This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0160
Opinion of Mr Advocate General Bot delivered on 11 June 2015. # João Filipe Ferreira da Silva e Brito and Others v Estado português. # Reference for a preliminary ruling: Varas Cíveis de Lisboa - Portugal. # Reference for a preliminary ruling - Approximation of laws - Safeguarding of employees’ rights in the event of transfers of undertakings, businesses or parts of undertakings or businesses - Meaning of ‘transfer of a business’ -- Obligation to make a request for a preliminary ruling under the third paragraph of Article 267 TFEU - Alleged infringement of EU law attributable to a court of a Member State against whose decisions there is no judicial remedy under national law - Rule of national law which makes the right to reparation for the loss or damage sustained as a result of such an infringement conditional on the prior setting aside of the decision that caused that loss or damage. # Case C-160/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015.
João Filipe Ferreira da Silva e Brito e.a. vs Estado português.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozji – Kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju – Obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ kumpens għad-dannu subit minħabba tali ksur għall-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li tkun ikkawżat dan id-dannu.
Kawża C-160/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015.
João Filipe Ferreira da Silva e Brito e.a. vs Estado português.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozji – Kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju – Obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ kumpens għad-dannu subit minħabba tali ksur għall-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li tkun ikkawżat dan id-dannu.
Kawża C-160/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:390
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )
Kawża C‑160/14
João Filipe Ferreira da Silva e Brito et
vs
Estado português
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa (il-Portugall)]
“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trasferiment ta’ impriża — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab minħabba tali ksur għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li tkun ikkawżat dak id-dannu”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ), kif ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-responsabbiltà tal-Istati minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
2. |
Id-domandi li saru mill-Varas Cíveis de Lisboa (il-Portugall) tqajmu fil-kuntest ta’ kawża għad-danni mressqa minn Ferreira da Silva e Brito kif ukoll minn rikorrenti oħrajn kontra l-Estado português, ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lis-Supremo Tribunal de Justiça. |
3. |
L-eżami tal-ewwel domanda ser iwassalna biex ninterpretaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. Jiena ser nikkonkludi, għall-kuntrarju tas-soluzzjoni deċiża mis-Supremo Tribunal de Justiça, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju jkopri sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet tiġi stralċata b’deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-ewwel impriża:
|
4. |
Wara, ser nagħti, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, ir-raġunijiet għal xiex it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet obbligata li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
5. |
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet domanda, ser nispjega għalfejn, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Köbler ( 3 ), għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li tkun ikkawżat id-dannu. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
6. |
Id-direttiva kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriża, kummerċ jew partijiet minn impriżi jew kummerċ ( 4 ), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 ( 5 ). |
7. |
Skont il-premessa 8 tad-Direttiva: “Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtiegu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jigi ċċarat fid-dawl tal-gurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skont kif interpretat mill-Qorti tal-Gustizzja.” |
8. |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva jipprovdu:
|
9. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
B – Id-dritt Portugiż
10. |
L-Artikolu 13 tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn ( 6 ), adottata bil-Liġi Nru 67/2007 (Lei que aprova o Regime da Responsabilidade Civil Extracontractual do Estado e Demais Entidades Públicas), tal-31 ta’ Diċembru 2007 ( 7 ), kif emendata bil-Liġi Nru 31/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008 ( 8 ), jipprovdi dan li ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjonijiet ta’ kundanna kriminali inġusta u ta’ ċaħda mhux iġġustifikata tal-libertà, l-Istat huwa ċivilment responsabbli għad-danni li jirriżultaw minn deċiżjonijiet ġudizzjarji manifestament mhux kostituzzjonali jew illegali jew mhux iġġustifikati minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali. 2. It-talba għal kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li kkawżat ħsara mill-qorti kompetenti.” |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11. |
Fid-19 ta’ Frar 1993, Air Atlantis SA (iktar ’il quddiem “AIA”), stabbilita fl-1985 u attiva fis-settur tat-trasport bl-ajru mhux regolari (titjiriet ċarter), ġiet stralċata. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal tkeċċija kollettiva. |
12. |
Mill-1 ta’ Mejju 1993, il-kumpannija Transportes Aéreos Portugueses (iktar ’il quddiem “TAP”), li kienet l-azzjonista ewlenija ta’ AIA, bdiet topera parti mit-titjiriet li AIA kienet impenjat ruħha li twettaq għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 1993. TAP għamlet ukoll ċertu numru ta’ titjiriet ċarter, suq li ma kinitx attiva fih sa dakinhar, peress li dawn qabel kienu rotot koperti minn AIA. Għal dan il-għan, TAP użat parti mit-tagħmir li AIA kienet tuża għall-attivitajiet tagħha, b’mod partikolari erba’ ajruplani. TAP assumiet ukoll il-ħlas tal-kirjiet korrispondenti għall-kuntratti ta’ kiri relatati u ħadet it-tagħmir tal-uffiċċju li AIA kellha u li kienet tuża fil-bini tagħha ta’ Lisbona (il-Portugall) u ta’ Faro (il-Portugall) kif ukoll oġġetti materjali oħrajn. Barra minn hekk, TAP impjegat magħha ċerti ħaddiema li qabel kienu jaħdmu ma’ AIA. |
13. |
Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem it-tribunal de trabalho de Lisboa (Tribunal Industrijali ta’ Lisbona) kontra din it-tkeċċija kollettiva waqt li talbu li jiddaħħlu jaħdmu mill-ġdid ma’ TAP u li jitħallsu remunerazzjonijiet. |
14. |
Permezz tas-sentenza tat-tribunal de trabalho de Lisboa mogħtija fis-6 ta’ Frar 2007, l-azzjoni ppreżentata kontra t-tkeċċija kollettiva ġiet parzjalment ikkonfermata, billi l-istess tribunal ordna li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jerġgħu jiddaħħlu fil-kategoriji ta’ xogħol korrispondenti kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens. Insostenn tas-sentenza tiegħu, it-tribunal de trabalho de Lisboa kkunsidra li, f’dan il-każ, kien hemm trasferiment ta’ negozju, tal-inqas parzjalment, peress li l-identità tan-negozju nżammet u l-attivitajiet tiegħu tkomplew, filwaqt li TAP ħadet post il-persuna li timpjega preċedenti fil-kuntratti tax-xogħol. |
15. |
Din is-sentenza ġiet appellata quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) li, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2008, annulla s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, inkwantu din kienet ikkundannat lil TAP biex terġa’ ddaħħal jaħdmu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tħallashom kumpens, billi kkonkluda li kien skada d-dritt ta’ azzjoni kontra t-tkeċċija kollettiva inkwistjoni u billi kkunsidra li ma kienx hemm trasferiment ta’ negozju jew ta’ parti bejn AIA u TAP. |
16. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça li, fis-sentenza tiegħu tal-25 ta’ Frar 2009, iddeċieda li t-tkeċċija kollettiva ma kienet ivvizzjata b’ebda illegalità. L-istess qorti osservat, waqt li tenniet l-argument żviluppat mit-Tribunal da Relação de Lisboa, li ma huwiex biżżejjed li attività kummerċjali “sempliċiment titkompla” biex wieħed jikkonkludi li sar trasferiment ta’ negozju, peress li jeħtieġ ukoll li tinżamm l-identità tan-negozju. Iżda f’dan il-każ, meta TAP operat it-titjiriet matul is-sajf tas-sena 1993, hija ma użatx “entità” bl-istess identità bħall-“entità” li qabel kienet tappartjeni lil AIA, iżda użat l-istrument ta’ intervent tagħha stess fis-suq inkwistjoni, jiġifieri l-kumpannija tagħha stess. Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, fin-nuqqas ta’ identiċità bejn iż-żewġ “entitajiet”, ma jistax jitqies li kien hemm trasferiment ta’ negozju. |
17. |
Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, is-Supremo Tribunal de Justiça nnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, iffaċċjata b’sitwazzjonijiet li fihom impriża kompliet attivitajiet li sadakinhar kienu jitwettqu minn impriża oħra, kienet iddeċidiet li din is-“sempliċi ċirkustanza” ma twassalx għall-konklużjoni li seħħ trasferiment ta’ entità ekonomika, inkwantu “entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq” ( 9 ). |
18. |
Meta wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu talbu lis-Supremo Tribunal de Justiça biex jippreżenta rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar irrimarka li “[l]-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, jeżisti biss meta dawn l-istess qrati jikkunsidraw li r-rikors għad-dritt [tal-Unjoni] huwa meħtieġ biex tiġi deċiża l-kwistjoni pendenti quddiemhom u, barra minn hekk, meta tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt”. |
19. |
Is-Supremo Tribunal de Justiça kkunsidra wkoll li “l-Qorti nnifisha rrikonoxxiet espressament li ’l-applikazzjoni korretta tad-dritt [tal-Unjoni] tista’ tkun meħtieġa b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni’, u għalhekk teskludi wkoll f’din l-ipoteżi l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, fid-dawl tal-kontenut tad-[dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni] iċċitati [mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali], minħabba l-interpretazzjoni li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] lil dawn tal-aħħar u minħabba l-elementi tal-każ [...] li ġew ikkunsidrati [...], ma hemm l-ebda dubju rilevanti fl-interpretazzjoni li teħteġ li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari”. |
20. |
Is-Supremo Tribunal de Justiça enfasizza, barra minn hekk, li “l-Qorti tal-Ġustizzja [kienet] żviluppat ġurisprudenza stabbilita dwar il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] dwar it-‘trasferiment tan-negozju’, minħabba li d-[...] Direttiva [...] tittraduċi diġà l-konsolidazzjoni tal-kunċetti li fiha skont din il-ġurisprudenza u minħabba li dawn issa huma ċari f’termini ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja (Komunitarja kif ukoll nazzjonali), li jimplika li f’dan il-każ mhux meħtieġ li tiġi kkonsultata minn qabel il-Qorti tal-Ġustizzja”. |
21. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw azzjoni għal responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali kontra l-Estado português bl-għan li dan tal-aħħar jiġi kkundannat jagħti kumpens għal ċerti danni patrimonjali kkawżati. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma sostnew li s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça hija manifestament illegali, peress li tinkludi interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju skont it-tifsira mogħtija fid-Direttiva u peress li din il-qorti kisret l-obbligu tagħha li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. |
22. |
L-Estado português isostni li, skont l-Artikolu 13(2) tas-SRMKI, it-talba għall-kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni dannuża mill-qorti kompetenti, filwaqt li jfakkar li, billi s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça ma ġietx annullata, ma hemmx lok li jitħallas il-kumpens mitlub. |
23. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk is-sentenza mogħtija mis-Supremo Tribunal de Justiça hijiex manifestament illegali inkwantu interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju ”, fid-dawl tad-Direttiva u tal-fatti li kellu quddiemu. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk is-Supremo Tribunal de Justiça kellux l-obbligu li jagħmel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kif mitlub. |
24. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varas Cível de Lisboa ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – L-analiżi tiegħi
A – Dwar l-ewwel domanda
25. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tikkostitwixxix “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-istralċ tal-ewwel impriża:
|
26. |
Kif jirriżulta mill-premessa 3 u mill-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva hija maħsuba biex tipproteġi lill-ħaddiema billi tiżgura li jinżammu d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża ( 10 ). F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data ta’ trasferiment ta’ negozju għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Rigward l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, dan jipproteġi lill-ħaddiema kontra kull tkeċċija deċiża miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju unikament fuq il-bażi tat-trasferiment. |
27. |
Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew fużjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ ċessjoni konvenzjonali b’mod flessibbli sabiex tikseb l-għan tad-Direttiva li huwa li jiġu mħarsa l-impjegati f’każ ta’ trasferiment tal-impriża tagħhom ( 11 ). B’dan il-mod, hija tikkunsidra li din id-direttiva hija applikabbli f’kull ipoteżi ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni tal-impriża, li tikkuntratta l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża ( 12 ). |
28. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li d-Direttiva 77/187 kienet applikabbli għat-trasferiment bejn kumpanniji fi ħdan l-istess grupp ( 13 ). |
29. |
Barra minn hekk, hija speċifikat il-kundizzjonijiet li fihom id-Direttiva 77/187 tapplika f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża fi stat ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja jew volontarja. Għalhekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Abels ( 14 ), li din id-direttiva ma tapplikax għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti ta’ negozju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment ( 15 ), min-naħa l-oħra hija ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Dethier Équipement ( 16 ), li l-imsemmija direttiva tapplika f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża f’likwidazzjoni ġudizzjarja meta l-attività tal-impriża titkompla ( 17 ). Fis-sentenza tagħha Europièces ( 18 ), hija waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward ta’ impriża ttrasferita li kienet tinsab f’likwidazzjoni volontarja ( 19 ). |
30. |
Jirriżulta kemm mill-interpretazzjoni flessibbli li għandha ssir tal-kunċett ta’ ċessjoni konvenzjonali kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament dwar l-ipoteżi ta’ likwidazzjoni tal-entità mibjugħa li l-istralċ u l-likwidazzjoni ta’ AIA jistgħu jikkostitwixxu “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva. |
31. |
It-trasferiment għandu, madankollu, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, jiġifieri irid ikun ta’ entità ekonomika, iddefinita bħala “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, li żżomm l-“identità” tagħha, wara t-trasferiment. |
32. |
Biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, jeħtieġ għalhekk li l-kriterju deċiżiv għall-eżistenza ta’ tali trasferiment jiġi ssodisfatt, jiġifieri li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet mill-persuna ġdida li timpjega ( 20 ). |
33. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini jew proprjetà, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid lura jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-prinċipal il-ġdid, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ( 21 ). |
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, għandha b’mod partikolari tikkunsidra t-tip ta’ impriża jew negozju involut. Fil-fehma tagħha, jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandhom jiġu attribwiti d-diversi kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva tvarja neċessarjament skont l-attività mwettqa, saħansitra l-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fin-negozju jew fil-parti tan-negozju inkwistjoni ( 22 ). |
35. |
Id-diversi fatturi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha wara li tkun inxtrat mill-persuna ġdida li timpjega u sabiex b’hekk tikkwalifika bħala operazzjoni ta’ “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, għandhom għalhekk piż li jvarja skont it-tip ta’ attività mwettqa mill-impriża inkwistjoni. |
36. |
Huwa deċiżiv il-fatt li wieħed ikun jaf jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mill-eżistenza ta’ trasferiment ta’ attiv, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattiv, u mill-fatt li l-operat ta’ din l-entità effettivament jitkompla jew jittieħed f’idejn il-persuna l-ġdida li timpjega għall-istess attivitajiet jew għal attivitajiet simili. Dawn iż-żewġ elementi huma preżenti f’dan il-każ. |
37. |
Fir-rigward tat-trasferiment ta’ attiv, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrelevat li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr elementi bħal dawn, b’mod li ż-żamma tal-identità ta’ entità bħal din lil hinn mit-tranżazzjoni involuta fiha ma tkunx tiddependi, loġikament, miċ-ċessjoni ta’ dawn l-elementi ( 23 ). |
38. |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija madankollu storja differenti għall-impriżi li joperaw f’setturi li jeħtieġu l-użu ta’ attiv sinjifikattiv. Dan huwa l-każ. pereżempju, fis-settur tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jeħtieġ impjanti u tagħmir sostanzjali. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-assenza ta’ trasferiment, mingħand il-proprjetarju ta’ qabel lill-proprjetarju l-ġdid tal-kuntratt, tal-attiv tanġibbli użat għall-operat tar-rotot tal-karozzi tal-linja kkonċernati, huwa fattur li għandu jitqies ( 24 ). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-elementi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod importanti għat-twettiq tal-attività, in-nuqqas ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand il-proprjetarju ta’ qabel lill-proprjetarju l-ġdid tal-kuntratt ta’ tali elementi, li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li din tal-aħħar ma żammitx l-identità tagħha ( 25 ). |
39. |
Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, f’każ bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda wkoll is-settur tat-trasport, it-trasferiment ta’ attiv tanġibbli sinjifikattiv għandu jitqies bħala element essenzjali biex wieħed jistabbilixxi jekk hemmx “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. |
40. |
Fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jirrigwardaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tagħti importanza partikolari lill-fattur li jirriżulta miċ-ċessjoni tal-attiv tanġibbli sinjifikattiv lil TAP. |
41. |
F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li TAP akkwistat il-kuntratti ta’ kiri ta’ erba’ ajruplani li qabel kienu jintużaw minn AIA bħala parti mill-attività tagħha. Jirriżulta mir-reġistru li dan l-akkwist kien immotivat, b’mod partikolari, mix-xewqa ta’ TAP li tinnewtralizza l-konsegwenzi finanzjarji negattivi li setgħu jirriżultaw mit-terminazzjoni bikrija ta’ dawn il-kuntratti. Ir-raġunijiet għad-deċiżjoni ta’ TAP li takkwista l-kuntratti ta’ kiri ta’ erba’ ajruplani li sadakinhar kienu jintużaw minn AIA huma, madankollu, irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. Hija importanti biss il-konstatazzjoni oġġettiva li dawn il-kuntratti kienu effettivament ittrasferiti lil TAP meta AIA ġiet stralċata, u li TAP kompliet tuża l-ajruplani inkwistjoni. |
42. |
Kif ġustament jindikaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wieħed ma jistax jikkunsidra li, minħabba l-fatt li TAP hija azzjonist maġġoritarju u kreditur ewlieni ta’ AIA, din hija libera li tiddisponi minn kumpannija tal-grupp tagħha u li takkwista l-attiv tagħha, mingħajr ma tassumi l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva. |
43. |
Huwa wkoll irrelevanti li l-ajruplani akkwistati minn TAP intużaw kemm għat-trasport skedat kif ukoll għat-trasport mhux skedat. Il-fattur importanti huwa li dawn l-ajruplani ntużaw, anki jekk parzjalment, bħala parti mill-attività ta’ trasport mhux skedat ta’ TAP, li hija l-issuktar ta’ attività li kienet qabel żgurata minn AIA. |
44. |
Barra minn hekk, il-fatt li l-ajruplani akkwistati kienu taħt skema ta’ kiri ma jostakolax l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju minħabba li hija l-kontinwità tal-użu ta’ dan l-attiv miċ-ċessjonarju li hija determinanti. |
45. |
Fl-aħħar nett, lanqas il-fatt li l-ajruplani ġew irritornati meta ntemmu l-kuntratti ta’ kiri, bejn is-sena 1998 u s-sena 2000, ma huwa rilevanti. Il-fattur importanti huwa li l-kuntratti kienu effettivament ittrasferiti u li l-ajruplani ntużaw effettivament minn TAP għal perjodu ta’ żmien sinjifikattiv. |
46. |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li TAP ħadet post il-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani tikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju peress li turi l-akkwist minn TAP ta’ elementi ta’ attiv essenzjali għall-issuktar tal-attività li qabel kienet imwettqa minn AIA. |
47. |
Barra minn hekk, ta’ min josserva wkoll li TAP akkwistat ukoll tagħmir żgħir mingħand il-kumpannija stralċata, bħal tagħmir li jkun abbord u tagħmir tal-uffiċċju. Din hija indikazzjoni oħra tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. |
48. |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li TAP ħadet post il-kumpannija stralċata fil-kuntratti tat-titjiriet ċarter li kienu għadhom fis-seħħ mal-operaturi turistiċi u għall-iżvilupp tal-attivitajiet imwettqa qabel minn din il-kumpannija. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-trasferiment tal-klijentela huwa indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju ( 26 ). |
49. |
Is-Supremo Tribunal de Justiça jidher li jikkunsidra li l-fatt li TAP kienet awtorizzata topera fis-suq tat-titjiriet ċarter u li dan diġà għamlitu “minn żmien għal żmien” ma jindikax l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttiva. Madankollu, jien naqbel mal-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-fatt li impriża hija diġà attiva jew tista’ tkun attiva f’suq partikolari ma jżommhiex milli tissokta attivitajiet simili mwettqa minn kumpannija oħra li, sadanittant, ġiet stralċata, billi testendi għalhekk l-attivitajiet tagħha. |
50. |
Rigward b’mod partikolari t-titjiriet li saru fl-1994, dawn kienu, kif is-Supremo Tribunal de Justiça diġà kkonstata fis-sentenza tiegħu, kuntratti konklużi minn TAP direttament mal-operaturi turistiċi għal rotot li sadakinhar ma kinitx topera fuqhom peress li dawn kienu rotot tradizzjonali ta’ AIA. Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, “TAP wettqet, bħalma setgħet għamlet kwalunkwe kumpannija oħra tal-ajru, attività li ma kienet tirrappreżenta xejn iktar ħlief l-okkupazzjoni ta’ spazju fis-suq li tħalla liberu bil-waqfien ta’ AIA”. |
51. |
Madankollu, kif ġustament jindikaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt stess li TAP bdiet twettaq attività li qabel kienet titwettaq minn kumpannija oħra tal-grupp tagħha u li, sadanittant, ġiet stralċata jikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju minħabba li juri l-issuktar minn TAP tal-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA. |
52. |
Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça jibbaża fuq is-sentenza Süzen ( 27 ) biex jikkunsidra li s-sempliċi ssuktar ta’ attività mwettqa minn impriża oħra ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju ( 28 ). Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta dan l-issuktar ta’ attività jkun akkumpanjat mill-akkwist ta’ elementi ta’ attiv sinjifikattivi, ftit jibqa’ dubju dwar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. |
53. |
Il-fatt li TAP issoktat bl-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA jintwera wkoll minn indikazzjoni oħra mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri r-riintegrazzjoni fi ħdan TAP ta’ impjegati li qabel kienu jaħdmu mal-kumpannija stralċata, u dan biex iwettqu funzjonijiet identiċi għal dawk li kienu jwettqu fi ħdan din il-kumpannija. |
54. |
Kif is-Supremo Tribunal de Justiça diġà kkonstata fis-sentenza tiegħu, ġie ppruvat li żewġ impjegati, li sadakinhar kienu ssekondati minn TAP mad-dipartiment kummerċjali ta’ AIA, wara l-istralċ ta’ din tal-aħħar, ġew allokati minn TAP fid-dipartiment kummerċjali tagħha stess f’pożizzjonijiet fil-qasam tat-titjiriet mhux skedati ad hoc u tal-kuntratti ta’ titjiriet ċarter tal-istaġun tal-avjazzjoni tas-sajf tas-sena 1993. |
55. |
Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, din ma hijiex żamma minn TAP ta’ ħaddiema li qabel kienu impjegati minn AIA. Dawn il-ħaddiema kienu marbuta ma’ TAP b’kuntratt ta’ xogħol. Għaldaqstant, dawn kienu ħaddiema impjegati minn TAP u mhux minn AIA. L-impjegati kkonċernati kienu ssekondati minn TAP biex iwettqu funzjonijiet fi ħdan AIA u huma ġew lura, wara l-istralċ ta’ AIA, fil-kumpannija li kienet timpjegahom. Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça jqis għalhekk li r-ritorn tal-ħaddiema ta’ TAP fil-kumpannija tagħhom, wara l-istralċ ta’ AIA fejn kienu ssekondati, huwa r-riżultat tat-twettiq tal-kuntratt ta’ xogħol li kkonkludew mal-persuna li timpjegahom, jiġifieri TAP. Anki jekk dawn il-ħaddiema ġew integrati f’pożizzjonijiet korrispondenti għall-kategorija tagħhom u wettqu matul is-sajf tas-sena 1993 funzjonijiet fil-qasam tat-titjiriet mhux skedati mwettqa minn TAP dik is-sena, l-attività ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan TAP ma tippermettix, skont is-Supremo Tribunal de Justiça, l-identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ entità ekonomika awtonoma ffokata fuq it-titjiriet mhux skedati. |
56. |
Madankollu, kif jinnotaw ġustament ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-assenjazzjoni mill-ġdid taż-żewġ impjegati fi ħdan TAP f’funzjonijiet direttament marbuta mas-settur tat-titjiriet mhux skedati hija indikattiva tal-issuktar tal-attività ta’ AIA minn TAP, attività li kienet issir qabel minn żmien għal żmien, b’mod li tikkonferma ftit iktar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. Barra minn hekk, dawn l-impjegati jidhru li huma “għaqda organizzata” ( 29 ), peress li huma ġew allokati, fi ħdan TAP, għal funzjonijiet simili għal dawk li huma kienu jwettqu fi ħdan AIA. |
57. |
Bħala indizji addizzjonali tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju, ta’ min jinnota l-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u wara t-trasferiment. Kif tinnota l-Kummissjoni, AIA kienet impriża tat-trasport bl-ajru li tispeċjalizza fit-titjiriet mhux skedati. TAP, li l-qofol tan-negozju tagħha huwa t-trasport bl-ajru, kienet awtorizzata topera kemm titjiriet skedati kif ukoll titjiriet mhux skedati, u għalhekk kienet awtorizzata topera fis-suq tat-titjiriet ċarter, ħaġa li fil-fatt kienet diġà tagħmel, għalkemm mhux fuq bażi regolari ( 30 ). Għaldaqstant hemm xebh kbir bejn l-attivitajiet imwettqa miż-żewġ impriżi. |
58. |
Fl-aħħar nett, rigward il-kriterju relatat ma’ sospensjoni eventwali tal-attivitajiet, ġie stabbilit li TAP kienet bdiet topera, mill-1 ta’ Mejju 1993, jiġifieri minnufih wara l-istralċ ta’ AIA, ta’ mill-inqas parti mit-titjiriet ċarter li AIA kienet intrabtet li topera għall-istaġun tas-sajf tas-sena 1993. Għalhekk ma kien hemm l-ebda sospensjoni ta’ attività ta’ tul sinjifikattiv. Għall-kuntrarju, kien hemm kontinwità tal-attività, peress li madwar ħmistax-il jum wara l-istralċ ta’ AIA, TAP ħadet postha biex teżegwixxi l-kuntratti relatati mat-titjiriet ikkonċernati. |
59. |
Dawn l-indikazzjonijiet kollha juru, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. |
60. |
Madankollu, is-Supremo Tribunal de Justiça wasal għal konklużjoni differenti peress li għażel interpretazzjoni wisq restrittiva tal-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità tal-entità ttrasferita. Speċifikament, ir-raġunament tiegħu f’ebda mument ma jsemmi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet madankollu twasslu għal soluzzjoni differenti, jiġifieri s-sentenza Klarenberg ( 31 ), li ngħatat xi jiem qabel is-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça, li fil-kuntest tagħha l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet, kienu ġew ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 32 ). |
61. |
Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça ta importanza partikolari lill-kriterju li, biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, wieħed irid ikun jista’ jidentifika l-unità ekonomika ċeduta fil-kapital taċ-ċessjonarju ( 33 ). |
62. |
F’dan ir-rigward, is-Supremo Tribunal de Justiça nnota li ma ġiex ippruvat li TAP ħolqot servizz ta’ titjiriet mhux skedati li jimplementa speċifikament l-istruttura li kienet ta’ AIA. Fid-dawl tal-fatti kollha kkonstatati, TAP ma akkwistatx entità ekonomika mmirata direttament u b’mod awtonomu li tkompli l-attività tat-titjiriet ċarter li qabel kienet issir minn AIA. B’mod partikolari, ma kienx hemm trasferiment ta’ diversi elementi separati li, sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid fi ħdan TAP bit-twaqqif ta’ impriża jew negozju awtonomu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indizju li TAP għandha unità ddedikata għall-attività tat-titjiriet ċarter organizzata b’mod awtonomu għal dan il-għan. |
63. |
Minn dan isegwi li, skont is-Supremo Tribunal de Justiça, l-analiżi globali tal-indizji ma tippermettix li wieħed jirrikonoxxi, fi ħdan TAP, grupp ta’ riżorsi materjali u umani li huma ta’ appoġġ għall-attività tat-titjiriet ċarter, organizzat b’mod awtonomu għal dan il-għan, jiġifieri entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha u tissokta b’mod awtonomu b’attività ta’ avjazzjoni kummerċjali mhux skedata fi ħdan TAP. Għall-kuntrarju, is-Supremo Tribunal de Justiça jirrileva li t-tagħmir ta’ AIA, li sussegwentement intuża minn TAP, tħallat mal-bqija tat-tagħmir ta’ TAP u li din għamlet titjiriet skedati u mhux skedati li għalihom użat il-persunal tagħha u t-tagħmir tal-kumpannija tal-ajru tagħha mingħajr distinzjoni. |
64. |
Fil-konfront ta’ dan l-argument, għandu jiġi nnotat li, fis-sens tad-Direttiva, jista’ jkun hemm trasferiment biż-żamma tal-identità tal-entità ttrasferita anki meta din ma żżommx l-istruttura organizzattiva awtonoma tagħha. Fi kliem ieħor, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċieda s-Supremo Tribunal de Justiça, il-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità ma tfissirx li l-entità ekonomika ttrasferita għandha żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura taċ-ċessjonarju. |
65. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Klarenberg ( 34 ), l-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali kien l-istess bħal dak użat mis-Supremo Tribunal de Justiça sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. Din il-parti argumentat, fil-fatt, li l-“entità ekonomika” ddefinita fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, iżżomm l-identità tagħha biss jekk tinżamm ir-rabta organizzattiva li tgħaqqad lill-persuni u/jew l-elementi kollha. Għall-kuntrarju, l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha jekk, wara ċ-ċessjoni, hija titlef l-awtonomija tagħha mill-aspett organizzattiv, billi r-riżorsi akkwistati jiġu integrati miċ-ċessjonarju fi struttura kompletament ġdida ( 35 ). |
66. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali kunċett tal-identiċità tal-entità ekonomika, li huwa bbażat unikament fuq il-fattur relatat mal-awtonomija organizzattiva, ma jistax jiġi aċċettat, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-għan segwit mid-direttiva, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema f’sitwazzjoni ta’ trasferiment. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni timplika, minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment tiddeċiedi li xxolji l-parti tal-impriża jew tan-negozju akkwistata u li tintegraha fl-istruttura tagħha stess, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva għal dik il-parti tal-impriża jew tan-negozju, u b’hekk iċċaħħad lill-ħaddiema kkonċernati mill-protezzjoni mogħtija minnha ( 36 ). |
67. |
Rigward il-fattur relatat mal-aspett organizzattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li dan jgħin biex jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika ( 37 ). Madankollu, hija ddeċidiet ukoll li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva ( 38 ). |
68. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li “l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika billi jirreferi għal ‘għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le’, b’tali mod li ma jenfasizzax biss l-element organizzattiv tal-entità ttrasferita iżda wkoll dak tat-tkomplija tal-attività ekonomika tagħha” ( 39 ). Minn dan hija ddeduċiet li l-kundizzjoni marbuta maż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva għandha tiġi interpretata billi jiġu kkunsidrati ż-żewġ elementi, kif previsti fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu din l-identità, kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema previst mid-Direttiva ( 40 ). |
69. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u biex ma ċċaħħadx id-Direttiva minn parti mill-effettività tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jeħtieġ li tinterpreta l-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika mhux fis-sens li hija teżiġi ż-żamma tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda fis-sens li hija tippreżupponi ż-żamma tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi ( 41 ). |
70. |
Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk ikunu integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex jissokta b’attività ekonomika identika jew simili ( 42 ). |
71. |
Fid-dawl tas-sentenza Klarenberg ( 43 ), ma huwiex wisq rilevanti li l-entità akkwistata ġiet xolta fl-organizzazzjoni ta’ TAP, peress li nżammet rabta funzjonali bejn, minn naħa waħda, l-elementi tal-attiv u l-persunal assorbiti u min-naħa l-oħra, l-issuktar tal-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA. |
72. |
Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça ta importanza partikolari lill-fatt li l-ajruplani u l-persunal akkwistati ntużaw għat-titjiriet skedati u għat-titjiriet mhux skedati. Din iċ-ċirkustanza hija, fil-fehma tiegħu, tali li turi li ma kienx hemm żamma ta’ entità ekonomika ddedikata għall-attività tat-titjiriet mhux skedati fi ħdan TAP. |
73. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li ma huwiex wisq rilevanti li l-elementi ttrasferiti ma ntużawx biss għat-titjiriet mhux skedati, iżda wkoll għat-titjiriet skedati. Il-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità tal-entità akkwistata ma teħtieġx l-użu esklużiv ta’ assi ttrasferiti għall-benefiċċju tal-attività ssuktata. Ir-rabta funzjonali bejn dawn l-assi u l-attività ssuktata tibqa’ anki jekk l-imsemmija elementi jintużaw ukoll għat-twettiq ta’ attività oħra, a fortiori meta tkun attività simili fis-settur tat-trasport bl-ajru. |
74. |
Kif issostni l-Kummissjoni, jirriżulta mis-sentenza Klarenberg ( 44 ) li l-istralċ ta’ AIA u l-integrazzjoni ta’ parti kbira mill-attiv tagħha fl-istruttura organizzattiva ta’ TAP, anki jekk ma żammewx identità “awtonoma”, ma jeskludux l-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-fattur importanti huwa li l-mezzi ttrasferiti jżommu l-identità tagħhom u jintużaw, wara t-trasferiment, biex tissokta attività ekonomika identika jew simili. |
75. |
Issa, f’dan il-każ, l-assi ta’ AIA għall-ewwel (matul l-istaġun tal-avjazzjoni tas-sajf tal-1993) intużaw sabiex titkompla attività identika għal dik ta’AIA, jiġifieri t-titjiriet ċarter li AIA kienet intrabtet li twettaq, u mbagħad biex titkompla attività identika (titjiriet ċarter organizzati minn TAP) jew simili (titjiriet skedati ta’ TAP). |
76. |
Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Klarenberg ( 45 ), it-termini tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jikkonfermaw li, f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni, din hija maħsuba biex tapplika għal kwalunkwe trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), irrispettivament minn jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżommx jew le l-awtonomija tagħha fl-istruttura taċ-ċessjonarju ( 46 ). |
77. |
Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li finalment għandha tiddetermina jekk il-kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju humiex issodisfatti f’dan il-każ. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, jekk l-identità tal-unità ekonomika ttrasferita nżammitx jew le ( 47 ). |
78. |
Madankollu, il-kuntest partikolari tal-każ fil-kawża prinċipali, li huwa l-konsegwenza ta’ pożizzjonijiet diverġenti ta’ qrati nazzjonali, għandu, fil-fehma tiegħi, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi b’mod kemm iktar preċiż kif ukoll dirett lill-qorti tar-rinviju. |
79. |
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju jkopri sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tkun stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-istralċ tal-ewwel impriża:
|
B – Dwar it-tieni domanda
80. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, fid-dawl tal-fatt deskritt fid-domanda preċedenti u l-fatt li l-qrati nazzjonali inferjuri li quddiemhom tressaq il-każ adottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti, kellhiex l-obbligu li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. |
81. |
Għandu jitfakkar, fuq bażi preliminari, li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom ( 48 ). |
82. |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ). |
83. |
B’mod partikolari, l-obbligu ta’ rinviju, stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 KE, jaqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilita sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u l-Qorti tal-Ġustizzja ( 50 ). |
84. |
Għandu jitfakkar li l-obbligu tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, li jressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu b’mod partikolari l-għan li jevita li tiġi stabbilita, fi Stat Membru, xi ġurisprudenza nazzjonali li ma tkunx konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 51 ). |
85. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-għan jintlaħaq meta jkunu marbuta b’dan l-obbligu ta’ rinviju, ħlief fil-limiti permessi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Cilfit et ( 52 ), il-qrati supremi kif ukoll kwalunkwe qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju ( 53 ). |
86. |
Sa fejn ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha l-obbligu, fil-prinċipju, li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta titqajjem quddiemha kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat FUE ( 54 ). |
87. |
Mir-relazzjoni bejn it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija fit-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l-oħra f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni biex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex obbligati li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemhom, jekk il-kwistjoni ma tkunx rilevanti, jiġifieri, fil-każijiet li, tkun xi tkun ir-risposta għal dik il-kwistjoni, din ma jkun jista’ jkollha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima ( 55 ). |
88. |
Min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn jikkonstataw li huwa neċessarju li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawża quddiemhom, l-Artikolu 267 TFUE jimponi fuqhom, bħala prinċipju, l-obbligu li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kull kwistjoni ta’ interpretazzjoni li tqum ( 56 ). |
89. |
B’dan il-mod, fil-każ ta’ tilwima li tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju huwa li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandha obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-possibbiltà li tirrinunzja milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija l-eċċezzjoni. |
90. |
Is-sentenza Cilfit et ( 57 ) timponi fuq il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza dmir ikbar ta’ motivazzjoni meta jastjenu milli jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
91. |
B’hekk, fir-rigward tal-ambitu tal-obbligu msemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ġie limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew minn wara din is-sentenza li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali hija meħtieġa, meta titqajjem quddiemha kwistjoni dwar id-dritt tal-Unjoni, li twettaq l-obbligu tagħha ta’ rinviju, sakemm ma ssibx li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni timponi ruħha b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli. L-eżistenza ta’ tali eventwalità għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li l-interpretazzjoni tiegħu toħloq u tar-riskju ta’ diverġenza fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 58 ). |
92. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Köbler ( 59 ), il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Cilfit et ( 60 ) tħalli biss f’idejn il-qorti nazzjonali r-responsabbiltà li tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni timponix ruħha b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli u, għalhekk, li tiddeċiedi jekk tastjenix jew le milli tirreferi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemha lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 61 ). |
93. |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju u minħabba l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet diverġenti fost il-qrati nazzjonali rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata fir-rigward tal-fatti tal-każ, is-Supremo Tribunal de Justiça kienx iġġustifikat jew le li ma jsib “ebda dubju raġonevoli” dwar il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni mqajma u għaldaqstant setax jastjeni milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
94. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandhom jeżerċitaw prudenza partikolari qabel ma jeliminaw l-eżistenza ta’ kwalunkwe dubju raġonevoli. Huma għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għaliex huma ċerti li qegħdin japplikaw b’mod korrett id-dritt tal-Unjoni. |
95. |
Din il-prudenza għandha twassalhom, b’mod partikolari, sabiex jiddeterminaw b’mod preċiż jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jagħżlu tikkunsidrax debitament il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li toħloq l-interpretazzjoni tiegħu kif ukoll ir-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni. |
96. |
Is-Supremo Tribunal de Justiça kkunsidra li l-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva, u b’mod partikolari dak tat-trasferiment ta’ negozju, kienu ċari biżżejjed fir-rigward tal-interpretazzjoni ġudizzjarja. Dan kien ifisser, fil-fehma tiegħu, li f’dan il-każ ma kienx hemm ħtieġa li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
97. |
Dan l-approċċ jidhirli li huwa żbaljat għaliex nafu li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju huwa kkaratterizzat minn approċċ ta’ każ b’każ. Il-każijiet li jitressqu suċċessivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tirfina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett. Din hija għalhekk ġurisprudenza li tevolvi kontinwament. Din il-karatteristika kellha twassal lis-Supremo Tribunal de Justiça għal approċċ prudenti qabel ma jiddeċiedi li ma jadixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
98. |
Ma’ din il-kunfidenza eċċessiva fin-natura kkonsolidata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju hemm ukoll kunsiderazzjoni inkompleta ta’ din il-ġurisprudenza, li wasslet lis-Supremo Tribunal de Justiça biex jagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett. |
99. |
F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett li għandu jiġi interpretat, qorti nazzjonali li, fil-prinċipju, hija suġġetta għall-obbligu tar-rinviju u li tikkunsidra li t-tilwima li tressqet quddiemha tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha żewġ possibbiltajiet minn fejn tagħżel. Jew tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb iktar kjarifiki fid-dawl tat-tilwima li trid tiddeċiedi dwarha, jew tiddeċiedi li ma twettaqx l-obbligu tagħha tar-rinviju, iżda mbagħad ikollha taċċetta u tapplika r-risposta diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ma tadotta l-ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet u tagħti interpretazzjoni oħra tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, din il-qorti twettaq ksur ta’ dan id-dritt li għandu jitqies li huwa suffiċjentement ikkaratterizzat ( 62 ). Dan jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat b’mod suffiċjenti meta dan isir b’mod manifestament kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett ( 63 ). |
100. |
Fil-qosor, kieku kkunsidra sewwa u kompletament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża dik l-iktar reċenti, is-Supremo Tribunal de Justiça ma kienx ikun daqstant ċert rigward l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huwa għamel. |
101. |
Huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta pożizzjoni stretta rigward it-tfakkir tal-obbligu tar-rinviju li għandhom il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-każ Traghetti del Mediterraneo ( 64 ) u kif juri dan il-każ, “il-ksur ta’ tali obbligu jista’ jwassal biex il-qorti kkonċernata tagħmel żball [...], kemm jekk ikun żball fl-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] applikabbli kif ukoll żball fid-deduzzjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għal interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jew għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt [tal-Unjoni]” ( 65 ). |
102. |
Barra minn hekk, insostni li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali tal-obbligu tagħhom ta’ rinviju jċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-funzjoni fundamentali mogħtija lilha mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiżgura “r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati”. |
103. |
Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-proċess li, fil-kuntest ta’ dan il-każ, il-qrati Portugiżi kienu waslu għal pożizzjonijiet diverġenti rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju. Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji meħuda minn qrati nazzjonali waħedha ma hijiex suffiċjenti biex jiskatta l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din hija element kuntestwali li jsaħħaħ il-kunsiderazzjoni li s-Supremo Tribunal de Justiça kellu jkun iktar prudenti u jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
104. |
Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, fil-fehma tiegħi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
C – Dwar it-tielet domanda
105. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tas-sentenza Köbler ( 66 ), għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li kkawżat id-dannu. |
106. |
Infakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tas-SRMKI, “[it-]talba għall-kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li tikkawża d-dannu mill-qorti kompetenti”. |
107. |
Sabiex jiġi stabbilit jekk din il-kundizzjoni hijiex konformi jew le mad-dritt tal-Unjoni, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li għalih huwa responsabbli huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat ( 67 ). |
108. |
Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli għal deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, minħabba l-ispeċifiċità tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll ir-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali, ir-responsabbiltà tal-Istat, f’ipoteżi simili, ma hijiex bla limitu. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-responsabbiltà ma tirriżultax ħlief fil-każ eċċezzjonali fejn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, il-qorti nazzjonali li trid tiddeċiedi dwar talba għad-danni għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni quddiemha u, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-regola li ma ġietx osservata, in-natura volontarja tal-ksur, in-natura skużabbli jew le tal-iżball ta’ liġi, il-pożizzjoni li ttieħdet, meta applikabbli, minn istituzzjoni tal-Unjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti inkwistjoni, tal-obbligu tagħha li titlob deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ( 68 ). |
109. |
Kif diġà indikajt qabel, din l-inosservanza manifesta tad-dritt tal-Unjoni applikabbli hija preżunta, fi kwalunkwe każ, meta d-deċiżjoni kkonċernata tittieħed billi b’mod ċar ma tiġix kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett ( 69 ). |
110. |
Dritt għal kumpens jinħoloq għalhekk, jekk din il-kundizzjoni relatata mal-inosservanza manifesta tad-dritt tal-Unjoni applikabbli tkun sodisfatta, hekk kif ikun ġie stabbilit li r-regola tad-dritt miksura għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li hemm rabta kawżali diretta bejn l-allegat ksur manifest u d-dannu mġarrab mill-persuna kkonċernata. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma, fil-fatt, neċessarji u suffiċjenti biex jagħtu, favur l-individwi, dritt biex jinkiseb kumpens, mingħajr madankollu ma jiġi eskluż li jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali ( 70 ). |
111. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li, bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt tal-Unjoni, ladarba dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) ( 71 ). |
112. |
Huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li wieħed jeżamina l-modalità proċedurali prevista fl-Artikolu 13(2) tas-SRMKI. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tali modalità proċedurali hijiex ta’ natura li trendi, fil-prattika u f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impossibbli jew ferm diffiċli l-kisba ta’ kumpens mill-individwu li jkun ġarrab id-dannu. |
113. |
Il-punt kruċjali hawnhekk huwa li jiġi ddeterminat jekk dan l-individwu jibbenefikax jew le mill-possibbiltà ta’ azzjoni kontra s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça li kkawżatlu d-dannu. Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż, għall-ewwel wieġeb fin-negattiv għal din il-mistoqsija qabel ma biddel ftit ir-risposta tiegħu b’mod ftit li xejn konvinċenti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-istat tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar dan il-punt. Jekk din il-qorti tasal għall-konstatazzjoni li l-individwu li ġarrab id-dannu ma għandux il-possibbiltà ta’ azzjoni kontra s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça li kkawżatlu d-dannu, ikun xieraq li tikkunsidra li l-modalità proċedurali prevista mill-Artikolu 13(2) tas-SRMKI tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività sa fejn din tagħmilha impossibbli għal dan l-individwu li jikseb kumpens. |
114. |
Fi kwalunkwe każ, jidhirli mid-dibattiti li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk tali possibbiltà ta’ azzjoni kontra sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça kellha tkun identifikata, din tidher li hija pjuttost teoretika u diffiċli biex tiġi implementata ( 72 ). Għaldaqstant, sa fejn il-modalità proċedurali prevista fl-Artikolu 13(2) tas-SRMKI toħloq, f’din l-ipoteżi, ostaklu serju għall-kisba ta’ kumpens mill-individwu ġarrab id-dannu, hija tibqa’, fil-fehma tiegħi, kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, tali modalità proċedurali tagħmilha ferm diffiċli għal dan l-individwu sabiex jikseb kumpens. |
115. |
Għaldaqstant jiena nikkonkludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tas-sentenza Köbler ( 73 ), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li kkawżat id-dannu. |
IV – Konklużjoni
116. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi li r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi li saru mill-Varas Cíveis de Lisboa għandhom ikunu skont kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 82, p. 16, iktar ’il quddiem id-“direttiva”.
( 3 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.
( 4 ) ĠU L 61, p. 26.
( 5 ) ĠU L 201, p. 88.
( 6 ) Iktar ’il quddiem is-“SRMKI”
( 7 ) Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 251, tal-31 ta’ Diċembru 2007.
( 8 ) Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 137, tas-17 ta’ Lulju 2008.
( 9 ) Is-Supremo Tribunal de Justiça jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 15 tas-sentenza Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Gimnasio Deportivo San Andrés (C‑688/13, EU:C:2015:46, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punti 17, 20 u 21).
( 14 ) 135/83, EU:C:1985:55.
( 15 ) Punt 30.
( 16 ) C‑319/94, EU:C:1998:99.
( 17 ) Punt 32.
( 18 ) C‑399/96, EU:C:1998:532.
( 19 ) Punt 35.
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Spijkers (24/85, EU:C:1986:127, punt 13); Redmond Stichting (C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24); Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 14), kif ukoll Abler et (C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 33).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ibidem (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ibidem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ibidem (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) C‑13/95, EU:C:1997:141.
( 28 ) Punt 15.
( 29 ) Sentenza Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 32).
( 30 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça.
( 31 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.
( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2008:614).
( 33 ) Punt 3.6.1, l-aħħar paragrafu.
( 34 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.
( 35 ) Punt 42.
( 36 ) Punt 43.
( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 27); Mayeur (C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 53); Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 34), kif ukoll Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 44).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mayeur (C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 54); Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 36), kif ukoll Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 44).
( 39 ) Sentenza Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 45).
( 40 ) Ibidem (punt 46).
( 41 ) Ibidem (punt 47).
( 42 ) Ibidem (punt 48).
( 43 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.
( 44 ) Idem.
( 45 ) Idem.
( 46 ) Punt 50.
( 47 ) Punt 49.
( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schneider (C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 20); Stradasfalti (C‑228/05, EU:C:2006:578, punt 44), kif ukoll Kirtruna u Vigano (C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 25).
( 49 ) Sentenzi Schneider (C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 21); Längst (C‑165/03, EU:C:2005:412, punt 31), kif ukoll Kirtruna u Vigano (C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 26).
( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Ibidem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) 283/81, EU:C:1982:335.
( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Sentenza Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ibidem (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) 283/81, EU:C:1982:335.
( 58 ) Sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 33).
( 59 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.
( 60 ) 283/81, EU:C:1982:335.
( 61 ) Sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 62 ) Ara Pertek, J., “Renvoi préjudiciel en interprétation”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu 361, 2010, § 97.
( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 64 ) C‑173/03, EU:C:2005:602.
( 65 ) Punt 66.
( 66 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.
( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 69 ) Ibidem (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 72 ) Matul is-seduta, il-Gvern Portugiż indika, barra minn hekk, li huwa ma kienx jaf b’każijiet fejn l-Artikolu 696(f) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż il-ġdid kien ġie implementat f’sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça mad-dritt tal-Unjoni.
( 73 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.