Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0510

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta’ Marzu 2015.
E.ON Földgáz Trade Zrt vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2003/55/KE – Artikolu 25 – Direttiva 2009/73/KE – Artikoli 41 u 54 – Applikazzjoni ratione temporis – Regolament (KE) Nru 1775/2005– Artikolu 5 – Mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet u proċeduri ta’ immaniġġar tal-konġestjoni – Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja – Dritt għal azzjoni legali – Rikors ta’ kumpannija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja.
Kawża C-510/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55/KE — Artikolu 25 — Direttiva 2009/73/KE — Artikoli 41 u 54 — Applikazzjoni ratione temporis — Regolament (KE) Nru 1775/2005 — Artikolu 5 — Mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet u proċeduri ta’ immaniġġar tal-konġestjoni — Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja — Dritt għal azzjoni legali — Rikors ta’ kumpannija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass naturali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja”

Fil-Kawża C‑510/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

E.ON Földgáz Trade Zrt

vs

Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230 iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), kif ukoll l-Artikoli 41 u 54 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E.ON Földgáz Trade Zrt. (iktar ’il quddiem “E.ON Földgáz”) u Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (awtorità regolatorja pubblika Ungeriża tas-settur tal-enerġija u tas-servizzi ta’ utilità), dwar l-emenda minn din tal-aħħar tar-regoli tal-kodiċi ta’ netwerk tal-gass (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ netwerk”) dwar l-għoti tal-kapaċità għal żmien twil u l-immaniġġar tal-konġestjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Tieni Direttiva

3

L-Artikolu 25(5), (6) u (11) tat-Tieni Direttiva, intitolat “Awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“5.   Kull parti li jkollha lment kontra operatur tat-trasmissjoni, tal-LNG u tad-distribuzzjoni rigward il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 u fl-Artikolu 19 jistgħu jirreferu l-ilment lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet, għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-ilment. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn fejn tintalab aktar informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż bil-ftehim tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Din id-deċiżjoni għandu jkollha effett li jorbot kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell.

6.   Kull parti li tkun affettwata u li għandha dritt tagħmel ilment rigward deċiżjoni dwar il-metodoloġiji meħuda bi qbil mall-paragrafi 2, 3 jew 4 jew, fejn l-awtorità regolatorja għandha dmir li tikkonsulta, fir-rigward tal-metodoloġiji proposti, tista’, l-iktar tard fi żmien xahrejn, jew fi żmien iqsar kif ipprovdut mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew tal-proposta għal deċiżjoni, tissottometti ilment għal reviżjoni. Dan l-ilment m’għandux ikollhu effett sospensiv.

[…]

11.   L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu tad-drittijiet ta’ l-appell taħt il-liġijiet Komunitarji u nazzjonali.”

It-Tielet Direttiva

4

L-Artikolu 41 tat-Tielet Direttiva jirriproduċi essenzjalment il-kontenut tal-Artikolu 25 tat-Tieni Direttiva. L-Artikolu 41(11), (12) u (15) huwa redatt fil-kliem analogi għal dawk tal-imsemmi Artikolu 25(5), (6) u (11). L-Artikolu 41 tat-Tielet Direttiva jinkludi paragrafu 17 li ma għandux il-kontraparti tiegħu fl-Artikolu 25 tat-Tieni Direttiva, u li huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ kwalunkwe gvern.”

5

L-Artikolu 54 tat-Tielet Direttiva, intitolat “Transposizzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Marzu 2011. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwarhom.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta’ Marzu 2011 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11 li għandhom japplikaw mit-3 ta’ Marzu 2013.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

6

Fil-ħin tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Settembru 2005, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 289, p. 1), kien fis-seħħ. Dan ir-regolament tħassar mir-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, p.36, u Rettifiki ĠU 2009, L 229, p. 29, kif ukoll ĠU L 309, p. 87), applikabbli b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011.

7

Il-premessi 17 u 23 tar-Regolament Nru 1775/2005 kienu fformulati kif ġej:

“(17)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw konformità mar-regoli li jinsabu f’dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati bħala riżultat tiegħu.

[…]

(23)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kondizzjonijiet għall-aċċess għas-sistema ta’ trasmissjoni tal-gass naturali, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta’ l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

8

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jimmira sabiex jistabbilixxi regoli non-diskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistema ta’ trasmissjoni tal-gass naturali filwaqt li jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali u reġjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-gass.

Dan l-objettiv għandu jinkludi d-definizzjoni ta’ prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu l-bażi tal-kalkolu tagħhom, għal aċċess għan-netwerk, għall-istabbiliment ta’ servizzi għall-aċċess ta’ terzi u d-definizzjoni ta’ prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-immaniġgar tal-konġestjoni, għad-determinazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza, għar-regoli ta’ bilanċjament u ħlasijiet ta’ żbilanċ, u għall-faċilitazzjoni ta’ l-iskambju tal-kapaċità.”

9

Skond l-Artikolu 2(1)(11) tal-imsemmi regolament:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

11.

‘utent tan-netwerk’ tfisser klijent jew klijent potenzjali ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, u l-operaturi nnifishom tas-sistema ta’ trasmissjoni sa fejn ikunu meħtieġa li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-trasmissjoni”.

10

L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u proċeduri ta’ l-immaniġġar tal-konġestjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, b’kont meħud ta’ l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-netwerk.

2.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jimplementaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu non-diskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a)

jipprovdu sinjali ekonomiċi adegwati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f’infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inklużi swieq spot u punti fokali ta’ kummerċ filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jevolvu fis-suq;

(ċ)

ikunu kompatibbli mas-sistema ta’ l-Istati Membri ta’ aċċess għan-netwerk.

3.   Meta l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ trasport jew jinnegozjaw mill-ġdid kuntratti eżistenti ta’ trasport, dawn il-kuntratti għandhom jieħdu kont tal-prinċipji segwenti:

(a)

fl-eventwalità ta’ konġestjoni kontrattwali, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fis-suq primarju għall-inqas fuq bażi interrrompibbli u ta’ jum bil-quddiem;

(b)

utenti tan-netwerk li jixtiequ jbigħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċità kontrattata mhux użata fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan. L-Istati Membri jistgħu jesiġu notifikazzjoni jew informazzjoni dwar l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-utenti tan-netwerk.

4.   Meta kapaċità kontrattata taħt kuntratti eżistenti ta’ trasport tibqa’ mhux użata u sseħħ konġestjoni kontrattwali, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom japplikaw il-paragrafu 3 sakemm dan ma jiksirx ir-rekwiżiti tal-kuntratti eżistenti ta’ trasport. Fejn dan imur kontra l-kuntratti eżistenti ta’ trasport, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom, wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti, jippreżentaw talba lill-utent tan-netwerk għall-użu fis-suq sekondarju tal-kapaċità mhux użata skond il-paragrafu 3.

5.   Jekk eventwalment teżisti konġestjoni fiżika, għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew, skond il-każ, mill-awtoritajiet regolatorji mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu trasparenti u non-diskriminatorji.”

11

L-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1775/2005, intitolat “Linji Gwida”, jipprovdi:

“1.   Fejn ikun il-każ, il-Linji Gwida li jipprovdu l-grad minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

[…]

(b)

id-dettalji dwar il-prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u dwar l-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ l-immaniġġar ta’ konġestjoni f’każ ta’ konġestjoni kontrattwali, skond l-Artikolu 5;

[…]

2.   Il-Linji Gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness. Jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni; dan għandu jsir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

[…]”

12

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Awtoritajiet regolatorji”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skond dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji ta’ l-Istati Membri stabbiliti skond l-Artikolu 25 [tat-Tieni Direttiva] għandhom jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati skond l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.”

13

L’Anness tar-Regolament Nru 1775/2005 jinkludi l-linji gwida msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Il-punt 2 ta’ dan l-anness jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-“[p]rinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità, għall-proċeduri ta’ l-immaniġġar tal-konġestjoni u għall-applikazzjoni tagħhom f’każ ta’ konġestjoni kontrattwali”.

14

Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu, ir-Regolament Nru 1775/2005 huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006.

Id-dritt Ungeriż

15

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt domestiku relatati mal-kwalità u mal-interess ġuridiku huma inklużi fil-Liġi Nru III tal-1952 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (A polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény) u l-Liġi Nru CXL tal-2004 li tirrigwarda regoli ġenerali fil-qasam tal-proċeduri u tas-servizzi amministrattivi (A közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól szóló 2004. évi CXL. törvény).

16

L-Artikolu 110 tal-Liġi Nru XL tal-2008 relatat mal-provvista ta’ gass naturali (a földgázellátásról szóló 2008. évi XL törvény) jipprovdi:

“1.   L-operatur jelabora r-regoli, il-proċeduri u l-modalitajiet tal-funzjonament tas-sistema interkonnessa tal-gass naturali, il-kontenut minimu tal-ftehimiet kummerċjali, tal-kontabbiltà u tal-kejl, u skambju ta’ data, kif ukoll il-kodiċi tas-sistema li fiha r-regoli dettaljati ta’ bilanċjament ta’ kuljum. […]

2.   Il-kodiċi tas-sistema hija elaborata billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-sigurtà tal-provvista, rekwiżiti ta’ kwalità, tan-newtralità kompetittiva u tal-aċċess liberu għas-sistema interkonnessa. Matul l-elaborazzjoni tiegħu, l-operatur jikkonsulta kumitat tal-kodiċi tas-sistema, ikkostitwita u li tiffunzjona bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali jew regolamenti speċjali.

3.   L-operatur jeżamina mill-ġdid kull sena l-kodiċi tas-sistema elaborata konformement mal-paragrafu 2. Għal dan il-għan, jikkonsulta l-kumitat tal-kodiċi tas-sistema u, f’każ ta’ emenda, jibgħat [l-emenda/i proposta/i] għall-approvazzjoni, qabel il-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, lill-awtorità regolatorja, akkumpanjata mill-avviżi riċevuti. L-awtorità regolatorja tirrifjuta li tapprova l-kodiċi tas-sistema jekk din hija illegali, jew jekk din tostakola kompetizzjoni effettiva jew l-implementazzjoni tal-prinċipji u tar-regoli tar-regolazzjoni tat-tariffa, jew ukoll jekk tippermetti l-applikazzjoni ta’ trattament diskriminatorju lejn ċerti klijenti. Tobbliga lill-operatur, billi tindika r-raġunijiet tagħha, li jibdel l-abbozz u li jissottomettih mill-ġdid f’terminu li tiddetermina. Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni, il-produtturi ta’ gass naturali, l-utenti tas-sistema u l-klijenti huma obbligati josservaw ir-regoli rilevanti tal-kodiċi tas-sistema li ġiet approvata.

4.   F’każ ta’ emenda tal-liġi jew ta’ regolament, jew meta l-kodiċi tas-sistema tostakola kompetizzjoni effettiva jew l-implementazzjoni tal-prinċipji u tar-regoli tar-regolazzjoni tat-tariffa, jew ukoll tippermetti l-applikazzjoni ta’ trattament diskriminatorju lejn ċerti klijenti, l-awtorità regolatorja, wara ftehim mad-detenturi ta’ awtorizzazzjoni u l-utenti tas-sistema, tobbliga lill-operatur, billi tindika r-raġunijiet tagħha, li jemenda l-kodiċi f’terminu li tiddetermina. Fin-nuqqas ta’ emenda, tista’ timponi multa u temenda l-kodiċi ex officio.

5.   Il-kodiċi tas-sistema u l-emendi tagħha huma ppubblikati f’verżjoni kkonsolidata fis-sit tal-Internet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjoni, akkumpanjati mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-awtorità regolatorja.

[…]”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

E.ON Földgáz, detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass, ressaq erba’ talbiet ta’ għoti ta’ kapaċità fuq żmien twil fil-punt tad-dħul ta’ importazzjoni tal-interkonnettur tal-gass li jgħaqqad l-Ungerija u l-Awstrija (interkonnettur tal-gass Ungeriż-Awstrijak) mal-operatur Ungeriż tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass, jiġifieri FGSZ Földgázszállító Zrt., (iktar ’il quddiem l-“operatur tas-sistema”).

18

Ladarba l-imsemmija talbiet kienu qabżu b’mod wiesa’ l-kapaċità libera f’dan il-punt tad-dħul wara l-1 ta’ Lulju 2010, dan l-operatur tas-sistema talab lill-awtorità regolatorja li tindikalu liema kienet il-pożizzjoni li kellha tinżamm bil-għan li jingħataw risposti għall-imsemmija talbiet.

19

Insegwitu għat-talba tal-operatur tas-sistema, l-awtorità regolatorja adottat id-deċiżjoni Nru 98/2010, tat-22 ta’ Frar 2010, li emendat id-Deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 li approvat il-kodiċi tas-sistema.

20

B’hekk id-Deċiżjoni Nru 98/2010 ddefinit mill-ġdid ir-regoli tal-kodiċi tas-sistema li tirregola l-għoti tal-kapaċità għal żmien ta’ iktar minn sena tal-gass (iktar ’il quddiem il-“kapaċità għal żmien twil”). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-Deċiżjoni Nru 98/2010 emendat ukoll ir-regoli relatati mal-immaniġġjar tal-konġestjoni.

21

Qabel l-emenda tal-kodiċi tas-sistema mid-Deċiżjoni Nru 98/2010, din kienet tipprovdi li l-operatur tas-sistema kien jeżamina, fl-ordni ta’ meta jirċivihom, it-talbiet ta’ għoti tal-kapaċità għal żmien twil u li dan l-operatur jagħti din il-kapaċità, fil-limitu tal-kapaċità libera, permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt mal-persuni li jkunu għamlu t-talbiet.

22

Bis-saħħa tar-regoli emendati mid-Deċiżjoni Nru 98/2010, fir-rigward tas-sena ta’ gass 2010/2011, l-operatur tas-sistema huwa obbligat li jirriżerva 80 % tal-kapaċità libera għall-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien twil u l-20 % ta’ din il-kapaċità għall-konklużjoni tal-kuntratti annwali li hija marbuta ma’ din is-sena ta’ gass. Fir-rigward tas-snin ta’ gass li jsegwu, din id-deċiżjoni tipprevedi li, b’effett mis-sena ta’ gass 2011/2012, l-allokazzjoni tal-kapaċità għal żmien twil, kif ukoll il-konklużjoni effettiva tal-kuntratti, titwettaq skont ir-regoli l-ġodda qabel ma jkunu elaborati mill-operatur tas-sistema mal-kompetizzjoni tan-negozjanti f’gass naturali u suġġetti għall-awtorità regolatorja għall-approvazzjoni.

23

L-awtorità regolatorja mmotivat l-approvazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda billi indikat li l-proċedura inizjali ta’ għoti tal-kapaċità kien jippreġudika l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u tostakola d-dħul ta’ atturi ġodda fis-suq.

24

E.ON Földgáz ippreżentat rikors quddiem il-Fővárosi bíróság (qorti ta’ Budapest), fis-27 ta’ Marzu 2010, intiż għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 98/2010 dwar il-modalitajiet ta’ għoti tal-kapaċità relatata mas-sena ta’ gass 2010/2011. Ir-rikors tagħha ġie miċħud fit-3 ta’ Novembru 2011.

25

Il-Fővárosi Ítélőtábla (qorti ta’ appell reġjonali ta’ Budapest) ċaħdet ukoll, fid-9 ta’ Mejju 2012, l-appell ippreżentat minn E.ON Földgáz, minħabba li din il-kumpannija ma kellhiex il-locus standi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva li tikkonċerna l-kodiċi tas-sistema. Fil-fatt, E.ON Földgáz ma wrietx li kellha interess dirett rilevanti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni Nru 98/2010, sa fejn hija ma kkonkludietx il-kuntratt mal-operatur tas-sistema u li din id-deċiżjoni ma għamlitx riferiment għal dan tal-aħħar.

26

Għaldaqstant, E.ON Földgáz appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li żżomm interess dirett li jagħtiha il-locus standi. Dan l-interess kien jirriżulta mill-fatt li d-Deċiżjoni Nru 98/2010 emendat ir-regoli tal-kodiċi tas-sistema fuq liema bażi ssottomettiet, bħala detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass, it-talbiet għall-għoti tal-kapaċità u li r-regoli l-ġodda rristrettaw id-dritt tagħha li tikkuntratta l-kapaċità li hija s-suġġett ta’ dawn id-domandi. F’dan ir-rigward, huwa mingħajr importanza li wieħed ikun jaf jekk kienx jeżisti kuntratt għaddej bejn E.ON Földgáz u l-operatur tas-sistema, peress li l-kodiċi tas-sistema tirregola, b’mod partikolari, il-proċedura li tagħti lok għall-konklużjoni ta’ tali kuntratti. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 98/2010 kienet ġiet adottata b’konsegwenza tat-tressiq ta’ dawn it-talbiet. Barra minn hekk tindika li, bis-saħħa tal-Liġi Nru XL tal-2008 relatata mal-provvista ta’ gass naturali, l-operatur tas-sistema kien fl-obbligu li jikkonsultaha, fil-kwalità tiegħu ta’ negozjant fil-gass naturali, matul il-proċedura ta’ elaborazzjoni tal-kodiċi tas-sistema.

27

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dritt Ungeriż, parti għal proċedura amministrattiva ma għandhiex il-locus standi kontra deċiżjoni amministrattiva ħlief jekk ir-rikors tagħha hija diretta kontra dispożizzjoni ta’ tali deċiżjoni, li taffettwa direttament id-drittijiet tagħha. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk l-interess li tallega E.ON Földgáz, li tikklassifika bħala interess ekonomiku, jista’ jikkostitwixxi interess dirett li jista’ jagħti locus standi lil din ir-rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ regolazzjoni fil-qasam tal-enerġija.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“parti affettwata”, li jidher fit-tieni u fit-tielet direttivi, hija neċessarja. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat dan il-kunċett fil-kuntest tar-rikorsi dirett kontra deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenzi Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, u Arcor, C‑55/06, EU:C:2008:244), ma jeżisti ebda preċedent f’dan ir-rigward, fejn jikkonċerna l-leġiżlazzjoni tas-settur tal-enerġija u, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet relatati mal-kodiċi tas-sistema.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 [tat-Tieni] Direttiva [...] li jsemmu l-persuni awtorizzati jressqu azzjoni, għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ deċiżjoni amministrattiva mogħtija fl-ambitu ta’ din id-direttiva, jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-proċedura ġudizzjarja fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 41 [tat-Tielet] Direttiva [...] – liema direttiva daħlet fis-seħħ matul il-proċedura –, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tal-imsemmija direttiva, li skontu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw sa mit-3 ta’ Marzu 2011?

2)

Fil-każ fejn hija [it-Tielet Direttiva] li għandha tiġi applikata, jista’ wieħed, f’azzjoni kontra deċiżjoni li tapprova kodiċi ta’ netwerk jew li tiddetermina l-kontenut tiegħu, jikkunsidra bħala “parti affettwata” fis-sens tal-Artikolu 41(17) tal-imsemmija direttiva negozjant detentur ta’ awtorizzazzjoni li għandu interess ekonomiku, bħalma huwa l-każ inkwistjoni, jew il-parti affettwata tista’ biss tkun il-persuna li tamministra n-netwerk awtorizzata tagħti bidu għall-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kodiċi?

3)

Fil-każ fejn hija [it-Tieni Direttiva] li għandha tiġi applikata, l-approvazzjoni jew l-emenda, skont il-każ, tal-Kodiċi ta’ netwerk inkwistjoni f’dan il-każ taqa’, sa fejn din tikkonċerna l-eżami tal-applikazzjonijiet għal allokazzjoni ta’ kapaċità, taħt is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(5) jew (6) tal-imsemmija direttiva?

4)

Fil-każ fejn il-kwistjoni hawnhekk hija sitwazzjoni kkontemplata fl-Artikolu 25(6) [tat-Tieni Direttiva], jista’ wieħed, f’azzjoni kontra deċiżjoni li tapprova kodiċi ta’ netwerk jew tiddetermina l-kontenut tiegħu, jikkunsidra bħala “parti affettwata” negozjant detentur ta’ awtorizzazzjoni li għandu interess ekonomiku, bħal fil-każ inkwistjoni, jew il-parti affettwata tista’ biss tkun il-persuna li tamministra n-netwerk awtorizzata tibda proċedura ta’ approvazzjoni tal-kodiċi?

5)

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 25(11) [tat-Tieni Direttiva], li jipprevedi li l-ilmenti msemmija fil-paragrafi (5) u (6) ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt [tal-Unjoni] u nazzjonali, jekk mir-risposti għad-domandi ta’ qabel din jirriżulta li d-dritt nazzjonali jissuġġetta t-tressiq tal-azzjonijiet għal kundizzjonijiet iktar rigorużi minn dawk li jirriżultaw minn din id-direttiva jew mid-dritt [tal-Unjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Tielet Direttiva, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2011, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fl-Artikolu 41(17) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ traspożizzjoni u li kienet dejjem matul l-imsemmija data.

31

L-Artikolu 41(1&) tat-Tielet Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ kwalunkwe gvern.

32

Konformement mal-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità regolatorja adottat deċiżjoni li affettwat parti fid-drittijiet tagħha. Għaldaqstant huwa fid-dawl tad-data ta’ adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni li għandu jiġi evalwat jekk sitwazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 41(17) tat-Tielet Direttiva.

33

B’hekk, l-Artikolu 41(17) tat-Tielet Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li ma jindikax id-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja li ġew adottati qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 54(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-3 ta’ Marzu 2011.

34

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjoni Nru 98/2010 ġiet adottata fit-22 ta’ Frar 2010, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tat-Tielet Direttiva, din tal-aħħar ma hijiex applikabbli.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-Tielet Direttiva, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2011, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fl-Artikolu 41(17) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ traspożizzjoni u li kienet dejjem matul l-imsemmija data.

Fuq it-tieni domanda

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet sal-ħames domandi

37

Permezz tat-tielet sal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25 tat-Tieni Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-eżerċizzju tar-rikorsi quddiem il-qorti kompetenti biex tikkontrolla l-legalità tal-atti ta’ awtorità regolatorja, li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettix li tieħu rikonjizzjoni ta’ operatur, bħal E.ON Földgáz, il-kwalità biex jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità relatata mal-kodiċi tas-sistema.

38

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-Tieni Direttiva ma tipprovdi ebda dispożizzjoni partikolari li għandha bħala effett li tagħti lill-operaturi dritt ta’ rikors ġurisdizzjonali kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja, bħad-Deċiżjoni Nru 98/2010.

39

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1775/2005, li jikkostitwixxi r-regolament applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, jiddefinixxi r-regoli armonizzati fir-rigward tal-aċċess tal-operaturi tas-suq għas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali.

40

B’hekk, skont il-premessa 23 u l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament jimmira sabiex jistabbilixxi regoli non-diskriminatorji biex jiddetermina kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali filwaqt li jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali u reġjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-gass.

41

F’dan il-kuntest, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż, b’mod partikolari, li jiddefinixxi prinċipji armonizzati fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċedura tal-immaniġgar tal-konġestjoni.

42

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jistabbilixxi l-prinċipji li l-operatur tat-trażmissjoni huwa obbligat li josserva fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi u ta’ dawn il-proċeduri, biex jiggarantixxi li l-aċċess tal-atturi tas-suq għas-sistema ta’ trażmissjoni isir f’kundizzjonijiet mhux diskriminatorji u trasparenti. Bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1775/2005, il-prinċipji tal-imsemmi Artikolu 5 huma speċifikati mil-linji gwida tal-Anness ta’ dan ir-regolament.

43

Barra minn hekk, mill-premessa 17 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1775/2005 jirriżulta li l-awtoritajiet regolatorji huma obbligati li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5 u fl-Anness ta’ dan ir-regolament fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

44

Minn dan isegwi li, meta awtorità regolatorja tadotta, bħal fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li temenda r-regoli tal-kodiċi tas-sistema relatati mal-allokazzjoni tal-kapaċità u mal-immaniġġjar tal-konġestjoni mill-operatur tas-sistema, din l-awtorità regolatorja hija obbligata li tiżgura r-rispett tal-prinċipji stabbiliti mir-Regolament Nru 1775/2005 u, b’mod partikolari, għal dawk li huma inklużi fl-Artikolu 5 tiegħu, moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-regolament.

45

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1775/2005, moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-regolament, jagħti drittijiet lil operatur, bħal E.ON Földgáz fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, li l-awtorità regolatorja hija marbuta li tosserva meta tadotta deċiżjoni li temenda l-obbligi regolamentarji li huma imposti fuq l-operatur tas-sistema fir-rigward tal-proċeduri li jirregolaw l-aċċess għal din is-sistema, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kwalità tagħha ta’ detentriċi ta’ awtorizzazzjoni tat-trażmissjoni tal-gass fis-sistema, E.ON Földgáz għandha tiġi kkunsidrata bħala utenti tas-sistema, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(11) tar-Regolament Nru 1775/2005. Fil-fatt, fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, huwa mingħajr rilevanza li tali operatur ikkonkluda effettivament kuntratt mal-operatur tas-sistema biex jibbenefika mill-kwalità ta’ utenti tas-sistema, sa fejn din il-kwalità tipprevedi kull klijent jew kull klijent potenzjali tal-operatur tas-sistema.

46

Sussegwentement, fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1775/2005, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-prinċipji inklużi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Anness tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu miżuri protettivi previsti fl-interess tal-utenti li jixtiequ jaċċedu għas-sistema u għaldaqstant kapaċi jagħtuhom drittijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 34).

47

B’mod partikolari, fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet u l-proċeduri ta’ immaniġġjar tal-konġestjoni, mill-Punt 2.1.3 tal-Anness tar-Regolament Nru 1775/2005 jirriżulta li dawn il-mekkaniżmi u proċeduri ma jwaqqfux lil min wasal l-aħħar li jaċċedi għas-suq lanqas ma jikkostitwixxu ostaklu kkawżat għall-aċċess fis-suq. Barra minn hekk, dawn il-mekkaniżmi ma għandhomx iwaqqfu parteċipanti tas-suq, inkluż suġġetti ġodda u kumpanniji b’sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b’mod effettiv.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jirriżulta li operatur, bħal E.ON Földgáz fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, huwa detentur ta’ ċerti drittijiet bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1775/2005, moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-regolament, u għandu jiġi kkunsidrat bħala potenzjalment affettwat f’dawn id-drittijiet minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja li temenda r-regoli tal-kodiċi tas-sistema relatati mal-allokazzjoni tal-kapaċità u mal-immaniġġjar tal-konġestjoni.

49

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenza Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

B’hekk, fil-prinċipju, hija l-liġi nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-locus standi u l-interess ġuridiku tal-individwu, madankollu d-dritt tal-UE jirrikjedi, minbarra r-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ddgħajjifx id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domandi li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1775/2005, moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-eżerċizzju tar-rikorsi quddiem il-qorti kompetenti biex tikkontrolla l-legalità tal-atti ta’ awtorità regolatorja, li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettix li tieħu rikonjizzjoni ta’ operatur, bħal E.ON Földgáz, il-kwalità biex jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità relatata mal-kodiċi tas-sistema.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2011, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fl-Artikolu 41(17) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ traspożizzjoni u li kienet dejjem matul l-imsemmija data.

 

2)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Settembru 2005, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali moqri flimkien mal-Anness ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-eżerċizzju tar-rikorsi quddiem il-qorti kompetenti biex tikkontrolla l-legalità tal-atti ta’ awtorità regolatorja, li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettix li tieħu rikonjizzjoni ta’ operatur, bħal E.ON Földgáz, il-kwalità biex jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità relatata mal-kodiċi tas-sistema ta’ gass.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top