Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0437

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2014.
    Unitrading Ltd vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi doganali tal-Komunità – Irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni – Oriġini tal-merkanzija – Mezzi ta’ prova – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Awtonomija tal-ġudizzju tal-Istati Membri.
    Kawża C‑437/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2318

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    23 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi doganali tal-Komunità — Irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni — Oriġini tal-merkanzija — Mezzi ta’ prova — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Awtonomija tal-ġudizzju tal-Istati Membri”

    Fil-Kawża C‑437/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

    Unitrading Ltd

    vs

    Staatssecretaris van Financiën,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Unitrading Ltd, minn R. Niessen-Cobben, bħala konsulent,

    għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn K. Beal, QC,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Unitrading Ltd (iktar ’il quddiem “Unitrading”) u s-Staatssecretaris van Financiën dwar l-impożizzjoni ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 243 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jipprovdi:

    “1.   Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni[jiet] meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

    [...]

    2.   Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

    (a)

    inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

    (b)

    sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

    4

    L-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    5

    Fl-20 ta’ Novembru 2007, Unitrading, stabbilita f’Rickmansworth (ir-Renju Unit), ippreżentat quddiem l-aworitajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi dikjarazzjoni ta’ tqegħid f’ċirkulazzjoni libera ta’ 86400 kilogramm tewm frisk (iktar ’il quddiem il-“merkanzija”). Id-dikjarazzjoni ġiet ippreżentata minn F.V. de Groof’s In- en Uitklaringsbedrijf BV, li teżerċita l-attività tagħha bl-isem Comex (iktar ’il quddiem “Comex”), bħala rappreżentanta diretta ta’ Unitrading. Id-dikjarazzjoni kienet tindika l-Pakistan bħala l-pajjiż ta’ oriġini tal-merkanzija. Din kienet akkumpanjata minn ċertifikat ta’ oriġini maħruġ mill-Karachi Chamber of Commerce and Industry fil-5 ta’ Novembru 2007.

    6

    Fil-21 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi ħadu xi kampjuni tal-merkanzija. Fl-istess jum, dawn l-awtoritajiet irrikjedew il-kostituzzjoni ta’ garanzija addizzjonali, minħabba dubji li huma kellhom fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini ddikjarat. Peress li Unitrading ikkostitwixxiet din il-garanzija, fis-26 ta’ Novembru 2007 l-imsemmija awtoritajiet awtorizzaw ir-rilaxx tal-merkanzija. Il-laboratorju doganali ta’ Amsterdam (il-Pajjizi l-Baxxi) madankollu ordna l-eżami, skont metodu msejjaħ “ICP/MS [Inductively coupled plasma mass spectroscopy] b’riżoluzzjoni għolja”, ta’ parti minn kull wieħed mill-kampjuni (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“subkampjuni”) minn laboratorju tal-US Department of Homeland Security, Customs and Border Protection (uffiċċju doganali u tal-protezzjoni tal-fruntieri tal-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna (iktar ’il quddiem il-“laboratorju Amerikan”). Dan tal-aħħar b’mod partikolari indika, f’ittra tat-8 ta’ Jannar 2008, li kienet teżisti probabbiltà ta’ mill-inqas 98 % li l-prodott inkwistjoni huwa tewm Ċiniż.

    7

    Fuq talba ta’ Comex, parti oħra minn kull wieħed mill-kampjuni ntbagħtet lil-laboratorju Amerikan li, wara analiżi, ikkonferma l-konstatazzjonijiet preċedenti tiegħu. Għall-kuntrarju, il-proposta ta’ Comex intiża sabiex il-merkanzija tiġi eżaminata fil-Pakistan, bi spejjeż tal-kumpannija li f’isimha ġiet importata l-merkanzija fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġiet miċħuda mill-awtoritajiet doganali.

    8

    Il-laboratorju doganali ta’ Amsterdam ikkomunika r-riżultati tal-analiżi l-ġodda lid-dipartimenti tal-uffiċċju doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonċernat. Huwa informa wkoll lil dan tal-aħħar li l-kumplament tal-kampjuni analizzati ma kinux ser jinżammu fil-bini tiegħu iżda li xi kontrokampjuni kienu ser jinżammu f’maħżen ċentrali sat-30 ta’ Mejju 2009, u Unitrading ġiet informata b’dan fil-11 ta’ Ġunju 2008. Fit-2 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet doganali kkonkludew li l-merkanzija kienet toriġina miċ-Ċina.

    9

    Fid-19 ta’ Diċembru 2008, inħareġ avviż ta’ impożizzjoni ta’ dazji doganali (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ impożizzjoni kontenzjuż”) u ġie nnotifikat lil Unitrading. Fid-dawl tal-fatt allegat li l-merkanzija kienet ġejja miċ-Ċina, ġew imposti dazji addizzjonali ta’ ammont ta’ EUR 1 200 għal kull 1000 kilogramm, jiġifieri EUR 98 870.40.

    10

    Unitrading ippreżentat ilment kontra l-avviż ta’ impożizzjoni kontenzjuż, fejn ikkontestat l-analiżi mwettqin mil-laboratorju Amerikan. Meta mistoqsi mil-laboratorju doganali ta’ Amsterdam, il-laboratorju Amerikan, permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2009, indika li l-subkampjuni kienu tqabblu mal-informazzjoni li tinsab fid-databases tiegħu dwar il-pajjiż ta’ oriġini ddikjarat, jiġifieri l-Pakistan, u dwar il-pajjiż ta’ oriġini ssuspettat, jiġifieri ċ-Ċina. Fix-xahar ta’ Marzu 2009, il-laboratorju Amerikan barra minn hekk informa lil-laboratorju doganali ta’ Amsterdam li fil-kampjuni tal-merkanzija kienu nstabu iktar minn ħmistax-il element traċċa. Madankollu, huwa rrifjuta li jiżvela informazzjoni dwar ir-reġjuni taċ-Ċina u tal-Pakistan li kienu tqabblu, minħabba li kienet data sensittiva li l-aċċess għaliha kien ristrett mil-liġi.

    11

    F’rapport tal-missjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009, dwar investigazzjoni mwettqa fiċ-Ċina dwar ċertu numru ta’ kunsinni ta’ tewm frisk li kienu saru lejn ir-Renju Unit, lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u lejn il-Belġju, u li għalihom il-pajjiżi ta’ oriġini ddikjarat kien il-Pakistan filwaqt li kien hemm suspett li l-merkanzija kienet toriġina miċ-Ċina, l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) wasal għall-konklużjoni li kien hemm raġunijiet solidi sabiex wieħed jaħseb li l-pajjiż ta’ provenjenza ma kienx il-Pakistan iżda ċ-Ċina.

    12

    Billi l-avviż ta’ impożizzjoni kontenzjuż ġie kkonfermat, f’dawn il-kundizzjonijiet, mill-awtoritajiet doganali, Unitrading adixxiet lir-Rechtbank te Haarlem (Tribunal ta’ Haarlem) li, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2010, iddikjara infondata l-azzjoni mibdija kontra din l-aħħar deċiżjoni. Unitrading appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), li, fl-10 ta’ Mejju 2012, ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu wrew li l-merkanzija kienet toriġina mhux mill-Pakistan, iżda miċ-Ċina. Barra minn hekk il-Gerechtshof te Amsterdam ippreċiżat li fid-data tas-seduta quddiemha, kienu għadhom jinsabu xi subkampjuni tal-merkanzija li setgħu jservu għal kontroperizja eventwali. Unitrading ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Jekk jingħad li l-awtoritajiet doganali jixtiequ, fil-kuntest tal-prova tal-oriġini ta’ merkanzija importata, jibbażaw ruħhom fuq ir-riżultati ta’ eżamijiet imwettqa minn terz, li dwarhom dan it-terz jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni addizzjonali, sew lill-awtoritajiet doganali jew [lil] dak li jagħmel id-dikjarazzjoni, b’tali mod li tiġi ostakolata jew li jkun impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tal-konklużjonijiet użati, kif ukoll b’mod li l-qorti tiġi ostakolata fl-evalwazzjoni li hija għandha twettaq tar-riżultati tal-eżamijiet, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta [...] jimplikaw li l-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija riżultati? Huwa rilevanti, għall-eżami ta’ din id-domanda, li t-terz inkwistjoni jkun ċaħħad lill-awtoritajiet doganali u lill-persuna kkonċernata mill-informazzjoni inkwistjoni għar-raġuni, li huwa ma ssostanzjax, li din l-informazzjoni hija sensittiva fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-liġijiet (law enforcement sensitive)?

    2)

    Jekk jingħad li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jagħtu informazzjoni addizzjonali rigward l-eżamijiet li saru u li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tagħhom li l-merkanzija inkwistjoni ġejja minn pajjiż speċifiku — konklużjoni li kienet is-suġġett ta’ kontestazzjoni mmotivata —, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta jimplikaw li l-awtoritajiet doganali — sa fejn huwa raġjonevoli li huma jintalbu jagħmlu dan — għandhom jikkooperaw fil-kuntest tat-talba tal-persuna kkonċernata sabiex jiġi ordnat li jsiru, bi spejjeż tagħha, eżamijiet u/jew ġbir ta’ kampjuni fil-pajjiż iddikjarat minnha bħala l-pajjiż ta’ oriġini?

    3)

    Huwa rilevanti, għall-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda, li wara n-notifika tad-dazji doganali dovuti, parti mill-kampjuni tal-merkanzija nżammu tul ċertu żmien, kampjuni li l-persuna kkonċernata setgħet tuża għall-finijiet ta’ verifiki permezz ta’ laboratorju ieħor, anki jekk ir-riżultat ta’ tali verifiki bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li l-konstatazzjonijiet tal-laboratorju kkonsultat mill-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiġu vverifikati, b’tali mod li, f’tali każ ukoll, ikun impossibbli għall-qorti — fil-każ li l-labortorju l-ieħor jikkonkludi li l-oriġini hija l-istess bħal dik iddikjarata mill-persuna kkonċernata — li tagħmel paragun bejn il-konklużjonijiet taż-żewġ laboratorji fuq il-livell tal-affidabbiltà tagħhom? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, l-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ porzjonijiet ta’ kampjuni ta’ merkanzija miżmuma u bil-fatt li hija tista’ titlobhom għall-finijiet tal-imsemmija verifiki?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    14

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-prova, mill-awtoritajiet doganali, tal-oriġini tal-merkanzija importata tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ analiżi magħmulin minn terz, li dwarhom dan it-terz jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni addizzjonali, sew lill-awtoritajiet doganali jew lil dak li jagħmel id-dikjarazzjoni, b’tali mod li tiġi ostakolata jew li jkun impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tal-konklużjonijiet użati.

    15

    Skont Unitrading, l-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, il-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti bl-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363), diġà ddeċidiet li, jekk ikun neċessarju li ċerta informazzjoni ma tiġix trażmessa lill-persuna kkonċernata, minħabba b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Istat, il-qorti nazzjonali għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u għandha timplementa tekniki u regoli tad-dritt tal-proċedura li jippermettu li jiġu kkonċiljati dawn il-kunsiderazzjonijiet u d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    16

    Il-gvern Ċek jenfasizza li jekk l-awtoritajiet doganali jkollhom l-intenzjoni jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-fatt li l-indikazzjoni, minn dikjarant, tal-pajjiż ta’ oriġini ma tikkorrispondix mar-realtà, għandu jkollhom l-oneru tal-prova ta’ din l-allegazzjoni. Huwa biss rapport ta’ analiżi li minnu jirriżulta b’mod ċar liema proċedura intużat u għal liema riżultat din wasslet, b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet doganali jevalwaw il-kredibbiltà u r-rilevanza tar-riżultati u tippermetti lill-persuna kkonċernata ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar dawn ir-riżultati, li jista’ jkollu l-valur ta’ prova.

    17

    Il-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li la l-awtoritajiet doganali, la Unitrading u lanqas il-qorti tar-rinviju ma setgħu jsiru jafu b’mod sħiħ id-dettalji kollha tal-analiżi mwettqin mil-laboratorju Amerikan. Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-affidabbiltà ta’ dan il-laboratorju, dawn l-awtoritajiet setgħu b’mod leġittimu jikkunsidraw li r-rapporti dwar ir-riżultati ta’ analiżi kienu jikkostitwixxu prova suffiċjenti. L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha. Issa, fil-kawża prinċipali dan ir-rekwiżit ġie osservat.

    18

    Il-gvern tar-Renju Unit isostni li, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, skont l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċedura għall-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni tal-awtorità doganali nazzjonali sfavorevoli għall-persuna kkonċernata. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-punti 57 sa 66 tas-sentenza ZZ (EU:C:2013:363), distinzjoni bejn ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni amministrattiva u l-provi għal dawn ir-raġunijiet, u hija ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, u sa fejn, restrizzjonijiet għad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minn nuqqas ta’ żvelar tal-provi huma ta’ natura li jinfluwenzaw is-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi.

    19

    Skont il-Kummissjoni Ewropea, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-mezzi ta’ prova kollha li d-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri jaċċettaw fi proċeduri analogi għal dik prevista fl-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali huma, bħala prinċipju, ammissibbli. Madankollu, mill-punti 62 sa 67 tas-sentenza ZZ (EU:C:2013:363) jirriżulta li huma l-awtoritajiet doganali kompetenti li għandhom jagħtu prova li t-twettiq ta’ għanijiet importanti ta’ interess ġenerali għall-Istati Membri jkun kompromess mill-iżvelar ta’ provi preċiżi u sħaħ li jappoġġjaw il-legalità tad-deċiżjoni tagħhom.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit bl-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, minn naħa, li l-parti kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha, sew mill-qari tad-deċiżjoni stess, sew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet imwettqa fuq talba tagħha, sabiex jippermettilha tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti. Min-naħa l-oħra, il-qorti kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi lill-awtorità inkwistjoni tikkomunikalha dawn ir-raġunijiet, sabiex ikun possibbli għaliha li b’mod sħiħ teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ZZ, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti bl-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Fil-fatt, ikun hemm ksur tad-dritt fundamentali għal azzjoni ġudizzjarja effettiva jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda mill-partijiet, ma setgħux isiru jafu bihom u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (sentenza ZZ, EU:C:2013:363, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Madankollu ma jidhirx li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prinċipji msemmija fil-punti 20 u 21 tas-sentenza preżenti nkisru. Fil-fatt, mid‑deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Unitrading kienet taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha, li hija saret taf bid-dokumenti u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti li bl-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li hija setgħet tiddiskutihom quddiemha.

    23

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-riżultati ta’ analiżi pprovduti mil-laboratorju Amerikan jikkostitwixxu sempliċi mezz ta’ prova li kemm l-awtoritajiet doganali kif ukoll il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li ħadu wkoll inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-provi mressqa minn Unitrading, setgħu jqisu bħala suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-veru oriġini tal-merkanzija. Issa, kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-mezzi ta’ prova kollha li d-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri jaċċettaw fi proċeduri analogi għal dik prevista fl-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali huma, bħala prinċipju, ammissibbli [sentenza Sony Supply Chain Solutions (Europe), C‑153/10, EU:C:2011:224, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    24

    L-ammissibiltà ta’ tali mezz ta’ prova, anki fl-ipoteżi fejn dan ikun importanti, u saħansitra determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża kkonċernata, ma jistax jiġi kkontestat mis-sempliċi fatt li dan il-mezz ta’ prova ma jistax jiġi vverifikat totalment, la mill-parti kkonċernata u lanqas mill-qorti adita, kif dan jidher li huwa l-każ fir-rigward tar-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju Amerikan fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minkejja li, f’tali ipoteżi, il-parti kkonċernata ma tistax tivverifika b’mod sħiħ l-eżattezza ta’ dan ir-riżultati tal-analiżi, madankollu hija ma tinsabx f’sitwazzjoni li tista’ tixxiebah ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza ZZ (EU:C:2013:363), fejn kemm l-awtorità nazzjonali kkonċernata kif ukoll il-qorti adita b’azzjoni kontra d-deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar kienu rrifjutaw, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża, li jikkomunikaw lill-parti kkonċernata r-raġunijiet preċiżi u sħaħ li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha.

    25

    Lanqas ma jidher li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva nkiser fil-kawża prinċipali peress li l-qrati aditi sussegwentement ma jidhrux li huma marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, mill-evalwazzjoni tal-fatti u, b’mod partikolari, mill-mezzi ta’ prova mwettqa mill-awtorità doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 61).

    26

    Fil-fatt, sa fejn ir-rilevanza ta’ mezz ta’ prova mhux totalment verifikabbli mill-partijiet kollha fil-proċedura kif ukoll mill-qorti adita bil-kawża, bħalma huwa l-każ fir-rigward tar-riżultati ta’ analiżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi validament ikkontestata mill-parti kkonċernata, b’mod partikolari billi ssostni li dan il-mezz ta’ prova jista’ jikkostitwixxi biss prova indiretta tal-fatti allegati u billi tressaq elementi oħra li jistgħu jappoġġjaw l-affermazzjonijiet diverġenti tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, fil-prinċipju ma huwiex miksur. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentati matul is-seduta, il-qrati aditi sussegwentement fil-kawża prinċipali jidhru li huma liberi fl-evalwazzjoni tagħhom tar-rilevanza tal-mezzi ta’ prova ppreżentati quddiemhom.

    27

    Billi l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi, f’dan il-kuntest, li d-dispożizzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża prevista fl-Artikolu 243 ta’ dan il-kodiċi huma stabbiliti mill-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull wieħed minn dawn tal-aħħar li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ dawn l-azzjonijiet, sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw tressiq ta’ kawżi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu wkoll f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Direct Parcel Distribution Belgium, C‑264/08, EU:C:2010:43, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Sabiex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-fatt li hija l-persuna li għandha tħallas id-dejn doganali li għandha l-oneru tal-prova tal-oriġini tal-merkanzija ddikjarata, sa fejn din għandha tiċħad ir-rilevanza ta’ mezz ta’ prova indirett użat mill-awtoritajiet doganali, jista’ jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni ta’ tali prova minħabba b’mod partikolari li din tkun tirrigwarda data li l-persuna taxxabbli ma jistax ikollha, hija obbligata tagħmel użu mill-mezzi proċedurali kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mid-dritt nazzjonali, fejn fosthom jinsab dak li tordna l-miżuri struttorji neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Direct Parcel Distribution Belgium, EU:C:2010:43, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Madankollu, sa fejn il-qorti nazzjonali, wara li tkun għamlet użu mill-mezzi proċedurali kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mid-dritt nazzjonali, tikkonkludi li l-oriġini vera tal-merkanzija kkonċernata hija waħda differenti minn dik iddikjarata, u li l-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali, jew saħansitra multa, lid-dikjarant hija għaldaqstant ġustifikata, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li deċiżjoni f’dan is-sens tiġi adottata mill-imsemmija qorti.

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-prova tal-oriġini tal-merkanzija importata, prodotta mill-awtoritajiet doganali abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali, tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ analiżi mwettqa minn terz, li dwarhom dan it-terz jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni addizzjonali sew lill-awtoritajiet doganali jew lil min jagħmel id-dikjarazzjoni doganali, b’tali mod li tiġi ostakolata jew li jkun impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tal-konklużjonijiet użati, sakemm il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jiġu osservati. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    31

    Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u jekk wieħed jippresupponi li ma huwiex possibbli għall-awtoritajiet doganali li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-analiżi kkonċernati, l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet li huwa jistabbilixxi jimplikaw li l-awtoritajiet doganali għandhom jilqgħu talba tal-persuna kkonċernata intiża sabiex, bi spejjeż tagħha, jitwettqu analiżi tal-merkanzija inkwistjoni fil-pajjiż iddikjarat bħala l-pajjiż ta’ oriġini. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex rilevanti li partijiet mill-kampjuni tal-merkanzija kienu nżammu għal ċertu żmien, partijiet mill-kampjuni li l-persuna kkonċernata setgħet tagħmel użu minnhom għall-finijiet ta’ verifiki minn laboratorju ieħor u, jekk tingħata risposta affermattiva, jekk l-awtoritajiet doganali kellhomx jinformaw lill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ subkampjuni tal-merkanzija miżmuma kif ukoll bil-fatt li hija tista’ titlob li dawn jingħatawlha għall-finijiet tal-imsemmija verifiki.

    32

    Sabiex tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 47 tal-Karta bħala prinċipju ma jipprekludix li l-prova tal-oriġini tal-merkanzija importata, prodotta mill-awtoritajiet doganali abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali, tistrieħ fuq riżultati ta’ analiżi mwettqa minn terzi u li huwa impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tagħha, sakemm il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jiġu osservati.

    33

    It-tieni nett, mill-punt 27 tas-sentenza preżenti jirriżulta, minn naħa, li huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività), u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu wkoll f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ prova.

    34

    Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma totalment applikabbli għat-tieni u t-tielet domandi. Konsegwentement, minkejja n-neċessità, għall-Istati Membri, li josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, il-kwistjoni ta’ jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali għandhomx jilqgħu talba tal-parti kkonċernata sabiex jitwettqu analiżi f’pajjiż terz, ir-rilevanza, f’dan il-każ, tal-fatt li xi partijiet ta’ kampjuni ta’ merkanzija nżammu għal ċertu żmien, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx jinformaw lill-parti ikkonċernata bih, għandhom jiġu evalwati abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali.

    35

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, u jekk wieħed jippresupponi li l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar l-analiżi kkonċernati, il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx jilqgħu talba tal-parti kkonċernata sabiex jitwettqu, bi spejjeż tagħha, analiżi fil-pajjiż iddikjarat bħala l-pajjiż ta’ oriġini, kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk huwiex ta’ rilevanza li xi partijiet tal-kampjuni tal-merkanzija nżammew matul ċertu żmien, li l-parti kkonċernata setgħet tagħmel użu minnhom għall-finijiet ta’ verifiki minn laboratorju ieħor u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx jinformaw lill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ subkampjuni ta’ merkanzija miżmuma u bil-fatt li hija tista’ titlob li jingħatawlha għall-finijiet tal-imsemmija verifiki, għandhom jiġu evalwati abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-prova tal-oriġini tal-merkanzija importata, prodotta mill-awtoritajiet doganali abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali, tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ analiżi mwettqa minn terz, li dwarhom dan it-terz jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni addizzjonali sew lill-awtoritajiet doganali jew lil min jagħmel id-dikjarazzjoni doganali, b’tali mod li tiġi ostakolata jew li jkun impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tal-konklużjonijiet użati, sakemm il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jiġu osservati. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

     

    2)

    F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, u jekk wieħed jippresupponi li l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar l-analiżi kkonċernati, il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx jilqgħu talba tal-parti kkonċernata sabiex jitwettqu, bi spejjeż tagħha, analiżi fil-pajjiż iddikjarat bħala l-pajjiż ta’ oriġini, kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk huwiex ta’ rilevanza li xi partijiet tal-kampjuni tal-merkanzija nżammew matul ċertu żmien, li l-parti kkonċernata setgħet tagħmel użu minnhom għall-finijiet ta’ verifiki minn laboratorju ieħor u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-awtoritajiet doganali għandhomx jinformaw lill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ subkampjuni ta’ merkanzija miżmuma u bil-fatt li hija tista’ titlob li jingħatawlha għall-finijiet tal-imsemmija verifiki, għandhom jiġu evalwati abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top