EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0268

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2015.
Italmobiliare SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Suq tas-‘siment u prodotti relatati’ – Proċedura amministrattiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 18(1) u (3) – Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni – Motivazzjoni – Preċiżjoni tat-talba.
Kawża C-268/14 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:697

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

M. N. Wahl

ippreżentati fi (1)

Kawża C‑268/14 P

Italmobiliare SpA

vs

Kummissjoni Ewropea

“Appell — Swieq għas-siment u prodotti relatati — Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 — Setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni — Destinatarju ta’ talba għal informazzjoni —Proporzjonalità — Motivazzjoni — Dritt għal smigħ”





1.        Liema huma l-kundizzjonijiet u l-limiti tas-setgħat tal-Kummissjoni li teżiġi, permezz ta’ deċiżjoni, li impriżi jagħtu informazzjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni b’rabta ma’ possibbiltà ta’ ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea?

2.        Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet ewlenin imqajma fl-appell ippreżentat minn Italmobiliare SpA (iktar ’il quddiem “Italmobiliare” jew “l-appellanti”) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament(KE) Nru 1/2003 (2), u li titlob lil dik il-kumpannija tagħti ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni.

3.        Kwistjonijiet simili ħafna jitqajmu wkoll fi tliet appelli oħra, ippreżentati minn kumpanniji oħra attivi fis-suq tas-siment, kontra tliet sentenzi tal-Qorti Ġenerali li fihom dik il-qorti ċaħdet ukoll, fil-parti l-kbira, il-kontestazzjonijiet tagħhom għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ekwivalenti għal dik ikkontestata minn Italmobiliare. F’dawk it-tliet kawżi l-oħra wkoll, jiena ser nagħti l-Konklużjonijiet tiegħi llum (3). Dawn il-Konklużjonijiet għandhom, għalhekk, jinqraw flimkien ma’ dawk il-Konklużjonijiet.

I –  Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tgħid:

“Il-Kummissjoni għandha jkollha is-saħħa madwar il-Komunità li tirrekwiżixxi l-informazzjoni li tiġi mogħtija kif neċċessarju biex tiskopri xi ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma projbiti mil-[Artikolu  101 TFUE] jew xi abbuż ta’ posizzjonijiet dominanti projbiti mil-[Artikolu  102 TFUE]. Meta qed taqbel ma deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriża ma tistax tiġi infurżata li tammetti sar xi ksur, imma huma obligati li jwieġbu l-mistoqsijiet b’mod fattwali u jipprovdu dokumenti, anki jekk din l-infromazzjoni tista tiġi użata biex jiġi stabbilit kontrijhom jew kontra xi impriża oħra l-eżistenza ta’ xi ksur.”

5.        L-Artikolu 18 (“Talba għall-informazzjoni”) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-parti rilevanti, jipprovdi:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.

2. Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża jew assoċjazzjoni ta’ l-impriża, il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, u il-pieni previsti mil-Artikolu 23 għal-fornitura inkorretta jew informazzjoni qarrieqa.

3. Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja.

[…]”


II –  Il-kuntest tal-proċeduri

6.        Fl-2008 u fl-2009, il-Kummissjoni — li aġixxiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 — wettqet għadd ta’ spezzjonijiet fil-postijiet ta’ diversi kumpanniji attivi fl-industrija tas-siment. Dawn l-ispezzjonijiet kienu jinkludu l-postijiet ta’ Italcementi Fabbriche Riunite Cemento SpA (iktar ’il quddiem “Italcementi”), Ciments français SA, Ciment Calcia SA u Ciment Belges SA, kumpanniji li, skont is-sentenza appellata, huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-appellanti. Wara dawk l-ispezzjonijiet kien hemm, fl-2009 u fl‑2010, għadd ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 indirizzati — fost l-oħrajn — lil Italcementi.

7.        B’ittra tal-4 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni informat lil Italcementi bl-intenzjoni tagħha li tibgħatilha deċiżjoni li kienet titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u kkomunikatilha l-abbozz ta’ kwestjonarju li hija kien biħsiebha li tehmeż ma’ dik id-deċiżjoni. Italcementi bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2010.

8.        Fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li hija kienet iddeċidiet li tibda proċeduri, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (4), kontriha, kif ukoll kontra seba’ kumpanniji oħra minħabba suspett ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE li jinvolvi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE ġejjin minn pajjiżi barra miż-ŻEE, qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata fis-suq tas-siment u fi swieq ta’ prodotti relatati.

9.        Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2011) 2364 finali fi proċeduri skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (Kawża 39520 — Siment u prodotti relatati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10.      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qalet li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex taqdi d-doveri tagħha skont dan ir-Regolament, hija tista’, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li nnotat li Italcementi kienet ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, u li din tal-ewwel kienet bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz tal-kwestjonarju (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, b’deċiżjoni, talbet lill-appellanti twieġeb il-kwestjonarju fl-Anness I. Ta’ min jinnota li l-Anness I kellu 78 paġna u 10 settijiet ta’ mistoqsijiet. L-istruzzjonijiet dwar it-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju kienu fl-Anness II, filwaqt li t-templates tat-tweġibiet kienu jinsabu fl-Anness III.

11.      Il-Kummissjoni ġibdet ukoll l-attenzjoni għall-allegat ksur (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija ddeskriviet kif ġej “[l-] allegat ksur jikkonċerna restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE li jiġu minn pajjiżi barra miż-ŻEE, qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata fis-suq tas-siment u fi swieq ta’ prodotti relatati”. B’riferiment għan-natura u l-volum tal-informazzjoni mitluba, kif ukoll għall-gravità tal-allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tagħti lill-appellanti 12-il ġimgħa biex twieġeb għat-talba għal informazzjoni).

12.      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Artikolu 1

Italmobiliare SpA flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha, għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fil-forma mitluba fl-Annessi II u III tagħha, mhux iktar tard minn 12-il ġimgħa mid-data tan-notifka ta’ din id-deċiżjoni. L-annessi kollha jifformaw parti integrali minn din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Italmobiliare SpA flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha”.

13.      Fis-27 ta’ Ġunju u fil-11 ta’ Lulju 2011, l-appellanti tat it-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni.”

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2011, Italmobiliare talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

15.      Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014, f’Italmobiliare SpA vs Il-Kummissjoni T‑305/11 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) (5), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lil Italmobiliare għall-ispejjeż.

IV –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

16.      Fl-appell tagħha, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2014, Italmobiliare titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tħassar is-sentenza fil-Kawża T‑305/11 u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura meħtieġa u xierqa jew il-miżuri ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikoli 62 u 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fil-prim’istanza u fl-appell;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida.

17.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        u, sa fejn ikun meħtieġ, tikkonferma l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil Italmobiliare għall-ispejjeż.

V –  L-analiżi tal-aggravji

18.      Italmobiliare tissottometti ħames aggravji. B’mod ġenerali, dawn l-aggravji huma relatati ma’ jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod korrett is-setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003.

19.      Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ewlenin u l-ġurisprudenza relatati mas-setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni, huma ttrattati fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (6), ippreżentati wkoll illum.

20.      Huwa f’dak l-isfond li ser nanalizza l-aggravji mressqa mill-appellanti.

A —   Destinatarja tad-deċiżjoni

1.           L-argumenti tal-partijiet

21.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Italmobiliare tissottometti li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 18 tar-Regolament 1/2003 meta qieset li l-Kummissjoni setgħet, fil-każ inkunsiderazzjoni, tibgħat talba għal informazzjoni lil sempliċi kumpannija holding finanzjarja, li l-kontroll tagħha fuq Italcementi ma kienx intwera. Barra dan, l-appellanti tallega ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, minħabba li, f’komunikazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li Italcementi kienet ser tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3). Fl-aħħar nett, l-appellanti tallega ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni: kienet l-unika kumpannija holding finanzjarja, fl-investigazzjoni inkwistjoni, li lilha kienet indirizzata deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3), minkejja li kien hemm gruppi korporattivi oħra suġġetti għall-istess investigazzjoni li kellhom kumpannija holding finanzjarja fil-quċċata tal-istruttura tal-grupp tagħhom.

22.      Il-Kummissjoni tikkontendi li l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija inammissibbli minħabba li tqajjem kwistjonijiet ta’ fatt u li, f’kull każ, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna li hija raġonevolment taħseb li jista’ jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni żżid tgħid li Italmobiliare ma setgħet tislet ebda konklużjonijiet ċerti mill-komunikazzjoni tal-abbozz tal-kwestjonarju lil Italcementi u li hija ma tat l-ebda assigurazzjoni ċara u mingħajr kundizzjoni lil Italcementi dwar id-destinatarju ta’ deċiżjoni futura.

1.     Analiżi

23.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta dwar tliet allegati żbalji differenti mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta rriteniet li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tkun indirizzata legalment lill-appellanti.

24.      Qabel ma nitratta l-parti l-iktar kumplessa ta’ dan l-aggravju — jiġifieri, jekk impriża tistax tkun destinatarja ta’ talba għal informazzjoni li primarjament tkun tikkonċerna l-attività ta’ impriża oħra li fiha jkollha azzjonijiet, irrid nindirizza l-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju.

25.      Nibda biex ngħid li fil-fehma tiegħi l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta rriteniet li l-appellanti ma rċevietx assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti mingħand il-Kummissjoni li deċiżjoni futura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 kienet ser tkun indirizzata lil Italcementi. L-ewwel nett, il-kwestjonarju mibgħut lil Italcementi fl-4 ta’ Novembru 2010 kien biss abbozz, magħmul mis-servizzi tal-Kummissjoni, maħsub biex jippermetti lill-Kummissjoni tirċievi kummenti biex ittejjeb it-test tal-kwestjonarju finali. Sempliċi konsultazzjoni ma tistax, waħidha, torbot lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti skont l-Artikolu 18(3) (7). F’kull każ, it-test tal-abbozz tal-kwestjonarju ma setax jitqies li kien jeskludi l-possibbiltà li kumpanniji oħra, li kienu tal-istess grupp korporattiv jew li kellhom xi xorta ta’ relazzjoni korporattiva ma’ Italcementi, setgħu jkunu d-destinatarji ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3). It-tieni nett, il-fatt li l-appellanti kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni biex jinbdew il-proċeduri, adottata ftit jiem biss wara li l-abbozz tal-kwestjonarju kien intbagħat lil Italcementi, jeskludi l-possibbiltà li xi assigurazzjonijiet li l-appellanti tista’ ssostni li kienet irċeviet mingħand il-Kummissjoni dwar dan il-punt setgħu jkunu “preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti” skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar aspettattivi leġittimi (8).

26.      Fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni, ma naħsibx li dan l-ilment għandu xi mertu. Kif ser nispjega fil-punti li ġejjin, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand kull impriża li hija taħseb li jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet tagħha. Għalhekk, in-natura tal-attivitajiet imwettqa minn impriża li lilha tkun indirizzata talba għal informazzjoni hija, fil-prinċipju, irrilevanti. Għaldaqstant, huwa irrelevanti jekk Italmobiliare kinitx ittrattata b’mod differenti minn impriżi oħra li kienu wkoll kumpanniji holding finanzjarji. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fis-sens li kellhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet qegħda titlob, dawk il-kumpanniji kienu f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ Italmobiliare. Ma hemm xejn fil-proċess li seta’ ppermetta lill-Qorti Ġenerali attwalment tqabbel lil Italmobiliare ma’ dawk il-kumpanniji minn dak l-aspett.

27.      Wara li għidt dan, issa ser neżamina x’jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ewlenija mqajma mill-ewwel aggravju: jekk il-Kummissjoni kellhiex il-jedd, fil-każ inkunsiderazzjoni, tindirizza deċiżjoni li tintalab informazzjoni lil kumpannija li kellha azzjonijiet fil-kumpanniji ssuspettati li kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE.

28.      Din il-kwistjoni — ta’ liġi u, għalhekk, ammissibbli f’appell — tirriżulta mill-fatt li l-appellanti tikkontendi li, meta d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata, hija aġixxiet sempliċement bħala “kumpannija holding finanzjarja”. La d-deċiżjoni kkontestata u lanqas is-sentenza appellata ma jipprovdu, fil-fehma tal-appellanti, xi prova li din tal-aħħar eżerċitat kontroll fuq il-kumpanniji li kienu tal-grupp Italcementi. Fin-nuqqas ta’ prova bħal din, l-appellanti tqis li ma kienx raġonevoli li wieħed jaħseb li hija kellha fil-pussess tagħha xi informazzjoni ta’ rilevanza għall-investigazzjoni.

29.      F’dak ir-rigward wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tindirizza talba għal informazzjoni lil kull impriża li jista’ jkollha informazzjoni rilevanti, irrispettivament minn jekk ikollhiex x’taqsam fil-ksur issuspettat.

30.      Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1/2003, inkluż dawk skont l-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament. Dik id-diskrezzjoni ma hijiex, madankollu, mingħajr limiti. Tabilħaqq, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni (9). Dawn il-limiti ma għandhomx x’jaqsmu biss, fil-fehma tiegħi, ma’ aspetti bħall-kwantità tal-informazzjoni mitluba jew mal-perijodu li matulu dik l-informazzjoni għandha tingħata, iżda wkoll mal-għażla tal-impriża li lilha għandha tkun indirizzata talba għal informazzjoni.

31.      Jidhirli li tliet prinċipji ġenerali tad-dritt huma partikolarment rilevanti fil-każ inkunsiderazzjoni.

32.      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jitlob li miżuri implementati permezz tad-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu adatti biex jinkisbu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkisbu (10). Meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adatti, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet segwiti (11). Fil-kuntest tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rriteniet li investigazzjoni tkun sproporzjonata meta tikkostitwixxi interferenza eċċessiva u, għalhekk, intollerabbli fid-drittijiet tal-impriżi kkonċernati (12).

33.      It-tieni nett, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li kull att tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jimponi jew jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, għandu jkun ċar u preċiż biex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità liema drittijiet u obbligi jirriżultaw minnu u jkunu jistgħu jieħdu miżuri għal din ir-raġuni (13).

34.      It-tielet nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni jeħtiġilha, matul il-proċeduri amministrattivi relatati ma’ ksur issuspettat tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (14). Dan id-dritt jinkludi, fost l-oħrajn, id-dmir tal-amministrazzjoni tal-Unjoni li “tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

35.      Jiena tal-fehma li, fil-każ inkunsiderazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tqajjem kwistjonijiet relatati ma’ dawk it-tliet prinċipji ġenerali.

36.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, nosserva li ma hemmx dubju li Italmobiliare ma kinitx attiva fis-swieq li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni. Bl-istess mod ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni kellha idea preċiża ħafna tal-identità tal-impriżi li, fil-grupp korporattiv ta’ Italmobiliare, kienu ssuspettati li kienu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, erbgħa minn dawk il-kumpanniji kienu suġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post f’Novembru 2008. Barra minn hekk, Italcementi kienet id-destinatarja ta’ għadd ta’ talbiet għal informazzjoni matul l-2009 u l-2010, u tal-abbozz tal-kwestjonarju mibgħut fl-4 ta’ Novembru 2010. Ta’ importanza huwa li d-deċiżjoni kkontestata stess ma ffokatx fuq l-attivitajiet ta’ Italmobiliare, imma primarjament kienet tikkonċerna l-attivitajiet ta’ dawk l-impriżi l-oħra.

37.      Anki jekk wieħed jassumi li Italmobiliare kellha fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba, jew għall-inqas seta’ kellha aċċess għaliha, jidhirli li l-informazzjoni mogħtija kienet f’kull każ tkun ġiet minn sors li seta’ jitqies biss bħala “it-tieni l-aħjar”. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni mitluba kienet, wara kollox, tiġi minn impriża li ma kinitx tkun dik li l-informazzjoni kienet dwarha u li, x’aktarx, kienet ikkumpilatha.

38.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, insibha kurjuża li l-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata mhux lil dawk il-kumpanniji, li — nirrepeti — kienu magħrufa sewwa, iżda lill-appellanti. Jidher ovvju li l-informazzjoni setgħet tingħata b’mod iktar faċli u malajr minn dawk il-kumpanniji.

39.      Kien x’kien, jekk ir-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata tiġi indirizzata lill-appellanti kienet li tinkiseb id-data mingħand l-impriżi kollha tal-grupp korporattiv ta’ Italmobiliare ikkonsolidata f’sett wieħed ta’ informazzjoni, ma nsibx li din ir-raġuni hija valida. Kif spjegajt fid-dettall fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jippermettix lill-Kummissjoni titlob lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni jlesti x-xogħlijiet tal-investigazzjoni ta’ każ u, konsegwentement, dawn għandhom fil-prinċipju jitwettqu mill-persunal tal-Kummissjoni (15).

40.      Barra dan, l-appellanti targumenta — skonti b’mod konvinċenti — li wieħed ma jistax sempliċement jassumi, kif jidher li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni, li sempliċement minħabba l-parteċipazzjonijiet azzjonarji tagħha hija kellha “kontroll” fuq dawn il-kumpanniji u li dan, imbagħad, kien ifisser li hija kellha fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba jew li setgħet tiksibha faċilment u malajr. F’kull każ, anki kieku wieħed kellu jassumi li l-appellanti jista’ jkollha, bis-saħħa tar-rabtiet korporattivi eżistenti ma’ dawk il-kumpanniji, aċċess għal dik l-informazzjoni, bilkemm jista’ jkun hemm dubju li l-ġbir, il-formatting u s-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba jsiru iktar ikkumplikati, jieħdu iktar żmien u jkunu jiswew il-flus. Fl-istess waqt, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża minn Italcementi, inkluż id-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni, isir iktar diffiċli, minħabba li dawk id-drittijiet ikollhom jiġu eżerċitati permezz tal-“filtru” ta’ Italmobiliare.

41.      Dan huwa speċjalment minnu fil-każ inkunsiderazzjoni, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi għadd straordinarjament kbir ta’ mistoqsijiet, li kienu dwar suġġetti differenti ħafna minn xulxin u kienu jitolbu livell għoli ta’ dettall fit-tweġiba (16). Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tistenna li l-appellanti — sempliċi kumpannija holding finanzjarja — ikollha diġà fil-pussess tagħha dik l-informazzjoni kollha. Lanqas ma setgħet tistenna li l-persunal ta’ kumpannija holding finanzjarja seta’ jiġbor flimkien u jissottometti dik l-informazzjoni b’mod effiċjenti u malajr bħalma seta’ għamel il-persunal tal-kumpanniji li effettivament kellhom dik l-informazzjoni.

42.      Dan iktar u iktar għaliex tliet talbiet preċedenti għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kienu ġew indirizzati lil Italcementi, li hija weġbithom kif imiss. Il-Qorti Ġenerali rriteniet li ħafna mistoqsijiet fid-deċiżjoni kkontestata kienu dwar l-istess informazzjoni li kienet intalbet qabel skont l-Artikolu 18(2) (17). Insibha ħaġa kontra s-sens komun li deċiżjoni li, fil-parti l-kbira tagħha, titlob biss li informazzjoni diġà mogħtija terġa’ tintbagħat, biex dik l-informazzjoni tiġi kkonsolidata f’format differenti (18) jew biex tissaħħaħ b’dettalji addizzjonali, (19) ma tiġix indirizzata lill-istess impriża li lilha kienu indirizzati t-talbiet preċedenti.

43.      Barra dan, minħabba l-format partikolarment kumpless u strett meħtieġ biex tintbagħat l-informazzjoni mitluba, l-ispejjeż ikkawżati mid-deċiżjoni kkontestata kienu ċertament sinjifikanti (20). Diffiċli jkun hemm raġuni valida għaliex dawk l-ispejjeż kellha tbatihom waħda biss mill-azzjonisti tal-kumpanniji fil-mira tal-investigazzjoni.

44.      F’dan l-isfond, jidhirli li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni indirizzata lill-kumpanniji fil-mira tal-investigazzjoni tista’ titqies bħala miżura inqas oneruża, b’mod partikolari għall-appellanti.

45.      It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jiena tal-fehma li l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ċara u mhux ambigwa fir-rigward tal-impriżi li kienu suġġett tal-investigazzjoni — kif muri fil-punti 25 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet — kien fatt li seta’ ħoloq inċertezza għall-appellanti.

46.      Għandu jkun innotat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jgħid li “Italmobiliare Spa, flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea taħt kontroll dirett jew indirett, għandhom jagħtu l-informazzjoni […]”. Barra dan, l-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni jaqra kif ġej: “[d]in id-deċiżjoni hija indirizzata lil Italmobiliare Spa flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu Unjoni Ewropea taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha”. Madankollu, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni mill-Kummissjoni dwar kif dak il-kunċett ta’ kontroll dirett jew indirett kellu jinftiehem.

47.      Ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li l-obbligu legali li tingħata l-informazzjoni mitluba kien japplika għal kull impriża ħlief għal Italmobiliare: ebda obbligu bħal dan (eżegwibbli permezz ta’ pieni finanzjarji) ma jista’ japplika għal impriżi li ma jkunux identifikati u li ma jkunux identifikabbli faċilment. Madankollu, Italmobiliare kien għad jeħtiġilha tagħti informazzjoni relatata ma’ impriżi li hija ma setgħetx tkun ċerta dwar in-numru u l-identità tagħhom.

48.      Huwa magħruf sewwa li l-kunċett ta’ “kontroll” skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jista’, xi drabi, ikun pjuttost opak. Kunċett ta’ “kontroll” jintuża fil-kuntest tar-regoli tal-Unjoni applikabbli għal kontroll ta’ fużjoni (21). Fl-istess waqt, fil-kuntest ta’ proċeduri relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-kunċett ta’ “entità ekonomika unika” jintuża sikwit. Espressjoni ta’ dan tinsab fil-ġurisprudenza sfieqa tal-qrati tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ kumpanniji parent għal ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom b’rabta ma’ akkordji; din il-ġurisprudenza hija wkoll ibbażata fuq l-idea li l-ewwel kumpanniji jistgħu jeżerċitaw “kontroll” fuq dawk tal-aħħar. Barra dan, hemm regoli nazzjonali u supranazzjonali dwar regoli ta’ standards ta’ kontabbiltà li jistabbilixxu rekwiżiti li jistgħu jimponu obbligu li l-kontijiet ta’ kumpanniji differenti li jkunu ta’ grupp korporattiv wieħed jiġu kkonsolidati.

49.      F’dak l-isfond, fin-nuqqas ta’ xi indikazzjoni espressa mill-Kummissjoni dwar kif l-appellanti missha fehmet ir-riferiment għas-“sussidjarji” tagħha “li kienu jinsabu fl-Unjoni Ewropea taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha”, naħseb li d-deċiżjoni kkontestata setgħet toħloq inċertezza legali għall-appellanti.

50.      Fil-każ inkunsiderazzjoni, dan kien partikolarment problematiku sa fejn l-appellanti, bħala d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, kellha tikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni taħt it-theddida ta’ pieni finanzjarji skont l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003. Theddida enfasizzata wkoll fit-test tal-kwestjonarju mehmuż mad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tgħid li l-informazzjoni mibgħuta setgħet titqies inkorretta jew qarrieqa jekk tintbagħat biss mhux skont id-definizzjoni u l-istruzzjonijiet mogħtija fl-Annessi II u III tad-deċiżjoni kkontestata (22).

51.      It-tielet nett, fir-rigward tad-dritt għal amministrazzjoni tajba — sa fejn, fil-każ inkunsiderazzjoni, huwa jżid xi ħaġa ma’ dak li jirriżulta direttament mill-Artikolu 296 TFUE — irrid ninnota li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni ċara għaliex l-informazzjoni ntalbet mingħand l-appellanti u mhux direttament mingħand il-kumpanniji fil-mira tal-investigazzjoni. Kien, għalhekk, diffiċli għal Italmobiliare tifhem ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kienet indirizzata lilha u mhux lil dawn tal-aħħar. Din il-problema saret iktar diffiċli minħabba l-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet vaga u fil-qosor (23).

52.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija fondata, u s-sentenza appellata għandha għal din ir-raġuni titħassar.

A —   Għan tat-talba għal informazzjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

53.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Italmobiliare tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-motivazzjoni meħtieġa f’deċiżjoni maħruġa skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra dan, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet mingħajr raġunijiet adegwati l-argument tagħha dwar l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni meta adottat talba vinkolanti għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3), minflok talba sempliċi skont il-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni.

54.      Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni tisħaq li l-proċedura kienet għadha fi stadju bikri meta d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata. Talba għal informazzjoni ma jistax ikollha l-livell ta’ dettall meħtieġ għal deċiżjonijiet adottati fi tmiem l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni żżid tgħid ukoll li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jeħtiġx li l-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet li għalihom hija tista’ tagħżel li tadotta deċiżjoni vinkolanti minflok ma toħroġ talba sempliċi għal informazzjoni.

1.     Analiżi

55.      Mill-bidu nett irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għal miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandha tkun adattata għall-miżura inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat dik il-miżura b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għaliha u biex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-punti ta’ liġi rilevanti kollha, minħabba li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (24).

56.      Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar ikkonfermat li l-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex tikkomunika lid-destinatarji ta’ deċiżjonijiet bħal dawn l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, jew li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dak il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li hija tkun biħsiebha tinvestiga. Għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tindika b’mod preċiż kemm jista’ jkun il-prova li tkun qed tfittex u l-kwistjonijiet li tkun relatata magħhom l-investigazzjoni, min-naħa l-oħra ma huwiex essenzjali f’deċiżjoni li tordna spezzjoni sabiex jiġi identifikat b’mod preċiż is-suq rilevanti, in-natura legali tal-allegat ksur jew il-perijodu li matulu jkun seħħ dak il-ksur, sakemm id-deċiżjoni jkollha l-elementi essenzjali msemmija diġà. Tabilħaqq, spezzjonijiet normalment isiru fil-bidu ta’ investigazzjoni u, konsegwentement, il-Kummissjoni jkun għad jonqosha, f’dak l-istadju, informazzjoni preċiża dwar dawk l-aspetti. Huwa proprju l-għan ta’ spezzjoni li jinġabru provi b’rabta ma’ ksur issuspettat biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika s-suspetti tagħha u tagħmel analiżi legali iktar speċifika (25).

57.      Dawn il-prinċipji jidhirli li huma applikabbli — mutatis mutandis — għal deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Evidentement, iż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom l-istess għan u jikkonsistu f’eżerċizzju ta’ ġbir ta’ fatti. Għalkemm ma humiex ifformulati f’termini identiċi, ix-xebh relattiv taż-żewġ dispożizzjonijiet jidher li jsostni qari uniformi tagħhom it-tnejn (26).

58.      F’dak l-isfond, il-kwistjoni kruċjali hija jekk il-Qorti Ġenerali kinitx eżaminat b’mod korrett kemm kienet adegwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem ieħor, il-mistoqsija hija kif ġej: meqjus l-istadju tal-proċedura li fih id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata, il-motivazzjoni inkwistjoni hija ċara biżżejjed biex, minn naħa, min irċevieha seta’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża u jevalwa d-dmir tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tippermetti l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni?

59.      Fil-fehma tiegħi, din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba fin-negattiv.

60.      Fil-punt 68 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ssib li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet abbozzata “f’termini ġenerali ħafna li kienu jimmeritaw li jiġu ppreċiżati u għalhekk din għandha tiġi kkritikata f’dan ir-rigward”. Fil-fehma tiegħi dan bilkemm jista’ jiġi kkontestat: tliet aspetti importanti tal-motivazzjoni ma għandhomx, fil-fatt, dettalji biżżejjed. Qed nirreferi, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni tal-allegat ksur, il-portata ġeografika tiegħu u l-prodotti milquta mill-ksur.

61.      Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-allegat ksur, il-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid: “[l-]allegat ksur jikkonċerna restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ […], inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet […], qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata”. Din id-deskrizzjoni tal-ksur li seta’ kien hemm tidher mhux biss pjuttost vaga (“restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ”, “inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet”) iżda wkoll globali (“prattika antikompetittiva relatata”). Ir-riferiment għal “qsim tas-suq” u “koordinazzjoni tal-prezzijiet” — li huwa tant ġenerali — ma tantx jikkontribwixxi biex jiddelimita b’iktar preċiżjoni n-natura tal-imġiba ssuspettata mill-Kummissjoni. L-akkordji, kważi kollha, fil-fatt, jinkludu elementi ta’ qsim tas-suq u ffissar tal-prezzijiet. Fil-prattika, il-maġġoranza kbira tat-tipi ta’ ftehim ipprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE jidhru li jinqabdu minn din id-deskrizzjoni.

62.      Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-allegat ksur, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ fiż-ŻEE, inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE ġejjin minn pajjiżi barra miż-ŻEE. Huwa minnu li l-komponent ġeografiku tas-suq rilevanti ma jeħtiġlux definizzjoni f’deċiżjoni skont l-Artikolu 18 (27), iżda xi riferiment għall-inqas għal xi wħud mill-pajjiżi milquta missu kien possibbli. B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk is-suq li seta’ ntlaqat huwiex taż-ŻEE kollha jew partijiet minnha u, jekk hu hekk, liema partijiet.

63.      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija anki iktar elużiva meta tiġi biex tispjega l-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. Fil-prattika, is-siment biss huwa identifikat bħal prodott rilevanti, minħabba li — għall-bqija — id-deċiżjoni tirreferri għal “swieq ta’ prodotti relatati [mas-siment]”. Għal darba oħra din id-deskrizzjoni mhux biss hija vaga għall-aħħar (kemm għandu l-prodott ikun “relatat” mill-qrib mas-siment?), iżda potenzjalment tkopri t-tipi kollha ta’ prodotti li għalihom l-appellanti hija attiva (bħala bejjiegħa jew bħala xerrejja).

64.      Skont il-Qorti Ġenerali (28), l-iskarsezza tad-dettalji fid-deċiżjoni kkontestata tittaffa parzjalment mill-fatt li hija tirreferi espressament għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri, li kienet tinkludi informazzjoni addizzjonali dwar kemm kien kbir ġeografikament l-allegat ksur u t-tip ta’ prodotti koperti.

65.      L-appellanti ma taqbilx li n-nuqqasijiet tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jissewwew b’sempliċi riferiment għal deċiżjoni preċedenti, u tinnota li, f’kull każ, id-deċiżjoni li jinbdew proċeduri hija milquta wkoll mill-istess nuqqas ta’ dettalji.

66.      Fil-fehma tiegħi, atti tal-Unjoni li jimponu obbligi li jinterferixxu fl-isfera privata ta’ individwi jew impriżi u li, jekk ma jkunx hemm konformità magħhom, iġorru r-riskju ta’ pieni finanzjarji kbar, għandu jkollhom, fil-prinċipju, motivazzjoni indipendenti (29). Tabilħaqq, dan huwa importanti biex dawk l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal dak l-att mingħajr sforz interpretattiv eċċessiv (30), biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u f’waqtu. Dan huwa minnu l-iktar għal atti li jinkludu riferimenti espressi għal atti preċedenti li kellhom motivazzjoni differenti. Kull differenza li jkollha tifsira bejn iż-żewġ atti tista’ tkun is-sors ta’ inċertezza għad-destinatarju.

67.      Minkejja dan, jiena tal-opinjoni li, bħala eċċezzjoni, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qalet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinqara flimkien mal-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu adottati fil-qafas tal-istess investigazzjoni u ovvjament jikkonċernaw l-istess allegat ksur. Kienu adottati wkoll fi żmien qasir. Iktar importanti huwa li jidher li ma hemmx differenza sinjifikattiva bejn il-motivazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet. Għalhekk jiena tal-fehma li, f’din il-kawża, l-ewwel deċiżjoni tista’ titqies li hija “kuntest” tat-tieni deċiżjoni, li d-destinatarju ma setax ma kienx jaf biha (31).

68.      Madankollu, jekk huwa minnu li l-ewwel deċiżjoni kienet tinkludi iktar dettalji sinjifikanti dwar portata ġeografika tal-allegat ksur (billi elenkat l-Istati Membri potenzjalment milquta), hija ma kinitx ugwalment preċiża dwar in-natura ta’ dak il-ksur u l-prodotti koperti. Partikolarment għaliex l-ispjegazzjoni mogħtija tal-kunċett ta’ “siment u prodotti relatati” inkluża f’nota ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna 4 ta’ dik id-deċiżjoni tkopri sett ta’ prodotti li jista’ jkun wiesa’ ħafna u differenti għalkollox.

69.      Wara li għidt dan, jiena tal-fehma li l-fatt li motivazzjoni tista’ wkoll tkun ġenerali jew xi ftit jew wisq vaga dwar ċerti aspetti ma jirriżultax f’invalidità jekk il-bqija tad-deċiżjoni tippermetti lil min jirċevieha u lill-qrati tal-Unjoni jifhmu bi preċiżjoni biżżejjed liema informazzjoni l-Kummissjoni tkun qed titlob u r-raġunijiet għal dan (32). Tabilħaqq, anki jekk biss indirettament jew impliċitament, is-suġġett tal-mistoqsijiet jista’ jixħet iktar dawl fuq il-motivazzjoni li setgħet ġiet abbozzata mingħajr il-preċiżjoni meħtieġa. Wara kollox, mistoqsijiet preċiżi u ffokati ħafna inevitabbilment juru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Dan jidhirli li huwa partikolarment minnu għal atti adottati fi stadju bikri tal-proċess, meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni ma jkunx stabbilit kollu u finalment u, fil-fatt, jista’ jkun jeħtieġlu jiġi limitat jew imkabbar fil-ġejjieni, b’konsegwenza tal-informazzjoni miġbura wara.

70.      F’din il-kawża, madankollu, l-oppost huwa attwalment minnu. Il-mistoqsijiet magħmula lil Italmobiliare huma ta’ għadd straordinarjament kbir u jkopru tipi diversi ħafna ta’ informazzjoni. Naħseb li jkun ferm diffiċli tiġi identifikata linja ta’ konnessjoni bejn ħafna mill-mistoqsijiet inklużi fil-kwestjonarju (33). Barra dan, xi mistoqsijiet li saru ma jidhrux li jaqblu għalkollox ma’ dak li kien intqal fid-deċiżjoni ta’ qabel biex jinbdew proċeduri: pereżempju l-mistoqsijiet 3 u 4 (li jeħtieġu ammont partikolarment sinjifikanti ta’ informazzjoni tul perijodu ta’ 10 snin) ma humiex limitati għall-Istati Membri identifikati bħala li kienu possibbilment ikkonċernati bid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri.

71.      Inċidentalment, jekk il-linja ta’ konnessjoni li torbot dawk il-mistoqsijiet flimkien kellha turi kompletament l-istruttura tad-dħul u tal-ispejjeż tal-impriża biex il-Kummissjoni tkun tista’ tanalizzaha b’metodi ekonometriċi (billi tqabbilha ma’ dawk ta’ kumpanniji oħra attivi fl-industrija tas-siment), jista’ kun hemm dubju jekk talba għal informazzjoni bħal din tant wiesgħa u globali kinitx wara kollox adatta skont l-Artikolu 18. Sakemm il-Kummissjoni ma jkollhiex fil-pussess tagħha indizji konkreti li juru mġiba oġġezzjonabbli li għalihom analiżi bħal din tkun tista’ tipprovdi sostenn meħtieġ, talba bħal din għal informazzjoni tkun tidher iktar adatta għal investigazzjoni settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003.

72.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naqbel mal-appellanti li l-għan tat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni ma kienx ċar biżżejjed u mhux ambigwu. Konsegwentement kien eċċessivament diffiċli għal dik l-impriża tifhem l-allegat ksur biex tivvaluta sa fejn kellha d-dmir li tikkoopera mal-Kummissjoni u, jekk ikun meħtieġ, teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża, pereżempju billi tirrifjuta li twieġeb il-mistoqsijiet li hija qieset illegali. Iktar u iktar kien hekk minħabba li ċerti mistoqsijiet kienu jikkonċernaw informazzjoni li ma kinitx purament fattwali u kienu jinkludu ġudizzju ta’ valuri (34), u mistoqsijiet oħra kienu relattivament vagi (35). Minħabba f’hekk, fir-rigward ta’ dawk il-mistoqsijiet, ma setax jiġi eskluż mill-appellanti r-riskju li jingħataw tweġibiet awtoinkriminatorji (36).

73.      Dak in-nuqqas ta’ dettall ma jistax — kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni — ikun iġġustifikat mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata fi stadju bikri tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, dik id-deċiżjoni nħarġet kważi tliet snin wara li kienet bdiet l-investigazzjoni. Matul dak iż-żmien kienu saru għadd ta’ spezzjonijiet u kienu diġà nħarġu mill-Kummissjoni talbiet iddettaljati ħafna għal informazzjoni u kienu ngħataw tweġibiet mill-impriżi kkonċernati. Fil-fatt xi xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kienet ġabret elementi biżżejjed biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004. B’dawn l-elementi l-Kummissjoni kellha tkun tista’ tipprovdi iktar raġunijiet dettaljati fid-deċiżjoni kkontestata.

74.      Naqbel mal-Kummissjoni li l-ammont ta’ dettall meħtieġ f’motivazzjoni jiddependi, fost l-oħrajn, mill-informazzjoni li l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha meta tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18 (37). Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan neċessarjament jimplika li motivazzjoni li tista’ tkun aċċettabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fil-bidu ta’ investigazzjoni (jiġifieri, deċiżjoni li tkun teżiġi li impriża toqgħod għal spezzjoni skont l-Artikolu 20, jew proprju l-ewwel deċiżjoni li tintalab informazzjoni skont l-Artikolu 18(3)) tista’ ma tkunx ugwalment aċċettabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fi stadju ħafna iktar tard tal-investigazzjoni, meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni iktar estensiva dwar l-allegat ksur.

75.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma nsibhiex skużabbli li, minkejja l-informazzjoni kollha li diġà tkun ingħatat lill-Kummissjoni tul is-snin ta’ qabel, u l-isforzi addizzjonali li d-deċiżjoni kkontestata kienet timplika, Italmobiliare kienet għadha ma taf xejn dwar il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

76.      Barra dan, naħseb li l-appellanti sewwa targumenta li l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sar sinjifikatament iktar diffiċli. Kif spjegajt f’iktar dettall fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement (38), minħabba l-ftit informazzjoni dwar l-allegat ksur li hemm fid-deċiżjoni kkontestata (anki meta moqrija fl-isfond tad-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċeduri), isir diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk ikunux ġew issodisfatti r-rekwiżit tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-talba (39). Dwar l-ewwel element, il-Qorti tal-Ġustizzja suppost tanalizza jekk il-korrelazzjoni bejn l-allegat ksur u l-informazzjoni mitluba hijiex suffiċjenti biex tiġġustifika t-talba tal-Kummissjoni. Fir-rigward tat-tieni element, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk l-isforzi meħtieġa minn impriża humiex iġġustifikati jew le fl-interess pubbliku u mhux eċċessivi.

77.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-motivazzjoni meħtieġa f’deċiżjoni li tintalab informazzjoni. Is-sentenza appellata għandha, għalhekk, tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet permezz tagħha, għar-raġunijiet indikati fil-punti 51 sa 72 ta’ dik is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kellha motivazzjoni adegwata.

A —   Indizji biżżejjed dwar ksur

1.      L-argumenti tal-partijiet

78.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Italmobiliare tikkritika l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-allegazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet aġixxiet ultra vires meta adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fehma tal-appellanti huwa ċar, minħabba l-kwantità sinjifikanti tal-informazzjoni mitluba u li din kienet vaga, li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji biżżejjed ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE meta ħarġet id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni missha, għalhekk, aġixxiet skont l-Artikolu 17 tal-istess regolament. Barra dan, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ordnat ebda miżura ta’ stħarriġ biex tivverifika jekk l-Kummissjoni kellhiex fil-pussess tagħha indizji biżżejjed biex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3).

79.      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, f’kull każ, infondat.

1.     Analiżi

80.      Permezz ta’ dan l-aggravju, Italmobiliare tikkontendi, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kellhiex raġunijiet biżżejjed biex tissuspetta ksur u li l-ammont u t-tip ta’ informazzjoni mitluba juru li l-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel tiftix mhux ġustifikat għal informazzjoni (“fishing expedition”).

81.      Naqbel mal-Kummissjoni li dan il-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

82.      L-ewwel nett, dwar dak li l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-analiżi tagħha tal-elementi mressqa fl-ewwel istanza insostenn tal-aggravju relatat ma’ azzjoni ultra vires mill-Kummissjoni, l-appellanti essenzjalment qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel analiżi ġdida ta’ dawk l-elementi. Dan, iżda, ma huwiex permissibbli f’appell.

83.      It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma jkunux ordnati miżuri ex officio ta’ stħarriġ jew ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura biex ikun ivverifikat jekk attwalment kienx hemm indizji biżżejjed ta’ ksur, dik il-kritika wkoll ma għandhiex tintlaqa’. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi jkunx hemm ħtieġa ta’ suppliment għall-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi quddiemha. Jekk il-provi quddiemha jkunux biżżejjed jew le hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata minnha biss u ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell, ħlief meta dawk il-provi jkunu ġew żnaturati jew l-ineżattezza sustantiva ta’ dak li l-Qorti Ġenerali tkun sabet tkun evidenti mid-dokument fil-kawża (40). A fortiori, dan il-prinċipju huwa wkoll iktar validu meta tkun kwistjoni li jittieħdu miżuri ta’ stħarriġ jew ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura ex officio (41).

84.      F’din il-kawża, l-appellanti kienet libera titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu kull miżura bħal din biex tivverifika jekk il-Kummissjoni kellhiex fil-pussess tagħha indizji biżżejjed. Fil-fatt, fil-kawża “parallela” Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, b’talba espressa quddiemha mir-rikorrenti, ordnat lill-Kummissjoni ġġib il-provi fil-pussess tagħha biex hija stess tkun issodisfatta li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx arbitrarja (42).

85.      Madankollu, f’din il-kawża l-appellanti ma għamlitx talba bħal din. Għalhekk insib li bilkemm huwa oġġezzjonabbli li l-Qorti Ġenerali, meta qieset l-elementi ta’ natura ġenerika miġjuba mill-appellanti (analiżi li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell), u fin-nuqqas ta’ talba speċifika, iddeċidiet li ma kienx hemm ħtieġa li l-kwistjoni tkun investigata ulterjorment (43).

A —  Proporzjonalità

1.      L-argumenti tal-partijiet

86.      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta interpretat u applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset, minn naħa, milli tirrikonoxxi li kien hemm miżuri inqas onerużi biex jintlaħaq l-għan segwit (bħal investigazzjoni settorjali jew talba sempliċi għal informazzjoni) u, min-naħa l-oħra, li tiċċensura l-piż eċċessiv u intollerabbli mqiegħed fuq l-appellanti bid-deċiżjoni kkontestata.

87.      Il-Kummissjoni tikkontendi li l-Qorti Ġenerali analizzat b’mod korrett il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-każ inkunsiderazzjoni; id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx dak il-prinċipju.

1.      Analiżi

88.      Dan il-aggravju iqajjem żewġ kwistjonijiet differenti mill-aspett tal-proporzjonalità. Ser neżaminahom waħda wara l-oħra.

a)      Għażla tal-istrument legali

89.      L-ewwel parti ta’ dan il-aggravju, essenzjalment, tqajjem il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità — kif issuġġerit mill-appellanti — billi adottat deċiżjoni vinkolanti skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, minflok ma ħarġet talba sempliċi għal informazzjoni skont it-tieni paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jew irrikorriet għal investigazzjoni settorjali skont l-Artikolu 17 tal-istess regolament.

90.      Din il-fehma tal-appellanti ma tikkonvinċinix.

91.      Fl-ewwel lok, dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet settorjali nosserva li l-Qorti Ġenerali ma sabitx li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji biżżejjed biex ikollha l-jedd tibgħat talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-kritika li l-appellanti għamlet dwar dan il-punt ma tistax tiġi aċċettata, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq (44). Għal din ir-raġuni ma hemmx bażi biex wieħed jargumenta li l-Kummissjoni setgħet, jew kellha, tibda investigazzjoni settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003.

92.      Jekk il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha indizji biżżejjed li juru li seta’ kien hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (li ma huwiex għal din il-qorti li tiddeċiedi fl-appell), l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi l-bażi legali korretta biex tiġi investigata l-kwistjoni.

93.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ talbiet sempliċi għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, irrid ninnota dan li ġej. Kważi l-informazzjoni kollha mitluba fid-deċiżjoni kkontestata kienet tikkonsisti f’data li l-Kummissjoni kienet talbet mingħand l-impriżi kollha ssuspettati li kellhom sehem fil-ksur issuspettat, bil-għan li jsir paragun bejn dik id-data. Il-Kummissjoni setgħet tagħmel paragun b’tifsira biss jekk l-informazzjoni mitluba kienet ingħatat ftit jew wisq fl-istess żmien, u kienet preċiża u kompleta. Żbalji jew dewmien, anki minn wieħed biss li jkun bagħat tweġiba, kien ifisser li l-paragun ipprospettat mill-Kummissjoni ma kienx ikun jista’ jsir jew, f’kull każ, ma kienx ikun ta’ min joqgħod fuqu biżżejjed.

94.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha l-jedd tqis li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti skont l-Artikolu 18(3) kienet l-iktar metodu adatt biex ikun żgurat li l-informazzjoni mitluba tkun kemm jista’ jkun kompleta u korretta, u tintbagħat fiż-żmien mixtieq.

95.      L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

a)      Proporzjonalità sensu stricto

96.      Mill-bidu nett, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja saħqet, diversi drabi, li l-ħtieġa li individwi jkunu protetti kontra intervent arbitrarju u sproporzjonat minn awtoritajiet pubbliċi fl-isfera privata tagħhom, inkluż meta dawk l-awtoritajiet jinfurzaw regoli tal-kompetizzjoni, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (45). B’mod partikolari, miżura ta’ investigazzjoni tkun sproporzjonata meta tikkostitwixxi interferenza eċċessiva u, għalhekk, intollerabbli ma’ dawk id-drittijiet (46).

97.      Ovvjament, ma hemmx test definit biex jiġi ddeterminat jekk talba speċifika għal informazzjoni indirizzata lil impriża partikolari tkunx eċċessiva jew le. Analiżi każ b’każ li tqis iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti biss tista’ tagħti tweġiba għal dik il-mistoqsija.

98.      Żewġ elementi b’mod partikolari għandhom jintwiżnu wieħed mal-ieħor biex tiġi analizzata l-proporzjonalità ta’ talba speċifika għal informazzjoni. F’keffa waħda tal-miżien hemm l-interess pubbliku li jiġġustifika l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, u n-neċessità għal dik l-istituzzjoni li tirċievi informazzjoni biex biha tkun tista’ tagħmel ix-xogħlijiet assenjati lilha mit-Trattat. Iktar ma ksur issuspettat ikun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, iktar il-Kummissjoni għandu jkollha l-jedd li tistenna li impriża tagħmel sforz biex tagħti l-informazzjoni mitluba, biex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni attiva. Il-keffa l-oħra tal-miżien tikkonsisti mill-ammont ta’ xogħol maħluq għal impriża b’talba għal informazzjoni. Iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ xogħol maħluq, li jtellef l-attenzjoni tal-persunal tal-impriża mix-xogħol normali tan-negozju tiegħu u jżid spejjeż żejda, iktar tista’ titqies eċċessiva dik it-talba għal informazzjoni.

99.      Fil-każ inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni targumenta li l-imġiba allegata tal-appellanti tikkostitwixxi ksur gravi ħafna tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minkejja l-ftit informazzjoni mogħtija dwar dan fid-deċiżjoni kkontestata, jew fid-deċiżjoni biex jinbdew proċeduri, il-fehma tal-Kummissjoni li l-konsegwenzi tal-ksur issuspettat għall-konsumaturi Ewropej, jekk ikun hemm prova dwarhom, ikunu partikolarment gravi tista’ probabbilment tiġi aċċettata (47).

100. Minkejja dak il-fatt, l-ammont ta’ xogħol maħluq għall-appellanti bid-deċiżjoni kkontestata (deskritta bħala li qanqlet “oneru ta’ xogħol partikolarment għoli” fis-sentenza appellata) (48) jidher li kien ta’ piż b’mod eċċessiv u irraġonevoli.

101. Ma jistax ikun ikkontestat serjament li d-deċiżjoni kkontestata kienet titlob li tintbagħat kwantità straordinarja ta’ data, li kienet tkopri kważi l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-appellanti, fit-12-il Stat Membru, tul għaxar snin.

102. Barra dan, is-sempliċi kumpilazzjoni ta’ xi wħud mill-mistoqsijiet li għamlet il-Kummissjoni ħolqot ammont sinjifikanti ta’ xogħol għall-appellanti, li obbligatha terġa’ teżamina kważi t-tranżazzjonijiet ekonomiċi kollha li kienu saru minn diversi kumpanniji li kienu jifformaw il-grupp korporattiv tagħha tul l-aħħar 10 snin, biex testrapola u tikkonsolida d-data mitluba.

103. Raġuni oħra għall-ammont sinjifikanti ta’ xogħol maħluq bid-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-format impost mill-Kummissjoni għas-sottomissjonijiet tal-informazzjoni mitluba. Tabilħaqq, fl-era diġitali, il-fatt li talba għal informazzjoni tkun teħtieġ is-sottomissjoni ta’ ammont kbir ħafna ta’ informazzjoni jista’ sikwit ikun ta’ importanza sekondarja. F’ħafna każijiet l-ammont ta’ xogħol maħluq minn talba għal informazzjoni jkun prinċipalment jiddependi mill-mod li bih il-Kummissjoni titlob lil min jirċievi dik it-talba biex jissottometti l-informazzjoni. Fi kliem ieħor, il-format impost mill-Kummissjoni għall-informazzjoni mitluba jista’ sikwit ikun dak li joħloq l-ikbar ammont ta’ xogħol għal impriża.

104. F’dak ir-rigward, nosserva li l-Anness II (istruzzjonijiet iddettaljati għat-tweġibiet tal-kwestjonarju) u l-Anness III (templates għat-tweġibiet) tad-deċiżjoni kkontestata flimkien ilaħħqu kważi 30 paġna ta’ kumplessità estrema. Il-format impost kien mill-iktar strett u l-istruzzjonijiet kienu ddettaljati b’mod eċċezzjonali.

105. Dwar kemm kien strett il-mudell, irrid nisħaq li l-konformità sħiħa mal-format mitlub kienet żgurata b’theddida espliċita ta’ penalitajiet. Fil-kaxxa fil-bidu tal-kwestjonarju l-Kummissjoni tikteb (b’ittri skuri u b’linja taħthom): “Jekk jogħġbok innota li t-tweġiba tiegħek tista’ titqies bħala mhux korretta jew qarrieqa jekk id-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet li ġejjin ma jkunux osservati.”

106. Fir-rigward tan-natura eċċezzjonalment iddettaljata tal-istruzzjonijiet, nirreferi biss għall-preskrizzjonijiet manifestament metikolużi dwar it-tweġibiet li l-Kummissjoni talbet li jingħataw f’fajl Excel. L-appellanti setgħet tuża biss dawk it-templates inklużi fl-Anness III, u kien jeħtiġilha ssegwi strettament l-istruzzjonijiet dwar, fost l-oħrajn, l-għadd ta’ fajls li kellhom jingħataw, l-għadd ta’ spreadsheets għal kull fajl, l-isem ta’ kull spreadsheet, it-taqsiriet li kellhom jintużaw, l-ismijiet u n-numri tal-kolonni jew linji, il-format ta’ dati u l-użu ta’ spazji, karattri speċjali jew simboli (49).

107. Barra dan, il-kodiċijiet numerużi u kważi kriptiċi li min jirċievi d-deċiżjoni kien jeħtieġlu juża — kif saħqet il-Kummissjoni, “b’mod uniformi” u “fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha” (50) — b’mod ċar la kienu ta’ titjib biex id-deċiżjoni kkontestata tinqara u tkun iktar faċli għal min jużaha, u lanqas ma ffaċilitaw ix-xogħol tal-impriża biex tikkompila t-tweġibiet.

108. Jista’ jingħad fiż-żgur li, anki għal negozjant b’esperjenza, il-format inkwistjoni jidher, mad-daqqa ta’ għajn, li huwa taħbila tal-moħħ enormi.

109. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement, il-kunċett ta’ “informazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Kummissjoni titlob impriżi jissottomettu l-informazzjoni mitluba skont format speċifiku. Dawk li jirċievu talbiet għal informazzjoni ovvjament ikunu obbligati jwieġbu għal talba billi jagħtu informazzjoni li tkun mhux biss korretta u sħiħa, iżda wkoll preċiża u ċara. Barra dan, meta jkun meħtieġ li informazzjoni tinġabar flimkien biex tingħata tweġiba utli, huma jkunu mistennija wkoll, minħabba l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni attiva, iqisu l-format mitlub mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax titlob impriżi jagħmlu xogħlijiet klerikali u amministrattivi bħal dawn, estensivi, kumplessi u li jieħdu ż-żmien, meta jibagħtu l-informazzjoni mitluba, tant li t-tħejjija u l-bini ta’ każ kontra dawk l-impriżi jkun jidher, f’termini reali, li jkun qiegħed “jingħata biex isir minn ħaddieħor”, din id-darba minnhom. Wara kollox hija l-Kummissjoni li għandha ġġib prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (51).

110. Hu x’inhu, irrispettivament minn ksur li jista’ jkun hemm tal-Artikolu 18 (li l-appellanti ma semmitx), jidhirli li l-format impost mid-deċiżjoni kkontestata b’mod ċar ħoloq ammont sinjifikanti ħafna ta’ xogħol għall-appellanti. Dan huwa anki inqas aċċettabbli sa fejn l-operazzjonijiet ta’ formatting mitluba mill-Kummissjoni sikwit kienu jikkonċernaw data li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni jew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

111. Dwar l-ewwel aspett, ma għandux jintesa li d-deċiżjoni kkontestata ġiet wara li talbiet għal informazzjoni oħra partikolarment onerużi (li kienu ħadu l-għamla ta’ talbiet sempliċi skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003) kienu ngħataw tweġiba minn Italcementi. Dawk it-talbiet ta’ qabel kienu jikkonċernaw ġeneralment l-istess xorta ta’ informazzjoni, b’xi dettalji differenti jew skont format differenti.

112. Id-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, kienet tobbliga lill-appellanti — minħabba l-format meħtieġ għas-sottomissjoni tal-informazzjoni — tagħmel sforzi addizzjonali għas-sempliċi formatting mill-ġdid ta’ data li kienet diġà ngħatat lill-Kummissjoni. Ma nista’ nsib ebda ġustifikazzjoni għal talba bħal din. F’dawk iċ-ċirkustanzi t-talba tal-Kummissjoni għal ammont tassew kbir ta’ data biex tiġi fformattjata mill-ġdid setgħet, mutatis mutandis, titqabbel ma’ talba għal dokumenti numerużi u twal fil-pussess ta’ impriża li jkollhom jiġu tradotti f’lingwa differenti. Il-fatt li l-persunal tal-Kummissjoni jista’ ma jkollux il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa ma jiġġustifikax, fil-fehma tiegħi, talba bħal din.

113. Kieku l-Kummissjoni, fit-talbiet tagħha għal informazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kienet abbozzat il-mistoqsijiet tagħha bil-mod li kienu fformulati fid-deċiżjoni kkontestata, jew wara aċċettat biss is-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba f’kull format ieħor, l-appellanti kienet tiffranka ammont sinjifikanti ta’ xogħol.

114. Dwar it-tieni aspett, id-deċiżjoni kkontestata kienet titlob lill-appellanti tiġbor flimkien informazzjoni li kienet fid-dominju pubbliku. Pereżempju, il-punt 10 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata jaqra: “Il-valuri monetarji kollha għandhom ikunu espressi fl-ewro. Jekk il-munita lokali użata ma tkunx l-ewro, jekk jogħġbok aqleb fl-ewro billi tuża r-rata tal-kambju uffiċjali ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-perijodu ta’ riferiment”. Ma huwiex ċar għaliex dawk il-kalkoli ma setgħux isiru mill-persunal stess tal-Kummissjoni (52).

115. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-appellanti kienet korretta meta qalet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ aggravju tal-appellanti għandu konsegwentement jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata titħassar.

A —   Dritt għal smigħ

1.     L-argumenti tal-partijiet

116. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Italmobiliare tallega li s-sentenza appellata naqset milli tindirizza b’mod adegwat l-argumenti tagħha dwar allegat ksur tad-dritt tagħha għal smigħ.

117. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li dan il-aggravju għandu jiġi miċħud.

1.     Analiżi

118. Bħall-Kummissjoni, jiena wkoll tal-fehma li dan l-aggravju huwa infondat.

119. La d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrikonoxxu dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżuri investigattivi bħal talbiet għal informazzjoni magħmula lill-impriżi kkonċernati (53).

120. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, f’xi każijiet, li tikkonsulta lill-impriżi kkonċernati qabel l-adozzjoni ta’ miżura waħda bħal din (54), hija tagħmel hekk minn rajha u fl-interess tagħha. Impriżi ma jieħdu ebda dritt speċifiku minn konsultazzjoni bħal din, minbarra forsi d-dritt li jaraw li l-Kummissjoni tqis kif imiss l-osservazzjonijiet li huma jistgħu jissottomettu bħala tweġiba (55).

121. Għal din ir-raġuni, l-appellanti ma tistax tilmenta li, minkejja li Italcementi kienet ikkonsultata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-abbozz tal-kwestjonarju fl-4 ta’ Novembru 2010, it-terminu ta’ żmien stabbilit għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet tagħha kien wisq qasir jew li l-Kummissjoni fl-aħħar nett ħarġet deċiżjoni bi kwestjonarju li kien parzjalment differenti minn dak mibgħut f’forma ta’ abbozz.

122. Isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

VI –  Il-konsegwenzi tal-analiżi

123. Skont l-ewwel punt tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jekk l-appell ikun fondat. Fejn il-proċeduri jkunu hekk jippermettu, hija stess tista’ tagħti sentenza finali dwar il-kwistjoni. Hija tista’ wkoll tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali.

124. Ikkonkludejt li tlieta mill-aggravji mressqa mill-appellanti għandhom, kollha jew parti minnhom, jintlaqgħu u s-sentenza appellata titħassar għal din ir-raġuni. 

125. Meqjusa l-fatti disponibbli u l-iskambju ta’ fehmiet quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza finali dwar din il-kwistjoni, mingħajr il-ħtieġa li tadotta xi miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif mitlub mill-appellanti.

126. Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Italmobiliare kienet issottomettiet ħames motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

127. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, il-fehma tiegħi hija li d-deċiżjoni kkontestata kienet kontra l-liġi għal tliet raġunijiet ewlenin: kienet indirizzata b’mod żbaljat lil Italmobiliare (ara l-punti 23 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kellha motivazzjoni mhux suffiċjenti dwar l-għan tat-talba (ara l-punti 55 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u ma ssodisfatx ir-rekwiżit tal-proporzjonalità (ara l-punti 96 sa 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kull wieħed minn dawn l-iżbalji legali huwa, minnu nnifsu, suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kollha. Bħala konsegwenza, insib li ma hemmx ħtieġa li neżamina jekk il-motivi l-oħra mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza humiex fondati.

VII –  Spejjeż

128. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża.

129. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

VIII –  Konklużjoni

130. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2014 f’Italmobiliare SpA vs Il-Kummissjoni T‑305/11;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 2364 finali fi proċeduri skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Kawża 39520 — Siment u prodotti relatati);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fl-ewwel istanza u fl-appell.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3 – Kawżi HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni C-247/14 P, Schwenk Zement vs Il-Kummissjoni C-248/14 P, u Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni C-267/14 P.


4 – Regolament tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


5 – EU:T:2014:126.


6 – C-247/14 P, punti 22 sa 27.


7 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni, C-267/14 P, punti 120 sa 125.


8 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza HGA et vs Il-Kummissjoni, C-630/11 P sa C-633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punti 23 u 24.


10 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, EU:C:2005:741, punt 68; S.P.C.M. et, C-558/07, EU:C:2009:430, punt 41; u Vodafone et, C-58/08, EU:C:2010:321, punt 51.


11 –      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Fédesa et, C-331/88, EU:C:1990:391, punt 13.


12 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C-94/00, EU:C:2002:603, punti 76 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gondrand u Garancini, 169/80, EU:C:1981:171, punt 17; u Van Es Douane Agenten, C-143/93, EU:C:1996:45, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14 –      Ara s-sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punti 98 sa 112.


16 –      Dwar din il-kwistjoni, ara iktar ’il quddiem, punti 70 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17 –      Ara l-punt 107 tas-sentenza appellata.


18 –      Ara l-punti 106 u 109 tas-sentenza appellata.


19 –      Ara l-punti 115 sa 117 tas-sentenza appellata.


20 –      Ara, dwar din il-kwistjoni, il-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, punt 121.


21 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


22 –      Ara iktar ’il quddiem, punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Ara iktar ’il quddiem, punti 55 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 –      Ara s-sentenza Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C-37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 –      Ibidem, punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26 –      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jgħid li d-deċiżjoni għandha “tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ [l-informazzjoni] irrid jiġi provduta”. L-Artikolu 20(4) tal-istess regolament jgħid li d-deċiżjoni għandha “tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni [u] taħtar id-data li fiha tibda”.


27 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 35 sa 38).


28 – Punti 67 u 68 tas-sentenza appellata.


29 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, EU:C:1994:408, punt 22.


30 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża SITPA, (C-27/90, EU:C:1990:407, punt 59).


31 –      Ara wkoll il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll is-sentenza Acciaierie e ferriere Lucchini vs Il-Kummissjoni, 1252/79, EU:C:1980:288, punt 14; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Il-Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, EU:C:2004:646, punt 97.


32 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punt 52).


33 – Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, punti 46 u 47.


34 – Bħal Mistoqsija 1D. Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, punt 161.


35 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punti 138 sa 146.


36 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi in HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punti 149 sa 168.


37 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punt 50.


38 – C-247/14 P, punti 52 sa 54.


39 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’SEP vs Il-Kummissjoni, C-36/92 P, EU:C:1993:928, punt 30.


40 – Ara s-sentenza Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41 –      Ara, f’dan is-sens, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 65 u 66.


42 –      T-296/11, EU:T:2014:121, punti 41 sa 56.


43 –      Punt 79 tas-sentenza appellata.


44 –      Ara iktar ’il fuq punti 81 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45 – Ara, is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19; Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punti 27, 50 u 52.


46 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C-94/00, EU:C:2002:603, punti 76 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


47 –      Qiegħed inqis, fost affarijiet oħra, l-għadd ta’ kumpanniji involuti, il-portata ġeografika tal-ksur issuspettat u r-restrizzjonijiet bażiċi inklużi fil-ftehimiet issuspettati.


48 – Punti 98 u 101 tas-sentenza appellata.


49 –      Ara l-punti 2, 6, 7, 8, 9, 13, 14 u 15 tal-Anness III. Għal istruzzjonijiet kumplessi bħal dawn, ara wkoll, fost l-oħrajn, il-Mistoqsija 1A u l-Mistoqsija 2 fl-Anness I.


50 – Ara l-punti 16 u 17 tal-Anness II.


51 –      Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.


52 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punt 120.


53 –      Ara, b’analoġija, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, EU:C:1980:169, punt 21.


54 –      Kif tipproponi li tagħmel, pereżempju, fit-Taqsima 3.4.3 tagħha ta’ Prattika Tajba tagħha għas-sottomissjoni ta’ evidenza ekonomika u l-ġbir ta’ data f’kawżi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 u 102 u f’kawżi ta’ fużjoni (Dokument ta’ ħidma tal-persunal) “meta jkun xieraq u utli”. Dokument ippubblikat fis-sit internet tad-DG Kompetizzjoni, Il-Kummissjoni Ewropea.


55 – Ara, l-konklużjonijiet tiegħi f’Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni, C-267/14 P, punti 120 sa 125.

Top