Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0263

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-28 ta’ Ottubru 2015.
Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Deċiżjoni 2014/198/PESK – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta’ Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija – Għażla tal-bażi legali – Obbligu li l-Parlament Ewropew jiġi informat immedjatament u kompletament f’kull stadju tal-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni f’każ ta’ annullament.
Kawża C-263/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:729

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-28 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑263/14

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK — Operazzjoni ATALANTA — Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija — Trasferiment ta’ pirati ssuspettati u ta’ proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn it-Tanzanija — Għażla tal-bażi legali korretta — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK, Artikolu 37 TUE) — Kooperazzjoni ġudizzjarja u mill-pulizija f’materji kriminali (Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE) — Dritt tal-Parlament Ewropew li jiġi kkonsultat fir-rigward ta’ ‘ftehim [internazzjonali li] jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta’ sigurtà komuni’ [Artikolu 218(6) TFUE] — Informazzjoni immedjata u kompleta lill-Parlament [Artikolu 218(10) TFUE] — Żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni”

I – Introduzzjoni

1.

It-trasferiment ta’ pirata mill-Unjoni Ewropea lill-awtorità Statali tar-Repubblika Magħquda tat-Tanzanija huwa essenzjalment att li jaqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni? Jew tali miżura tista’ daqstant ieħor tiġi kkaratterizzata bħala element tal-kooperazzjoni internazzjonali mill-pulizija u mill-awtoritajiet tal-ordni? Dawn huma, fil-qofol tagħhom, il-kwistjonijiet legali li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika fil-kuntest ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun tista’ tkompli tiżviluppa l-prinċipji li hija stabbilixxiet fil-Kawża C‑658/11 ( 2 ).

2.

Bħalma kien il-każ fil-Kawża C‑658/11, din il-kawża tikkonċerna l-operazzjoni militari li permezz tagħha l-Unjoni Ewropea ilha diġà għal ċertu perijodu ta’ żmien tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-piraterija mal-kosta tas-Somalja permezz tal-forza navali mmexxija minnha. F’ħafna każijiet, il-persuni arrestati mill-bastimenti tal-gwerra tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-proprjetà ssekwestrata minnhom kienu jiġu ttrasferiti lil Stati terzi fir-reġjun ikkonċernat għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali. Sabiex tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati ta’ tali trasferimenti, l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet internazzjonali ma’ dawn l-Istati terzi – fil-Kawża C‑685/11 mal-Mauritius u fil-kawża ineżami mat-Tanzanija.

3.

Fil-kuntest tal-kawża ineżami, il-Parlament Ewropew qiegħed jerġa’ jikkontesta l-għażla tal-bażi legali sostantiva magħmula mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni ta’ tali ftehimiet. Filwaqt li l-Kunsill ibbaża d-Deċiżjoni 2014/198/PESK ( 3 ) tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-ftehim mat-Tanzanija ( 4 )esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), speċifikament fuq l-Artikolu 37 TUE, il-Parlament huwa tal-fehma li kellhom jintużaw ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u mill-pulizija f’materji kriminali, jiġifieri l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE.

4.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan kollu jidher bħala kwistjoni ta’ dettall tekniku li bl-ebda mod ma għandha l-istess interess bħalma għandhom diversi xogħlijiet litterali dwar it-tema tal-pirati ( 5 ). Madankollu, il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża għandha portata politika u saħansitra kostituzzjonali ikbar għaliex tikkonċerna d-delimitazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u d-distinzjoni tagħha fil-konfront ta’ politiki oħra tal-Unjoni ( 6 ). L-għażla tal-bażi legali sostantiva tiddetermina minn qabel u b’mod kunsiderevoli s-setgħat tal-Parlament Ewropew. Jekk jirriżulta li l-ftehim kontenzjuż – kif kien il-każ hawnhekk – għandu jiġi kklassifikat esklużivament bħala li jaqa’ taħt il-PESK u għalhekk seta’ jiġi konkluż fuq il-bażi tal-Artikolu 37 TUE waħdu, f’tali każ il-Parlament, skont l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, ma jkollu ebda dritt li jiġi kkonsultat u lanqas dritt li jinstema’. Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li bħala bażi legali kellhom jintużaw kemm l-Artikolu 37 TUE kif ukoll l-Artikolu 82(1) u (2) TFUE u l-Artikolu 87(2) TFUE, f’tali każ il-ftehim kontenzjuż kien jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament skont l-inċiż (v) tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE. Il-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni Ewropea fil-proċeduri għall-konklużjoni ta’ tali ftehim internazzjonali tiddependi wkoll, b’mod mhux negliġibbli, mill-għażla tal-bażi legali.

5.

B’hekk, it-tilwima dwar l-għażla tal-bażi legali korretta hija wkoll is-suġġett prinċipali ta’ dan ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Parlament kontra l-Kunsill. Barra minn hekk, it-tilwima bejn il-partijiet tikkonċerna wkoll il-portata tal-obbligu tal-Kunsill taħt l-Artikolu 218(10) TFUE li jżomm lill-Parlament informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

II – Il-kuntest ġuridiku

6.

Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa ddefinit mill-Artikolu 216 TFUE u mill-Artikolu 218 TFUE, li t-tnejn li huma jinsabu fit-Titolu V tat-Trattat FUE ddedikat għall-“Ftehim internazzjonali”.

7.

L-Artikolu 216(1) TFUE jiddefinixxi liema huma l-bażijiet legali sostantivi li fuqhom l-Unjoni tista’, minn wara t-Trattat ta’ Lisbona, tikkonkludi ftehimiet internazzjonali:

“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.”

8.

L-Artikolu 218 TFUE jirregola l-proċedura dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u f’dan ir-rigward jipprovdi dan li ġej:

“[...]

(4)   Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’ konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.

(5)   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

(6)   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

a)

wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

v)

ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

F’każ ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta’ żmien għall-approvazzjoni.

b)

wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. [...]

[…]

(10)   Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

[…]”

9.

Barra minn hekk, minn aspett ta’ sostanza legali, huwa rilevanti wkoll l-Artikolu 37 TUE li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”, tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE dwar il-“politika estera u ta’ sigurtà komuni”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ Stat wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’oqsma koperti minn dan il-Kapitolu.”

10.

Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE, li jinsabu fit-Titolu V tat-Trattat FUE dwar “L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

11.

L-Artikolu 82 TFUE jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw “miżuri” li, b’mod partikolari:

“jappoġġaw it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju” [punt (ċ)] u

“jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet” [punt (d)].

12.

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE jawtorizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw direttivi li jistabbilixxu ċerti regoli minimi fir-rigward ta’ proċeduri kriminali u, b’mod partikolari, dwar:

l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri [punt (a)] u

id-drittijiet tal-individwi fil-proċeduri kriminali [punt (b)].

13.

L-Artikolu 87 TFUE jikkonċerna l-kooperazzjoni mill-pulizija. Skont l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u bil-għan li tiġi stabbilita din il-kooperazzjoni, jistabbilixxu miżuri dwar il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti.

III – Il-fatti li wasslu għat-tilwima

14.

Fid-dawl taż-żieda kontinwa fil-każijiet ta’ piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja, lejn l-aħħar tal-2008 l-Kunsill adotta, fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, Azzjoni Konġunta ( 7 ) li permezz tagħha nbdiet operazzjoni militari konġunta msejħa “Operazzjoni ATALANTA”. L-għan ta’ din l-operazzjoni kien li titwaqqaf forza navali mmexxija mill-Unjoni (EUNAVFOR) għall-protezzjoni tal-bastimenti li jkunu qegħdin ibaħħru lil hinn mill-kosta tas-Somalja kif ukoll għad-deterrent, għall-prevenzjoni u għat-trażżin ta’ atti ta’ piraterija u ta’ każijiet ta’ serq bl-użu tal-armi lil hinn minn din il-kosta.

15.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta, li dak iż-żmien kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 14 UE, 25(3) UE u 28(3) UE ( 8 ), permezz ta’ din l-operazzjoni militari l-Unjoni kellha l-intenzjoni li ssostni l-għanijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjonijiet 1814, 1816, 1838, 1846 u 1851 tas-sena 2008 adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li tirreferi wkoll għall-Artikoli 100 et seq. tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ( 9 ).

16.

Skont l-Artikolu 2(e) tal-Azzjoni Konġunta, il-mandat tal-EUNAVFOR jinkludi, b’mod partikolari, li “taqbad, iżżomm u tittrasferixxi persuni suspetatti li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi”, kif ukoll li “taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn il-pirati jew ħallelin armati, kif ukoll il-proprjetà li tinsab abbord”, u dan “fid-dawl tal-prosekuzzjonijiet li qed isiru potenzjalment mill-Istati rilevanti”.

17.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta, l-“arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni minn Stati terzi” fl-attivitajiet tal-EUNAVFOR “għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 [TUE]”. L-Artikolu 10(6) tal-Azzjoni Konġunta jkompli billi jipprovdi li:

“Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

18.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-trasferiment mill-EUNAVFOR tal-persuni arrestati lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lil Stati terzi, fil-każ li l-Istat Membru jew l-Istat terz, li taħt il-bandiera tiegħu jkun qiegħed ibaħħar il-bastiment kkonċernat tal-EUNAVFOR, ma jkunx jista’ jew ma jkunx jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu. L-għan ta’ dan huwa li l-prosekuzzjoni kriminali tkun tissodisfa ċerti standards minimi. Skont l-Artikolu 12(3) tal-Azzjoni Konġunta, sabiex persuni jiġu ttrasferiti lil Stat terz huwa meħtieġ li l-“kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi b’mod partikolari li ħadd ma għandu jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti”.

19.

Kien f’dan il-kuntest li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà nnegozjat, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-22 ta’ Marzu 2010, il-ftehim kontenzjuż mat-Tanzanija dwar il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati kif ukoll ta’ proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn it-Tanzanija ( 10 ).

20.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq l-Artikolu 37 TUE bħala l-uniku bażi legali sostantiva kif ukoll fuq l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE bħala bażi legali formali ( 11 ), il-Kunsill approva dan il-ftehim f’isem l-Unjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament u mingħajr ma kkonsulta miegħu, u awtorizza l-konklużjoni tiegħu. Sussegwentement, il-ftehim ġie ffirmat fl-1 ta’ April 2014.

21.

Il-Parlament jargumenta li bħala bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni kkontestata kellhom jintużaw ukoll, minbarra l-Artikolu 37 TUE, l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE, b’tali mod li din id-deċiżjoni kienet teħtieġ, skont l-inċiż (v) tal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) TFUE, l-approvazzjoni tiegħu.

22.

Fir-rigward tal-informazzjoni lill-Parlament, fit-22 ta’ Marzu 2010 il-Kunsill kien informah, permezz ta’ ittra, dwar l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fir-rigward tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq ftehim skont l-Artikolu 37 TUE. Il-Kunsill ma pprovda ebda indikazzjoni ulterjuri lill-Parlament dwar l-iżviluppi fin-negozjati. Kien biss wara li ntemmet il-proċedura li l-Kunsill informa lill-Parlament, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, li kien approva l-ftehim kontenzjuż u li kien awtorizza l-konklużjoni tiegħu, mingħajr madankollu ma kkomunika lill-Parlament it-test tad-deċiżjoni kkontestata u t-test tal-ftehim kontenzjuż. Kien biss bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ftehim kontenzjuż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-11 ta’ April 2014, li l-Parlament seta’ jieħu konoxxenza tal-kontenut tagħhom.

23.

Fil-fehma tal-Parlament, b’dan il-mod il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 218(10) TFUE li jżommu informat immedjatament u kompletament.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24.

Permezz ta’ att ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2014, il-Parlament ippreżenta dan ir-rikors għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

25.

Skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-interventi tal-Kummissjoni Ewropea, insostenn tal-Parlament, kif ukoll l-interventi tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tal-Isvezja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, insostenn tal-Kunsill.

26.

Il-Parlament, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014,

tordna li din id-deċiżjoni għandha tibqa’ tapplika sakemm tiġi ssostitwita, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti insostenn tiegħu, jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat. Barra minn hekk, il-Kunsill, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, jitlob li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

28.

Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm fis-seħħ l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni

jew sakemm tiġi ssostitwita, fil-każ li l-annullament ikun ibbażat fuq il-konstatazzjoni li l-għażla tal-bażi legali kienet żbaljata, fis-sens tal-ewwel motiv,

jew b’mod indefinit, fil-każ li l-annullament ikun ibbażat biss fuq il-konstatazzjoni li l-informazzjoni mogħtija lill-Parlament ma kinitx suffiċjenti, fis-sens tat-tieni motiv.

29.

Ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit ukoll jitolbu espliċitament ( 12 ) li, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, jinżammu l-effetti legali tagħha, fejn ir-Repubblika Ċeka tindika sempliċement li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża s-setgħa tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE filwaqt li r-Renju Unit jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika l-istess soluzzjoni bħalma tat fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑658/11.

30.

Fir-rigward tar-rikors tal-Parlament ġew ippreżentati, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, osservazzjonijiet bil-miktub ( 13 ) u, fit-22 ta’ Settembru 2015, sottomissjonijiet orali.

V – Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim kontenzjuż

31.

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-ftehim kontenzjuż jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għat-trasferiment lejn it-Tanzanija tal-pirati ssuspettati arrestati mill-EUNAVFOR kif ukoll tal-proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR, kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-trattament tal-persuni kkonċernati wara t-trasferiment tagħhom.

32.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-ftehim kontenzjuż tipprovdi li t-Tanzanija għandha tiddeċiedi, każ b’każ, jekk hijiex ser taċċetta trasferiment propost mill-EUNAVFOR, wara li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż il-post tal-inċident.

33.

Skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 4(1) tal-ftehim kontenzjuż, il-Partijiet Kontraenti għandhom jittrattaw lill-persuni kkonċernati, kemm qabel u kemm wara t-trasferiment, b’mod uman u konformement mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem – inkluża l-projbizzjoni kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti u l-projbizzjoni kontra d-detenzjoni illegali – kif ukoll b’rispett tad-dritt għal smigħ xieraq. Barra minn hekk, mit-tieni parti tal-Artikolu 4(1) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-persuni ttrasferiti għandhom jirċievu akkomodazzjoni u ikel raġonevoli kif ukoll aċċess għal kura medika, u għandhom ikunu jistgħu jwettqu osservanza reliġjuża.

34.

Il-persuni ttrasferiti jibbenefikaw minn drittijiet addizzjonali taħt l-Artikolu 4(2) sa (7) tal-ftehim kontenzjuż, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll għal sentenza fi żmien raġonevoli jew għal rilaxx.

35.

Mill-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim jirriżulta li ebda waħda mill-persuni ttrasferiti ma għandha tkun iġġudikata għal reat li jġorr piena iktar ħarxa mis-sentenza ta’ għomor il-ħabs.

36.

L-Artikolu 6 tal-imsemmi ftehim jirregola l-obbligi f’termini ta’ dokumentazzjoni li għandha tissodisfa l-EUNAVFOR fir-rigward tal-persuni u tal-proprjetà kkonċernata u kif din id-dokumentazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet tat-Tanzanija.

37.

L-Artikolu 7 tal-ftehim kontenzjuż jikkonċerna l-obbligu tal-Unjoni u tal-EUNAVFOR li jiffaċilitaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni permezz tas-sistema ġudizzjarja tat-Tanzanija.

38.

Fl-aħħar nett, għandu jissemma wkoll il-preambolu ta’ dan il-ftehim, fejn isir riferiment espliċitu għall-Azzjoni Konġunta. Il-preambolu jiċċita wkoll diversi strumenti tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

VI – Analiżi legali

39.

Ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Parlament huwa bbażat fuq żewġ motivi, fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna l-għażla tal-bażi legali korretta għad-deċiżjoni kkontestata (ara l-Parti B iktar ’il quddiem), filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna l-obbligu tal-Kunsill li jżomm lill-Parlament informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali (ara l-Parti C iktar ’il quddiem).

40.

Qabel nevalwa l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ motivi, ser nindirizza fil-qosor il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proċedura ineżami (ara l-Parti A, hawn taħt).

A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41.

Bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkopri, minn wara t-Trattat ta’ Lisbona, l-oqsma kollha koperti mid-dritt tal-Unjoni, u f’dan il-kuntest il-qrati tal-Unjoni huma meħtieġa jinterpretaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE].

42.

B’deroga minn dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK u lanqas fir-rigward tal-atti legali adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet [ara is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE]. Madankollu, min-naħa tiegħu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jagħmel eċċezzjoni f’dan ir-rigward sa fejn jipprovdi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE.

43.

Hija preċiżament din l-eċċezzjoni tal-aħħar li sservi ta’ bażi għall-ewwel motiv tal-Parlament li jikkonċerna l-għażla tal-bażi legali korretta. Għalkemm, sfortunatament, il-Parlament fl-ebda parti tar-rikors tiegħu ma jirreferi espliċitament għall-Artikolu 40 TUE, il-kontenut tal-ewwel motiv jirreferi b’mod ċar għall-problema rregolata f’dan l-artikolu, jiġifieri d-delimitazzjoni bejn, minn naħa, il-PESK u, min-naħa l-oħra, l-oqsma politiki mħaddna “fuq il-livell Komunitarju”. Jekk jirriżulta li l-Kunsill, kif qiegħed isostni l-Parlament, aġixxa b’mod żbaljat meta bbaża d-deċiżjoni kkontestata esklużivament fuq il-PESK, minflok ma uża wkoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u mill-pulizija f’materji kriminali, huwa jkun b’hekk ippreġudika s-setgħat tal-istituzzjonijiet l-oħra dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, sitwazzjoni din li hija pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 TUE u li tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

44.

Fir-rigward tat-tieni motiv tal-Parlament, dan huwa bbażat fuq l-obbligu ġenerali ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 218(10) TFUE, jiġifieri fuq dispożizzjoni li – kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-Kawża C‑658/11 ( 14 ) – bħala tali ma hijiex waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-PESK li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE iżda hija dispożizzjoni li tapplika, irrispettivament mill-qasam ikkonċernat, fil-proċeduri kollha tal-Unjoni li jwasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Dan ifisser li din id-dispożizzjoni ma hijiex koperta mil-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-PESK li tirriżulta mis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

45.

F’din il-kawża, ir-Repubblika Ċeka qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza C‑658/11 u, jekk ikun il-każ, tikkwalifikaha.

46.

Madankollu, għall-kuntrarju tal-fehma tar-Repubblika Ċeka, mis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE bl-ebda mod ma jista’ jiġi konkluż li, fil-każ ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 218(10) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ġurisdizzjoni limitata fis-sens li tista’ biss tikkonstata ksur tal-obbligu li l-Parlament jinżamm informat, mingħajr ma tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja jew ikollha jew ma jkollhiex ġurisdizzjoni. Derogi mill-ġurisdizzjoni tagħha għandhom jirriżultaw minn dispożizzjoni speċifika u għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. La s-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u lanqas l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jirrikonoxxu varjazzjonijiet fil-portata tas-setgħat tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tat-trattament ta’ rikorsi għal annullament bbażati fuq l-Artikolu 40 TUE jew fuq l-Artikolu 218(10) TFUE ( 15 ).

48.

Barra minn hekk, l-għoti ta’ sentenza dikjaratorja, kif jidher li qiegħda titlob ir-Repubblika Ċeka, ikun inkompatibbli man-natura tar-rikors għal annullament. Tali sentenza tkun kuntrarja għall-Artikolu 264 TFUE, li jirregola l-effetti legali ta’ rikors għal annullament li jkollu eżitu pożittiv u li jindika li tali rikors iwassal għal annullament. La fis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u lanqas fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jistgħu jiġu identifikati elementi li jippermettu deroga mill-Artikolu 264 TFUE.

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tar-rikors ineżami, li tinkludi l-possibbiltà li tannulla d-deċiżjoni kkontestata ( 16 ).

B – Fuq l-għażla tal-bażi legali korretta (l-ewwel motiv)

50.

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, li jirrappreżenta l-qofol ta’ din il-proċedura, il-Parlament jikkontesta l-bażi legali magħżula mill-Kunsill għad-deċiżjoni kkontestata.

51.

Il-Parlament isostni li l-Kunsill wettaq żball legali meta bbaża d-deċiżjoni kkontestata esklużivament fuq il-PESK, jiġifieri fuq l-Artikolu 37 TUE. Skont il-Parlament, l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE, jiġifieri żewġ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija, kellhom jintużaw bħala bażi legali addizzjonali. B’hekk, fl-aħħar mill-aħħar il-Parlament qiegħed isostni li kellha tintuża bażi legali sostantiva doppja, li tgħaqqad is-setgħat tal-PESK ma’ dawk tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-każ li tali kombinazzjoni ta’ bażijiet legali ta’ dawn iż-żewġ oqsma ma tkunx possibbli, minħabba li l-proċeduri rilevanti ma jkunux kompatibbli ma’ xulxin, il-Parlament iqis – kif ikkjarifika matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali – li f’tali każ ikunu rilevanti biss l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE ( 17 ).

Kumment preliminari

52.

Fil-ġurisprudenza diġà ġie ċċarat li att tad-dritt tal-Unjoni – inkluż id-deċiżjoni li tapprova ftehim internazzjonali ( 18 ) – jista’ jiġi bbażat fuq bażi legali sostantiva doppja. Fil-fatt, tali bażi legali sostantiva doppja hija dejjem meħtieġa meta jirriżulta li l-att legali kkonċernat ikollu simultanjament diversi għanijiet jew ikun jinkludi diversi komponenti li jkunu marbuta flimkien b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati, mingħajr ma wieħed minnhom ma jkun aċċessorju fil-konfront tal-ieħor, b’tali mod li d-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat ikunu applikabbli bl-istess mod ( 19 ).

53.

Għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kunsill u tal-intervenjenti insostenn tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma eskludiet il-possibbiltà ta’ tali bażi legali doppja f’każ bħal dak ineżami. B’mod partikolari, is-sentenza fil-Kawża C‑658/11 ma tipprovdi ebda soluzzjoni a priori f’dan ir-rigward.

54.

Huwa minnu li dik is-sentenza kienet tikkonċerna ftehim internazzjonali – il-ftehim mal-Mauritius – li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment paragunabbli mal-kontenut tal-ftehim kontenzjuż f’din il-kawża. Madankollu, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni konklużiva fir-rigward tal-kwistjoni tal-bażijiet legali sostantivi applikabbli peress li f’dik il-kawża – b’differenza mill-kawża ineżami, il-Parlament, bħala r-rikorrent, ma kienx qajjem il-kwistjoni tal-applikabbiltà esklużiva tal-Artikolu 37 TUE u anki rrikonoxxa li l-approvazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Mauritius setgħet “validament tiġi bbażata biss fuq l-Artikolu 37 TUE bl-esklużjoni ta’ kull bażi legali materjali oħra” ( 20 ). Għaldaqstant, fil-Kawża C‑658/11, fuq il-bażi tal-ilmenti mressqa f’dik il-kawża mill-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni proċedurali speċjali prevista fl-ewwel parti tas-sentenza li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.

55.

Anki jekk wieħed iqis, bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-intervenjenti insostenn tiegħu, li fil-Kawża C‑658/11 il-Qorti tal-Ġustizzja kienet minn tal-inqas iddeċidiet ukoll b’mod impliċitu l-kwistjoni tal-bażijiet legali sostantivi applikabbli ( 21 ), dan xorta waħda ma jippermettix, fil-kawża ineżami, evalwazzjoni konklużiva tal-ilmenti mressqa mill-Parlament. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-evalwazzjoni tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata f’kawża ineżami hija irrilevanti l-kwistjoni ta’ liema bażi legali kienet ġiet invokata għall-adozzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jista’ jkollu, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili ( 22 ).

56.

Għaldaqstant, f’din il-kawża ineżami, l-għażla tal-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni kkontestata – inkluża l-possibbiltà li din id-deċiżjoni tkun eventwalment ibbażata fuq bażi legali doppja – għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni speċifika għaliha.

57.

Bl-ebda mod ma huwa eskluż li, fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, jintużaw bażijiet legali oħra għajr il-PESK, kif qegħdin isostnu f’din il-kawża l-Parlament u l-Kummissjoni. F’dan is-sens, l-Artikolu 21(3) TUE jirrikonoxxi espliċitament li, minbarra l-PESK, anki l-politiki l-oħra tal-Unjoni jista’ jkollhom “aspetti esterni”. Għaldaqstant, huwa bħala prinċipju perfettament possibbli li l-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali tal-Unjoni tkun ibbażata fuq kompetenzi li jikkonċernaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jew li din l-approvazzjoni tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva doppja permezz tal-inklużjoni ta’ tali kompetenzi.

58.

Dan ma huwiex prekluż mill-fatt li, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – b’mod partikolari fiż-żewġ kapitoli, li huma inkwistjoni hawnhekk, tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija – wieħed ma jsibx dispożizzjonijiet li jawtorizzaw espliċitament azzjoni esterna ( 23 ). Kif huwa magħruf, f’ċerti ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiksbu wkoll kompetenzi esterni impliċiti. Inizjalment, tali kompetenzi kienu misulta mill-kompetenzi eżistenti fir-rigward tal-azzjoni interna, konformement mal-hekk imsejħa duttrina AETR ( 24 ). Illum il-ġurnata, tali kompetenzi esterni huma saħansitra rrikonoxxuti b’mod espliċitu fit-Trattati permezz tal-Artikolu 216(1) TFUE. B’hekk, fil-każ li llum il-ġurnata jkun meħtieġ li tiġi invokata d-duttrina AETR, l-att legali tal-Unjoni kkonċernat għandu għaldaqstant jirreferi espliċitament għall-Artikolu 216(1) TFUE ( 25 ).

59.

L-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk fil-kawża ineżami kienx meħtieġ li jiġu invokati wkoll il-bażijiet legali tal-oqsma dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (Artikolu 82 TFUE) u dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija (Artikolu 87 TFUE), għandha tiffoka, skont ġurisprudenza stabbilita, fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ( 26 ), kif ukoll il-kuntest ta’ din id-deċiżjoni ( 27 ).

Assenza ta’ rabta raġonevoli mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

60.

Meta jitqies il-kontenut waħdu tal-ftehim kontenzjuż, wieħed ikollu jaqbel mal-Parlament u mal-Kummissjoni li dan jinkludi diversi regoli li huma tipiċi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali f’materji kriminali u ta’ kooperazzjoni transkonfinali mill-pulizija. Dan il-ftehim jikkonċerna t-trasferiment ta’ persuni u ta’ proprjetà għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ( 28 ) kif ukoll id-dritt tal-persuni kkonċernati għal trattament uman u konformi mal-liġi ( 29 ). Barra minn hekk, il-ftehim kontenzjuż jirregola l-obbligi li għandhom l-Unjoni u l-EUNAVFOR f’termini ta’ dokumentazzjoni u ta’ notifika ( 30 ) kif ukoll il-mod kif dawn għandhom jassistu lill-awtoritajiet kompetenti tat-Tanzanija fir-rigward tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni tal-persuni ttrasferiti ( 31 ).

61.

Minn din il-perspettiva, il-kontenut tal-ftehim kontenzjuż għandu ċertament ċerta affinità mas-suġġetti li huma rregolati fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali [il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE), fir-rigward tal-ġabra, tal-ħażna, tal-ipproċessar, tal-analiżi u tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti [Artikolu 87(2)(a) TFUE], fir-rigward tal-ammissibbiltà reċiproka tal-provi [il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE], fir-rigward tad-drittijiet tal-individwi fil-proċeduri kriminali [il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE] kif ukoll fir-rigward tat-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti [il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE].

62.

Madankollu, din l-affinità f’termini ta’ kontenut ma tistax isservi, waħedha, bħala bażi għall-konklużjoni li f’dan il-każ l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE kellhom neċessarjament jintużaw bħala bażijiet legali sostantivi għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma humiex neċessarjament is-sedes materiae f’kull każ fejn ikollhom jiġu adottati miżuri li jkunu b’xi mod marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew mal-kooperazzjoni mill-pulizija ( 32 ).

63.

Kif isostnu ġustament il-Kunsill u r-Renju tal-Isvezja, il-punt determinanti huwa li d-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE jikkonċernaw biss il-kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni. Minn naħa, dan jirriżulta diġà minn qari tal-kliem taż-żewġ dispożizzjonijiet ( 33 ) u, min-naħa l-oħra, dan jirriżulta wkoll mill-kunċett tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jistabbilixxu: hija l-Unjoni li toffri liċ-ċittadini tagħha tali spazju u hija l-Unjoni li għandha tistabbilixxi dan l-ispazju [Artikolu 67(1) TFUE], b’enfażi fuq spazju mingħajr fruntieri interni [Artikolu 3(2) TUE u Artikolu 67(2) TFUE].

64.

Mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata – jew b’mod iktar preċiż il-ftehim kontenzjuż li huwa approvat permezz ta’ din id-deċiżjoni – ma tirregolax il-kooperazzjoni ġudizzjarja jew mill-pulizija fi ħdan l-Unjoni. Din id-deċiżjoni lanqas ma tolqot jew tibdel dan il-qasam fis-sens tal-aħħar varjant previst fl-Artikolu 216(1) TFUE. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Parlament u l-Kummissjoni, il-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ reati internazzjonali bħalma hija l-piraterija bl-ebda mod ma hija milquta mill-ftehim kontenzjuż. Dan il-ftehim jikkonċerna esklużivament il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-Tanzanija, Stat terz, u dan biss fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jwettqux il-prosekuzzjoni kriminali huma stess ( 34 ).

65.

Huwa minnu li jista’ jkun hemm każijiet fejn il-kooperazzjoni ma’ Stat terz tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni [ara t-tieni varjant previst fl-Artikolu 216(1) TFUE] u b’hekk dan l-ispazju jikseb litteralment “dimensjoni esterna”. F’dan is-sens wieħed jaħseb fil-parteċipazzjoni min-Norveġja, mill-Iżlanda, minn Liechtenstein u mill-Isvezja fl-ispazju Schengen jew fil-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-parteċipazzjoni ta’ xi wħud minn dawn l-Istati f’aspetti speċifiċi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Madankollu, fil-każ ta’ kooperazzjoni bħal dik mat-Tanzanija, li l-bażi legali għaliha ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata u fil-ftehim kontenzjuż, ma jistgħux jiġu identifikati tali konsegwenzi tal-azzjoni esterna fuq qasam li huwa intern għall-Unjoni.

66.

L-imsemmija kooperazzjoni mat-Tanzanija ser twassal biss sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali lil hinn mit-territorju tal-Unjoni: il-fatt li pirati ssuspettati jkunu effettivament is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali rregolata minn prinċipji tal-istat ta’ dritt jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-ġlieda effettiva u sostenibbli kontra l-piraterija fl-ibħra internazzjonali u b’hekk għat-titjib fis-sitwazzjoni ta’ sigurtà ġenerali mad-dinja kollha.

67.

Għall-kuntrarju, ma jidhirx li hemm konnessjoni speċifika mas-sigurtà fi ħdan l-Unjoni jew mas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tagħha. Jekk jista’ jingħad li hemm tali konnessjoni, din hija biss ta’ natura indiretta ħafna. Fil-fatt, il-kooperazzjoni mat-Tanzanija ma tikkonċernax il-ġlieda kontra l-piraterija u l-prosekuzzjoni kriminali tagħha mal-kosta tal-Ewropa iżda l-piraterija ferm il-bogħod mill-kosta Ewropea, speċifikament mal-Qarn tal-Afrika, lil hinn mill-kosta tas-Somalja.

68.

Lanqas ma tista’ tiġi dedotta dimensjoni interna għall-Unjoni mis-sempliċi fatt li l-pirati ssuspettati, li jkunu ser jiġu ttrasferiti mill-EUNAVFOR lill-awtoritajiet tat-Tanzanija, ikunu jinsabu temporanjament abbord il-bastimenti tal-gwerra tal-Istati Membri tal-Unjoni u jkunu miżmuma arrestati fuqhom. Għalkemm il-persuni kkonċernati b’hekk ikunu temporanjament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u għalhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-garanziji offruti mid-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 35 ), dan xorta waħda ma jfissirx li dawn ikunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

69.

Barra minn hekk, għall-istess raġuni l-każ ineżami lanqas ma jista’ jitqies li huwa ekwivalenti għas-sitwazzjoni ta’ ftehim dwar ritorn fis-sens tal-Artikolu 79(3) TFUE. Fil-fatt, b’differenza mill-każ ineżami, tali sitwazzjoni tikkonċerna t-trasferiment, lejn Stat terz, ta’ persuni li jkunu jinsabu fi ħdan it-territorju tal-Unjoni b’mod illegali.

Il-PESK bħala l-bażi tal-ftehim kontenzjuż

70.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kooperazzjoni mat-Tanzjanija taqa’ f’kuntest li ġenwinament jikkonċerna l-politika estera u ta’ sigurtà. Din hija “missjoni barra mill-Unjoni” intiża “sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”, li l-implementazzjoni tagħha ġiet stabbilita bħala għan tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK, b’mod iktar preċiż fil-kuntest tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tagħha [it-tieni sentenza tal-Artikolu 42(1) TUE u Artikolu 43(1) TUE].

71.

Kif jirriżulta mill-preambolu tal-ftehim kontenzjuż u mill-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-ftehim huwa intiż li jimplementa diversi Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u jiddefinixxi l-kundizzjonijiet legali għall-attività tal-EUNAVFOR fil-kuntest tal-“Operazzjoni ATALANTA” ( 36 ), li hija azzjoni militari konġunta li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiva tal-PESK.

72.

Il-fatt li l-ftehim kontenzjuż jipprevedi wkoll, bħala qafas ġenerali għall-kooperazzjoni mat-Tanzanija, trattament uman tal-persuni arrestati kif ukoll prinċipji speċifiċi tal-istat tad-dritt, bl-ebda mod ma jipprekludi li dan il-ftehim ikun ibbażat fuq il-PESK. Fil-fatt, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma, b’mod ġenerali, prinċipji li jirregolaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, u għandhom jiġu osservati u implementati wkoll fil-kuntest tal-PESK [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) TUE, il-punt (b) tal-Artikolu 21(2) TUE u l-Artikolu 21(3) TUE] ( 37 ).

73.

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill seta’ legalment jibbaża ruħu fuq il-PESK, b’mod iktar speċifiku fuq l-Artikolu 37 TUE, bħala l-unika bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata ( 38 ). Għalhekk, l-ewwel motiv imressaq mill-Parlament huwa infondat.

C – Fuq l-informazzjoni lill-Parlament (it-tieni motiv)

74.

Permezz tat-tieni motiv qiegħed jiġi sostnut li, bi ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE, il-Parlament ma nżammx informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għall-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż.

75.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 218(10) TFUE japplika għall-ftehimiet internazzjonali kollha tal-Unjoni, u għalhekk japplika wkoll għal dawk il-ftehimiet – bħal dak li huwa inkwistjoni f’din il-kawża – li jikkonċernaw esklużivament il-PESK ( 39 ). Madankollu, il-kwistjoni hawnhekk hija iktar kontroversjali u tikkonċerna l-portata tal-obbligu tal-Kunsill taħt din id-dispożizzjoni fil-konfront tal-Parlament.

Kummenti ġenerali

76.

Il-formulazzjoni użata fl-Artikolu 218(10) TFUE tindika li l-Kunsill għandu obbligu b’portata wiesgħa ħafna: il-Parlament għandu jinżamm informat “immedjatament”, “kompletament” u “fl-istadji kollha tal-proċedura”. Dan huwa riflessjoni ta’ prinċipju demokratiku fundamentali, li għandu jiġi applikat għal kull proċess deċiżjonali fil-livell tal-Unjoni ( 40 ) (ara l-Artikolu 2 TUE), u dan anki fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà.

77.

Għall-kuntrarju tal-Avukat Ġenerali Bot ( 41 ) u ta’ wħud mill-partijiet f’din il-kawża, jiena mhux konvint mill-fehma li għall-informazzjoni lill-Parlament skont l-Artikolu 218(10) TFUE għandhom jiġu applikati kundizzjonijiet li s-severità tagħhom tvarja skont jekk, taħt l-Artikolu 218(6) TFUE, il-Parlament għandux japprova ftehim internazzjonali, għandux jiġi kkonsultat jew – bħalma huwa l-każ hawnhekk – ma jkollu ebda dritt ta’ involviment fir-rigward tal-ftehim.

78.

Il-kontroll demokratiku ma huwiex limitat għall-eżerċizzju ta’ dritt formali ta’ involviment, u l-informazzjoni lill-Parlament ma sservix biss sabiex il-Parlament ikun jista’ jeżerċita tali dritt ta’ involviment. Ferm iktar minn hekk, it-trasparenza li tirriżulta mill-fatt li l-Parlament jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura hija fiha nfisha element tal-kontroll demokratiku li ma jistax jiġi injorat u għalhekk hija importanti fiha nfisha.

79.

Din it-trasparenza tirriżulta mill-prinċipju ferm fundamentali li d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun b’mod miftuħ u qrib iċ-ċittadin (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE). Din it-trasparenza tikkontribwixxi sabiex l-atturi kollha li jipparteċipaw fl-azzjoni esterna tal-Unjoni jaġixxu b’mod responsabbli. Barra minn hekk, din it-trasparenza tiżgura li r-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom l-opportunità li, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jiddibattu pubblikament l-elementi tal-politika estera li jkunu ta’ interess Ewropew ġenerali kif ukoll li jsegwu b’mod kritiku, billi jieħdu pożizzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess, il-proċedura kollha li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ( 42 ). B’dan il-mod, dawn ir-rappreżentanti eletti jkunu jistgħu wkoll, b’mod kompletament leġittimu, jipprovaw jinfluwenzaw il-kontenut tal-ftehim maħsub, u dan anki meta l-ftehim ikkonċernat ikun jista’ formalment jitqies li huwa konkluż mingħajr il-kunsens jew il-konsultazzjoni tagħhom. Diversi eżempji kontroversjali fil-passat reċenti juru b’mod evidenti kemm huwa importanti l-kontroll demokratiku fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u kemm huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-Parlament ikun informat b’mod adegwat ( 43 ).

80.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(10) TFUE ma tistax titqies li hija “tkabbir tar-rwol tal-Parlament Ewropew” inkompatibbli mad-Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni ( 44 ). Fil-fatt, l-istess prinċipji fundamentali ta’ kontroll demokratiku u ta’ trasparenza, li l-Artikolu 218(10) TFUE jikkostitwixxi biss l-espressjoni tagħhom, kienu diġà rrikonoxxuti fis-sistema tat-Trattati Ewropej fir-rigward tal-politiki kollha – inkluż fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni – sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ( 45 ).

81.

Barra minn hekk, hija primarjament l-informazzjoni immedjata u kompleta fl-istadji kollha tal-proċedura, prevista fl-Artikolu 218(10) TFUE, li tiżgura li l-Parlament ikun jista’ jevalwa b’mod kritiku l-għażla magħmula mill-Kunsill fir-rigward tal-bażijiet legali – formali u sostantivi – u jkun jista’ jressaq, jekk ikun il-każ, il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward ( 46 ). Huwa biss jekk ikollu informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett u dwar l-istadju li fih ikunu waslu n-negozjati dwar ftehim internazzjonali maħsub li l-Parlament ikun jista’ jifforma, fi żmien opportun, stampa ċara tal-għażla tal-bażi legali korretta u jiddefendi b’mod effettiv id-drittijiet ta’ involviment li jista’ jkollu. Inqas ma l-Kunsill ma jżomm lill-Parlament informat, iktar il-Kunsill ikollu rajh f’idejh fejn tidħol id-determinazzjoni tal-bażi legali li l-iktar tkun konvenjenti għalih, mingħajr wisq oppożizzjoni politika.

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat issa jekk f’dan il-każ il-Parlament kienx inżamm informat kif jeħtieġ l-Artikolu 218(10) TFUE, jiġifieri fl-istadji kollha tal-proċedura, kompletament u immedjatament.

L-obbligu li l-Parlament jinżamm informat fl-istadji kollha tal-proċedura

83.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-obbligu li l-Parlament jinżamm informat fl-istadji kollha tal-proċedura, dan jinkludi mingħajr ebda dubju informazzjoni dwar il-ftuħ u dwar il-konklużjoni tal-proċedura. Sa dan il-punt il-Kunsill issodisfa l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 218(10) TFUE sa fejn, minn naħa, informa lill-Parlament, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, dwar il-fatt li kien maħsub li jinbdew negozjati mat-Tanzanija u, min-naħa l-oħra, informah, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, dwar l-approvazzjoni tal-ftehim li kien ġie nnegozjat.

84.

Madankollu, din l-informazzjoni bl-ebda mod ma eżawriet l-obbligu tal-Kunsill fil-konfront tal-Parlament. Kif jirriżulta diġà b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 218(10) TFUE, li jirreferi għall-“istadji kollha tal-proċedura”, il-Parlament ma għandux jinżamm informat biss dwar il-bidu u t-tmiem tal-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali iżda għandu jinżamm informat ukoll – b’ċertu regolarità – matul l-iżvolġiment tal-proċedura dwar l-istadju li fih tkun waslet. Saħansitra l-Kunsill stess irrikonoxxa dan, bħala prinċipju, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

85.

Huwa minnu li f’dan ir-rigward l-informazzjoni lill-Parlament skont l-Artikolu 218(10) TFUE tista’ ma tkunx tal-istess kwalità u intensità bħal fil-każ ta’ kumitat speċjali li “f’konsultazzjoni” miegħu għandhom jitwettqu n-negozjati kollha min-negozjatur tal-Unjoni ma’ Stat terz. Lanqas ma huwa meħtieġ li l-Parlament jingħata informazzjoni dwar il-ħidma esklużivament preparatorja fi ħdan l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, pereżempju dwar id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill jew fil-Kumitat ta’ Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri.

86.

Madankollu, b’differenza minn dak li jsostni l-Kunsill, l-informazzjoni lill-Parlament ma tistax tkun limitata għal dawk l-istadji tal-proċedura li fihom il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet formali – jiġifieri l-għoti ta’ mandat għan-negozjati u l-adozzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati għan-negozjatur. Barra minn hekk, il-Parlament ma għandux jiġi informat biss dwar ir-riżultati intermedjarji milħuqa u dwar progress sinjifikattiv fin-negozjati, iżda għandu jiġi informat ukoll dwar diffikultajiet sinjifikattivi li jistgħu jirriżultaw matul in-negozjati. Għaldaqstant, l-informazzjoni – fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u jekk ikun il-każ suġġetta għal arranġamenti adegwati li jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni sensittiva – għandha titwettaq b’tali mod li tippermetti lill-Parlament jeżerċita b’mod effettiv il-funzjoni ta’ kontroll tiegħu.

87.

Hija biss tali informazzjoni kontinwa li tippermetti lill-Parlament iwettaq il-funzjoni ta’ kontroll demokratiku tiegħu filwaqt li jiżgura li l-bażi legali inizjalment magħżula mill-Kunsill tkun għadha dik applikabbli. Finalment, din il-funzjoni tal-Parlament għandha tingħata sinjifikat speċjali fil-kuntest tal-PESK minħabba li f’dan il-kuntest l-istħarriġ ġudizzjarju huwa – kif diġà spjegat – ferm limitat [is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE flimkien mal-Artikolu 275 TFUE]. Fil-każ li jkun biss fl-aħħar tal-proċedura, fuq il-bażi ta’ ftehim internazzjonali li jkun diġà ġie kompletament innegozjat jew li jkun diġà ġie approvat, li l-Parlament ikun jista’ jeżerċita għall-ewwel darba r-rwol tiegħu, il-kontroll demokratiku tiegħu jkun ferm inqas effettiv.

88.

Fil-każ ineżami l-Parlament ma ngħata ebda informazzjoni matul l-iżvolġiment tal-proċedura dwar l-istat li fih din kienet waslet, u għalhekk kien hemm ksur ċar tal-Artikolu 218(10) TFUE.

89.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument li, matul l-iżvolġiment tal-proċedura, ir-riedni tan-negozjati ma kinux f’idejn il-Kunsill iżda f’idejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill, bħala istituzzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet, huwa kompletament responsabbli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill għandu jassumi responsabbiltà għal kwalunkwe nuqqasijiet imwettqa mir-Rappreżentant Għoli peress li dan tal-aħħar ma huwiex biss il-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin [Artikolu 18(3) TUE], iżda huwa wkoll responsabbli għat-twettiq tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni bħala mandatarju tal-Kunsill [it-tieni sentenza tal-Artikolu 18(2) TUE]; fil-każ ineżami, b’mod partikolari, ir-Rappreżentant Għoli ngħatat mandat konkret mill-Kunsill fir-rigward tal-ftuħ tan-negozjati mat-Tanzanija ( 47 ) [Artikolu 218(3) TFUE].

L-obbligu li l-Parlament jingħata informazzjoni kompleta

90.

Fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni kompleta, iż-żewġ ittri mibgħuta mill-Kunsill lill-Parlament f’dan il-każ ma humiex sodisfaċenti.

91.

L-ewwel nett, l-ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, li permezz tagħha l-Parlament ġie informat dwar il-fatt li kienu ser jinbdew negozjati mat-Tanzanija bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim, ma kienet tinkludi ebda indikazzjoni dwar xi direttivi lin-negozjatur fis-sens tal-Artikolu 218(4) TFUE li seta’ kien hemm.

92.

Dan ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 218(10) TFUE. Fil-fatt, sabiex ikun hemm informazzjoni kompleta lill-Parlament huwa meħtieġ li, minbarra s-sempliċi indikazzjoni li nbdew in-negozjati, jingħataw ukoll dettalji dwar il-kontenut mixtieq mill-Unjoni fir-rigward tal-ftehim internazzjonali maħsub. Huwa biss b’dan il-mod li jkun jista’ jkun hemm kontroll demokratiku effettiv.

93.

Kif irrikonoxxa l-Kunsill stess billi rrefera għal każijiet preċedenti, ma hemm ebda ostakolu li ma jistax jingħeleb li jipprekludi li d-direttivi lin-negozjatur jiġu kkomunikati lill-Parlament. B’mod partikolari, fejn meħtieġ, jistgħu jittieħdu passi adegwati sabiex jiġi żgurat it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni sensittiva, bħalma hija informazzjoni dwar l-istrateġija tal-Unjoni fir-rigward tan-negozjati jew informazzjoni li tikkonċerna l-interessi f’termini tal-politika estera jew is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

94.

It-tieni nett, mal-ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, li permezz tagħha l-Parlament ġie informat dwar l-għeluq tal-proċedura, la kien mehmuż it-test tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas dak tal-ftehim kontenzjuż. Il-Kunsill lanqas ma kkomunika uffiċjalment dawn it-testi lill-Parlament f’xi mument sussegwenti.

95.

Dan lanqas ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 218(10) TFUE ( 48 ).

96.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument li l-Parlament kien jaf il-kuntest li kien jaqa’ fih il-ftehim maħsub mat-Tanzanija b’mod partikolari minħabba li kienu diġà ġew konklużi żewġ ftehimiet simili ma’ Stati terzi oħra. Kif isostni ġustament il-Parlament, ma huwiex aċċettabbli li r-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom jeżerċitaw il-kontroll demokratiku tagħhom fuq il-bażi ta’ tbassir ta’ dak li jista’ jkun il-kontenut ta’ ftehim internazzjonali maħsub.

97.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta l-Kunsill, lanqas ma huwa l-kompitu tal-Parlament li jitlob informazzjoni addizzjonali fuq inizjattiva tiegħu. Fil-fatt, b’differenza minn dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikolu 319(2) TFUE, l-Artikolu 218(10) TFUE bl-ebda mod ma jimponi d-dmir fuq il-Parlament li jieħu huwa stess l-inizjattiva f’dan ir-rigward. Tali dmir ikompli jippenalizza lill-Parlament minħabba l-fatt li ma jkollux informazzjoni biżżejjed dwar id-dettalji u l-iżvolġiment tan-negozjati u jkompli jagħmel iktar diffiċli l-eżerċizzju min-naħa tal-Parlament tal-kontroll demokratiku tiegħu. Skont l-Artikolu 218(10) TFUE, il-Kunsill għandu jżomm lill-Parlament informat mingħajr ma ssirlu talbu. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa meħtieġ mit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet [Artikolu 13(2) TUE].

98.

Fuq kollox, ma għandux ikun il-każ, bħalma ġara fil-każ ineżami, li l-Parlament isir jaf bil-kontenut ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u tal-ftehim approvat permezz ta’ din id-deċiżjoni permezz tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali taħt l-Artikolu 297 TFUE ma għandhiex l-istess għan bħall-informazzjoni lill-Parlament taħt l-Artikolu 218(10) TFUE ( 49 ).

99.

Huwa minnu li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tħalli lill-Parlament żmien biżżejjed sabiex, permezz ta’ rikors għal annullament (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE), iressaq għal stħarriġ tal-legalità lid-deċiżjoni u b’hekk indirettament ukoll il-ftehim kontenzjuż. Madankollu, dan huwa stħarriġ ġudizzjarju mwettaq minn istituzzjoni differenti tal-Unjoni li huwa limitat għal punti ta’ liġi. Dan l-istħarriġ għandu jiġi strettament distint mill-kontroll demokratiku, li jitwettaq mill-Parlament stess u li jikkonċerna evalwazzjonijiet politiċi kif ukoll kwistjonijiet ta’ espedjenza. Jekk dan il-kontroll demokratiku jkun jista’ jitwettaq għall-ewwel darba ex post, f’dan il-każ tali kontroll ikun neċessarjament inqas effettiv milli kieku jitwettaq matul l-iżvolġiment tal-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Mill-banda l-oħra, jekk dan il-kontroll ikun possibbli fi stadju iktar bikri, dan jista’ anki jgħin sabiex jiġi evitat tilwim sussegwenti bejn l-istituzzjonijiet.

L-obbligu li l-Parlament jingħata informazzjoni immedjatament

100.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 218(10) TFUE jipprovdi li l-Parlament għandu jiġi informat ukoll immedjatament. Kif jirriżulta b’mod partikolari minn daqqa ta’ għajn lejn verżjonijiet lingwistiċi oħra (Ġermaniż: “unverzüglich”, Franċiż: “immédiatement”, Ingliż: “immediately”), din il-formulazzjoni teżiġi informazzjoni immedjata, jew minn tal-inqas malajr kemm jista’ jkun, lill-Parlament ( 50 ).

101.

Meta bagħat l-informazzjoni dwar il-fatt li kienu ser jinbdew in-negozjati, il-Kunsill issodisfa mingħajr ebda dubju dan l-obbligu peress li bagħat l-ittra tiegħu fit-22 ta’ Marzu 2010, jiġifieri fl-istess jum li fih awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mat-Tanzanija.

102.

Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-għeluq tal-proċedura: kien biss permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, jiġifieri iktar minn ġimgħa wara, li l-Parlament sar jaf li l-Kunsill kien approva l-ftehim kontenzjuż permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa minnu li dan id-dewmien huwa relattivament qasir meta jitqabbel mad-dewmien fil-Kawża C‑658/11, fejn il-Kunsill ħa tliet xhur ( 51 ). Madankollu, dan huwa dewmien sinjifikattiv, b’mod partikolari fl-era tal-komunikazzjoni moderna. Il-Kunsill ma pproduċa ebda ħjiel ta’ ġustifikazzjoni għal dan id-dewmien, la fl-istadju prekontenzjuż u lanqas matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 52 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki tali dewmien ta’ ġimgħa, bħalma kien il-każ hawnhekk, juri nuqqas ta’ rispett fil-konfront tar-rappreżentanti tal-poplu li la huwa konformi mat-termini u lanqas mal-ispirtu tal-Artikolu 218(10) TFUE, u li lanqas ma huwa konformi mal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet [it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE].

Konklużjoni intermedjarja

103.

B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Kunsill naqas b’diversi modi milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 218(10) TFUE li jżomm lill-Parlament informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura. Għaldaqstant, it-tieni motiv tal-Parlament huwa fondat.

D – Rikapitolazzjoni

104.

B’hekk, jista’ jingħad li huwa biss it-tieni motiv tal-Parlament li jista’ jintlaqa’. Madankollu, peress li l-Kunsill, billi naqas milli jirrispetta l-Artikolu 218(10) TFUE, kiser rekwiżit proċedurali sostanzjali, dan it-tieni motiv jiġġustifika diġà, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ( 53 ) (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE).

E – Żamma fis-seħħ tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

105.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, kif issuġġerejt, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi biss tat-tieni motiv, hija għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, iżżomm fis-seħħ l-effetti tagħha konformement mat-talbiet unanimi tal-partijiet fil-kawża.

106.

Din iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata hija meħtieġa minħabba raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali sabiex ma tiġix imfixkla l-effettività sħiħa tal-prosekuzzjoni tal-pirati ssuspettati u tal-għoti ta’ sentenza fir-rigward tagħhom. Fil-fatt, b’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 10(6) u tal-Artikolu 12(3) tal-Azzjoni Konġunta ( 54 ), jiġi eskluż a priori kwalunkwe tentattiv sabiex jiġi kkontestat il-mandat tal-EUNAVFOR li tittrasferixxi lejn it-Tanzanija l-persuni arrestati mal-kosta tas-Somalja u ssuspettati li huma pirati. Bl-istess mod, lanqas ma jkunu jistgħu jiġu kkontestati l-effetti legali tal-azzjonijiet li jkunu diġà twettqu b’applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, iż-żamma tal-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata fuq livell internazzjonali tevita kwalunkwe ambigwità fir-rigward tal-pożizzjoni tal-obbligi li assumiet l-Unjoni taħt id-dritt internazzjonali permezz tal-approvazzjoni u tal-iffirmar tal-ftehim kontenzjuż.

107.

Peress li, fil-kuntest tat-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ser tiġi annullata minħabba bażi legali sostantiva jew formali żbaljata, iżda sempliċement minħabba ksur tal-obbligu li l-Parlament jinżamm informat, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ma għandhomx jinżammu biss b’mod temporanju iżda għal perijodu indeterimant ( 55 ). Fil-fatt, skont l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, in-nuqqas tal-Kunsill li jipprovdi informazzjoni, anki jekk ikun debitament irrimedjat, ma huwiex marbut ma’ dritt ta’ involviment tal-Parlament, u lanqas ma’ dritt li jiġi kkonsultat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun eċċessivament formalistiku li l-Kunsill xorta waħda jkun meħtieġ jirrepeti l-proċess deċiżjonali tiegħu fi żmien raġonevoli.

108.

Is-sitwazzjoni tkun differenti biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ (wkoll) l-ewwel motiv tal-Parlament u tikkonstata żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata. Tali approċċ ikollu implikazzjonijiet għad-dritt ta’ involviment tal-Parlament. F’tali każ, skont ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ), iż-żamma tal-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tkun għal żmien indeterminat iżda biss għaż-żmien li fih il-Kunsill jista’ raġonevolment ikun mistenni jirrimedja l-illegalità kkonstatata fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali, filwaqt li jinvolvi lill-Parlament kif meħtieġ. F’tali każ, terminu ta’ għaxar xhur jidher li huwa adegwat sabiex il-Kunsill jikseb il-kunsens tal-Parlament skont l-inċiż (v) tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE kif ukoll sabiex jadotta deċiżjoni bbażata fuq il-bażijiet legali korretti.

VII – Fuq l-ispejjeż

109.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li, skont is-soluzzjoni proposta minni, il-Kunsill tilef il-kawża u l-Parlament ressaq talba speċifika f’dan ir-rigward, il-Kunsill għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Mill-banda l-oħra, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea, bħala intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

VIII – Konklużjoni

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014, hija annullata.

2)

L-effetti tad-deċiżjoni annullata huma miżmuma fis-seħħ.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu u għall-ispejjeż tal-Parlament Ewropew.

4)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (ĠU L 108, p. 1), iktar ’il quddiem msejħa wkoll id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 4 ) ĠU L 108, p. 3; iktar ’il quddiem il-“ftehim kontenzjuż”.

( 5 ) Jiġuni f’moħħi pereżempju l-ħrejjef dwar il-karattru ta’ Long John Silver f’“The Treasure Island (Robert Louis Stevenson) u l-ktieb “Tratos de Argel” (Miguel de Cervantes), iżda wkoll stejjer tat-tfal bħalma huma “Pippi in the South Seas” (Astrid Lindgren) u “Jim Button and the Wild 13”(Michael Ende).

( 6 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:41, punti 45).

( 7 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK, tal-10 ta’ Novembru 2008, dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 301, p. 33), kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2010/766/PESK (ĠU L 327, p. 49) u bl-Azzjoni Konġunta 2012/174/PESK (ĠU L 89, p. 69) (iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta”).

( 8 ) Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Nice.

( 9 ) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar kienet iffirmata fl-10 ta’ Diċembru 1982. L-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Membri kollha tagħha, huma Partijiet Kontraenti f’din il-konvenzjoni. Skont l-Artikolu 100 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, l-Istati kollha għandhom jikkooperaw bl-aħjar mod possibbli sabiex jiġġieldu l-piraterija fl-ibħra internazzjonali jew fi kwalunkwe post ieħor li ma jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ ebda Stat. L-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jippermetti l-arrest ta’ bastimenti u ta’ inġenji tal-ajru użati għall-piraterija kif ukoll l-arrest ta’ persuni u s-sekwestru ta’ proprjetà li jkunu jinsabu abbord; din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri tad-dritt kriminali min-naħa tal-qrati tal-Istat li jkun issekwestra l-bastiment jew l-inġenji tal-ajru. Barra minn hekk, l-Artikolu 107 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jirregola liema bastimenti u inġenji tal-ajru tal-Istati huma awtorizzati jarrestaw bastimenti u inġenji tal-ajru minħabba piraterija.

( 10 ) Fl-istess ħin bħan-negozjati mat-Tanzanija, inbdew ukoll negozjati mal-Mauritius, mal-Mozambique, mal-Afrika t’Isfel u mal-Uganda.

( 11 ) Ara l-ewwel premessa fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.

( 12 ) Fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja, għalkemm ma jitlobx espliċitament li l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinżammu, mill-osservazzjonijiet tiegħu jista’ madankollu jiġi dedott li qiegħed isostni l-argumenti tal-Kunsill f’dan is-sens.

( 13 ) Għalkemm fil-parti l-kbira tagħhom il-parteċipanti fil-proċedura ħadu pożizzjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dwar iż-żewġ motivi, ir-Repubblika Ċeka llimitat l-osservazzjonijiet tagħha għat-tieni motiv filwaqt li r-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni kkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ewwel motiv.

( 14 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 7273); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fl-istess kawża (EU:C:2014:41, punti 137138).

( 15 ) Huwa biss fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri restrittivi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, skont it-tieni alternattiva prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, limitata espliċitament għar-rikorsi ppreżentati skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

( 16 ) Ara wkoll is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, b’mod partikolari l-punt 87).

( 17 ) Il-Kummissjoni hija saħansitra tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata taqa’ esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, b’tali mod tqis li l-Artikolu 82 TFUE waħdu kien ikun biżżejjed bħala bażi legali.

( 18 ) F’dan ir-rigward ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punti 5556) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

( 19 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 4344), Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 43).

( 20 ) Kif tikkonstata l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 4445) fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-partijiet.

( 21 ) F’dan ir-rigward il-Kunsill u l-intervenjenti insostenn tiegħu jinvokaw b’mod partikolari l-punti 58, 59 u 62 tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025).

( 22 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 50), Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 48) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 36); ara wkoll is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 66).

( 23 ) Huwa eċċezzjoni f’dan ir-rigward l-Artikolu 79(3) TFUE – li ma huwiex rilevanti f’din il-kawża – li jipprevedi bażi legali espliċita għall-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjoni illegali lejn il-pajjiż tal-oriġini jew ta’ provenjenza tagħhom.

( 24 ) Id-duttrina AETR tmur lura għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (AETR, 22/70, EU:C:1971:32, punti 15 sa 19); rikapitolazzjoni iktar reċenti tinsab fl-Opinjoni 1/03 (EU:C:2006:81, punti 114 sa 133).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2114, punt 104); fl-istess sens ara wkoll, qabel l-imsemmija konklużjonijiet, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:187, punti 64 sa 70).

( 26 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑300/89, EU:C:1991:244, punt 10), Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

( 27 ) Sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 48), Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 38).

( 28 ) Artikolu 3(1) u (2) tal-ftehim kontenzjuż.

( 29 ) Artikoli 3(3), 4 u 5 tal-ftehim kontenzjuż.

( 30 ) Artikolu 6 tal-ftehim kontenzjuż.

( 31 ) Artikolu 7 tal-ftehim kontenzjuż.

( 32 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298, punti 45 sa 50); fl-istess sens, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ Stati terzi fl-Unjoni, ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589, punti 62 sa 67) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punti 40 sa 46).

( 33 ) Dawn l-artikoli jirreferu għall-“koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni” [Artikolu 82(1) TFUE] u għall-“koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri” [Artikolu 87(1) TFUE]; enfasi miżjuda minni.

( 34 ) It-tieni inċiż tal-Artikolu 12(1) tal-Azzjoni Konġunta.

( 35 ) F’dan l-istess sens ara l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2014, Samatar et vs Franza, Applikazzjoni Nru 17110/10 et, ECLI:CE:ECHR:2014:1204JUD001711010, punti 41 sa 59) u Hassan et vs Franza (Applikazzjoni Nru 46695/10 et, ECLI:CE:ECHR:2014:1204JUD004669510, punti 60 sa 72 u 86 sa 104), dwar l-Artikolu 5 KEDB.

( 36 ) F’dan ir-rigward ara b’mod partikolari l-Artikoli 10(6) u 12(3) tal-Azzjoni Konġunta.

( 37 ) Fl-istess sens ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:50, punt 64), fir-rigward tal-għanijiet li titħares il-paċi internazzjonali u s-sigurtà internazzjonali.

( 38 ) Għal iktar dettall ara l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Bot dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Mauritius fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:41, punti 68 sa 121), fejn, permezz ta’ argumenti essenzjalment simili, wasal għall-istess konklużjoni (ara b’mod partikolari l-punti 83 u 109 sa 115).

( 39 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, b’mod partikolari l-punt 85).

( 40 ) Sentenzi Roquette Frères vs Il-Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 33), Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 81) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 81).

( 41 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:41, b’mod partikolari l-punti 142 sa 144).

( 42 ) F’każ bħal dak ineżami, il-Parlament jista’ pereżempju jkollu interess f’li jara li l-projbizzjoni applikabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-piena tal-mewt [Artikolu 2(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] kienet ittieħdet debitament inkunsiderazzjoni. X’jiġri fil-każ li jirriżulta li, fil-ftehim kontenzjuż, il-Kunsill ma kienx ħa prekawzjonijiet adegwati? U huwa biżżejjed li l-ftehim kontenzjuż ma jipprevedix espliċitament, iżda biss b’mod indirett, projbizzjoni fir-rigward tal-piena tal-mewt? F’dan ir-rigward infakkar li, għalkemm, fl-Artikolu 12(3) tagħha, l-Azzjoni Konġunta tistabbilixxi b’mod espliċitu li l-perikolu li tiġi imposta piena tal-mewt għandu jipprekludi t-trasferiment ta’ pirata ssuspettat lil Stat terz, l-Artikolu 5 tal-ftehim kontenzjuż jirreferi għal dan il-punt b’mod indirett biss u b’mod ferm inqas simbolikament sinjifikattiv, billi jipprovdi li l-ebda persuna ttrasferita “ma għandha tkun iġġudikata għal reat li għandu piena massima aktar ħarxa mis-sentenza ta’ għomor ħabs”.

( 43 ) Jiġuni f’moħħi, b’mod partikolari, il-Ftehim dwar il-kummerċ ħieles “TTIP” mal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ftehim SWIFT u l-Ftehim dwar it-trasferiment ta’ data marbuta mat-titjiriet (“Passenger Name Records”), kif ukoll l-adeżjoni, prevista fl-Artikolu 6(2) TUE u fl-Artikolu 218(6) u (8) TFUE, tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

( 44 ) Id-Dikjarazzjoni Nru 14 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza intergovernementali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2008, C 115, p. 343) tenfasizza, fit-tieni paragrafu tagħha, li d-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni fit-Trattat ta’ Lisbona “ma jkabbru[x i]r-rwol tal-Parlament Ewropew”.

( 45 ) Ara b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE u l-Artikolu 21 UE.

( 46 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 86).

( 47 ) Kif indikat fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 2010.

( 48 ) F’dan is-sens ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:41, punt 155).

( 49 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 79).

( 50 ) Fid-dritt Ġermaniż huwa preżunt li l-formulazzjoni “unverzüglich” (mingħajr dewmien) teżiġi azzjoni “ohne schuldhaftes Zögern” (mingħajr dewmien indebitu) [ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 121(1) tal-Bürgerlichen Gesetzbuchs (Kodiċi Ċivili)].

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 7715 sa 17).

( 52 ) B’mod partikolari, fil-kawża ineżami l-Kunsill ma invokax problemi marbuta mat-traduzzjoni. Fil-każ li ftehim internazzjonali jew deċiżjoni tal-Kunsill li tapprovah ma jkunux disponibbli immedjatament fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-Kunsill għandu inizjalment jibgħat lill-Parlament il-verżjonijiet lingwistiċi disponibbli u mbagħad, immedjatament meta jkunu disponibbli, it-traduzzjonijiet li jkun fadal.

( 53 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, b’mod partikolari l-punti 80, 86 u 87).

( 54 ) Kif inhu magħruf, it-trasferiment ta’ persuni lil Stat terz jeħtieġ, skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-konklużjoni minn qabel ta’ ftehim ma’ dan l-Istat terz li fih ikunu stabbiliti l-kundizzjonijiet għat-trasferiment.

( 55 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, b’mod partikolari l-punt 91).

( 56 ) Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 90), Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, b’mod partikolari l-punt 81) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 56).

Top