This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TJ0398
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 15 July 2015. # TVR Automotive Ltd v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community figurative mark TVR ITALIA - Earlier national and Community word marks TVR - Relative ground for refusal- Likelihood of confusion - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 207/2009 -Revocation proceedings - Genuine use of the earlier trade mark - Article 42(2) and (3) of Regulation No 207/2009 - Article 15(1) of Regulation No 207/2009. # Case T-398/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015.
TVR Automotive Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).
Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TVR ITALIA – Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali preċedenti TVR – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedimenti ta’ revoka – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 – Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
Kawża T-398/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015.
TVR Automotive Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).
Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TVR ITALIA – Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali preċedenti TVR – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedimenti ta’ revoka – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 – Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
Kawża T-398/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:503
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Lulju 2015 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TVR ITALIA — Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali preċedenti TVR — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Proċedimenti ta’ revoka — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑398/13,
TVR Automotive Ltd, stabbilita f’Whiteley (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn G. Schneider u S. Hanne, sussegwentement minn J. Crespo Carillo, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
TVR Italia Srl, stabbilita f’Canosa (l-Italja), irrappreżentata minn F. Caricato, avukat,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Mejju 2013 (Każ R 823/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Muadib Beteiligung GmbH u TVR Italia Srl,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2013,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2014,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2014,
wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fid-19 ta’ Frar 2007, l-intervenjenti, TVR Italia Srl, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti: |
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 12, 25 u 37 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 4/2008, tat-28 ta’ Jannar 2008. |
5 |
Fil-25 ta’ April 2008, Muadib Beteiligung GmbH ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha indikati fil-punt 3 iktar ’il fuq. |
6 |
Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(b), fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(b), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
7 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, minn naħa, fuq it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti TVR (iktar ’il quddiem “it-trade mark Komunitarja preċedenti”), irreġistrata fl-14 ta’ April 1998 bin-numru 61283, li tkopri l-“vetturi bil-mutur u l-partijiet komponenti tagħhom inklużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jaqgħu taħt il-klassi 12 u, min-naħa l-oħra, fuq it-trade mark verbali preċedenti TVR, irreġistrata fir-Renju Unit fis-27 ta’ Frar 2004 bin-numru 2343460, li tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 11, 25 u 41 (iktar ’il quddiem it-“trade mark Brittanika preċedenti”). |
8 |
Wara talba tal-intervenjenti intiża biex Muadib Beteiligung tipprovdi prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, din tal-aħħar ippreżentat diversi dokumenti bħala prova, fil-forma ta’ xhieda tas-Sinjura H, avukat fil-qasam tat-trade marks tal-kumpannija Marks & Clerk u rappreżentanta legali ta’ Muadib Beteiligung fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni u parzjalment ċaħditha. L-ewwel nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni billi kkunsidrat li Muadib Beteiligung kienet ġabet il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti għall-“karozzi sportivi kif ukoll il-partijiet komponenti tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jaqgħu taħt il-klassi 12. It-tieni nett, billi ħadet inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-aħħar kif ukoll ta’ prodotti u servizzi koperti mit-trade mark Brittanika preċedenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt f’dak li jirrigwarda prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 12, 25 u 37, minbarra l-prodotti “trakkijiet”, “trakterijiet”, “xarabankijiet”, “mopeds”, “roti”, “triċikletti”, “ajruplani”, “ħelikopters”, “glajders”, “dgħajjes”, “dingijiet”, “vapuri”, “apparat għal lokomozzjoni fuq l-art jew ilma”, “partijiet komponenti ta’ roti, mopeds” u “partijiet komponenti ta’ dgħajjes u ajruplani”, li jaqgħu taħt il-klassi 12. It-tielet nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet il-motivi ta’ oppożizzjoni bbażati, rispettivament, fuq l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Ir-raba’ nett, hija ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja “għall-prodotti u [s-]servizzi preċitati” u laqgħetha għall-“prodotti li jifdal [li jaqgħu taħt il-] klassi 12”. |
10 |
Fl-14 ta’ April 2011, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn din kienet ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
11 |
Fis-17 ta’ April 2011, l-intervenjenti ressqet kawża quddiem l-UASI b’talba għal revoka tat-trade mark Komunitarja preċedenti, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti kollha koperti mill-imsemmija trade mark li jaqgħu taħt il-klassi 12. |
12 |
Fil-25 ta’ Mejju 2011, l-intervenjenti talbet li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem il-Bord tal-Appell ikunu sospiżi pendenti d-deċiżjoni dwar it-talba għal revoka. |
13 |
Fil-15 ta’ Lulju 2011, Muadib Beteiligung ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rikors kif ukoll dwar it-talba għal sospensjoni, li din opponiet. |
14 |
Fis-26 ta’ Ottubru 2011, il-Bord tal-Appell iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni pendenti d-deċiżjoni dwar it-talba għal revoka. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2012, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal revoka għar-raġuni li Muadib Beteiligung kienet ġabet il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti matul il-perjodu ta’ bejn is-17 ta’ Mejju 2006 u s-16 ta’ Mejju 2011. |
16 |
Fit-13 ta’ Lulju 2012, l-intervenjenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala infondat minħabba n-natura tardiva tiegħu. |
18 |
Fl-1 ta’ Marzu 2013, l-UASI informa lill-partijiet li s-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienet tneħħiet u li l-imsemmija proċedimenti tkomplew. |
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lil Muadib Beteiligung fit-23 ta’ Mejju 2013, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell fit-totalità tiegħu, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li, minn naħa, matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Jannar 2003 u s-27 ta’ Jannar 2008, Muadib Beteiligung ma kinitx ġabet il-prova tal-użu ġenwin la mit-trade mark Komunitarja preċedenti (punti 16 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata) u lanqas mit-trade mark Brittanika preċedenti (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (punti 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata). |
20 |
Wara diversi operazzjonijiet ta’ trasferiment, ir-rikorrenti, TVR Automotive Ltd, akkwistat il-proprjetà tat-trade marks Komunitarji u Brittaniċi preċedenti, li l-ex-proprjetarja tagħhom kienet Muadib Beteiligung. B’hekk, fl-1 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti kienet imsemmija, fid-databases tal-UASI u tal-United Kingdom Intellectual Property Office (Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit) bħala proprjetarja tat-trade marks Komunitarji u Brittaniċi preċedenti. |
It-talbiet tal-partijiet
21 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
22 |
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
23 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà
Fuq l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tal-appell
24 |
L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-intervenjenti li jgħid li dan l-appell ġie ppreżentat tard. |
25 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 65(5) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, wara n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata lil Muadib Beteiligung fit-23 ta’ Mejju 2013, it-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 60(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplikaw, b’mod kuntrarju għal dak li tinvoka l-intervenjenti, għal kull rikorrenti indipendentement mill-post tad-domiċilju tagħha, skada fit-2 ta’ Awwissu 2013. Minn dan jirriżulta li l-appell, ippreżentat permezz ta’ faks fit-2 ta’ Awwissu 2013, u li wara ntbagħtet l-oriġinal tal-appell fil-5 ta’ Awwissu 2013, ġie ppreżentat fi żmien l-imsemmi terminu. |
Fuq il-locus standi tar-rikorrenti
26 |
Sa fejn l-intervenjenti tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti peress li din ma pprovatx li hija l-proprjetarja tat-trade marks preċedenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċiet, minn naħa, estratti tad-database CTM-online tal-UASI, bid-data tal-1 ta’ Awwissu 2013, li jsemmuha bħala proprjetarja tat-trade mark Komunitarja preċedenti u, min-naħa l-oħra, estratti tad-database analoga tal-United Kingdom Intellectual Property Office, li jġibu l-istess data, li jsemmuha bħala l-proprjetarja tat-trade mark Brittanika preċedenti u li jirrappurtaw assenjazzjonijiet mill-ġdid ta’ din it-trade mark, li saru bejn is-17 ta’ Ottubru 2011 u t-3 ta’ Mejju 2013, minħabba trasferiment ta’ proprjetà relatat mas-suċċessjoni ta’ drittijiet, l-ewwel nett, bejn Muadib Beteiligung u TVR GmbH u, sussegwentement, bejn din tal-aħħar u r-rikorrenti. |
27 |
Il-kontestazzjoni vaga u li ma hijiex sostanzjata mill-intervenjenti ta’ dawn it-trasferimenti ta’ proprjetà tat-trade marks preċedenti ma tistax taffettwa l-valur probatorju tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq. |
28 |
F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-intervenjenti li tgħid li, bħala “sussidjarja Taljana”, hija kellha tkun is-suċċessur vera tal-ex-kumpannija parent stabbilita fir-Renju Unit TVR Engineering Ltd, ma tistax tirnexxi. Fil-fatt, id-dokumenti miġjuba mill-intervenjenti insostenn ta’ din l-allegazzjoni huma limitati biex jindikaw li l-imsemmija kumpannija parent kellha biss sehem sa 24 % tal-kapital ta’ din is-sussidjarja u ma hemm ebda indikazzjoni ta’ suċċessjoni legali bejn dawn iż-żewġ kumpanniji jew ta’ partenarjat bejniethom intiż sabiex jagħti lill-imsemmija sussidjarja l-użu esklużiv ta’ karozzi sportivi bit-trade mark TVR. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-intervenjenti li jgħid li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi għar-raġuni li ma hijiex il-proprjetarja tat-trade marks preċedenti għandu jiġi miċħud. |
30 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan l-appell huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
31 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ rikonoxximent tal-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata jew ne bis in idem u venire contra factum proprium, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament. |
Fuq l-ewwel motiv
32 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Brittanika preċedenti għar-raġuni tan-nuqqas ta’ użu tagħha, minkejja li l-prova tal-użu ġenwin tagħha ma kinitx ġiet mitluba u barra minn hekk ma setgħetx tintalab. L-UASI jaqbel mal-argumenti miġjuba mir-rikorrenti u jitlob ukoll li jintlaqa’ l-ewwel motiv. Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti tħoss li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni t-trade mark Brittanika preċedenti sabiex ikkonkluda dwar in-nuqqas ta’ użu tat-“trade mark” tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li teżamina n-nuqqas ta’ użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti u tirreferi biss fl-aħħar ta’ din l-analiżi għat-trade mark Brittanika preċedenti sabiex tapplikaha b’analoġija. Barra minn hekk, anki jekk, għal din it-trade mark tal-aħħar, il-perijodu ta’ ħames snin, taħt l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kienx għadu skada, il-provi miġjuba juru b’mod ċar l-intenzjoni tar-rikorrenti li ma tużax l-imsemmija trade mark kif ukoll in-nuqqas ta’ attività tagħha. |
33 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell effettivament ċaħad l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Brittanika preċedenti minħabba l-użu insuffiċjenti tagħha, billi rrefera mutatis mutandis għall-evalwazzjoni tiegħu tal-provi miġjuba sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark Komunitarja preċedenti (punti 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, bħalma jsostnu ġustament ir-rikorrenti u l-UASI, l-intervenjenti ma kinitx talbet, waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI, għall-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Brittanika preċedenti, u lanqas setgħet tagħmel dan b’mod ammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Mejju 2013, Wohlfahrt vs UASI, C-357/12 P, EU:C:2013:356, punti 30 u 31). Fil-fatt, peress li t-trade mark Brittanika preċedenti ġiet irreġistrata fis-27 ta’ Frar 2004, it-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, ma kienx għadu skada fid-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fit-28 ta’ Jannar 2008. Huwa għalhekk ġust li, fid-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet limitat l-evalwazzjoni tagħha għall-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti. |
34 |
Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma setax jiċħad l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ użu insuffiċjenti eventwali tat-trade mark Brittanika preċedenti. |
35 |
Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’. |
Fuq it-tieni motiv
36 |
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell naqas milli jirrikonoxxi l-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata jew ne bis in idem u venire contra factum proprium, kif ukoll l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament. Minn naħa, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet definittivament favur tagħha l-kwistjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja preċedenti matul il-perijodu ta’ bejn Mejju 2006 u Mejju 2011, għall-inqas għall-perijodu ta’ bejn Mejju 2006 u Jannar 2008. B’hekk, il-Bord tal-Appell ma kienx awtorizzat jipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-istess provi, iżda kellu jiċħad it-talba tal-prova tal-użu magħmula mill-intervenjenti bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li l-imsemmija trade mark ma kinitx użata b’mod ġenwin għall-prodotti kkonċernati matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. |
37 |
L-UASI, bħall-intervenjenti, jikkontestaw il-fatt li l-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata jew ne bis in idem u venire contra factum proprium huma applikabbli fi proċedura amministrattiva quddiemu. It-tnejn li huma jikkontestaw ukoll l-eżistenza tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti, peress li l-provi miġjuba ma kinux suffiċjenti f’dan ir-rigward. B’hekk, wara proċedura ta’ insolvenza, l-attività ekonomika tal-kumpannija li kienet qed tuża l-imsemmija trade mark waqfet, bl-aħħar kontijiet ta’ din il-kumpannija jkunu ppreżentati fl‑2004 u bil-fabbrika tingħalaq fl-2007. Din il-fabbrika kienet diġà viċin li tagħlaq meta investitur Russu xtraha fl-2004. Ir-rikorrenti ma werietx preżenza reali fis-suq, u lanqas li kien hemm bejgħ reali ta’ karozzi TVR matul l-imsemmi perijodu. L-allegazzjoni vaga u mhux affidabbli li l-produzzjoni kienet waqgħet għal żewġ jew tliet vetturi fil-ġimgħa fl-2006 ma hijiex suffiċjenti. Barra minn hekk, għalkemm il-parteċipazzjoni pprovata f’wirjiet ta’ karozzi kienet indikazzjoni ta’ preżenza fis-suq, il-preżentazzjoni ta’ prototipi f’din l-okkażjoni, bħal dik ta’ TVR Sagaris fil-wirja tal-karozzi ta’ Birmingham (ir-Renju Unit) fl‑2004, ma tfissirx li l-karozza kkonċernata kienet tpoġġiet fil-produzzjoni jew ġiet mibjugħa wara dawn l-avvenimenti. Bl-istess mod, ir-reklamar u l-istqarrijiet għall-istampa ppreżentati la juru jekk il-mudelli inkwistjoni kinux verament mibjugħa matul il-perijodu rilevanti u lanqas l-eżistenza ta’ sehem reali tas-suq. Issa, ir-rikorrenti setgħet tippreżenta provi konvinċenti tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti, bħall-kontijiet tal-kumpannija kkonċernata, id-dħul mill-bejgħ, fatturi u provi finanzjarji importanti oħrajn. |
38 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ rikonoxximent tal-prinċipji tal-awtorità ta’ res judicata jew ne bis in idem u venire contra factum proprium, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li l-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata, li jeżiġi li l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jkunx ikkontestat, ma huwiex applikabbli fir-relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ oppożizzjoni u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari peress li, minn naħa, il-proċedimenti quddiem l-UASI huma ta’ natura amministrattiva, u mhux ta’ natura ġudizzjarja, u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-Artikolu 53(4) u l-Artikolu 100(2), ma jipprevedux regola f’dan is-sens [sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2009, Ferrero vs UASI – Tirol Milch (TiMi KiNDERJOGHURT), T‑140/08, Ġabra, EU:T:2009:400, punt 34; tat-22 ta’ Novembru 2011, mPAY24 vs UASI – Ultra (MPAY24), T‑275/10, EU:T:2011:683, punt 15, u tat-23 ta’ Settembru 2014, Tegometall International vs UASI – Irega (MEGO), T‑11/13, EU:T:2014:803, punt 12]. Bħalma jargumenta l-UASI, l-istess jiġri fis-sitwazzjoni opposta tar-relazzjoni bejn il-proċedimenti li jwasslu għal deċiżjoni finali fil-qasam ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità u proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li l-konstatazzjonijiet li saru f’ deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistgħux jiġu totalment injorati mill-UASI meta tkun trid tittieħed deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni bejn l-istess partijiet, li tirrigwarda l-istess suġġett u li tkun ibbażata fuq l-istess motivi, bħal f’dan il-każ, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja, sakemm dawn il-konstatazzjonijiet jew il-punti deċiżi ma jkunux affettwati minn elementi ġodda ta’ fatt, minn provi ġodda jew minn motivi ġodda. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija biss espressjoni partikolari tal-ġurisprudenza li tgħid li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI tikkostitwixxi element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi TiMi KiNDERJOGHURT, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2009:400, punt 35, u MPAY24, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:683, punt 17). |
39 |
Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut li jsegwi fedelment il-kunsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet adottati fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Kieku kien mod ieħor, l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji differenti ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, minn naħa, u ta’ revoka u ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata, min-naħa l-oħra, tkun kompromessa, minkejja li l-użu sussegwenti jew parallel tagħhom huwa possibbli taħt ir-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi TiMi KiNDERJOGHURT, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2009:400, punt 36, u MPAY24, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2011:683, punt 18). Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, fir-rigward tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, skont id-data jew tat-tressiq tat-talba ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, jew tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-perijodi ta’ ħames snin li matulhom il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja hija meħtieġa jistgħu jkunu differenti. B’hekk, f’dan il-każ, bħalma tirrikonoxxi r-rikorrenti, dawn il-perijodi jkopru minn Jannar 2003 sa Jannar 2008 għal dak li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u minn Mejju 2006 sa Mejju 2011 għal dak li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ revoka, b’mod li l-għan ta’ dawn iż-żewġ proċedimenti ma kienx totalment identiku. |
40 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma kellhiex raġun tgħid li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kellha definittivament taqta’ favur tagħha l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti matul il-perijodu ta’ bejn Mejju 2006 u Mejju 2011 jew, mill-inqas, bejn Mejju 2006 u Jannar 2008. |
41 |
L-evalwazzjonijiet preċedenti japplikaw mutatis mutandis kemm għall-prinċipju tan-ne bis in idem, li huwa applikabbli biss għas-sanzjonijiet, b’mod partikolari ta’ natura penali fis-sens dejjaq jew fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra, EU:C:2007:277, punti 24 sa 30; tal-21 ta’ Lulju 2011, Beneo-Orafti, C‑150/10, Ġabra, EU:C:2011:507, punti 68 sa 70, u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, Ġabra, EU:C:2012:72, punt 94), kif ukoll għal venire contra factum proprium (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TiMi KiNDERJOGHURT, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2009:400, punt 36). F’dan ir-rigward, huwa għalxejn li r-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li japplika biss għall-preżentazzjoni ripetuta ta’ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew kontrotalbiet fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni. |
42 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
43 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ssostni li ġabet il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti għall-prodotti li għalihom hija kienet irreġistrata u li għalihom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet irrikonoxxiet tali użu, matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament u r-Regola 22(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Volum 1 p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 172, p. 4), liema regola tipprovdi li l-prova tal-użu għandha tkopri “post, ħin, estenzjoni u natura ta’ l-użu tat-trejdmark opposta”. |
44 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li trade mark tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta tintuża, b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha partikolari għall-każ sabiex jiġi stabbilit l-użu kummerċjali tagħha fin-negozju, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C-416/04 P, Ġabra, EU:C:2006:310, punt 70; tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C-149/11, Ġabra, EU:C:2012:816, punt 29, u tas-17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI, C-141/13 P, EU:C:2014:2089, punt 29). Madankollu, l-analiżi tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti ma tistax tkun limitata għall-konstatazzjoni unika ta’ użu ta’ din it-trade mark fin-negozju għaliex għandha, barra minn hekk, tkun ibbażata fuq użu ġenwin b’mod konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ “użu ġenwin” ta’ trade mark tiddependi fuq il-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat fis-suq relatat. Għalhekk, mhux kull użu kummerċjali pprovat jista’ jiġi awtomatikament ikklassifikat bħala użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reber Holding vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2014:2089, punt 32). |
45 |
Kien ukoll speċifikat fil-ġurisprudenza li mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tal-imsemmi regolament u tar-regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, jirriżulta li r-ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti trid tkun ġiet użata b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja huwa li jiġu limitati l-kunflitti bejn żewġ trade marks, għall-inqas li ma tkunx teżisti raġuni ekonomika ġusta fl-assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss għall-każ fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom sinjifikattiv mill-aspett kwantitattiv [ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T-203/02, Ġabra, EU:T:2004:225, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
46 |
Fir-rigward tal-importanza tal-użu li jkun sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu jkunu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu minn trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew minn stabbilità kbira fil-perijodu tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub. Fl-aħħar nett, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jippruvaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), punt 45 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:T:2004:225, punti 41 u 42, u MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra, EU:T:2004:223, punti 35 u 36]. |
47 |
Għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li ma kienx hemm prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti matul il-perijodu ta’ bejn Jannar 2003 u Jannar 2008. Fil-fatt, fir-rigward tal-provi miġjuba, hija essenzjalment ikkunsidrat li, l-ewwel nett, ix-xhieda tas-Sinjura H, ippreżentata mir-rikorrenti nnifisha, ma kellha ebda garanzija ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza; li, it-tieni nett, fl-2006, is-sitwazzjoni tal-“kumpannija TVR” kienet prekarja ħafna, fejn il-fabbrika tagħha kienet iddikjarata insolventi f’Diċembru 2006 u l-aħħar TVR Cerbera, li qatt ma ġiet iffabbrikata, inbiegħet bl-irkant mingħajr ma ntlaħaq il-prezz ta’ riżerva stabbilit f’Awwissu 2006 (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata); li, it-tielet nett, il-provi ta’ bejgħ ta’ prodotti bit-trade mark Komunitarja preċedenti wara Awwissu 2006, bħal kopji tal-kotba tan-negozju u dikjarazzjonijiet lill-awtoritajiet fiskali kienu nieqsa, il-parteċipazzjoni f’wirjiet tal-karozzi fl-2007 u fl-2008 u l-pubblikazzjoni ta’ tariffi tal-bejgħ fl‑2007 u kritiki ppubblikati tat-TVR Sagaris f’Diċembru 2006, f’Lulju 2007 u l-11 ta’ Lulju 2008 ma kinux suffiċjenti f’dan ir-rigward (punti 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-qosor, dawn il-provi ma offrew l-ebda informazzjoni fuq il-volum tal-kummerċ għall-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark Komunitarja preċedenti fir-Renju Unit jew xi mkien ieħor, lanqas prova ta’ użu li jista’ joħloq jew iżomm suq għall-prodotti kkonċernati wara s-sajf tal-2006 (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata). |
48 |
B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell ċaħad il-kunsiderazzjonijiet opposti tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, dwar dan l-istess perijodu u fir-rigward tal-istess provi li jgħidu li, essenzjalment, meħuda flimkien, dawn il-provi kienu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti l-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti għall-“karozzi sportivi kif ukoll il-partijiet komponenti tagħhom”, peress li l-informazzjoni li kienet inkluża fihom, b’mod partikolari fl-artikli fl-istampa u fil-listi tal-prezz, kienet tagħti biżżejjed indikazzjonijiet fuq il-perijodu kif ukoll fuq il-post ta’ dan l-użu, b’mod partikolari fir-Renju Unit. Anki jekk ir-rikorrenti ma kinitx ġabet fatturi jew dħul mill-bejgħ, artiklu tal-BBC tat-18 ta’ Ottubru 2006 ta indikazzjoni fir-rigward tal-firxa tal-użu mit-trade mark Komunitarja preċedenti fejn semma li, f’April 2006, l-ordnijiet kienu waqgħu minn tnax-il karozza fil-ġimgħa għal żewġ karozzi. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet minn dan li, ikkunsidrati flimkien, dawn id-dokumenti kienu jissodisfaw il-kriterju minimu rikjest sabiex jiġi stabbilit użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti matul il-perijodu rilevanti (paġna 4 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni). |
49 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Mejju 2006 u Mejju 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat li, anki fl-assenza ta’ fatturi u ta’ provi tal-valuri tal-bejgħ, kienu jeżistu dokumenti oħrajn, bħall-artikli fl-istampa, bħala sorsi ta’ informazzjoni indipendenti, tariffi, speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ karozzi, kif ukoll ir-reklami tat-trade mark Komunitarja preċedenti fl-istampa u fir-rivisti speċjalizzati, li wrew li l-imsemmija trade mark kienet użata fin-negozju b’mod reali u ġenwin “matul l-aħħar snin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 36 u 37 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Fir-rigward tal-importanza tal-użu, għalkemm huwa minnu li l-katalgi u l-artikli fl-istampa ma jagħtux informazzjoni dwar il-kwantità ta’ prodotti effettivament mibjugħa, numru kbir ta’ karozzi koperti mit-trade mark Komunitarja preċedenti kienu proposti fl-imsemmija katalgi u dawn l-artikli kienu disponibbli mill-inqas fir-Renju Unit matul parti mill-perijodu rilevanti. B’hekk, meħuda flimkien, dawn il-provi jippermettu li jiġi konkluż li dan l-użu għandu ċerta importanza u li ma huwiex purament simboliku (punti 38 u 39 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni) fir-rigward tal-istess prodotti (punti 42 sa 44 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-ewwel nett l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni esposta fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din kienet tikkonċerna l-istess provi u fejn kienet teżisti konkordanza bejn il-perijodi rilevanti rispettivi bejn Mejju 2006 u Jannar 2008. Fil-fatt, minn naħa, l-obbligu ġenerali tal-UASI li jieħu inkunsiderazzjoni l-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu ma taffettwax l-obbligu tiegħu li jeżamina l-użu ġenwin minn trade mark preċedenti fid-dawl tal-provi miġjuba mill-parti li qed topponi u ċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reber Holding vs UASI, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2089, punt 46). Għalhekk, dan ma jimplikax li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien marbut bil-kunsiderazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew ma setax jasal għal konklużjonijiet oħrajn fir-rigward tal-eżistenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq), speċjalment peress li dan l-użu kellu jkun ipprovat għal żewġ perijodi distinti anki jekk kienu jidħlu f’xulxin. Min-naħa l-oħra, hekk kif isostni l-UASI, is-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell stenna li jintemmu l-proċedimenti għal revoka huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li dan qies li kien meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu. |
51 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell toħroġ minn nuqqas ta’ rikonoxximent tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament u r-regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll minn evalwazzjoni ħażina tal-valur probatorju tal-provi rilevanti kollha. |
52 |
Fir-rigward tat-tul tal-użu, diġà kien deċiż li jaqgħu taħt is-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 biss it-trade marks li l-użu ġenwin tagħhom kien sospiż għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin. B’hekk, huwa biżżejjed li trade mark tkun intużat b’mod ġenwin għal parti minn dan il-perijodu sabiex ma taqax taħt l-imsemmija sanzjonijiet [sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, Charlott vs UASI – Charlo (Charlott France Entre Luxe et Tradition), T‑169/06, EU:T:2007:337, punt 41; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Deichmann-Schuhe vs UASI – Design for Woman (DEITECH), T‑86/07, EU:T:2008:577, punt 52, u tat-8 ta’ Marzu 2012, Arrieta D. Gross vs UASI – International Biocentric Foundation et (BIODANZA), T‑298/10, EU:T:2012:113, punt 58]. Bl-istess mod, ir-regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tistabbilixxi l-kriterju taż-żmien tal-użu mingħajr ma teħtieġ li tintwera n-natura kontinwa tiegħu matul it-terminu ta’ ħames snin u tiddistingwih, b’mod partikolari, mill-kriterji tal-importanza u tan-natura tal-użu li, meħuda biss flimkien, jippermettu l-konklużjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha mressqa għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-prova tal-imsemmi użu [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Avery Dennison vs UASI – Dennison-Hesperia (AVERY DENNISON), T‑200/10, EU:T:2013:467, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
53 |
B’hekk, il-previżjoni ta’ terminu ta’ ħames snin mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma timplikax li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għandha titressaq b’mod separat għal kull waħda mis-snin koperti mill-imsemmi terminu, iżda huwa biżżejjed li jintwera li, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti speċifiċi għall-każ inkwistjoni, matul għall-inqas parti mill-imsemmi terminu, din it-trade mark kienet użata mhux b’mod purament simboliku, iżda b’mod effettiv u sabiex toħloq jew iżżomm suq għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, li kieku kien mod ieħor, f’każ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, kriżi finanzjarja li hija biss temporanja li tipprekludi l-użu tat-trade mark preċedenti għal perijodu limitat, minkejja li l-proprjetarju tagħha jkollu l-intenzjoni li jkompli juża l-imsemmija trade mark fil-futur qarib, tista’ twassal sabiex ma tippermettilux iżjed li jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark analoga. |
54 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-provi kollha ppreżentati mir-rikorrenti kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-użu bħala tali mit-trade mark Komunitarja preċedenti huwa pprovat, mill-inqas, sal-2006. |
55 |
Għalkemm id-dikjarazzjoni ta’ xhieda ma tikkostitwixxix fiha nnifisha prova suffiċjenti f’dan ir-rigward, din tesponi madankollu numru ta’ dokumenti rilevanti li ġejjin minn sorsi indipendenti, fosthom estratt mis-sit tal-internet Wikipedia li jiddeskrivi l-istorja tal-produttur ta’ karozzi sportivi TVR, TVR Motors Company Ltd, u li jinkludi lista ta’ mudelli prodotti sal-2006, fosthom it-TVR Tuscan u Sagaris, żewġ artikli dwar il-produttur TVR li ġew ippubblikati fuq is-sit tal-internet tal-BBC fit-18 ta’ Ottubru 2006 u t-22 ta’ Frar 2007, artikli dwar il-mudelli TVR 350C u TVR Sagaris li kienu ppubblikati f’rivisti speċjalizzati f’Ġunju 2003, f’April 2005, f’Diċembru 2006 u f’Lulju 2008, katalgi li jippreżentaw rispettivament il-mudelli TVR Tuscan (prodott bejn l-1999 u l-2006) u TVR Sagaris (prodott bejn l-2004 u l-2006), u katalgu li jesponi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-prezzijiet tal-bejgħ fir-Renju Unit tat-TVR Tuscan. |
56 |
B’hekk, id-dokumenti msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq jistabbilixxu l-eżistenza ta’ użu mit-trade mark Komunitarja preċedenti għall-karozzi sportivi TVR, mill-inqas, bejn Jannar 2003 u Diċembru 2006, jiġifieri matul parti sostanzjali mill-perijodu ta’ ħames snin li jispiċċa fl-2008, liema ħaġa ma hijiex ikkontestata fiha nnifisha mill-UASI u lanqas mill-intervenjenti. |
57 |
Fir-rigward tal-post, tan-natura u tal-importanza ta’ dan l-użu, għandu jiġi rrilevat li s-suq inkwistjoni jikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ karozzi sportivi ta’ kwalità għolja li għandhom speċifikazzjonijiet tekniċi li ma humiex intiżi għat-traffiku normali ta’ kuljum u li l-prezz tal-bejgħ tagħhom huwa ogħla minn dak tal-maġġoranza tal-karozzi għal użu privat. Issa, huwa magħruf li dan is-suq huwa ta’ sikwit ikkaratterizzat minn domanda relattivament baxxa, minn produzzjoni fuq talba speċifika u mill-bejgħ ta’ numru limitat ta’ vetturi, bħalma huwa kkonfermat mill-artiklu tal-BBC tat-18 ta’ Ottubru 2006 (ara l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-provvista ta’ dokumenti tal-kontijiet li juru l-valur tal-bejgħ jew fatturi ma tidhirx li hija indispensabbli sabiex jiġi stabbilit użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, joħroġ b’mod ċar mid-dokumenti fil-proċess (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), fosthom diversi artikli ppubblikati fuq l-internet u f’katalgi, li l-mudelli TVR ġew ikkummerċjalizzati bejn l-2003 u l‑2006, mill-inqas fit-territorju tar-Renju Unit, li huwa biżżejjed mill-perspettiva territorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leno Merken, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:2012:816, punti 50 u 54) u huma xhieda tan-natura u ta’ ċerta importanza tal-użu mit-trade mark Komunitarja preċedenti matul dan il-perijodu. Barra minn hekk, pubblikazzjonijiet iddatati Lulju 2007 u 2008 juru li l-imsemmija trade mark kienet parti minn dibattitu pubbliku fil-kuntest ta’ bidu mill-ġdid tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-mudell TVR Sagaris (ara wkoll il-punti 28 u 29 fl-aħħar tad-deċiżjoni kkontestata). |
58 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod kuntrarju għal dak li rrileva l-Bord tal-Appell u għal dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-użu tat-trade mark Komunitarja preċedenti fil-perijodu inkwistjoni kien biss simboliku u li l-imsemmija trade mark ma kinitx użata sabiex toħloq jew iżżomm suq għall-karozzi sportivi TVR. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-imsemmija karozzi waqa’ fl-2006 u li l-produzzjoni tagħhom twaqqfet fl-aħħar tal-2006 minħabba l-insolvibbiltà tal-fabbrika fir-Renju Unit, ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni kuntrarja, meta wieħed jikkunsidra tentattivi pprovati tal-proprjetarju tal-imsemmija trademark li jerġa’ jibda mill-ġdid il-produzzjoni tal-karozzi sportivi TVR u l-attività kummerċjali tiegħu fl-2007 u l-2008. B’hekk, għandha tiġi miċħuda wkoll l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, esposta fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-diffikultajiet finanzjarji li jaffettwaw l-użu tat-trade mark Komunitarja preċedenti ħallew dubji dwar l-użu tagħha wara s-sajf tal-2006, peress li din l-affermazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa biżżejjed li trade mark tkun intużat b’mod ġenwin matul għall-inqas parti mit-terminu ta’ ħames snin fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punti 52 u 53 iktar ’il fuq). Għandu jitfakkar, fl-aħħar, li l-ġurisprudenza għarfet li l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss għall-każ fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom sinjifikattiv mill-aspett kwantitattiv (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). |
59 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ċaħad l-oppożizzjoni għar-raġuni li l-parti li qed topponi ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti l-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti. |
60 |
B’hekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ wkoll. |
61 |
Peress li l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv ġew milqugħa, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fit-totalità tagħha. |
62 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-appell tal-intervenjenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma, mogħti lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandux bħala effett li jagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li tipproċedi għal evalwazzjoni li dwarha l-imsemmi Bord għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tibdil ta’ deċiżjoni għandu, għalhekk, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punt 72). |
63 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq iċ-ċirkustanza unika li l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma kienx ġie stabbilit, mingħajr ma pproċeda għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Tali evalwazzjoni għalhekk ma kinitx suġġetta għall-kawża miġjuba quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din tal-aħħar ma tistax tipproċedi għall-evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà ta’ konfużjoni taħt is-setgħa ta’ tibdil ta’ deċiżjoni tagħha, b’mod li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
65 |
Peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Prek Labucka Kreuschitz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.