EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0526

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:102

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit‑18 ta’ Frar 2016 ( 1 )

Kawża C‑526/14

Kotnik et

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja)]

“Għajnuna mill-Istat — Komunikazzjoni dwar il-Banek — Qsim tal-piżijiet — Direttiva 2001/24/KE — Miżuri ta’ riorganizzazzjoni — Direttiva 2012/30/UE — Ġurisprudenza Pafitis — Direttiva 2014/59/UE”

1. 

Kriżi finanzjarja tal-kobor ta’ dik li bdiet fl-2007, u li nfirxet malajr globalment wara l-waqgħa ta’ Lehman Brothers f’Settembru 2008, sikwit hija ddefinita bħala “ġrajja multidimensjonali”, ikkawżata minn diversi fatturi konkomitanti. Politiċi u ekonomisti mhux dejjem jaqblu bejniethom dwar il-kawżi ewlenin ta’ kriżijiet bħal dawn, iżda ġeneralment jaqblu dwar il-konsegwenzi possibbli li jistgħu joriġinaw minnhom: kollass ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, waqgħa fil-boroż, falliment ta’ negozji kemm kbar, kif ukoll żgħar, tnaqqis tal-ġid tal-konsumaturi u żieda fil-qagħad ( 2 ).

2. 

Huwa ġeneralment aċċettat li sabiex tiġi miġġielda kriżi finanzjarja jistgħu jkunu meħtieġa forom differenti ta’ intervent pubbliku, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Għal dan l-għan, matul il-kriżi finanzjarja reċenti, diversi Stati, kemm fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-bqija tad-dinja, irrikorrew għal varjetà ta’ miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” sabiex iġibu għal li kienet il-vijabbiltà tal-banek.

3. 

Din il-kawża – l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) – tirrigwarda, fil-fatt, miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” tax-xorta msemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek l-iktar reċenti ( 3 ) (imsejħa “miżuri ta’ qsim tal-piżijiet”), maħruġa mill-Kummissjoni sabiex tipprovdi qafas għall-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat lil banek matul il-kriżi. Il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-komunikazzjoni, billi tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet legali importanti li biħsiebni nindirizza f’dawn il-konklużjonijiet.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Komunikazzjoni dwar il-banek

4.

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek hija s-seba’ komunikazzjoni adottata minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja ( 4 ) sabiex tipprovdi gwida dwar il-kriterji għall-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għas-settur finanzjarju matul dik il-kriżi ( 5 ).

5.

Skont il-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek:

“[…] [A]nke matul il-kriżi, il-prinċipji ġenerali tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqgħu applikabbli. B’mod partikolari, sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati Membri fis-suq uniku kif ukoll jiġi indirizzat il-periklu morali, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tiegħu jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom. Is-sostenn mill-Istat irid jingħata fuq termini li jirrappreżentaw il-qsim xieraq tal-piżijiet ma' dawk li investew fil-bank.”

6.

It-Taqsima 3.1.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek (punti 40 sa 46) tirrigwarda dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinati ta’ banek. Dawn il-punti huma redatti kif ġej:

“40.

L-appoġġ mill-Istat jista’ joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-għajnuna għandha tingħata biss fuq termini li jinvolvu qsim tal-piżijiet adegwat minn investituri eżistenti.

41.

Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment jinvolvi, wara li t-telf l-ewwel jiġi assorbit mill-ekwità, kontribuzzjonijiet minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi tad-dejn subordinat. Id-detenturi ta’ kapital ibridu u tad-dejn subordinat iridu jikkontribwixxu biex inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista’ jkun possibbli. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ kkonverżjoni għal Grad 1 tal-Ekwità Komuni, jew billi jseħħ tnaqqis fil-valur tal-istrumenti ewlenin [tal-kapital tal-istrumenti]. […]

42.

Il-Kummissjoni mhux se teħtieġ kontribuzzjoni minn detenturi tad-dejn superjuri (b’mod partikolari minn depożiti assigurati, depożiti mhux assigurati, bonds u dejn superjuri) bħala komponent obbligatorju għall-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, la permezz tal-konverżjoni f’kapital u lanqas permezz ta’ tniżżil fil-valur tal-istrumenti.

43.

Fejn il-proporzjon tal-kapital, tal-Bank li għandu identifikat nuqqas fil-kapital, jibqa’ ogħla mil-livell minimu regolatorju tal-UE, il-Bank għandu normalment ikun kapaċi jtejjeb il-pożizzjoni tal-kapital bil-mezzi tiegħu stess, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jekk m’hemmx possibilitajiet oħra […] f’dan il-każ id-dejn subordinat għandu jiġi kkonvertit f’ekwità, fil-prinċipju qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat.

44.

F’każijiet fejn il-bank ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti regolatorji minimi ta’ kapital, id-dejn subordinat irid jiġi kkonvertit jew jitnaqqas, fil-prinċipju, qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tingħata qabel ma l-ekwità, il-kapital ibridu u d-dejn subordinat ikunu kkontribwew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf.

45.

Tista’ ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-punti 43 u 44, meta l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati […].

46.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-punti 43 u 44, irid jinżamm ‘il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar’. Għalhekk, kredituri subordinarji m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata.”

2. Id-Direttiva 2001/24/KE

7.

Skont is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2, tad-Direttiva 2001/24 ( 6 ), “‘miżuri ta’ riorganizzazzjoni’ għandhom ifissru miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

3. Id-Direttiva 2012/30/UE

8.

Id-Direttiva 2012/30 ( 7 ) hija d-Direttiva 77/91 rriformulata ( 8 ). Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/30, “[k]ull żieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali”.

9.

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2012/30 jipprovdi li “Kull tnaqqis fil-kapital sottoskritt, ħlief skond ordni tal-qorti, għandu jkun suġġett għall-inqas għal deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali […]”. L-Artikolu 35 tal-istess direttiva jgħid li “[m]eta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar tnaqqis fil-kapital sottoskritt għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull klassi ta’ azzjonisti li l-jeddijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 40(1) ta’ dik id-direttiva jgħid:

“Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jippermettu li kumpanniji jnaqqsu l-kapital sottoskritt tagħhom b’irtirar obbligatorju ta’ ishma, huma għandhom jeħtieġu li għall-inqas jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

meta l-irtirar obbligatorju huwa sempliċiment awtorizzat mill-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, dan għandu jiġi deċiż mil-laqgħa ġenerali sakemm ma jkunx gie approvat b’mod unanimu mill-azzjonisti kkonċernati;

[…]”

10.

Fi kliem l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2012/30:

“Fil-każijiet koperti mill-[...] mill-punt (b) Artikolu 40(1) [...] meta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar fidwa tal-kapital sottoskritt jew it-tnaqqis tiegħu bl-irtirar ta’ ishma għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull kategorija ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni.”

4. Id-Direttiva 2014/59/UE

11.

Fil‑15 ta’ Mejju 2014 kienet adottata d-Direttiva 2014/59, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 9 ). L-Artikolu 117 ta’ dik id-direttiva jemenda l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24. L-Artikolu 123 tal-istess direttiva jemenda l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2012/30.

B – Id-dritt nazzjonali

12.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Sloven huma stabbiliti fil-liġi dwar il-banek (Zakon o bančništvu, iktar ’il quddiem iż-“Zban‑1”) u fil-liġi li temenda jew tikkompleta ż-ZBan 1 (Zakon o spremembah in dopolnitvah Zakona o bančništvu, iktar ’il quddiem iż-“Zban‑1L”).

13.

L-Artikolu 134 taż-Zban‑1 (“kapital addizzjonali tal-banek”) jipprovdi li l-kapital addizzjonali tal-bank għandu jinkludi l-kapital addizzjonali ta’ kategorija I u tal-kapital addizzjonali ta’ kategorija II. Il-kapital addizzjonali ta’ kategorija I għandu jinkludi dan li ġej: kapital bażiku, obbligazzjonijiet subordinati u elementi oħra li jkunu simili fid-dawl tal-karatteristiċi u l-għan tagħhom, filwaqt li l-kapital addizzjonali ta’ kategorija II għandu jinkludi obbligazzjonijiet subordinati u elementi oħra li, minħabba l-karatteristiċi u l-għan tagħhom, ikunu tajbin biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskji tas-suq.

14.

L-Artikolu 253 taż-Zban‑1 (“Miżuri straordinarji”) jipprovdi:

“(1)   Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi, il-Bank tas-Slovenja jista’, b’deċiżjoni, jeżiġi li banek jadottaw il-miżuri straordinarji li ġejjin:

[…]

1a.   it-tħassir jew il-konverżjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet eliġibbli;

[…]

(3)   Il-miżuri straordinarji għandhom jagħmlu parti mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni pprovduti mid-Direttiva 2001/24/KE.”

15.

L-Artikolu 261a taż-Zban‑1 (“Miżuri għat-tħassir jew għall-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli”), jipprovdi:

“(1)   Bid-deċiżjoni tiegħu li jeżiġi miżuri straordinarji l-Bank tas-Slovenja għandu jipprovdi li:

1.

obbligazzjonijiet eliġibbli jitħassru jew jitniżżel il-valur tagħhom,

[…]

(5)   Meta jillikwida jew jikkonverti l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank, il-Bank tas-Slovenja għandu jkun issodisfatt li kredituri individwali ma jbatux, bħala riżultat tat-tħassir jew tal-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank, telf ikbar li kienu jbatu li kieku l-bank kellu jkun insolventi.

(6)   l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank huma rrappreżentati minn :

1.

il-kapital bażiku tal-bank (obbligazzjonijiet ta’ klassi I);

2.

l-obbligazzjonijiet relatati ma’ detenturi ta’ strumenti finanzjarji ibridi […] (obbligazzjonijiet ta’ klassi II);

3.

l-obbligazzjonijiet relatati ma’ detenturi ta’ strumenti finanzjarji ibridi, li, skont l-Artikolu 134 tal-liġi attwali, għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kapital addizzjonali tal-bank, sakemm tali obbligazzjonijiet ma jkunux diġà inklużi fid-definizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 jew 2 ta’ dan il-paragrafu (obbligazzjonijiet ta’ klassi III);

4.

l-obbligazzjonijiet mhux inklużi fid-definizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1, 2 jew 3 ta’ dan il-paragrafu, li, f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-bank, jitħallsu wara l-ħlas ta’ djun mhux ipprivileġġati (obbligazzjonijiet ta’ klassi IV).”

16.

L-Artikolu 261c taż-Zban‑1 (“Limitu għat-tħassir jew għall-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli”), fil-parti rilevanti, jipprovdi:

“(1)   Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-tħassir ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli […] il-Bank tas-Slovenja għandu jeżiġi li l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank jitħassru sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi kopert it-telf tal-bank, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-assi netti kif imsemmi fl-artikolu preċedenti.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi rrinvjati

17.

Fis‑17 ta’ Diċembru 2013, Banka Slovenije (il-Bank Ċentrali tas-Slovenja), skont id-dispożizzjonijiet taż-Zban‑1, adotta deċiżjoni dwar miżuri straordinarji u ordna lil ħames banek (Nova Ljubljanska banka, d.d., Nova Kreditna banka Maribor, d.d., Abanka Vipa, d.d., Probanka, d.d. u Factor banka, d.d., iktar ’il quddiem il-“banek inkwistjoni”) biex iħassru l-obbligazzjonijiet eliġibbli kollha msemmija fl-Artikolu 261a(6) taż-Zban‑1 (iktar ’il quddiem “il-miżuri inkwistjoni”).

18.

Fit‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat għajnuna mill-Istat lill-banek inkwistjoni.

19.

Id-Državni svet (il-kunsill nazzjonali), il-Varuh človekovih pravic (l-Ombudsman) u għadd ta’ individwi (“Kotnik et”) ressqu proċeduri quddiem l-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) fejn talbu li tiġi mistħarrġa l-kostituzzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet taż-Zban‑1 u ż-Zban‑1L li kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-miżuri msemmija fil-punt 17 (iktar ’il quddiem “il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”).

20.

Fid-digriet tagħha tar-rinviju l-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) tispjega li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kien li jiġi stabbilit qafas legali għall-qsim tal-piżijiet skont ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-banek. B’mod partikolari, l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 261a(6) taż-Zban‑1 jaqblu mad-definizzjonijiet ta’ ekwità, kapital ibridu u dejn subordinat li hemm fil-Komunikazzjoni dwar il-banek. Abbażi ta’ dan, din il-qorti hija tal-fehma li l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma diretti wkoll kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-komunikazzjoni. Fil-fehma tagħha dawn l-ilmenti jqajmu kwistjonijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tista’, fid-dawl tal-effetti legali prodotti konkretament minn din tal-aħħar peress li, skont l-Artikolu 3(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u peress li, skont l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha kompetenza deċiżjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li din għandha effetti vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, meta din l-għajnuna tkun ta’ natura permanenti u ma tkunx tista’ titħassar faċilment?

(2)

Il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat li jkollha l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomiija ta’ Stat, għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ annullament tal-kapital, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat bil-għan li l-għajnuna tiġi llimitata għall-minimu neċessarju fid-dawl tal-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-periklu morali, huma inkompatibbli mal-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li dawn imorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni li huma ddefiniti permezz tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat?

(3)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital sa fejn dan l-obbligu jikkonċerna azzjonijiet (kapital), strumenti ta’ kapital ibridu u strumenti ta’ dejn subordinat li nħarġu qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek u li fil-mument tal-ħruġ tagħhom setgħu jiġu llikwidati totalment jew parzjalment mingħajr rimbors sħiħ biss f’każ ta’ falliment tal-bank, huma konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(4)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat mingħajr ma tinbeda u tingħalaq il-proċedura ta’ falliment li fil-kuntest tagħha l-beni tad-debitur jiġu llikwidati permezz ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha d-detenturi tal-istrumenti finanzjarji subordinati jkollhom l-opportunità li jkunu partijiet fil-proċedura, huma konformi mad-dritt għall-proprjetà skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

(5)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat, imorru kontra l-Artikoli 29, 34 u 35 kif ukoll l-Artikoli 40 sa 42 tad-[Direttiva 2012/30], peress li l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri tirrikjedi t-tnaqqis u/jew iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu uffiċjali kompetenti u mhux tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija?

(6)

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tista’, fid-dawl tal-punt 19 tagħha u b’mod partikolari r-rekwiżit previst f’dan il-punt li jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, tal-punt 20 tagħha u tal-obbligu ta’ prinċipju, inkluż fil-punti 43 u 44 tal-Komunikazzjoni, li jiġu kkonvertiti jew deprezzati l-istrumenti ta’ kapital ibridu u l-istrumenti ta’ dejn subordinat qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li tali miżura ma tobbligax lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, li jimponu l-obbligu ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament iċċitat iktar 'il fuq bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew fis-sens li jkun suffiċjenti sabiex tiġi awtorizzata l-għajnuna mill-Istat li l-miżura ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament tiġi implementata b’mod proporzjonat?

(7)

Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva 2001/24/KE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri meħtieġa ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinati skont il-punti 40 u 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek (deprezzament tal-kapital primarju tal-klassi I, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat) jifformaw parti mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni wkoll?”

22.

Osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri kienu sottomessi minn T. Kotnik, J. Sedonja, A. Pipuš, F. Marušič, J. Forte, mill-Fondazione Cassa di Risparmio di Imola, mid-Državni svet, mid-Državni zbor (l-Assemblea Nazzjonali tas-Slovenja) u mill-Banka Slovenije, kif ukoll mill-Irlanda, mill-Gvernijiet tal-Italja, tas-Slovejna u ta’ Spanja, u mill-Kummissjoni. T. Kotnik, J. Sedonja, il-Fondazione Cassa di Risparmio di Imola, T. Kotnik, J. Sedonja, id-Državni svet, il-Banka Slovenije, l-Irlanda, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tas-Slovenja, u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2015.

III – Analiżi

A – Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Mill-bidu nett il-Kummissjoni nnotat li l-Komunikazzjoni dwar il-banek ma hijiex att indirizzat lil individwi u ma hijiex maħsuba biex toħloq drittijiet għal individwi. Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti risposta għad-domandi rrinvijati.

24.

L-argument tal-Kummissjoni huwa, fil-fehma tiegħi, infondat. Is-sempliċi fatt li att ma jkunx indirizzat lil individwi jew maħsub li joħloq drittijiet għal individwi ma jfissirx li tali att jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE ( 10 ). L-argument tal-Kummissjoni jkun qiegħed jintroduċi distinzjonijiet bejn atti differenti li tagħhom ma jkunx hemm ħjiel f’dik id-dispożizzjoni tat-Trattat. Dak li huwa importanti skont l-Artikolu 267 TFUE huwa, fil-fatt, jekk risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-att inkwistjoni tkunx meħtieġa biex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti sentenza.

25.

Barra minn dan, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, atti ta’ “liġi mhux vinkolanti” (bħall-Komunikazzjoni dwar il-Banek), anki jekk ma jkunux vinkolanti għal individwi, jistgħu, madankollu, jipproduċu tipi oħra ta’ effetti legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, f’diversi okkażjonijiet, tat risposti għal domandi rrinvijati minn qrati nazzjonali dwar dispożizzjonijiet li jkun hemm f’atti ta’ “liġi mhux vinkolanti” ( 11 ).

B – Id-domandi rrinvijati

1. Osservazzjonijiet preliminari

26.

Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-proċeduri, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari.

27.

Ċertu għadd ta’ domandi rrinvijati jidher li huwa bbażat fuq il-premessa li l-Komunikazzjoni dwar il-banek hija, jekk mhux de jure, għall-inqas de facto vinkolanti għall-Istati Membri. Inkella, ma jkunx hemm raġuni għall-qorti tar-rinviju biex tiddubita l-validità ta’ tali komunikazzjoni.

28.

Madankollu, din il-premessa ma hijiex korretta. Kif ser nispjega fid-dettall fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, il-Komunikazzjoni dwar il-banek ma hijiex vinkolanti għall-Istati Membri. Għalhekk l-Istati Membri ma humiex obbligati, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jadottaw leġiżlazzjoni interna li timplementa d-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

29.

Jidhirli li dan jimplika, loġikament, li d-dubji dwar il-validità ta’ dan l-istrument imqajma mill-qorti tar-rinviju jistgħu jitwarrbu pjuttost faċilment.

30.

Madankollu nqis li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tillimita l-analiżi tagħha għall-validità tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-kwistjonijiet legali li ltaqgħet magħhom il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali jistgħu ma jiġux riżolti għal kollox. Irrispettivament mill-effetti legali tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, ma hemmx dubju li d-dispożizzjonijiet ikkontestati taż-Zban‑1 u ż-Zban‑1L kienu adottati bil-għan li jkun hemm konformità ma’ din il-komunikazzjoni. Fil-fatt, il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-banek inkwistjoni kienu approvati malajr mill-Kummissjoni.

31.

Għalhekk, kif issuġġerit mill-Gvern Sloven, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi estiża, jekk huwa possibbli, għall-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jew tal-miżuri inkwistjoni. Għal dan l-għan, ser nifformula mill-ġdid xi wħud mid-domandi rrinvijati mill-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) u niddedika parti sinjifikattiva minn dawn il-konklużjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet.

2. Fuq l-ewwel domanda

32.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-effetti legali tal-Komunikazzjoni dwar il-banek. Essenzjalment din il-qorti tistaqsi jekk il-Komunikazzjoni dwar il-banek għandhiex titqies bħala de facto vinkolanti għall-Istati Membri.

33.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

34.

Skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi “fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”.

35.

Huwa ċar li, skont l-Artikolu 108 TFUE, l-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ miżuri speċifiċi ta’ għajnuna mas-suq intern bħala prinċipju taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni ( 12 ). F’din l-analiżi, li tinvolvi l-apprezzament u l-qies ta’ elementi differenti ta’ natura ekonomika u soċjali f’kuntest pan-Ewropew ( 13 ), il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa ( 14 ).

36.

Min-naħa l-oħra, f’dan il-qasam il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza leġiżlattiva ġenerali. Il-Kunsill biss għandu s-setgħa, skont l-Artikolu 109 TFUE, jadotta kull regolament xieraq għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jista’ jiddelega ċerti setgħat regolatorji lill-Kummissjoni ( 15 ).

37.

Dan ifisser li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa tistabbilixxi regoli vinkolanti ġenerali u astratti li jirregolaw, pereżempju, is-sitwazzjonijiet li fihom għajnuna tista’ titqies li hija kompatibbli minħabba li l-għan tagħha jkun li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Kull korp bħal dan ta’ regoli vinkolanti jkun null u bla effett ( 16 ).

38.

Madankollu, għal raġunijiet ta’ trasparenza, u biex jiġu żgurati trattament ugwali u ċertezza legali, il-Kummissjoni tista’ tippubblika atti ta’ “liġi mhux vinkolanti” (bħal linji gwida, avviżi jew komunikazzjonijiet) bil-għan li tħabbar kif ikun biħsiebha tuża, f’ċerti sitwazzjonijiet, id-diskrezzjoni msemmija iktar ’il fuq ( 17 ). Għalkemm il-qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ta’ tali atti ta’ “liġi mhux vinkolanti” għandhom, bis-saħħa tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 18 ), dan id-dmir ma jistax jinftiehem fis-sens li jagħmel dawk ir-regoli vinkolanti – lanqas de facto – taħt piena li tkun qiegħda tiġi skartata l-proċedura leġiżlattiva stabbilita fit-TFUE.

39.

Għalhekk, dawn il-prinċipji u r-regoli ma humiex vinkolanti għall-Istati Membri. L-uniku effett li dawn ir-regoli jistgħu jipproduċu direttament huwa vis-à-vis il-Kummissjoni, u anki hawn sempliċement bħala limitu għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha: din l-istituzzjoni hija obbligata taċċetta miżuri li jkunu konformi ma’ dawn ir-regoli u ma tistax tmur lil hinn minnhom, sakemm ma tagħtix raġuni valida biex tagħmel hekk. Fin-nuqqas ta’ raġuni valida, jekk tmur lil hinn minn dawk ir-regoli li tkun imponiet fuqha hija stess jista’ jirriżulta li jkun hemm ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 19 ). Għalhekk il-Kummissjoni hija marbuta b’dawn ir-regoli, bil-kundizzjoni – madankollu – li ma jkunux kontra t-Trattati jew leġiżlazzjoni applikabbli oħra ( 20 ).

40.

Bħala riżultat, strument, bħall-Komunikazzjoni dwar il-banek, ma jistax jitqies li jkun, de jure jew de facto, vinkolanti għall-Istati Membri. Kull effett ta’ dawn ir-regoli fuq l-Istati Membri jista’ fuq kollox ikun inċidentali jew indirett. Anki wara l-pubblikazzjoni ta’ tali komunikazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżuri ta’ għajnuna li huma jqisu kompatibbli, anki mingħajr ma jħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik il-komunikazzjoni ( 21 ). Malli ssir tali notifika, il-Kummissjoni tkun taħt l-obbligu li teżamina diliġentement il-kompatibbiltà ta’ tali miżuri ta’ għajnuna fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

41.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li ma jkunx hemm konformità ma’ regola waħda jew iktar fil-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, raġuni valida sabiex il-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli ( 22 ). Il-Kummissjoni tista’ – u, għalhekk, għandha, f’każijiet iġġustifikati – tidderoga mill-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-banek ( 23 ). Rifjut żbaljat milli tagħmel dan ikun jista’ naturalment jiġi kkontestat quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikoli 263 u 265 TFUE ( 24 ).

42.

Bla dubju, jista’ sikwit ma jkunx faċli għal Stat Membru li jikkonvinċi lill-Kummissjoni li, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ każ, wieħed mill-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-banek (pereżempju, dak tal-qsim tal-piżijiet) ma għandux japplika. Aktarx li, minħabba l-analiżi legali iktar kumplessa meħtieġa mill-Kummissjoni (il-każ ma jaqax f’waħda mis-sitwazzjonijiet eżaminati a priori fil-Komunikazzjoni), l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ppjanata jista’ jsir iktar inċert fir-rigward tar-riżultat tiegħu u jista’ jieħu iktar żmien, fejn jista’ possibbilment iwassal sabiex jinfetħu proċeduri ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE ( 25 ).

43.

Wieħed jista’ jassumi wkoll li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (kriżi finanzjarja li ġabet riskju li tiddgħajjef l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha ta’ Stat Membru), gvern mhux dejjem ikun imħejji jieħu r-riskju li jinnotifika lill-Kummissjoni b’miżuri ta’ għajnuna li ma jkunux għalkollox konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-banek. Napprezza li, f’ċerti ċirkustanzi, approvazzjoni mingħajr diffikultajiet u malajr tal-għajnuna nnotifikata tista’ tkun ta’ importanza partikolari għal gvern. Madankollu, dawn huma kunsiderazzjonijiet ta’ espedjenza li jistgħu jkunu rilevanti għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ politika minn gvern, iżda ma jaffettwawx in-natura u l-effetti ta’ att tal-Unjoni, li joħroġ mir-regoli tat-Trattati. Il-fatt li Stat Membru jidħol f’riskju li jkollu jtawwal il-perijodu ta’ waqfien ta’ għajnuna ppjanata, u li l-piż tiegħu li jikkonvinċi lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna jista’ jkun ta’ skomdu, huwa biss konsegwenza ta’ fatt u mhux effett legali li joriġina minn natura allegatament vinkolanti tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek ( 26 ).

44.

L-importanti huwa li, minn aspett legali, Stat Membru jkun jista’ juri li, minkejja n-nuqqas ta’ qsim tal-piżijiet (jew in-nuqqas ta’ ħarsien ta’ kull kriterju ieħor stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-banek), għajnuna lil bank mhux f’saħħtu tkun għadha qiegħda tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Tabilħaqq wieħed jista’ jimmaġina sitwazzjonijiet, minbarra dawk diġà pprovduti fil-Komunikazzjoni dwar il-banek innifisha, li fihom gvern ikun jista’ juri li biex jiġi salvat u rristrutturat bank ikun, pereżempju, inqas ta’ spiża għall-Istat, u iktar malajr u eħfef biex jiġu kkoordinati, jekk ma tiġi adottata ebda miżura ta’ qsim tal-piżijiet fil-konfront tal-investituri kollha jew xi wħud minnhom imsemmija fil-Komunikazzjoni dwar il-banek ( 27 ).

45.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun, fil-fehma tiegħi, li l-Komunikazzjoni dwar il-banek ma hijiex vinkolanti għall-Istati Membri.

3. Fuq it-tieni domanda

46.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati ta’ bank, jeċċedux il-kompetenza mgħoddija lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 107 sa 109 TFUE.

a) Il-Kummissjoni dejjem teżiġi qsim tal-piżijiet?

47.

It-tieni domanda tidher, kif imsemmi iktar ’il fuq, li hija bbażata fuq il-ħsieb li l-Komunikazzjoni dwar il-banek, de facto, tistabbilixxi regoli li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom magħhom.

48.

Madankollu, għar-raġunijiet mogħtija b’risposta għall-ewwel domanda, din il-premessa ma hijiex korretta: il-Komunikazzjoni dwar il-banek, inklużi l-punti 40 sa 46 tagħha, ma hijiex vinkolanti għall-Istati Membri. Għaldaqstant huwa ċar li l-Kummissjoni ma tistax tqis il-qsim tal-piżijiet, bħal dak imsemmi fil-Komunikazzjoni dwar il-banek, bħala condicio sine qua non sabiex tiddikjara li għajnuna ppjanata lil bank f’diffikultajiet tkun kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Miżura ta’ għajnuna tista’ tabilħaqq tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni tat-Trattat, minkejja li ma tkunx tipprovdi għall-qsim tal-piżijiet. Wara kollox il-qsim tal-piżijiet ma jidhirx fil-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

49.

Din il-konklużjoni hija wisq iktar valida minħabba li t-test tal-Komunikazzjoni dwar il-banek stess jgħid li l-qsim tal-piżijiet ikun meħtieġ biss “normalment” (punti 41 u 43), “fil-prinċipju” (punti 43 u 44), u ma għandux ikun meħtieġ meta jista’ jikser drittijiet fundamentali (punt 19), jew iġib f’periklu l-istabbiltà finanzjarja jew iwassal għal riżultati sproporzjonati (punt 45). F’ċirkustanzi, eċċezzjonali, għalhekk, ebda miżura ta’ qsim tal-piżijiet ma tkun meħtieġa mill-Kummissjoni.

b) Il-Kummissjoni tikser ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat meta teżiġi qsim tal-piżijiet?

50.

Għalhekk, id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tista’ tiġi interpretata wkoll li qiegħda tistaqsi jekk il-Kummissjoni interpretatx ħażin jew applikatx ħażin ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat meta qieset li, fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, għajnuna lil banek f’diffikultajiet normalment teħtieġ li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ikunu kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

51.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

52.

Kif imsemmi fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa sabiex tanalizza jekk għajnuna mill-Istat tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Ebda regola dwar għajnuna mill-Istat ma tidher li ma tħallix lill-Kummissjoni milli tqis, għall-finijiet ta’ dik l-analiżi, jekk kinux u, jekk kienu, sa fejn, ġew adottati miżuri ta’ qsim tal-piżijiet. Għall-kuntrarju, jidhirli li opinjoni favorevoli dwar l-adozzjoni ta’ kull tali miżura tista’ tkun konsistenti mal-prinċipji nfushom li huma l-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat. Kif ser nispjega, dan jidher li huwa iktar applikabbli fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek.

53.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli biss meta tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3) TFUE. Għajnuna li tmur lil hinn minn dak li jkun strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan segwit tagħti lok għal vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat mogħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna. Tali għajnuna ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija kompatibbli mas-suq intern ( 28 ).

54.

Ċertament, rekwiżit li bank f’diffikultà jimmobilizza r-riżorsi interni tiegħu sabiex ikopri għall-inqas parti mit-telf qabel ma tingħata kull għajnuna pubblika u li, meta jkun meħtieġ u xieraq, investituri f’dak il-bank jikkontribwixxu wkoll għar-rikapitalizzazzjoni tiegħu, jidher li huwa ta’ natura li jillimita l-għajnuna għall-minimu essenzjali. Għalhekk, ir-raġuni wara l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek tidher li hija konsistenti mal-prinċipji li huma l-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat.

55.

Fil-fatt, anki qabel il-kriżi, il-prassi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna biex jiġu salvati u rristrutturati impriżi f’diffikultà – ikkonfermata mill-qrati tal-Unjoni ( 29 ) – ġeneralment kienet li benefiċjarji ta’ għajnuna jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-ispejjeż ta’ ristrutturar ( 30 ). Huwa minnu li regoli tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat ma jirrikjedux neċessarjament xi forma ta’ miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” minn azzjonisti u kredituri ta’ kumpannija li Stat Membru jkun irid jirristruttura. Madankollu, kontribuzzjoni iktar sinjifikattiva mill-kumpannija nfisha, jew mill-azzjonisti u l-kredituri tagħha – li tista’ tieħu l-għamla tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek – tista’ titqies bħala iktar attraenti minħabba s-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek ( 31 ).

56.

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jippermetti li l-għajnuna tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru ( 32 ). Din hija għamla ta’ għajnuna li tista’ tingħata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali: It-taqlib għandu jkun “serju” u jaffettwa l-ekonomija kollha tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux sempliċement dik ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu jew ta’ xi partijiet tat-territorju tiegħu ( 33 ). F’dan il-każ, li wieħed jirrikorri għall-bażi legali tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE jidher li jkun iktar iġġustifikat minħabba li diversi Stati Membri kienu ntlaqtu minn taqlib serju fl-ekonomija tagħhom, li kien ġej, fi gradi differenti, minn kriżi finanzjarja globali.

57.

Għar-raġunijiet li ġejjin, ma nsibx li ma huwiex raġonevoli li, l-ewwel nett, in-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek tirrikjedi analiżi partikolarment rigoruża ta’ jekk l-għajnuna nnotifikata tkunx tnaqqset għall-minimu essenzjali; u, it-tieni nett, li tali analiżi rigoruża ssir, bħala prinċipju, fil-każijiet l-oħra kollha nnotifikati lill-Kummissjoni.

58.

Servizzi finanzjarji, u servizzi bankarji b’mod partikolari, jikkostitwixxu attivitajiet li għandhom jitqiesu – għall-inqas mill-aspett ta’ għajnuna mill-Istat – bl-istess mod bħal kull attività ekonomika oħra. Hija attività li diversi kumpaniji (privati jew pubbliċi) iwettqu f’suq miftuħ u kompetittiv. Fir-rigward ta’ kull attività ekonomika oħra, individwi jinvestu f’impriżi attivi f’dak is-suq, bil-għan, normalment, li jagħmlu profitt mill-investiment tagħhom. Hija fin-natura ta’ kull attività ekonomika li xi impriżi – ġeneralment dawk li l-iktar ma jkunux sejrin tajjeb – ifallu u jħallu s-suq, u, konsegwentement, l-investituri tagħhom, jitilfu l-investimenti kollha tagħhom jew partijiet minnhom ( 34 ).

59.

Fl-istess waqt, madankollu, servizzi finanzjarji għandhom funzjoni distinta ħafna f’sistemi ekonomiċi moderni. Banek u istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu huma sors vitali ta’ finanzjament għall-impriżi (kważi) kollha attivi f’suq partikolari. Minbarra dan, banek ta’ sikwit ikunu interkonnessi mill-qrib u ħafna minnhom joperaw fuq livell internazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex il-kriżi ta’ bank wieħed jew iktar għandha r-riskju li tinfirex malajr f’banek oħra (kemm fl-Istat domestiku, kif ukoll fi Stati Membri oħra) u li, sussegwentement, iġġib ir-riskju li jinħolqu effetti kollaterali negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (ta’ sikwit imsejħa “l-ekonomija reali”) ( 35 ). Dan l-effett ta’ ‘teħid’ jista’, finalment, jaffettwa b’mod sever il-ħajjiet ta’ individwi privati.

60.

Għaldaqstant, matul kriżi finanzjarja, awtoritajiet pubbliċi jħabbtu wiċċhom mal-kompitu ħabrieki ta’ dmir li jaġixxu, anki b’mod urġenti ħafna, sabiex iżommu bilanċ delikat bejn interessi kompetittivi differenti. Minn naħa, awtoritajiet għandhom bżonn jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tagħhom u jevitaw, jew inaqqsu, kull tniġġis ta’ banek “f’saħħithom” u tal-ekonomija reali. Min-naħa l-oħra, madankollu, l-awtoritajiet għandhom jillimitaw, kemm jista’ jkun, ir-riżorsi pubbliċi involuti, minħabba li l-ispejjeż għall-baġit pubbliku biex tiġi żgurata din l-istabbiltà jistgħu jkunu kunsiderevoli. Espożizzjoni wiesgħa wisq tal-Istat tista’ fil-fatt tikkontribwixxi sabiex kriżi finanzjarja tinbidel fi kriżi ta’ dejn sovran, b’riperkussjonijiet possibbli anki fuq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kollha (iktar ’il quddiem “UEM”). Barra dan, kif innotat mill-Gvern Sloven, intervent pubbliku massiv, li jipprovdi sostenn sħiħ u inkondizzjonat lil banek mhux f’saħħithom, jista’ jqanqal distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni u jippreġudika l-integrità tas-suq intern: kumpaniji mmexxija sewwa jistgħu jiġu ppenalizzati bl-għajnuna mogħtija lil kompetituri li jaħdmu inqas. Barra minn hekk, jista’ jiġi inċentivat ir-riskju morali: istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jiġu mġiegħla jagħmlu investimenti ta’ iktar riskju, bit-tama li jagħmlu profitti ikbar, minħabba li f’każ ta’ inkwiet finanzjarju l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jidhru mħejjija jidħlu u jsalvawhom bi flus pubbliċi.

61.

Barra minn hekk, hemm argument tajjeb għall-Kummissjoni sabiex hija teżiġi miżuri ta’ qsim tal-piżijiet b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni tkun fil-fatt qiegħda tneħħi kundizzjonijiet ekwi għal banek jekk teżiġi tali miżuri biss meta l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx jista’ jżid il-fondi addizzjonali meħtieġa sabiex jibdel dawk il-miżuri. Tabilħaqq, banek ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti skont id-daqs ta’, u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jkun hemm fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti ( 36 ).

62.

F’dan l-isfond, nemmen li l-Kummissjoni għandha d-dritt tqis li f’sitwazzjonijiet bħal dawk irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-qsim tal-piżijiet minn investituri jista’ normalment jitqies bħala meħtieġ sabiex għajnuna tiġi kkunsidrata kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

63.

Fid-dawl tal-argumenti msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jeċċedux il-kompetenza mgħoddija lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 107 sa 109 TFUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinterpretax jew ma tapplikax ħażin ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta tqis li, fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, għajnuna lil banek f’diffikultà normalment tirrikjedi li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ikunu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

4. Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

64.

Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-qsim tal-piżijiet, kif ipprovdut fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u mad-dritt għall-proprjetà rispettivament (iktar ’il quddiem kollettivament magħrufa bħala “id-drittijiet inkwistjoni”).

65.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jitqies mill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa prinċipju ġenerali u superjuri tad-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-individwu ( 37 ). Anki skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, id-dritt għall-proprjetà jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

66.

Għaldaqstant, ma naqsamx il-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-Komunikazzjoni dwar il-banek tikser id-drittijiet inkwistjoni. Sa mill-bidu nett, intenni li dak l-istrument ma huwiex vinkolanti għall-Istati Membri: miżura ta’ għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, fis-sitwazzjonijiet irregolati minn dak l-istrument, anki jekk ir-regoli li hemm hemmhekk (inklużi dawk relatati mal-qsim tal-piżijiet) ma jkunux segwiti litteralment.

67.

Barra dan, kif innotat iktar ’il fuq ( 38 ), il-Komunikazzjoni dwar il-banek espressament tgħid li l-qsim tal-piżijiet ma jkunx dejjem meħtieġ, b’mod partikolari fejn dan iwassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk ebda dispożizzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (inklużi l-prinċipji ddikjarati fil-Komunikazzjoni dwar il-banek), ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi qsim tal-piżijiet meta dan jikser wieħed mid-drittijiet inkwistjoni.

a) Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

68.

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, nosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull tali aspettattiva tirriżulta biss meta persuna tkun irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli ( 39 ). Ma narax meta u kif ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew xi assigurazzjoni li l-investimenti tagħhom ma kinux ser jintlaqtu mill-miżuri pubbliċi li kellhom l-għan li jsalvaw u jirristrutturaw il-banek f’diffikultà. Il-fatt li, qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-Kummissjoni ma kinitx tirrikjedi b’mod sistematiku li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet jiġu imposti fuq kredituri u fuq tipi simili oħra ta’ investituri biex għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 40 ) ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konsistenti” skont it-tifsira tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ impenn ċar u espress tal-Kummissjoni, investitur prudenti u attent ma jista’ jkollu ebda aspettattiva li sitwazzjoni eżistenti li tkun tista’ tinbidel mill-awtoritajiet kompetenti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom tinżamm ( 41 ). Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadatta l-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107 TFUE għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu fis-swieq milquta mill-għajnuna u, b’mod iktar ġenerali, fl-ekonomija kollha tal-Unjoni ( 42 ). Il-Kummissjoni għandha, minbarra dan, tkun tista’ titgħallem mill-prattika tagħha fil-passat u konsegwentement tadatta l-metodi tagħha ta’ valutazzjoni ta’ għajnuna nnotifikata bis-saħħa tal-esperjenza miksuba ( 43 ).

69.

Lanqas ma jista’ jkun hemm ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba li l-Kummissjoni ma pprovditx, fil-Komunikazzjoni dwar il-banek, għal perijodu tranżitorju qabel ma l-prinċipji l-ġodda jkunu saru applikabbli. Huwa minnu li perijodi tranżitorji ta’ sikwit ikunu adattati biex jippermettu lil operaturi ekonomiċi jadattaw għal bidla ta’ politika f’qasam partikolari tad-dritt. Madankollu, huwa possibbli li dan ma jkunx dejjem il-każ. Pereżempju, il-Komunikazzjoni dwar il-banek tgħid li, fis-sitwazzjonijiet li hija tirregola, għandu jiġi evitat ħruġ ta’ spejjeż (l-iktar minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi ta’ dejn subordinat), sabiex jiġi żgurat li għajnuna tkun verament limitata għall-minimu meħtieġ ( 44 ). Għalhekk, jista’ jkun hemm każijiet li fihom perijodi tranżitorji ma jkunux meħtieġa, ikunu impossibbli u anki kontroproduttivi. Bidla ta’ politika jew ta’ prattika amministrattiva ġdida tista’ teħtieġ li titwettaq partikolarment malajr u, kultant, mingħajr avviż minn qabel.

70.

Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li interess pubbliku prevalenti jista’ jipprekludi miżuri tranżitorji milli jiġu adottati fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jkunu nqalgħu qabel ma r-regoli l-ġodda jkunu daħlu fis-seħħ, iżda li jkunu għadhom suġġetti għal bidla ( 45 ). Kif naraha jien, l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxu interessi pubbliċi prevalenti ta’ dik ix-xorta.

b) Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tikser id-dritt għall-proprjetà?

71.

Issa, fir-rigward tad-dritt għal proprjetà, irrid ninnota li l-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tirrikjedix xi forma jew proċedura partikolari għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet kif imsemmi fil-punti 40 sa 46. Tabilħaqq, tali miżuri jistgħu wkoll jiġu adottati volontarjament mill-bank jew mill-investituri tiegħu jew bil-kunsens tal-bank jew tagħhom. Għalhekk il-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tirrikjedix neċessarjament li awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri li jaffettwaw id-dritt għal proprjetà tal-investituri ( 46 ).

72.

Barra minn hekk, il-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jagħmilha ċara li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw “il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar”. Għalhekk, kredituri subordinati ma għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata. B’mod iktar ġenerali, il-punt 20 jgħid li miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 47 )“għandhom ikunu kkalibrati b’tali mod li joqorbu kemm jista’ jkun lejn is-sitwazzjoni tas-suq li kienet tinħoloq kieku l-benefiċjarju tal-għajnuna kellu joħroġ mis-suq mingħajr għajnuna” (nagħmel riferiment għal dan il-prinċipju bħala “il-prinċipju ta’ approssimazzjoni tas-suq”).

73.

Dawn il-prinċipji – li ser niddiskuti iktar ’il quddiem – jirrikjedu b’mod ċar li l-Istati Membri jqisu kif imiss id-drittijiet tal-investituri għall-proprjetà meta jirristrutturaw bank f’diffikultà.

74.

Fid-dawl ta’ dan kollu, nikkonkludi li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u mad-dritt għal proprjetà.

c) Il-miżuri inkwistjoni jiksru d-drittijiet inkwistjoni?

75.

Għaldaqstant, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jistgħu wkoll jitqiesu li qed jistaqsu dwar jekk, iktar milli l-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-miżuri inkwistjoni jiksrux id-drittijiet inkwistjoni. B’mod ċar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jwasslu awtomatikament għal ebda ksur ta’ dawk id-drittijiet ma jimplikax li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet attwalment adottati minn Stat Membru li jkunu konformi ma’ dik il-komunikazzjoni jkunu neċessarjament kompatibbli ma dawn id-drittijiet.

76.

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa, għalhekk ċar li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jistgħux jinqraw fis-sens li jimplikaw li awtoritajiet nazzjonali kienu mogħtija, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, “liċenzja biex jesproprjaw”, mingħajr restrizzjonijiet, ekwità, kapital ibridu jew dejn subordinat f’banek f’diffikultà. Il-Komunikazzjoni dwar il-banek la teżiġi u lanqas tippermetti li l-Istati Membri jiksru d-drittijiet inkwistjoni. Lanqas l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni ma timplika li l-miżuri nnotifikati jeħilsu mill-possibbiltà ta’ stħarriġ dwar il-kompatibbiltà tagħhom ma’ drittijiet fundamentali, sa fejn dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, il-“QEDB”) dwar id-drittijiet inkwistjoni tibqa’, kif naraha jien, applikabbli b’mod sħiħ għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

77.

Tali analiżi jidhirli li hija iktar importanti minħabba li tirrigwarda d-dritt għal proprjetà tal-investituri fil-banek inkwistjoni. Tabilħaqq, ma jistax ikun hemm dubju li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, jekk jiġu adottati kontra r-rieda tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ banek li jiġu rrikapitalizzati, jistgħu jaffettwaw ħażin id-drittijiet tagħhom għal proprjetà.

78.

Madankollu din il-qorti ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, anki jekk dawk il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Tabilħaqq, il-qafas fattwali, ekonomiku u legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ kumplessità partikolari, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għal analiżi bir-reqqa.

79.

Barra minn hekk, hemm raġuni iktar fundamentali sabiex din l-analiżi titħalla għall-qrati nazzjonali. F’dan l-istadju, jista’ jkun ta’ siwi li nenfasizza li, skont ir-regoli tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat, ebda impriża ma tista’ tippretendi li għandha dritt tirċievi għajnuna mill-Istat; jew, biex inpoġġiha b’mod differenti, ebda Stat Membru ma jista’ jitqies obbligat, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, li jagħti għajnuna mill-Istat lil kumpannija.

80.

Huwa minnu li, wara li ġiet stabbilita l-UEM – li kienet tinvolvi l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, politika monetarja komuni u munita komuni ( 48 ) – l-Istati Membri għandhom għadd ta’ obbligi xi jwettqu fil-konfront tal-Unjoni (u tal-Istati Membri l-oħra) dwar, b’mod partikolari, il-konformità mal-għanijiet ta’ żamma ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli ( 49 ). Ċertament, li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’kull Stat Membru għandu jitqies bħala vitali għall-kisba tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Ma hemmx dubju li, kif enfasizzat il-Banka Slovenije, l-Istati Membri ma humiex għal kollox liberi meta jaġixxu biex isalvaw u jirristrutturaw banek ta’ importanza sistemika. Huwa wkoll fl-interess tal-Unjoni li l-Istati Membri jintervjenu biex jipprevjenu (jew jillimitaw) l-esternalitajiet li l-waqgħa ta’ bank wieħed jew iktar fit-territorju tagħhom jista’ jkollha fuq l-istabbiltà u l-funzjonament tal-UEM.

81.

Fil-każ inkunsiderazzjoni, fil-fatt, ir-ristrutturar tal-banek inkwistjoni kien parti minn intervent iktar komprensiv tal-awtoritajiet Sloveni sabiex jirrimedjaw l-iżbilanċi makroekonomiċi eżistenti u jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema bankarja. F’dan il-kuntest, fost il-miżuri possibbli previsti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kien hemm fil-fatt ir-rikapitalizzazzjoni ta’ banek sistemiċi, fejn meħtieġ, billi ngħataw fondi pubbliċi addizzjonali f’każ ta’ nuqqasijiet addizzjonali ( 50 ).

82.

Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet li jista’ jkun hemm mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu għajnuna f’ċirkustanzi speċifiċi. L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom varjetà ta’ għodda sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet problematiċi identifikati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, jekk ikunx xieraq li tingħata għajnuna mill-Istat, f’waqt partikolari, lil impriża jew numru ta’ impriżi speċifiċi, hija deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar tal-awtoritajiet nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali huma bl-istess mod responsabbli milli jieħdu deċiżjoni dwar l-ammont ta’ fondi pubbliċi li jkollhom jintużaw u l-istruttura tal-miżuri ( 51 ). Il-Kummissjoni jkun jeħtiġilha biss tistħarreġ il-miżura ppjanata biex teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Hija tista’, għalhekk, ma taċċettax miżura, jew tħalliha b’ċerti kundizzjonijiet, iżda qatt ma għandha tieħu deċiżjonijiet minflok l-awtoritajiet nazzjonali.

83.

Dan ma jfissirx, ovvjament, li l-Kummissjoni hija prekluża milli tagħti gwida lill-awtoritajiet nazzjonali dwar kif tingħata għajnuna nnotifikata kompatibbli mas-suq intern ( 52 ). Gwida tista’ tingħata minn qabel, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ atti ta’ “liġi mhux vinkolanti”, kif imsemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq, u ad hoc, fil-kuntest ta’ proċeduri kontinwi skont l-Artikolu 108 TFUE.

84.

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli legalment sabiex jiddeċiedu li jagħtu għajnuna f’sitwazzjoni u sabiex jiżguraw li miżuri ta’ għajnuna previsti jkunu konformi ma’ kull regola oħra applikabbli tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali ( 53 ). Dan huwa minnu minkejja l-fatt li, politikament, id-deċiżjonijiet tagħhom f’din il-materja jistgħu jkunu, ftit jew wisq b’mod sinjifikattiv, influwenzati minn suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

85.

Konsegwentement, qrati nazzjonali ġeneralment jinsabu f’qagħda aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jeżaminaw jekk, meta jiġu implementati miżuri ta’ għajnuna, id-drittijiet fundamentali ta’ ċerti individwi jkunux inkisru.

86.

Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, mingħajr ma nieħu, għalhekk, pożizzjoni definittiva dwar l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin, bit-tama li nipprovdi gwida siewja lill-qorti tar-rinviju.

87.

L-Artikolu 17 tal-Karta jgħid li d-dritt għal proprjetà ma huwiex assolut iżda għandu jitqies b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Konsegwentement, l-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà jista’ jiġi ristrett, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet fil-fatt ikunu jaqblu mal-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti mill-Unjoni u ma jkunux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan segwit, interferenza sproporzjonata u intollerabbli, li tħassar is-sustanza nfisha tad-dritt hekk iggarantit ( 54 ).

88.

Kif il-qorti tar-rinviju tisħaq ukoll fid-digriet tagħha tar-rinviju, l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-fatt jikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku li jista’ jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet tad-dritt għal proprjetà ( 55 ).

89.

Fir-rigward tal-materja ta’ jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux interferenza intollerabbli, li tħassar is-sustanza nfisha tad-drittijiet tal-investituri għal proprjetà, ikolli nerġa’ nagħmel riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-punti 20 u 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek: approssimazzjoni tas-suq u “l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” ( 56 ).

90.

Dawn il-prinċipji jimplikaw li jekk jiġi eżegwit b’mod korrett intervent mill-Istat dan inaqqas biss il-valur nominali tal-ekwità u tal-istrumenti ta’ dejn milquta, minħabba li dan il-valur ma jkunx jaqbel iktar mal-valur reali tagħhom. Id-deprezzament ta’ dawn l-istrumenti huwa, għalhekk, formali biss. Minn aspett ekonomiku, il-pożizzjoni tal-investituri għandha, mod ġenerali, tibqa’ kif inhi. L-agħar ħaġa li tista’ tiġri hija li huma globalment ma jispiċċawx agħar milli setgħu kienu kieku l-Istat ma jkunx intervjena ( 57 ). Dan ikun ifisser, fil-fehma tiegħi, li l-qofol veru tad-dritt għal proprjetà tal-investituri ma jiġix affettwat.

91.

It-twettiq f’dan il-każ taż-żewġ kundizzjonijiet iktar ’il fuq huwa, madankollu, għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Fl-istħarriġ tagħha tal-miżuri inkwistjoni, din il-qorti ovvjament għandha tqis iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. B’mod partikolari, din il-qorti, minn naħa, jista’ jkollha bżonn tqis il-ħtieġa ta’ azzjoni partikolarment imħaffa min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, ir-riskji li s-sistema finanzjarja fis-Slovenja setgħet ġarrbet mingħajr xi azzjoni bħal din, u l-ħtieġa li jiġu evitati riperkussjonijiet eċċessivi fuq il-baġit pubbliku. Min-naħa l-oħra, din il-qorti jista’ wkoll ikollha teżamina jekk l-evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi (pereżempju n-nuqqas fil-kapital tal-bank u l-valur ekonomiku reali tal-investimenti qabel u wara intervent mill-Istat) kinux, minkejja l-urġenza li fiha kellhom isiru, raġonevoli u bbażati fuq data affidabbli.

92.

Ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha, għalhekk, tkun li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt għall-proprjetà. Huwa l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li, meta miżuri ta’ għajnuna adottati skont din il-komunikazzjoni jiġu eżegwiti, dawn id-drittijiet ma jinkisrux.

5. Fuq il-ħames domanda

93.

Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek tiksirx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30 li skontha ż-żieda jew it-tnaqqis ta’ kapital f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jistgħu jsiru biss wara deċiżjoni f’laqgħa tal-azzjonisti jew wara ordni ta’ qorti.

94.

Mill-bidu nett nosserva li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jiħdux pożizzjoni, espliċita jew impliċita, dwar in-natura tal-korp (privat jew pubbliku u, fil-każ ta’ korp pubbliku, amministrattiv jew ġudizzjarju) li jkollu jadotta miżuri ta’ qsim tal-piżijiet. Attwalment dawn il-miżuri jistgħu wkoll jiġu adottati volontarjament, mingħajr ebda intervent mill-awtoritajiet pubbliċi. Kif jinnotaw il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni, il-mod li bih dawk il-miżuri għandhom jiġu deċiżi u jitwettqu huwa kwistjoni ta’ dritt nazzjonali, li ma huwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

95.

Għalhekk, il-premessa li fuqha l-argumenti mressqa minn xi wħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali jistrieħu sabiex tkun ikkontestata l-validità tal-Komunikazzjoni dwar il-banek – li preżumibbilment tobbliga lill-Istati Membri jagħtu lil awtoritajiet amministrattivi s-setgħa li jadottaw miżuri ta’ qsim tal-piżijiet – hija żbaljata. Għaldaqstant, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30.

96.

Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tiġi interpretata fis-sens li qiegħda titlob li jiġi aċċertat jekk dispożizzjonijiet nazzjonali li jħallu l-adozzjoni tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet previsti fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek għall-bank ċentrali nazzjonali humiex kompatibbli mad-Direttiva 2012/30.

97.

Ċertament, id-Direttiva 2012/30 ma għandha ebda deroga espliċita mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha f’sitwazzjonijiet bħal dawk li għaddiet minnhom is-Slovenja (u Stati Membri oħra) matul il-kriżi finanzjarja. Il-kwistjoni fundamentali mqajma minn din id-domanda hija, għalhekk, dwar jekk deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni humiex preklużi mid-Direttiva 2012/30.

98.

F’dan li ġej ser nispjega għaliex jiena tal-fehma li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

a) Għan u kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/30

99.

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2012/30 ma hijiex miżura li tipprovdi armonizzazzjoni totali fil-qasam tal-liġi li hija tkopri. Din id-direttiva sempliċement tikkoordina dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-formazzjoni u ż-żamma, iż-żieda jew it-tnaqqis tal-kapital ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, biex “tiġi assigurata protezzjoni minima ekwivalenti kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri” ta’ dawn il-kumpanniji fl-Unjoni kollha ( 58 ).

100.

Għalhekk id-Direttiva 2012/30 kienet tnisslet sabiex jiġi żgurat li investituri fis-suq intern kollu jiġu ggarantiti li kumpaniji jkollhom ċertu struttura, u li ċerti organi tal-kumpaniji jkunu responsabbli għal ċerti deċiżjonijiet. L-għan essenzjali ta’ dan l-istrument legali huwa, għalhekk, iż-żamma tal-bilanċ ta’ setgħat bejn l-organi differenti tal-kumpannija, l-iktar f’każijiet ta’ konflitti bejn dawk l-organi ( 59 ).

101.

Għaldaqstant kien argumentat – fl-opinjoni tiegħi b’mod konvinċenti – li l-protezzjoni mogħtija lil azzjonisti skont id-Direttiva 2012/30 hija primarjament protezzjoni kontra l-organi l-oħra tal-kumpannija, iżda mhux neċessarjament kontra miżuri meħuda mill-Istat ( 60 ). Id-Direttiva 2012/30 ma kinitx maħsuba sabiex tarmonizza (aħseb u ara kemm sabiex tarmonizza kompletament) salvagwardji ta’ azzjonisti kontra miżuri mill-Istat adottati f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew kriżi. Kull protezzjoni addizzjonali bħal din tista’, għalhekk, tkun biss anċillari jew inċidentali: dik li inevitabbilment toħroġ mis-salvagwardji introdotti bid-Direttiva 2012/30.

b) Is-sentenza Pafitis u d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni

102.

Huwa minnu li s-sentenza Pafitis et (iktar ’il quddiem, “Pafitis”) ( 61 ), li r-rikorrenti jagħmlu riferiment għaliha fil-kawża prinċipali, tidher li tagħti interpretazzjoni differenti tad-Direttiva 2012/30. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/91 (illum irriformulata bħala d-Direttiva 2012/30) kienet tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kapital ta’ bank, li, bħala riżultat tal-piż tad-dejn tiegħu jinsab f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jista’ jiżdied b’deċiżjoni amministrattiva, mingħajr riżoluzzjoni f’laqgħa ġenerali.

103.

Madankollu, nitlob li wieħed joqgħod attent li ma jinterpretax Pafitis bħala li tistabbilixxi prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali. Din is-sentenza ngħatat fl-isfond ta’ sett pjuttost differenti ta’ ċirkustanzi fattwali u xenarju legali.

104.

Qabel kollox, l-isfond fattwali f’Pafitis ma jistax jitqabbel kompletament ma’ dak fil-kawża prinċipali. L-ewwel kawża kienet tirrigwarda att adottat minn amministratur temporanju (mhux direttament minn bank ċentrali nazzjonali), f’sitwazzjoni ta’ sempliċi diffikultajiet finanzjarji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi Stat Membru speċifiku (mhux f’sitwazzjoni li fiha s-sistema finanzjarja kollha ta’ Stat Membru kienet mhedda minn kriżi sistemika li setgħet kellha riperkussjonijiet fuq l-UEM) kollha ( 62 ).

105.

Iktar importanti, kemm id-dritt primarju kif ukoll dak sussidjarju tal-Unjoni fil-frattemp evolvew b’mod sinjifikattiv. Il-miżuri nazzjonali kkontestati f’Pafitis kienu adottati fil-perijodu 1986-1990, u l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fl-1996, jiġifieri ferm qabel il-bidu tat-tielet stadju għall-implementazzjoni tal-UEM, bl-introduzzjoni tal-Euro bħala l-munita taż-Żona Euro, bit-twaqqif tas-Sistema Euro u bl-emendi relatati mat-Trattati tal-Unjoni.

106.

L-Artikolu 131 TFUE attwalment jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3.3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jgħid li s-SEBĊ għandha “tikkontribwixxi għat-tmexxija tajba ta’ linji ta’ politika segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda s-sorveljanza prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.”

107.

Għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn iż-żewġ interessi għandhom jiġu bbilanċjati ma’ xulxin. Pożizzjoni differenti tkun diffiċli li tiġi rrikonċiljata mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija iktar ’il fuq; b’mod partikolari, minħabba li l-assigurazzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja hija ta’ importanza ewlenija f’Unjoni li għandha, fost l-għanijiet ewlenin tagħha, dak li tiġi stabbilita UEM ( 63 ). F’dan il-kuntest, ikun ta’ siwi jitfakkar li l-adozzjoni mill-Banka Slovenije tal-miżuri inkwistjoni ġew wara li kien tlesta test ta’ stress fuq il-banek inkwistjoni bis-superviżjoni ta’, fost oħrajn, il-BĊE.

108.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/24 ma kinitx għadha fis-seħħ meta Pafitis kienet ġiet deċiża ( 64 ). Din id-direttiva, adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 77/91 (li tagħha d-Direttiva 2012/30 hija sempliċement riformulazzjoni), għandha l-għan li tistabbilixxi sistema għal rikonoxximent reċiproku, fost l-Istati Membri, ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u proċeduri ta’ stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 65 ).

109.

Kif ser jiġi spjegat fil-kuntest tas-seba’ domanda, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/24. Fil-fatt, ir-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tista’ sikwit tinvolvi għadd ta’ miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Importanti huwa li din id-direttiva tipprovdi, b’mod ċar ħafna, li tali miżuri jkunu jistgħu wkoll jiġu adottati minn awtoritajiet amministrattivi ( 66 ).

110.

Jidher li d-Direttiva 2001/24 hija bbażata fuq il-premessa li awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jżommu dawk is-setgħat, minkejja l-eżistenza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/91, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Pafitis. La l-premessi u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24 ma jissuġġerixxu li l-leġiżlatura kellha fi ħsiebha tintroduċi deroga mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 77/91. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku wieħed kellu jaħseb li d-Direttiva 2001/24 kellha fil-fatt l-effett li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/91, l-applikazzjoni ta’ dik tal-ewwel – billi hija lex specialis u lex posterior – għandha bla dubju tipprevali fil-kawża prinċipali.

111.

Għalhekk, ninsab bejn ħaltejn nislitx xi argument konklużiv minn Pafitis dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali adottata skont għanijiet pubbliċi superjuri (bħall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha) tistax, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tagħti setgħat lil awtoritajiet amministrattivi li jkollhom prijorità fuq id-drittijiet ta’ azzjonisti rrikonoxxuti fid-Direttiva 2012/30 ( 67 ).

112.

Minbarra dan, nosserva li, b’riżultat immedjat tal-kriżi finanzjarja globali, diversi Stati Membri introduċew mekkaniżmi sabiex jindirizzaw, b’mod iktar effettiv u malajr, istituzzjonijiet ta’ kreditu f’diffikultajiet. Fost il-miżuri adottati f’liġijiet nazzjonali hemm il-possibbiltà li jiżdied il-kapital ta’ ishma ta’ dawk l-istituzzjonijiet mingħajr l-approvazzjoni tal-azzjonisti ( 68 ). Pereżempju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet mistħarrġa b’mod informali u approvata mill-BĊE qabel ma kienet adottata ( 69 ). L-adozzjoni minn diversi Stati Membri ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-qasam hija preċiżament waħda mir-raġunijiet li ġiegħlet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta d-Direttiva 2014/59 ( 70 ).

113.

Jidher, għalhekk, li d-Direttiva 2012/30 kienet ġeneralment interpretata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri bħala li ma tipprekludix, f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk ta’ kriżi finanzjarja, miżuri amministrattivi li jirriżultaw f’tibdil tal-kapital ta’ bank, fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni speċifika f’laqgħa tal-azzjonisti ( 71 ).

c) Id-Direttiva 2014/59

114.

Fl-aħħar nett, ma nemminx li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju li joħorġu mill-adozzjoni reċenti tad-Direttiva 2014/59 – strument legali li ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali – huma fondati.

115.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk il-fatt li l-Artikolu 123 tad-Direttiva 2014/59 jintroduċi deroga espressa mill-applikazzjoni ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30 (inklużi l-Artikoli 33 sa 36, u 40 sa 42) meta “il-mezzi ta’ riżoluzzjoni, setgħat u mekkaniżmi ipprovduti fit-Titolu IV ta’ dik tal-ewwel ikunu qed jintużaw” ( 72 ), ifissirx li ebda deroga bħal din ma kienet teżisti qabel.

116.

Jien ma nsibx li dan l-argument huwa konvinċenti.

117.

Huwa minnu li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30 b’azzjoni minn bank ċentrali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija eskluża: dik l-azzjoni għandha bażi espliċita fl-Artikolu 123 tal-ewwel direttiva.

118.

Madankollu, dan ma jfissirx li, preċedentement, tali azzjoni kienet neċessarjament ipprojbita bħala materja tad-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2014/59 issegwi l-għan li jiġi stabbilit qafas regolatorju għall-irkupru u r-riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment. Għal dan l-għan id-Direttiva 2014/59 stabbiliet dispożizzjonijiet ġodda u mmodifikat għadd ta’ strumenti legali eżistenti. F’dan il-kuntest huwa ovvju li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jiżgura l-konsistenza tal-qafas kollu ( 73 ), fost affarijiet oħra billi kkoordina u kkjarifika r-relazzjoni bejn l-istrumenti legali differenti emendati.

119.

Għar-raġuni mogħtija iktar ’il fuq, id-Direttiva 2001/24 ma kinitx tirrikjedi dispożizzjoni espressa li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jidderogaw, f’ċirkustanzi tant eċċezzjonali bħal dawk li ħarġu mill-kriżi finanzjarja, mid-Direttiva 77/91 (iktar tard irriformulata bħala d-Direttiva 2012/30). Min-naħa l-oħra, kif targumenta b’mod konvinċenti l-Banka Slovenije, id-Direttiva 2001/24 ma pprekludietx lill-Istati Membri milli jagħtu lil investituri protezzjoni iktar estensiva minn dik li kienet tagħti d-Direttiva 77/91, fejn din tal-aħħar ipprovdiet biss għal standard minimu ta’ protezzjoni. Għalhekk, minħabba li d-Direttiva 2014/59 tfittex li tarmonizza parzjalment il-materja (b’mod partikolari, fir-rigward ta’ mezzi ta’ riżoluzzjoni), kien hemm ħtieġa li l-Istati Membri ma jitħallewx jintroduċu jew iżommu regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ investituri li kienu joħolqu kunflitt mar-regoli l-ġodda tal-Unjoni.

120.

L-Artikolu 123 tad-Direttiva 2014/59 ma jistax jitqies, għalhekk, bħala indikazzjoni li l-miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” kkodifikati fit-Titolu IV tal-istess direttiva kienu, qabel, ġeneralment preklużi bid-Direttiva 2012/30.

121.

Ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun, għalhekk, li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30; dispożizzjonijiet nazzjonali li jħallu l-adozzjoni tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet għall-bank ċentrali nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex inkompatibbli mad-Direttiva 2012/30.

6. Fuq is-sitt domanda

122.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-rekwiżit ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament ta’ kapital ibridu u ta’ strumenti ta’ dejn subordinat, imsemmi fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, huwiex kundizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, jew jekk għandux jiġi applikat biss meta jkun proporzjonat.

123.

Spjegajt iktar ’il fuq ir-raġunijiet għaliex nemmen li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ma tistax tikkostitwixxi condicio sine qua non sabiex għajnuna mill-Istat titqies kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. A fortiori, dan jidhirli li huwa applikabbli għal miżuri adottati fil-konfront ta’ investituri minbarra azzjonisti li ġeneralment igawdu minn protezzjoni legali iktar b’saħħitha fil-każ tal-insolvenza tal-kumpannija li fiha jkunu investew. Madankollu, spjegajt ukoll li, fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-fatt li investituri (inklużi detenturi ta’ kapital ibridu u strumenti ta’ dejn subordinat) jikkontribwixxu għar-rikapitalizzazzjoni tal-bank ġeneralment ma huwiex kontra r-regoli ta’ għajnuna mill-Istat.

124.

Għalhekk, għandi nfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeħtieġ li miżuri implementati permezz tad-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkisbu ( 74 ). Għalhekk id-deċiżjoni li ordnat il-konverżjoni jew id-deprezzament ta’ kapital ibridu u strumenti ta’ dejn subordinat tista’ ovvjament tkun suġġetta għal stħarriġ tal-proporzjonalità.

125.

Fil-fatt il-komunikazzjoni nfisha teżiġi li awtoritajiet nazzjonali jqisu l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiddeċiedu dwar il-kontribuzzjoni dovuta minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi ta’ dejn subordinat għall-istrutturar ta’ bank f’diffikultà. Tali kontribuzzjoni tkun meħtieġa biss bħala miżura meta ma jibqax xi jsir iżjed għal banek li, minkejja n-nuqqas fil-kapital, jibqgħu ’l fuq mill-minimu regolatorju (punt 43). Għal banek biss li ma jkunux għadhom jissodisfaw dan il-minimu tkun ġeneralment meħtieġa l-kontribuzzjoni minn kapital ibridu u dejn subordinat (punt 44), F’kull każ, f’ebda ċirkustanza ma jkun meħtieġ qsim tal-piżijiet meta din “twassal għal riżultati sproporzjonati” (punt 45).

126.

Għar-raġunijiet espressi fil-punti 78 sa 85 iktar ’il fuq, huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-miżuri inkwistjoni josservawx dak il-prinċipju. Kif naraha jien, il-kwistjoni fundamentali li għandha tiggwida l-analiżi tal-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) f’dan ir-rigward hija jekk is-sitwazzjoni li kull kategorija ta’ investituri milquta mill-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet issib lilha nfisha fiha, minn perspettiva ekonomika, tistax titqabbel ma’ dik li setgħet isseħħ li kieku l-bank, fin-nuqqas ta’ kull għajnuna, ħalla s-suq ( 75 ).

127.

Fost l-aspetti li l-qorti nazzjonali tista’ tintalab teżamina hija l-koerenza globali tas-sett ta’ miżuri ta’ qsim tal-piżijiet adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fir-rigward tal-kategoriji differenti ta’ investituri.

128.

Dwar dan l-aspett, il-Komunikazzjoni dwar il-banek sempliċement tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, azzjonisti, detenturi ta’ kapital ibridu u detenturi ta’ dejn subordinat, u, min-naħa l-oħra, detenturi ta’ dejn superjuri (punt 42). Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tgħidx li l-Istati Membri għandhom ġeneralment jittrattaw dawk iż-żewġ gruppi b’mod differenti, iżda tgħid biss li l-Istati Membri jistgħu, meta jqisu xieraq, jittrattawhom b’mod differenti ( 76 ). Il-pożizzjoni ta’ detenturi ta’ dejn superjuri s-soltu, fil-fatt, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ detenturi ta’ ekwità jew dejn inferjuri, speċjalment matul proċeduri ta’ falliment jew ta’ stralċ, u jista’ għalhekk, ikun raġonevoli li dan l-element jittieħed inkunsiderazzjoni.

129.

Jista’ jkun hemm differenzi wkoll bejn il-kategoriji differenti ta’ investituri ġeneralment affettwati mill-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet (azzjonisti, detenturi ta’ kapital ibridu u detenturi ta’ dejn subordinat), b’mod partikolari fir-rigward tal-ordni ta’ prijorità f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali jista’ jkollha bżonn tivverifika li ebda waħda minn dawn il-kategoriji ma jkollha piż mhux iġġustifikat u eċċessiv, fid-dawl tal-fatti tal-każ u tar-regoli nazzjonali (l-iktar tal-liġi dwar il-kumpaniji u l-liġi tal-falliment) u ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għalihom.

130.

Għalhekk, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-konverżjoni jew id-deprezzament ta’ kapital ibridu u strumenti ta’ dejn subordinati, imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, ma humiex kundizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u ma humiex meħtieġa meta jwasslu għal riżultati sproporzjonati, fejn huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li, meta jiġu eżegwiti miżuri ta’ għajnuna adottati skont il-Komunikazzjoni dwar il-banek, jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

7. Fuq is-seba’ domanda

131.

Permezz tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jistgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni skont it-tifsira tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24.

132.

Ir-raġunijiet li wasslu lill-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali) tirrinvija din id-domanda għalija ma humiex evidenti minnhom infushom. Nifhem li din id-domanda hija marbuta mal-kwistjoni, mqajma b’rabta mal-ħames domanda, dwar ir-relazzjoni bejn il-Komunikazzjoni dwar il-banek, id-Direttiva 2001/24 u d-Direttiva 2012/30. Fi kliem ieħor, id-domanda tidher li hija jekk il-miżuri tal-qsim tal-piżijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni dwar il-banek għandhomx jitqiesu bħala “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” għall-finijiet tad-Direttiva 2001/24 li, għaldaqstant, ma humiex preklużi mid-Direttiva 2012/30, skont il-prinċipju ta’ lex specialis.

133.

Diġà indirizzajt il-mertu ta’ din il-kwistjoni fir-risposta tiegħi għall-ħames domanda. Dak li fadal jiġi spjegat hawnhekk huma r-raġunijiet għalfejn jiena, bħall-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet dwar dan il-punt, nifhimha li l-miżuri tal-qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jistgħu sikwit (għalkemm mhux dejjem) ikunu tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24.

134.

Skont dik id-dispożizzjoni, miżuri ta’ riorganizzazzjoni jfissru “miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta' kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre‑eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

135.

Il-kunċett ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jidher, għalhekk, iddefinit pjuttost b’mod wiesa’. Dan jidhirli li huwa konsistenti mal-għan segwit mid-Direttiva: li tiġi stabbilita sistema għar-rikonoxximent reċiproku, fost l-Istati Membri, ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u proċeduri ta’ stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Hemm tliet elementi kumulattivi fid-definizzjoni mogħtija fid-Direttiva 2001/24: (i) il-miżura għandha tiġi adottata mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti ta’ Stat Membru ( 77 ); (ii) il-miżura għandha tiġi adottata bl-għan li tiġi ppreżervata jew li tinġieb lura l-vijabbiltà finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu; u (iii) il-miżura għandha jekk jista’ jkun taffettwa drittijiet ta’ partijiet terzi. Ser neżamina dawn it-tliet elementi wieħed wara l-ieħor, b’riferiment għall-miżuri inkwistjoni.

136.

L-ewwel nett, miżuri adottati minn awtorità bħal bank ċentrali nazzjonali jistgħu ovvjament jitqiesu li kienu adottati minn awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, kif diġà msemmi, miżuri ta’ qsim tal-piżijiet adottati volontarjament mill-investituri ta’ bank jistgħu wkoll jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek. Tabilħaqq, kien hemm każijiet li fihom investituri (pubbliċi u privati) volontarjament aċċettaw “qatgħa xagħar” biex iġibu lura l-vijabbiltà ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Kull miżura bħal din taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/24.

137.

It-tieni nett, l-għan tal-miżuri msemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek huwa ovvjament li tiġi ppreżervata u miġjuba lura l-vijabbiltà finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, huwa ċar mit-test tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li dawn il-miżuri huma maħsuba biex “inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista’ jkun possibbli” (punt 41), “[itejbu l]-pożizzjoni tal-kapital [tal-bank]” u “jingħeleb in-nuqqas” (punt 43).

138.

It-tielet nett, miżuri ta’ qsim ta’ piżijiet li jaffettwaw detenturi ta’ kapital ibridu u detenturi ta’ dejn subordinat huma, evidentement, kapaċi li jaffettwaw drittijiet ta’ terzi fis-sens tad-Direttiva 2001/24. Min-naħa l-oħra, miżuri ta’ qsim ta’ piżijiet li jaffettwaw lill-azzjonisti biss ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/24. Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tgħid li miżuri “li jaffettwaw il-funzjonament tal-istruttura interna tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew il-jeddijiet ta’ diretturi jew azzjonisti, ma għandhomx għalfejn ikunu koperti b’din id-Direttiva biex ikunu effettivi fl-Istati Membri sa fejn, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, il-liġi applikabbli tkun dik ta’ l-Istat ta’ oriġini”. Barra dan il-premessa 10 iżżid tgħid li “[p]ersuni li jipparteċipaw fl-operazzjoni ta’ l-istrutturi interni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll diretturi u azzjonisti ta’ dawn l-istituzzjonijiet, ikkunsidrati f’dawk il-kapaċitajiet, m’għandhomx jitqiesu bħala terzi persuni għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva”.

139.

F’kuntrast mal-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 jidher, għalhekk, li jkopri xi wħud mill-miżuri msemmija f’din tal-ewwel, iżda mhux neċessarjament kollha kemm huma.

140.

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata, kif naraha jien, mill-fatt li l-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” tad-Direttiva 2001/24 kien emendat bl-Artikolu 117 tad-Direttiva 2014/59 biex espliċitament jinkludi l-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjonijiet ipprovduti f’din l-aħħar direttiva ( 78 ).

141.

Nifhem li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-emenda għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 għandhiex tinqara fis-sens li timplika li d-definizzjoni preċedenti ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” inklużi f’dik id-dispożizzjoni ma kinitx tkopri dik ix-xorta ta’ miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni interna”.

142.

Ma nikkondividix id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt. Kif diġà ġie spjegat, proprju minħabba n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, ċerti miżuri msemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jaqgħu eżattament fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni li hemm fid-Direttiva 2001/24.

143.

Kif tinnota l-Irlanda, l-emenda msemmija fil-punt 141 għandha tinqara fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 2001/24 ma kellhiex l-intenzjoni li tarmonizza l-liġijiet rilevanti tal-Istati Membri iżda biss li tipprovdi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ( 79 ). Madankollu, id-Direttiva 2014/59 issa tobbliga lill-Istati Membri jintroduċu ċerti miżuri li jiffaċilitaw ir-riorganizzazzjoni ta’ banek. Huwa għaldaqstant loġiku li l-istess direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jiġi żgurat li dawk il-miżuri l-ġodda jkunu jaqblu mal-qafas eżistenti tal-Unjoni. Dan bl-ebda mod ma jimplika li miżuri simili eżistenti fid-dritt nazzjonali, fin-nuqqas ta’ kull regola ta’ armonizzazzjoni, ma nqabdux qabel bid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

144.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-miżuri tal-qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jaqgħu fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni imsemmija fid-Direttiva 2001/24.

IV – Konklużjoni

145.

Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari mill-Ustavno sodišče (il-qorti kostituzzjonali):

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, ta’ regoli dwar għajnuna mill-Istat biex isostni l-miżuri favur banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar il-banek”) ma hijiex vinkolanti;

il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni ma jeċċedux il-kompetenza ddevoluta lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 107 sa 109 TFUE; il-Kummissjoni ma timmiżinterpretax jew tapplika ħażin ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat meta tqis li, fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, għajnuna lil banek f’diffikulta normalment teħtieġ li miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ikunu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE;

il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt għall-proprjetà; huwa għall-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li, meta jiġu eżegwiti miżuri ta’ għajnuna adottati skont il-Komunikazzjoni dwar il-banek, dawn id-drittijiet ma jkunux inkisru;

il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2012; dispożizzjonijiet nazzjonali li jħallu l-adozzjoni tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet għall-bank ċentrali nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex inkompatibbli mad-Direttiva 2012/30/UE;

il-konverżjoni jew id-deprezzament ta’ kapital ibridu u ta’ strumenti ta’ dejn subordinat, imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, ma humiex kundizzjoni minn qabel essenzjali għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u ma hijiex meħtieġa jekk tista’ twassal għal riżultati sproporzjonati; huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li, meta jiġu eżegwiti miżuri ta’ għajnuna adottati skont il-Komunikazzjoni dwar il-banek, ikun ġie osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 ta’ din il-komunikazzjoni jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 xta’ April 2001.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Claessens, S., Kose, A. M., “Financial Crises: Explanations, Types, and Implications”, IMF Working Paper WP/13/2, 2013 International Monetary Fund.

( 3 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, p. 1).

( 4 ) Ara l-lista ta’ komunikazzjonijiet preċedenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 5 ) Ara l-punt 1 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, p. 74).

( 8 ) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat‑13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8).

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, p. 190).

( 10 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punti 1819; u JVC France, C‑312/07, EU:C:2008:324, punti 2932, u 33 sa 37.

( 11 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punti 7 sa 9; u Lodato & C., C‑415/07, EU:C:2009:220, punt 23.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 75;Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 38; u Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28.

( 13 ) Ara d-digriet Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il‑Kummissjoni, C‑93/15 P, EU:C:2015:703, punt 61.

( 14 ) Ara s-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 108(4) TFUE.

( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑57/95, EU:C:1997:164.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punti 6061; u, b’analoġija, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 87.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punti 1819; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:544, punt 38.

( 19 ) Ara, fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-banek tal-2008, is-sentenza Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata. Jista’ jkun hemm ukoll effett simili ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu espressament intrabtu li joqogħdu mal-prinċipji li jkun hemm fi strument ta’ “liġi mhux vinkolanti” adottat mill-Kummissjoni: nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji jista’ jiġi invokat kontra dawn l-awtoritajiet mill-individwi milquta, skont il-massima venire contra factum proprium non valet. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 2627.

( 20 ) Ara s-sentenzi Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, EU:C:1987:96, punt 22; u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 53.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet EREF vs Il‑Kummissjoni, T‑694/14, EU:T:2015:915, punti 2629.

( 22 ) Il-konklużjoni opposta essenzjalment timplika li l-Kummissjoni hija vestita b’setgħa leġiżlattiva f’dan il-qasam. Ma nistax, għalhekk, naqbel mal-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat jew mal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti proposta fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fi Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2015:699, nota ta’ qiegħ il-paġna 21.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑391/01, EU:C:2002:270, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fi Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, EU:T:2007:293, punti 140141; u, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali fi Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2010:279, punti 86 sa 97.

( 24 ) Ara d-digriet EREF vs Il‑Kummissjoni, T‑694/14, EU:T:2015:915, punti 2629.

( 25 ) Ara d-digriet EREF vs Il‑Kummissjoni, T‑694/14, EU:T:2015:915, punt 29.

( 26 ) Ara, b’analoġija, is- sentenzi IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 19;u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/03, EU:C:2005:727, punt 30. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑258/06, EU:T:2010:214, punt 151.

( 27 ) Dan jista’ jkun hekk, pereżempju, meta – fl-applikazzjoni tal-“prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” – il-kontribuzzjoni meħtieġa mill-investituri tkun aktarx limitata u l-awtoritajiet jistgħu jantiċipaw litigazzjoni li tkun tiswa ħafna u/jew kumplessitajiet proċedurali biex iġibu fis-seħħ il-miżuri tal-qsim tal-piżijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jista’ jqis lilu nnifsu bħala li jkun qiegħed jinjetta l-fondi addizzjonali (limitati) meħtieġa għar-ristrutturar tal-bank.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is- sentenzi Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 6869 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/92, EU:C:1994:360, punti 122021.

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 36; u s-sentenza Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 66.

( 30 ) Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikulta (ĠU, C 244 p. 2), punti 7 u 43 sa 45.

( 31 ) Ara s-sentenzi ABN Amro Group vs Il‑Kummissjoni, T‑319/11, EU:T:2014:186, punt 43; u Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 266.

( 32 ) Ara l-premessa 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 33 ) Ara s-sentenza Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/96 u T‑143/96, EU:T:1999:326, punt 167; ikkonfermata fl-appell (sentenza Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punti 9798).

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fi KA Finanz, C‑483/14, EU:C:2015:757.

( 35 ) Ara l-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 36 ) Ara l-punti 9 u 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 37 ) Ara s-sentenza Mulder et vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 15.

( 38 ) Iktar ’il fuq, punt 49.

( 39 ) Ara, fost ħafna, is-sentenza HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 40 ) Ara l-punti 16 sa 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 42 ) Ara s-sentenzi Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 33; u British Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑1/98 P, EU:C:2000:644, punt 52.

( 43 ) Ara l-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 44 ) Ara l-punti 16, 41 u 47 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 45 ) Ara s-sentenza Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 46 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 345 TFUE, “[i]t-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”.

( 47 ) Dawn il-miżuri jinkludu, fil-fehma tiegħi, anki miżuri ta’ qsim tal-piżijiet.

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 3(4) TUE u l-Artikoli 119 sa 144 TFUE.

( 49 ) Ara partikolarment l-Artikolu 119(3) TFUE. Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756.

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, tad‑9 ta’ Lulju 2013, dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013 għas-Slovenja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovenja, 2012-2016 (ĠU C 217, p. 75) u Il‑Kummissjoni Ewropea, L-Ekonomija Ewropea – Żbilanċi Makroekonomiċi, Is-Slovenja 2013 (Dokumenti Okkażjonali 142, April 2013).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, id-digriet EREF vs Il‑Kummissjoni, T‑694/14, EU:T:2015:915, punt 28.

( 52 ) Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar dik il-materja, skont Artikolu 4(3) TUE.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is- sentenza Iglesias Gutiérrez u Rion Bea, C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 29.

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 355.

( 55 ) Ara wkoll is-sentenza tal-QEDB Olczak vs Il‑Polonja (dec.) Nru 30417/96, ECHR 2002‑X (estratti) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Minn din il-perspettiva wieħed jista’ wkoll iqajjem dubji dwar il-kliem użat fil-Komunikazzjoni dwar il-banek minħabba li, sakemm l-investituri teoretikament ma jbatu ebda telf ekonomiku, ma jkunx jidher li jkun hemm qsim ta’ piż attwali. Ikun x’ikun, il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-banek għalija jidhru li huma konsistenti mal-ġurisprudenza tal-QEDB. Skont ġurisprudenza stabbilita ta’ din il-qorti, it-teħid ta’ proprjetà mingħajr ħlas ta’ ammont raġonevolment relatat mal-valur tagħha normalment jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata li ma tistax titqies ġustifikabbli skont l-Artikolu 1tal-Protokoll Nru 1. Madankollu l-Artikolu 1 ma jiggarantix dritt għal kumpens sħiħ fiċ-ċirkustanzi kollha, minħabba li għanijiet leġittimi ta’ “interess pubbliku”, bħal dawk segwiti f’miżuri ta’ riforma ekonomika jew f’miżuri maħsuba biex tinkiseb iktar ġustizzja soċjali, jistgħu jitolbu inqas minn rimbors tal-valur sħiħ tas-suq. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, anki n-nuqqas ta’ kumpens, ikun x’ikun, jista’ jiġi ġġustifikat (ara Lithgow et vs Ir‑Renju Unit, 8 ta’ Lulju 1986, Serje A Nru. 102).

( 58 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2012/30. Ara wkoll is-sentenza Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92, punt 38.

( 59 ) Ara l-premessi 4 sa 7 u 11 tad-Direttiva 2012/30.

( 60 ) Ara Kersting, C., “Combating the Financial Crisis: European and German Corporate and Securities Laws and the Case for Abolishing Sovereign Debtors’ Privilege”, Texas International Law Journal, 2012, p. 269-324, b’mod speċifiku, p. 279.

( 61 ) Sentenza Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92.

( 62 ) Enfasi fuq l-importanza taċ-ċirkustanzi fattwali f’Pafitis: Hüpkes, E.G.H., “The Legal Aspects of Bank Insolvency: A Comparative Analysis of Western Europe, the United States and Canada”, Kluwer, 2000, p. 63.

( 63 ) Ara l-Artikolu 3(4) TUE.

( 64 ) Ara l-punt 43 tas-sentenza Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92.

( 65 ) Ara l-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 2001/24.

( 66 ) Ara b’mod speċifiku l-Artikoli 3 sa 8 tad-Direttiva 2001/24.

( 67 ) Fid-duttrina legali kienet espressa wkoll il-fehma li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Pafitis ma jistgħux japplikaw għal sitwazzjonijiet bħal dawk li ġew wara l-kriżi finanzjarja globali: ara, pereżempju, Attinger, B.J., “Crisis Management and Bank Resolution: Quo Vadis Europe?”, European Central Bank Legal Working Paper Series Nru 13, Diċembru 2011, p. 29; u Kern, A., “Bank Resolution Regimes: Balancing Prudential Regulation and Shareholder Rights”, Journal of Corporate Law Studies, 2009, p. 61-93, b’mod speċifiku p. 75 u 76.

( 68 ) Għal ħarsa ġenerali dwar xi wħud minn dawk l-Istati Membri (li tinkludi, minbarra s-Slovenja, anki l-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja u l-Italja), ara Kern, A., op. cit., p. 2.

( 69 ) Ara Mnenje Evropske centralne banke z dne 15. oktobra 2013 o ukrepih za reorganizacijo bank (CON/2013/73) (Opinjoni tal-BĊE tal‑15 ta’ Ottubru 2013 dwar il-miżuri ta’ ristrutturar ta’ banek).

( 70 ) Ara l-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2014/59.

( 71 ) Għalkemm dan ma huwiex strettament argument legali, wieħed jista’, madankollu, jiddubita jekk – kieku l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet manifestament ostaklu għall-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali – l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux jirreaġixxu, biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet allegatament miksura jew, alternattivament, biex jemendaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

( 72 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li t-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi għal diversi mezzi ta’ riorganizzazzjoni, inklużi mezzi ta’ rikapitalizzazzjoni interna, li huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk li għalihom sar riferiment fil-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 73 ) Ara l-premessi 11 u 12 tad-Direttiva.

( 74 ) Ara s-sentenzi ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 68; S.P.C.M. et, C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 41; u Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 51.

( 75 ) Ara, b’analoġija, il-punti 20 u 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

( 76 ) Tabilħaqq, sa fejn nista’ nifhem, mill-inqas Stat Membru wieħed impona wkoll, matul il-kriżi reċenti, miżuri ta’ qsim tal-piżijiet fuq kredituri superjuri.

( 77 ) Ara s-sitt inċiż tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/24.

( 78 ) Kif imsemmi diġà, l-għodda ta’ riżoluzzjoni pprovduti fid-Direttiva 2014/59 jinkludu xi għodda ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” li huma simili għall-miżuri tal-qsim tal-piżijiet ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

( 79 ) Ara s-sentenza LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39.

Top