EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62013CJ0636

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017.
Roca Sanitario SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva– Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-636/13 P.

Zbiór orzeczeń – ogólne

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2017:56

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C‑636/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-27 ta’ Novembru 2013,

Roca Sanitario SA, stabbilita fil-Barcelona, irrappreżentata minn J. Folguera Crespo, P. Vidal Martinez, u E. Navarro Varona, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn F. Castillo de la Torre u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Roca Sanitario SA titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Settembru 2013, Roca Sanitario vs Il‑Kummissjoni (T‑408/10, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:440) li biha din naqqset għal EUR 6298000 l-ammont tal-multa imposta fuq Roca Sanitario, in solidum mas-sussidjarja tagħha Roca SARL (iktar ’il quddiem “Roca”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), u ċaħdet il kumplament tar rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi, fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ globali] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[...]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3

Dan ir-regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 31 tiegħu:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

Il-Linji gwida tal-2006

4

Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw, fil-punt 2 tagħhom, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 23(2) tar-[Regolament Nru 1/2003]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament [...] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Il-Kummissjoni għandha tuża normalment l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Il-punt 20 tal-imsemmija linji gwida jipprovdi:

“L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Il-punt 21 tal-istess linji gwida jindika:

“Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Skont il-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006:

“Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-inqas jew fl-ogħla parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Il-punt 23 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi:

“Il-ftehim [...] orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fil-parti għolja ta’ din l-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Il-punt 25 tal-imsemmija linji gwida jindika:

“Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli proprju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Il-punt 29 tal-istess linji gwida jistabbilixxi:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan ma japplikax għall-ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku;

meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-klemenza u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

12

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

13

Roca Sanitario hija l-kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (iktar ’il quddiem, il-“grupp Roca”). Fiż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat, Roca Sanitario kienet iżżomm il-kapital kollu ta’ Roca, li kienet tiddistribwixxi prinċipalment oġġetti taċ-ċeramika u viti u fittings fis-suq Franċiż. Fid-29 ta’ Ottubru 1999, Roca Sanitario xtrat il-grupp li bħala ras tagħha kellha lil Keramik Holding AG (iktar ’il quddiem il-“grupp Laufen”), kumpannija tad-dritt Svizzera li b’mod partikolari kienet iżżomm il-kapital kollu ta’ Laufen Austria AG. Fiż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat, Laufen Austria kienet timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika taħt it-trade marks tagħha stess u kienet tikkummerċjalizza dawn tal-aħħar kif ukoll prodotti mmanifatturati mill-kompetituri. Il-bejgħ tagħha kien ikkonċentrat fl-Awstrija kif ukoll, f’miżura inqas, fil-Ġermanja.

14

Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi li jistgħu jiġu imposti fuqhom.

15

Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Wara li indirizzat, bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, talbiet għal informazzjoni lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, inklużi lil Roca u lil Laufen Austria, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din tal-aħħar b’mod partikolari ġiet innotifikata lir-rikorrenti.

16

Fis-17 ta’ Jannar 2006, Roca talbet, f’isimha u f’isem il-grupp Laufen, sa fejn hija kompliet l-attivitajiet ta’ dan il-grupp fi Franza, li tibbenefika mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji jew, fin-nuqqas, fit-tnaqqis tal-ammonta tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha.

17

Wara seduta li saret mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, wara li ntbagħtet, fid-9 ta’ Lulju 2009, ittra li tesponi l-fatti ta’ ċerti kumpanniji u wara t-talbiet għall-informazzjoni supplimentari li tagħha r-rikorrenti kienet destinatarja, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ġunju 2010, adottat id-deċiżjoni kkontestata, li biha hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li għalih ipparteċipaw 17-il impriża, żvolġa matul perijodi differenti inklużi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004, u ħa l-forma ta’ ftehimiet anti-kompetittivi u ta’ prattiki miftiehma flimkien fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jappartjenu għall waħda mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri l-viti u l-fittings, id-diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll l-oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sotto-gruppi ta’ prodotti”).

18

Il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li l-attività tal-membri tagħha kienet tkopri t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sotto-gruppi. Finalment, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti kif ukoll fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti.

19

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-grupp Roca fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni qieset li din tal-aħħar kellha konjizzjoni tal-ksur li jikkonċerna t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti. Madankollu, għal min hu tal-portata ġeoloġika tal-akkordju, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Roca ma setgħax jiġi kkunsidrat bħala li kellu konjizzjoni tal-portata globali, iżda kellu jiġi kkunsidrat biss bħala li kellu konjizzjoni tal-imġiba kollużiva fi Franza u fl-Awstrija.

20

Il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li Roca Sanitario u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Roca u Laufen Austria, kisru l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, billi pparteċipat, fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi Franza u fl-Awstrija.

21

Skont l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq Roca Sanitario multa ta’ EUR 17700000in solidum ma’ Laufen Austria u multa ta’ EUR 6700000in solidum ma’ Roca. Barra minn hekk, hija imponiet fuq Laufen Austria, multa ta’ EUR 14300000 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu ta’ qabel l-akkwist tal-Grupp Laufen minn Roca Sanitario.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, Roca Sanitario ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha.

23

Sabiex issostni t-talbiet tagħha intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, Roca Sanitario qajmet sitt motivi. L-ewwel, it-tieni u l-ħames motivi kienu jikkonċernaw l-imputazzjoni lil Roca Sanitario tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Roca u ta’ Laufen Austria. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża. Ir-raba’ motiv ittratta l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u Laufen Austria. Is-sitt motiv kien marbut mal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-gravità tal-ksur.

24

Fil-kuntest tat-talba tagħha, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, Roca Sanitario invokat l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni għall-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lilha meta mqabbla ma’ dak tal-parteċipanti l-oħra kif ukoll l-eventwali tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija lil Roca u lil Laufen Austria wara r-rikorsi rispettivi tagħhom.

25

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti in solidum ma’ Roca u ffissatha għal EUR 6298000 bil-għan li r-rikorrenti tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija lil Roca France. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

26

Roca Sanitario titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment, is-sentenza appellata;

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil Roca Sanitario għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

28

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq matul il-kwalifika ta’ “tard” ta’ wieħed mill-aggravji mqajma fl-ewwel istanzi. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-piena u ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi rrifjutat li tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

29

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Roca Sanitario tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet bħala inammissibbli, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-preżunt eżerċizzju minn Roca Sanitario ta’ influwenza determinanti fuq Laufen Austria, fid-dawl ta’ data żbaljata ta’ akkwist minn dik tal-ewwel tal-kważi-totalità tal-ishma ta’ Keramik Holding. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tindika d-deċiżjoni kkontestata, dan l-akkwist seħħ biss fil-31 ta’ Diċembru 1999.

30

Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkwalifikat, bi żball, dan l-argument bħala tard minħabba li din ġiet invokata biss fl-istadju tar-replika. Fil-fatt, dan l-argument kellu jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni ta’ motiv diġà inkluż fir-rikors. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali hija obbligata li tirrileva ex officio żball ta evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt fl-istadji kollha tal-proċedura u li tnaqqas il-multa konsegwentement, ħlief meta tikser id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sotto-intiżi fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

31

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Għandu jitfakkar li hija l-qorti tal-Unjoni Ewropea li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt. (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62).

33

L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Ħlief għall-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija meħtieġa tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64).

35

Skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tas-sentenza appellata, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Argument li ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ argument stabbilit minn qabel, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jippreżenta rabta stretta miegħu għandu jitqies bħala motiv ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑564/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:703, punti 20 sa 34, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 111).

36

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li “l-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma żammitx il-kapital azzjonarju kollu ta’ Laufen Austria ħlief b’effett mis-6 ta’ Ġunju 2000 tqajjem għall-ewwel darba fir-replika”, qabel ma ġie rilevat, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, li “r-rikorrenti indikat speċifikament, fir-rikors, li hija akkwistat 100 % tal-kapital azzjonist ta’ Keramik Holding fid-29 ta’ Ottubru 1999” u li jikkonkludi li, “[għ]aldaqstant, huwa żball li r-rikorrenti ssostni li [dan] l-ilment jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motivi inklużi fir-rikors” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37

Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura essenzjali tad-data tal-akkwist mir-rikorrenti tal-kapital azzjonarju ta’ Keramik Holding għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Roca Sanitario, l-imsemmi lment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa amplifikazzjoni ta’ motiv imqajjem fir-rikors promotur, iżda għandu jiġi kklassifikat bħala motiv ġdid.

38

Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tirrimedja l-iżbalji mwettqa minn parti fil-preżentazzjoni tal-fatti li jistgħu jservu ta’ bażi għall-motivi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

39

Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Roca Sanitario tikkritika l-Qorti Ġenerali li kisret, b’mod partikolari fil-punti 157 sa 188 kif ukoll fil-punti 201 u 202 tas-sentenza appellata, il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-piena u tar-responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn ma bbażatx il-konsegwenzi li kienet timponi l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali, li l-gravità tal-parteċipazzjoni għall-ksur li r-responsabbiltà tiegħu hija imputata lil Roca Sanitario kienet inqas minn dik ta’ parteċipazzjoni oħra għall-akkordju, b’mod partikolari, billi aġġustat il-koeffiċjenti marbut mal-gravità tal-ksur konstatat, fis-sens tal-punti 20 sa 23 tal-Linji Gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjenti ‘gravità tal-ksur’”), u l-koeffiċjenti addizzjonali previst fil-punt 25 ta’ dawn il-Linji Gwida (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjenti ‘ammont addizzjonali’”) kif ukoll billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa.

41

Roca Sanitario ssostni, fl-ewwel lok, li l-punti 157 sa 188 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn ma jieħdu ebda kunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, minħabba l-parteċipazzjoni fil-ksur li r-responsabbiltà tiegħu ġie imputat lilha kien inqas gravi minn dik tal-impriżi l-oħra ssanzjonati. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma kinitx topera b’distinzjoni, ħlief fir-rigward tal-portata ġeografika tal-parteċipanti għall-ksur, bejn il-gravità tal-aġir tas-sussidjarji tagħha, u l-gravità tal-aġir tal-impriżi li jifforma l-“għadma iebsa” tal-impriżi parteċipanti, skont in-natura tal-aġir rispettiv tagħhom kif ukoll skont in-numru ta’ sotto-gruppi ta’ prodotti koperti mill-ksur. Issa, konformement mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha, tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Roca Sanitario, billi tapplika għaliha koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati għall-imsemmija impriżi, u kellha tislet il-konsegwenzi ta’ dak li kkonstatat fil-punti 169, 186 u 187 tas-sentenza appellata.

42

Fit-tieni lok, il-motivi li jidhru fil-punti 168 u 187 tas-sentenza appellata jikkontradixxu l-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tat-tqassim tal-multi u jipprivileġġaw, bi żball, il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-multa għad-detriment tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

43

Fit-tielet lok, il-gravità baxxa tal-parteċipazzjoni għall-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lil Roca Sanitario kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji Gwida tal-2006. Issa, fil-punti 171 sa 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni wisq ristrettiva u żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni, tiċħad kull tnaqqis ta’ multa f’dan ir-rigward.

44

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kellha tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u kellha tonqos għall-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn, filwaqt li tinvoka l-punti 21 sa 23 tal-Linji Gwida tal-punt 185 tas-sentenza appellata, naqqset milli tirrileva l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni fi ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lir-rikorrenti meta mqabbla ma’ dik tal-parteċipanti oħra biex tqis li l-Kummissjoni aġixxiet konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

45

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Barra minn hekk, għalkemm hija tqis li huwa korrett li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, hija tqis, essenzjalment, li l-premessa miżmuma mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” applikati għar-rikorrenti, li ma pparteċipatx għall-ksur ħlief permezz tal-partijiet Franċiżi u Awstrijaċi tagħha, kellhom ikunu differenti minn dawk miżmuma bħall-membri oħra tal-akkordju li pparteċipaw fil-ksur fit-territorju tas-sitt Stati Membri u għall tliet sotto-gruppi ta’ prodotti ma huwiex eżatt. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq sostituzzjoni ta’ motivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala suġġett, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, il-fatturi kollha essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ aġir determinat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx bi dritt meħtieġ għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba tat-trażżin tal-multa jew tat-tnaqqis tal-ammont tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑KummissjoniC‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il‑Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 74).

47

Issa, sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħha, Roca Sanitario tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex, kemm matul l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 157 sa 179 tas-sentenza appellata, kif ukoll f’dik tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha għall-iffissar tal-multa, fil-punti 185 sa 188 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni għall-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lilha kienet inqas gravi minn dik tal-impriżi li kkostitwixxew l-“għadma iebsa” tal-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li ma jappartjenix għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għall-motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tirregola, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑KummissjoniC‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 87).

48

Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-provi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħha (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑KummissjoniC‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 240, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 98).

49

Jidhru, fost il-provi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jisiltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżentaw għall-għanijiet tal-Unjoni (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑KummissjoniC‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 242, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 100).

50

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 155 tas-sentenza appellata, huwa stabbilit li Roca Sanitario għandha tinżamm responsabbli, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm li żżomm il-kapital kollu ta’ Laufen Austria, tal-aġir ta’ din tal-aħħar, liema aġir ikkonsista fl-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet futuri fil-prezzijiet, li, sussegwentement, Roca Sanitario kellha konjizzjoni, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Laufen Austria fil-laqgħat tal-Arbeitskreis Sanitärindustrie, tal-portata materjali tal-ksur ikkonstatat sa fejn din kienet tirrigwarda tliet sotto-gruppi ta’ prodotti, liema fatt ir-rikorrenti ma kkontestatx fil-kuntest tar-rikors tagħha, u li, finalment, dan il-ksur ikkonċerna t-territorju Awstrijak kollu.

51

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet, skont il-punti 21 sa 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006, ġustament tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kienu xierqa.

52

F’dan ir-rigward, Roca Sanitario tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Laufen Austria u Roca ma kinux jappartjenu għall-“għadma iebsa” tal-akkordju għar-raġuni, b’mod partikolari, li huma ma kkontribwixxewx għall-ġenesi u għaż-żamma tagħha.

53

Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li din iċ-ċirkustanza hija stabbilita, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, turi li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur’’ u “ammont addizzjonali” bir-rata ta’ 15 % ma humiex xierqa jew għoljin wisq, peress li tali perċentwali kienet iġġustifikata minħabba l-unika natura tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt, tali ksur inkunsiderazzjoni fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi fis-sens tal-punti 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006 u tali rata ta’ 15 % tikkorrispondi għall-inqas rata fl-iskala tal-penalitajiet previsti għal tali ksur bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 124125, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125).

54

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkunsidra, fil-punti 169 u 185 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 %, minkejja l-portata ġeografika mnaqqsa għat-territorji Franċiżi u Awstrijaċi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.

55

Fit-tieni lok, sa fejn Roca Sanitario tikkritika l-Qorti Ġenerali li, minkejja li kkonstatat li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet inqas gravi minn dawk ta’ parteċipanti oħrajn, inżammu, fir-rigward tagħha, l-imsemmija koeffiċjenti u kif kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni sostanzjalment il-Kummissjoni, li l-motivi li jinsabu fil-punti 168 u 169 kif ukoll 186 u 187 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, minn naħa, ksur li jkopri t-territorji tas-sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar gravi minn ksur, bħal dik inkwistjoni, imwettaq fit-territorji ta’ żewġ Stati Membri u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li ħadu sehem f’dan l-ewwel ksur kellhom, minħabba dan il-fatt biss, jiġu imposti multa kkalkolata fuq il-bażi ta’ koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk applikati għar-rikorrenti, huma vvizzjati bi żball tal-liġi.

56

Fil-fatt, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mill-punti 22 u 25 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida. Jekk, biex wieħed jevalwa l-gravità ta’ ksur u, sussegwentement, li wieħed jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-portata ġeografika tal-ksur, iċ-ċirkustanza li ksur ikopri portata ġeografika ikbar minn oħra ma tistax neċessarjament timplika li dan l-ewwel ksur, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tiegħu, għandu jiġi kkwalifikat bħala iktar gravi mit-tieni u bħala li jiġġustifika, b’hekk, l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk miżmuma għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona dan it-tieni ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 178).

57

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51).

58

Il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva l-imsemmi prinċipju mhux biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77).

59

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni, biex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, bis-saħħa tal-istess prinċipju, ta’ differenzi bejn impriżi li pparteċipaw għall-istess akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-portata ġeografika tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma għandux neċessarjament jintervjeni matul l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda jista’ jintervjeni għal stadju ta’ kalkolu ieħor tal-multa, bħal matul l-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 96 sa 100, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104105).

60

Kif il-Kummissjoni osservat, tali differenzi jistgħu wkoll jidhru permezz tal-valur tal-bejgħ miżmum biex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa sa fejn dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jippermetti li jieħu bħala punt ta’ partenza għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76).

61

Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ġie ddeterminat skont il-valur tal-bejgħ imwettaq minn Laufen Austria fit-territorju Awstrijak u minn Roca fit-territorju Franċiż, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punti 168 u 169 kif ukoll 186 u 187 tas-sentenza appellata, tiffissa għal 15 % ta’ dan il-valur ir-rata tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

62

Minkejja li minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 168 u 169 kif ukoll 186 u 187 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata minn żbalji tal-liġi, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tiegħu jidher fondat għall-motivi oħrajn tad-dritt, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u hemm lok ta’ sostituzzjoni ta’ motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Issa, kif jirriżulta mill-motivi stabbiliti fil-punti 56 sa 61 ta’ din is-sentenza, li għandhom jiġu ssostitwiti għal dawk miżmuma mill-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ inkwistjoni.

64

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju sa fejn jilmenta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji tad-dritt u, b’mod partikolari, li kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li, huwa tort għall-Qorti Ġenerali li applikat għar-rikorrenti koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati lill-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur kienet iktar gravi, ma tteħidx inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni għall-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lir-rikorrenti.

65

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi kkunsidrat, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni aġixxiet konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma telqitx mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa prevista mil-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali għaddiet għad-deskrizzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa fil-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, fi kliem ġenerali, kif ukoll għal dik tal-applikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni f’dan il-każ, għall-punti 150 sa 152 tal-imsemmija sentenza.

66

Għaldaqstant, tali lment ma jistax jintlaqa’.

67

Finalment, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, skont iċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, tal-inqas gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur għal dik tal-parteċipanti l-oħra, huwa stabbilit li Roca Sanitario sempliċement targumenta n-natura limitata tal-parteċipazzjoni għall-ksur ikkonstatat minn Roca u minn Laufen Austria.

68

Issa, bis-saħħa tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, ir-rikorrenti kellha, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba tali ċirkustanzi attenwanti, turi li hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ ksur ikkonċernati billi adottat aġir ta’ kompetizzjoni fis-suq, prova li r-rikorrenti ma pproduċietx, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 177 tas-sentenza appellata.

69

Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni tal-provi ma tistax, bla ħsara għall-każ taż-żnaturament tagħhom, li ma ġietx invokata f’dan il-każ, titqiegħed fid-dubju fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2011, Media-Saturn-Holding vs UASI, C‑92/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:15, punt 27; tal-10 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑391/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2061, punti 2829,kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

70

Minn dan isegwi li l-ilment marbut mal-eżami mill-Qorti Ġenerali taċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud.

71

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

73

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Roca Sanitario, SA, hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Góra