Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CO0488

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2014.
“Parva Investitsionna Banka” AD et vs “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD u Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad – Tagrovishte.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Kunċett ta’ ‘talbiet mhux ikkontestati ta’ flus’ — Proċeduri ta’ insolvenza — Titolu extraġudizzjarju li jirrigwarda talba kkontestata — Talba għal eżekuzzjoni mill-massa fallimentari, abbażi ta’ tali titolu — Sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C‑488/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2191

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Kunċett ta’ ‘talbiet mhux ikkontestati ta’ flus’ — Proċeduri ta’ insolvenza — Titolu extraġudizzjarju li jirrigwarda talba kkontestata — Talba għal eżekuzzjoni mill-massa fallimentari, abbażi ta’ tali titolu — Sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑488/13,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okrazhen sad – Targovishte (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

“Parva Investitsionna Banka” AD,

“UniKredit Bulbank” AD,

“Siyk Faundeyshan” LLS,

vs

“Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD,

Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD,

fil-preżenza ta’:

Natsionalna agentsia za prihodite,

“Aset Menidzhmant” EAD,

“Ol Siyz Balgaria” OOD,

“Si Dzhi Ef – aktsionerna obshtnost” AD,

“Silvar Biych” EAD,

“Rudersdal” EOOD,

“Kota Enerdzhi” EAD,

Chavdar Angelov Angelov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Parva Investitsionna Banka” AD, minn I. Dermendzhiev, advokat,

għal “UniKredit Bulbank” AD, minn M. Fezliyska, kif ukoll minn A. Kazini u L. K. Hampartsumyan,

għal “Siyk Faundeyshan” LLS, minn Z. Tomov, advokat,

għal “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD, minn G. Nakova, advokat,

għal Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD, minn G. Y. Kolyovska,

għal “Aset Menidzhmant” EAD, minn D. Ianakiev, advokat,

għal “Ol Siyz Balgaria” OOD, minn V. Skochev, advokat,

għal “Silvar Biych” EAD, minn D. Ianakiev, advokat,

għal “Rudersdal” EOOD, minn V. Goshev, advokat,

għal “Kota Enerdzhi” EAD, minn M. Nikolova, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Petrova u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Parva Investitsionna Banka” AD, “UniKredit Bulbank” AD u “”Siyk Faundeyshan” LLS kontra “Ear Proparti developmant – v nesastoyatelnost” AD u Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD, dwar proċeduri ta’ insolvenza miftuħa kontra “Ear Proparti developmant – v nesastoyatelnost” AD.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, ir-Regolament Nru 1896/2006 għandu l-għan li “jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jikkonċerna, b’mod partikolari, kwistjonijiet dwar dħul ta’ flus, dwana jew ta’ amministrazzjoni jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ Stat (‘acta iure imperii’).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal materji li jirrigwardaw:

[...]

b)

falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

[...]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-każijiet transkonfinali kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal fejn tkun saret it-talba.

2.   Id-domiċilju għandu jiġi ddeterminat b’mod konformi ma’ l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)].

3.   Il-mument rilevanti biex jiġi determinat jekk hemmx każ transkonfini hu l-ħin meta l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tkun sottomessa b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Ambitu”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, l-ewwel subparagrafu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, proċeduri ta’ infurzar għandhom jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

7

L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprovdi:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kostituzzjoni

8

L-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Il-ftehimiet internazzjonali, irratifikati skont il-proċedura kostituzzjonali, ippubblikati u li daħlu fis-seħħ għar-Repubblika tal-Bulgarija, jagħmlu parti mid-dritt nazzjonali tal-Istat. Huma jieħdu preċedenza fuq in-normi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jekk huma f’kunflitt magħhom.”

Il-liġi fuq il-kummerċ

9

L-Artikolu 717n tal-Liġi fuq il-Kummerċ (Targovski zakon, iktar ’il quddiem it-“TZ”) jipprovdi:

“Waqt il-bejgħ ta’ proprjetà li hija ipotekata mid-debitur sabiex jiġi żgurat id-dejn ta’ ħaddieħor, l-amministratur jibgħat lill-kreditur ipotekarju avviż ta’ bejgħ. L-ammont dovut lill-kreditur ipotekarju jinżamm mill-amministratur u jingħata lill-kreditur fuq preżentata ta’ titolu eżekuttiv tat-talba tiegħu.”

Il-kodiċi ta’ proċedura ċivili

10

L-Artikolu 417 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem il-“GPK”) jipprovdi:

“Ir-rikorrent jista’ jitlob il-ħruġ ta’ inġunzjoni ukoll meta t-talba, irrispettivament mill-ammont tagħha, hija bbażata fuq:

1)

att ta’ korp amministrattiv, li l-qrati ċivili huma responsabbli għalih sabiex jawtorizzaw l-eżekuzzjoni;

2)

dokument ta’ kontabbiltà jew dikjarazzjoni ta’ kontabbiltà li jistabbilixxi jew tistabbilixxi t-talba ta’ stabbiliment tal-Istat, ta’ Komun jew ta’ bank;

3)

att notarili, arranġament jew ftehim ieħor, ma’ awtentikazzjoni notarili ta’ firem, rigward l-obbligi għall-ħlas ta’ flus jew ta’ oġġetti funġibbli oħra li huma elenkati fih, kif ukoll obbligi ta’ konsenja ta’ oġġetti speċifikati;

[...]”

11

L-Artikolu 418 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Meta r-rikors ikun akkumpanjat minn dokument imsemmi fl-Artikolu 417 li fuqu hija bbażata t-talba, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti li tordna l-eżekuzzjoni immedjata u li toħroġ titolu eżekuttiv.

2.   It-titolu eżekuttiv jinħareġ wara li l-qorti tkun ivverifikat il-validità formali tad-dokument u tkun ikkonstatat talba eżekuttiva kontra d-debitur. Sabiex toħroġ it-titolu eżekuttiv, il-qorti għandha tniżżel nota dwar dan fuq id-dokument ippreżentat u fuq l-inġunzjoni.

3.   Meta, skont id-dokument ippreżentat, il-ħlas lura tad-dejn jiddependi fuq l-eżekuzzjoni ta’ kontroparti jew fuq ir-realizzazzjoni ta’ fatt ieħor, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kontroparti jew l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza għandhom jiġu kkonstatati minn dokument uffiċjali jew minn dokument li ġej mingħand id-debitur.

4.   L-att li bih tiġi miċħuda totalment jew parzjalment it-talba għal ħruġ ta’ titolu eżekuttiv jista’ jsir appell minnu mir-rikorrent fi żmien ġimgħa min-notifika tiegħu, permezz ta’ appell inċidentali, li ma jiġix ippreżentat kopja tiegħu għal notifika.

[...]”

Il-liġi dwar l-atti normattivi

12

L-Artikolu 46 tal-Liġi dwar l-atti normattivi (Zakon za normativnite aktove, iktar ’il quddiem iz-“ZNA”), li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ atti normattivi, jipprovdi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ atti normattivi għandhom japplikaw skont it-tifsira stretta tagħhom. Jekk ma jkunux ċari, huma jkunu interpretati fit-tifsira li tikkorrispondi l-aħjar mad-dispożizzjonijiet l-oħra, mal-għan tal-att interpretat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Bulgaru.

2.   Meta l-att normattiv ma huwiex komplut, ikunu applikati għal każijiet li ma jirregolax id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw każijiet simili, sa fejn dan ikun konsistenti mal-għan tal-att. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip, ir-relazzjonijiet huma rregolati mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Bulgaru [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

L-Okrazhen sad – Targovishte (qorti reġjonali ta’ Targovishte), li huwa kompetenti fi kwistjonijiet ta’ falliment, fetħet, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2011, proċeduri ta’ insolvenza kontra “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD u ordnat permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2012, il-qbid ta’ assi li jappartjenu lill-massa fallimentari kif ukoll l-istralċ tagħha.

14

Is-Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD (amministratur maħtur fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD) biegħ diversi proprjetajiet li jifformaw parti mill-imsemmija massa u suġġetti għal ipoteki favur “Parva Investitsionna Banka” AD (iktar ’il quddiem “Parva Investitsionna Banka”). Dawn l-ipoteki saru sabiex jiżguraw il-kuntratti relatati ma’ talbiet, konklużi bejn Parva Investitsionna Banka u terzi, jiġifieri “Port Investmant Developmant – Balgaria 2” EAD u “Aset Menidzhmant” EAD.

15

Parva Investitsionna Banka hija proprjetarja ta’ diversi titoli eżekuttivi extraġudizzjarji relatati mat-talbiet marbuta ma’ dawn il-krediti ipotekarji. Din il-kumpannija ppreżentat rikors, ibbażat fuq l-Artikolu 717n tat-TZ u intiż sabiex issir l-eżekuzzjoni provviżorja u immedjata ta’ dawn it-titoli, skont l-Artikoli 417 u 418 tal-GPK. Hija talbet il-ħlas tal-prezz li bih kienu nbiegħu l-proprjetajiet li jagħmlu parti mill-massa fallimentari. Peress li dawn it-talbiet ġew ikkontestati, b’mod partikolari, mill-kumpanniji debitriċi, is-Sindik na “Ear Proparti Developmant – v nesastoyatelnost” AD talab lill-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi, inter alia, fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 717n tat-TZ, fil-każ li l-ħlas ta’ talba kkontestata jintalab mill-massa fallimentari.

16

Skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ħlas, mill-massa fallimentari u skont il-modalitajiet previsti mill-Artikolu 717n tat-TZ, ta’ talba kkontestata, li l-eżekuzzjoni provviżorja immedjata tagħha ġiet awtorizzata abbażi ta’ titoli extraġudizzjarji, jistax jitqies li huwa leċitu.

17

F’dan ir-rigward, din il-qorti ssemmi sentenza tal-Konstitutsionen sad (Qorti Kostituzzjonali) tat-2 ta’ Ottubru 2012 (Kawża Nru 4/2012), li kkonfermat li huma konformi mal-Kostituzzjoni l-Artikoli 417 u 418 tal-GPK li jawtorizzaw lill-banek, abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ kontijiet ta’ kreditu, li jiksbu eżekuzzjoni immedjata. L-eżami magħmul mill-Konstitutsionen sad sar fid-dawl tar-Regolament Nru 1896/2006 minħabba l-fatt dan tal-aħħar jagħmel parti mid-dritt nazzjonali intern u jgawdi supremazija, skont l-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, imqabbel mar-regoli interni li jmorru kontra l-prinċipji ġuridiċi u s-soluzzjonijiet li jipprovdi.

18

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżami tad-dritt nazzjonali jiżvela l-eżistenza ta’ lakuna ġuridika peress li l-Artikolu 717n tat-TZ ma jipprevedix il-każ fejn talba magħmula skont din id-dispożizzjoni tiġi kkontestata. Skont din il-qorti, l-Artikolu 46(2) taż-ZNA jimponilha, meta tali lakuna tkun irrilevata, li tikkunsidra l-istruttura tal-liġi u l-prinċipji ġenerali tad-dritt, sabiex tiddeċiedi dwar it-talba li hija adita biha. Ir-Regolament Nru 1896/2006, anki jekk jiffoka esklużivament fuq proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas, huwa, skont l-imsemmija qorti, l-unika leġiżlazzjoni li s-soluzzjonijiet normattivi huma, minħabba l-għan tagħhom, qrib biżżejjed tan-natura tal-kawża pendenti quddiemha. Dan ir-regolament jipprovdi regoli u prinċipji rilevanti sabiex tingħata risposta għal domandi relatati mal-kunflitt li hemm bejn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni individwali u l-proċeduri ta’ insolvenza.

19

Skont l-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, l-imsemmi regolament jagħmel parti mid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant hemm lok li dan jiġi kkunsidrat fl-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tad-determinazzjoni tal-istruttura tal-liġi.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrazhen sad – Targovishte ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kriterju dwar in-natura inkontestabbli ta’ pretensjoni għal ħlas infurzabbli, fis-sens tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 1896/2006?

2)

Fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li fit-territorju tiegħu tkun qiegħda tiġi eżegwita pretensjoni għal ħlas, ma tiddeterminax jekk l-ordni ta’ infurzar hijiex applikabbli għall-ordni ta’ tali ħlas fi proċeduri ta’ insolvenza li jkunu nbdew kontra persuna li fir-rigward tal-proprjetà tagħha jkun intalab l-infurzar, il-projbizzjoni fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament [Nru 1896/2006] għandha tiġi interpretata b’mod strett u tapplika biss fir-rigward ta’ pretensjonijiet għal ħlas kontestabbli li għandhom jiġu infurzati jew inkella tikkonċerna wkoll pretensjonijiet għal ħlas inkontestabbli li l-infurzar tagħhom huwa mitlub?

3)

L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament [Nru 1896/2006], li jipprovdi l-esklużjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ta’ fallimenti ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, ta’ proċeduri ta’ stralċ ta’ kumpanniji insolventi u ta’ proċeduri oħra simili, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tikkonċerna biss il-bidu tal-imsemmija proċeduri, jew tali limitazzjoni tkopri wkoll l-iżvolġiment kollu tagħhom, skont l-istadji tal-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?

4)

Skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarja u fil-każ ta’ lakuna fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-qorti nazzjonali tal-Istat Membru li quddiemha jkunu nbdew proċeduri ta’ insolvenza kontra persuna li fir-rigward tal-proprjetà tagħha jkun intalab l-infurzar, tista’ tagħti deċiżjoni permezz ta’ sentenza differenti u li tmur kontra l-prinċipji ġenerali tar-Regolament [Nru 1896/2006], abbażi tal-premessa 10 u tal-Artikolu 26 ta’ dan tal-aħħar?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi proċedura Ewropea ta’ ordni għall-ħlas f’każijiet transkonfinali li jikkonċernaw talbiet ta’ flus mhux ikkontestati.

22

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali la tirrigwarda proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas, prevista mir-Regolament Nru 1896/2006, u lanqas l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea, maħruġa abbażi tiegħu, iżda tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ titolu extraġudizzjarju, li l-eżekuzzjoni tiegħu provviżorja u immedjata ntalbet abbażi tad-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

23

B’hekk, huwa ċar li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006, li l-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni tiegħu.

24

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006, sabiex timla lakuna fid-dritt li din il-qorti rrilevat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma taqax fil-lamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Din l-espożizzjoni, l-istess bħall-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti meħtieġa mill-Artikolu 94(a) tal-istess regoli tal-proċedura, għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, minbarra l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-ġurisdizzjoni tagħha li tirrispondi għad-domanda magħmula (sentenza Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 19).

26

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda preliminari meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C‑139/12, EU:C:2014:174, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, f’sitwazzjoni, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-fatti ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari fejn id-dritt nazzjonali jagħmel riferiment għall-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiddetermina liema huma r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Poseidon Chartering, C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 15; ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punti 22 u 26; Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 48; Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17; Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45; kif ukoll Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 21).

28

Fil-fatt, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, sabiex jiżguraw li s-sitwazzjonijiet interni u s-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni jingħataw trattament identiku, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti msemmija fid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Salahadin Abdulla et, EU:C:2010:105, punt 48; SC Volksbank România, C-602/10, EU:C:2012:443, punti 87 u 88; Nolan, EU:C:2012:638, punt 46; Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punti 20 u 21; kif ukoll Romeo, EU:C:2013:718, punt 22).

29

Dan huwa l-każ meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jkunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux kundizzjonali (sentenzi Cicala, EU:C:2011:868, punt 19; Nolan, EU:C:2012:638, punt 47, u Romeo, EU:C:2013:718, punt 23). Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jippermettu lill-qorti nazzjonali li teskludi r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kleinwort Benson, C‑346/93, EU:C:1995:85, punti 16 u 18, kif ukoll Romeo, EU:C:2013:718, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 46(2) taż-ZNA, moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, u tispjega r-raġunijiet li għalihom hija tqis li interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija meħtieġa għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża li tagħha hija adita. Issa, l-ispjegazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet ma hijiex tali li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

31

L-Artikolu 5(4) jipprovdi li “il-ftehimiet internazzjonali, irratifikati skont il-proċedura kostituzzjonali, ippubblikati u li daħlu fis-seħħ għar-Repubblika tal-Bulgarija, jagħmlu parti mid-dritt nazzjonali tal-Istat [, ... u huma] jieħdu preċedenza fuq in-normi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jekk huma f’kunflitt magħhom.” Din in-norma għaldaqstant ma tirreferix għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006, imsemmija fid-domandi preliminari, iżda tipprevedi biss, skont il-kliem tagħha, regola relatata mal-ġerarkija eżistenti bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt nazzjonali.

32

Rigward l-Artikolu 46(2) taż-ZNA, dan tal-aħħar jirreferi b’mod ġenerali għall-“prinċipji ġenerali tad-dritt Bulgara” u mhux speċifikament għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006, imsemmija fl-imsemmija domandi. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssostni li din id-dispożizzjoni taż-ZNA, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, tirreferi wkoll għad-dritt tal-Unjoni, hija ma ssemmi bl-ebda mod li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru effettivament jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex jirregolaw sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għall-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

33

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Konstitutsionen sad, imsemmija fil-punt 17 ta’ dan id-digriet, u li għaliha tirreferi, f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmija deċiżjoni kienet tittratta l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(4) tal-Kostituzzjoni u 46(2) taż-ZNA fihomx riferiment għad-dritt tal-Unjoni intiż li jiżgura tali trattament identiku.

34

Issa, għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, tirreferi b’mod ġenerali għall-prinċipji ġenerali tad-dritt sabiex timtela lakuna ġuridika, minn dan id-digriet ma jirriżultax li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 saru applikabbli, fihom infushom, minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru, direttament u mingħajr kundizzjonijiet, għal sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab. Jidher pjuttost li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru huma limitati li jagħtu mandat lill-qorti adita sabiex tirrikorri għal prinċipji ġenerali u għal regoli tad-dritt nazzjonali, kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni, sabiex jimlew, permezz tal-ġurisprudenza u skont l-evalwazzjoni tagħha tat-tagħlim meħud minn dawn ir-regoli u prinċipji, il-lakuna kkonstatata.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 msemmija fid-domandi magħmula saru, fihom infushom, applikabbli direttament u mingħajr kundizzjonijiet mid-dritt nazzjonali għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

36

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar‑Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Okrazhen sad –Targovishte.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tiddegreta:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Okrazhen sad – Targovishte (il-Bulgarija).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top