal diskussjoni dwar din il-kwistjoni, il-preżunzjoni fil-paragrafu 3 hija konfutabbli. Għaldaqstant, debitur li jipprova jikkuntestaha jkollu jipproduċi biżżejjed provi sabiex jegħleb l-argumenti kuntrarji kollha u b’hekk jistabbilixxi l-każ tiegħu. |
60. |
Indipendentement minn dan, l-Artikolu 7(3) għandu jinftiehem fl-istess mod bħall-Artikolu 7(2). |
61. |
Filwaqt illi, mingħajr dubju, id-Direttiva 2011/7 saħħet il-protezzjoni mogħtija lill-kredituri fir-rigward tal-ħlas tardiv, l-istruttura globali tagħha tibqa’ essenzjalment simili għal dik tad-Direttiva 2000/35. Għalhekk, hija tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kredituri jingħataw drittijiet fir-rigward tad-data minn meta l-interessi moratorji jkollhom jitħallsu skont il-kuntratt, ir-rata ta’ interessi u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Kull tentattiv tad-debitur biex jimponi kundizzjonijiet jew prassi inġusti għall-aħħar fil-kuntratt konkluż jista’, jew tabilħaqq ser, iwassal għal non-eżegwibbiltà tad-dispożizzjoni jew jagħti lok għal talba għad-danni. |
62. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi ma hemm xejn fid-Direttiva 2011/7 li jipprekludi lill-kreditur milli jidħol b’mod volontarju f’arranġament mad-debitur, wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mill-kreditur, li bih jirċievi ħlas immedjat tal-ammont prinċipali dovut skont il-kuntratt inkambju għar-rinunzja tal-pretensjonijiet li kieku kien ikun intitolat għalihom fir-rigward ta’ ħlas tardiv u kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. B’mod partikolari, jidhirli li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim ma jikkostitwixxux “kundizzjoni jew prassi kuntrattwali” għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) sa (3) tad-Direttiva u, minħabba f’hekk, lanqas ma huma “inġusti għall-aħħar” għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 42 hawn fuq. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-każ fil-kawża prinċipali, l-osservazzjonijiet inklużi fil-punti 43 sa 50 hawn fuq dwar id-Direttiva 2000/35, huma rilevanti wkoll għad-Direttiva 2011/7. |
63. |
Huwa xieraq li nżid illi, minkejja li l-Gvern Ġermaniż jaqbel li l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7 ma japplikax għaċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, huwa jsostni li l-Artikolu 7(1) huwa, madankollu, rilevanti. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni ma hijiex marbuta mal-limitu ta’ żmien sal-istess livell tal-paragrafi 2 u 3. |
64. |
Jien ma naqbilx. |
65. |
Bl-użu tal-espressjoni “kundizzjoni jew prassi kuntrattwali” f’kull wieħed mill-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 7, jidher ċar li l-ħsieb tal-leġiżlatur kien li kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kellha tkun applikabbli fl-istess ċirkustanzi. Għalhekk, il-paragrafi 2 u 3 sempliċement jirrappreżentaw dispożizzjonijiet iktar stretti li jkopru każijiet partikolari ta’ abbuż sfaċċat. Huma applikabbli “għall-finijiet tal-paragrafu 1”. L-applikazzjoni ratione temporis tat-tliet paragrafi hija identika. |
66. |
Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li d-Direttiva 2011/7, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (3) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni fil-liġijiet nazzjonali li (a) tagħti d-dritt lill-kreditur jidħol fi skema li tipprovdi għall-ħlas “aċċelerat” tal-ammont prinċipali dovut skont kuntratt konkluż fil-post fejn il-kreditur jkun eżegwixxa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, suġġett għall-kundizzjoni li huwa jirrinunzja għad-dritt ta’ interessi moratorji u għall-ispejjeż ta’ rkupru, filwaqt illi (b) tippermetti lill-kreditur jirrifjuta li jidħol f’tali skema b’tali mod li ma jitlifx id-dritt kemm għall-interessi u kemm għall-kumpens, minkejja li jkun probabbli li jkollu jistenna ħafna iktar għall-ħlas. |
It-tielet domanda
67. |
Peress li t-tielet domanda saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha. |
Konklużjoni
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lid-domandi mqajma mill-Juzgado Contencioso-Administrativo No 6, Murcia (qorti tal-proċeduri amministrattivi kontenzjużi, Nru 6, Murcia, Spanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Attwalment inkorporata fid-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011 L 48 p. 1), li hija verżjoni emendata u mfassla mill-ġdid tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 226).
( 3 ) Dan huwa, għall-inqas, dak indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub il-Gvern Spanjol jissuġġerixxi illi t-traspożizzjoni twettqet permezz tal-Liġi 11/2013 tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar miżuri li jappoġġjaw l-intraprenditorija, jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjieg (Ley 11/2013, de 26 de julio, de medidas de apoyo al emprendedor y de estímulo del crecimiento y de la creación de empleo). Ma nesprimi ebda opinjoni dwar liema waħda hija korretta.
( 4 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid illi dan il-paragrafu, kif emendat bil-Liġi 17/2014 tat-30 ta’ Settembru 2014, idaħħal miżuri urġenti dwar finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn korporattiv (Ley 17/2014, de 30 de septiembre, por la que se adoptan medidas urgentes en materia de refinanciación y reestructuración de deuda empresarial). Madankollu, ma tispjegax b’liema mod ġiet emendata.
( 5 ) Imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.
( 6 ) Ġie indikat waqt is-seduta illi l-aċċess għall-mekkaniżmu ngħalaq, peress li d-data finali għall-applikazzjonijiet għal aċċess kienet il-31 ta’ Diċembru 2013.
( 7 ) Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax id-data jew id-dati taċ-ċessjonijiet rilevanti, fit-tweġiba għal mistoqsija fis-seduta, il-konsulent legali ta’ IOS Finance indika li l-kumpannija kienet akkwistat id-djun qabel ma ġie introdott il-pjan ta’ finanzjament mill-ġdid skont il-Liġi 8/2013.
( 8 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2015, Stadt Landau in der Pfalz, C‑115/14, UE:C:2015:760, punt 46.
( 9 ) Premessa 7.
( 10 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Caffaro, C‑265/07, UE:C:2008:496, punt 14.
( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Caffaro, C‑265/07, UE:C:2008:496, punti 15 u 16.
( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Caffaro, C‑265/07, UE:C:2008:250, punt 28.
( 13 ) Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑302/05, UE:C:2006:683, punt 23, u tat-3 ta’ April 2008, 01051 Telecom, C‑306/06, UE:C:2008:187, punt 21, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi d-direttiva ma armonizzatx ir-regoli kollha relatati mal-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali, iżda rregolat biss ċerti regoli f’dan il-qasam.
( 14 ) Subparagrafi (a) u (b).
( 15 ) Subparagrafu (d).
( 16 ) Subparagrafu (ċ).
( 17 ) Subparagrafu (e).
( 18 ) Ara wkoll, fir-rigward l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑380/06, UE:C:2008:702, punt 17 et seq.
( 19 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet illi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 3 sabiex jiġi żgurat li jitħallsu l-interessi fil-każ ta’ ħlas tardiv huwa kkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex joħloq effett dirett. Ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia, C‑97/11, UE:C:2012:306, punt 37.
( 20 ) Ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010Harms, C‑434/08, UE:C:2010:285, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 21 ) Nixtieq nenfasizza li, kieku l-pożizzjoni kienet mod ieħor u l-kreditur ma kellux għażla, kont nikkonkludi li tali arranġament jkun kiser ir-rekwiżiti tad-Direttiva u għall-finijiet tal-Artikolu 3(3), ikun jitqies li huwa “inġust għall-aħħar” għall-kreditur.
( 22 ) Ara, inter alia, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, UE:C:1984:153, punt 23, u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, UE:C:1993:335, punt 24. Ara wkoll Prechal, S., Directives in EC Law, Oxford University Press, Oxford, 2010, p. 51 et seq.
( 23 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, nixtieq inżid illi, filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li l-ħlas lil IOS Finance sar mis-Dipartiment tas-Saħħa, il-Gvern Spanjol iddikjara fis-seduta li, effettivament il-ħlas sar mill-Istat, b’obbligu ta’ ħlas lura impost fuq id-Dipartiment tas-Saħħa f'data iktar tard. Ma nqisx li din il-kwistjoni għandha xi impatt fuq l-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet sottostanti.
( 24 ) Ara, pereżempju, il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali (riformulazzjoni) [COM(2009) 126 finali], illi jirreġistra illi “Hemm evidenza qawwija li, minkejja d-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva 2000/35], il-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali għadu problema ġenerali fi ħdan l-UE”.
( 25 ) “Intrapriża” [Impriża] hija ddefinita fl-Artikolu 2(3) bħala “kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda”.
( 26 ) “Awtorità pubblika” hija ddefinita fl-Artikolu 2(2) bħala “kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt”.
( 27 ) Premessa 23.
( 28 ) Ara wkoll il-punt 57 et seq iktar ’il quddiem.
( 29 ) Ara wkoll il-punt 57 et seq iktar ’il quddiem.
( 30 ) Iddefinit fl-Artikolu 2(7) bħala waħda minn dawn li ġejjin: “(a) għal Stat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro, jew: (i) ir-rata ta’ mgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew lill-operazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjar mill-ġdid l-aktar reċenti tiegħu; jew (ii) ir-rata ta’ mgħax marġinali li tirriżulta minn proċeduri ta’ sejħiet għal offerti b’rata varjabbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjar mill-ġdid l-aktar reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew; (b) għal Stat Membru li l-valuta tiegħu mhix l-euro, ir-rata ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu”.
( 31 ) Id-dokument huwa disponibbli fuq l-Internet f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/policies/civil/docs/dcfr_outline_edition_en.pdf.
( 32 ) Taqsima II – 9:101.