Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0453

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali (L-Għaxar Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014.
    Newby Foods Ltd vs Food Standards Agency.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court).
    Protezzjoni tas-saħħa – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali – Anness I, punti 1.14 u 1.15 – Kunċetti ta’ ‘laħam separat mekkanikament’ u ta’ ‘preparati tal-laħam’ – Regolament (KE) Nru 999/2001 – Prevenzjoni, kontroll u qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu – Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 2000/13/KE – Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel.
    Affaire C‑453/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2297

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    tas-16 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Protezzjoni tas-saħħa — Regolament (KE) Nru 853/2004 — Regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali — Anness I, punti 1.14 u 1.15 — Kunċetti ta’ ’laħam separat mekkanikament’ u ta’ ‘preparati tal-laħam’ — Regolament (KE) Nru 999/2001 — Prevenzjoni, kontroll u qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu — Protezzjoni tal-konsumatur — Direttiva 2000/13/KE — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel”

    Fil-Kawża C‑453/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

    The Queen, fuq talba ta’:

    Newby Foods Ltd

    vs

    Food Standards Agency,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Newby Foods Ltd, minn T. Russ, solicitor, H. Mercer, QC, u A. Legg, barrister,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, barrister,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn C. Candat u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u K. Skelly, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1.14 u 1.15 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14 u emendi ĠU 2004, L 226, p. 22, u ĠU 2013, L 160, p. 15).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Newby Foods Ltd (iktar ’il quddiem in-“Newby Foods”) u l-Food Standards Agency (iktar ’il quddiem il-“FSA”) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar ippubblikata fl-4 ta’ April 2012 u intitolata “Moratorja fuq il-laħam mingħajr nervituri” (iktar ’il quddiem il-“moratorja”).

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali: ir-Regolament Nru 853/2004

    3

    Ir-Regolament Nru 853/2004 jinkludi l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “[...]

    (2)

    Ċerti oġġetti ta’ l-ikel jistgħu jkunu ta’ perikolu speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, u dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ iġjene speċifiċi, partikolament fil-każ ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, li dwaru jkunu saru rapporti ta’ perikoli mikrobijoloġiċi u kimiċi

    [...]

    (9)

    Il-miri prinċipali ta’ din ir-riformulazzjoni huma li tiġi assigurata f’livell għoli l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà alimentari, b’mod partikolari billi tqiegħed taħt l-istess regoli l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel tal-Komunità kollha, kif ukoll li s-suq intern fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali jiffunzjona sewwa, u b’dan il-mod issir kontribuzzjoni għalli jintlaħqu l-miri tal-politika agrikola komuni.

    [...]

    (20)

    Id-definizzjoni ta’ laħam separat mekkanikament (LSM) għandha tkun ġenerika, u tkopri l-metodi kollha ta’ separazzjoni mekkanika. L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi f’dan il-qasam jixirqilhom definizzjoni flessibbli. Il-ħtiġiet tekniċi għall-LSM għandhom ikunu differenti skont l-istima tar-riskju li toħroġ mill-metodi differenti.

    [...]”

    4

    Ir-regoli speċifiċi ta’ iġjene applikabbi għall-ikel li joriġina mill-annimali, li l-istabbiliment tagħhom jikkostitwixxi l-għan tar-regolament Nru 853/2004, jinsabu fl-Anness II et seq ta’ dan ir-regolament. Preliminarjament, l-Anness I tiegħu joffri sensiela ta’ definizzjonijiet, li fosthom hemm id-definizzjonijiet segwenti:

    “[...]

    1. Laħam

    1.1.

    ‘Laħam’ tfisser partijiet li jittieklu minn annimali msemmija fil-punti 1.2 sa 1.8, inkluż id-demm;

    [...]

    1.10.

    ‘laħam frisk’ tfisser laħam illi ma għaddiex minn proċess ta’ preservazzjoni ieħor barra mit-tkexxiħ, l-iffriżar jew l-iffriżar soptu, inkluż laħam li hu ppakkjat bil-vakum jew ippakkjat f’ambjent ikkontrollat

    [...]

    1.13.

    ‘Ikkapuljat’ tfisser laħam mingħajr għadam illi ġie mqatta’ rqiq u li fih minn 1 % ta’ melħ;

    1.14.

    ‘Laħam separat mekkanikament’ jew LĦM tfisser il-prodott li jirriżulta wara li tneħħi il-laħam minn ma[l-]għadam li jerfa’ il-laħam wara l-iddussissar jew minn karkassi tal-pollam, [permezz ta’] mezzi mekkaniċi b’riżultat ta’ telf jew modifika ta’ l-istruttura tal-fibri tal-muskoli;

    1.15.

    ‘Preparati tal-laħam’ tfisser laħam frisk, inkluż laħam mqatta’ biċċiet żgħar, li miegħu żdied ikel ieħor, ħwawar, jew addittivi jew li għadda minn proċessi li ma kienux biżżejjed biex jimmodifikaw l-istruttura interna tal-fibri tal-muskoli tal-laħam li b’hekk jintilfu l-karatteristiċi ta’ laħam frisk;

    [...]

    7. Prodotti pproċessati

    7.1.

    ‘Prodotti tal-laħam’ tfisser prodotti pproċessati li jirriżultaw mill-pproċessar ta’ laħam jew mill-ipproċessar ulterjuri ta’ prodotti pproċessati bħal-dawn, ħalli l-wiċċ maqtugħ ma jkunx juri iktar il-karatteristiċi ta’ laħam frisk;

    [...]”

    5

    Skont l-Artikolu 2, punt 2 tar-Regolament Nru 853/2004, japplikaw ukoll għal dan tal-aħħar id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2014, dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 337), li l-paragrafu 1 tiegħu jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[...]

    m)

    ‘proċessar’ tfisser kwalunkwe azzjoni li sostanzjalment tibdel il-prodott inizjali, inkluża s-sħana, l-iffumigar, il-preservazzjoni, It-tisjir naturali, it-tnixxif (tqaddid), l-immarinar, l-estrazzjoni, l-estrużjoni jew ġemgħa ta’ dawk il-proċessi;

    n)

    ‘prodotti mhux proċessati’ tfisser l-oġġetti ta’ l-ikel li ma jkunux għaddew mill-ipproċessar, u jinkludu prodotti li jkunu ġew maqsuma, mifruda, imqaċċta, imfella, dissussati, imqatta kappuljat, imqaxxra, misħuqa, imqatta, imnaddfa, imberfla, imfesdqa, mitħuna, imkessħa, iffriżati, iffriżari bil-qawwi jew imdewba;

    o)

    ‘prodotti proċessati’ tfisser oġġetti ta’ l-ikel li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti mhux ipproċessati. Dawn il-prodotti jista’ jkun fihom ingredjenti li huma meħtieġa għall-manifattura tagħhom jew sabiex jagħtuhom karatteristiċi speċifiċi.”

    6

    Fl-Anness III, Sezzjoni V, Kapitoli II u III tar-Regolament Nru 853/2004 huma stabbiliti l-eżiġenzi speċifiċi segwenti f’dak li jikkonċerna, rispettivament, il-materji primi u l-iġjene waqt u wara l-produzzjoni għal-laħam ikkapuljat, il-preparati tal-laħam u l-laħam separat mekkanikament:

    “Kapitolu II: Ħtiġiet għall-materja prima

    [...]

    1)

    Il-materja prima wżata biex jiġi ppreparat il-laħam ikkapuljat trid tissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin.

    a)

    Trid tikkonforma mal-ħtiġiet għall-laħam frisk;

    b)

    Trid tittieħed mill-muskoli skeletali, inklużi tessuti grassusi aderenti;

    ċ)

    Ma tridx tittieħed minn:

    i)

    fdalijiet tat-tqattigħ u fdalijiet tat-tirqim (ħlief għall-qatgħat sħaħ tal-muskoli);

    ii)

    LSM;

    iii)

    laħam li fih il-frammenti ta’ l-għadam jew il-ġilda;

    jew

    iv)

    laħam mir-ras bl-eċċezzjoni tal-massters, il-parti mhux muskoluża tal-linea alba, fiż-żona tal-karpu u tat-tarsu, tilqit ta’ l-għadam u l-muskoli tad-dijaframma (sakemm ma tneħħietx il-membrana li tnixxi s-serum)

    2)

    Il-materja prima li ġejja tista’ tiġi utilizzata għall-preparazzjonijiet tal-laħam:

    a)

    laħam frisk;

    b)

    laħam li jissodisfa l-ħtiġiet tal-punt 1;

    u

    (ċ)

    jekk huwa evidenti li l-preparazzjonijiet tal-laħam mhumiex destinati biex jiġu kkonsumati qabel ma jgħaddu minn trattament bis-sħana.

    i)

    il-laħam meħud mill-ikkapuljar jew l-ifframmentar tal-laħam li jissodisfa l-ħtiġiet tal-punt 1 minbarra l-punt 1(ċ)(i),

    u

    ii)

    LSM li jissodisfa l-ħtiġiet tal-Kapitolu III, punt 3(d).

    3)

    Il-materja prima wżata biex jiġi prodott il-LSM trid tissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin.

    a)

    Trid tikkonforma mal-ħtiġiet għall-laħam frisk;

    b)

    Il-materjal li ġej ma jistax jiġi wżat għall-produzzjoni tal-LSM:

    i)

    għall-pollam, is-saqajn, il-ġilda tal-għonq u r-ras;

    ii)

    għall-annimali oħra, l-għadam tar-ras, is-saqajn, id-dnub, il-wirk, il-qasba tas-sieq, l-għarqub, l-ispalla u ir-radju u l-ulna.

    Kapitolu III: Iġjene matul u wara l-produzzjoni

    [...]

    2)

    Dawn il-ħtiġiet japplikaw għall-preparazzjoni ta’ l-ikkapuljat u ta’ preparazzjonijiet.

    a)

    Sakemm l-awtorità kompetenti ma’ tawtorizzax dissussar immedjatament qabel l-ikkapuljar, laħam ffriżat jew konġelat użat għall-preparazzjoni ta’ laħam ikkapuljat u ta’ ppreparazzjonijiet ta’ laħam għandu jiġi ddissussat qabel il-friża. Għandu jinħażen biss għall-żmien limitat.

    b)

    Meta ppreparat minn laħam imkessaħ, l-ikkapuljat għandu jiġi ppreparat:

    i)

    fil-każ tal-pollam, mhux iktar minn tlett ijiem wara l-qatla tagħhom;

    ii)

    fil-każ ta’ annimali oħra barra tjur, mhux iktar minn sitt ijiem wara l-qatla tagħhom

    iii)

    mhux iktar minn 15–il ġurnata wara il-qatla ta’ l-annimali fil-każ ta’ ċanga u vitella iddissussata ippakjata bil-vakum.

    (ċ)

    Dlonk wara l-produzzjoni, il-ikkapuljat u l-preparazzjonijiet tal-laħam għandhom jiġu mqartsa jew ippakkjati u jkunu:

    i)

    imkessħa sa temperatura interna ta’ mhux iktar minn 2 °C għall-ikkapuljat u 4 °C għall-preparazzjonijiet tal-laħam;

    jew

    ii)

    iffriżati sa temperatura interna ta’ mhux iktar minn – 18 °C.

    Dawn il-kondizzjonijiet dwar it-temperatura għandhom jinżammu matul il-ħażna u l-ġarr.

    3)

    Il-ħtiġiet li ġejjin japplikaw għall-produzzjoni u l-użu tal-prodotti tal-LSM b’teknika li ma tbiddilx l-istruttura ta’ l-għadam użati fil-produzzjoni ta’ LSM u li għandu kontenut ta’ kalċju li mhux sostanzjalment għola minn dak ta’ l-ikkapuljat.

    a)

    Il-materja prima għad-dissussar minn biċċerija fuq il-post m’għandhiex tkun ilha iktar minn sebat ijiem; f’każijiet oħra, il-materja prima għad-dissussar ma tridx tkun ilha iktar minn ħamest ijiem. Madankollu, karkassi tal-pollam m’għandhomx ikunu ilhom iktar minn tlett ijiem.

    b)

    Separazzjoni mekkanika trid issir immedjatament wara d-dissussar.

    (ċ)

    Jekk ma jintużax immedjatament wara li jinkiseb, l-LSM għandu jiġi mqartas jew ippakkjat u mbagħad imkessaħ sa temperatura ta’ mhux iktar minn 2 °C jew iffriżat sa temperatura ta’ mhux iktar minn – 18 °C. Dawn il-ħtiġiet dwar it-temperatura għandhom jibqgħu jinżammu matul il-ħażna u l-ġarr.

    d)

    Jekk operator fin-negozju ta’ l-ikel ikun għamel analiżi li minnha rriżulta li l-LSM jissodisfa l-kriterji mikrobioloġiċi għall-ikkapuljat addottati skond ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jista’ jiġi wżat fi preparazzjonijiet tal-laħam li jkun evidenti li għandu jiġi kkunsmat wara li jgħaddi minn nar u fi prodotti tal-laħam.

    e)

    L-LSM li ma jirriżultax li jissodisfa l-kriterji msemmija f’(d) jista’ jintuża biss biex jinħadmu prodotti tal-laħam li jiġu trattati bin-nar fi stabbilimenti approvati skont dan ir-Regolament.

    4)

    Il-ħtiġiet li ġejjin japplikaw għall-produzzjoni u l-użu ta’ l-LSM bl-użu ta’ teknika barra minn dawk msemmija fil-punt 3.

    a)

    Materja prima għad-dissussar minn biċċerija fuq il-post m’għandhiex tkun ilha iktar minn sebat ijiem; f’każijiet oħra, il-materja prima għad-dissussar ma tridx tkun ilha iktar minn ħamest ijiem. Madankollu, karkassi tal-pollam m’għandhomx ikunu ilhom iktar minn tlett ijiem;

    b)

    Jekk is-separazzjoni mekkanika ma ssirx immedjatament wara d-dissussar l-għadam bil-laħam miegħu għandu jinħażen u jinġarr f’temperatura ta’ mhux iktar minn 2 °C jew, jekk iffriżat, f’temperaturi ta’ mhux iktar minn – 18 °C;

    ċ)

    Għadam bil-laħam miegħu miksub minn karkassi ffriżati m’għandhomx jergħu jiġu ffriżati;

    d)

    Jekk ma jintużawx sa siegħa minn mindu jinkiseb, l-LSM għandu jiġi mkessaħ immedjatament sa temperatura ta’ mhux iktar minn 2 °C;

    e)

    Jekk, wara t-tkessiħ, l-LSM ma jkunx ipproċessat fi żmien 24 siegħa, għandu jiġi ffriżat fi żmien 12-il siegħa mill-produzzjoni u jilħaq temperatura interna ta’ mhux iktar minn – 18 °C fi żmien sitt siegħat;

    f)

    L-LSM iffriżat għandu jiġi mgeżwer jew ippakkjat qabel il-ħażna jew it-trasport, m’għandux jinħażen għall-iktar minn tlett xhur u għandu jinżamm f’temperatura ta’ mhux iktar minn – 18 °C matul il-ħażna u t-trasport;

    g)

    L-LSM jista’ jintuża biss biex jinħadmu prodotti tal-laħam li jiġu trattati bis-sħana fi stabbilimenti approvati skont dan ir-Regolament;

    [...]”

    7

    Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 853/2004, l-aspetti sanitarji marbuta mal-produzzjoni ta’ laħam separat mekkanikament kienu rregolati permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 34), kif emendata, fl-aħħar lok, bid-Direttiva tal-Kunsill 95/23/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 224). Skont l-Artikoli 2(ċ) u 6(1)(ċ) tagħha, il-laħam separat mekkanikament kien iddefinit bħala “laħam ottenut b’mezzi mekkaniċi minn għadam li fihom laħam barra l-għadam tar-ras, l-estremitajiet tad-dirgħajn taħt il-ġonot karpali u tarsal u, fil-każ tal-majjal, il-vertebri coccygeal, u maħsuba għal stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 77/99/KEE, [tal-21 ta’ Diċembru 1976, dwar il-problemi ta’ saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti tal-laħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 82), fil-verżjoni tagħha emendata u aġġornata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/5/KEE, tal-10 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 202),]” u li kellu jiġi suġġett għal ipproċessar termiku kif previst minn din l-aħħar direttiva.

    Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel: id-Direttiva 2000/13/KE

    8

    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/101/KE, tas-26 ta’ Novembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 330), tinkludi b’mod partikolari l-premessi li ġejjin:

    “[...]

    (2)

    Differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amminnistrattivi ta’ l-Istati Membri fuq il-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel tista’ timpedixxi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti u tista’ twassal għal kundizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni.

    [...]

    (6)

    Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq il-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur.

    [...]

    (8)

    Tikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles.

    [...]

    (14)

    Ir-regoli fuq tikkettjar għandhom ukoll jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tqarraq bix-xerrej [...]

    [...]”

    9

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Nru 2000/13/KE:

    “Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

    a)

    ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

    i)

    għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

    [...]”

    10

    Skont l-Anness I ta’ din id-direttiva, il-kelma “laħam” fl-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ prodotti li jkun fihom il-laħam bħala ingredjent tikkorrispondi għad-definizzjoni segwenti:

    “Muskoli skeletali tal-ispeċje tal-mammali u ta’ l-għasafar rikonoxxuti bħala tajbin għall-konsum uman bl-inklużjoni naturali jew bit-twaħħil ta’ nsiġ taċ-ċelloli, meta l-kontenut total tax-xaħam u ċ-ċelloli konnessivi majkunx jeċċedi l-valuri indikati hawn taħt u meta l-laħam jikkostitwixxi ingredjent ta’ oġġett ieħor ta’ l-ikel. Il-prodotti koperti bid-definizzjoni tal-Komunità ta’ ’laħam mekkanikament rikoverat’ huma esklużi minn din id-definizzjoni.

    [...]”

    11

    L-introduzzjoni ta’ din id-definizzjoni hija spjegata permezz tal-premessi segwenti tad-Direttiva 2001/101.

    “(1)

    [...] [Id-]feinizzjoni [tal-laħam li kien imħejji għall-iskopijiet ta’ l-iġjene u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika] tkopri l-partijiet kollha ta’ l-annimali li huma tajbin għall-konsum uman. Din ma tikkorrispondix, b’dana kollu, għal perċezzjoni tal-konsumatur dwar il-laħam u ma tinformax lill-konsumatur rigward in-natura vera tal-prodott disinjat bit-terminu ’laħam’.

    [...]

    (7)

    Il-laħam rekoverat mekkanikament jiddifferixxi sinifikament [huwa sinjifikattivament differenti] minn ’laħam’ kif perċepit mill-konsumaturi. Għandu għalhekk ikun eskluż mill-iskop [portata] tad-definizzjoni.

    (8)

    Konsegwentament, dan għandu jkun iddenominat bl-isem speċifiku tiegħu, ’laħam mekkanikament rekoverat’, u bl-isem tal-ispeċje, b’konformità mar-regola stabbilita fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2000/13/KE. Din ir-regola tal-ittikkettjar tapplika għall-prodotti koperti bid-definizzjoni tal-Komunità ta’ ’laħam mekkanikalment rikoverat’.

    [...]”

    12

    Mit-13 ta’ Diċembru 2014, id-Direttiva 2000/13 ser tiġi ssostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18), bis-saħħa tal-Artikoli 53 u55 tal-imsemmi Regolament Nru 1169/2011.

    13

    Barra minn hekk, l-Anness VII, punt 17, ta’ dan ir-Regolament juża l-istess definizzjoni għall-kelma “laħam” bħalma tidher fl-Anness I tad-Direttiva 2000/13, filwaqt li l-punt 18 tal-imsemmi Anness VII jippreċiża li “[i]t-tipi kollha ta’ prodotti koperti bid-definizzjoni ta’ ’laħam separat mekkanikament’” għandhom ikollhom il-kliem “’laħam separat mekkanikament’ u l-isem (ismijiet) tal-ispeċi ta’ annimali li ġej minnu”, fejn l-isem ta’ speċi ta’ annimal jista’ jiġi sostitwit bl‑isem ġeneriku tal-ingredjent għall-ispeċi tal-annimal ikkonċernat għall-ittikkettjar bil-lingwa Ingliża.

    Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered [li tittieħed]: ir-Regolament (KE) Nru 999/2001

    14

    Il-kunċett ta’ “laħam separat mekkanikament” kif iddefinit fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 jikkorrispondi wkoll għad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(n) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 722/2007, tal-25 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 164, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 999/2001”), iżda din l-aħħar definizzjoni, fid-dawl tal-għan tagħha, ma tinkludix il-karkassi tal-pollam fost il-materji primi tal-laħam separat mekkanikament.

    15

    Il-premessa 5 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1923/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 404, p. 1), li jemenda r-Regolament Nru 999/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289), li introduċa l-imsemmija definizzjoni fir-Regolament Nru 999/2001, hija fformulata kif ġej:

    “Sabiex il-leġislazzjoni tal-Komunità tkun ċara, ikun xieraq li jiġi ċċarat li d-definizzjoni ta’ ’laħam rikoverat mekkanikament’ [laħam separat mekkanikament] prevista f’leġislazzjoni oħra tal-Komunità fuq is-sigurtà ta’ l-ikel għandha tkun applikabbli fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 fil-kuntest tal-miżuri għall-qerda [enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu]”.

    16

    Skont il-premessa 11b tar-Regolament Nru 999/2001:

    “Laħam li hu rikoverat mekkanikament jinkiseb billi jitneħħa l-laħam mill-għadam b’tali mod li l-istruttura tal-fibra muskolari tinqered jew tiġi mmodifikata. Jista’ jkollu biċċiet mill-għadam u mill-perjostju (il-ġilda ta’ l-għadma). B’hekk, laħam rikoverat mekkanikament ma jistax jitqabbel ma’ laħam regolari. Konsegwentement l-użu tiegħu għall-konsum uman għandu jiġi rivedut”.

    17

    L-Anness V, punt 5 tar-Regolament Nru 999/2001 jipprovdi:

    “Madankollu d-deċiżjonijiet individwali msemmija fl-Artikolu 5(2), u b’deroga mill-Artikolu 9(3), għandu jkun ipprojbit fl-Istati Membri kollha li jintużaw għadam jew qatgħat bl-għadam ta’ annimali bovini, ovini u kaprini għall-produzzjoni ta’ laħam separat mekkanikament”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Fin-nota ta’ spjega ppubblikata matul is-sena 2003, il-FSA sostniet dan li ġej fir-rigward ta’ prodott imsejjaħ “laħam mingħajr nervituri”:

    “Il-prodotti miksuba minn proċess mekkaniku għat-tneħħija tal-għadam li jaqla’ biċċiet sħaħ ta’ laħam minn għadam miksija bi fdalijiet ta’ laħam fuq għadam miksi bil-ġilda jew karkassi, kemm jekk il-muskolu inizzjali jkun tneħħa minn qabel jew le, b’tali mod li l-istruttura tal-fibra tal-muskoli tal-laħam tibqa’ prattikament mhux mimsusa, ma humiex ikkunsidrati bħala [laħam separat mekkanikament]. Tali laħam jista’ sussegwentement jitneħħewlu n-nervituri u jkun jidher bħal ikkapuljat irqiq ħafna.

    Dawn il-prodotti xorta jistgħu jiġu kkunsidrati bħala laħam u jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-dikjarazzjoni [fuq il-kwantità tal-ingredjenti]”.

    19

    F’dokument ta’ orjentazzjoni wara din in-nota ta’ spjega, ippubblikat matul l-2010, l-istess amministrazzjoni tat l-indikazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tad-distinzjoni bejn “laħam mingħajr nervituri” u laħam separat mekkanikament:

    “1.

    Il-laħam mingħajr nervituri huwa l-laħam li jkunu tneħħewlu n-nervituri u l-għeruq. Dan jista’ jinkiseb, b’mod partikolari billi jiġi ppreparat il-laħam (jiġifieri billi tiġi ppreparata biċċa laħam billi jitneħħew il-partijiet mhux kommestibbli) jew billi jitneħħa minn mal-għadam il-bqija tal-laħam.

    2.

    Dan il-laħam jiġi prodott billi fdalijiet tal-laħam jew l-għadam miksi bil-ġilda jitqiegħdu f’magna bi pressjoni baxxa, li milli jidher, tippreżerva l-istruttura tal-fibra tal-muskoli. Ċerti magni ineħħu u jiżnervaw il-laħam waqt operazzjoni unika; oħrajn jagħmlu dan waqt operazzjoni f’żewġ passi. Il-prodott li jinkiseb huwa huwa magħruf bl-ismijiet ta’ laħam Baader, laħam ta’ 3 mm jew ’laħam mingħajr nervituri’. [...] Jidher li dan il-prodott jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-preparati tal-laħam (punt 1.15 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004), li jinkludi ’laħam frisk, inkluż laħam mqatta’ biċċiet żgħar, [...] jew li għadda minn proċessi li ma kienux biżżejjed biex jimmodifikaw l-istruttura interna tal-fibri tal-muskoli tal-laħam li b’hekk jintilfu l-karatteristiċi ta’ laħam friski’. Peress li l-istruttura tal-fibra tal-muskoli hija ppreżervata, il-prodott ma jaqax taħt id-definizzjoni [ta’ laħam separat mekkanikament] [i]msemmi fir-Regolament Nru 853/2004 (fejn l-istruttura tal-fibra tal-muskoli tintilef jew tiġi immodifikata wara l-proċess mekkaniku użat). Peress li ma jirriżultax mill-qtugħ tal-laħam, iżda huwa prodott taħt pressjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa laħam ikkapuljat.

    [...]

    4.

    [...] [Il-laħam separat mekkanikament] huwa differenti mill-preparati tal-laħam u mil-laħam mingħajr nervituri, u ma għandhiex issir konfużjoni dwarhom.

    [...]

    6.

    Jekk il-pressjoni użata sabiex jitneħħa l-għadam minn mal-laħam (ara l-punt 2) tkun kbira ħafna, il-prodott miksub jista’ jiġi kkunsidrat bħala [laħam separat mekkanikament]. Eżami taħt il-mikroskopju jista’ jippermetti li jiġi stabbilit jekk kienx hemm telf ta’ jew modifika fil-qalba tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodott jaqax taħt id-definizzjoni [tal-laħam separat mekkanikament]. Ladarba prodott jiġi kklassifikat bħala [laħam separat mekkanikament], ma jistax jerġa’ jiġi rrikwalifikat bħala preparati tal-laħam jew bħala laħam mingħajr nervituri.

    Definizzjoni tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli

    7.

    La d-definizzjoni tal-preparati tal-laħam u lanqas dik [tal-laħam separat mekkanikament], imsemmija fir-regoli dwar l-iġjene alimentari, ma jipprovdu indikazzjonijiet ċari dwar xi tfisser ‘it-telf jew il-modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli’ u dwar il-grad ta’ telf jew modifika neċessarja sabiex prodott ma jibqax ‘laħam frisk’ u jsir [laħam separat mekkanikament]. Talbiet għal informazzjoni reċenti magħmula lill-Kummissjoni [Ewropea] jindikaw li kwalunkwe modifika tal-istruttura tal-fibri tal-muskoli tal-’laħam’ matul il-proċess ta’ tneħħija tal-għadam twassal għall-klassifikazzjoni tal-prodott bħala [laħam separat mekkanikament] [...]

    8.

    Għandha tiġi rrelevata, b’mod ġenerali, l-assenza ta’ kwalunkwe struttura tal-fibra tal-muskoli fil-kampjuni ta’ [laħam separat mekkanikament] tal-majjal, tat-tiġieġ u tad-dundjan eżaminati taħt il-mikroskopju. Madankollu, anki l-operazzjonijiet ta’ kkapuljar u l-proċess fejn il-laħam jgħaddi minn pjanċa b’toqob ta’ 3 mm jistgħu jwasslu għal modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli. Konsegwentement, l-eżami taħt il-mikroskopju jippermetti li ssir biss evalwazzjoni suġġettiva tal-klassifikazzjoni adegwata ta’ prodott.

    [...]

    Identifikazzjoni tal-laħam mingħajr nervituri u [laħam separat mekkanikament]

    10.

    Huwa l-operatur fis-settur alimentari ta’ [...] li juri [...] li l-prodott tiegħu [...] jissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli għal-laħam mingħajr nervituri u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li timponi l-istruttura tal-fibra tal-muskoli tal-prodott ma tiġi la mitlufa u lanqas immodifikata. L-eżami taħt il-mikroskopju tal-grad ta’ telf tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli jista’ jgħin sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodott jaqax taħt id-definizzjoni ta’ ‘preparati tal-laħam’ u għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat bħala laħam mingħajr nervituri, jew jekk għandux jiġi kkwalifikat bħala [laħam separat mekkanikament]. Jekk l-operatur tas-settur alimentari ma jkunx f’pożizzjoni li juri li jikkostitwixxi laħam mingħajr nervituri, dan il-prodott jista’, meta jkun iffabbrikat minn laħam ta’ bovini, ovini u kaprini, jiġi kkunsidrat illegali fid‑dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-[enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu] [...]

    [...]

    20.

    Fl-istat attwali tad-dritt, il-produzzjoni ta’ laħam mingħajr nervituri minn għadam ta’ bovini, ovini u kaprini hija legali, sakemm l-ebda materjal b’riskju speċifiku ma jkun involut fil-proċess ta’ produzzjoni. Il-produzzjoni ta’ [laħam separat mekkanikament] minn dan l-istess għadam hija illegali”.

    20

    Newby Foods rċeviet l-approvazzjoni tal-FSA għall-produzzjoni ta’ “laħam mingħajr nervituri” tal-ħaruf matul is-sena 2006, u taċ-ċanga matul is-sena 2008.

    21

    Il-qorti tar-rinviju ssostni li Newby Foods żviluppat magna li tippermetti li tneħħi l-bqija tal-laħam imwaħħal mal-għadam wara li dan tkun tneħħietlu l-parti essenzjali tal-laħam, mingħajr ma jitkisser dan l-għadam u mingħajr ma jiġu mdewba l-bqija tat-tessuti. Din il-magna, li taħdem essenzjalment billi tqaxxar, hija differenti minn dawk li jaħdmu bi pressjoni għolja, li jittrasformaw il-bqija tat-tessuti f’pejst viskuż. Il-prodott hekk miksub, li, wara l-ewwel pass tal-produzzjoni, jgħaddi minn filtru li l-fetħiet tiegħu għandhom dijametru ta’ 10 mm, imbgħad jgħaddi minn filtru li l-fetħiet tiegħu għandhom dijametru ta’ 3 mm. Dan il-prodott, li jixbaħ l-ikkapuljat normali, huwa mibjugħ fir-Renju Unit bħala laħam “mingħajr nervituri”. Fir-rigward tad-dehra tiegħu, l-imsemmi prodott huwa differenti ħafna mil-laħam isseparat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-unika kwalifika għall-prodott miksub grazzi għall-magna tagħha hija laħam.

    22

    Dejjem skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-“laħam mingħajr nervituri” li hija tipproduċi rarament ikun fih biċċiet tal-għadam, kisi tal-għadam jew mudullun tal-għadam, iżda l-preżenza okkażjonali ta’ frammenti tal-għadam ma tistax tiġi eskluża.

    23

    Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-FSA, b’riferiment għad-dokumenti msemmija fil-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, il-prodott miksub skont dan il-proċess ma jaqbilx mad-definizzjoni ta’ “laħam separat mekkanikament”, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, minħabba l-assenza ta’ telf jew ta’ modifika “sostanzjali” tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli, jiġifieri fin-nuqqas ta’ modifika suffiċjenti sabiex jisparixxu l-karatteristiċi tal-laħam frisk. Dan il-prodott għandu pjuttost jiġi kkwalifikat bħala “preparati tal-laħam” fis-sens tal-punt 1.15 tal-Anness I tal-imsemmi regolament.

    24

    Skont Newby Foods, li ma jkunx permess li l-prodott inkwistjoni jiġi mibjugħ bħala laħam separat mekkanikament jikkostitwixxi ħala kbira ta’ laħam tajjeb għall-konsum mill-bniedem bħala laħam frisk. Il-qorti tar-rinviju żżid li minn dan jirriżulta tnaqqis kunsiderevoli tal-valur kummerċjali ta’ dan il-prodott. Hija tirreleva wkoll li minn din il-kwalifika jirriżultaw tliet konsegwenzi tekniċi oħra, jiġifieri:

    Il-projbizzjoni tal-użu ta’ għadam ta’ annimali li jixtarru, li l-użu tagħhom ma huwiex permess għall-produzzjoni ta’ laħam separat mekkanikament skont l-Anness V, punt 5 tar-Regolament Nru 999/2001, fid-dawl tar-riskji marbuta ma’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu;

    L-obbligu li jiġu soddisfatti l-eżiġenzi speċifiċi dwar il-materji primi kif ukoll l-iġjene matul u wara l-produzzjoni applikabbli għal-laħam separat mekkanikament, kif stabbiliti mir-Regolament Nru 853/2004, u

    Il-projbizzjoni li l-prodott ikkonċernat jiġi ttikkettjat bħala “laħam”.

    25

    Skont il-qorti tar-rinviju, it-telf jew il-modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli tista’ tirriżulta wkoll kemm mill-qtugħ jew mill-ikkapuljar kif ukoll mill-iffriżar u t-tneħħija mill-friża tal-muskoli skelettiċi. Dawn il-proċessi madankollu ma jneħħux, ġeneralment, il-karatteristiċi tal-laħam frisk. Il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li proċess ta’ separazzjoni mekkanika jista’ ma jikkawżax dannu lill-għadam ipproċessat u lanqas ma joħroġ il-mudullun, għandha l-vantaġġ tas-semplifikazzjoni, filwaqt li, jekk tiġi segwita l-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju eżami finali sabiex dan jiġi identifikat bħala laħam separat mekkanikament jew le.

    26

    Filwaqt li tiċċita l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa u l-użu fil-futur ta’ laħam separat b’mod mekkaniku [laħam separat mekkanikament] fl-Unjoni Ewropea, inkluża l-politika ta’ informazzjoni għall-konsumaturi, tat-2 ta’ Diċembru 2010 [COM(2010) 704 finali], stabbilita fl-eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 999/2001, il-qorti tar-rinviju tirreleva li l-ewwel paragrafu tal-punti 2 u r-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 5.1 ta’ din il-komunikazzjoni huma fformulati kif ġej:

    “2. Introduzzjoni

    “Il-[laħam separat mekkanikament] [...] huwa prodott, miksub billi jitneħħa l-laħam li jibqa’ mil-għadam jew mill-karkassi tat-tjur billi jintużaw mezzi mekkaniċi, meta l-istruttura normali tal-fibri tal-muskoli tkun il-biċċa l-kbira mitlufa jew immodifikata b’tali mod li mhijiex komparabbli mal-laħam regolari.

    […]

    5.1 Metodi ta’ produzzjoni [ta’ laħam separat mekkanikament]

    […]

    Viżwalment, l-[laħam separat mekkanikament] ta’ pressjoni għolja jirriżulta f’prodott ta’ konsistenza karatteristika u b’mod partikolari li tinħass twaħħal li tirriżulta minn telf jew modifika tal-istruttura tal-fibri tal-muskoli. Teknoloġiji oħra ([laħam separat mekkanikament] ta’ pressjoni baxxa), jistgħu jirriżiltaw fi prodott li ma jistax ikun jew qajla jista’ jiġi ddifferenzjat viżwalment mil-laħam ikkapuljat [...]

    Mikroskopikament, evalwazzjoni tat-‘telf jew modifika tal-istruttura tal-fibri tal-muskoli’ hija possibbli billi jintużaw biċċiet mikroskopiċi ta’ laħam. Varjazzjoni kbira tal-modifika tal-istruttura interna tal-prodott tista’ tiġi osservata skont il-parametri differenti ta’ produzzjoni wżati”.

    27

    Ir-rapport magħmul wara kontroll li sar fir-Renju Unit, matul ix-xahar ta’ Marzu 2012, minn tim ta’ awditjar tal-Uffiċju alimentari u veterinarju tal-Kummissjoni (UAV) isemmi l-użu f’dan l-Istat Membru tal-kliem “laħam mingħajr nervituri”, mhux magħruf fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għal kategorija ta’ prodotti li huma kkunsidrati b’mod żbaljat bħala “preparati tal-laħam” fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, meta, fil-verità, dawn il-prodotti jikkorrispondu għal laħam separat mekkanikament. Dan id-dokument kien jagħmel riferiment b’mod limitat għad-dokument ippubblikat mill-FSA matul is-sena 2010 u msemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. Hemmhekk kien indikat li dan id-dokument kien jirrikjedi t-twettiq ta’ eżami taħt il-mikroskopju sabiex jintwera li l-istruttura tal-fibra tal-muskoli ma tkunx intilfet jew ma tkunx ġietx immodifikata wara l-proċess ta’ fabbrikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u li r-riżultati tal-eżamijiet mwettqa, meta kienu għadhom jeżistu, ma kienu jindikaw qatt l-assenza ta’ telf jew modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskolu.

    28

    Skont il-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ qbil eżistenti bejn l-awdituri tal-UAV u l-FSA huwa dwar il-kwistjoni jekk il-kwalifika ta’ “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 tiddependix fuq kwalunkwe telf jew modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskolu, jew inkella, ta’ telf jew modifika sa ċertu livell.

    29

    Fl-4 ta’ April 2012, il-FSA ppubblikat il-moratorja, li permezz tagħha rrikonoxxiet il-pożizzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-“laħam mingħajr nervituri” fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li żammet distanza minn din il-pożizzjoni. F’dawn id-dokumenti jew teħid ta’ pożizzjoni sussegwenti intiżi għal impriżi jew awtoritajiet fir-Renju Unit jew ukoll b’risposta għar-rapport tal-UAV, il-FSA kkonfermat in-nuqqas ta’ qbil tagħha, bħala prinċipju, mal-interpretazzjoni sostnuta mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, filwaqt li enfasizzat b’mod partikolari n-natura innovattiva tal-proċess użat minn impriżi bħal Newby Foods sabiex jipproċessaw mekkanikament għadam li jista’ jkun mlaħħam ħafna u li qabel kien jiġi pproċessat manwalment.

    30

    Newby Foods ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-moratorja.

    31

    Skont din il-qorti, il-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-ittikkettjar tal-prodott miksub mill-proċess użat minn Newby Fodds f’dak li jikkonċerna l-għadam tal-majjal u tal-pollam, iżda tinkludi wkoll aspett ta’ saħħa pubblika fil-każ tal-użu ta’ dan il-proċess għall-għadam tal-annimali li jixtarru peress li jeżisti riskju marbut mal-possibbiltà ta’ dannu tal-għadam inerenti għall-użu ta’ kwalunkwe proċess mekkaniku. Minkejja li hija tikkunsidra li l-pożizzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni ma tantx hija preċiża dwar dan is-suġġett u li hija tirreleva li din il-pożizzjoni hija kkontestata mill-FSA, l-imsemmija qorti tammetti li din hija preokkupazzjoni leġittima. Madankollu, fil-fehma tagħha, l-unika kwistjoni relevanti hija dwar jekk l-għadam tal-annimali li jixtarru jistax jintuża fi proċess użat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda mhux jekk il-prodott hekk miksub għandux jiġi kkwalifikat bħala laħam separat mekkanikament.

    32

    Eżamijiet xjentifiċi ordnati minn Newby Foods lil impriża speċjalizzata fil-qasam tal-alimentazzjoni wasslu għall-konlużjonijiet segwenti:

    il-prodott miksub wara l-ewwel pass tal-proċess użat minn Newby Foods jixbah biċċiet tal-laħam;

    fir-rigward tal-laħam tal-pollam u tal-majjal, il-laħam li jitneħħilu l-għadam manwalment u li jiġi kkappuljat, minn naħa, u l-prodott ta’ Newby Foods, min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ prodotti għandhom xi differenzi, fejn f’ċerti postijiet l-istruttura tal-fibra tal-muskoli kienet kważi intatta u f’ċerti postijiet oħra kienet sostniet danni kif ukoll kien hemm telf tal-materja protejka; madankollu, il-prodott ta’ Newby Foods kien jixbah iktar il-laħam ikkapuljat milli l-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja; testijiet fl-għama jippermettu li dan il-prodott jiġi ddifferenzjat mill-ikkapuljat, iżda mhux dejjem; bħala konklużjoni, il-prodott ta’ Newby Foods, li jikkonserva l-istruttura tal-fibra tal-muskoli pjuttost intatta meta mqabbel mal-ikkapuljat, jista’ jiġi kkunsidrat bħala preparati tal-laħam, kwalifika li hija eskluża għal-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja fid-dawl, f’dan il-każ, tal-modifika kbira ħafna tal-din l-istruttura;

    fir-rigward tal-laħam taċ-ċanga u tal-ħaruf, eżami komparattiv taħt il-mikroskopju tal-prodott ta’ Newby Foods u ta’ laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja ma jwassalx għal distinzjoni tant evidenti, peress li, bil-laħam ta’ dawn l-ispeċi, dan l-aħħar proċess ma jikkawżax telf kbira tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli; it-telf ta’ din l-istruttura huwa madankollu iżgħar fil-każ tal-imsemmi prodott u jixbah lil dak miksub fl-ikkapuljat, peress li l-kwalità hija kważi ekwivalenti.

    33

    Konsulent approva din l-analiżi, fejn ikkunsidra, minn naħa, li, f’dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-istruttura, il-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja, li jgħaddi minn pjanċa b’fetħa ta’ 1 mm sabiex jiġu ffiltrati l-frammenti tal-għadam u t-tessuti konġuntivi, huwa differenti ħafna mill-ikkapuljat u, min-naħa l-oħra, li l-prodott ta’ Newby Foods huwa hu stess nettament differenti mil-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja.

    34

    Skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-prodott miksub permezz tal-proċess użat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minkejja li huwa nettament differenti mil-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja fir-rigward tal-apparenza u l-konsistenza tiegħu, isostni madankollu modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskolu, il-kwistjoni ċentrali hija dik dwar jekk il-kwalifika tal-laħam separat mekkanikament hijiex marbuta ma’ kwalunkwe modifika ta’ din l-istruttura.

    35

    Filwaqt li tirreferi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “preparati tal-laħam”, li tinsab fl-Anness I, punt 1.15 tar-Regolament Nru 853/2004, din il-qorti tar-rinviju tiġbed minn dan żewġ konsiderazzjonijiet. Minn naħa, it-termini “li b’hekk” jindikaw li teżisti rabta ta’ kawżalità bejn it-telf jew il-modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskolu u t-tneħħija tal-karatteristiċi tal-laħam frisk. Min-naħa l-oħra, din id-definizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kwalunkwe tnaqqis tal-karatteristiċi tal-laħam frisk jimplika t-tneħħija ta’ dawn il-karatteristiċi, peress li din it-tneħħija ma tirriżultax minn tnaqqis sinjifikattiv tal-imsemmija karatterisitiċi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-“karatteristiċi tal-laħam frisk”, fis-sens ta’ din id-definizzjoni, huma l-proprjetajiet organoleptiċi tal-laħam, bħat-togħma, ir-riħa u l-konsistenza.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-prodott miksub grazzi għall-proċess użat minn Newby Foods jikkonserva biżżejjed il-karatteristiċi tal-laħam frisk sabiex jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-preparati tal-laħam fis-sens tal-punt 1.15 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004.

    37

    Fl-aħħar nett, din il-qorti tgħaddi l-messaġġ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont liema huwa inkoerenti, għall-Kummissjoni, li tirrifjuta tali kwalifika billi ssostni li, minħabba l-użu ta’ mezzi mekkaniċi u minħabba l-eżistenza ta’ modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli, l-imsemmi prodott għandu jiġi kkwalifikat bħala laħam separat mekkanikament, meta hija tammetti li l-użu tal-mezzi mekkaniċi għas-separazzjoni tas-sider tat-tiġieġa minn mal-karkassa, li, fil-fatt, jinvolvi inevitabbilment tali modifika fil-post fejt issir il-qatgħa, ma jimplikax li l-laħam hekk miksub ikun tilef il-karatteristiċi tal-laħam frisk.

    38

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    It-termini ‘telf jew modifika ta’ l-istruttura tal-fibri tal-muskoli’ fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament [...] 853/2004 [bl-istess espressjoni tidher ukoll fl-Artikolu 3(n) tar-Regolament Nru 999/2001)] tfisser ‘kull telf jew modifika tal-istruttura tal-fibri tal-muskoli’ li huwa viżibbli bl-użu ta’ metodi ta’ teknika standard ta’ mikroskopija? [...]

    2)

    Prodott tal-laħam jista’ jiġi kklassifikat bħala prodotti preparati tal-laħam taħt il-punt 1.15 tal-Anness I [tar-Regolament Nru 853/2004] fejn kien hemm xi telf jew xi modifika tal-istruttura tagħha tal-fibri tal-muskoli li hija viżibbli bl-użu ta’ metodi tekniċi standard ta’ mikroskopija?

    3)

    Fil-każ ta’ riposta negattiva [għall-ewwel domanda] u fil-każ ta’ risposta pożittiva [għat-tieni domanda], il-grad ta’ telf jew modifika tal-istruttura tal-fibri tal-muskoli huwa suffiċjenti sabiex ikun rikjest li l-prodott tal-laħam jiġi kklassifikat bħala [laħam separat mekkanikament], [fis-sens tal]-punt 1.14 tal-Anness I [tar-Regolament Nru 853/2004] l-istess bħal dak rikjest sabiex jiġu eliminati l-karatteristiċi ta’ laħam frisk taħt il-punt 1.15 [ta’ dan l-anness]?

    4)

    Sa [liema] punt il-karatteristiċi ta’ laħam frisk jiġu mnaqqsa qabel ma’ jista’ jingħad li ġew eliminati fis-sens tal-punt 1.15 [tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004]?

    5)

    Jekk ir-risposta [għall-ewwel domanda] hija fin-negattiv, iżda r-risposta [għat-tielet domanda] hija wkoll fin-negattiv [, l]iema grad ta’ modifika għall-istruttura tal-fibri tal-muskoli huwa rikjest sabiex il-prodott inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala [laħam separat mekkanikament]?

    6)

    [Fl-istess ipoteżi, l]iema kriterji għandhom jintużaw mill-qrati nazzjonali fid-determinazzjoni jekk l-istruttura tal-fibri tal-muskoli tal-laħam ġietx modifikata jew le minn dak il-grad?”

    39

    Permezz tal-ittri tal-1 u tal-11 ta’ Ottubru 2013, li waslu fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2013, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda fis-7 ta’ Frar 2014 permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Newby Foods (C‑453/13, EU:C:2014:87).

    Fuq id-domandi preliminari

    40

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 1.14 u 1.15 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, li jinkludu d-definizzjonijiet tal-kunċetti, rispettivament ta’ “laħam separat mekkanikament” u ta’ “preparati tal-laħam”, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prodott miksub permezz tat-tneħħija mekkanika tal-laħam minn għadam miksi bil-laħam wara li jitneħħa l-għadam jew mill-karkassi tal-pollam għandu jiġi kkwalifikat bħala “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-imsemmi punt 1.14 biss meta l-proċess użat iwassal għat-telf jew għall-modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli li tkun sostanzjali, fejn il-kwalifika ta’ “preparati tal-laħam” fis-sens tal-imsemmi punt 1.14 għandha ssir meta dan it-telf jew modifika ma jkunx sostanzjali. Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn din l-interpretazzjoni tipprevali, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf liema huwa l-grad ta’ modifika jew ta’ telf meħtieġ sabiex dan it-telf jew modifika jkun kkunsidrat bħala sostanzjali u liema proċess għandu jiġi użat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-grad hekk meħtieġ huwiex milħuq.

    41

    Għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “laħam separat mekkanikament” li tinsab fl-Anness I, punt 1.14 tar-Regolament Nru 853/2004 sserraħ fuq tliet kriterji kumulattivi li għandhom jinqraw flimkien ma’ xulxin, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-użu ta’ għadam li l-muskoli sħaħ tagħom ikunu diġà tneħħew minn magħhom jew karkassi tal-pollam, li jkun għad fadal laħam imwaħħal magħhom, fit-tieni lok, l-użu ta’ proċessi mekkaniċi ta’ separazzjoni sabiex jiġi rkuprat dan il-laħam u, fit-tielet lok, it-telf jew il-modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli ta’ laħam hekk irkuprata minħabba l-użu tal-imsemmija proċessi. B’mod partikolari, din id-definizzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni dwar il-grad ta’ telf jew ta’ modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli, b’tali mod li kwalunkwe telf jew modifika ta’ din l-istruttura huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni.

    42

    Għaldaqstant, kull prodott tal-laħam li jissodisfa dawn it-tliet kriterji għandu jiġi kkwalifikat bħala “laħam separat mekkanikament”, indipendentement mill-grad ta’ telf jew ta’ modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli, sa fejn, minħabba l-proċess użat, dan it-telf jew modifika huwa ikbar minn dak strettament lokalizzat fil-post fejn isir il-qtugħ.

    43

    Fil-fatt, dan it-tielet kriterju jippermetti li ssir distinzjoni bejn, f’każ ta’ użu ta’ proċessi mekkaniċi, il-“laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-Anness I, punt 1.14 tar-Regolament Nru 853/2004 tal-prodott miksub mill-qtugħ tal-muskoli sħaħ, fejn dan tal-aħħar ma jkun għadda mill-ebda telf jew modifika iktar ġenerali tal-istruttura tal-fibra tal-muskolu, iżda wera telf jew modifika ta’ din l-istruttura strettament lokalizzat għall-post fejn tkun saret il-qatgħa. Għaldaqstant, ġustament, l-isdra tat-tiġieġa li jinqalgħu minn mal-karkassa tal-annimal permezz ta’ qatgħa mekkanika ma jikkostitwixxux laħam separat mekkanikament.

    44

    F’dak li jikkonċerna l-prodotti li jissodisfaw l-imsemmija kriterji, u li jirrispondu għad-definizzjoni ta’ “laħam separat mekkanikament”, ir-Regolament Nru 853/2004 ma jagħmel l-ebda distinzjoni ħlief dik li tirriżulta mill-Anness III, Sezzjoni V, Kapitolu III, punti 3 u 4 tiegħu.

    45

    Din id-distinzjoni tikkonċerna, minn naħa, il-laħam separat mekkanikament imsemmi fl-imsemmi punt 3, prodott b’għajnuna teknika li ma tbiddilx l-istruttura tal-għadam użat, immedjatament wara li dawn ikunu tneħħewlhom il-muskoli sħaħ li inizjalment kienu mwaħħla magħhom, bil-kundizzjoni li l-prodott miksub ikollu kontenut ta’ kalċju viċin dak tal-ikkapuljat u jkun josserva l-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għal dan tal-aħħar.

    46

    Dan it-tip ta’ prodotti, li jikkorrispondu għal-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni baxxa, bħall-prodotti fil-kawża prinċipali, jista’, b’eċċezzjoni, jiġi użat f’ċerti “preparati tal-laħam” fis-sens tal-Anness I, punt 1.15 tar-Regolament Nru 853/2004, jiġifieri dawk intiżi biex jiġu suġġetti għal trattament termiku qabel il-konsum, filwaqt li, skont id-definizzjoni mogħtija fl-imsemmi punt 1.15, il-preprati tal-laħam frisk, jistgħu jinkisbu biss, bħala regola, minn laħam frisk, eventwalment ikkapuljat f’biċċiet żgħar, jiġifieri laħam li joriġina minn muskoli sħaħ, bl-esklużjoni ta’ tilqit ta’ laħam imqaxxar minn mal-għadam. L-istess tip ta’ prodott jista’ wkoll jintuża fil-“prodotti abbażi ta’ laħam”, fis-sens tal-punt 7.1 tal-imsemmi anness.

    47

    L-imsemmija distinzjoni tikkonċerna, minn naħa, il-laħam separat mekkanikament imsemmi fl-Anness III, Sezzjoni V, Kapitolu III, punt 4 tar-Regolament Nru 853/2004, prodott bl-għajnuna ta’ tekniki oħra, li jikkorrispondi għal-laħam separat mekkanikament miksub taħt pressjoni għolja, li jista’ jintuża biss fil-prodotti abbażi ta’ laħam li jkunu suġġetti għal trattament termiku fi stabbiliment approvat skont ir-Regolament Nru 853/2004.

    48

    Id-distinzjoni hekk magħmula fl-Anness III, Taqsima V, Kapitolu III, punti 3 u 4 tar-Regolament Nru 853/2004 hija riflessa fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “laħam separat mekkanikament” li tinsab fl-Anness I, punt 1.14 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fit-termini “b’riżultat ta’ telf jew modifika ta’ l-istruttura tal-fibri tal-muskoli”, fejn din id-definizzjoni fi ħdan il-kategorija tal-laħam separat mekkanikament u dawn it-termini fid-definizzjoni ta’ din il-kategorija ta’ prodotti kienet introdotta fl-istess mument tal-proċess ta’ redazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-preżenza tat-terminu “modifika” f’din id-definizzjoni timplika li l-prodotti miksuba mill-użu tal-proċess ta’ separazzjoni mekkanika li jaħdem taħt pressjoni baxxa jaqgħu, fi kwalunkwe każ, taħt il-kuntest tal-imsemmija definizzjoni.

    49

    Din is-sistema li tinkludi l-ġbir tal-laħam separat mekkanikament kollu f’kategorija unika maqsuma f’żewġ sottokategoriji ta’ prodotti b’riskji sanitarji differenti u li jistgħu, konsegwentement, ikunu intiżi għal użu differenti hija spjegata fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 20 tar-Regolament Nru 853/2004, introdotta hi wkoll fl-istess stadju tar-redazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Din il-premessa tistabbilixxi, għal din il-kategorija ta’ prodotti, minn naħa, definizzjoni li hija ta’ natura ġenerika u li hija żviluppata f’termini flessibbli b’mod li tinkludi l-proċessi ta’ separazzjoni mekkanika kollha u sabiex tibqa’ adatta minkejja l-evoluzzjoni teknoloġika rapida f’dan il-qasam, u l-eżiġenzi tekniċi li jvarjaw skont l-evalwazzjoni tar-riskji li għandu l-prodott miksub minn proċessi differenti.

    50

    Din il-premessa, li tiċċara perfettament il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, turi b’mod suffiċjenti li dan ħa inkunsiderazzjoni sa mill-bidu l-possibbiltà li jkunu żviluppati proċessi ta’ produzzjoni ġodda bi pressjoni baxxa ta’ laħam separat mekkanikament, bħal, fil-każ inkwistjoni, dak użat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi li dan jinkludi xi innovazzjoni meta mqabbel mal-proċessi li jużaw teknika li ma talterax l-istruttura tal-għadam użat li dan il-leġiżlatur kien jaf dwaru fil-mument meta ġie redatt ir-Regolament Nru 853/2004.

    51

    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont liema mhux kwalunkwe telf jew modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli twassal sabiex prodott ikollu jiġi kkunsidrat bħala laħam separat mekkanikament, peress li prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala tali biss f’każ ta’ telf jew ta’ modifika “sostanzjali” ta’ din l-istruttura, għandu jitfakkar li l-kwalifika ta’ “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-Anness I, punt 1.14 tar-Regolament Nru 853/2004 tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ tliet kriterji kumulattivi, kif ġie indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

    52

    Min-naħa l-oħra, kwalifika bħala “preprati tal-laħam”, fis-sens tal-Anness I, punt 1.15 tar-Regolament Nru 853/2004, ta’ prodotti li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jissodisfaw il-kriterji ta’ laħam separat mekkanikament hija eskluża mid-definizzjoni stabbilita fl-imsemmi punt hi stess.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li l-produzzjoni ta’ laħam separat mekkanikament ma timplika l-ebda waħda mill-operazzjonijiet imsemmija f’din id-definizzjoni, jiġifieri jew iż-żieda ta’ prodotti tal-ikel, ta’ kondimenti jew ta’ additivi, jiġifieri [“tibdil”] fis-sens tal-Artikolu 2(1)(m) tar-Regolament Nru 852/2004, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jikkorrispondi, għall-kuntrarju, għall-kunċett ta’ “prodotti mhux proċessati” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(n) ta’ dan ir-regolament.

    54

    Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “preparati tal-laħam” huwa marbut direttament mhux mal-kunċett ta’ “laħam separat mekkanikament”, iżda, minn naħa, ma’ dawn ta’ “laħam frisk” u ta’ “ikkapuljat”, li huma, fi prinċipju, l-uniċi materji primi utilizzabbli, u, min-naħa l-oħra, ma’ dawk ta’ “prodotti tal-laħam” fis-sens tal-Anness I, punt 7.1 tar-Regolament Nru 853/2004, li jikkombina ruħu mal-kunċett ta’ “preparati tal-laħam” f’każ ta’ proċessar tal-laħam frisk użat bħala materja prima. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, dawn l-aħħar żewġ kunċetti huma alternattivi, fis-sens li, skont jekk proċess ta’ trasformazzjoni ta’ laħam frisk jimmodifikax fil-qalba l-istruttura tal-fibra tal-muskoli billi tneħħi l-karatteristiċi tal-laħam frisk jew jekk ma jwassalx għal tali modifika, il-prodott miksub ikun jew prodott abbażi ta’ laħam, jew preparati tal-laħam.

    55

    Barra minn hekk, kwalifika ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “laħam frisk” fis-sens tal-Anness I, punt 1.10 tar-Regolament Nru 853/2004, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, hija wkoll eskluża. Fil-fatt, jekk jitħallew barra l-karatteristiċi l-oħra tagħhom, dawn il-prodotti li jikkonsistu f’laħam f’biċċiet, jistgħu jaqgħu biss taħt “ikkapuljat” fis-sens tal-punt 1.13 tal-imsemmi anness, kunċett li madankollu huma għandhom jiġu esklużi minnu skont l-Anness III, Sezzjoni V, Kapitolu II, punt 1(ċ)(iv) ta’ dan ir-regolament, peress li huma prodotti miksuba minn fdalijiet ta’ laħam imqaxxar minn mal-għadam.

    56

    Indipendentement mill-eżiġenzi sanitarji previsti mir-Regolament Nru 853/2004, il-kwalifika ta’ “laħam separat mekkanikament”, fis-sens tal-Anness I, punt 1.14 ta’ dan ir-regolament, tal-prodotti miksuba mill-użu ta’ proċess industrijali partikolari toħloq, barra minn hekk, konsegwenzi fid-dawl, minn naħa, tar-Regolament Nru 999/2001, dwar l-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered, u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2000/13, li tikkonċerna b’mod partikolari, l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel.

    57

    Fil-fatt, din il-kwalifika timplika, fl-ewwel lok, li dan il-proċess ma jistax jintuża għall-ipproċessar ta’ materji primi li joriġinaw mill-bovini, ovini u kaprini, skont l-Anness V, punt 5 tar-Regolament Nru 999/2001, dwar l-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered.

    58

    Kuntrarjament għall-opinjoni mogħtija f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-imsemmija kwalifika għal prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex minn dan jiġi dedott li huwa pprojbit li jiġu prodotti minn materji primi li joriġinaw minn annimali li jixtarru tirriżulta mill-volontà espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ miżuri adottati fid-dawl tal-ġlieda kontra dan il-mard. Mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1923/2006, li introduċiet id-definizzjoni ta’ “laħam separat mekkanikament” fir-Regolament Nru 999/2001, jirriżulta, fil-fatt, li l-leġiżlatur ried juża, f’dan il-qasam, id-definizzjoni preċedentement adottata fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel fil-kuntest tar-Regolament Nru 853/2004.

    59

    Barra minn hekk, mill-premessa 11b tar-Regolament Nru 999/2001 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-aħħar regolament, il-leġiżlatur kellu f’moħħu b’mod partikolari l-fatt li l-laħam separat mekkanikament jista’ jkollu biċċiet mill-għadam u mill-perjostju. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa wkoll il-każ ta’ prodott bħal dak prodott mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    60

    Fit-tieni lok, skont l-Anness I tad-Direttiva 2000/13, il-kwalifika ta’ “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-Anness I, punt 1.14 tar-Regolament Nru 853/2004 timplika l-projbizzjoni li l-prodott ikkonċernat jiġi ttikkettjat bħala “laħam ta’” segwit mill-isem tal-ispeċi tal-annimal li jkun joriġina minnu, peress li dan il-prodott jista’ jissejjaħ biss “laħam separat mekkanikament” segwit mill-isem tal-ispeċi tal-annimal li jkun joriġina minnu.

    61

    Fil-kuntest ta’ din id-direttiva li, skont il-premessa 6 tagħha, hija bbażata, qabel kollox, fuq l-imperattiv tal-informazzjoni u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, din il-projbizzjoni tikkostitwixxi implementazzjoni tar-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva, skont liema l-ittikkettjar ma għandux ikun ta’ natura li jqarraq bix-xerrej fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel u, b’mod partikolari, in-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm frisk, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni tiegħu.

    62

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 7 tad-Direttiva 2001/101, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “laħam” li ġiet stabbilita fil-kuntest tar-Regolament Nru 853/2004 għall-finijiet ta’ iġjene u ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, li jkopru l-partijiet tal‑annimal kollha li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem, ma tikkorrispondix għall-perċezzjoni tal-laħam mill-konsumatur u għalhekk ma tippermettix li tinformah dwar in-natura reali tal-prodotti li huma koperti minn din id-definizzjoni fil-kuntest tal-imsemmi regolament, b’tali mod li l-laħam separat mekkanikament, li huwa sinjifikattivament differenti mill-perċezzjoni ta’ “laħam” mill-konsumaturi, għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ dan l-aħħar kunċett għall-finijiet tal-ittikkettjar u tal-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel.

    63

    Dawn il-premessi jesprimu l-konstatazzjoni skont liema l-laħam separat mekkanikament, minkejja li huwa teknikament tajjeb għall-konsum mill-bniedem sakemm ma jkunx joriġina mill-annimali li jixtarru, jikkostitwixxi madankollu prodott ta’ kwalità inferjuri, għaliex huwa magħmul minn fdalijiet ta’ laħam, xaħam u tessuti konġuntivi li jibqgħu imwaħħla mal-għadam wara li titneħħa l-parti essenzjali tal-laħam.

    64

    F’dan ir-rigward, il-fatt, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali trid tibbaża fuqu argument favur isem differenti minn “laħam separat mekkanikament”, li prodott bħal dak li hija tipproduċi, magħruf fis-settur industrijali kkonċernat taħt l-ismijiet ta’ “laħam Baader” u “laħam ta’ 3 mm” jew “laħam mingħajr nervituri”, għandu apparenza paragunabbli ma’ dik tal-ikkapuljat, li minħabba f’hekk ma jistax jiġi ddifferenzjat faċilment mill-konsumatur għaliex it-taħlita ta’ diversi tessuti miksuba wara l-proċess ta’ produzzjoni ma tippermettix li jiġu ddifferenzjati, jikkostitwixxi, fil-verità, eżempju tat-tip ta’ żbalji li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jwaqqaf meta adotta d-Direttiva 2000/13.

    65

    Fil-fatt, li ma jiġix impost li dan il-prodott ta’ kwalità inferjuri jkollu tikketta partikolari li tinforma b’mod ċar lill-konsumaturi billi tneħħi l-ambigwità dwar in-natura eżatta tal-prodott, iżda billi jiġi permess, għall-kuntrarju, li l-prodott ikollu tikketta li tħalli lil wieħed jaħseb li dan huwa laħam imqatta’ f’biċċiet żgħar, bħall-ikkapuljat, iwassal sabiex ma jiġix segwit għan essenzjali intiż minn din id-direttiva, jiġifieri dak li jiġi żgurat ittikkettjar iddettaljat dwar in-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodotti, li jippermetti lill-konsumatur li jagħmel l-għażla tiegħu b’mod informat, kif ġie espost fl-imsemmija direttiva. Dan huwa l-każ, a fortiori, meta l-imsemmi prodott ikun jikkostitwixxi ingredjent mhux identifikabbli mill-konsumatur.

    66

    L-imsemmi permess għandu wkoll l-effett li jikkomprometti t-twettiq tal-għan essenzjali l-ieħor li huwa intiż mid-Direttiva 2000/13, espress fil-premessa 2 tagħha, li jikkonsisti fil-projbizzjoni tad-differenzi fl-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel, li jista’ jfixkel iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti u li jinħolqu kundizzjonijiet inegwali ta’ kompetizzjoni.

    67

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punti 1.14 u 1.15 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prodott miksub permezz tat-tneħħija mekkanika tal-laħam minn mal-għadam miksija bil-laħam wara li jkun tneħħa l-laħam jew mill-karkassi tal-pollam għandu jiġi kklassifikat bħala “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-imsemmi punt 1.14 peress li l-proċess użat iwassal għal telf jew għal modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli ikbar minn dik strettament lokalizzata fil-punt fejn issir il-qatgħa, indipendentement mill-fatt li t-teknika użata ma tibdilx l-istruttura tal-għadam użat. Tali prodott ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “preparati tal-laħam” fis-sens tal-imsemmi punt 1.15.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-punti 1.14 u 1.15 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prodott miksub permezz tat-tneħħija mekkanika tal-laħam minn mal-għadam miksija bil-laħam wara li jkun tneħħa l-għadam jew mill-karkassi tal-pollam għandu jiġi kklassifikat bħala “laħam separat mekkanikament” fis-sens tal-imsemmi punt 1.14 peress li l-proċess użat iwassal għat-telf jew għal modifika tal-istruttura tal-fibra tal-muskoli ikbar minn dik strettament lokalizzata fil-punt fejn issir il-qata’, indipendentement mill-fatt li l-teknika użata ma tibdilx l-istruttura tal-għadam użat. Tali prodott ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “preparati tal-laħam” fis-sens tal-imsemmi punt 1.15.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top