Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0617

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
    Repsol Lubricantes y Especialidades, SA, anciennement Repsol Lubricantes YPF y Especialidades, SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Artikolu 81 KE – Akkordji – Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet – Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (2002) – L-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) – Immunità parzjali mill-multa – Provi relatati ma’ fatti preċedentement injorati mill-Kummissjoni Ewropea.
    Kawża C-617/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:416

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Appell — Artikolu 81 KE — Akkordji — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (2002) — L-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) — Immunità parzjali mill-multa — Provi relatati ma’ fatti preċedentement injorati mill-Kummissjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑617/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013,

    Repsol Lubricantes y Especialidades SA, li kienet Repsol Lubricantes YPF y Especialidades SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

    Repsol Petróleo SA, stabbilita f’Madrid,

    Repsol SA, stabbilita fi Madrid,

    irrappreżentati minn L. Ortiz Blanco, J. Buendía Sierra, M. Muñoz de Juan, A. Givaja Sanz u A. Lamadrid de Pablo, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Repsol Lubricantes y Especialidades SA, li kienet Repsol Lubricantes YPF y Especialidades SA (iktar ’il quddiem “RPA/Rylesa”), Repsol Petróleo SA u Repsol SA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni (T‑496/07, EU:T:2013:464, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali, tat‑3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] [Każ COMP/38.710 - Bitum (Spanja)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) kif ukoll, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

    2

    Taħt it-titolu “Multi”, l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li, “[f]it-twaħħil [fid-determinazzjoni] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”.

    3

    L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

    Il-linji gwida tal-1998

    4

    Skont il-punt 1 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu [65(5) KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) “[l]-ammont bażiku se jkun stabbilit skond il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament [tal-Kunsill] Nru. 17”, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

    5

    Għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-punt 1.A, tal-linji gwida tal-1998 jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel kif ukoll l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat. Skont din id-dispożizzjoni, l-istanzi ta’ ksur huma kklassifikati fi tliet kategoriji, jiġifieri ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.

    6

    Skont il-linji gwida tal-1998, il-ksur serju ħafna huwa, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “konsorzji ta’ prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq. Għal dan il-ksur, l-ammont bażiku tal-multa li jista’ jiġi applikat huwa ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”.

    L-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

    7

    L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tagħha li kieku kien ikollhom iħallsu fl-assenza ta’ tali kooperazzjoni.

    8

    Il-punt 7 ta’ dan l-avviż jipprovdi:

    “[Il-]kooperazzjoni bejn impriża waħda jew iktar tista’ tiġġustifika tnaqqis f’multa mill-Kummissjoni. Kull tnaqqis f’multa għandu jirrifletti l-kontribuzzjoni effettiva ta’ l-impriża, fis-sens ta’ kwalità u ta’ żmien, għad-determinazzjoni tal-ksur tal-liġi mill-Kummissjoni. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal dawk l-impriżi li jipprovdu il-Kummisjoni bi provi li jżidu valur sinnifikattiv lil dawk li diġa' qegħdin fil-pussess tal-Kummissjoni.”

    9

    Taħt it-Titolu B tal-imsemmi avviż, intitolat “Tnaqqis f’multa”, il-punti 21 u 23 tiegħu jipprovdu li:

    “21.

    Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa‘ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

    [...]

    23.

    Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

    (a)

    jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien;

    [...]

    Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    10

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 91 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

    11

    Il-prodott ikkonċernat mill-ksur huwa l-bitum ta’ penetrazzjoni, jiġifieri bitum li ma jkunx ġie ttrasformat u li jintuża għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tat-toroq.

    12

    Is-suq Spanjol tal-bitum jinkludi, minn naħa, tliet produtturi, il-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS u BP, u, min-naħa l-oħra, importaturi, li fosthom jinsabu l-gruppi Nynäs u Petróleos de Portugal (Petrogal).

    13

    Matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 1991 sa 2002, RPA/Rylesa kienet 99.99 % proprjetà ta’ Repsol Petróleo, li min-naħa tagħha kienet 99.97 % sussidjarja ta’ Repsol YPF SA, li saret Repsol, kumpannija omm tal-grupp Repsol.

    14

    RPA/Rylesa tipproduċi u tbigħ prodotti tal-bitum. Waħda mill-attivitajiet ta’ Repsol Petróleo hija l-produzzjoni ta’ bitum ta’ penetrazzjoni u l-bejgħ tiegħu lil RPA/Rylesa bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

    15

    Żewġ kumpanniji oħra tal-grupp Repsol, Petróleos del Norte SA u Asfalnor SA jeżerċitaw attività marbuta mal-bitum ta’ penetrazzjoni fi Spanja.

    16

    Abbażi tal-bejgħ tagħhom ta’ bitum ta’ penetrazzjoni lil terzi, RPA/Rylesa u Petróleos del Norte kisbu fi Spanja dħul mill-bejgħ ta’ EUR 97500000 matul is-sena ta’ negozju 2001, jiġifieri 34.04 % tas-suq inkwistjoni. Id-dħul mill-bejgħ totali kkonsolidat tal-grupp Repsol kien ta’ EUR 51355000000 għas-sena 2006, li tikkorrispondi għal-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    17

    Wara talba għal immunità ppreżentata fl-20 ta’ Ġunju 2002 minn BP b’applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, saru verifiki fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002 fi ħdan kumpanniji tal-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS, BP, Nynäs u Petrogal.

    18

    Fis-6 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati l-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 17.

    19

    Permezz ta’ faks, tal-31 ta’ Marzu 2004 u tal-5 ta’ April 2004, rispettivament, l-appellanti u PROAS ippreżentaw lill-Kummissjoni talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-impriża.

    20

    Wara li indirizzat erba’ talbiet oħra għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bdiet formalment proċedura u, mill-24 sat‑28 ta’ Awwissu 2006, innotifikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji tal-gruppi BP, Repsol, CEPSA-PROAS, Nynäs u Petrogal.

    21

    Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija kkonstatat li t-tlettax-il kumpannija li kienu d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw f’sensiela ta’ ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bitum ta’ penetrazzjoni għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fi Spanja (bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji).

    22

    Il-Kummissjoni kkunsidrat li kull waħda miż-żewġ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni kkonstatati, jiġifieri l-ftehimiet orizzontali għat-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, kienet taqa’, min-natura tagħha stess, taħt it-tipi ta’ ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, liema tipi ta’ ksur jistgħu jiġġustifikaw, skont il-ġurisprudenza, li jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”.

    23

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-“ammont inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti għas-somma ta’ EUR 40000000, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-valur tas-suq inkwistjoni stmat għal EUR 286400000 fl-2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, u l-fatt li l-ksur kien limitat għall-bejgħ tal-bitum imwettaq fi Stat Membru wieħed.

    24

    Il-Kummissjoni mbagħad ikklassifikat lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża f’diversi kategoriji ddefiniti skont l-importanza relattiva tagħhom fuq is-suq inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament differenzjat, b’tali mod li ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu gravi lill-kompetizzjoni.

    25

    Il-grupp Repsol u PROAS, li s-sehem tagħhom mis-suq inkwistjoni kien jammonta, rispettivament, għal 34.04 % u għal 31.67 % għas-sena finanzjarja 2001, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, il-grupp BP, b’sehem mis-suq ta’ 15.19 %, fit-tieni kategorija, u l-gruppi Nynäs kif ukoll Petrogal, li s-sehem tagħhom mis-suq kien ta’ bejn 4.54 % u 5.24 %, fit-tielet kategorija. Fuq din il-bażi, l-ammonti inizjali tal-multi li kellhom jiġu imposti ġew adattati kif ġej:

    l-ewwel kategorija, għall-grupp Repsol u PROAS: EUR 40000000;

    it-tieni kategorija, għall-grupp BP: EUR 18000000; u

    it-tielet kategorija, għall-gruppi Nynäs u Petrogal: EUR 5500000.

    26

    Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi f’livell li jiggarantixxi l-effett suffiċjentement dissważiv tiegħu, il-Kummissjoni qieset xieraq li tapplika multiplikatur ta’ 1.2 lill-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq il-grupp Repsol.

    27

    Wara li żiedet l-ammont inizjali tal-multi abbażi tat-tul tal-ksur, jiġifieri perijodu ta’ ħdax-il sena u seba’ xhur (mill-1 ta’ Marzu 1991 sal-1 ta’ Ottubru 2002), għal dak li jirrigwarda l-grupp Repsol, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqu kellu jiżdied bi 30 % abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, peress li dan il-grupp kienet fost il-“muturi” sinjifikattivi tal-akkordju inkwistjoni.

    28

    Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li, skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-grupp Repsol kellu dritt għal tnaqqis ta’ 40 % mill-ammont tal-multa li normalment kellha tiġi imposta fuqu.

    29

    Abbażi ta’ dawn l-elementi, ġiet imposta fuq RPA/Rylesa, Repsol Petróleo u Repsol YPF in solidum multa ta’ EUR 80496000.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    30

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom.

    31

    Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti qajmu tmien motivi, li minnhom ir-raba’, is-sitt u t-tmien wieħed biss huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell.

    32

    Ir-raba’ u l-ħames motivi, li l-Qorti Ġenerali eżaminat flimkien, kienu bbażati, minn naħa, fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzja l-eżami tal-provi prodotti mill-appellanti, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex jipprovaw l-awtonomija kummerċjali ta’ RPA/Rylesa meta mqabbla ma’ Repsol Petróleo kif ukoll ma’ Repsol YPF u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-evidenza addizzjonali dwar ir-relazzjonijiet tal-parteċipanti ta’ dawn it-tliet kumpanniji ma setgħetx tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar fuq l-ewwel waħda.

    33

    Is-sitt motiv kien ibbażat fuq il-fatt li l-ammont tal-multa imposta kien ġie ffissat bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    34

    Permezz tat-tmien motiv tagħhom, l-appellanti essenzjalment ikkontestaw l-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u, b’mod partikolari, tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tagħha.

    35

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

    36

    Hija ċaħdet ukoll il-kontrotalba tal-Kummissjoni, intiża sabiex l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti jiżdied.

    It-talbiet tal-partijiet

    37

    Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża;

    tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

    tikkonstata t-tul eċċessiv u mhux iġġustifikat tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    38

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

    Fuq l-appell

    39

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta ’ RPA/Rylesa jew, sussidjarjament, nuqqas ta ’ motivazzjoni ta ’ din l-evalwazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    40

    Insostenn tal-ewwel aggravju, intiż kontra l-punti 179 sa 207 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li din tal-aħħar hija vvizzjata minn żball doppju ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn tal-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru l-awtonomija kummerċjali ta’ RPA/Rylesa meta mqabbla ma’ Repsol Petróleo u ma’ Repsol YPF.

    41

    Huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, b’mod partikolari, fil-punti 202 u 203 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-prova li l-kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarji li fihom għandha 100 % jew kważi 100 % holding ma kienx ġie eżerċitat fil-prattika hija insuffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ din il-kumpannija omm fuq is-sussidjarji tagħha.

    42

    L-appellanti jqisu, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 36 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, billi wettqet evalwazzjoni eċċessivament individwalizzata ta’ kull prova prodotta mill-appellanti, mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tal-imsemmija provi flimkien, bl-eċċezzjoni ta’ dik li tinsab f’formulazzjoni lakonika fil-punt 207 tas-sentenza appellata.

    43

    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ewwel aggravju huwa infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Għal dak li jirrigwarda l-parti prinċipali ta’ dan l-aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    45

    Fil-fatt, ma jirriżulta minn ebda wieħed mill-punti msemmija mill-appellanti li l-Qorti Ġenerali qieset li l-prova li l-kontroll ta’ kumpannija omm fuq is-sussidjarji li fihom għandha 100 % jew kważi 100 % holding ma kienx ġie eżerċitat fil-prattika hija insuffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ din il-kumpannija omm fuq is-sussidjarji tagħha.

    46

    Jirriżulta biss mis-sentenza appellata u, b’mod partikolari, mill-punti 207 u 211 tagħha, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-provi prodotti mill-appellanti ma kinux tali li jipprovaw l-awtonomija tal-aġir ta’ RPA/Rylesa meta mqabbla ma’ Repsol Petróleo u ma’ Repsol YPF u, għaldaqstant, ma kinitx tippermetti li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar fuq l-ewwel waħda.

    47

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 113).

    48

    Għal dak li jirrigwarda l-parti sussidjarja tal-ewwel aggravju, għandu ċertament jiġi rrilevat li fil-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma tat motivazzjoni qabel, li meħuda flimkien, il-punti żviluppati mill-appellanti b’konnessjoni mar-rikors tagħhom għall-annullament ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ Repsol Petróleo u ta’ Repsol YPF fuq RPA/Rylesa.

    49

    Madankollu, mis-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex ċaħdet, fil-punti 207 u 211 tagħha, l-argument tal-appellanti intiż sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija kummerċjali ta’ RPA/Rylesa meta mqabbla ma’ Repsol Petróleo u ma’ Repsol YPF, le Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex tipproċedi għal analiżi mhux kuntestwali ta’ kull prova prodotta mill-appellanti.

    50

    Barra l-fatt li, fil-punti 164 sa 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti li ma hijiex suġġetta għal appell, analiżi ddettaljata ta’ kull prova prodotta mill-partijiet, li ma għandhiex tiġi injorata għall-finijiet ta’ evalwazzjoni globali tagħhom, mill-punti 208 sa 210 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali analizzat u evalwat ukoll ċerta evidenza addizzjonali, li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kontenzjuża, u li l-Qorti Ġenerali qieset li kienet issostni l-fatt li l-appellanti kienu fil-fatt jikkostitwixxu entità ekonomika unika.

    51

    Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u, b’mod partikolari, ma kisritx l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li setgħet tikkonstata li l-appellanti ma kinux ipprovaw l-awtonomija tal-aġir ta’ RPA/Rylesa meta mqabbla ma’ Repsol Petróleo u ma’ Repsol YPF.

    52

    Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-interpretazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

    L-argumenti tal-partijiet

    53

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom intiż kontra l-punti 339 sa 349 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi rrifjutat li tagħtihom immunità parzjali mill-multa minħabba li kien inkorrett li huma allegaw li kienet Repsol li kienet ipproduċiet, fid-dikjarazzjoni tagħha abbażi ta’ dan l-avviż, l-informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni ssir taf bil-fatt li l-akkordju kien tkompla matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 1998 sal-2002.

    54

    Issa, fil-każ ineżami, l-appellanti, filwaqt li jammettu li, qabel id-dikjarazzjoni tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 il-Kummissjoni kellha dokumenti li juri t-tul reali tal-ksur allegat, huma jqisu li kienet l-espożizzjoni tal-fatti tagħhom, li tinsab f’din id-dikjarazzjoni, li ppermettiet lill-Kummissjoni tiskopri li l-grupp BP kien ħeba l-verità dwar il-veru tul tal-akkordju kontenzjuż u li dan il-ksur kien tkompla matul l-imsemmi perijodu.

    55

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-formulazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, b’mod partikolari, l-użu, fil-verżjoni tal-lingwa Spanjola, tal-kelmiet “hechos de los cuales la Comisión no tenga conocimiento previo”, li jikkorrispondu għall-kelmiet “facts previously unknown” u “faits précédemment ignorés”, b’mod partikolari fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Franċiża, għandhom jinftiehmu bħala li ma jkoprux sempliċi possessjoni fiżika ta’ dokumenti mill-Kummissjoni, iżda bħala li jeżiġu wkoll “element konoxxittiv”, jiġifieri l-għarfien mill-Kummissjoni tal-ksur li huwa kkonfermat mill-imsemmija dokumenti.

    56

    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-appellanti jqisu li l-ambigwità tal-imsemmija dispożizzjoni kien messha wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti interpretazzjoni li hija favorihom.

    57

    Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju għandu jiġi kklassifikat bħala motiv ġdid u, għaldaqstant, huwa inammissibbli peress li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti ma kienx jinkludi argumenti dwar il-ħtieġa ta’ “element konoxxittiv”, għall-finijiet tal-użu tad-dispożizzjoni invokata. Sussidjarjament, dan l-aggravju huwa infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-fatt, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi argumentati fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il‑Kummissjoni, C‑35/12 P, EU:C:2014:348, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Għaldaqstant, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita).

    60

    Madankollu, u hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 17 u 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti kienu essenzjalment qajmu l-argument inkwistjoni fir-rikors tagħhom għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

    61

    Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, it-tieni aggravju għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat ammissibbli.

    62

    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 339 sa 349 tas-sentenza appellata peress li din ivvalidat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “fatti li qabel ma kienux magħrufa” fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għas-sempliċi pussess fiżiku ta’ dokumenti, iżda teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju separat li l-appellanti jikklassifikaw bħala “kriterju konoxxittiv”.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, fil-prinċipju, sabiex teżamina l-provi li hija taċċetta insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

    64

    Konsegwentement, ma jistgħux jiġu mminati l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, li huma kkontestati fil-kuntest tat-tieni aggravju u, b’mod partikolari, dik li tinsab fil-punt 341 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha, qabel ma rċeviet, fil-31 ta’ Marzu 2004, id-dikjarazzjoni tal-appellanti mehmuża mat-talba ta’ Repsol abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, informazzjoni rilevanti li kienet tinsab f’dokumenti kontemporanji miġbura matul il-verifiki tal-1 u tat-2 ta’ Ottubru 2002. L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 345 tas-sentenza appellata, tal-argument dwar l-allegat valur miżjud tal-fatti deskritti minn Repsol li huma konnessi mal-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 1998 sal-2002.

    65

    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi invokat mill-appellanti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, “jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

    66

    Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-immunità parzjali prevista minnha teżiġi li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tipprova fatti li preċedentement ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni u, it-tieni nett, li dawn il-fatti, li għandhom effett dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju ssuspettat, jippermettu lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-ksur (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 78).

    67

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-kelmiet “fatti li [...] ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni” ma humiex ambigwi u jippermettu li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi dan jiġi llimitat għall-każijiet fejn kumpannija li tkun parti f’akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, marbuta mal-gravità jew mat-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sens li għandu jingħata lil dawn il-kelmiet għandu jkun kapaċi jiggarantixxi l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi avviż u, b’mod partikolari, l-effikaċità tal-programm ta’ klemenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 84 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-programmi ta’ klemenza huwa li tinkiseb id-denunzja tal-ksur mill-awturi tiegħu sabiex dan jintemm malajr u totalment.

    69

    Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni li, meta impriża tkun l-ewwel li tipprovdi lill-Kummissjoni, sabiex tikseb immunità totali minn multa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, provi tali li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, iżda tonqos milli tagħti informazzjoni li turi li l-ksur inkwistjoni kien itwal minn dak irrivelat minn dawn il-provi, hija intiża sabiex tinkoraġġixxi, permezz tal-għoti ta’ immunità parzjali minn multa, kull impriża oħra li tkun ipparteċipat f’dan il-ksur sabiex tkun l-ewwel waħda li tiżvela tali informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 85).

    70

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-kriterju “konoxxittiv” invokat mill-appellanti ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li provi prodotti minn impriża fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi ta’ dan l-avviż ma jistgħux jitqiesu li huma provi “rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjon” ħlief jekk huma jagħtu, b’mod oġġettiv, valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi l-oħra diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

    71

    Din l-interpretazzjoni tirriżulta, minn naħa, mill-istruttura ġenerali tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, skont il-punti 7 u 21 kif ukoll il-punt 23(a) ta’ dan l-avviż, il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa imposta mill-Kummissjoni abbażi tal-imsemmi avviż jippreżumi li l-impriżi li jridu jipprofittaw minn dan jipprovdu lill-Kummissjoni provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk li huma diġà fil-pussess tagħha. L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna l-immunità parzjali prevista fl-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) ta’ dan l-istess avviż.

    72

    Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu jitqies li l-pussess mill-Kummissjoni ta’ prova jammonta għall-għarfien tal-kontenut tagħha, indipendentement mill-punt dwar jekk din il-prova ġietx effettivament eżaminata u analizzata mid-dipartimenti tagħha.

    73

    Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, ġie kkonstatat b’mod definittiv mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 341 tas-sentenza appellata, li jirreferi għall-punt 592 tad-deċiżjoni kontenzjuża li, qabel ma saret id-dikjarazzjoni tal-appellanti magħmula abbażi tal-l-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar il-fatti li seħħew matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 1998 sal-2002, miksuba matul il-verifiki li saru fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod definittiv l-argument dwar l-allegat valur miżjud tal-fatti deskritti minn Repsol li huma relatati ma’ dan il-perijodu.

    74

    Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fil-punt 344 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-appellanti ma kinux intitolati jitolbu, fuq il-bażi tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi avviż, li sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-fatti relatati ma’ dan l-akkordju, li seħħew matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 1998 sal-2002.

    75

    Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 261 TFUE u tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità, inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li tistħarreġ, billi teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, is-sanzjonijiet imposti

    L-argumenti tal-partijiet

    76

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 261 TFUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma wettqitx stħarriġ awtonomu u eżawrjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta, li kien iffissat għall-ammont ta’ EUR 40000000, jiġifieri d-doppju tal-ammont bażiku indikattiv previst mil-linji gwida tal-1998 għall-ksur li huwa kklassifikat bħala “serju ħafna”, minkejja li l-fatturi msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża kien messhom wasslu għall-iffissar ta’ dan l-ammont bażiku għal ammont inqas jew ugwali għal EUR 20000000.

    77

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li, b’risposta għas-sitt motiv tar-rikors tagħhom għal annullament li permezz tiegħu huma kienu qegħdin jikkontestaw l-ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni, billi invokaw, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, minn naħa, li l-ksur allegat kellu effettivament jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna” u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet iddikjarat li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi addizzjonali indikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma stħarrġet jekk l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi minn din l-istituzzjoni kinitx seħħet b’mod korrett.

    78

    Fil-punti 245 sa 250 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant sempliċement indikat il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma wettqet hija stess evalwazzjoni reali u awtonoma, u dan ma ppermettiex lill-appellanti jifhmu l-motivi li għalihom dawn il-fatturi setgħu jwasslu lill-Kummissjoni u, sussegwentement, lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta ammont bażiku tal-multa imposta li jikkorrispondi għad-doppju tal-minimu previst mil-linji gwida tal-1998 għall-ksur ikklassifikat bħala “serju ħafna”.

    79

    Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE, il-Qorti Ġenerali kien messha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont bażiku tal-multa imposta, ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ effett tal-ksur kif ukoll id-daqs ta’ dan l-ammont bażiku meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

    80

    Il‑Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    81

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li meta hija tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 125).

    82

    Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 57 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

    83

    Minn dan isegwi li, sa fejn permezz tat-tielet aggravju l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali rigward in-natura proporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa imposta fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, mingħajr madankollu ma jistabbilixxu u lanqas jallegaw li dan l-ammont mhux biss ma huwiex xieraq iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, l-imsemmi aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    84

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità impost (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa previst fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-aggravji ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, hija għalhekk ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    Min-naħa l-oħra, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż li juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    Fil-kawża preżenti, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 250 u 258 tas-sentenza appellata, li ebda żball ma seta’ jiġi rrilevat rigward id-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ammont ta’ EUR 40000000 li serva bħala bażi tal-kalkolu tal-multa imposta fuq l-appellanti u li dan ma jidhirx li huwa sproporzjonat.

    88

    Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali, minn naħa evalwat, fil-punti 245 sa 249 ta’ din is-sentenza, il-gravità tal-ksur imwettaq, il-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat minnu kif ukoll is-sehem mis-suq tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, fil-punti 251 sa 257 tal-imsemmija sentenza, hija rrispondiet b’mod suffiċjenti fil-liġi u b’motivazzjoni suffiċjenti, għall-argumenti bbażati, b’mod partikolari, fuq l-assenza ta’ impatt konkret tal-akkordju inkwistjoni jew fuq il-fatt li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti kien jirrappreżenta porzjon kbir tad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

    89

    Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    90

    Huwa importanti li jiġi rrilevat ukoll li l-linji gwida tal-1998 jipprevedu fit-tielet inċiż tal-punt 1.A tagħhom, li l-ammont bażiku tal-multa li tista’ tingħata f’każ ta’ ksur serju ħafna huwa ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Għaldaqstant, l-ammont ta’ EUR 20 miljun jikkostitwixxi biss ammont minimu previst minn dawn il-linji gwida li ’l fuq minnu l-Kummissjoni tiffissa l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multi għal tali istanzi ta’ ksur.

    91

    Sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom li jipprovdi li l-Kummissjoni kien messha ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li fuq dan il-punt, l-appellanti ma kkontestawx quddiem il-Qorti Ġenerali d-deċiżjoni kontenzjuża, li barra minn hekk ma kinitx issemmi tali assenza ta’ impatt, u lanqas ma pproduċew il-prova quddiem il-Qorti Ġenerali li l-effetti tal-ksur setgħu jitkejlu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    92

    Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ deċiżjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    93

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, billi ma tatx id-deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u dan jiġġustifika tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom jew il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur.

    94

    F’dan ir-rigward, huma jesponu li r-rikors tagħhom għal annullament ġiet ppreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2007, li l-proċedura bil-miktub intemmet fil-25 ta’ Settembru 2008, li ntalbet l-opinjoni tagħhom fil-11 ta’ Lulju 2012 dwar il-possibbiltà ta’ tgħaqqid tal-kawża preżenti mal-Kawżi T‑462/07, T‑482/07, T‑495/07 u T‑497/07, li s-seduta kienet inżammet fl-14 ta’ Jannar 2013 u li s-sentenza appellata ngħatat fis-16 ta’ Settembru 2013.

    95

    Huma jirrilevaw għaldaqstant li l-proċedura kollha damet madwar ħames snin u disa’ xhur, b’perijodu ta’ nuqqas ta’ attività bejn il-preżentata tar-rikors u t-talba għall-opinjoni dwar il-possibbiltà ta’ tgħaqqid tal-kawża preżenti ma’ oħrajn, ta’ erba’ snin u nofs, l-istess bħalma ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770).

    96

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma tista’ tiġġustifika d-dewmien hekk ikkonstatat fl-investigazzjoni tal-kawża, li ma huwa dovut la għal interventi jew għal omissjonijiet min-naħa tagħhom u lanqas għall-kumplessità partikolari tal-kawża.

    97

    Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    98

    Għandu jitfakkar li l-ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jkun is-suġġett ta’ rikors għad-danni mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tali azzjoni tikkostitwixxi rimedju effettiv. Għaldaqstant, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 66; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il‑Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 57; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 1718).

    99

    Il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, adita b’talba għad-danni, hija obbligata tiddeċiedi dwar tali talba permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 67; tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 58; kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 19).

    100

    Fid-dawl ta’ dan, peress li huwa ċar, mingħajr ma huwa neċessarju li l-partijiet jipproduċu provi addizzjonali f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il-Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 59, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 20).

    101

    Fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ. It-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri kważi ħames snin u disa’ xhur, li jinkludu, b’mod partikolari, perijodu ta’ kważi erba’ snin u erba’ xhur li għadda mingħajr ebda att ta’ proċedura, bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u s-seduta, la jista’ jiġi spjegat min-natura jew mill-kumplessità tal-kawża u lanqas mill-kuntest tagħha. Fil-fatt, minn naħa, il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx partikolarment kumplessa. Min-naħa l-oħra, la jirriżulta mis-sentenza appellata u lanqas mill-provi prodotti mill-partijiet li dan il-perijodu ta’ inattività kien oġġettivament iġġustifikat jew li l-appellanti kienu kkontribwixxew għalih. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti Ġenerali talbet l-opinjoni tal-appellanti, fil-11 ta’ Lulju 2012, dwar il-possibbiltà ta’ tgħaqqid tal-kawża preżenti mal-Kawżi T‑462/07, T‑482/07, T‑495/07 u T‑497/07 huwa irrilevanti.

    102

    Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    103

    Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, dan għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    104

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    105

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    106

    Peress li Repsol Lubricantes y Especialidades, Repsol Petróleo u Repsol tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Repsol Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top