Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0154

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:543

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑154/14 P

SKW Stahl-Metallurgie GmbH

SKW Stahl-Metallurgie Holding AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 — Artikoli 12 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 — Regoli proċedurali applikabbli għall-investigazzjonijiet ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE — Dritt għal smigħ — Seduta għas-sottomissjonijiet orali — Seduta in camera quddiem il-Kummissjoni”

1. 

Impriżi bla dubju għandhom dritt li jinstemgħu b’rabta ma’ investigazzjonijiet ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu, hemm dritt li jinstemgħu fil-privat? Din fil-qofol hija l-mistoqsija li tirrigwarda dan l-appell. Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, l-opinjoni tiegħi hija li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

2. 

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tħassar sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 2 ), li kkonfermat deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 3 ) li imponiet fuqhom multa ta’ EUR 13300000 talli pparteċipaw f’akkordju fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju. It-talba ewlenija tal-appellanti hija li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma wissitx lill-Kummissjoni talli rrifjutat it-talba tagħhom għal seduta in camera għas-sottomissjonijiet orali ( 4 ) matul il-proċedura amministrattiva.

3. 

Dwar l-aggravji l-oħra miġjuba mill-appellanti, ser inqishom fil-qosor, billi nikkonċentra volontarjament fuq l-ewwel aggravju.

I – Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ) (“Seduta tal-partijiet, l-ilmenti u oħrajn”) jipprovdi:

“1.   Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. […]

2.   Id-dritt[ijiet] tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. […]”

5.

Skont l-Artikolu 33(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ħarġet dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni dwar, inter alia, l-arranġamenti prattiċi għas-seduti previsti mill-Artikolu 27 tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fir-Regolament Nru 773/2004 ( 6 ). Intitolat “Dritt ta’ smigħ orali (seduta)”, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lihom tkun indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“DO”) l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

6.

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004 (“Tmexxija tas-smigħ orali (seduta)”) jgħid:

“6.   Is-smigħ orali (seduta) m’għanudx [ma għandux] ikun pubbliku. Kull persuna tista’ tinstema’ separatament jew fil-preżenza ta’ persuni oħra mistiedna biex jattendu, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.

7.   L-Uffiċjal tas-Smigħ (seduta) jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata, lil min jagħmel l-ilment, persuni oħra mistiedna għas-smigħ (seduta), is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri biex jagħmlu mistoqsijiet matul is-smigħ (seduta).

8.   Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna li nstemgħet għandhom ikunu rridordjati [rrikordjati]. Wara talba, l-irrekordjar tas-smigħ (seduta) għandu jintgħamel disponibbli lill-persuni li attendew is-smigħ (seduta). Konsiderazzjoni għandha tingħata lill-interessi leġittimi tal-partijiet fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.”

7.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi li informazzjoni, inklużi dokumenti, ma għandhiex tiġi kkomunikata jew issir aċċessibbli mill-Kummissjoni jekk ikun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ xi persuna.

II – Il-kuntest tal-proċeduri

A – Sommarju

8.

Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, skont is-sentenza appellata ( 7 ), il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fornituri ewlenin ta’ karbonat tal-kalċju u ta’ manjeżju maħsuba għall-industriji tal-azzar u tal-gass kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, mis-7 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, fi ksur wieħed u kontinwat ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-ksur kien jikkonsisti fi qsim tas-suq, kwoti, allokazzjoni ta’ konsumaturi, iffissar ta’ prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn fornituri ta’ kristalli tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju f’parti sostanzjali tas-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem “il-ksur inkwistjoni”).

9.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet, fl-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kkontestata, li SKW Stahl-Metallurgie GmbH (iktar ’il quddiem “SKW”) kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, u li SKW Stahl-Metallurgie Holding AG (iktar ’il quddiem “SKW Holding”) kienet ipparteċipat fil-ksur mit-30 ta’ Awwissu 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li impjegati ta’ SKW kellhom x’jaqsmu direttament fl-akkordji u/jew fil-prattiki miftiehma deskritti fid-deċiżjoni kkontestata fil-perijodu msemmi iktar ’il fuq. Bejn it-30 ta’ Awwissu 2004 u s-16 ta’ Jannar 2007, SKW Holding kienet il-proprjetarja diretta ta’ 100 % ta’ SKW. Dan wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis, abbażi ta’ preżunzjoni li toħroġ minn dik il-proprjetà, li SKW Holding kienet teżerċita kontroll effettiv fuq SKW – preżunzjoni li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kienet “ikkonfermata” minn elementi fattwali addizzjonali ( 8 ) – u li SKW Holding kienet tagħmel parti minn unità ekonomika waħda ma’ SKW, u, b’hekk, setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa minn SKW.

B – Il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni ( 9 )

10.

Fir-risposta tagħhom tas-6 ta’ Ottubru 2008 għad-DO tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2008, l-appellanti argumentaw li, fil-fatt, Degussa u mhux SKW Holding eżerċitat influwenza deċiżiva fuq SKW, u talbu li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex jispjegaw dan. Mistiedna sabiex jidhru għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-appellanti talbu, b’messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Ottubru 2008, li jinstemgħu in camera dwar l-argumentazzjoni tagħhom b’rabta mar-rwol ta’ Degussa. L-appellanti ġġustifikaw it-talba tagħhom għar-raġuni li s-sopravivenza ekonomika ta’ SKW kienet tiddependi minn Degussa, li kienet tipprovdilha kważi t-totalità tal-kummerċ tagħha fil-karbur tal-kalċju, u li SKW kienet attwalment qed tinnegozja kuntratt ta’ provvista ġdid ma’ Degussa. L-appellanti argumentaw ukoll li s-sottomissjoni tal-fehmiet tagħhom fil-preżenza ta’ Degussa kienet tippreġudika serjament ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u setgħet twassal għal atti ta’ tpattija. B’messaġġ elettroniku tal-5 ta’ Novembru 2008, l-appellanti ssuġġerew, bħala soluzzjoni prattika, li Degussa tingħata aċċess għall-preżentazzjoni tagħhom in camera wara tmiem is-sena 2008 jew wara li jiġi konkluż ftehim ta’ provvista ġdid. L-appellanti bagħtu messaġġ elettroniku ieħor fis-6 ta’ Novembru 2008 lill-uffiċjal tas-seduta (iktar ’il quddiem l-“US”), li biha tennew dawn l-affarijiet.

11.

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Novembru 2008, l-US ma laqgħetx it-talba għal seduta in camera. Billi qieset li t-talba ma kinitx ibbażata, stricto sensu, fuq il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra tal-appellanti, l-US analizzatha mill-aspett tad-dritt għal smigħ. Filwaqt li nnotat li l-argument imqajjem mill-appellanti kien dwar l-imġiba ta’ Degussa u kien jeħtieġlu, sabiex jitqies bħala ċirkustanza mitiganti ( 10 ), li jiġi vverifikat ma’ dikjarazzjoni li kellha tinkiseb mingħand Degussa, l-US iddeċidiet ukoll li seduta in camera kienet tiċħad lil Degussa d-dritt tagħha li twieġeb oralment għall-allegazzjonijiet magħmula mill-appellanti. Fl-aħħar nett, l-US ma qisitx li s-soluzzjoni prattika ssuġġerita mill-appellanti kienet fattibbli, minħabba li la l-eżitu u lanqas kemm kienu ser idumu n-negozjati ma kienu ċerti.

12.

Inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali fl-10 u fil-11 ta’ Novembru 2008.

13.

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2009, l-appellanti għarrfu lill-US dwar il-fatt li kien intlaħaq ftehim ta’ provvista ġdid bejn SKW u Degussa, u li ma kien hemm xejn xi jfixkel seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-preżenza ta’ Degussa. Għaldaqstant huma talbu li jkollhom opportunità jippreżentaw, waqt seduta addizzjonali għas-sottomissjonijiet orali, il-fehmiet tagħhom dwar l-imġiba ta’ Degussa, li kienu baqgħu lura milli jagħmlu fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

14.

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2009, l-US ma laqgħetx it-talba għal seduta addizzjonali għas-sottomissjonijiet orali, billi kienet tal-fehma li jkun hemm lok għad-dritt għal smigħ meta tinħareġ DO u li dan id-dritt jingħata f’okkażjoni waħda biss. Madankollu, l-US ippermettiet lill-appellanti jissottomettu kummenti addizzjonali bil-miktub dwar din il-kwistjoni f’terminu ġdid.

15.

Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2009 lill-US, l-appellanti esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-fehma tal-US. Huma sostnew li d-dritt għal smigħ orali ma kienx “xi ħaġa ta’ darba biss” li kellu jingħata f’okkażjoni waħda, iżda kellu jkun żgurat tul il-proċedura kollha. Minħabba l-fatt li l-argumenti bil-miktub li l-appellanti kienu diġà ppreżentaw kienu naqsu milli jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-rwol ta’ Degussa u għad-dipendenza ta’ SKW fuq Degussa, l-appellanti oġġezzjonaw għall-idea li l-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub setgħet tieħu post id-dritt għal smigħ orali.

16.

Fid-9 ta’ Lulju 2009, l-US ħarġet l-aħħar rapport finali tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-ksur inkwistjoni ( 11 ), li kien jinkludi l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba tal-appellanti għal seduta in camera għas-sottomissjonijiet orali. L-US ikkonkludiet fir-rapport tagħha li l-abbozz ta’ deċiżjoni kien jirrigwarda biss l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet kienu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u li d-dritt għal smigħ tal-parteċipanti kollha fil-proċeduri kien ġie rrispettat.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

17.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2009, l-appellanti fetħu kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti ressqu sitt motivi ta’ annullament ibbażati fuq (i) ksur tad-dritt għal smigħ; (ii) applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 81 KE; (iii) ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni; (iv) ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; (v) ksur tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege; u (vi) ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

18.

Wara seduta pubblika li nżammet fis-16 ta’ April 2013, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fis-sentenza appellata, il-motivi kollha għal annullament u, konsegwentement, ir-rikors. Barra minn hekk, hija kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tagħhom stess u għal dawk tal-Kummissjoni.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

19.

Permezz tal-appell tagħhom, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2014, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha sa fejn tiċħad it-talbiet tal-appellanti, u tilqa’ fl-intier tagħhom it-talbiet tal-appellanti fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

iktar sussidjarjament, tnaqqas, ex aequo et bono, il-multi li ġew imposti fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata;

iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20.

Fir-risposta tagħha, ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21.

L-appellanti u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-13 ta’ Mejju 2015.

V – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

22.

L-appellanti jinvokaw erba’ aggravji insostenn tat-talbiet tagħhom, li essenzjalment huma s-segwenti: (i) billi ma ssanzjonatx il-Kummissjoni talli kisret id-drittijiet proċedurali tal-appellanti tul il-proċedura amministrattiva, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u, barra minn hekk, kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-projbizzjoni ta’ evalwazzjoni antiċipata tal-provi; (ii) billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi; (iii) billi kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipji ta’ ċarezza tas-sanzjonijiet u ta’ individwalità tal-pieni; fl-aħħar nett, (iv) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li argument imqajjem mill-appellanti matul il-proċeduri kien ġdid u għaldaqstant inammissibbli. Ser neżamina t-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv immedjatament u b’mod sommarju.

23.

Filwaqt li jqiegħdu fil-ġenb il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju – li l-Kummissjoni tikkontesta – l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis il-fatt li SKW Holding allegatament ma kellhiex interess ekonomiku fil-ksur inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li meta l-Kummissjoni jirnexxielha tiġbor provi li jsostnu l-ksur allegat, u meta dawn il-provi jidhru li huma biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, ma hemmx il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-impriża kkonċernata kellhiex interess kummerċjali fil-ftehim ( 12 ). Din il-parti tat-tieni aggravju hija, għalhekk, ineffettiva.

24.

Bit-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li meta kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kienet fehmet ħażin l-Artikolu 296 TFEU. Speċifikament, huma jissottomettu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqajjem il-kwistjoni mal-Kummissjoni talli ma qisitx l-argumenti kollha tagħhom, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni “msaħħaħ” ta’ din tal-aħħar b’rabta mal-impożizzjoni ta’ responsabbiltà fuq kumpannija parent għall-imġiba tas-sussidjarja tagħha. Madankollu, kif semmejt band’oħra, ma nemminx li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet espliċitament li hemm obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ f’sitwazzjoni bħal din ( 13 ). F’kull każ, nemmen li l-Qorti Ġenerali qieset adegwatament ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata, billi ma laqgħetx waħda mir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-proċedura minħabba li kienet żbaljata (għalkemm superfluwa). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx ħażin l-Artikolu 296 TFEU, u t-tieni parti tat-tieni aggravju hija, għalhekk, infondata.

25.

L-argument imressaq mill-appellanti fit-tielet aggravju tagħhom, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tispeċifika t-tqassim individwali – inter partes – tal-multa bejn il-parteċipanti tal-akkordju, ma ntlaqax fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et ( 14 ), mogħtija wara l-preżentata ta’ dan l-appell. Isegwi minn din id-deċiżjoni li dan l-aggravju huwa wkoll infondat, minkejja li l-appellanti pprovaw, waqt is-seduta, jagħtu tifsira partikolari lill-fehma tagħhom.

26.

Fl-aħħar nett, ma hemmx lok li jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli l-istess argument dwar it-tqassim tal-multa mressaq fil-kuntest tat-tielet aggravju. Ir-raba’ aggravju huwa, għalhekk, mingħajr effett, fid-dawl tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

27.

Fuq din il-bażi, ngħaddi għall-ewwel aggravju.

B – L-ewwel aggravju

1. Il-konstatazzjonijiet tas-sentenza appellata ( 15 )

28.

Fil-punti 35 sa 40 tas-sentenza appellata, wara li fil-bidu fakkret l-importanza tad-drittijiet tad-difiża u l-privileġġ marbut ma’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, il-Qorti Ġenerali għaddiet sabiex tinterpreta l-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004. Filwaqt li qieset li ma kienx eskluż, skont din id-dispożizzjoni, li seduti jinżammu fil-preżenza ta’ oħrajn, il-Qorti Ġenerali kompliet tosserva li kellu jitqies l-interess leġittimu ta’ impriżi li ma jkunux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Dan wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li toħloq bilanċ xieraq, każ b’każ, bejn, minn naħa, l-għan li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża ta’ impriżi li allegatament ikunu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u, minn naħa l-oħra, l-interessi legali ta’ terzi li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra matul l-investigazzjoni.

29.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad evalwat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, jekk l-argumentazzjoni li l-appellanti xtaqu jressqu in camera kinitx kruċjali għad-difiża tagħhom.

30.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet sabet li l-persunal jew il-maniġment biss ta’ SKW kien ipparteċipa direttament fil-ksur inkwistjoni. F’kuntrast ma’ dan, ir-responsabbiltà ta’ SKW Holding għall-istess ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni toħroġ mill-fatt li SKW Holding eżerċitat influwenza deċiżiva fuq SKW. Il-Qorti Ġenerali mbagħad qieset, fil-punti 47 sa 52 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux spjegaw b’liema mod il-possibbiltà li Degussa setgħet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq SKW kienet ser teħles lill-appellanti mir-responsabbiltà tagħhom stess. Speċifikament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet sussegwentement li l-kwistjoni jekk Degussa kinitx eżerċitat influwenza bħal din fuq SKW kienet irrilevanti għall-kwistjoni jekk SKW Holding kinitx irribattiet b’mod effettiv il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva li kellha bħala proprjetarja 100 % ta’ SKW.

31.

Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tal-appellanti ma setgħux wara kollox jeħilsuhom mir-responsabbiltà tagħhom. Il-Qorti Ġenerali inferixxiet minn dan li l-US, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Novembru 2008 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), kienet qieset b’mod korrett it-talba għal seduta in camera biss mill-perspettiva tar-rwol ta’ Degussa bħala ċirkustanza mitiganti, peress li l-argumentazzjoni tal-appellanti relatata magħha setgħet tkun ta’ benefiċċju biss għalihom minn dak l-aspett. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-analiżi tal-involviment ta’ Degussa bħala fattur mitiganti għar-responsabbiltà tal-appellanti kellha tkun evalwata fit-tieni parti tal-ħames motiv tagħhom għal annullament.

32.

Dwar l-ewwel motiv ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 57 sa 63 tas-sentenza appellata, li l-argument li r-rwol ta’ Degussa kellu jitqies bħala ċirkustanza mitiganti fir-rigward tal-appellanti jwassal, għall-kuntrarju, sabiex ir-responsabbiltà ta’ Degussa tiżdied. Għalhekk, l-US sewwa għamlet meta kkonkludiet li ma setgħetx tinżamm seduta in camera, minħabba li Degussa kienet intitolata twieġeb għal allegazzjonijiet bħal dawn. Il-Qorti Ġenerali qablet mal-US li s-soluzzjoni prattika proposta mill-appellanti ma kinitx tissodisfa d-dritt ta’ Degussa li twieġeb oralment għall-akkużi tal-appellanti waqt is-seduta. Fid-dawl tal-fatt li l-iżvolġiment korrett tal-proċedura amministrattiva jeżiġi li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli, il-Qorti Ġenerali qieset li l-US setgħet legalment tirrifjuta li żżomm seduta addizzjonali għas-sottomissjonijiet orali, minħabba li l-partijiet ma kinux intitolati, fil-fehma ta’ din il-qorti, għal seduta ġdida kull darba li ostaklu għas-sottomissjoni ta’ argumentazzjoni jisfa fix-xejn. Fl-aħħar nett, peress li l-US kienet tat lill-appellanti l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-ewwel motiv ta’ annullament tal-appellanti.

2. Argumenti tal-partijiet

33.

L-appellanti jissottomettu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li r-rifjut tal-Kummissjoni tat-talba tagħhom għal seduta in camera jammonta għal ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. Ir-rifjut kien sproporzjonat immens, inter alia, minħabba li t-talba tagħhom kienet kompletament raġonevoli u ma kinitx tippreġudika d-drittijiet proċedurali ta’ oħrajn. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali injorat id-drittijiet tad-difiża, minkejja li l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “[i]d-dritt[ijiet] tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri”. Seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-preżenza ta’ Degussa ma kinitx tagħti lill-appellanti l-possibbiltà li jispjegaw il-fehma tagħhom lill-Kummissjoni, minħabba li beżgħu li Degussa setgħet tieħu miżuri ta’ tpattija. Din kienet ir-raġuni għaliex l-appellanti talbu laqgħa qasira in camera li kellha ddum madwar tletin minuta. Barra minn hekk, l-appellanti ressqu – mingħajr suċċess – diversi soluzzjonijiet alternattivi li, fl-opinjoni tagħhom, kienu jirrispettaw id-dritt tagħhom għal smigħ.

34.

L-appellanti jikkontendu li l-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni qabilha, injorat manifestament l-interessi leġittimi tagħhom. Jagħmlu riferiment għall-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004 dwar l-interess ta’ impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati. Huma jissottomettu wkoll li jekk seduta in camera tista’ tinżamm sabiex jiġu protetti sigrieti kummerċjali (u għandu jingħata fejn ma jkun hemm ebda possibbiltà oħra sabiex jiġu protetti sigrieti bħal dawn), din huwa iktar u iktar il-każ meta seduta bħal din wisq probabbli tkun ser tiżgura protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata u li, fin-nuqqas ta’ seduta bħal din, l-eżistenza proprja ta’ dik l-impriża tkun mhedda.

35.

L-appellanti jargumentaw li hija biss seduta għas-sottomissjonijiet orali li tagħti l-possibbiltà li jinbeda djalogu mal-Kummissjoni sabiex jitneħħa kull dubju u sabiex tingħata tweġiba għal kull mistoqsija li tista’ tinqala’. Għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet korretta, fil-punti 38 sa 62 tas-sentenza appellata, li ssostni li l-interessi tal-impriża li titlob seduta in camera għandhom jiġi bbilanċjati ma’ dawk ta’ impriżi oħra li jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom kontra kull akkuża li jista’ jkun hemm, din il-qorti żbaljat meta qieset li l-interessi ta’ dawn tal-aħħar kienu iktar importanti u ġġustifikat li tirrifjuta s-soluzzjonijiet alternattivi proposti mill-appellanti. Meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma obbligatx lill-Kummissjoni tagħti prijorità lis-soluzzjoni li kienet taqdi l-interessi tal-partijiet kollha involuti u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet test ta’ bbilanċjar b’mod sproporzjonalment sfavorevoli għall-interessi tal-appellanti.

36.

L-appellanti jkomplu jgħidu li meta qieset li l-argumentazzjoni tagħhom ma setgħetx teħlishom mir-responsabbiltà, u li l-kwistjoni tal-kontroll ta’ Degussa fuq SKW kienet irrilevanti għall-eżami tar-responsabbiltà ta’ SKW Holding, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, evalwat minn qabel b’mod illegali l-provi. Minn naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-prova tal-eżerċizzju kontinwu ta’ kontroll minn kumpannija fuq dik li qabel kienet sussidjarja tagħha setgħet tqiegħed f’dubju l-influwenza prinċipali tal-kumpannija l-ġdida fuq is-sussidjarja. Huma jissottomettu ulterjorment li l-argument tagħhom relatat mar-rwol ta’ Degussa ma kienx biss argument ta’ mitigazzjoni, iżda kien isostni wkoll il-fehma li SKW Holding ma kienet daħlet f’ebda responsabbiltà.

37.

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-effetti tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, l-appellanti jissottomettu li, kif intqal fl-ewwel istanza, ikun biżżejjed li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, peress li, kieku ma kienx għall-iżball proċedurali li għamlet il-Kummissjoni, kien ikun konċepibbli li l-proċedura amministrattiva seta’ kellha riżultat differenti.

38.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tal-appellanti. Dwar l-influwenza eżerċitata minn SKW Holding fuq SKW, il-Kummissjoni tissottometti li l-appellanti ma joġġezzjonawx għall-applikazzjoni ta’ standard ta’ prova żbaljat, iżda pjuttost għall-konstatazzjonijiet tal-fatti u għall-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jallegaw żnaturament tal-provi, li huwa inammissibbli f’appell.

3. Evalwazzjoni

a) Ammissibbiltà

39.

Għal dak li jirrigwarda l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma en passant mill-Kummissjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), infakkar li, permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti ma jikkontestawx ir-responsabbiltà ta’ SKW Holding minħabba l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq SKW (li hija, minflok, il-qofol tat-tieni aggravju tagħhom), iżda jilmentaw dwar ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt li jinstemgħu b’mod effikaċi. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta fittxet bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-appellanti sabiex jiksbu seduta in camera ma’ dawk ta’ partijiet oħra – speċifikament Degussa – sabiex iwieġbu għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, kif ukoll meta rrifjutat il-proposti alternattivi tagħhom. Dan huwa punt ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tisma’, skont l-Artikolu 256(1) TFEU u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b) Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar id-dritt għal smigħ fi proċeduri amministrattivi quddiem il-Kummissjoni

40.

Il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni fi proċeduri skont l-Artikolu 101 TFEU tinqasam f’żewġ stadji distinti u suċċessivi, kull wieħed minnhom skont il-loġika tiegħu proprja: stadju ta’ investigazzjoni preliminari u stadju inter partes. L-investigazzjoni preliminari, li tkopri l-perijodu san-notifika tad-DO, hija maħsuba sabiex biha l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor il-provi rilevanti kollha li jikkonfermaw li kien jew ma kienx hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tadotta pożizzjoni inizjali dwar kif għandha tiżvolġi l-proċedura. L-istadju inter partes, li jkopri l-perijodu min-notifika tad-DO sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, huwa maħsub sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal deċiżjoni finali dwar il-ksur allegat. Huwa biss fil-bidu tal-istadju inter partes li l-parti kkonċernata tiġi mgħarrfa, permezz tad-DO, tal-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tkun qed tibbaża ruħha f’dak l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li tinħareġ id-DO li dik il-parti tkun tista’ tinvoka għalkollox id-drittijiet tad-difiża tagħha ( 16 ).

41.

Fir-rigward tal-istadju inter partes, id-dritt għal smigħ jista’ jiġi eżerċitat b’żewġ fażijiet konsekuttivi: bil-miktub u orali.

42.

Dwar l-ewwel fażi, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-partijiet ikkonċernati bl-oġġezzjonijiet magħmula kontra tagħhom, u d-DO tiġi nnotifikata bil-miktub lil kull waħda mill-partijiet li kontra tagħha jkunu saru oġġezzjonijiet. L-Artikolu 10(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi d-dritt li tingħata tweġiba bil-miktub għad-DO f’terminu ffissat mill-Kummissjoni, billi jiġu stabbiliti l-fatti kollha li jkunu rilevanti għad-difiża. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet riċevuti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

43.

Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 773/2004, il-partijiet li jwieġbu għad-DO għandhom jindikaw kull materjal li huma jikkunsidraw li huwa kunfidenzjali, billi jagħtu r-raġunijiet, u jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali separata sat-terminu mogħti sabiex tingħata tweġiba għad-DO. Skont Artikolu 16(3) tiegħu, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, titlob lill-partijiet jagħmlu l-istess. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tista’ tassumi li l-materjal ma jkunx kunfidenzjali skont l-Artikolu 16(4) tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-partijiet jistgħu jitolbu aċċess għall-file skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament fir-rigward ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali.

44.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li huwa għall-partijiet li jqisu eżattament kemm informazzjoni, ftit jew ħafna, ikunu jixtiequ jagħtu lill-Kummissjoni fit-tweġiba bil-miktub tagħhom. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom jiddeterminaw jekk ikunux jixtiequ jagħtu informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali u, jekk iva, jindikaw dan. Inevitabbilment, fil-każ li l-Kummissjoni ma taqbilx man-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni – bla ħsara għal stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jkun hemm mill-qrati tal-Unjoni – il-parti li tagħti informazzjoni bħal din tieħu r-riskju kummerċjali li parti oħra tkun tista’ tikseb din l-informazzjoni billi jkollha aċċess għall-file.

45.

Fir-rigward tat-tieni fażi, jiġifieri d-dritt għal smigħ orali — li ma kienx dejjem dritt inerenti ( 17 ) — il-partijiet huma intitolati, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 773/2004, jidhru għal seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jkunu għamlu talba għal dan il-għan fir-risposta tagħhom għad-DO.

46.

Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali ssir skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004. Skont l-Artikolu 14(6) tiegħu, persuni jistgħu jinstemgħu separatament jew fil-preżenza ta’ oħrajn, fid-dawl ta’ kull interess leġittimu fil-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna għandhom ikunu rrikordjati skont l-Artikolu 14(8) tar-Regolament, u rrekordjar bħal dan għandu jsir aċċessibbli lil persuni li jkunu attendew għas-seduta, dejjem fid-dawl tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tal-partijiet.

47.

Il-partijiet li jkunu wieġbu għad-DO, jistgħu, għalhekk, jagħżlu li jitolbu li jinstemgħu oralment. L-eżerċizzju ta’ din l-għażla jammonta għal deċiżjoni oħra ta’ negozju, li dwarha għandha titqies il-possibbiltà li jkunu preżenti partijiet oħra, u li l-informazzjoni żvelata tkun tista’ taqa’ f’idejn persuni oħra. Madankollu rrid nisħaq li ma hemmx obbligu li wieħed jattendi għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

48.

Fl-aħħar nett, iżda mhux ta’ inqas importanza, id-dritt għal smigħ għandu aspett sostantiv vitali: il-protezzjoni proċedurali effettiva tal-partijiet ikkonċernati. Tabilħaqq, fi proċeduri li fihom ikunu jistgħu jiġu imposti multi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jitħares, anki fi proċeduri amministrattivi ( 18 ). Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha, fid-deċiżjonijiet tagħha, tittratta biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet, li lilhom tkun ġiet indirizzata DO, setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet.

49.

Madankollu, dan il-każ huwa partikolari għaliex, fir-realtà, huwa jikkonċentra fuq il-kwistjoni ta’ x’forma d-dritt għal smigħ quddiem il-Kummissjoni għandu jieħu, iktar milli fuq s-sustanza tiegħu. F’dan ir-rigward, li wieħed jinstema’ bil-miktub, iktar milli oralment, fih innifsu ma huwiex problematiku. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “Qorti EDB”), fi proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ piena, ikun biżżejjed jekk sussegwentement il-partijiet ikollhom jedd għal seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem qorti jew tribunal imparzjali u indipendenti ( 19 ).

c) Eżami tal-ewwel aggravju

50.

Jiena nara żewġ argumenti ewlenin fl-ewwel aggravju tal-appellanti, it-tnejn ibbażati fuq id-dritt għal smigħ: l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali naqset illegalment milli tissanzjona lill-Kummissjoni talli din irrifjutat it-talba tagħhom għal seduta in camera, billi evalwat minn qabel b’mod illegali l-provi fil-proċedura. It-tieni nett, din il-qorti aġixxiet b’mod sproporzjonat meta naqset milli twiddeb lill-Kummissjoni talli din ma qablitx mas-soluzzjonijiet alternattivi proposti mill-appellanti. Ser neżamina hawn taħt iż-żewġ argumenti suċċessivament.

i) Jeżisti dritt għal seduta in camera?

51.

Nixtieq nibda billi ninnota li l-US tidher li qieset li l-informazzjoni li permezz tagħha l-appellanti pprovaw jiġġustifikaw it-talba tagħhom għal seduta in camera setgħet, f’termini kwalitattivi, twassal sabiex tinżamm tali seduta ( 20 ).

52.

F’kull każ, sa fejn nista’ ngħid, ma hemmx dritt għal seduta in camera ( 21 ).

53.

Mkien fir-Regolament Nru 1/2003 jew fir-Regolament Nru 773/2004 ma huwa indikat dritt bħal dan. B’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jgħid sempliċement li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tindirizza DO l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta għas-sottomissjonijiet orali, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom. Madankollu din id-dispożizzjoni hija siekta dwar seduta in camera.

54.

B’mod simili, la l-kliem, la l-kuntest, u lanqas l-għan tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004 – speċifikament l-Artikolu 14(6) – ma jipprovdu dritt bħal dan.

55.

Il-kliem tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprovdi li kull persuna tista’ tinstema’ separatament fil-preżenza ta’ persuni oħra mistiedna sabiex jattendu, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra. Iktar minn sempliċi awtorizzazzjoni, dan jimplika għażla, mhux obbligu. Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(6) ta’ dan ir-regolament jidher li din l-għażla tkun tiddependi mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-interess tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra.

56.

Kif nifhem lill-appellanti, huma essenzjalment jargumentaw li “tista’” għandha, f’dan il-każ, tiġi interpretata bħala “għandha”. Madankollu, minbarra li dan ikun kontrointuwittiv, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ għal diversi raġunijiet.

57.

L-ewwel nett, il-kuntest tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004 jikkonferma l-fehma li l-għoti ta’ seduta in camera huwa fid-diskrezzjoni tal-US. L-Artikolu 14(7) tar-Regolament Nru 773/2004 jgħid li l-US jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom tkun ġiet indirizzata DO, lil min jagħmel l-ilment u lil persuni oħra mistiedna għas-seduta sabiex jagħmlu mistoqsijiet matul is-seduta. Anki t-titolu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004 (“Tmexxija tas-smigħ orali (seduta)”) jissuġġerixxi li l-għan tal-Artikolu 14 huwa prinċipalment li jistabbilixxi regoli sabiex tkun żgurata t-tmexxija mingħajr diffikultajiet ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali mill-US, li jimplika li l-US għandu jkollu miżura ta’ diskrezzjoni maniġerjali. Bil-maqlub, meta impriżi jingħataw drittijiet speċifiċi (jew l-US jingħatalu obbligu speċifiku), dan ikun speċifikat b’mod ċar fit-test stess, pereżempju l-Artikoli 12(1) jew 14 tar-Regolament Nru 773/2004, fejn dan tal-aħħar juża, f’diversi okkażjonijiet, il-kliem li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Din żgur ma hijiex koinċidenza.

58.

Barra minn hekk, l-għan tar-Regolament Nru 773/2004 lanqas ma jissuġġerixxi dritt għal seduta in camera. Infakkar li mill-Artikolu 33(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li r-Regolament Nru 773/2004 huwa intiż sabiex jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi sabiex jiġi żgurat li l-impriżi li jkunu s-suġġett tal-proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni jingħataw l-opportunità li jinstemgħu dwar materji li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom, u li deċiżjonijiet finali jkunu bbażati biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet. Bil-maqlub, ma huwiex l-għan tar-Regolament li jiżgura li impriżi attwalment jinstemgħu (inqas u inqas fil-privat) – b’mod kruċjali, din hija kwistjoni li l-impriżi stess għandhom jitolbu. Barra minn hekk, kif diġà ssemma, l-assenza ta’ dritt għal seduta in camera jidher li ma hijiex problematika mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali (ara iktar ’il fuq fil-punt 49). Nixtieq inżid li l-fatt li l-appellanti jqisu li jkun iktar effikaċji jekk jinstemgħu oralment milli bil-miktub hija kwistjoni ta’ preferenza, mhux ta’ liġi.

59.

Fuq livell iktar ġenerali, il-proċedura quddiem il-Kummissjoni tidher li tirrifletti prinċipju mhux miktub li s-setgħa li jiġi deċiż jekk seduta għandhiex tinżamm in camera hija tal-korp imparzjali li jmexxi s-seduta (li għandha tiġi eżerċitata fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba). Tabilħaqq, kif il-Qorti tal-Ġustizzja taf sewwa, fi proċeduri quddiem il-qrati tal-UE, id-deċiżjoni li tinżamm seduta in camera ma hijiex fil-kontroll tal-partijiet, iżda tal-korp ġudikanti ( 22 ). Dan japplika wkoll għal seduti għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti EDB ( 23 ). Barra minn hekk, infakkar li fi proċeduri ġudizzjarji, talba għal seduta ex parte in camera – jiġifieri meta wieħed jinstema’ waħdu minn korp ġudikanti – għandha titqies bħala irregolari ħafna ( 24 ).

60.

Madankollu, dan l-eżempju atipiku ma huwiex rilevanti għall-każ inkwistjoni peress li, essenzjalment, il-proċedura quddiem il-Kummissjoni għandha natura amministrattiva u li din l-istituzzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala korp ġudikanti. Jekk xejn, il-proċedura hija inter partes bejn il-parti kkonċernata u l-Kummissjoni, iktar milli kontenzjuża bejn l-impriżi ssuspettati li pparteċipaw fi ksur speċifiku. Waħda mill-konsegwenzi ta’ dan hija, pereżempju, li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħti lil partijiet l-opportunità li jagħmlu kontroeżami ta’ xhieda u li janalizzaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-istadju tal-investigazzjoni ( 25 ) (jew, bl-istess raġunament, fl-istadju inter partes). Madankollu, dan ifisser ukoll li l-Kummissjoni tista’ timponi pieni biss għall-istanzi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet. Għalhekk, jekk parti tkun tixtieq tiżvela informazzjoni li tkun kunfidenzjali u li tista’ tinkrimina parti oħra fil-proċeduri amministrattivi, huwa evidenti għalija li, jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni tkun tixtieq tibbaża ruħha fuq din l-informazzjoni, hija jkollha toħroġ DO komplementari lill-parti l-oħra ( 26 ) (billi l-Kummissjoni ma hijiex obbligata “tiftaħ proċeduri” kontra lmenti oħra). Minn dan isegwi li, fil-każ inkwistjoni, ma kien hemm l-ebda obbligu li jitqiesu l-interessi ta’ Degussa: li kieku l-Kummissjoni xtaqet tagħti iktar pieni lil Degussa billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni tal-appellanti, kien ikollha toħroġ DO addizzjonali. Għaldaqstant, ir-raġunijiet mogħtija mill-US sabiex tirrifjuta milli żżomm seduta in camera, ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali, ma kinux korretti ( 27 ).

61.

Fid-dawl tal-kummenti ġenerali magħmula iktar ’il fuq, ma hemm xejn sorprendenti dwar il-fatt li huwa l-US li għandu jiddeċiedi jekk iżommx seduta separata għas-sottomissjonijiet orali ta’ dik il-parti fejn dan jidher li jkun xieraq, pereżempju, sabiex jipproteġi s-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ parti. Tabilħaqq, uffiċjali tal-UE għandhom dmir li jħarsu sigrieti bħal dawn ( 28 ) u, kif diġà ssemma, il-proċedura amministrattiva għandha titmexxa skont regoli mfassla għal dan l-għan. Madankollu, huwa interessanti li l-kliem tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004 ma jagħmel ebda distinzjoni, għal dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità, bejn seduti in camera u dawk konġunti.

62.

Din teħodni għall-punt tiegħi li jmiss: xejn fil-kliem tar-Regolament Nru 773/2004 ma jissustanzja l-fehma li informazzjoni mogħtija f’seduta in camera – jew, sabiex inkun iktar preċiż, separata – tista’ tikkwalifika awtomatikament bħala kunfidenzjali. Dan jiddependi biss minn dak li jingħad f’seduta bħal din. Fil-fatt, għad-differenza ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-DO, li jirrikjedu evalwazzjoni ex post, meta tirċievi talba għal seduta in camera, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni preliminari ex ante dwar jekk l-informazzjoni li l-parti tkun biħsiebha tagħtiha tkunx attwalment kunfidenzjali. B’riskju li ngħid dak li huwa ovvju, informazzjoni mhux kunfidenzjali li tingħata matul seduta in camera ma tistax skont il-liġi tinżamm milli tingħata lil partijiet oħra li jitolbu aċċess għall-file.

63.

Għalhekk, parti li t-talba tagħha għal seduta in camera tiġi rrifjutata għandha tqis sewwa jekk tkunx għadha tixtieq tipparteċipa fis-seduta konġunta għas-sottomissjonijiet orali u, jekk iva, x’għandha tgħid. Din il-parti ma tkunx obbligata tiżvela informazzjoni kunfidenzjali quddiem il-parteċipanti kollha. Alternattivament, din il-parti tista’, minflok, tagħżel, f’waqt iktar bikri fiż-żmien, li tissottometti informazzjoni kunfidenzjali bil-miktub lill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għad-DO, u titlob trattament kunfidenzjali tagħha. Dan jista’ jinvolvi wkoll li wieħed jieħu riskju kummerċjali, iżda, skont iċ-ċirkustanzi, tista’ tkun għażla aħjar milli tintalab seduta in camera. Għaldaqstant, il-proċedura amministrattiva tiżgura li l-partijiet jistgħu jiddeċiedu jekk jippreżentawx lill-Kummissjoni informazzjoni li huma jqisu kunfidenzjali u, jekk iva, jekk għandhomx jagħmlu hekk oralment jew bil-miktub (anki jekk huwa minn li huma ma għandhomx l-aħħar kelma dwar il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità). Għalhekk l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ invarjabbilment jinvolvi deċiżjonijiet kummerċjali għall-partijiet ( 29 ). Din il-kawża turi dan: l-appellanti għażlu (liema fatt wieħed jista’ jifhem) li jagħtu prijorità lil għan kummerċjali wieħed – sopravivenza ekonomika – fuq ieħor, jiġifieri, il-possibbiltà ta’ multi iktar baxxi.

64.

Ovvjament, meta l-Kummissjoni tiżvela illegalment informazzjoni kunfidenzjali, parti jkollha d-dritt iġġib azzjoni għad-danni skont l-Artikolu 268 TFEU ( 30 ). Madankollu huwa importanti ħafna li wieħed jiftakar li l-kwistjoni dwar jekk informazzjoni tistax tiġi żvelata legalment ma hijiex relatata mal-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ. Fi kliem ieħor, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma jaffettwax neċessarjament il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġu imposti multi.

65.

Fl-aħħar nett, għalkemm id-deċiżjoni sabiex tingħata seduta in camera tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, bħala korp pubbliku, din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata skont il-liġi. Għalkemm aktarx nemmen li, fejn ikun hemm ġustifikazzjoni tajba bit-tmexxija tal-proċedura amministrattiva, il-qrati tal-Unjoni jistgħu biss rarament jikkritikaw, fuq il-merti, deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinżamm seduta in camera, li ma teskludix il-possibbiltà ta’ ċensura fil-każ ta’ użu ħażin ta’ setgħat, ta’ motivazzjoni insuffiċjenti (inkluża l-assenza totali ta’ tweġiba), ta’ evalwazzjoni fattwali inkorretta jew forsi anki ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ( 31 ). Madankollu, minbarra l-fatt li nistenna li l-Kummissjoni żżomm f’moħħha l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta tieħu deċiżjonijiet dwar seduti in camera, fil-kawża inkwistjoni ma huwiex neċessarju li wieħed jesplora l-limiti eżatti għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet bħal dawn.

66.

Madankollu, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-Qorti Ġenerali imponiet fuq il-Kummissjoni, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, l-obbligu li toħloq bilanċ xieraq, każ b’każ, bejn, minn naħa, l-għan li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża ta’ impriżi akkużati bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u, min-naħa l-oħra, l-interess leġittimu ta’ terzi li ma jkunx hemm żvelar tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra matul l-investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

67.

Madankollu, minn dan l-iżball ma jirriżultax li l-ewwel aggravju huwa fondat. Tabilħaqq, l-argument tal-appellanti li huma kellhom il-jedd għal seduta in camera huwa daqstant ieħor żbaljat u ġie korrettement miċħud fl-ewwel istanza. Kif ser naraw, dan huwa minnu wkoll għall-kumplament tal-aggravju li huwa, flimkien mal-aggravji l-oħra, infondat ukoll. Huwa stabbilit li jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jintwera li jkun fondat fuq motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud ( 32 ).

68.

Għaldaqstant, peress li l-kwistjoni prinċipali hija waħda purament tad-dritt, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi r-raġunament inkorrett fil-punti 35 sa 59, 62 u 63 tas-sentenza appellata b’wieħed li jgħid li ma jeżistix dritt għal smigħ orali in camera quddiem il-Kummissjoni f’investigazzjonijiet dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Jekk isir hekk, ikun hemm ukoll l-effett li miċħud l-argument li l-Qorti Ġenerali evalwat minn qabel b’mod illegali l-provi u, konsegwentement, l-ewwel argument ewlieni tal-appellanti deskritt iktar ’il fuq fil-punt 50 ikollu jiġi miċħud.

ii) Is-soluzzjonijiet alternattivi proposti mill-appellanti

69.

L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali aġixxiet b’mod għalkollox sproporzjonat meta rrifjutat li tikkritika lill-Kummissjoni talli din ma aċċettatx iż-żewġ soluzzjonijiet alternattivi li huma kienu pproponew. Sabiex nerġa’ nfakkar, dawn is-soluzzjonijiet alternattivi kienu jikkonsistu, għall-bidu, fil-possibbiltà li Degussa tingħata aċċess għall-preżentazzjoni tagħhom in camera wara l-aħħar tal-2008 jew wara l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ provvista ġdid. Wara l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, l-appellanti talbu seduta addizzjonali għas-sottomissjonijiet orali, fejn Degussa kien ikollha l-opportunità li tkun preżenti.

70.

Fir-rigward tal-ewwel soluzzjoni alternattiva, ma hemm, kif intqal iktar ’il fuq, ebda dritt għal seduta in camera għas-sottomissjonijiet orali. Barra minn hekk, din il-proposta hija wisq iktar sorprendenti peress li, bħala prinċipju, l-osservanza tad-dritt għal smigħ ma hijiex kwistjoni ta’ reċiproċità. Barra minn dan, ma huwiex l-appellanti li għandhom jiddeċiedu jekk informazzjoni tkunx kunfidenzjali jew le, peress li dan jillimita d-drittijiet ta’ partijiet oħra sabiex jiksbu informazzjoni mhux kunfidenzjali.

71.

Dwar il-proposta ta’ wara, insib li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li t-tmexxija sewwa tal-proċedura amministrattiva teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli, u li, għaldaqstant, ma hemmx dritt għal seduta addizzjonali għas-sottomissjonijiet orali. Tabilħaqq, dan huwa rifless fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 773/2004, li skontu l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni bil-miktub li ma tingħatax fit-terminu stabbilit għal tweġiba għad-DO. L-appellanti ngħataw il-possibbiltà li jippreżentaw fehmithom oralment (fejn, nista’ nżid, iż-żmien tagħhom sabiex jitkellmu kien ġie estiż fil-każ li xtaqu jagħmlu l-preżentazzjoni tagħhom in camera). Id-dritt għal smigħ huwa intiż sabiex jagħti lil impriżi l-opportunità li jinstemgħu, iżda mhux neċessarjament li jinstemgħu fiż-żmien li jkun l-iktar konvenjenti għalihom.

72.

Fl-aħħar nett, kif il-Qorti Ġenerali sewwa osservat, l-US tat lill-appellanti l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali. Dan jidher li huwa konformi ma’ prattika kurrenti ( 33 ). Għalhekk, l-appellanti kellhom opportunità biżżejjed sabiex il-pożizzjoni tagħhom issir magħrufa, inkluż oralment.

73.

Fuq din il-bażi, l-argument li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-dritt għal smigħ orali tal-appellanti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, anki l-appell.

d) Kunsiderazzjonijiet sussidjarji: konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti

74.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha – kuntrarjament għal dak li qed nipproponi – iżżomm li l-appellanti kellhom il-jedd għal seduta in camera, nixtieq nagħmel ir-rimarki li ġejjin.

75.

Skont il-ġurisprudenza, id-drittijiet tad-difiża jinkisru meta l-eżitu tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni seta’ kien differenti minħabba żball magħmul minnha. Impriża tistabbilixxi li jkun sar ksur meta hija turi b’mod adegwat, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fil-kontenut, iżda pjuttost li l-impriża kienet tkun tista’ tiżgura aħjar d-difiża tagħha kieku ma kienx hemm żball ( 34 ).

76.

Bla ebda dubju, ma huwiex dejjem faċli li jiġi stabbilit li jkun twettaq ksur ( 35 ). Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jkun bosta, bħall-inammissibbiltà – kollha jew parzjali – ta’ aggravju, jew sempliċement li ma jkunx inkixef żball ta’ liġi ( 36 ). Għall-kuntrarju, fejn l-irregolarità proċedurali hija ċara, il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet fid-dettall l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar jekk, fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità, dik l-impriża setgħetx aħjar tiżgura d-difiża tagħha, billi tannulla jekk ikun meħtieġ is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 37 ). U bir-raġun, għaliex huwa importanti li l-oneru tal-prova ma jkunx tqil iżżejjed, u li kull inċertezza tiġi interpretata favur l-impriża rikorrenti ( 38 ).

77.

Għas-saħħa tal-argument, inħossni liberu niddubita għaliex il-piż tal-prova għandu jinġarr, bħala tali, mill-impriża kkonċernata. Wara kollox, il-preżunzjoni ta’ legalità marbuta ma’ atti tal-istituzzjonijiet ma għandhiex tkun bla limitu. Ġaladarba impriża rikorrenti tkun uriet li deċiżjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata proċeduralment, din il-preżunzjoni ma għandhiex tapplika iktar. Minflok, għandu jkun għall-Kummissjoni li ġġib prova li l-iżball ma jkunx laqgħat il-kontenut tad-deċiżjoni.

78.

L-appellanti jħallu barra milli jiddeskrivu speċifikament b’liema mod kien konċepibbli li l-proċedura amministrattiva setgħet kellha eżitu differenti. Madankollu s-sentenza appellata, kif ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-appellanti (fl-ewwel istanza u fl-appell) juru li l-appellanti qiesu li seduta in camera kienet tippermettilhom jipprovaw jikkonvinċu lill-Kummissjoni li huma ma kinux responsabbli jew, għall-inqas, kienu inqas responsabbli għall-ksur inkwistjoni, minħabba r-rwol ta’ Degussa. Is-seduta kkonfermat dan.

79.

Fil-fehma tiegħi, hemm differenza bejn li jiġi eżaminat jekk parti setgħetx tiddefendi aħjar lilha nfisha, minn naħa, li kieku ngħatat aċċess għall-file kollu tal-kawża u, min-naħa l-oħra, li kieku ngħatat smigħ in camera. Għalkemm is-sinjifikat ta’ dokumenti miżmuma illegalment jista’ jiġi evalwat ex post ( 39 ), dak ta’ seduta in camera ma jistax: huwa impossibbli tkun ċert għalkollox ta’ dak li attwalment iseħħ f’laqgħat bħal dawn. Ma hemm xejn ukoll xi jżomm parti milli tissottometti informazzjoni kunfidenzjali rilevanti oħra lill-Kummissjoni matul laqgħa bħal din li ma jkunx sar riferiment għaliha qabel. Għalhekk, jekk hemm dritt għal seduta in camera quddiem il-Kummissjoni, u jekk seduta għas-sottomissjonijiet orali tinżamm darba waħda biss – bħal fil-każ inkwistjoni – allura l-parti li kellha dan il-jedd iżda li ġie miċħud lilha ma tistax titqies li tkun instemgħet ( 40 ). Fl-interess li jiġi żgurat li ssir ġustizzja, jiena assolutament ma iniex konvint bl-idea li tiġi vvalidata motivazzjoni preventiva li tiċħad seduta in camera minħabba li tkun teżisti l-possibbiltà li din ma setgħetx tkun ta’ għajnuna għal dik il-parti.

80.

Barra minn hekk, ma jkunx biżżejjed li l-parti mċaħħda tingħata bħala kumpens l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali. Osservazzjonijiet bil-miktub ma jistgħux jissostitwixxu seduta in camera, jekk il-partijiet ikollhom dritt għaliha.

81.

Dan iwassalni għall-aħħar punt tiegħi: ma nistax naċċetta li l-appellanti għandhom jinżammu responsabbli għaliex ma appellawx kontra l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’rabta mat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħhom ta’ annullament, li kien jirrigwarda l-preżenza allegata ta’ ċirkustanzi mitiganti relatati mar-rwol ta’ Degussa. Deċiżjoni li ma jsirx appell ma tfissirx rikonoxximent. Apparti dan, l-unika ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun ssodisfatta dwarha hija jekk l-appellanti wrewx li huma setgħu jkunu f’qagħda aħjar sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom li kieku kellhom l-opportunità li jinstemgħu in camera.

82.

Nemmen li dan huwa l-każ. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-appellanti kellhom dritt għal seduta in camera quddiem il-Kummissjoni, allura s-sentenza appellata għandha titħassar minħabba ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 14(6) tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex taqta’ l-kawża mressqa fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata wkoll, konformement mat-talbiet oriġinali.

83.

Madankollu, nibqa’ tal-fehma li l-appellanti bl-ebda mod ma kellhom dritt bħal dan, u li l-appell għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

VI – Spejjeż

84.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għal proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85.

Peress li l-appellanti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

86.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza SKW Stahl-Metallurgie Holding u SKW Stahl-Metallurgie vs Il‑Kummissjoni, T‑384/09, EU:T:2014:27 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”)] (Każ COMP/39.396 – Reaġenti b’bażi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju għall-industriji tal-azzar u l-gass) (ĠU C 301, p. 18, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 4 ) F’dawn il-konklużjonijiet b’“seduta in camera” nifhem laqgħa bejn parti u l-awtorità li tiddeċiedi mingħajr ma jkunu preżenti partijiet oħra (ex parte in camera), u mhux seduta li ma hijiex miftuħa għall-pubbliku.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol, 2, p. 205), kif emendat.

( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat.

( 7 ) Isir riferiment għall-punti 1 sa 4 tas-sentenza appellata (disponibbli biss fil-verżjoni Ġermaniża u Franċiża).

( 8 ) Dawn l-elementi kienu jinkludu (i) li SKW kienet tagħmel parti mit-taqsima Powders and Granulates ta’ SKW Holding; (ii) li SKW Holding kellha x’taqsam fil-kuntatti ta’ kuljum tan-negozju tas-sussidjarji tagħha; (iii) li SKW Holding kienet responsabbli mill-iżvilupp strateġiku ta’ SKW; (iv) li SKW Holding kienet ħadet deċiżjonijiet relatati ma’ persunal, reklutaġġ u finanzi; (v) li SKW kienet tirrapporta informazzjoni finanzjarja lil SKW Holding darba kull xahar; (vi) li SKW kellha bżonn il-firma ta’ membru tal-bord ta’ SKW Holding sabiex tikkonkludi kuntratti ma’ banek; u (vii) li d-dħul ta’ SKW kien jikkontribwixxi għall-informazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika ta’ SKW Holding. Il-Kummissjoni ma sabitx sostenn għall-fehma li SKW Holding kienet sempliċement rappreżentanta tal-bejgħ għal Evonik Degussa GmbH (iktar ’il quddiem “Degussa”) jew investitriċi finanzjarja.

( 9 ) Isir riferiment għall-punti 24 sa 33 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Nosserva li l-ittra tal-US tas-6 ta’ Novembru 2008 ssemmi effettivament li l-informazzjoni dwar l-imġiba ta’ Degussa setgħet kienet rilevanti “sabiex teħles [lill-appellanti] mir-responsabbiltà jew bħala fattur mitiganti” (enfasi miżjuda minni). Ma fiha ebda dikjarazzjoni li tikkonferma l-fehma li l-US qieset l-argumentazzjoni tal-appellanti biss bħala argument ta’ mitigazzjoni (ara l-punt 31 iktar ’il quddiem).

( 11 ) ĠU C 301, p. 16 u 17.

( 12 ) Sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 46. Ara wkoll, għal dan il-għan, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 335.

( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:207, punt 133.

( 14 ) C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, li annullat is-sentenza Siemens Ősterreich u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70.

( 15 ) Isir riferiment għall-punti 19 sa 63 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 113115.

( 17 ) L-istat tad-dritt kien is-suġġett ta’ varjazzjoni tul iż-żmien. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 99/63/KEE tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-seduti msemmija fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż 1963-1964(I), p. 47) jgħid li l-Kummissjoni “għandha tagħti lil persuni li jkunu hekk talbu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom l-opportunità li jressqu l-argumenti tagħhom oralment, jekk dawn il-persuni juru interess suffiċjenti jew jekk il-Kummissjoni tipproponi li timponi fuqhom multa jew piena ta’ ħlas minn żmien għal ieħor”. Sussegwentement, Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204) sempliċement jgħid li l-Kummissjoni “tista’, fejn jixraq, tagħti lill-applikanti u lil min qiegħed jagħmel l-ilmenti l-opportunità ta’ espressjoni orali ta’ l-opinjonijiet tagħhom, jekk hekk jitolbu fil-kummenti tagħhom bil-miktub”.

( 18 ) Ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 19 ) Ara, inter alia, Qorti EDB, sentenza Flisar vs Is‑Slovenja, tad-29 ta’ Settembru 2011, Nru 3127/09, punti 33 sa 35,. Barra minn hekk, seduti għas-sottomissjonijiet orali ma humiex dejjem obbligatorji fil-proċeduri ġudizzjarji kollha li jinvolvu pieni kriminali. Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, sentenza Jussila vs Il‑Finlandja [GC], Nru 73053/01, punt 43, 2006‑XIII.

( 20 ) Madankollu dan ma żammx lill-Kummissjoni milli ttenni, l-ewwel nett, li l-appellanti rrikonoxxew li Degussa żgur li kienet taf li l-appellanti kienu wieġbu għad-DO b’mod mhux favorevoli għal Degussa u, it-tieni nett, li Degussa, żgur li kienet taf ukoll bir-raġunijiet għaliex l-appellanti sostnew li Degussa kienet qed tikkontrolla lil SKW mill-bogħod, u b’hekk kienet qed titfa’ dubju dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni fil-konfront ta’ Degussa.

( 21 ) Bl-istess mod, ħlief fil-każ ta’ rinunzja totali għad-dritt li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, lanqas ma jeżisti dritt li ma tinżammx seduta in camera.

( 22 ) Ara l-Artikolu 31 tal-Istatut; l-Artikolu 79(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; l-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali; u l-Artikolu 63(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

( 23 ) Ara l-Artikoli 63 u A1(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Ġunju 2015.

( 24 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 56.

( 25 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 200.

( 26 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata (ikkonfermata mis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258).

( 27 ) Madankollu, għandu jkun ċar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni separata minn dik dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni; ara, inter alia, is-sentenza L‑Olanda vs Il‑Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ara l-Artikolu 339 TFEU; l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 (“Segretezza professjonali”); u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 773/2004 (“Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni konfidenzjali”).

( 29 ) Dan huwa muri mill-fatt li, fl-ittra tagħhom tat-28 ta’ Jannar 2009 (punt 13 iktar ’il fuq), l-appellanti semmew li “minn perspettiva kummerċjali baqa’ impossibbli għall-klijenti tagħna li jiddiskutu r-rwol ta’ Degussa waqt seduta pubblika”.

( 30 ) Skont il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Adams vs Il‑Kummissjoni, 145/83, EU:C:1985:448.

( 31 ) Qabbel ma’, għal dak li jirrigwarda (i) id-dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament Ewropew, is-sentenza Schönberger vs Il‑Parliament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punti 2324; (ii) ilmenti miċħuda mill-Kummissjoni relatati ma’ mġiba allegatament mhux kompetittiva, is-sentenza Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punti 71 sa 79; u (iii) azzjonijiet ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni sabiex ma jitressqux proċeduri ta’ ksur kontra Stat Membru, digriet Ruipérez Aguirre u ATC Petition vs Il‑Kummissjoni, C‑111/11 P, EU:C:2011:491, punti 11 sa 13 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 32 ) Ara s-sentenza FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Ara l-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni 2011/695 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29).

( 34 ) Ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑KummissjoniC‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punti 9798, dwar ilment ibbażat fuq aċċess insuffiċjenti għall-fajl.

( 36 ) Ara ibid., punti 95 u 96.

( 37 ) Fis-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston (EU:C:2009:307), annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali li, minkejja l-ksur mill-Kummissjoni tat-terminu minimu ta’ għaxart ijiem sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, kienet eskludiet il-possibbiltà ta’ eżitu differenti ta’ proċedura ta’ antidumping (ara, b’mod partikolari, il-punti 88, 94, 96 u 102 sa 104). Il-fatt li dan it-terminu ma tħalliex jiskadi qabel ma ntbagħtet proposta għal miżuri definittivi lill-Kunsill kien jammonta għal assenza ta’ smigħ assoluta ta’ din l-impriża.

( 38 ) F’dan is-sens, ara Craig, P., EU Administrative Law, It-tieni edizzjoni, Oxford, 2012, p. 333.

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 649 sa 688.

( 40 ) F’dan is-sens, is-sitwazzjoni hija, għalhekk, simili għas-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598.

Top