Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0115

    Kawża C-115/13: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Marzu 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    ĠU C 129, 4.5.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/11


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    (Kawża C-115/13)

    2013/C 129/20

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Barslev u A. Sipos, aġenti)

    Konvenuta: L-Ungerija

    Talbiet tar-rikorrenti

    Tiddikjara li r-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 19 sa 21 tad-Direttiva 92/83/KE (1), flimkien mal-Artikolu 22(7) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84/KEE (2), billi adottat u żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet li jipprovdu li, fiċ-ċirkustanzi identifikati fid-dispożizzjonijiet nazzjonali,

    ir-rata tat-taxxa tas-sisa fuq il-produzzjoni tal-alkoħol etiliku mwettqa f’distilleriji fuq ordni ta’ klijent partikolari (“bérfőzető”) tiġi ffissata għal HUF 0;

    il-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku mwettqa minn persuni individwali tiġi eżentata mit-taxxa tas-sisa;

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, l-Ungerija hija obbligata li fir-rigward tad-distillati tapplika taxxa tas-sisa ffissata skont id-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, u li żżomm fis-seħħ sistema nazzjonali li tkun konformi ma’ dan. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 22 tad-Direttiva jirregola ċ-ċirkustanzi li taħthom l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ taxxa tas-sisa mnaqqsa meta mqabbla mar-rata nazzjonali.

    Skont l-Artikolu 64(3) tal-Liġi Ungeriża CXXVII tal-2003, dwar it-taxxi tas-sisa speċjali u d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-kummerċjalizzazjoni ta’ prodotti suġġetti għat-taxxi tas-sisa (a jövedéki adóról és a jövedéki termékek forgalmazásának különös szabályairól szóló 2003. évi CXXVII. törvény), fil-każ ta’ distillazzjoni fuq ordni ta’ klijenti partikolari, it-taxxa tas-sisa applikabbli għal distillat prodott mill-materja prima tal-klijent partikolari li jordna d-distillazzjoni hija ta’ HUF 0 sal-kwantità massima ta’ 50 litru fis-sena għall kull klijent partikolari. Madankollu, id-Direttiva ma tippermettix li tiġi applikata rata tat-taxxa tas-sisa li tkun inqas minn 50 % tar-rata normali tat-taxxa tas-sisa nazzjonali.

    Barra minn hekk, skont din l-istess liġi nazjonali, il-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku minn distillaturi partikolari hija eżentata mit-taxxa tas-sisa sa kwantità annwali massima ta’ 50 litru. Id-Direttiva 92/83/KEE ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni tal-produzzjoni amatorjali tal-alkoħol etiliku, u għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li ma huwiex possibbli, mingħajr ma jinkisru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li tiġi introdotta eżenzjoni fuq livell nazzjonali. Li kieku l-leġiżlatur tal-unjoni xtaq jipprovdi tali possibbiltà, huwa kien jipprovdi dan speċifikament fid-Direttiva. Id-Direttiva tippermetti eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa, sakemm ir-rekwiżiti previsti jkunu osservati, biss fir-rigward tal-produzzjoni minn persuni indidwali ta’ birra, inbid jew xorb ieħor iffermentat kemm jekk effervexxenti u anki jekk le.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 29)


    Top