Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TJ0675

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
K Chimica Srl vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Determinazzjoni tad-daqs tal-impriża – Setgħa tal-ECHA.
Kawża T-675/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (IS-SITT AWLA)

15 ta’ Settembru 2106 ( *1 )

“REACH — Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza — Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju — Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża — Rakkomandazzjoni 2003/361/KE — Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva — Determinazzjoni tad-daqs tal-impriża — Setgħa tal-ECHA”

Fil-Kawża T‑675/13,

K Chimica Srl, stabbilita f’Mirano (l-Italja), irrappreżentata minn R. Buizza u M. Rota, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber, E. Bigi u E. Maurage u J.‑P. Trnka, sussegwentement minn Heikkilä, Bigi, Maurage u Trnka, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2013) 3665 tal-ECHA, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li tikkonstata li r-rikorrenti ma pproduċietx il-provi neċessarji sabiex tibbenefika mit-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha spiża amministrattiva u, fit-tieni lok, talba intiża sabiex lir-rikorrenti jingħarfilha l-istatus ta’ impriża żgħira u li tiġi applikata għaliha l-ispiża korrispondenti u, fit-tielet lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-fatturi maħruġa mill-ECHA,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-10 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, K Chimica Srl, wettqet ir-reġistrazzjoni ta’ sustanza abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2

Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem l-“SMEs”) (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB/D/29/2010”). Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 annessa ma’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA MB/21/2012/D, tat-12 ta’ Frar 2013, hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija ta’ EUR 19900 għall-impriżi l-kbar, ta’ EUR 13900 għal impriża ta’ daqs medju u ta’ EUR 7960 għal impriża żgħira.

3

Fl-10 ta’ Novembru 2011, l-ECHA ħarġet il-fattura Nru 10029302 li kienet tammonta għal EUR 9300. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ iktar minn 1000 tunnellata.

4

Fil-15 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-ECHA sabiex tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti sabiex tivverifika d-dikjarazzjoni li fiha hija kienet indikat li kienet impriża żgħira.

5

Fl-14 ta’ Ġunju 2013, wara skambju ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 2249 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, l-ECHA qieset li ma kinitx irċeviet il-provi neċessarji sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet impriża żgħira u li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, hija kellha tħallas il-ħlas applikabbli għal impriża kbira. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ECHA informat lir-rikorrenti li kienet ser tibatilha fattura li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u fattura ta’ EUR19 900 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva.

6

Fis-17 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti bagħtet ittra elettronika lill-ECHA li magħha kien hemm mehmuża dokumenti ġodda. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-ECHA tipprovdilha kjarifiki dwar il-kalkolu tad-daqs tagħha.

7

Fit-2 ta’ Lulju 2013, l-ECHA rrispondiet lir-rikorrenti li hija kienet qed tinterpreta t-talba tagħha bħala, effettivament, intiża sabiex terġa’ teżamina l-pożizzjoni tagħha. Fid-dawl, b’mod partikolari tal-isforzi magħmula mir-rikorrenti sabiex tiċċara s-sitwazzjoni fattwali tal-każ, l-ECHA indikat li kienet iddeċidiet, b’mod eċċezzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni addizzjonali li tista’ tiġi prodotta quddiemha.

8

Fil-15 ta’ Ottubru 2013, wara skambji ġodda ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 3665 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni l-ECHA qieset li l-elementi prodotti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 ma kinux ta’ natura li jibdlu l-konklużjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, l-ECHA speċifikat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni dwar “l-impriża msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes SA. Abbażi ta’ dan, l-ECHA kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-provi neċessarji li jippermettu li jitqies li hija kienet impriża żgħira. L-ECHA informat ukoll lir-rikorrenti li d-data ta’ skadenza tal-fatturi maħruġa wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 kienet skadiet u li, konsegwentement, kienet ser tibgħatilha fatturi ġodda.

9

Fil-15 ta’ Ottubru 2013, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA ħarġet il-Fattura Nru 10045647 li tammonta għal EUR 13950 u l-Fattura Nru 10045649 li tammonta għal EUR 19900.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Dan ir-rikors jifforma parti minn serje ta’ kawżi konnessi.

11

L-ewwel kawża ta’ din is-serje ta’ kawżi konnessi kienet is-suġġett tas-sentenza ta’ annullament tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849).

12

Fit-8 ta’ Jannar 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), fuq il-kawża preżenti u sabiex iwieġbu mistoqsija. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

13

Fit-13 ta’ Novembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu mistoqsija u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

14

Fit-8 ta’ Jannar 2016, b’estensjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Novembru 2015, l-ECHA pproduċiet provi ġodda. Dawn il-provi ġew miżjuda mal-proċess.

15

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016.

16

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tirrikonoxxilha l-istatus ta’ SME fid-dawl tad-dokumenti prodotti quddiem l-ECHA, billi tordna li l-investigazzjoni tkun limitata għal erba’ kumpanniji;

tapplika t-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-SMEs;

tannulla l-Fattura Nru 10029302, bl-ammont ta’ EUR 9300, mitlub bħala d-differenza dovuta għall-ħlasijiet b’rata sħiħa li ġew applikati għaliha;

tannulla l-Fattura Nru 10043954 maħruġa mill-ECHA bħala ħlas għall-ispiża amministrattiva.

17

Fir-replika, minbarra l-ewwel talbiet iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Fattura Nru 10045647, tal-15 ta’ Ottubru 2013, bl-ammont ta’ EUR 13950, mitlub bħala d-differenza mal-ħlasijiet sħaħ li ġew applikati għaliha, u tikseb ir-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014;

tannulla l-Fattura Nru 10045649, tal-15 ta’ Ottubru 2013, maħruġa mill-ECHA bħala ħlas għall-ispiża amministrattiva;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

18

Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Novembru 2015 (punt 13 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti speċifikat li rrinunċjat għat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tal-Fatturi Nru 10029302 u Nru 10043954.

19

L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà ta ’ ċerti talbiet

20

Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet talbiet tar-rikorrenti intiżi, minn naħa, sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ SME lir-rikorrenti fid-dawl tad-dokumenti prodotti quddiem l-ECHA, billi jiġi ordnat li l-investigazzjoni tkun limitata għal erba’ kumpanniji, u, min-naħa l-oħra, li jiġi applikat it-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-SMEs, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea ma hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi ruħha ma’ dawn tal-aħħar, iżda huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant it-tieni u t-tielet talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

21

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talbiet imressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u intiżi għall-annullament tal-Fattura Nru 10045647, kif ukoll għar-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014, u għall-annullament tal-Fattura Nru 10045649, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 44(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrent għandu jindika t-talbiet tiegħu fir-rikors promotur. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda biss jekk dawn ikunu bbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ħarġu matul il-proċedura, jirregola a fortiori kull bdil tat-talbiet. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ punti ta’ dritt u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura bil-miktub, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni, T‑73/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:433, punti 4243 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont kliem ir-rikorrenti stess u kif jirriżulta mill-anness tar-replika, il-Fatturi Nru 10045647 u Nru 10045649 huma tal-15 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri l-istess data tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jippermetti li jitqies li l-imsemmija fatturi ġew irċevuti wara l-preżentata tar-rikors preżenti. Għalhekk, ma jeżistu ebda punti ta’ dritt u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura bil-miktub li jistgħu jiġġustifikaw it-talbiet tardivi fir-rigward tal-imsemmija fatturi.

23

Barra minn hekk, u f’kull każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jeffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; digriet tal-4 ta’ Ottubru 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C‑117/91, EU:C:1991:382, punt 13, u s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il‑Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 77).

24

Hemm lok li tiġi eżaminata s-sustanza tal-miżura li tagħha qed jintalab l-annullament sabiex jiġi ddeterminat jekk din tistax tkun is-suġġett ta’ rikors, peress li l-forma tagħha hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament, C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 15, u tal-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑3/93, EU:T:1994:36, punti 4357).

25

Barra minn hekk, deċiżjoni li sempliċement tikkonferma deċiżjoni preċedenti ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li rikors ippreżentat kontra tali deċiżjoni huwa inammissibbli (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 4, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, EU:C:1998:192, punti 2728; ara, ukoll, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 1998, Cementir vs Il‑Kummissjoni, T‑116/95, EU:T:1998:120, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tal-kunċett ta’ att konfermattiv, mill-ġurisprudenza jirriżulta li att jitqies bħala purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u ma kienx preċedut b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44, u d-digriet tad-29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑308/02, EU:T:2004:119, punt 51).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, b’kuntrast mal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849), id-Deċiżjoni SME(2013) 2249, li għaliha tagħmel riferiment id-deċiżjoni kkontestata, tagħmel speċifikament riferiment għad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, kif emendata bid-Deċiżjoni MB/21/2012/D, u li fiha huwa seċifikat li “L-ECHA għandha toħroġ […] fattura għal spiża amministrattiva li tammonta għal EUR 19000”. Fid-Deċiżjoni SME(2013) 2249 huwa indikat ukoll li l-ECHA għandha toħroġ fattura addizzjonali permezz ta’ preżentazzjoni sabiex tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet inizjalment imħallsa u l-ħlasijiet previsti mir-Regolament Nru 340/2008 għal impriża kbira. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-ECHA speċifikat li kienet ser tibgħat fatturi ġodda lir-rikorrenti biex jissostitwixxu l-Fatturi Nru 10043953 u Nru 10043954 maħruġa wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249 u li kienu skadew. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tad-Deċiżjoni SME(2013) 2249, fiha l-elementi essenzjali tal-obbligi tar-rikorrenti fil-konfront tal-ECHA. Għalhekk, il-Fatturi Nru 10045647 u Nru 10045649 għandhom in-natura ta’ atti ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jikkostitwixxu atti konfermattivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑106/08, mhux ippubblikat, EU:T:2009:228, punt 32).

28

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-talbiet imressqa għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u intiżi għall-annullament tal-Fattura Nru 10045647, kif ukoll għar-rimbors tas-somma mħallsa fl-24 ta’ Jannar 2014, u għall-annullament tal-Fattura Nru 10045649, għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

29

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-eżami tar-rikors għandu jiġi limitat għat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq il-mertu

30

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ SME lir-rikorrenti.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

31

Ir-rikorrenti, filwaqt li tfakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, tindika li, għall-kalkolu tad-daqs ta’ impriża, mad-data ta’ din l-impriża għandha tiżdied id-data tal-eventwali impriżi msieħba (kif ukoll dik tal-impriżi assoċjati ma dawn tal-aħħar) u d-data tal-eventwali impriżi assoċjati (kif ukoll dik tal-impriżi msieħba ma’ dawn tal-aħħar, li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tagħhom). F’dan il-każ l-ECHA żbaljatament qieset li Medini Ltd u A.L.O. Immobilien GmbH kienu impriżi “msieħba” tar-rikorrenti. Dawn l-impriżi huma effettivament imsieħba ta’ I.C.B. Srl, fejn din tal-aħħar hija impriża assoċjata mar-rikorrenti. Barra minn hekk, la Compagnie d’Investissement des Alpes u lanqas l-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini, li fir-rigward tagħhom l-ECHA talbet informazzjoni, ma huma impriżi msieħba ta’ I.C.B. u ma jinsabux, a fortiori, immedjatament upstream jew downstream ta’ din l-aħħar impriża. Għalhekk, għad-determinazzjoni tad-daqs tar-rikorrenti għandha tittieħed esklużivament inkunsiderazzjoni d-data tar-rikorrenti, dik ta’ I.C.B. (inkwantu impriża assoċjata) u dik ta’ Medini u ta’ A.L.O. Immobilien (inkwantu impriżi msieħba ta’ I.C.B). Ir-rikorrenti bagħtet lill-ECHA l-informazzjoni kollha rilevanti dwar dawn l-impriżi. Fir-rigward tal-interpretazzjoni, li l-ECHA għamlet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ir-rikorrenti tenfasizza li t-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jidhirx fil-verżjoni Taljana tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-ECHA twassal sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ impriżi msieħba jew assoċjati “b’mod infinit”. Din l-interpretazzjoni hija wiesgħa żżejjed. Ir-rikorrenti ma tifformax parti minn grupp ta’ impriżi li jinkludi lill-Compagnie d’Investissement des Alpes jew l-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini. Il-gwida tal-utent dwar id-definizzjoni tal-SMEs, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea u disponibbli fuq l-internet (iktar ’il quddiem il-“gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs”, invokata mill-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tikkonferma l-interpretazzjoni tar-rikorrenti.

32

L-ECHA l-ewwel nett tindika li l-impriżi Medini u A.L.O. Immobilien ma ġewx meqjusa li huma msieħba tar-rikorrenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata semmiet lill-Compagnie d’Investissement des Alpes inkwantu impriża msieħba “indirettament” mar-rikorrenti. It-talbiet għal informazzjoni dwar din l-impriża kif ukoll dwar dawk l-impriżi potenzjalment assoċjati ma Medini huma bbażati fuq l-Artikolu 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. B’mod partikolari, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-ECHA pprovat tevalwa d-data taż-żewġ impriżi msieħba ta’ I.C.B. (jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien). Għal dan il-għan, l-ECHA tindika li applikat l-ewwel subparagrafu l-Artikolu 6(3), li jipprevedi indikazzjonijiet dwar il-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilita d-data ta’ impriża msieħba ta’ impriża assoċjata. Konsegwentement l-ECHA talbet lir-rikorrenti tipprovdilha d-data ta’ A.L.O. Immobilien u ta’ Medini kif ukoll dik tal-impriżi assoċjati magħhom (jiġifieri Compagnie d’Investissement des Alpes). Barra minn hekk din it-talba hija konformi mal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 li ma jipprevedix, b’kuntrast ma dak li huwa previst għall-impriżi awtonomi, li d-determinazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba tal-impriżi assoċjati mal-impriża kkonċernata għandha ssir “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] abbażi tal-kontabbiltà ta’ dawn l-impriżi. L-ECHA tenfasizza li t-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jinsab f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. L-ECHA għalhekk tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 bħala li jimponilha tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-kumpanniji kollha assoċjati mal-impriżi msieħba li għalihom jagħmel riferiment l-imsemmi artikolu. Interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex l-istatus ta’ SME ta’ impriża jvarja skont jekk l-impriżi msieħba tal-impriżi assoċjati mal-impriża kkonċernata humiex inklużi jew le fil-karti tal-bilanċ ikkonsolidati tal-impriżi li magħhom huma assoċjati (f’dan il-każ Compagnie d’Investissement des Alpes). Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-kriterju ta’ interpretazzjoni stretta li għandha tiġi adottata fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Din hija wkoll konformi mal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs u, b’mod partikolari, man-nota ta’ spjega u mal-annessi tal-imsemmija gwida. L-ECHA tkompli tgħid li l-kunċett ta’ “grupp ta’ impriżi”, kif ippreżentat mir-rikorrenti, imur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. L-appartenenza ta’ impriża fi grupp tiddependi fuq ir-relazzjonijiet li hija għandha ma impriżi oħra u mhux fuq l-eżistenza ta’ holding. L-ECHA tenfasizza li, f’dan il-każ, wieħed mill-azzjonisti u mill-amministraturi ta’ I.C.B. huwa wkoll il-president tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti u amministratur ta’ A.L.O. Immobilien. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi analizzata d-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-istatus ta’ SME tar-rikorrenti.

33

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għad-definizzjoni tal-SMEs.

34

Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 fiha anness, li l-Titolu 1 tiegħu jikkonċerna d-“[d]efinizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju adottatta mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 2 tal-imsemmi titolu huwa intitolat “L-għadd ta’ persunal u l-limiti stabbiliti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]..

35

Fil-każ ta’ impriża awtonoma, jiġifieri impriża li ma hijiex ikklassifikata bħala “impriża msieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “impriża assoċjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir esklużivament fuq il-bażi tal-kontabbiltà ta’ din l-impriża, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi anness.

36

Fil-każ ta’ impriża li għandha impriżi msieħba jew assoċjati, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir biss fuq il-bażi tal-kontabbiltà u ta’ data oħra tal-impriża jew, jekk jeżistu, fuq kontabbiltà kkonsolidata tal-impriża jew fuq kontabbiltà kkonsolidata fejn l-impriża tkun meħuda inkunsiderazzjoni b’konsolidazzjoni, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ma’ din id-data għandha tiżdied, minn naħa, id-data tal-impriżi msieħba (li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni) b’mod proporzjonali għas-sehem fil-kapital azzjonarju jew għal perċentwali tad-drittijiet ta’ vot, fejn jingħażel l-għola minn fost dawn il-perċentwali, u, min-naħa l-oħra, 100 % tad-data tal-impriżi direttament jew indirettament assoċjati mal-impriża inkwistjoni u li ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni.

37

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-data tal-impriżi msieħba mal-impriża inkwistjoni tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu, li magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi assoċjati ma dawn l-impriżi msieħba, ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni, u dan abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Fir-rigward tad-data tal-impriżi assoċjati mal-impriża inkwistjoni din tirriżulta mill-kontabbiltà tagħhom u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu. Ma’ din tiżdied b’mod proporzjonali d-data ta’ eventwali impriżi msieħba ma’ dawn l-impriżi assoċjati, li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tagħha, jekk din ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kontabbiltà kkonsolidata, fi proporzjoni minn tal-inqas identika għall-perċentwali tas-sehem kapitali jew tas-sehem tad-drittijiet ta’ vot, fejn jingħażel l-għola minn fost dawn il-perċentwali, u dan abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

38

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-ECHA indikat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni dwar “l-impriża msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes. Abbażi ta’ dan, l-ECHA ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-provi neċessarji sabiex jitqies li hija kienet impriża żgħira.

39

L-ECHA speċifikat il-motivazzjoni tagħha, f’dak li jirrigwarda t-talba għal informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes, f’ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013 u f’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, bir-referenza SME(2013) 3666, annessa mad-deċiżjoni kkontestata.

40

Fl-ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013, l-ECHA indikat li Compagnie d’Investissement des Alpes kellha titqies li hija impriża msieħba tar-rikorrenti, peress li kienet assoċjata direttament ma’ A.L.O. Immobilien, li min-naħa tagħha kienet imsieħba tar-rikorrenti. Konsegwentement, skont l-ECHA, id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-daqs tar-rikorrenti. L-ECHA semmiet, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 3 u 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

41

Fl-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, annessa mad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA fakkret l-importanza li l-Artikolu 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għandu, fit-totalità tiegħu, fir-rigward tad-data ta’ Medini, ta’ A.L.O. Immobilien u ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes. L-ewwel nett, filwaqt li ċċitat id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-ECHA qieset li l-użu tat-termini “immedjatament upstream jew downstream” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kienx jillimita r-relazzjonijiet għall-impriża meħuda inkunsiderazzjoni. Sussegwentement, l-ECHA indikat, “iktar minn hekk”, li d-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes kienet intalbet abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, “sa fejn, skont dan l-artikolu, id-data tal-impriżi msieħba (jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien) tal-impriża inkwistjoni [kienet] tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, ikkonsolidati jekk [kienu] jeżistu” u sa fejn, “magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi [li kienu] assoċjati (jiġifieri Compagnie d’Investissement des Alpes) ma’ dawn l-impriżi msieħba (jiġifieri A.L.O. Immobilien), ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttiħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni”. Fl-aħħar nett, l-ECHA qieset li sa fejn Compagnie d’Investissement des Alpes kienet assoċjata ma’ A.L.O. Immobilien, li kienet imsieħba ta’ I.C.B., li min-naħa tagħha kienet assoċjata mar-rikorrenti, id-data tal-impriża “msieħba indiretta” Compagnie d’Investissement des Alpes kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita d-data globali tar-rikorrenti. “Għal din ir-raġuni”, l-ECHA indikat lir-rikorrenti li kienet qed tirċievi d-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk tikkonferma li ma kinitx intitolata għat-tnaqqis ta’ ħlasijiet.

42

Mill-motivi tal-ECHA jirriżulta, minn naħa, li l-bażi legali invokata mill-ECHA sabiex titlob lir-rikorrenti tikkomunikalha informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes kienet l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni mir-rikorrenti ġġustifikat l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

43

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandhom jitfakkru r-rabtiet li r-rikorrenti kellha, metta seħħew il-fatti inkwistjoni, ma’ impriżi oħra u li ma humiex ikkontestati mill-partijiet, kif ikkonfermaw matul is-seduta. L-ewwel nett, ir-rikorrenti kienet assoċjata ma I.C.B., li kellha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tar-rikorrenti. Imbagħad, I.C.B. kienet imsieħba ta’ żewġ impriżi, Medini u A.L.O. Immobilien, fejn kellha iktar minn 25 % iżda inqas minn 50 % tal-kapital azzjonarju tagħhom. Fl-aħħar nett, A.L.O. Immobilien kienet assoċjata ma’ Compagnie d’Investissement des Alpes, sa fejn din tal-aħħar kellha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju u, għalhekk, a priori, tad-drittijiet ta’ vot tal-azzjonisti tal-ewwel waħda.

44

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali tal-każ preżenti, il-bażi legali invokata mill-ECHA ma kinitx tippermetti li r-rikorrenti tintalab informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes. Fil-fatt, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tapplika għall-evalwazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba “tal-impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri l-impriża li hija s-suġġett ta’ eżami fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 sabiex jiġi ddeterminat id-daqs tagħha. Issa, f’dan il-każ, u bil-kontra ta’ dak li indikat l-ECHA fl-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, Medini u A.L.O. Immobilien ma humiex impriżi msieħba tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, l-ECHA rrikonoxxiet dan il-fatt waqt is-seduta. Fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża msieħba “indiretta”, invokat mill-ECHA matul il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ma huwiex inkluż fir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

45

Fit-tielet lok, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mogħtija mill-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tgħid li hija pprovat tevalwa d-data taż-żewġ impriżi msieħba ta’ I.C.B., jiġifieri Medini u A.L.O. Immobilien, fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u pprovat, għal dan il-għan, tapplika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi anness, li jipprevedi indikazzjonijiet dwar il-mod li bih għandha tiġi stabbilita d-data ta’ impriża msieħba ta’ impriża assoċjata. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tikkuntrasta mat-termini tal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013. Minn din l-ittra jirriżulta, minn naħa, li l-ECHA talbet id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, min-naħa l-oħra, li l-ECHA applikat din id-dispożizzjoni għall-każ inkwistjoni.

46

Fir-raba’ lok, anki jekk, kif indikat l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-intenzjoni tagħha kienet li tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, u wara, f’dan il-kuntest, li tagħmel riferiment għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), dan ir-raġunament ma jirriżultax b’mod ċar u mhux ekwivoku fl-atti ddepożitati fil-proċess u f’kull każ ma jirrispettax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-ECHA għandha taħt l-Artikolu 296 TFUE.

47

Fil-ħames lok, u għall-kompletezza, l-interpretazzjoni mogħtija mill-ECHA tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kif ġie indikat iktar ’il fuq, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jikkonċerna biss id-data tal-impriżi msieħba tal-“impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-impriżi msieħba tal-impriża assoċjata mal-impriża inkwistjoni, li jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma jistax iservi għad-determinazzjoni tad-data tal-impriżi msieħba msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa intiż, kif indikat b’mod ċar fil-parti inizjali tiegħu, “[g]ħall-implementazzjoni tal-Artikolu 6(2)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-Artikolu 6 tal-imsemmi anness u mhux għall-implementazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan l-anness. Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument, magħmul mill-ECHA matul is-seduta, li jgħid li, essenzjalment, it-termini “impriża inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jistgħu jiġu interpretati bħala li jkopru l-impriżi kollha li fir-rigward tagħhom għandha tinġabar id-data u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, A.L.O. Immobilien. Minbarra l-fatt li din l-interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-għan tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li huwa dak li jiġi ddeterminat id-daqs tal-impriża inkwistjoni u mhux dak tal-imriżi li għandhom rabtiet ma din l-impriża, tali interpretazzjoni tista’ twassal sabiex, f’ċerti każijiet, tittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr limiti data ta’ impriżi li jinsabu upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni, fatt li l-ECHA rrikonoxxiet matul is-seduta. Issa, tali interpretazzjoni tmur manifestament lil hinn mit-test tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, f’ċerti limiti previsti espliċitament fl-imsemmija rakkomandazzjoni, tad-data ta’ impriżi oħra apparti d-data tal-impriża inkwistjoni.

48

L-argumenti l-oħra mressqa mill-ECHA ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

49

B’mod partikolari, fir-rigward tal-użu tat-terminu “esklużivament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u, essenzjalment skont l-ECHA, fil-verżjoni Taljana tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi osservat li dan huwa intiż li jistabbilixxi distinzjoni bejn impriża awtonoma, fejn l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq il-kontabbiltà tagħha, u impriża li ma hijiex awtonoma, fejn l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kontabbiltà u d-data tal-impriżi msieħba jew assoċjati magħha. Għalhekk, l-assenza tat-terminu “esklużivament” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 ma tistax tfisser li l-ECHA tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, mingħajr limitu, data ta’ impriżi li jinsabu upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni.

50

Fir-rigward tal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs, ippubblikata mill-Kummissjoni fuq l-internet, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-gwida li għaliha tagħmel riferiment l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata. Wara dan, għandu jitfakkar li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għall-finijiet tad-definizzjoni tal-SMEs u mhux għall-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs. Fl-aħħar nett, l-imsemmija gwida ma tistax tikkonfuta t-termini użati fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

51

Fir-rigward tal-argument, magħmul mill-ECHA quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid li r-rikorrenti kienet tifforma parti minn “grupp ta’ impriżi”, u minbarra l-fatt li l-ECHA ma spjegatx liema bażi legali kienet tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni din l-eventwali ċirkustanza fil-każ preżenti, mill-atti ddepożitati fil-proċess, b’mod partikolari mid-Deċiżjoni SME(2013) 2249, mill-ittra elettronika tas-17 ta’ Lulju 2013, mill-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013 u mid-deċiżjoni kkontestata, ma jirriżultax li l-ECHA invokat dan l-element bħala bażi għat-talba tagħha fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

52

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li l-bażi legali invokata f’dan il-każ mill-ECHA ma tiġġustifikax it-talba indirizzata lir-rikorrenti fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

53

Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ SME lir-rikorrenti

54

Ir-rikorrenti, fid-dawl tal-argumenti esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv, isostni li l-ECHA kellha tieħu inkunsiderazzjoni 100 % tad-data tagħha stess, 100 % tad-data ta’ I.C.B., 40 % tad-data ta’ Medini u 36.66 % tad-data ta’ A.L.O. Immobilien. Id-data ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes u tal-eventwali impriżi msieħba ta’ Medini ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni tad-daqs tagħha. Għalhekk, l-ECHA ma setgħetx tirrifjutalha l-istatus ta’ SME billi tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ trażmissjoni tad-dokumenti mitluba, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar impriżi.

55

L-ECHA tfakkar li l-interpretazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, kif proposta mir-rikorrenti, la tirrispetta d-dispożizzjonijiet u lanqas l-għanijiet tal-istess rakkomandazzjoni, u saħansitra lanqas l-indikazzjonijiet tal-gwida dwar id-definizzjoni tal-SMEs. Għaldaqstant, l-ECHA ma wettqet ebda żball meta qieset li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ SME, peress li ma kinitx kapaċi tipprovdi d-data kollha neċessarja biex turi li kienet intitolata għall-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni mnaqqsa.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes iġġustifikat id-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, ir-rifjut tal-ECHA li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta’ ħlasijiet.

57

Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-bażi legali invokata mill-ECHA f’dan il-każ ma kinitx tiġġustifika t-talba indirizzata lir-rikorrenti fir-rigward ta’ Compagnie d’Investissement des Alpes.

58

Għalhekk, l-ECHA wettqet ukoll żball meta qieset li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar Compagnie d’Investissement des Alpes setgħet isservi ta’ bażi, f’dan il-każ, għar-rifjut ta’ għoti ta’ tnaqqis ta’ ħlasijiet lir-rikorrenti.

59

Konsegwentement, għandu jitqies li t-tieni motiv tar-rikors huwa fondat u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata anki abbażi ta’ dan.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ECHA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni SME(2013) 3665 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal-15 ta’ Ottubru 2013, hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-ECHA hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti minn K Chimica Srl.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top