Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0286

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Marzu 2015.
    Dole Food Company, Inc. u Dole Fresh Fruit Europe, anciennement Dole Germany OHG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-banana – Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Motivazzjoni tardiva – Preżentazzjoni tardiva tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Prinċipji li jirregolaw l-istabbiliment tal-fatti – Żnaturament tal-fatti – Evalwazzjoni tal-provi – Struttura tas-suq – Obbligu għall-Kummissjoni li tippreċiża l-aspetti tal-iskambju tal-informazzjoni li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan – Oneru tal-prova – Kalkolu tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ sussidjarji mhux involuti fil-ksur – Għadd doppju ta’ bejgħ tal-istess banana.
    Kawża C-286/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:184

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

     

    It-talbiet tal-partijiet

     

    Fuq l-appell

     

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba żbalji proċedurali

     

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, marbuta mal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni li tinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi li jinsabu fil-fajl amministrattiv

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar l-ammissibbiltà ta’ prova mressqa mill-kumpanniji Dole waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-Anness C.7 tar-replika bħala inammissibbli

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, dwar il-ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet

     

    Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju, dwar l-istabbiliment tal-fatti mill-Qorti Ġenerali

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti marbut mal-kuntest ekonomiku tal-ksur

     

    L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni insuffiċjenti tal-provi

     

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ motivi insuffiċjenti li jippermettu li jiġi kkonfermat il-kalkolu tal-ishma tas-suq imwettaq mill-Kummissjoni

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni preċiża ta’ aspetti tal-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel u ta’ fatturi ta’ pprezzar li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq ir-raba’ parti tat-tielet aggravju, dwar ir-responsabbiltà tal-impjegati involuti fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel

     

    Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, marbuta mal-klassifikazzjoni tal-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-multa

     

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lil kumpanniji li ma kinux involuti fl-allegat ksur

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ ċertu bejgħ

     

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

     

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq l-ispejjeż

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Motivazzjoni tardiva — Preżentazzjoni tardiva tal-provi — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet — Prinċipji li jirregolaw l-istabbiliment tal-fatti — Żnaturament tal-fatti — Evalwazzjoni tal-provi — Struttura tas-suq — Obbligu għall-Kummissjoni li tippreċiża l-aspetti tal-iskambju tal-informazzjoni li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan — Oneru tal-prova — Kalkolu tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ sussidjarji mhux involuti fil-ksur — Għadd doppju ta’ bejgħ tal-istess banana”

    Fil-Kawża C‑286/13 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013,

    Dole Food Company, Inc., stabbilita f’Westlake Village (l-Istati Uniti),

    Dole Fresh Fruit Europe, li qabel kienet Dole Germany OHG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn J.-F. Bellis, avukat,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2014,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Dole Food Company, Inc. (iktar ’il quddiem “Dole Food”), u Dole Fresh Fruit Europe, li qabel kienet Dole Germany OHG (iktar ’il quddiem, “DFFE”) (iktar ’il quddiem, konġuntament, il-“kumpanniji Dole”) jitolbu l-annullament totali jew parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Dole Food u Dole Germany vs Il-Kummissjoni (T‑588/08, EU:T:2013:130, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 (KE) (Każ COMP/39.188 – Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Huma jitolbu wkoll l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn tikkonċernahom, kif ukoll l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, il-fatti tal-kawża, kif stabbiliti fil-punti 1 sa 32 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

    3

    Dole Food hija kumpannija Amerikana li tipproduċi frott u ħaxix frisk kif ukoll frott ippakkjat minn qabel u ffriżat. DFFE hija sussidjarja ta’ din il-kumpannija.

    4

    Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ressqet talba għal immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”).

    5

    Fit-3 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni Ewropea tatha immunità kundizzjonali mill-multa skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

    6

    Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni indirizzat lil diversi impriżi li hija investigat, fosthom Chiquita, il-kumpanniji Dole, Fresh Del Monte Produce, Inc. (iktar ’il quddiem “Del Monte”), u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG (iktar ’il quddiem “Weichert”), dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    7

    Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tagħha hija tikkonstata li l-impriżi li kienu destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni pparteċipaw fi prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza tagħhom ta’ banana kkummerċjalizzata fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-Isvezja, u dan mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    8

    Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kunsinni tal-banana lejn il-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq u l-kwantitajiet ikkummerċjalizzati f’dan ir-reġjun kienu ddeterminati, kull ġimgħa, mid-deċiżjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ kunsinna u ta’ kummerċjalizzazzjoni meħuda mill-produtturi, mill-importaturi u mill-kummerċjanti (premessi 36, 131, 135 u 137 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    9

    Il-kummerċ tal-banana jiddistingwi bejn tliet livelli ta’ trade marks tal-banana: il-banana tat-trade mark Chiquita, tal-iprem għażla, il-banana tat-tieni għażla, tat-trade marks Dole u Del Monte u l-banana tat-tielet għażla, li tinkludi diversi trade marks oħra ta’ banana. Din id-diviżjoni abbażi tat-trade marks kienet riflessa fil-prezzijiet tal-banana (premessa 32 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    10

    Matul il-perijodu kkonċernat, is-settur tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien organizzat f’ċikli ta’ kull ġimgħa. It-trasport bil-vapur ta’ banana mill-portijiet tal-Amerika Latina lejn l-Ewropa kien jieħu madwar ġimagħtejn. Il-kunsinni tal-banana kienu jaslu fil-portijiet tal-Ewropa ta’ Fuq ġeneralment kull ġimgħa u kienu jsiru skont skeda regolari ta’ provvista (premessa 33 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    11

    Il-banana kienet tintbagħat ħadra u kienet tasal ħadra fil-portijiet. Sussegwentement, hija kienet tiġi kkunsinnata direttament lix-xerrejja (banana ħadra) jew inkella titħalla ssir u tiġi kkunsinnata madwar ġimgħa wara (banana safra). Is-sajran seta’ jsir mill-importatur jew f’ismu, jew jiġi organizzat mix-xerrej. Il-klijenti tal-importaturi kienu ġeneralment persuni responsabbli mis-sajran jew bejjiegħa bl-imnut (premessa 34 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    12

    Chiquita, Dole Food u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezz ta’ referenza tagħhom għat-trade mark tagħhom kull ġimgħa, fil-każ inkwistjoni l-Ħamis filgħodu, u kienu jħabbruh lill-klijenti tagħhom. L-espressjoni “prezz ta’ referenza” kienet ġeneralment tikkorrispondi għall-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra, peress li l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana safra kienu normalment jinkludu l-offerta ħadra flimkien mal-ispejjeż tas-sajran (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    13

    Il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u mid-distributuri għall-banana (“prezzijiet reali”) setgħu jirriżultaw minn negozjati li kienu jsiru darba fil-ġimgħa, f’dan il-każ il-Ħamis wara nofsinhar jew iktar tard, jew inkella mill-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ pprezzar prestabbiliti li jirreferu għal prezz fiss jew li jorbtu l-prezz ma’ prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew ta’ kompetitur, jew għal prezz ta’ referenza ieħor bħall-“prezz Aldi”. Il-katina ta’ bejgħ bl-imnut Aldi kienet tirċievi offerti mill-fornituri tagħha kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-11:00 am u l-11:30am, u sussegwentement kienet tagħmel kontroproposta; il-“prezz Aldi”, li kien il-prezz imħallas lill-fornituri, kien ġeneralment jiġi stabbilit għall-ħabta tas-2:00pm. Mit-tieni semester tas-sena 2002, il-“prezz Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana bi trade mark (premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    14

    Skont il-Kummissjoni, id-destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni ħadu sehem f’komunikazzjonijiet bilaterali marbuta ma’ pprezzar minn qabel li matulhom iddiskutew fatturi relatati mal-ipprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa sussegwenti, jew iddiskutew jew żvelaw t-tendenzi tal-prezzijiet għall-ġimgħa sussegwenti. Dawn il-komunikazzjonijiet kienu normalment jinżammu nhar ta’ Erbgħa, qabel ma l-impriżi kkonċernati kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, u kollha kienu jikkonċernaw l-prezzijiet ta’ referenza futuri (premessi 51 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    15

    Dole Food ikkomunikat bilateralment kemm ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert. Chiquita kienet taf bil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel jew minn tal-inqas ipprevediet l-eżistenza ta’ tali komunikazzjonijiet bejn Dole Food u Weichert (premessa 57 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    16

    Dawn il-komunikazzjonijiet bilaterali dwar l-ipprezzar minn qabel kienu intiżi li jnaqqsu l-inċertezza marbuta mal-aġir tal-impriżi fir-rigward tal-prezzijiet ta’ referenza li huma kellhom jistabbilixxu l-Ħamis filgħodu (premessa 54 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    17

    Wara l-istabbiliment tagħhom il-Ħamis filgħodu, l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw bilateralment bejniethom il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom. Dan l-iskambju sussegwenti kien jagħtihom il-possibbiltà jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tal-ipprezzar individwali fid-dawl tal-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel li kienu jsiru preċedentement u saħħaħ ir-rabta ta’ kooperazzjoni tagħhom (premessi 198 sa 208, 227, 247, 273 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    18

    Skont il-Kummissjoni, il-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu, minn tal-inqas, bħala sinjali, tendenzi u/jew indikazzjonijiet għas-suq fir-rigward tal-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana u kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u għall-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezz kien direttament marbut mal-prezzijiet ta’ referenza skont formoli bbażati fuq dawn il-prezzijiet ta’ referenza (premessa 115 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    19

    Il-Kummissjoni qieset li l-impriżi kkonċernati kellhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri fid-definizzjoni tal-aġir tagħhom fis-suq, u dan ġie espressament ddikjarat minn Chiquita u Dole stess (premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    20

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita kif ukoll bejn Dole u Weichert setgħu jinfluwenzaw il-prezzijiet stabbiliti mill-operaturi, kienu relatati mal-iffissar tal-prezzijiet u kienu taw lok għal prattika miftiehma bil-għan li tiġi llimitata l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessi 54 u 271 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    21

    Il-Kummissjoni tqis li l-ftehimiet kollużorji kollha deskritt fid-deċiżjoni inkwistjoni jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità Ewropea fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Chiquita u Dole nżammu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu fl-intier tiegħu, filwaqt li Weichert inżammet responsabbli biss għall-parti tal-ksur li tikkonċerna l-ftehimiet kollużorji ma’ Dole (premessa 258 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    22

    Fid-dawl tal-fatt li s-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq huwa kkaratterizzat b’volum kummerċjali sostanzjali bejn l-Istati Membri u li l-prattiki kollużorji kienu jkopru parti sostanzjali mill-Komunità, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmi ftehimiet kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 333 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    23

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”) u l-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

    24

    Il-Kummissjoni ddeterminat ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta, li jikkorrispondi għal ammont bejn 0 u 30 % tal-valur tal-bejgħ tal-impriża rilevanti skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, u għal ammont addizzjonali bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ bil-għan li tiskoraġġixxi lill-impriżi milli jaġixxu illegalment (premessa 448 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    25

    L-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta tnaqqas b’60 % fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inkwistjoni, fid-dawl tas-sistema leġiżlattiva partikolari tas-settur tal-banana u minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni kienet tirrigwarda l-prezzijiet ta’ referenza (premessa 467 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Weichert, li ma kinitx informata bil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita, ingħatat tnaqqis ta’ 10 % (premessa 476 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

    26

    Chiquita ngħatat immunità mill-multi skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni (premessi 483 sa 488 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Ebda aġġustament ieħor ma sar fir-rigward ta’ Dole Food u lanqas fir-rigward ta’ Del Monte u Weichert.

    27

    Id-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet segwenti:

    “Artikolu 1

    Billi pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana, l-impriżi li ġejjin kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE]:

    [Chiquita], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002;

    […]

    [Dole Food], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

    [DFFE], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

    [Weichert], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

    [Del Monte], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002.

    Il-ksur kien ikopri l-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

    Artikolu 2

    Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti s-segwenti multi:

    [Chiquita], Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV u Chiquita Banana Company BV, flimkien u in solidum: EUR 0;

    [Dole Food] u [DFFE], flimkien u in solidum: EUR 45 600 000;

    [Weichert] u [Del Monte], flimkien u in solidum: EUR 14 700 000;

    [...]”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    28

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2008, il-kumpanniji Dole ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom bl-imsemmija deċiżjoni.

    29

    Waqt is-seduta tal-25 ta’ Jannar 2012, il-kumpanniji Dole ippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub mill-fajl tal-Kummissjoni u talbu li titqiegħed fil-proċess tal-proċedura. Il-Kummissjoni opponiet din it-talba.

    30

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors. Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, fil-punti 40 sa 48 tas-sentenza appellata, li d-dokument ippreżentat mill-kumpanniji Dole waqt is-seduta kien inammissibbli.

    It-talbiet tal-partijiet

    31

    Il-kumpanniji Dole jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata;

    tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tikkonċernahom;

    tannulla jew tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqhom mid-deċiżjoni inkwistjoni;

    sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    32

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tiċħad ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni;

    tikkundanna lill-kumpanniji Dole għall-ispejjeż tal-appell u, sussidjarjament, għall-ispejjeż marbuta ma’ dan ir-rikors.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba żbalji proċedurali

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, marbuta mal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni li tinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi li jinsabu fil-fajl amministrattiv

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    33

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, minflok ikkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni tinvoka għall-ewwel darba fil-mori tal-proċedura ġudizzjarja fattur kruċjali marbut mal-kuntest ekonomiku tal-aġir li hija timputa lill-impriżi. F’dan ir-rigward, huma sostnew, fl-ewwel istanza, li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-argument tagħha li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel kienu intiżi li jikkoordinaw il-prezzijiet, minkejja li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ Chiquita u ta’ DFFE kienu jikkonċernaw banana li ma kinux jinbigħu f’kompetizzjoni ma’ xulxin matul l-istess ġimgħa.

    34

    Fil-punt 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni u qieset li l-kjarifiki pprovduti quddiemha sempliċement servew ta’ elaborazzjoni tal-motivazzjoni li kienet diġà inkluża fid-deċiżjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-obbligi li għandha l-Kummissjoni taħt l-Artikolu 253 KE, u kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet ta’ difiża tal-kumpanniji Dole.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35

    Fil-punt 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni, fil-premessi 4, 5, 32, 34, 104, 141 sa 143, 182, 196 u 287 tad-deċiżjoni inkwistjoni, spjegat “[i]l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-natura unika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-banana friska, l-ispeċifiċità tal-imsemmi prodott, frotta importata ħadra u offruta għall-konsum mill-pubbliku la darba tisfar, wara li tissajjar, il-modi ta’ organizzazzjoni tas-sajran u, sussegwentement, tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, il-proċess ta’ negozjar kummerċjali bil-prezz ta’ referenza u r-rabta li teżisti bejn il-prezz ta’ referenza tal-banana ħadra u safra”.

    36

    Fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sostniet li “l-argument [tal-kumpanniji Dole] intiż sabiex jiġu kkonstatati, essenzjalment, diviżjoni u desinkronizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ [Dole Food] u ta’ Chiquita li jrendu impossibbli kollużjoni dwar il-prezzijiet ta’ referenza permezz ta’ komunikazzjoni bilaterali ma [tqajjimx] matul il-proċedura amministrattiva”. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata.

    37

    Fid-dawl ta’ dan, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonkludiet, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ssodisfat, fid-deċiżjoni inkwistjoni, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE, peress li minn din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala rilevanti d-differenza magħmula mill-kumpanniji Dole bejn l-allegati swieq ta’ banana ħadra u safra.

    38

    Min-naħa l-oħra, peress li l-kumpanniji Dole invokaw din id-differenza għall-ewwel darba fir-rikors promotur tagħhom, il-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata tqis, fil-punti 133 u 134 tas-sentenza appellata, li hija setgħet, mingħajr ma tikser l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tippermetti lill-Kummissjoni tiddefendi l-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni inkwistjoni permezz tal-informazzjoni pprovduta fl-ewwel istanza.

    39

    Isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar l-ammissibbiltà ta’ prova mressqa mill-kumpanniji Dole waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    40

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, billi ċaħdet il-provi li huma ressqu kontra motiv tal-Kummissjoni invokat għall-ewwel darba fil-kontroreplika tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni pprovat issostni d-dikjarazzjoni li “ma hemm ebda differenza sostanzjali bejn il-‘prezz ta’ referenza aħdar’ u l-‘prezz ta’ referenza isfar’” tal-banana, billi rreferiet għal anness ta’ din il-kontroreplika li minnha jirriżulta li l-bejjiegħ bl-imnut Aldi kien iħabbar kull nhar ta’ Ħamis il-prezz li kien ser iħallas għax-xiri ta’ banana safra. Minn dan hija ddeduċiet li l-prezzijiet ta’ referenza sofor u ħodor huma interkambjabbli matul l-istess ġimgħa, peress li l-prezz tax-xiri ta’ banana safra mħabbar minn Aldi kellu rwol essenzjali fl-iffissar tal-prezzijiet reali tal-banana ħadra minn DFFE.

    41

    Din l-inferenza hija żbaljata, iżda kien biss matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li l-kumpanniji Dole ingħataw l-opportunità jippreżentaw l-argumenti tagħhom. Ir-rikorrenti jfakkru li huma sostnew waqt is-seduta li l-prezz imħabbar minn Aldi kien jikkonċerna banana safra li dan il-bejjiegħ bl-imnut kien jixtri ġimagħtejn wara, meta l-persuni responsabbli mis-sajran/id-distributuri li kienu xtraw banana ħadra mingħand DFEE jbigħu l-banana li tkun misjura lill-bejjiegħa bl-imnut li jikkompetu ma’ Aldi.

    42

    Sabiex isostnu l-argument tagħhom, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji Dole ppreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub mill-fajl tal-Kummissjoni li kienet tikkonferma dawn il-fatti u tikkontradixxi l-inferenza tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-prova bħala inammissibbli billi qieset, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat argument ġdid fil-kontroreplika tagħha, iżda sempliċement irriproduċiet it-termini tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    43

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda spjegazzjoni jew referenza għal dan l-aggravju.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata li, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-partijiet jistgħu jressqu provi oħra insostenn tal-argumenti tagħhom fir-replika jew fil-kontroreplika, għalkemm din id-dispożizzjoni tippreċiża madankollu li huma għandhom jimmotivaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi tagħhom. Dan l-obbligu jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-poter li tistħarreġ il-fondatezza tal-motivazzjoni tad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi kif ukoll li tiċħad il-provi jekk it-talba ma tkunx fondata suffiċjentement skont il-liġi (sentenza Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, EU:C:2005:238, punt 33).

    45

    Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-prezz ta’ referenza Aldi kien diġà ġie diskuss matul il-proċedura amministrattiva, kien indirizzat fid-deċiżjoni inkwistjoni u kien ta lok, wara l-bidu tal-proċedura bil-miktub fl-ewwel istanza, għal diskussjonijiet bejn il-partijiet dwar il-portata u l-importanza tiegħu, kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha. Kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, b’ebda mod ma kien hemm inkwistjoni prova ġdida fil-proċeduri bil-kontroreplika tal-Kummissjoni.

    46

    Il-kumpanniji Dole ma jippreżentaw ebda argument li jgħid li huma ma setgħux jipproduċu d-dokument ta’ sostenn fl-istadju tar-rikors tagħhom jew saħansitra fl-istadju tar-replika tagħhom, b’mod li l-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, tqis li d-dokument ġie ppreżentat tard, fl-istadju tas-seduta u, għalhekk, tirrifjutah.

    47

    Isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-Anness C.7 tar-replika bħala inammissibbli

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    48

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole jsostnu li, billi ċaħdet bħala inammissibbli l-Anness C.7 tar-replika tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Peress li riedu jikkontestaw diversi stqarrijiet tal-Kummissjoni inklużi fir-risposta tagħha, li permezz tagħhom hija sostniet li r-rikorrenti għamlu dikjarazzjonijiet li kienu jikkostitwixxu rikonoxximent tal-fatt li l-prezzijiet ta’ referenza kienu rilevanti għall-prezzijiet reali, huma pproduċew dan l-Anness C.7, li minnu jirriżulta li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex rilevanti għall-kawża inkwistjoni, peress li ttieħdu barra mill-kuntest tagħhom.

    49

    Kuntrarjament għal dak li stqarret il-Qorti Ġenerali fil-punti 461 sa 470 tas-sentenza appellata, l-argumenti esposti fir-replika tagħhom kienu jagħtuha l-possibbiltà tesprimi ruħha dwar din il-kwistjoni. B’mod partikolari, l-Anness C.7 ma kienx estensjoni tar-replika tagħhom, ma kien jinkludi ebda motiv jew argument addizzjonali u sempliċement ipprovda sostenn probatorju għall-argumenti fir-replika.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    50

    Għandu jitfakkar li huwa neċessarju, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u ssupplementat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti partikolari minn dokumenti li jkunu mehmuża miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, inkluż dawk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-argumenti legali essenzjali li għandhom jinsabu fir-rikors (sentenza MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    F’din il-kawża, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l-eżaminazzjoni tal-proċess tal-ewwel istanza jiżvela li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettement li n-noti ppreżentati ma jinkludu ebda spjegazzjoni dwar il-pretensjoni tal-kumpanniji Dole li l-Kummissjoni ħadet ċerti dikjarazzjonijiet barra mill-kuntest tagħhom, peress li r-replika sempliċement tirreferi għall-Anness C.7 u li, għalhekk, ma kienx possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddetermina l-pretensjonijiet tal-kumpanniji Dole abbażi tan-noti tagħhom.

    52

    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, dwar il-ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet

    53

    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole iqisu li, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, billi awtorizzat lill-Kummissjoni tippreżenta motivi u argumenti ġodda, filwaqt li pprekludiet lill-kumpanniji Dole milli jwieġbu għal dawn il-motivi u għal dawn il-provi. Dan jammonta għal ksur separat tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom, sa fejn huma tqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-Kummissjoni.

    54

    Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju huma infondati, l-allegat ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa wkoll infondat.

    Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju, dwar l-istabbiliment tal-fatti mill-Qorti Ġenerali

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    55

    Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx il-fatti b’mod korrett, peress li hija sempliċement għamlet mistoqsijiet orali lill-konsulent tal-kumpanniji Dole, mingħajr ma rreġistrat il-mistoqsijiet jew ir-risposti fil-minuti, u mingħajr ma rrikorriet għall-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex teżamina l-kwistjonijiet essenzjali li fir-rigward tagħhom hija kienet manifestament inċerta waqt is-seduta.

    56

    Fil-punti 203 u 630 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esprimiet, għall-ewwel darba, dubji dwar l-awtentiċità ta’ ċerti argumenti u informazzjoni pprovduta mill-kumpanniji Dole, meta dawn id-dubji setgħu jiġu esklużi permezz ta’ talba għal dokumenti jew għal xhieda fil-forma ta’ miżuri istruttorji.

    57

    Għaldaqstant, peress li ma rrikorrietx għal miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi ċerti fatti meqjusa rilevanti, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli u l-prinċipji marbuta mal-amministrazzjoni tal-provi, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ investigazzjoni. Għalhekk, hija kisret ukoll id-drittijiet ta’ difiża tal-kumpanniji Dole.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58

    L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tiddeċiedi fir-rigward ta’ bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li għandha quddiemha. Il-kwistjoni ta’ jekk il-provi li ġew ippreżentati quddiemha humiex suffiċjenti għandha tiġi eżaminata minnha biss u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għajr fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-atti tal-proċess (sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Sussegwentement, l-allegazzjonijiet tal-kumpanniji Dole, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, ma jistabbilixxux fihom infushom li t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet fis-seduta u l-eżaminazzjoni sussegwenti tal-faxxikolu ma kinux biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni b’għarfien sħiħ dwar in-natura tal-prezzijiet ta’ referenza. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija allegazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu tirrikorri għal miżuri istruttorji.

    60

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punti 203 u 630 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċement applikat il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova.

    61

    Isegwi li l-ħames parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

    62

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti marbut mal-kuntest ekonomiku tal-ksur

    L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    63

    Permezz tat-tieni aggravju, il-kumpanniji Dole jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti relatati man-natura tal-prezzijiet ta’ referenza mħabbra minn DFFE, Weichert u Chiquita rispettivament.

    64

    L-ewwel nett, il-kumpanniji Dole jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punti 152, 182 u 184 tas-sentenza appellata, li DFFE ħabbret prezz ta’ referenza isfar u, fil-punt 232 tal-imsemmija sentenza, li l-importaturi kollha kienu ser jistabbilixxu prezz ta’ referenza aħdar, li mbagħad kien iservi ta’ bażi għall-iffissar tal-prezz ta’ referenza isfar. Madankollu, huma ppreċiżaw fl-ewwel istanza li DFFE ħabbret biss prezz ta’ referenza aħdar u qatt ma ħabbret jew stabbilixxiet prezz ta’ referenza isfar.

    65

    It-tieni nett, permezz tad-dikjarazzjoni tagħha fil-punt 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat in-natura tal-prezz ta’ referenza mħabbar minn Weichert, peress li din il-kumpannija stabbilixxiet biss prezz ta’ referenza aħdar li tħabbar wara li DFFE stabbilixxiet il-prezz ta’ referenza tagħha. Ma hemm ebda prova li tista’ ssostni il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali.

    66

    It-tielet nett, bl-istess dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti marbuta man-natura tal-prezz ta’ referenza mħabbar minn Chiquita, peress li l-provi wrew li l-prassi ta’ Chiquita (u ta’ Chiquita biss) kienet li tħabbar prezz ta’ referenza isfar, li fuqu kienet tibbaża l-prezz ta’ referenza aħdar.

    67

    Barra minn hekk, ma hemm ebda prova li turi li l-prezz ta’ referenza ta’ Chiquita kien jikkonċerna banana mibjugħa ġimagħtejn wara. Din il-preżunzjoni tal-Kummissjoni tikkontradixxi r-realtà tas-suq u l-provi fil-fajl tagħha. Konsegwentement, il-prezzijiet ta’ referenza mħabbra minn DFFE u Chiquita matul l-istess ġimgħa kienu jikkonċernaw prodotti differenti.

    68

    L-iżnaturament ta’ dawn il-fatti wassal lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni żbaljata li kien hemm prassi li tikkonsisti fl-iskambju ta’ prezzijiet ta’ referenza ħodor ma’ dawk sofor, u li l-prezzijiet ta’ referenza ta’ DFFE, Weichert u Chiquita kollha kienu jikkonċernaw il-banana li kienet tinsab fl-istess ġimgħa taċ-ċiklu tas-sajran. Peress li l-koordinament tal-prezz previst mill-Kummissjoni kien impossibbli, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet dan inkunsiderazzjoni fil-punt 248 tas-sentenza appellata.

    69

    Barra minn hekk, l-imsemmi żnaturament tal-fatti wassal lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra, żbaljatament, fil-punt 232 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet ta’ referenza kienu identiċi għall-prezzijiet reali u kienu jikkostitwixxu kundizzjoni preliminari indispensabbli għall-bejgħ tal-banana kollha. Fil-fatt, l-użu tat-terminu “prezz aħdar” jimplika li l-importaturi kienu jħabbru l-prezz ta’ referenza tagħhom kull nhar ta’ Ħamis. Madankollu, nhar ta’ Ħamis huma kienu jħabbru biss il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom u l-prezz reali aħdar kien jiġi sussegwentement innegozjat mal-klijent.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    70

    L-ewwel nett, mis-sentenza appellata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-kumpanniji Dole, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-prezzijiet ta’ referenza, id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet reali, il-funzjonament ġenerali tas-suq u l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri interni ta’ Chiquita, ta’ Dole Food u ta’ Weichert. Fil-fatt, hemm riferiment għal dawn id-diversi fatturi fil-punti 143, 144 u 206, 127 u 137 sa 142, 150 et seq, 158 et seq kif ukoll 252, 254 u 255 ta’ din is-sentenza.

    71

    Sussegwentement, fil-punti 152 u 184 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tirreferi għal prezz isfar ta’ Dole u mhux, kif jallegaw il-kumpanniji Dole, għal prezz ta’ referenza isfar. It-terminu “prezz ta’ referenza” lanqas ma huwa msemmi fil-punt 232 tas-sentenza appellata.

    72

    Barra minn hekk, anki jekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, il-punt 182 tas-sentenza appellata jinkludi żball redazzjonali peress li jirreferi għal “prezz ta’ referenza isfar”, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali kienet konfuża jew li b’mod kwalunkwe wettqet żnaturament tal-provi.

    73

    Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li l-banana ta’ Chiquita u l-banana ta’ Dole Food, li fir-rigward tagħhom il-prezzijiet ta’ referenza kienu mħabbra l-istess jum, ma kinux mibjugħa matul l-istess ġimgħat u għalhekk ma kinux f’kompetizzjoni ma’ xulxin, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    74

    Fil-fatt, l-imsemmija desinkronizzazzjoni tal-bejgħ, anki jekk tiġi stabbilita, fi kwalunkwe każ, ma tkunx tinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, ibbażati fuq provi prodotti mill-impriżi inkwistjoni nfushom, bħal dawk iċċitati fil-punti 201 u 220 tas-sentenza appellata, li minnhom jirriżulta li l-prezzijiet ta’ referenza ħodor u sofor kienu skambjabbli u li l-iffissar tal-prezz ta’ referenza isfar minn Chiquita kien, kif stqarret din l-impriża stess, influwenzat mill-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza mħabbra minn Dole Food.

    75

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni insuffiċjenti tal-provi

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ motivi insuffiċjenti li jippermettu li jiġi kkonfermat il-kalkolu tal-ishma tas-suq imwettaq mill-Kummissjoni

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    76

    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet eżaminat korrettement l-istruttura tas-suq, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    77

    Huma jirrilevaw li, fil-punt 353 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Dole Food, Chiquita u Weichert kellhom parti sostanzjali mis-suq u li dan is-suq ma setax ikun ikkaratterizzat minn offerta frammentata. Din il-konklużjoni hija bbażata biss fuq iċ-ċifri tal-ishma tas-suq ipprovduti mill-Kummissjoni, li minnhom jirriżulta li t-total tal-bejgħ tal-kumpanniji Dole, Chiquita u Weichert kien jirrappreżenta, f’valur, madwar 45 sa 50 % tal-bejgħ (punt 345 tas-sentenza appellata) u, f’volum, 40 sa 45 % tal-konsum apparenti (punt 350 tas-sentenza appellata).

    78

    Fl-ewwel istanza, il-kumpanniji Dole sostnew li dawn l-ishma tas-suq jirrappreżentaw id-doppju tal-ishma indikati fi sħarriġ indipendenti. Fil-fehma tagħhom, dawn huma għoljin wisq peress li l-Kummissjoni aggregat il-bejgħ tal-banana safra u tal-banana ħadra fin-numeratur, filwaqt li ċ-ċifra użata fid-denominatur kienet ibbażata fuq importazzjonijiet li kienu jikkonċernaw banana ħadra biss. Dan il-kalkolu jwassal għal ishma fis-suq li jeċċedu 100 %, peress li, pereżempju, il-banana safra mibjugħa mill-kumpanniji Dole li huma kienu xtraw ħadra mingħand importatur ieħor kienet inkluża kemm fil-bejgħ isfar tagħhom kif ukoll fil-bejgħ aħdar tal-importatur, filwaqt li d-denominatur kien jinkludi bejgħ ta’ banana ħadra biss.

    79

    Il-Kummissjoni kienet konxja mid-diffikultajiet marbuta mal-istima tal-ishma tas-suq tal-kumpanniji inkwistjoni fis-suq tal-banana friska. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mill-Kummissjoni, mingħajr ma talbet informazzjoni addizzjonali jew eżaminat il-problemi li ġew indikati lilha. B’dan il-mod, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li, fil-punt 352 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-kumpanniji Dole ibbażat fuq id-distinzjoni bejn il-banana safra u l-banana ħadra u billi vvalidat l-argument tal-Kummissjoni li biss il-banana safra kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ishma tas-suq.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    80

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, Dole llimitat ruħha li ssostni, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-ishma tas-suq li l-Kummissjoni ħadet bħala bażi kienu eżaġerati. B’mod partikolari, hija ma għamlet ebda riferiment għal għadd doppju ta’ banana minħabba l-bejgħ ta’ banana ħadra bejn importaturi, iżda llimitat ruħha li tikkritika lill-Kummissjoni, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, talli għaddet flimkien il-bejgħ tal-banana safra u tal-banana ħadra.

    81

    Min-naħa l-oħra, Dole Food stqarret, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li s-suġġett tal-argument fis-sottomissjonijiet tagħha ma kienx elaborat waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

    82

    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li dan il-punt ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali b’mod suffiċjentement ċar, din il-qorti ma tistax tiġi kkritikata talli naqset milli teżamina l-kwistjoni fid-dettall fis-sentenza appellata.

    83

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu għall-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika li hija marbuta twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrenti, partikolarment jekk l-argument ma kienx suffiċjentement ċar u preċiż (sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju, dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni preċiża ta’ aspetti tal-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel u ta’ fatturi ta’ pprezzar li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    85

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, billi kkonkludiet, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, meta tevalwa jekk skambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan, tippreċiża liema mis-suġġetti diskussi jaqgħu fid-definizzjoni ta’ tali restrizzjoni bl-għan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    86

    Il-kumpanniji Dole jirrilevaw li huma sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li d-deskrizzjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni tas-suġġetti diskussi fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel kienet ġenerali wisq sabiex tippermettilhom jiddeterminaw b’ċertezza l-aġir futur tagħhom fis-suq u jiddeterminaw jekk l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kinitx korretta. Barra minn hekk, peress li l-frekwenza u r-regolarità tal-iskambju tal-informazzjoni kienu jikkostitwixxu fattur importanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-iskambju, kien indispensabbli, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din il-frekwenza jew din ir-regolarità, li l-Kummissjoni tippreċiża s-suġġetti li kienu jitqiesu li huma parti mill-ksur.

    87

    Billi ċaħdet dawn l-argumenti minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala illegali fis-settur inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, li mhux id-diskussjonijiet kollha dwar fatturi li jistgħu jkunu rilevanti għall-iffissar tal-prezz huma suffiċjentement dannużi li jistħoqqilhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan. Min-naħa l-oħra, dan ma jindirizzax l-argument li huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista eżawrjenti li tippermetti lil impriża tivverifika l-fondatezza tar-raġunament tal-Kummissjoni, bħal dak marbut mal-frekwenza tal-kuntatti li l-Kummissjoni qieset li kienu kundannabbli.

    88

    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, billi kkonkludiet fil-punti 265, 266 u 376 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet bi preċiżjoni suffiċjenti l-fatturi tal-ipprezzar li l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan, il-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żball ta’ liġi.

    89

    Huma jirrilevaw li, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volum ma kienx jagħmel parti mill-ksur li ġew akkużati bih, filwaqt li, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pprovdiet deskrizzjoni fid-dettall tal-komunikazzjonijiet li kienu jikkostitwixxu l-ksur, li kienet tinkludi l-imsemmija informazzjoni.

    90

    Fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li mill-punti 136, 149 u 185 tad-deċiżjoni inkwistjoni kien jirriżulta li l-imsemmi skambju dwar il-volum ma kienx jagħmel parti mill-aġir kundannabbli, peress li dan l-iskambju kien inżamm qabel il-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel. Madankollu, din id-dikjarazzjoni hija żbaljata peress li dawn il-punti jindikaw huma stess li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volum inżamm waqt l-imsemmija komunikazzjonijiet. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni inkwistjoni li dan l-iskambju ma jagħmilx parti mill-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel.

    91

    Bl-istess mod, ma huwiex ċar jekk il-Kummissjoni kkunsidratx li l-iskambju informali dwar l-industrija inġenerali kienx jagħmel parti mill-ksur. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk dan is-suġġett speċifiku ġiex deliberament eskluż mil-lista tal-allegati suġġetti kundannabbli identifikati mill-Kummissjoni.

    92

    Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żnaturament tad-deċiżjoni inkwistjoni u tar-risposta tal-Kummissjoni. In-nuqqas li jiġu speċifikati dawn is-suġġetti pprekluda lill-kumpanniji Dole milli jivverifikaw il-fondatezza tar-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ċertu aġir bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan u tad-determinazzjoni tal-frekwenza tal-kuntatti.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    93

    Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet għall-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet għalhekk huwa, minbarra li jippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu (sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:513, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    95

    Fil-kawża inkwistjoni, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 253 sa 255 tas-sentenza appellata, għad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati marbuta mal-informazzjoni skambjata fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel.

    96

    Fil-punt 256 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet identifikat żewġ tipi ta’ informazzjoni, ċjoé l-fatturi tal-ipprezzar minn qabel, jiġifieri l-fatturi rilevanti għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa sussegwenti, kif ukoll it-tendenzi tal-prezzijiet u l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa sussegwenti qabel l-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza.

    97

    Sussegwentement, fil-punti 262 sa 264 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji Dole, il-komunikazzjonijiet kienu jikkonċernaw fatturi li jinfluwenzaw l-offerta meta mqabbla mad-domanda, il-kundizzjonijiet tas-suq u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

    98

    Fl-aħħar nett, fil-punti 266 u 376 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kumpanniji Dole ma kinux ikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li d-data dwar il-volumi tal-importazzjoni ma kinitx tagħmel parti mill-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel.

    99

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni kienet identifikat, fir-rigward taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, aġir kundannabbli bi preċiżjoni suffiċjenti u għalhekk kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    100

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 253 KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tistabbilixxi, fid-deċiżjoni inkwistjoni, lista eżawrjenti ta’ fatturi li ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ skambju bejn kompetituri.

    101

    Isegwi li t-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq ir-raba’ parti tat-tielet aggravju, dwar ir-responsabbiltà tal-impjegati involuti fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel

    102

    Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx l-argument tagħhom li l-impjegati ta’ Chiquita u ta’ DFFE ma setgħux jiskambjaw informazzjoni importanti dwar it-tendenzi tal-prezzijiet ta’ referenza, peress li ma kellhomx il-poter finali li jistabbilixxu dawn il-prezzijiet, fatt li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, dan il-fatt jimplika li tali konverżazzjonijiet, fl-intier tagħhom, ma setgħux inaqqsu l-inċertezza b’mod suffiċjenti li jippermettu l-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, l-argument tagħhom ma kienx limitat li jinvoka l-fatt li l-aġir tal-impjegati implikati f’dawn l-iskambji ma setax jiġi attribwit lill-kumpannija tagħhom.

    103

    Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-argumenti tal-kumpanniji Dole huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall, fil-punti 578 sa 582 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti tagħhom dwar ir-responsabbiltà tal-impjegati involuti.

    104

    Isegwi li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata.

    Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, marbuta mal-klassifikazzjoni tal-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    105

    Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li, billi qieset li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti. Fil-fehma tagħhom, l-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ ma jistax jitqies li seta’ jelimina l-inċertezzi fir-rigward tal-aġir previst mill-impriżi kkonċernati fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet reali.

    106

    Fil-fatt, minn naħa, il-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel saru minn impjegati li ma kinux responsabbli għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, peress li dawn il-komunikazzjonijiet kienu jikkonċernaw tendenzi ta’ prezzijiet ta’ referenza, ma setgħux inaqqsu l-inċertezzza fir-rigward tal-prezzijiet reali. F’dan ir-rigward, il-parteċipanti kollha tas-suq involuti fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni ddikjaraw li l-prezzijiet ta’ referenza kienu differenti ħafna mill-prezzijiet reali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkonstatatx restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan fir-rigward tal-istess tip ta’ skambju ta’ informazzjoni li jinvolvi żewġ impriżi oħra.

    107

    Fil-punti 540, 541, 548 u 549 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti billi skorrettement imponiet fuq il-kumpanniji Dole, l-oneru tal-prova li l-iskambju tal-informazzjoni ma setax jelimina l-inċertezzi fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet reali. Madankollu, kienet il-Kummissjoni li kellha tipproduċi prova li l-iskambju tal-informazzjoni kien illegali. Skont il-kumpanniji Dole, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li skambju ta’ informazzjoni jista’ jkollu ċerta influwenza fuq il-prezzijiet ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tipproduċi tali provi fir-rigward tan-nuqqas ta’ rabta affidabbli bejn il-movimenti tal-prezz ta’ referenza u dawk tal-prezz reali.

    108

    Barra minn hekk, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-kumpanniji Dole bbażati fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriża oħra billi qieset, fil-punt 516 tas-sentenza appellata, li “d-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest tagħhom, jiġifieri dak ta’ impriża destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li tikkontesta l-aġir antikompetittiv akkużat”, l-imsemmija kumpanniji jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u l-fatt li l-oneru tal-prova huwa tal-Kummissjoni.

    109

    Fl-aħħar nett, il-kumpanniji Dole isostnu li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel relatati mal-fatturi ta’ pprezzar ma setgħux jeliminaw l-inċertezzi fir-rigward tal-aġir previst mill-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, huma jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-iskambji dwar l-industrija inġenerali kienu ta’ natura “trivjali”, li d-deċiżjoni inkwistjoni eskludiet l-informazzjoni dwar il-volumi tal-ksur u li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi kienu jikkostitwixxu informazzjoni pubblika li setgħet tinkiseb minn sorsi oħra.

    110

    Sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel kienu madankollu jiżvelaw il-fehma tal-kompetituri dwar dawn il-fatturi, il-kumpanniji Dole isostnu li, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, ma huwiex possibbli li skambju ta’ fehmiet dwar kundizzjonijiet meteoroloġiċi jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan peress li tali diskussjonijiet huma tant differenti mill-iffissar ta’ prezz reali li ma jistgħux inaqqsu l-inċertezza u jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    111

    Għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-kumpanniji Dole ma jitolbux sempliċement lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda jinvokaw żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-parti tat-tielet aggravju hija ammissibbli.

    112

    Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    113

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni b’mod li jista’ jiġi kkonstatat li ma hemmx bżonn li jsir eżami tal-effetti tagħhom (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    114

    Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti għamliet ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    115

    Konsegwentement, huwa paċifiku li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies li tant joħloq effetti negattivi, partikolarment, fuq il-prezz, fuq il-kwantità jew fuq il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, jiġi kkunsidrat li huwa ineffettiv sabiex jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir iwassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li jirriżultaw fi tqassim żbaljat tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    116

    Fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma tirrileva ebda grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom min-naħa l-oħra jiġu eżaminati l-effetti tal-koordinazzjoni u, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali aġir huwiex kopert bid-definizzjoni fl-Artikolu 81(1) KE, huwa neċessarju li tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ fatturi li juru li kien hemm effettivament prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    117

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-“għan” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jkun hemm kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    118

    Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix fattur neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi huwiex restrittiv, ma hemm xejn li jipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni milli jieħdu tali fattur inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    119

    Fir-rigward, partikolarment, tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jsawru prattika miftiehma għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunċett inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, li jipprovdu li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li huwa għandu l-intenzjoni jadotta fis-suq (sentenza T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    120

    Filwaqt li huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jipprekludix l-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod għaqli għall-aġir ikkonstatat jew prevedibbli tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jista’ jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetituri attwali jew potenzjali, jew jiżvela lil tali kompetitur l-aġir tagħhom fis-suq jew l-aġir li għandhom l-intenzjoni jadottaw fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan jew effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni għan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, għad-daqs u għan-numru ta’ impriżi involuti u għall-volum tal-imsemmi suq (sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    121

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni, bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, EU:C:2003:527, punt 86, u T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    122

    B’mod partikolari, skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina l-inċertezza bejn il-persuni kkonċernati fir-rigward tal-mument, tal-portata u tad-dettalji tal-adattament tal-aġir tagħhom fis-suq għandu jitqies li għandu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 41).

    123

    Barra minn hekk, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv anki jekk ma jkollhiex rabta diretta mal-prezz tal-konsumaturi. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 81(1) KE ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li huma biss preklużi l-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumaturi finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 36).

    124

    A contrario, mill-imsemmi Artikolu 81(1)(a) KE jirriżulta li prattika miftehma jista’ jkollha għan antikompetittiv meta tkun tikkonsisti fl-“iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 37).

    125

    Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 81 KE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, huwa intiż li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma hijiex suġġetta għar-rabta diretta tagħha mal-prezzijiet tal-konsumaturi (sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punti 38 u 39).

    126

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li mill-kliem stess tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir sussegwenti fis-suq u rabta ta’ kawża u effett bejniethom (sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    127

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, bla ħsara għal prova kuntrarja li hija l-oneru tal-operaturi kkonċernati, għandu jiġi preżunt li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma taqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE anki fin-nuqqas ta’ effetti antikompetittiv fis-suq (sentenza T-Mobile Netherlands et, EU:C:2009:343, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    128

    Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 442 sa 585 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-kumpanniji Dole dwar ir-rilevanza tal-prezzijiet ta’ referenza għas-settur tal-banana u r-responsabbiltà tal-impjegati ta’ Dole Food involuti fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel.

    129

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 115 u 116 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-konstatazzjonijiet f’dettall kbir tal-Qorti Ġenerali jirriżulta, l-ewwel nett, li nżammu komunikazzjonijiet bilaterali dwar l-ipprezzar minn qabel bejn il-kumpanniji Dole u impriżi oħra fis-settur tal-banana, li fil-kuntest tagħhom ġew diskussi l-prezzijiet ta’ referenza rispettivi tagħhom u ċerti tendenzi tal-prezzijiet. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkontestata mill-kumpanniji Dole.

    130

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 574 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet ta’ referenza kienu rilevanti għas-suq ikkonċernat peress li, minn naħa, servew bħala sinjali, tendenzi jew indikazzjonijiet tas-suq dwar l-evoluzzjoni prevista tal-prezzijiet tal-banana u kienu importanti għall-kummerċ tal-banana u għall-prezzijiet miksuba u, min-naħa l-oħra, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza.

    131

    It-tielet nett, fil-punt 580 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-impjegati ta’ Dole involuti fil-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel ipparteċipaw fil-laqgħat interni dwar l-ipprezzar.

    132

    Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma, minn naħa, ibbażati fil-parti l-kbira fuq dikjarazzjonijiet ta’ Dole Food u, min-naħa l-oħra, ma huma s-suġġett ta’ ebda lment ta’ żnaturament min-naħa tal-kumpanniji Dole.

    133

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni mfakkra fil-punt 127 tas-sentenza preżenti kienu ssodisfatti fil-każ inkwistjoni, b’mod li l-ilmenti tal-kumpanniji Dole li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji dwar l-oneru tal-prova u l-preżunzjoni tal-innoċenza jkunu infondati.

    134

    Isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali, kif għamlet fil-punt 553 u 558 tas-sentenza appellata, kienet awtorizzata tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni kellha dritt tikkonkludi li, peress li taw il-possibbiltà lil kull parteċipant inaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-aġir prevedibbli tal-kompetituri, il-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel kellhom bħala għan li joħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk taw lok għal prattika miftiehma li kellha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

    135

    Konsegwentement, il-ħames parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-multa

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lil kumpanniji li ma kinux involuti fl-allegat ksur

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    136

    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkalkolat il-multa abbażi, b’mod partikolari, tal-bejgħ imwettaq mis-sussidjarji ta’ Dole Food li ma kinux involuti fil-ksur ikkonstatat.

    137

    Il-kumpanniji Dole jfakkru wkoll li, skont id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni inkwistjoni, l-unika kumpannija li ġiet iddikjarata li pparteċipat fil-ksur kienet DFFE, peress li Dole Food ma kinitx involuta u ma kinitx inżammet responsabbli bħala kumpannija parent. Madankollu, fil-punti 619 sa 623 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ksur kien twettaq minn Dole Food, li l-allegazzjoni li s-sussidjarji tagħha kienu awtonomi kienet parti mill-argument dwar id-differenza neċessarja bejn banana ħadra u banana safra, li din kienet irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux ġustifikata.

    138

    Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argument tal-kumpanniji Dole li ma huwiex possibbli li jiġu imposti multi kkalkolati abbażi ta’ bejgħ ta’ banana mwettaq minn kumpanniji tal-grupp Dole li ma pparteċipawx fil-ksur li biegħu mill-ġdid il-banana li kienet toriġina minn DFFE. Konsegwentement, il-multa kienet ibbażata, skorrettament, fuq bejgħ imwettaq mis-sussidjarji l-oħra ta’ Dole Food.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    139

    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argument ta’ Dole Food huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għal ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji li jkunu 100 % proprjetà tagħhom.

    140

    Skont din il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ impriża jinkorpora kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u l-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal entità ekonomika anki jekk, minn perspettiva legali, din l-entità tkun magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-każ li tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija jkollha l-obbligu, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    141

    L-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi li jwettqu ksur tal-Artikolu 81 KE bil-kundizzjoni li, għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma tkunx teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ kollu tagħha matul is-sena kummerċjali preċedenti.

    142

    Din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, li tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tal-poter ekonomiku tal-impriża kkonċernata, jiġifieri tar-riżorsi globali tal-entità li tkun wettqet il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    Fil-fatt, hija l-intenzjoni ta’ dan l-effett suffiċjentement dissważiv tal-multa li tiġġustifika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika tal-impriża ssanzjonata (ara sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, EU:C:2010:346, punt 104).

    144

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u b’kunsiderazzjoni għall-kuntest tiegħu kif ukoll għall-għanijiet tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, il-konsegwenzi intenzjonati għall-impriża kkonċernata, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika ġenwina tagħha matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 25).

    145

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, minkejja approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 243, kif ukoll Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, EU:C:2006:328, punt 100).

    146

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu kwantifikabbli, b’mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari huwa ddeterminat minn qabel. It-tieni nett, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali hija wkoll limitata b’regoli ta’ gwida imposti fuq il-Kummissjoni minnha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 58).

    147

    F’dan ir-rigward, skont il-punt 13 tal-Linji Gwida, “sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettaq mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-istess Linji Gwida jipprovdu, fil-punt 6 tagħhom li, “il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul ta’ dan tal-aħħar huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    148

    Isegwi li l-punt 13 tal-imsemmija Linji Gwida għandu bħala għan li jadotta, bħala premessa għall-kalkolu tal-multa imposta lil impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u d-daqs tal-kontribut tal-impriża f’dan ir-rigward. Konsegwentement, filwaqt li huwa minnu li l-kunċett tal-valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il-punt 13 ma jistax jestendi għall-bejgħ imwettaq mill-impriżi inkwistjoni li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-allegat akkordju, ikun madankollu kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ li fir-rigward tiegħu jiġi stabbiliti li ġie effettivament affettwat minn dan l-akkordju (sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76).

    149

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ globali li huwa r-riżultat ta’ bejgħ ta’ prodotti li huma s-suġġett tal-ksur jirrifletti bl-aħjar mod l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 59).

    150

    Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 622 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ tal-beni u tas-servizzi imwettaq mill-impriża skont il-punt 13 tal-Linji Gwida, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, l-ammont tal-bejgħ tal-banana safra mwettaq mill-kumpanniji tal-grupp, għajr DFEE, li tagħhom Dole Food hija l-kumpannija parent finali.

    151

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ ċertu bejgħ

    – L-argumenti tal-kumpanniji Dole

    152

    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħhom, il-kumpanniji Dole jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-kalkolu tal-multa billi għaddet l-istess banana darbtejn. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ użat kien jinkludi l-bejgħ ta’ banana minn DFEE lil impriża terza u l-bejgħ tal-istess banana mwettaq minn sussidjarja oħra ta’ Dole Food li kienet xtrathom mingħand l-imsemmija impriża terza.

    153

    Fil-punt 630 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, minn naħa, billi kkontestat l-eżattezza taċ-ċifri, minkejja li l-Kummissjoni qatt ma kellha dubji f’dan ir-rigward u saħansitra rrikonoxxiet li qatt ma eżaminat din il-kwistjoni. Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha dubji f’dan ir-rigward, hija messha rrikorriet għas-setgħa ta’ investigazzjoni tagħha.

    154

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-bejgħ ma kienx jagħmel parti mill-għadd doppju peress li l-imsemmija impriża ma kinitx fost l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-bejgħ tal-banana ngħadd darbtejn għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Barra min hekk, mill-punt 452 tad-deċiżjoni inkwistjoni ma jirriżultax li l-ħsieb li jiġi evitat l-għadd doppju kien limitat għall-bejgħ ta’ banana minn waħda mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni lil impriża destinatarja oħra.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    155

    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 140 sa 149 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata.

    156

    Minn naħa, huwa paċifiku li l-bejgħ ta’ banana minn waħda mis-sussidjarji ta’ Dole Food lil impriża terza mhux involuta fl-akkordju jikkontribwixxi għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża u li, meta sussidjarja oħra ta’ Dole Food tixtriha mill-ġdid mingħand din l-impriża terza sabiex tbigħha mill-ġdid lill-kummerċjanti bl-imnut, dan it-tieni bejgħ jikkontribwixxi wkoll għall-imsemmi dħul mill-bejgħ.

    157

    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji Dole, mill-punt 452 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li kien biss il-bejgħ ta’ banana friska lil destinatarji oħra ta’ din id-deċiżjoni li ġie eskluż mill-għadd doppju.

    158

    F’dawn il-kundizzjonijiet, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni u kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 145 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argumenti tal-kumpanniji Dole ma jippermettux li jiġu identifikati l-iżbalji ta’ liġi li huma jallegaw fil-konfront tal-Qorti Ġenerali, b’mod li t-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    159

    Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    160

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    161

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-kumpanniji Dole tilfu u l-Kummissjoni talbet deċiżjoni fuq l-ispejjeż, hemm lok li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Peress li ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom ibatu dawn l-ispejjeż in solidum.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Dole Food Company, Inc., u Dole Fresh Fruit Europe, li qabel kienet Dole Germany OHG, huma kkundannati għall-ispejjeż in solidum.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top