EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0256

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
Provincie Antwerpen vs Belgacom NV van publiek recht u Mobistar NV.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 6 – Kondizzjonijiet stipulati mal-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi – Artikolu 13 – Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lill-impriżi għal ħlas ta’ taxxa fuq l-installazzjonijiet.
Kawżi magħquda C‑256/13 u C‑264/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2149

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 6 — Kondizzjonijiet stipulati mal-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi — Artikolu 13 — Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lill-impriżi għal ħlas ta’ taxxa fuq l-installazzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑256/13 u C‑264/13,

li għandhom bħala għan talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ April u tas‑7 ta’ Mejju 2013, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl‑10 u fil‑15 ta’ Mejju 2013, fil-proċeduri

Provincie Antwerpen

vs

Belgacom NV van publiek recht (C‑256/13),

Mobistar NV (C‑264/13),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Provincie Antwerpen, minn G. van Gelder, advocaat,

għal Belgacom NV van publiek recht, minn H. de Bauw u B. Den Tandt, advocaten,

għal Mobistar NV, minn T. De Cordier, H. Waem u E. Taelman, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Vandewalle u M. Jacobs, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó u A. Szilágyi, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz u U. Persson kif ukoll minn E. Karlsson, L. Swedenborg u C. Hagerman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae, kif ukoll minn F. Wilman u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, il-Provincie Antwerpen (provinċja ta’ Antwerpen) u, rispettivament, min-naħa l-oħra, Belgacom NV van publiek recht (iktar ’il quddiem “Belgacom”) u Mobistar NV (iktar ’il quddiem “Mobistar”), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jissuġġettaw lil dawn iż-żewġ impriżi għal taxxa provinċjali fuq l-installazzjonijiet tagħhom li jinsabu fit-territorju tal-Provincie Antwerpen.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kondizzjonijiet stipulati ma’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi”, jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u d-drittijiet ta’ użu għan-numri tista’ tkun suġġetta biss għall-kondizzjonijiet elenkati rispettivament fit-taqsimiet A, B u Ċ ta’ l-Anness. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati b’relazzjoni man-network jew servizz konċernat, mhux diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti.

2.   L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] jew fuq dawk nominati biex ifornu servizz universali [...] għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali. Sabiex tinkiseb it-trasparenza għall-impriżi, il-kriterji u l-proċeduri għall-imposizzjoni ta’ dawk l-obbligi speċifiċi fuq impriżi ndividwali għandhom ikunu msemmija fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

3.   L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għal dak is-settur u li huma mniżżla fit-Taqsima A ta’ l-Anness u m’għandhiex tidduplika kondizzjonijiet li huma applikabbli għal impriżi bis-saħħa ta’ xi leġislazzjoni nazzjonali oħra.

4.   L-Istati Membri m’għandhomx jidduplikaw il-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali meta jagħtu drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri.”

5

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].”

6

Il-parti B tal-Anness tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni tipprovdi:

“Kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati ma’ drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju

[...]

6.

It-tariffi għall-użu skond Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

[...]”

Id-dritt Belġjan

7

Skont l-Artikolu 97 tal-Liġi li twettaq riforma ta’ ċerti impriżi pubbliċi ekonomiċi (wet betreffende de hervorming van sommige economische overheidsbedrijven), tal‑21 ta’ Marzu 1991 (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Marzu 1991, p. 6155), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwim fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991”):

“1.   Fiċ-ċirkustanzi previsti f’dan il-kapitolu, kull operatur ta’ netwerk pubblika ta’ telekomunikazzjonijiet huwa awtorizzat juża l-ispazji pubbliċi u l-proprjetajiet sabiex iqiegħed kejbils, linji sospiżi u tagħmir konness u jeżegwixxi x-xogħlijiet kollha relatati magħhom, fir-rispett tal-għan tagħhom u tad-dispożizzjonijiet legali u leġiżlattivi li jirregolaw l-użu tagħhom.

[...]

2.   Il-kejbils, il-linji sospiżi u tagħmir konness stabbiliti jibqgħu il-proprjetà tal-operatur tan-netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjoni kkonċernat.”

8

L‑Artikolu 98 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Qabel ma jistabbilixxi kejbils, linji sospiżi u tagħmir konness fuq il-proprjetà pubblika, kull operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet għandu jissottometti l-pjan tal-post u d-dettalji tax-xogħlijiet għall-approvazzjoni tal-awtorità responsabbli mill-proprjetà pubblika.

[...]

2.   Għal dan id-dritt ta’ użu, l-awtorità ma tista’ timponi lill-operatur tan-netwerk pubblika ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernata ebda imposta, taxxa, ħlas, retribuzzjoni jew kumpens, tkun ta’ liema natura tkun.

Kull operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet għandu barra minn hekk dritt ta’ mogħdija gratwita għall-kejbils, linji sospiżi u tagħmir konness fix-xogħolijiet pubbliċi li jinsabu fil-proprjetà pubblika.

[...]”

9

Għas-snin 2005 sa 2008, il-provincieraad van de Provincie Antwerpen (Kunsill tal-provinċja ta’ Antwerpen) adotta erba’ regolamenti-taxxi li jistabbilixxu taxxa provinċjali ġenerali fuq l-installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta’ din il-provinċja. Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-kliem tad-dispożizzjonijiet essenzjali tar-regolamenti-taxxi għas-snin 2005 sal‑2007 (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti‑taxxi 2005‑2007”) huma identiċi. Ir-regolament-taxxa għas-sena 2008 (iktar ’il quddiem ir-“regolament‑taxxa tal‑2008”) huwa differenti minnhom b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tat-taxxa stabbilita.

10

B’hekk, ir-regolamenti‑taxxi 2005‑2007 jipprovdu, fl‑Artikolu 1 tagħhom, li t-taxxa provinċjali ġenerali hija dovuta, b’mod partikolari, għal kull installazzjoni, li hija ddefinita bħala “kull superfiċi individwali u komuni, tkun taħt liema forma tkun[, li i]s-superfiċi kontigwi għandhom jiġu kkunsidrati bħala installazzjoni waħda, bil-kundizzjoni li huma ma jiġux separati permezz ta’ triq, ħajt ta’ separazzjoni, etc.[, u li ż]ewġ superfiċi jew iżjed koperti minn permess għal triq għandhom jiġu kkunsidrati bħala installazzjoni waħda”.

11

Skont l-Artikolu 1, B, 2°, ta’ dawn ir-regolamenti‑taxxi, it-taxxa provinċjali ġenerali hija dovuta b’mod partikolari minn “kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt Belġjan jew barrani suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, inkluża l-persuna ġuridika taħt proċeduri ta’ stralċ, u li, fl‑1 ta’ Jannar [tas-sena kkonċernata], għandha fil-pussess tagħha fit-territorju tal-Provincie Antwerpen installazzjoni jew numru ta’ installazzjonijiet li hija tuża jew tirriżerva għall-użu tagħha”.

12

L‑Artikolu 2, B, tal-imsemmija regolamenti‑taxxi jipprovdi li l-ammont ta’ din it-taxxa hija, bħala prinċipju, ta’ EUR 99 għal kull installazzjoni li għandha superfiċje inferjuri jew ugwali għal 1000 m2.

13

It-taxxa prevista mir-regolament‑taxxa tal‑2008, adottata fil‑5 ta’ Ottubru 2007, hija dovuta wkoll għal kull installazzjoni li tinsab fit-territorju tal-Provincie Antwerpen. L-Artikolu 1, B, 2°, ta’ dan ir-regolament‑taxxa huwa redatt bi kliem identiku għal dak tar-regolamenti‑taxxi 2005‑2007.

14

Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal‑Artikolu 8 tar-regolament‑taxxa tal‑2008:

“Kull persuna taxxabbli hija taxxabbli għal kull installazzjoni li tinsab fit-territorju tal-Provincie Antwerpen, tkun taħt liema denominazzjoni tkun, li hija topera jew tirriżerva għall-użu tagħha.

Installazzjoni taxxabbli hija kull superfiċi li hija intiża għal finijiet professjonali jew li hija użata fil-kuntest ta’ għanijiet professjonali, li hija rriżervata għall-użu jew li tikkontribwixxi għat-twettiq [jew għall]‑eżekuzzjoni ta’ għanijiet professjonali.”

15

L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament‑taxxa jipprovdi li l-ammont tat-taxxa dovuta għal kull installazzjoni li għandha superfiċje inferjuri jew ugwali għal 1000 m2 hija, bħala prinċipju, ta’ EUR 135.

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

16

Belgacom u Mobistar huma fornituri ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

17

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li Belgacom u Mobistar installaw, fit-territorju tal-Provincie Antwerpen, numru importanti ta’ arbli, piluni u antenni ta’ radjutelefonija mobbli neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

18

L-Awtoritajiet tal-Provincie Antwerpen ħarġu, skont ir-regolamenti‑taxxi msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, avviżi ta’ taxxa relatati mat-taxxa dovuta minn Belgacom, għas‑snin 2007 u 2008, u minn Mobistar, għas-snin 2005 sa 2007, fir-rigward tal-installazzjonijiet tagħhom li jinsabu fuq it-territorju tal‑Provincie Antwerpen.

19

Belgacom u Mobistar ressqu lmenti kontra dan l-avviż ta’ taxxa quddiem il-Gvernatur tal-Provincie Antwerpen. Peress li dawn l-ilmenti ġew miċħuda, dawn il-kumpanniji ppreżentaw rikorsi quddiem ir‑rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (tribunal tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen), li annulla l-imsemmija avviżi ta’ taxxa. Il‑Provincie Antwerpen ippreżentat appell kontra s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l‑Grondwettelijk Hof (Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 98(2) tal-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991, permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, li fiha hija ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lill-provinċji milli jintaxxaw, għal raġunijiet baġitarji jew oħrajn, l-attività ekonomika tal-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet li timmaterjalizza ruħha fit-territorju tal-provinċja bil-preżenza fuq il-proprjetà pubblika jew privata ta’ arbli, piluni jew antenni ta’ radjutelefonija mobbli li jintużaw għal din l-attività.

21

Fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, Belgacom u Mobistar qajmu l-kwistjoni dwar jekk l-avviżi ta’ taxxa inkwistjoni humiex kompatibbli mad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji sostnew li l-evalwazzjoni tal-Grondwettelijk Hof dwar it-taxxa provinċjali ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iktar preċiżament mas-sentenza Vodafone España u France Telecom España (C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11, EU:C:2012:446), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jiġbru taxxi jew tariffi fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minbarra dawk previsti minn din id-direttiva.

22

Il‑hof van beroep te Antwerpen tistaqsi, fir-rigward ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(2) tal-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991 magħmula mill‑Grondwettelijk Hof hijiex kompatibbli mal‑Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja għal kull waħda mill-Kawżi C‑256/13 u C‑264/13:

“L-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva [ta’ ‘awtorizzazzjoni’] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu awtorità ta’ Stat Membru milli tintaxxa, għal raġunijiet baġitarji jew għal raġunijiet oħra, l-attività ekonomika tal-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet li titwettaq fit-territorju jew f’parti minnu permezz tal-preżenza, fi proprjetà pubblika jew privata, ta’ arbli, [ta’] piluni jew [ta’] antenni [ta’ radjutelefonija mobbli] użati għal din l-attività?”

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kawżi C‑256/13 u C‑264/13 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu suġġetti, minħabba l-preżenza fuq il-proprjetà pubblika jew privata, ta’ arbli, ta’ piluni jew ta’ antenni ta’ radjutelefonija mobbli neċessarji għall-attività tagħhom, għal taxxa ġenerali fuq l-installazzjonijiet.

26

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni tittratta l-kundizzjonijiet u l-obbligi speċifiċi li jistgħu jirriżultaw fl-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tan-numri. Dan l-artikolu jipprovdi li peress li l-awtorizzazzjoni ġenerali tapplika għall-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi u tan-numri jistgħu jkunu suġġetti biss għall-kundizzjonijiet elenkati fil-partijiet A, B u Ċ tal-anness ta’ din id-direttiva.

27

F’dan ir-rigward, mill-punt 6 tal-parti B tal-Anness tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni jirriżulta li t-tariffi għad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi, skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, huma fost il-kundizzjonijiet li jistgħu jinsabu fl-imsemmija drittijiet.

28

F’dan il-każ, ma jirriżultax mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta fost il-kundizzjonijiet u l-obbligi speċifiċi elenkati b’mod eżawrjenti fl-anness tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, u li tinsab fl-awtorizzazzjoni ġenerali jew id-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, dan l-artikolu tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni ma huwiex rilevanti għall-kawżi prinċipali.

29

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni jipprekludix li l-impriżi kkonċernati jiġu suġġetti għal taxxa bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni ma tipprovdix biss regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew tad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tan-numru jew mal-kontenut tagħhom, iżda wkoll regoli dwar in-natura, jew saħansitra mal-wisgħa, tal-ispejjeż pekunjarji, marbuta mal-imsemmija proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu lill-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza Vodafone Malta u Mobisle Communications, C‑71/12, EU:C:2013:431, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jiġbru taxxi jew tariffi oħra fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minbarra dawk previsti minn din id-direttiva (ara s-sentenza Vodafone España u France Telecom España, EU:C:2012:446, punt 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jikkonċerna l-modalitajiet ta’ ssuġġettar għal tariffi għad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tan-numri jew tad-drittijiet sabiex jitqiegħdu riżorsi fuq jew taħt beni pubbliċi jew privati (Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vodafone Malta u Mobisle Communications, EU:C:2013:431, punt 19).

32

Skont dan l-artikolu tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tan-numri u d-drittijiet sabiex jitqiegħdu riżorsi għal tariffa li l-għan tagħha huwa li tiżgura l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom et, C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Il-kliem “faċilitajiet [riżorsi]” u l-espressjoni “installazzjoni” użati fl-Artikolu 13 jirreferu, rispettivament, għall-infrastruttura materjali li tippermetti l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-installazzjoni materjali tagħhom fuq il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vodafone España u France Telecom España, EU:C:2012:446, punt 32).

34

Madankollu, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni ma jsemmix it-tariffi kollha li għalihom huma suġġetti l-infrastrutturi li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

35

Fil-fatt, id-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni tapplika, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, għall-awtorizzazzjonijiet li jikkonċernaw il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-Artikolu 13 tagħha jsemmi biss it-tariffi għad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tan-numri jew id-drittijiet sabiex jitqiegħdu riżorsi fuq jew taħt beni pubbliċi jew privati, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat użu tajjeb ta’ dawn ir-riżorsi.

36

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li hija suġġetta għat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali kull persuna ġuridika rregolata mid-dritt Belġjan jew barrani, li tippossjedi installazzjoni li tinsab fit-territorju tal-Provincie Antwerpen li tintuża jew li hija rriżervata għall-użu tagħha, u tkun liema tkun in-natura tal-installazzjoni u l-attività tal-persuni suġġetti għal din it-taxxa. L-ammont ta’ din tal-aħħar jiddependi mis-superfiċje okkupata mill-installazzjonijiet. Għaldaqstant dawn il-persuni taxxabbli ma humiex biss l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew dawk li jibbenefikaw minn drittijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni.

37

Minn dan jirriżulta li l-fatt li jiġġenera t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex marbut mal-għoti tad-drittijiet ta’ użu tar-radjufrekwenzi jew tad-drittijiet għat-tqegħid ta’ riżorsi fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, tali taxxa ma tikkostitwixxix tariffa, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u, konsegwentement, hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu suġġetti, minħabba l-preżenza fuq il-proprjetà pubblika jew privata ta’ arbli, ta’ piluni jew ta’ antenni ta’ radjutelefonija mobbli neċessarji għall-attività tagħhom, għal taxxa ġenerali fuq l-installazzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 6 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-operaturi li jipprovdu netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu suġġetti, minħabba l-preżenza fuq il-proprjetà pubblika jew privata ta’ arbli, ta’ piluni jew ta’ antenni ta’ radjutelefonija mobbli neċessarji għall-attività tagħhom, għal taxxa ġenerali fuq l-installazzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top