This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0401
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 22 January 2015.#Vasiliki Balazs v Casa Judeţeană de Pensii Cluj and Casa Judeţeană de Pensii Cluj v Attila Balazs.#Requests for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Cluj.#References for a preliminary ruling — Social security for migrant workers — Regulation (EEC) No 1408/71 — Article 7(2)(c) — Applicability of social security conventions between Member States — Repatriated refugee whose country of origin is a Member State — Completion of periods of employment in the territory of another Member State — Application for grant of an old-age benefit — Refusal.#Joined Cases C-401/13 and C-432/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta’ Jannar 2015.
Vasiliki Balazs u Casa Judeţeană de Pensii Cluj vs Casa Judeţeană de Pensii Cluj u Attila Balazs.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 7(2)(ċ) — Applikabbiltà tal-ftehim dwar is-sigurtà soċjali bejn Stati Membri — Refuġjat rimpatrijat li joriġina minn Stat Membru — Twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Talba għall-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija — Rifjut.
Kawżi magħquda C-401/13 u C-432/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta’ Jannar 2015.
Vasiliki Balazs u Casa Judeţeană de Pensii Cluj vs Casa Judeţeană de Pensii Cluj u Attila Balazs.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 7(2)(ċ) — Applikabbiltà tal-ftehim dwar is-sigurtà soċjali bejn Stati Membri — Refuġjat rimpatrijat li joriġina minn Stat Membru — Twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Talba għall-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija — Rifjut.
Kawżi magħquda C-401/13 u C-432/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:26
** AFFAIRE C-401/13 **
*A9* Curtea de Apel Cluj, Secția I Civilă, Încheiere din 02/07/2013 (10389/117/2011)
** AFFAIRE C-432/13 **
*A9* Curtea de Apel Cluj, Secția I Civilă, Încheiere din 27/06/2013 (10388/117/2011)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Jannar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 7(2)(ċ) — Applikabbiltà tal-ftehim dwar is-sigurtà soċjali bejn Stati Membri — Refuġjat rimpatrijat li joriġina minn Stat Membru — Twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Talba għall-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija — Rifjut”
Fil-Kawżi magħquda C‑401/13 u C‑432/13,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Lulju u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis‑16 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Lulju 2013, fil-proċeduri
Vasiliki Balazs
vs
Casa Judeţeană de Pensii Cluj (C‑401/13),
u
Casa Judeţeană de Pensii Cluj
vs
Attila Balazs (C‑432/13),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal V u A. Balazs, minn S. Dima u A. Muntean, avukati, |
— |
għall-Gvern Rumen, minn R. Radu kif ukoll minn u R. Haţieganu, E. Gane u A.-L. Crişan, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn E.‑M. Mamouna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u C. Gheorghiu, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, Vasiliki Balazs u l-Casa Judeţeană de Pensii Cluj [fond dipartimentali tal-pensjonijiet ta’ Cluj (ir-Rumanija), iktar ’il quddiem il-“Casa Judeţeană de Pensii”] u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar kontra Attila Balazs, fir-rigward tal-għoti ta’ pensjonijiet tax-xjuħija lil A. u lil V. Balazs (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konjuġi Balazs”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi: “Suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7, 8 u 46(4) dan ir-Regolament jirrimpjazza, fejn jidħlu persuni u materji li jkopri, id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe konvenzjoni tas-sigurtà soċjali li torbot:
[...]” |
4 |
L-Artikolu 7(2)(a)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 minkejja, li dan li ġej ikompli japplika: [...]
|
5 |
L-Artikolu 94(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Ebda dritt ma jkun akkwistat taħt dan ir-Regolament fejn jidħol perjodu qabel l‑[1] ta’ Ottubru 1972 jew għad-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat jew f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat. 2. Il-perjodi kollha ta’ l-assigurazzjoni, fejn xieraq, il-perjodi kollha ta’ l-impjieg jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel l‑1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat jittieħdu inkonsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet akkwistati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.” |
6 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal‑21 ta’ Marzu 1972, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta b’mod partikolari mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), jiffissa l-modalitajiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. |
Il-Ftehim bilaterali
7 |
Il-Ftehim bilaterali bejn il-Gvern Grieg u dak Rumen, konkluż fit‑23 ta’ Frar 1996, dwar il-ħlas definittiv tal-kumpens tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tar-refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati tar-Rumanija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim bilaterali”) ma huwiex inkluż fl-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71. |
8 |
L-Artikolu 1(a) u (e) tal-Ftehim bilaterali jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “persuna rimpatrijata” u ta’ “perjodu ta’ assigurazzjoni” kif ġej:
[...]
|
9 |
L-Artikolu 2 tal-Ftehim bilaterali jipprovdi li: “1. Il-partijiet kontraenti jirregolaw il-kumpens tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-persuni rimpatrijati b’mod konformi mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu u l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim. 2. Il-parti Rumena timpenja ruħha li tħallas lill-parti Griega somma f’daqqa bħala kumpens għall-ħlas tal-pensjonijiet u l-kopertura tal-perjodu ta’ assigurazzjoni tal-persuni rimpatrijati mill-parti Griega. 3. Il-parti Griega timpenja ruħha li tħallas il-pensjonijiet tal-persuni rimpatrijati rtirati u li tirrikonoxxi l-perijodu ta’ assigurazzjoni li jkunu għamlu fir-Rumanija l-persuni rimpatrijati assigurati, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Griega dwar is-sigurtà soċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10 |
Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-Ftehim bilaterali jammonta, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, għal 15-il miljun dollaru Amerikan (USD). |
11 |
Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim bilaterali, “[w]ara l-ħlas tas-somma ta’ USD 15-il miljun, għandu jintemm kull obbligu mill-parti Rumena fir-rigward tad-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali tar-refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Il-konjuġi Balazs huma ċittadini Griegi li għandhom il-kwalità ta’ refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati. Huma ddomiċiljati f’Tessaloniki (il-Greċja). |
13 |
Matul is-sena 1948, A. u V. Balazs, li kellhom 7 u 9 snin rispettivament, marru jgħixu r-Rumanija fejn ingħataw l-istatus ta’ refuġjati politiċi. Huma kkontribwew mas-sistema pubblika tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru rispettivament għal 34 sena, 7 xhur u 6 ijiem u għal 28 sena. Huma ġew irrimpatrijati fil-Greċja fit-18 ta’ Awwissu 1990. |
14 |
Matul is-sena 1998, il-konjuġi Balazs talbu lill-awtoritajiet Griegi għar-rikonoxximent tal-perijodi tagħhom ta’ xogħol imwettqa fir-Rumanija. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Settembru 1998, dawn l-awtoritajiet ikkunsidraw li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn A. u V. Balazs fir-Rumanija kienu jikkorrispondu rispettivament għal 9382 u għal 8351 ġurnata ta’ kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali. Fir-rigward ta’ dawn il-perjodi, dawn l-awtoritajiet irrikonoxxew biss 4500 ġurnata għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet. |
15 |
Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet Griegi sussegwentement taw pensjonijiet tax-xjuħija lill-konjuġi Balazs. |
16 |
Fir-rigward ta’ V. Balazs, il-pensjoni mogħtija lilha ġiet ikkalkolata abbażi ta’ perijodu totali ta’ assigurazzjoni ta’ 6993 ġurnata ta’ xogħol, li minnhom 4500 ġurnata ġew irrikonoxxuti abbażi tal-perijodu ta’ ħidma tagħha fir-Rumanija u 2 493 ġurnata abbażi ta’ impjieg fil-Greċja. Il-pensjoni għal kull xahar hekk ikkalkolata kienet tammonta għal GRD 136 910 (madwar EUR 390). |
17 |
Fir-rigward ta’ A. Balazs, il-pensjoni li ngħatatlu ġiet ikkalkolata abbażi ta’ perijodu totali ta’ assigurazzjoni ta’ 7733 ġurnata, li minnhom 4500 ġurnata ġew rikonoxxuti abbażi tal-perijodu ta’ xogħol tiegħu fir-Rumanija u 3233 ġurnata abbażi ta’ impjieg fil-Greċja. Il-pensjoni għal kull xahar hekk ikkalkolata kienet tammonta għal EUR 596.99. |
18 |
Fil‑11 ta’ Ottubru u s-27 ta’ Novembru 2007, V. u A. Balazs ressqu azzjoni kull wieħed quddiem il-Casa Judeţeană de Pensii sabiex jingħataw pensjoni tax-xjuħija abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72. |
19 |
Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ottubru 2011. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Casa Judeţeană de Pensii indikat li, peress li l-konjuġi Balazs kienu meqjusa li huma refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati mill-awtoritajiet Griegi, l-awtoritajiet Rumeni, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim bilaterali, ma kellhom ebda obbligu li jagħtuhom pensjonijiet. |
20 |
V. u A. Balazs ippreżentaw rikorsi individwali kontra d-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq quddiem it-Tribunalul Cluj. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Settembru 2012, it-Tribunalul Cluj annulla dawn id-deċiżjonijiet u ordna lill-Casa Judeţeană de Pensii sabiex tadotta deċiżjonijiet ġodda li jagħtu lill-konjuġi Balazs pensjonijiet tax-xjuħija konformement mar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi totali ta’ kontribuzzjoni mwettqa mill-konjuġi fir-Rumanija. It-Tribunalul Cluj ippreċiża li dawn ir-regolamenti kienu applikabbli għat-talbiet tal-konjuġi Balazs inkwantu l-Ftehim bilaterali ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx limitata ratione temporis, ma kienx inkluż fl-Anness III ta’ dan ir-regolament u d-dispożizzjonijiet tiegħu b’mod ċar ma setgħux jitqiesu li huma iktar favorevoli għall-benefiċjarji, fejn dawn tal-aħħar talbu sabiex jibbenefikaw minn pensjonijiet bis-saħħa ta’ dan ir-regolament. |
22 |
B’eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Casa Judeţeană de Pensii adottat, fl‑20 u fis-27 ta’ Frar 2013, żewġ deċiżjonijiet ġodda li permezz tagħhom, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, tat lil V. u lil A. Balazs pensjonijiet tax-xjuħija ta’ RON 500 u 405 fix-xahar rispettivament (EUR 110 u 90). |
23 |
Id-deċiżjonijiet tat-Tribunalul Cluj kienu suġġetti għal appelli ppreżentati quddiem il-Curtea de Appel de Cluj, kemm mill-konjuġi Balazs kif ukoll mill-Casa Judeţeană de Pensii. |
24 |
Il-Casa Judeţeană de Pensii sostniet, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72 huma inapplikabbli f’dan il-każ minħabba l-Ftehim bilaterali. Konformement ma’ din tal-aħħar, kull obbligu tar-Rumanija fir-rigward tar-refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati estingwa ruħu, peress li r-Rumanija wettqet l-obbligu tagħha li tħallas USD 15-il miljun lir-Repubblika Ellenika. |
25 |
Il-konjuġi Balazs jikkontestaw il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tat‑Tribunalul Cluj u jitolbu, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-istess regolamenti, ir-rikonoxximent tad-dritt tagħhom għal pensjoni tax-xjuħija għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni li wettqu fir-Rumanija. Huma jsostnu, essenzjalment, li minħabba l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, dan l-Istat Membru għandu l-obbligu li japplika r-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72. Fil-fatt, il-Ftehim bilaterali, li huwa inqas favorevoli u ma jissemmiex fl-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71, ma jaqax taħt l-Artikolu 7(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Appel Cluj iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, ifformulata bl-istess termini fid-deċiżjonijiet tar-rinviju relatati mal-Kawżi C‑401/13 u C‑432/13: “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ftehim bilaterali konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, ftehim li permezz tiegħu dawn l-Istati ftiehmu dwar l-estinzjoni tal-obbligu dwar il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali dovuti minn Stat liċ-ċittadini tal-Istat l-ieħor li kellhom l-istatus ta’ refuġjati politiċi fit-territorju tal-ewwel Stat u li ġew rimpatrijati fit-territorju tat-tieni Stat, inkambju għall-ħlas mill-ewwel Stat ta’ somma f’daqqa għall-ħlas tal-pensjonijiet u għall-kopertura tal-perijodu li matulu tħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-ewwel Stat Membru, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom?” |
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Settembru 2013, il-Kawżi C‑401/13 u C‑432/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ sigurtà soċjali taċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati firmatarji li kellhom il-kwalità ta’ refuġjati politiċi fit-territorju tal-Istat firmatarju l-ieħor, konkluż f’data fejn kienet għadha ma seħħitx l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ wieħed miż-żewġ Stati firmatarji u li ma jirriżultax fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, jibqax applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ refuġjati politiċi rimpatrijati fl-Istat ta’ oriġini tagħhom qabel il-konklużjoni tal-ftehim bilaterali u d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. |
29 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Casa Judeţeană de Pensii tqis li r-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li l-Ftehim bilaterali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 ta’ dan tal-aħħar, li jipprovdi li kull obbligu tar-Rumanija fir-rigward tar-refuġjati politiċi Griegi ntemm, billi r-Rumanija ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas USD 15-il miljun lir-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li leġiżlazzjoni ġdida bħala prinċipju tgħodd biss għall-ġejjieni, madankollu hija tista’ japplika wkoll, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima (ara s-sentenza Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Sabiex ikun jista’ jiġi applikat ir-Regolament Nru 1408/71 għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima, l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ drittijiet għall-benefiċċju, il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Duchon, EU:C:2002:234, punt 23). |
32 |
Sa fejn ir-Regolament Nru 1408/71 daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Rumanija sa mill-adeżjoni ta’ din tal-aħħar fl-Unjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2007, dan ir-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli ratione temporis għal sitwazzjoni bħal dik tal-konjuġi Balazs, li għaldaqstant setgħu jinvokaw dan ir-regolament sa minn din id-data. |
33 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Casa Judeţeană de Pensii, il-fatt li l-Ftehim bilaterali jipprovdi li l-obbligi tar-Rumanija fir-rigward tad-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali tar-refuġjati politiċi Griegi rimpatrijati jintemmu wara l-ħlas tal-ammont ta’ USD 15‑il miljun huwa mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward. |
34 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li dan jissostitwixxi ruħu, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae kif ukoll ratione materiae tiegħu, u suġġett għal ċerti riżervi, ma’ kull ftehim ta’ sigurtà soċjali li jivvinkola żewġ Stati Membri jew iktar. Din is-sostituzzjoni għandha portata imperattiva u ma taċċetta ebda eċċezzjoni barra mill-każijiet imsemmija mir-Regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi Walder, 82/72, EU:C:1973:62, punti 6 u 7; Thévenon, C‑475/93, EU:C:1995:371, punt 15; kif ukoll Rönfeldt, C‑227/89, EU:C:1991:52, punt 22). |
35 |
Fost l-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71, tirriżulta dik imsemmija fl-Artikolu 7(2)(ċ) li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jibqgħu fis-seħħ, minkejja l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (sentenzi Habelt et, C‑396/05, EU:C:2007:810, punt 87, kif ukoll Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 35), u bil-kundizzjoni li l-imsemmija ftehimiet ikunu iktar favorevoli għall-benefiċjarji jew li huma jirriżultaw minn ċirkustanzi storiċi speċifiċi u li jkollhom effett limitat fiż-żmien. |
36 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Ftehim bilaterali ma jirriżultax fl-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li r-Regolament Nru 1408/71, konformement mal-Artikolu 6(a) tiegħu, bħala prinċipju ssostitwixxa lilu nnifsu ma’ dan il-ftehim. |
37 |
Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Rumen jinvokaw, madankollu, is-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52) sabiex isostnu li, minkejja l-kliem tal-Artikoli 6 u 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Ftehim bilaterali baqa’ applikabbli. |
38 |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, li, fil-każ ta’ ħaddiema migranti, il-ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà soċjali għandhom ikomplu japplikaw wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71, indipendentement mill-punt dwar jekk huma jirriżultawx jew le fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, meta din l-applikazzjoni tkun iktar favorevoli għall-ħaddiem. |
39 |
Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52) humiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
40 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie osservat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ sostituzzjoni stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu portata imperattiva u bħala prinċipju ma jippermetti ebda eċċezzjoni. |
41 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52) jistrieħu fuq l-idea li l-persuna kkonċernata kellha dritt għal aspettattivi leġittimi fil-fatt li tista’ tgawdi mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali li kien applikabbli għaliha biss fid-data fejn hija ddeċidiet li tiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kaske, C‑277/99, EU:C:2002:74, punt 27). |
42 |
Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkaratterizzati mill-fatt li l-persuni kkonċernati ħallew ir-Rumanija għall-Greċja fl‑1990, jiġifieri sitt snin qabel ma ġie konkluż il-Ftehim bilaterali, dawn il-persuni kkonċernati ma setax ikollhom aspettattivi leġittimi fil-fatt li jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bilaterali, peress li dan kien għadu ma ġiex konkluż fid-data tar-rimpatrijament tagħhom fil-Greċja. |
43 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, il-konjuġi Balazs ma jitolbux li jibbenefikaw mill-Ftehim bilaterali. Bil-kontra, huma jixtiequ li r-Regolament Nru 1408/71 jiġi applikat fil-konfront tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Rumen ma jistax jinvoka s-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52) sabiex jipprova li dan il-ftehim għadu japplika għas-sitwazzjoni tagħhom. |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52), li jippermettu li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/81 sabiex ikompli jiġi applikat Ftehim bilaterali li għalih normalment issostitwixxa ruħu dan ir-regolament, ma humiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
45 |
Minn dan jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ sigurtà soċjali taċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati firmatarji li kellhom il-kwalità ta’ refuġjati politiċi fit-territorju tal-Istat firmatarju l-ieħor, konkluż f’data fejn kien għad ma hemmx adeżjoni fl-Unjoni ta’ wieħed miż-żewġ Stati firmatarji u li ma jirriżultax fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, ma jibqax applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ refuġjati politiċi rimpatrijati fl-Istat ta’ oriġini tagħhom qabel il-konklużjoni tal-ftehim bilaterali u d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. |
Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza
46 |
Il-Gvern Rumen jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tiddeċiedi li l-Ftehim bilaterali ma jaqax taħt il-portata tal-eċċezzjoni stabbilita fl‑Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, li l-effetti tas-sentenza tagħha jiġu limitati ratione temporis. |
47 |
Insostenn tat-talba tiegħu, l-imsemmi gvern isostni, minn naħa, li l-awtoritajiet Rumeni aġixxew in bona fede. Fil-fatt, qabel kollox, il-pożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar hija bbażata fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Rönfeldt (EU:C:1991:52). Sussegwentement, għalkemm il-Kummissjoni ressqet proċeduri ta’ ksur kontra r-Rumanija, sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament Nru 1408/71, il-pożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kienet kostanti u l-Kummissjoni ma għamlitx reazzjoni għat-talba tal-imsemmi Stat li torganizza konsultazzjonijiet tekniċi u li twettaq miżuri fil-konfront tal-awtoritajiet Griegi. Barra minn hekk, il-bona fede tal-awtoritajiet Rumeni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-fatt li l-Istati Membri l-oħra, quddiem problemi simili, aċċettaw li japplikaw ir-Regolament Nru 1408/71, peress li l-ftehimiet konklużi mir-Repubblika Ellenika ma’ dawn l-Istati l-oħra kienu differenti minn dak konkluż bejnha u r-Rumanija. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Rumeni wettqu miżuri fil-konfront tal-awtoritajiet Griegi sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni. |
48 |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Rumen jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi finanzjarji serji li tagħti lok l-applikazzjoni retroattiva tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-estimi tal-Casa Națională de Pensii Publice (fond nazzjonali tal-pensjonijiet pubbliċi), is-somma supplimentari li kellha titħallas tammonta għal RON 38 560 683 (madwar EUR 8 680 537). Il-Gvern Rumen jenfasizza wkoll li attwalment hemm madwar 800 talbiet analogi għal dawk tal-konjuġi Balazs li huma pendenti. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil regola ta’ dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li titressaq quddiem il-qrati kompetenti kontroversja dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola (ara s-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-bona fede tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, EU:C:2012:286, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Iktar speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu ta’ din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fede abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-persuni kkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, EU:C:2012:286, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 98 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Rumen ma weriex l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji. Fil-fatt, għalkemm il-gvern jikkonstata 800 rikorsi analogi għal dawk tal-konjuġi Balazs, huwa mkien ma jsemmi n-numru totali ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imsemmija konjuġi. Barra minn hekk, dan il-gvern ma speċifikax jekk l-ammont ta’ RON 38 560 683 ikoprix ukoll it‑800 rikorsi analogi attwalment pendenti. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex affettwati minn limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 144). |
53 |
Peress li t-tieni kriterju msemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza ma ġiex issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk ġiex issodisfatt il-kriterju relatat mal-bona fede tal-persuni kkonċernati. |
54 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ sigurtà soċjali taċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati firmatarji li kellhom il-kwalità ta’ refuġjati politiċi fit-territorju tal-Istat firmatarju l-ieħor, konkluż f’data fejn kien għad ma hemmx adeżjoni fl-Unjoni ta’ wieħed miż-żewġ Stati firmatarji u li ma jirriżultax fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, ma jibqax applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ refuġjati politiċi rimpatrijati fl-Istat ta’ oriġini tagħhom qabel il-konklużjoni tal-ftehim bilaterali u d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.