Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0644

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
    Villeroy & Boch SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Koordinazzjoni tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Ksur uniku – Prova – Multi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Terminu raġonevoli – Proporzjonalità.
    Kawża C-644/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:59

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Koordinazzjoni tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku — Prova — Multi — Ġurisdizzjoni sħiħa — Terminu raġonevoli — Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑644/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013,

    Villeroy & Boch SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Philippe, avukat,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, L. Malferrari u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Villeroy & Boch SAS (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Franza”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria et vs Il‑Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T‑402/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, ”EU:T:2013:455), peress li, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din kienet tikkonċernaha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

    “2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    (a)

    jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE] […]

    […]

    Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

    […]

    3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

    Il-Linji gwida tal-2006

    3

    Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw fil-punt 2 tagħhom li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    Il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxi:

    “Għalkemm dawn il-Linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    5

    Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

    6

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

    7

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li pparteċipaw fih 17-il kumpannija, seħħ matul perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u ħa l-forma ta’ sett ta’ ftehimiet antikompetittivi jew prattiki miftiehma fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak.

    8

    Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija produtturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tariffikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq, u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-produtturi jistabbilixxu l-lista ta’ prezzijiet tagħhom, li ġeneralment jibqgħu fis-seħħ għal sena u kienu jservu bħala l-bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti.

    9

    Villeroy & Boch Franza kif ukoll ir-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza, Villeroy & Boch Austria GmbH (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Awstrija”), Villeroy & Boch AG (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch”) u Villeroy & Boch Belgium SA (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Belġju”), joperaw fis-settur tat-tagħmir sanitarji għall-kmamar tal-banju. Villeroy & Boch iżżomm il-kapital kollu ta’ Villeroy & Boch Awstrija, ta’ Villeroy & Boch Franza, ta’ Villeroy & Boch Belġju, ta’ Ucosan BV u tas-sussidjarji tagħha kif ukoll ta’ Villeroy & Boch SARL.

    10

    Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li tipproduċi viti u fittings, u Hüppe GmbH, li tipproduċi diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tal-multi li setgħu jiġu imposti fuqhom. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali mill-multi favur Masco, konformement mal-punt 8(a) u mal-punt 15 ta’ dan l-avviż.

    11

    Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju.

    12

    Fil-15 u fid-19 ta’ Novembru 2004, Grohe Beteiligungs GmbH u s-sussidjarji tagħha kif ukoll American Standard Inc. (iktar ’il quddiem “Ideal Standard”) rispettivament talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

    13

    Peress li, fil-perijodu bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, hija indirizzat talbiet għal informazzjoni lil diversi minn dawn il-kumpanniji u assoċjazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, inklużi r-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lilhom.

    14

    Fis-17 u fid-19 ta’ Jannar 2006, Roca SARL kif ukoll Hansa Metallwerke AG u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu wkoll sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fl-20 ta’ Jannar 2006, Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG Armaturenfabrik ressqet talba simili.

    15

    Wara seduta li saret mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, dwar ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti tad-9 ta’ Lulju 2009, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali u t-talbiet għall-informazzjoni supplimentari li ġew indirizzati sussegwentement, b’mod partikolari, lil dawn ir-rikorrenti, fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 8 ta’ din is-sentenza kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u jestendi għat-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari enfasizzat il-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell repetut li kien ikkonfermat li kien l-istess f’sitt Stati Membri koperti mill-investigazzjoni tagħha. Hija nnotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jikkonċernaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti.

    16

    Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni bħala membri tal-assoċjazzjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-IndustrieForum Sanitär, li mis-sena 2001 issostitwixxiet il-Freundeskreis der deutschen Sanitärindustrie, l-Arbeitskreis Baden und Duschen, li mis-sena 2003 issostitwixxiet l-Arbeitskreis Duschabtrennungen u l-Fachverband Sanitär-Keramische Industrie fil-Ġermanja, l-Arbeitskreis Sanitärindustrie fl-Awstrija, il-Vitreous China-group fil-Belġju, is-Sanitair Fabrikanten Platform fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Association française des industries de céramique sanitaire (AFICS) fi Franza. Fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat, fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-impriżi li pparteċipaw ma setgħux jiġu imposti multa fir-rigward ta’ dan minħabba l-preskrizzjoni.

    17

    Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni elenkat l-impriżi ssanzjonati għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE mill-1 ta’ Jannar 1994, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija għal perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004. Fir-rigward tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ssanzjonat, fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, lil Villeroy & Boch għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur uniku mit-28 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 u lis-sussidjarji tagħha Villeroy & Boch Belġju, Villeroy & Boch Franza u Villeroy & Boch Awstrija għall-perijodi mit-12 ta’ Ottubru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 l-iktar tard.

    18

    Fl-Artikolu 2(8) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multi, l-ewwel nett, fuq Villeroy & Boch, ta’ EUR 54436347, it-tieni nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Awstrija in solidum, ta’ EUR 6083604, it-tielet nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Belġju in solidum, ta’ EUR 2942608, u r-raba’ nett, fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Franza in solidum, ta’ EUR 8068441. L-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien għalhekk jammonta għal EUR 71531000.

    19

    Sabiex tikkalkola dawn il-multi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    20

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2010, l-appellanti ppreżentat rikors fil-Kawża T-382/10 intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

    21

    Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, l-appellanti qajmet ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba fir-rikonoxximent ta’ ksur uniku, kontinwu u kumpless, nuqqas ta’ motivazzjoni, assenza ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ ksur fi Franza, assenza ta’ bażi legali li tawtorizza kundanna in solidum tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ħlas tal-multi, kalkolu żbaljat tal-multa imposta b’mod partikolari minħabba l-inklużjoni tal-bejgħ li ma huwiex relatat mal-ksur fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u l-assenza ta’ tnaqqis tal-multa minkejja t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva u, fl-aħħar nett, ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba multa sproporzjonata.

    22

    Sussidjarjament, l-appellanti ppreżentat talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

    23

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

    It-talbiet tal-partijiet

    24

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hija, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha;

    sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

    iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

    fuq bażi iktar sussidjarja, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    25

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    26

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-provi fir-rigward tal-ksur allegatament imwettaq fi Franza. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minn din il-qorti fil-konstatazzjoni ta’ ksur kumpless u kontinwu. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ tagħha fir-rigward tal-multa imposta fuq l-appellanti. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi fir-rigward tal-allegat ksur imwettaq fi Franza

    L-argumenti tal-partijiet

    27

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, peress li l-evalwazzjoni magħmula minnha fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard, ta’ Roca kif ukoll ta’ Duravit AG, li jikkonċernaw il-fatti kollha mwettqa fi Franza, ma jikkorrispondux mal-evalwazzjoni tal-istess provi magħmula minnha fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457), li tikkonċerna wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ in dubio pro reo.

    28

    Fil-fatt, fil-punti 287 sa 290 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Istandard u dawk ta’ Roca kienu ppermettew li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-appellanti fi tliet laqgħat tal-AFICS organizzati matul is-sena 2004, li matulhom seħħew diskussjonijiet illegali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet essenzjalment fakkret li t-testimonjanza ta’ impriża li talbet għall-klemenza, skont il-prinċipju testis unus, testis nullus, ma tistax isservi ta’ prova sakemm tali testimonjanza ma tkunx sostnuta wkoll minn dik ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li t-testimonjanza pprovduta fil-kuntest tat-talba għal klemenza ta’ Ideal Standard ġiet ikkonfermata mid-dikjarazzjoni ta’ Roca.

    29

    Issa, skont l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija manifestament kuntrarja għal dik magħmula għall-istess provi fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 118 sa 120), li tikkonċerna wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża.

    30

    Bl-istess mod, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali evalwat il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit b’mod kontradittorju f’din l-aħħar sentenza u fis-sentenza appellata. Fil-fatt, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 115116), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li din id-dikjarazzjoni ma kinitx ġiet ikkomunikata lill-appellanti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza matul il-proċedura amministrattiva u, konsegwentement, kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma setatx tintuża kontrihom. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qablet li tikkunsidra din l-istess dikjarazzjoni. Għalhekk, fil-punt 293 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet indikat li, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża “ma tibbażax” fuq din id-dikjarazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dikjarazzjoni kkonfermat dik ta’ Ideal Standard fir-rigward tad-diskussjonijiet illegali li kienu “probabbilment” seħħew fil-25 ta’ Frar 2004.

    31

    Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi kkunsidratha responsabbli minħabba fid-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit, minkejja li kienet taf li din ma setatx tintuża kontriha u li l-Kummissjoni stess ma kinitx żammitha fid-deċiżjoni kontenzjuża, emendat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u kisret l-Artikolu 263 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    32

    Ladarba l-ebda prova oħra ma ġiet invokata fir-rigward tal-ksur li allegatament jista’ jiġi attribwit lill-appellanti fi Franza, il-kundanna ta’ din tkun ibbażata fuq żbalji ta’ liġi bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-fatti mwettqa fi Franza.

    33

    Il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huma kuntrarji għal dawk magħmula fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457), iżda tqis li l-iżball jikkonċerna din l-aħħar sentenza. Din l-istituzzjoni tenfasizza li l-appellanti mhux tinvoka żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, iżda qed tinvoka inugwaljanza fit-trattament ta’ fatti identiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrifjuta l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza. Fl-aħħar nett, hija ma tikkontestax li d-dikjarazzjoni ta’ Duravit ma tistax tintuża bħala prova, iżda tenfasizza li s-sentenza appellata ma hijiex manifestament ibbażata fuq din id-dikjarazzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    34

    Bi tweġiba għall-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-valur probatorju ta’ dokument ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma ġietx invokata f’din il-kawża.

    35

    Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew biżżejjed tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 287 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Istandard u ta’ Roca sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-laqgħat tal-AFICS fl-2004. Fil-punt 289 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ benefiċjarju ta’ tnaqqis totali jew parzjali tal-multi li hija kkontestata minn parti għandha tiġi kkorroborata, xejn ma jipprekludi li tali korroborazzjoni tista’ tirriżulta minn testimonjanza ta’ impriża oħra li ħadet sehem fl-akkordju, meta din tal-aħħar tassew ukoll kienet ibbenefikat minn tnaqqis mill-multi. Wara li eżaminat il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni magħmula minn Roca, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 290 tal-istess sentenza, ikkunsidrat li għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ Ideal Standard, kif ikkorroborata minn dik ta’ Roca, tistabbilixxi biżżejjed għall-finijiet tal-liġi iż-żamma tad-diskussjonijiet illegali inkwistjoni.

    37

    Issa, l-appellanti ssostni li din il-motivazzjoni hija kontradittorja għal dik magħmula fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457).

    38

    Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali sabiex tagħti motivazzjoni għas-sentenzi tagħha bħala prinċipju ma jistax jiġi estiż sabiex jiġi impost fuqha obbligu li tiġġustifika s-soluzzjoni adottata f’kawża waħda fid-dawl ta’ dik li nstabet f’oħra li tressqet quddiemha, anki jekk kienet tikkonċerna l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja bejn is-sentenza appellata u s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457).

    40

    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma setatx tqisha responsabbli minħabba fid-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ir-referenza għal din id-dikjarazzjoni, fil-punt 293 tas-sentenza appellata għandha biss l-għan li tirrispondi għall-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza billi tinvoka din id-dikjarazzjoni u li tqiegħed fid-dubju l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard u ta’ Roca. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx id-dikjarazzjoni ta’ Duravit bħala prova inkriminanti kontra l-appellanti, hekk kif huwa kkonfermat mill-punt 295 ta’ din is-sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard u ta’ Roca kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, dwar l-eżistenza ta ’ ksur uniku u kontinwu

    L-argumenti tal-partijiet

    42

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għaqdet flimkien, b’mod artifiċjali, atti li kienu indipendenti minn xulxin u meta kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur kumpless u kontinwu.

    43

    F’dan ir-rigward, l-appellanti tallega, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali, peress li bbażat fuq il-kunċett ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu, kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa nieqes minn kull bażi legali fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti tagħha fuq dan il-punt.

    44

    Fit-tieni lok, l-appellanti tqis, sussidjarjament, li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża sa fejn il-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti u fejn l-eżistenza ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn l-aġiri differenti kkontestati ma ġietx stabbilita.

    45

    Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li, sussidjarjament, minħabba l-eżistenza ta’ annullamenti parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449), tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457) kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477), u mill-fatt li ċerti impriżi ma setax ikollhom għarfien tal-ksur kollu, ma jistax ikun hemm ksur globali hekk kif iddefinit f’din id-deċiżjoni.

    46

    Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dawn l-aġiri kollha, u għalhekk għall-ksur kollu fl-intier tiegħu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġiri l-oħra kollha li jikkostitwixxu ksur ippjantati jew implementati mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dawn l-aġiri u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut magħhom. F’tali każ, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Barra minn hekk, sabiex aġiri differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan uniku jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm elementi li jikkaratterizzaw l-aġiri differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li aġiri materjalment implementati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u li konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247248).

    51

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 101(1) TFUE jikkonċerna biss jew dawk l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew dawk attivi fis-swieq upstream jew downstream jew dawk qrib tal-imsemmi suq, jew inkella l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 101(1) TFUE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u għall-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali, kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 3435 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok, l-ewwel nett, li tiċħad l-argumenti tal-appellanti li l-kunċett legali ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

    53

    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, billi fakkret din il-ġurisprudenza fil-punti 32 sa 34, 41, 42 u 46 sa 48 tas-sentenza appellata, immotivat biżżejjed din is-sentenza skont il-liġi.

    54

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża inkwantu l-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata u kif ammess mill-appellanti, li l-fatt li s-swieq ġeografiċi tal-prodotti koperti mill-ksur huma distinti, fi kwalunkwe każ, ma jimpedixxix il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, dan l-argument fi kwalunkwe każ huwa ineffettiv.

    55

    Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 71 tas-sentenza appellata, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet f’dan il-każ tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ għan uniku intiż sabiex jistabbilixxi ksur uniku. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 66, 69 u 71 tas-sentenza appellata, hija stabbilixxiet biżżejjed skont il-liġi, li l-aġiri differenti kkontestati jikkonċernaw l-istess għan, jiġifieri, għall-produtturi kollha ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, li jikkoordinaw l-aġiri tagħhom fir-rigward tal-grossisti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-kunċett ta’ għan komuni, hekk kif jirriżulta mill-punti 66, 69 u 71, ġie ddeterminat mhux permezz ta’ riferiment ġenerali għall-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati mill-ksur, iżda minn riferiment għal fatturi oġġettivi varji, bħar-rwol ċentrali tal-grossisti fis-sistema ta’ distribuzzjoni, il-karatteristiċi ta’ din is-sistema, l-eżistenza ta’ organi li jikkoordinaw u ta’ assoċjazzjonijiet li jipproduċu diversi prodotti, ix-xebh tal-implementazzjoni tal-arranġamenti ta’ kollużjoni u s-sovrappożizzjoni fattwali, ġeografiċi u fiż-żmien bejn il-prattiki kkonċernati.

    56

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki kkontestati, ksur uniku u kontinwu x’aktarx li jista’ jiġi imputat lil impriżi li ma humiex kompetituri u li ma jeħtiġux definizzjoni sistematika tas-swieq rilevanti, u peress li l-appellanti hija, minn naħa, responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u, min-naħa l-oħra, responsabbli tal-parteċipazzjoni indiretta tagħha f’dan il-ksur, sa fejn hija setgħat tkun konxja tal-aġiri kollha li jikkostitwixxu ksur li huma ppjanati jew implementati mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li setgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli u li kienu lesti li jieħdu r-riskju, ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li qieset li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu f’dan il-każ.

    57

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar l-annullamenti parzjali mogħtija fil-kuntest ta’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar l-istess ksur bħal dan inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi fuq id-diversi swieq nazzjonali jirriżulta mill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali. Sa fejn dan l-argument kien ifittex li tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu, għandu jiġi enfasizzat, li l-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna l-prova tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkontestat ta’ xi wħud mill-impriżi kkonċernati fuq ċerti swieq ġeografiċi għal perijodi speċifiċi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ pjan globali li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u lis-sitt Stati Membri kkonċernati u ta’ għan identiku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    58

    Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

    Fuq it-tielet u r-raba ’ aggravji, dwar is-setgħa ta ’ stħarriġ sħiħ u l-proporzjonalità tal-multa

    L-argumenti tal-partijiet

    59

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ma eżerċitatx is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ tagħha fir-rigward tal-multi ffissati mill-Kummissjoni.

    60

    L-appellanti tallega li mill-Artikolu 261 TFUE, mit-tieni u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jeżerċitaw b’mod effettiv is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ tagħhom.

    61

    Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżerċitat biss stħarriġ tal-legalità fuq l-iffissar tal-ammont tal-multa, kuntrarjament għat-talbiet tal-appellanti.

    62

    Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra li f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità tal-ksur, li kien jikkonċerna biss numru limitat ta’ Stati Membri. F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li wieħed jifhem għalfejn il-Kummissjoni ssanzjonat l-aġiri kkontestati f’din il-kawża b’mod iktar sever minn akkordji tal-istess natura li jkopru t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont tal-multa tal-appellanti minħabba fit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

    63

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, l-appellanti tenfasizza li l-Qorti Ġenerali kellha, sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, tieħu inkunsiderazzjoni s-suq ikkonċernat, id-dħul mill-bejgħ miksub, it-tul u n-natura tal-ksur kif ukoll l-effetti konkreti jew potenzjali tal-ksur fis-swieq ikkonċernati, ħaġa li hija ma għamlitx.

    64

    Il-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiżgura ruħha li l-ammont tal-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kien għalkollox proporzjonat, li ma huwiex il-każ meta d-dħul mill-bejgħ kopert mill-ksur huwa ta’ EUR 34.34 miljuni u l-ammont totali tal-multi huwa ta’ EUR 8068441.

    65

    Għaldaqstant, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrettifika dawn l-ommissjonijiet illegali tal-Qorti Ġenerali u sabiex tnaqqas hija stess l-ammont tal-multa imposta.

    66

    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet u r-raba’ aggravji jiġu miċħuda.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, fir-rigward tal-argumenti invokati mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandu jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla din id-deċiżjoni u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mis-setgħa ta’ stħarriġ li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dak li jikkonċerna l-multa, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Hija l-appellanti li bħala prinċipju għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandha tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi invokati u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

    72

    Barra minn hekk, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija biss kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat, f’kull każ partikolari, il-gravità tal-aġiri illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, l-effett dissważiv tal-multi, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u l-kuntest tagħha, inkluż l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li għandha kull impriża fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jieħdu minn dan, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li tali ksur jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 95, 99100).

    73

    Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell hija ma tistax tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ aggravji.

    75

    Madankollu, jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li, fl-ewwel lok, l-istħarriġ sħiħ jikkonċerna biss is-sanzjoni imposta u mhux id-deċiżjoni kontenzjuża kollha u, fit-tieni lok, la l-ġurisdizzjoni sħiħa u lanqas l-istħarriġ tal-legalità ma huma ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għalhekk huma ma jeħtiġux li l-Qorti Ġenerali twettaq ex officio eżami sħiħ u ġdid tal-fajl, irrispettivament mill-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti.

    76

    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet, mill-punt 335 tas-sentenza appellata, stħarriġ effettiv tal-ammont tal-multa, li ssodisfa l-argumenti varji tal-appellanti u li, fil-punti 397 sa 402 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet dwar it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, u għalhekk din ma llimitatx ruħha biss sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-ammont, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari rrilevat, fil-punt 384 ta’ din is-sentenza, li l-koeffiċjent ta’ 15 % għall-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” kien minimu minħabba fin-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni, u sussegwentement qieset, fil-punti 397 sa 401 ta’ din l-istess sentenza, li l-ebda prova prodotta mill-appellanti fl-ewwel istanza ma kienet tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

    77

    Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eżami tal-gravità tal-ksur ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 381 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 23 tal-Linji gwida tal-2006, li jiddisponi li “l-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 383 ta’ din is-sentenza, semmiet il-motivazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-premessa 1211 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet kienet, minħabba n-natura tagħha stess, waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u li l-ksur kien ksur uniku, kontinwu u kumpless li jkopri sitt Stati Membri u li jaffettwaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, qabel ma tiġi kkonstatata, fil-punt 384 tas-sentenza appellata, in-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 15 % u, fil-punt 385 ta’ din is-sentenza, il-parteċipazzjoni tal-appellanti “mal-grupp ċentrali ta’ impriżi” li implementaw dan il-ksur.

    78

    Peress li kkunsidrat il-parametri rilevanti kollha fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ikkontestat, peress li barra minn hekk ġiet ipprovata l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet u l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur, u peress li wieġbet għall-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    79

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il‑Kummissjoni, C‑608/13 P, EU:C:2016:414, punt 61, u tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, mill-argument tagħha dwar l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti tfittex biss li tikseb tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

    80

    Għaldaqstant, irrispettivament mill-merti tiegħu, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    81

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta bħala tali, l-appellanti ma tressaq ebda argument li juri li l-livell tas-sanzjoni imposta ma hijiex xierqa jew hija eċċessiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument li l-ammont tal-multa ta’ EUR 8068441 ikun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ kopert mill-akkordju li jilħaq l-ammont ta’ EUR 34.34 miljuni. Fil-fatt, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, l-ammont finali tal-multa imposta lil Villeroy & Boch u lis-sussidjarji tagħha tnaqqset sabiex ma taqbiżx l-10 % mid-dħul mill-bejgħ totali ta’ din matul is-sena finanzjarja preċedenti, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, dan il-limitu diġà jiggarantixxi li l-livell ta’ din il-multa ma jkunx sproporzjonat mad-daqs tal-impriża, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 280 sa 282).

    82

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet u r-raba’ aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

    83

    Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    84

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Villeroy & Boch SAS hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Top