Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0271

Kawża C-271/13 P: Appell ippreżentat fis- 16 ta’ Mejju 2013 minn Rousse Industry AD mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl- 20 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-489/11 — Rousse Industry AD vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 207, 20.7.2013, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 207, 20.7.2013, p. 8–8 (HR)

20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/31


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2013 minn Rousse Industry AD mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-20 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-489/11 — Rousse Industry AD vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-271/13 P)

2013/C 207/52

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Appellanti: Rousse Industry AD (rappreżentanti: A. Angelov, S. Panov, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-489/11;

tiddeċiedi definittivament il-kawża billi tiddikjara nulli l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat C-12/10 u N 389/09 mogħtija mill-Bulgarija lil Rousse Industry AD;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha mill-ġdid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka dawn l-aggravji:

(1)

L-ewwel aggravju: ksur tar-regoli proċedurali li jippreġudika l-interessi tal-appellanti

(i)

Fil-motivi tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-mistoqsijiet essenzjali li hija għamlet lill-partijiet dwar il-fatti, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u lanqas ma indirizzat il-pożizzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

(ii)

Dan jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn il-Qorti Ġenerali hija meħtieġa tikkunsidra t-talbiet, l-oġġezzjonijiet u l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet.

(2)

It-tieni aggravju: ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali

(i)

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), billi assumiet li kien hemm għajnuna ġdida favur Rousse Industry AD.

(ii)

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern tal-Unjoni u kienet taffettwa ħażin il-kompetizzjoni u li l-fatt li d-dejn dovut lill-Istat ma kienx irkuprat kien jikkostitwixxi vantaġġ għall-kumpannija.

(iii)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mal-Artikolu 107(1) TFUE u mal-Artikolu 296 TFUE sa fejn il-kulleġġ ġudikanti, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kriterju tal-investitur privat magħżul mill-Kummissjoni, ħa approċċ li, minn perspettiva legali, huwa żbaljat. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ma kkorroboratx il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat b’analiżi u b’fatturi ekonomiċi u għalhekk ma kien hemm ebda bażi legali sabiex il-Qorti Ġenerali tadotta l-argumenti tagħha.

(iv)

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u l-Artikolu 296 TFUE sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għandha tispeċifika l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, flimkien mal-interessi, u sa fejn dawn l-interessi għandhom jiġu ddeterminati skont rata xierqa stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea — rekwiżiti li ma ġewx issodisfati, b’tali mod li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma hijiex immotivata.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.


Top